Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2083(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0072/2020

Testi mressqa :

A9-0072/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0117

Testi adottati
PDF 187kWORD 59k
Il-Ħamis, 14 ta' Mejju 2020 - Brussell Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2018: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta
P9_TA-PROV(2020)0117A9-0072/2020
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Mejju 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2083(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05761/2020 – C9-0050/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 116 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0072/2020),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.
(6) ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1.
(7)  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(8) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2083(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05761/2020 – C9-0050/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 116 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0072/2020),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.
(6) ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1.
(7)  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(8) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2083(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: "L-asil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta' migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0072/2020),

A.  billi, skont ir-rapport tad-dħul u n-nefqa(1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2018 kien ta' EUR 288 663 520, li jirrappreżenta żieda ta' 2,89 % meta mqabbel ma' dak tal-2017; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 98,37 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta' 0,74 % meta mqabbla ma' dik tal-2017; jinnota bi tħassib li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 69,69 %, li tirrappreżenta żieda ta' 3,27 % meta mqabbla ma' dik tal-2017;

2.  Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet mill-awtorità ta' kwittanza relatati mar-riżerva operattiva finanzjarja statutorja għall-finanzjament għall-finanjament meħtieġ biex jitwettqu interventi rapidi fil-fruntiera u interventi ta' ritorn, li filwaqt li t-twarrib ta' kull sena ta' baġit predefinit biex jiġu koperti interventi rapidi fil-fruntiera eventwali huwa rekwiżit leġiżlattiv impost fuq l-Aġenzija, l-effetti sekondarji negattivi tiegħu ġew indirizzati mill-koleġiżlaturi waqt ir-rieżami tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624(2); josserva li, bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 2019/1896(3), ir-riżerva operattiva tista' tiġi rilaxxata kull xahar u tintuża għal skopijiet operattivi, mhux biss għal interventi rapidi jew ta' ritorn;

3.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fl-2018, l-Aġenzija kellha ftehimiet ta' finanzjament ma' pajjiżi li jikkooperaw għal attivitajiet operattivi, li jirrappreżentaw 59 % tal-baġit tal-Aġenzija; jinnota t-tnedija ta' skema ta' finanzjament simplifikata ġdida bbażata fil-biċċa l-kbira fuq spejjeż unitarji għal infiq relatat mal-impjieg ta' riżorsi umani, u, lejn tmiem l-2018, it-tnedija ta' sistema ta' kontroll ex post ġdida li tkopri t-tipi kollha ta' nfiq kif ukoll il-modifika tas-sistema tagħha ta' kontrolli ex ante inkorporati fiċ-ċirkwiti finanzjarji; jissottolinja l-enfasi li għamlet il-Qorti fuq il-fatt li r-rimborż tal-infiq relatat mat-tagħmir għadu bbażat fuq l-ispiża reali u li l-proġett biex issir il-bidla lejn rimborżi bbażati fuq l-ispiża unitarja għadu ma rnexxiex; barra minn hekk jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti li mill-2014, il-prova tal-ispejjeż reali ddikjarati mill-pajjiżi li jikkooperaw għall-ispejjeż relatati mat-tagħmir għadha insuffiċjenti u li l-verifiki ex ante tal-Aġenzija ta' dawn l-ispejjeż jisfaw ineffettivi jekk ma jkunux sostanzjati minn dokumenti ta' sostenn; jinnota n-nuqqas ta' verifiki ex post fuq rimborżi mill-Aġenzija, li jkompli jżid ir-riskju ta' rimborżi tal-ispejjeż mhux ġustifikati; jinnota bi tħassib li l-Aġenzija ppermettiet diversi rimborżi għall-infiq iddikjarat mill-pajjiżi li jikkooperaw minkejja li dawn tal-aħħar ma pprovdewx l-evidenza indikata u meħtieġa mill-Aġenzija; jirrikonoxxi mir-risposta tal-Aġenzija li d-dokumenti ta' sostenn li jindikaw spejjeż dettaljati ġew ippreżentati mill-pajjiżi li jikkooperaw inkwistjoni; jistieden lill-Aġenzija biex fil-futur tindika b'mod ċar it-tip ta' dokumenti ta' sostenn li taċċetta bħala evidenza meħtieġa; jistieden ukoll lill-Aġenzija tirrimborża biss infiq legalment iġġustifikat; jistenna li l-Aġenzija tintroduċi malajr verifiki ex post sodi dwar ir-rimborżi u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li jkun sar f'dan ir-rigward sa Ġunju 2020;

4.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-riporti tal-baġit tal-Aġenzija għall-2019 ammontaw għal EUR 83 000 000 (29 %), persentaġġ kemxejn inqas mis-sena ta' qabel; jinnota li r-rata ta' riporti kkanċellati għall-2018 kienet ta' EUR 11 000 000 (12 %), xi ftit inqas f'termini relattivi mis-sena preċedenti; jinnota li r-raġunijiet prinċipali għar-riporti u l-kanċellazzjonijiet kienu l-isfidi li nħolqu mit-tabella tal-persunal rigward l-għadd u l-profil tal-persunal, id-dewmien biex jitnieda l-proġett tal-bini għas-sede l-ġdida tal-Aġenzija, in-natura pluriennali tal-proġetti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u s-sopravalutazzjoni tal-iskala u tal-ispiża tal-attivitajiet mill-pajjiżi li jikkooperaw; jinnota r-risposta tal-Aġenzija li fl-2018, l-infiq operattiv kien prinċipalment fil-forma ta' għotjiet, li jkopru ċ-ċiklu operatorju minn Frar N sa Jannar N+1, kif ukoll infiq minn kuntratti bil-ħlas f'N+1; iħeġġeġ lill-Aġenzija biex flimkien mal-pajjiżi li jikkooperaw, tkompli tistinka biex tikseb stimi tal-ispejjeż u previżjonijiet tal-baġit aktar preċiżi.

5.  Jistieden lill-Aġenzija tinkludi stimi aktar realistiċi tal-ħtiġijiet tas-servizzi tagħha fid-dokumenti tal-akkwist u tapplika ġestjoni finanzjarja rigoruża għall-kuntratti; ifakkar lill-Aġenzija li, filwaqt li l-kuntratti qafas ma jikkostitwixxux obbligu li jsir xiri sal-valur massimu tal-kuntratt, id-differenza konsiderevoli bejn il-valur massimu tal-kuntratt fi proċedura ta' akkwist fl-2018 (EUR 8 miljun) u l-offerta rebbieħa (EUR 5,8 miljun), tista' toħloq riskju sinifikanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba.

Prestazzjoni

6.  Jinnota li, wara l-approvazzjoni tal-bord maniġerjali tar-riorganizzazzjoni tal-istrutturi tal-Aġenzija fl-2017 li affettwat l-allokazzjoni tar-riżorsi, ġiet adottata struttura aġġornata fl-2018 u din l-istruttura, li kienet ikkompletata b'regoli ta' proċedura interni ġodda, ġiet adottata minn delegazzjonijiet u sottodelegazzjonijiet li ġew formalizzati b’deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv;

7.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-Aġenzija fil-promozzjoni, il-koordinazzjoni u l-iżvilupp tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali;

8.  Jinnota li fil-kuntest tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, l-akbar attivitajiet operattivi kienu t-12-il operazzjoni konġunta fil-fruntieri esterni tal-art, tal-ajru u tal-baħar, filwaqt li l-fokus operattiv ewlieni fl-2018 kien fuq iż-żoni tal-Mediterran Ċentrali, tal-Lvant u tal-Punent li qed jesperjenzaw l-aktar pressjoni migratorja sinifikanti; jilqa', barra minn hekk, il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji fil-qasam tal-kooperazzjoni doganali u tal-infurzar tal-liġi, speċjalment fil-qasam tal-funzjoni tal-gwardja tal-kosta; iħeġġeġ l-Aġenzija tieħu azzjoni malajr u tiżgura l-kwalità tal-ħidma tagħha biex tistabbilixxi objettivi kwantitattivi xierqa u valuri fil-mira speċifiċi għall-operazzjonijiet konġunti li mistennija jiġu inklużi fid-dokument uniku ta' programmazzjoni 2021-2023;

9.  Jinnota bi tħassib li l-Qorti sabet fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 24/2019 li l-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-asil, speċjalment fil-Greċja u fl-Italja, għadha qed tiġi affettwata minn żminijiet twal ta' pproċessar, konġestjonijiet u nuqqas ta' kapaċità ġudizzjarja; jitlob lill-Aġenzija tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, mal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, u mal-Kummissjoni b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti;

10.  Itenni l-appell tiegħu lill-Aġenzija biex tkun aktar trasparenti dwar l-attivitajiet tagħha; jilqa' l-ħolqien ta' taqsima ddedikata għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti fuq is-sit web tagħha; iħeġġeġ lill-Aġenzija toħloq reġistru ta' dokumenti, li huwa obbligu legali skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001(4);

11.  Iqis li l-Aġenzija għandha tipprovdi informazzjoni, b'mod proattiv, dwar l-attivitajiet operazzjonali tagħha; jistieden lill-Aġenzija tidher quddiem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex tissodisfa d-dmirijiet speċifiċi ta' rapportar tagħha fil-konfront tal-Membri tal-Parlament Ewropew billi tipprovdi aġġornamenti dettaljati regolari; jistieden lill-Aġenzija trendi disponibbli r-rapport dwar l-applikazzjoni prattika tar-Regolament (UE) Nru 656/2014(5) għall-2018, hekk kif hija legalment obbligata li tagħmel, u biex fil-futur tipprovdi aktar informazzjoni tanġibbli biex tkun tista' ssir valutazzjoni xierqa tal-attivitajiet tal-Aġenzija fuq il-baħar.

Politika dwar il-persunal

12.  Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita biss fil-livell ta' 72,49 %, u nħatru 303 aġent temporanju mill-418-il aġent temporanju awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (imqabbel ma’352 post awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, 187 aġent kuntrattwali u 153 espert nazzjonali sekondat addizzjonali ħadmu għall-Aġenzija fl-2018;

13.  Jinnota wkoll mir-rapport tal-Qorti li għalkemm l-Aġenzija kompliet bi sforzi ta' reklutaġġ ulterjuri u żiedet l-għadd tal-membri tal-persunal minn 526 għal 630 fl-2018, hija xorta waħda ma laħqitx l-għadd ta' 760 membru tal-persunal awtorizzat fit-tabella tal-persunal tagħha għall-2018; jinnota r-risposta tal-Aġenzija li total ta' 187 post vakanti mtlew, iżda li minħabba dawran intern u estern għoli, iż-żieda netta tal-persunal fl-2018 meta mqabbla mal-2017 kienet ta' 117 peress li ħafna postijiet saru vakanti matul is-sena; jinnota wkoll li l-Aġenzija tiffaċċja sfidi biex tattira għadd kbir ta' kandidati esterni adattati u tikseb bilanċ ġeografiku tajjeb l-aktar minħabba l-koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx, li huwa l-inqas fost l-Aġenziji kollha tal-Unjoni; jenfasizza li l-aġenziji li jinsabu f'pajjiżi fejn jiġi applikat koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx għandhom jirċievu appoġġ ulterjuri mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' miżuri komplementari sabiex isiru aktar attraenti għall-persunal attwali u prospettiv; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt u l-vijabbiltà tal-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta' korrezzjoni tas-salarju fil-futur; jinnota li l-Aġenzija għad għandha diffikultajiet biex iżżomm bilanċ ġeografiku tajjeb u mixtieq fil-persunal impjegat;

14.  Jinnota li l-2018 kienet it-tielet sena tal-pjan ta' tkabbir ta' ħames snin wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624 li żied b'mod sinifikanti r-riżorsi fil-qasam tal-baġit u tal-persunal; jinnota li, wara l-estensjoni tal-mandat tagħha, il-persunal tal-Aġenzija għandu jilħaq 1 000 sal-2020; jinnota fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet tal-awtorità tal-kwittanza li enfasizzat li ż-żieda ppjanata fil-persunal tkun teħtieġ spazju addizzjonali għall-uffiċċji, li qed titħejja analiżi biex tiġi identifikata l-aħjar strateġija tal-proprjetà immobbli;

15.  Jinnota li minn April 2018, l-Aġenzija użat il-kodiċi ta' kondotta vinkolanti rivedut għall-operazzjonijiet ta' ritorn u l-interventi ta' ritorn; jinnota li l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija jipprovdi kontinwament osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet rigward il-pjanijiet operattivi u r-rapporti ta' evalwazzjoni kollha, għall-kunsiderazzjoni tal-unitajiet operattivi;

16.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-appelli ripetuti tal-Parlament u ż-żieda ġenerali sinifikanti tal-persunal tal-Aġenzija, l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għad m'għandux riżorsi umani adegwati, u għaldaqstant huwa ostakolat b'mod ċar fl-isforzi tiegħu biex iwettaq sewwa l-kompiti fdati lilu; iħeġġeġ lill-Aġenzija tipprovdi lill-uffiċjal tagħha għad-drittijiet fundamentali bir-riżorsi u l-persunal adegwati, b'mod partikolari biex ikompli jiżviluppa u jimplimenta l-istrateġija tal-Aġenzija biex timmonitorja u tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali; ifakkar l-Aġenzija fl-importanza li taderixxi mar-Regolamenti tal-Persunal ;

17.  Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet tal-awtorità ta' kwittanza relatati mal-ħtieġa li jiġi żviluppat pjan komprensiv ta' kontinwità operattiva, li l-uffiċjal għal kontinwità operattiva ġie nnominat fl-2018;

18.  Jinnota li l-Qorti identifikat tendenza orizzontali fl-aġenziji fir-rigward tal-użu ta' persunal estern impjegat fi rwoli ta' konsulenza tal-IT; jitlob li d-dipendenza fuq ir-reklutaġġ estern f'dan il-qasam importanti u sensittiv titnaqqas kemm jista' jkun biex jiġi limitat kull riskju potenzjali;

19.  Jinnota n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-bilanċ bejn is-sessi fil-persunal tal-Aġenzija; jerġa' jissottolinja l-fatt li jeżisti żbilanċ sinifikanti persistenti bejn is-sessi fil-bord maniġerjali tal-Aġenzija (50 membri rġiel u 8 membri nisa); iħeġġeġ li dan l-iżbilanċ jiġi rimedjat mill-aktar fis possibbli; jistieden għalhekk lill-Aġenzija tfakkar b'mod proattiv lill-Istati Membri dwar l-importanza tal-bilanċ bejn is-sessi, u lill-Istati Membri biex jiżguraw il-bilanċ bejn is-sessi meta jinnominaw il-membri tagħhom għall-bord maniġerjali tal-Aġenzija;

Akkwist

20.  Jinnota, fid-dawl tal-osservazzjonijiet u tal-kummenti mill-awtorità tal-kwittanza relatati mal-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-iskema finanzjarja kollha tal-Aġenzija, li fl-2008 l-Aġenzija introduċiet skema riveduta għall-finanzjament tar-ritorni u l-operazzjonjiet konġunt, li hija bbażata fuq ftehimiet ta' għotja ssimplifikati mal-Istati Membri li jużaw spejjeż unitarji standardizzati għar-riżorsi umani;

21.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija tipparteċipa b'mod attiv f'sejħiet għal offerti interistituzzjonali mmexxija minn istituzzjonijiet oħra, u li, fil-proċeduri ta' akkwist tad-dominju ta' sorveljanza marittima, l-Aġenzija tfittex kooperazzjoni ma' aġenziji tal-Unjoni b'attivitajiet simili u tħejji t-termini ta' referenza kif xieraq; jinnota, barra minn hekk, li fl-2018, l-Aġenzija, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, ittrattat l-ewwel proċedura interistituzzjonali ta' sejħa għall-offerti mmexxija minn Aġenzija; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Aġenzija biex b'mod attiv tipprova tikseb kooperazzjoni ulterjuri u aktar mifruxa mal-aġenziji kollha tal-Unjoni;

22.  Jistieden lill-Aġenzija tagħti segwitu, mingħajr dewmien, għar-rakkomandazzjoni pendenti rigward l-akkwist elettroniku, jiġifieri l-introduzzjoni ta' sottomissjoni elettronika;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

23.  Japprezza l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota li l-politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ġiet adottata fit-18 ta' Lulju 2019; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija tipprovdi lill-persunal b'aċċess għal konsulenti kunfidenzjali u taħriġ dwar proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni; jinnota, barra minn hekk, li bl-għan li tkun aktar trasparenti, l-Aġenzija nediet verżjoni multilingwi tas-sit web tagħha fl-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni; jiddispjaċih, madankollu, li l-Aġenzija tippubblika dikjarazzjonijiet ta' impenn li jiddikjaraw in-nuqqas ta' kunflitt ta' interess għall-membri tal-bord maniġerjali, id-direttur eżekuttiv, u l-viċi direttur eżekuttiv, u mhux dikjarazzjonijiet ta' interess; itenni li mhuwiex f'idejn il-membri tal-bord maniġerjali, id-direttur eżekuttiv, u l-viċi direttur eżekuttiv li jiddikjaraw huma stess li m'għandhomx kunflitt ta' interess; jistieden lill-Aġenzija, bl-għan li żżid it-trasparenza, tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess għall-membri kollha tal-bord maniġerjali tagħha, id-direttur eżekuttiv, u l-viċi direttur eżekuttiv, sa Ġunju 2020;

Kontroll intern

24.  Jinnota, fid-dawl tal-osservazzjonijiet u tal-kummenti mill-awtorità tal-kwittanza relatati maż-żieda konsiderevoli fl-infiq tal-għotja tal-Aġenzija, li ttieħdu miżuri biex jittaffew ir-riskji identifikati, u li speċifikament, fl-2018, saru verifiki tal-kostijiet unitarji għal Spanja, il-Greċja u l-Italja, li l-politika ta' kontroll ex post ġiet adottata fl-2018, li l-pjan ta' kontroll ex post annwali bbażat fuq ir-riskju ġie stabbilit u se jiġi rivedut, u li l-kontrolli ex post għall-Portugall u l-Estonja ġew iffinalizzati;

25.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija ma għandhiex politika dwar "karigi sensittivi" li tidentifika funzjonijiet sensittivi, iżżommhom aġġornati u tiddefinixxi miżuri xierqa biex tnaqqas ir-riskju ta' interessi akkwiżiti; jistieden lill-Aġenzija tadotta u timplimenta politika bħal din biex tkun konformi mal-istandards ta' kontroll intern tal-Aġenzija; jirrikonoxxi mir-risposta tal-Aġenzija li, fi tmiem l-2019, l-Aġenzija kienet qed tiffinalizza l-proċess ta' adozzjoni ta' politika dwar "karigi sensittivi";

26.  Jinnota li, wara r-reviżjoni reċenti tal-qafas ta' kontroll intern tagħha, l-Aġenzija żgurat li d-deċiżjonijiet kollha biex jitneħħew il-kontrolli jew devjazzjonijiet mill-proċessi u l-proċeduri stabbiliti, jiġu ddokumentati, approvati kif xieraq, u lloggjati b'mod ċentrali;

Kummenti oħra

27.  Jilqa' l-fatt li, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet mill-awtorità ta' kwittanza relatati mal-kostruzzjoni tal-bini tal-kwartieri ġenerali l-ġodda u t-twaqqif ta' skola Ewropea f'Varsavja, ġiet attribwita art adegwata lill-Aġenzija mill-awtoritajiet Pollakki fl-2019, u għaddej l-ippjanar biex jinbena bini mfassal apposta tal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija sa tmiem l-2024, u li l-bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej għandu jiġi propost mill-awtoritajiet Pollakki fil-Ħarifa tal-2019 biex jikkunsidraw l-akkreditazzjoni ta' skola Ewropea assoċjata ta' Varsavja tat-tip II, li tkun operattiva parzjalment mis-sena akkademika 2020-2021;

28.  Jistieden lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

o
o   o

29.  Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020(6) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 120, 29.3.2019, p. 103.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 93).
(6) Testi adottati, P9_TA-PROV(2020)0121.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza