Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2088(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0075/2020

Testi mressqa :

A9-0075/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0118

Testi adottati
PDF 175kWORD 54k
Il-Ħamis, 14 ta' Mejju 2020 - Brussell Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2018: l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)
P9_TA-PROV(2020)0118A9-0075/2020
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Mejju 2020 dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2088(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05761/2020 – C9-0055/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0075/2020),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018;

2..  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(7) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018; (2019/2088(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05761/2020 – C9-0055/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0075/2020),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(7) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2088(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0075/2020),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa tagħha(1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2018 kien ta' EUR 135 737 021, li jirrappreżenta żieda ta' 13,84 % meta mqabbel mal-2017; billi ż-żieda kienet dovuta għal kompiti addizzjonali li jestendu l-mandat tagħha; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni.

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2018 ("ir-rapport tal-Qorti"), tistqarr li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 96,10 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta' 3,62 % meta mqabbel mal-2017; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 86,92 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 2,09 % meta mqabbel mal-2017;

2.  Jilqa' pożittivament l-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija dwar il-kompiti u l-implikazzjonijiet baġitarji tal-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (EU IRU) tagħha; jinnota li l-ippjanar ta' ġestjoni bbażata fuq l-attivitajiet għall-EU IRU kien ta' EUR 4 860 000 fl-2019, li kien magħmul minn: (a) EUR 3 710 000 għan-nefqa diretta relatata mal-persunal (li tkopri 38 membru tal-persunal: 26 aġent temporanju, erba' aġenti kuntrattwali u tmien esperti nazzjonali sekondati), (b) EUR 1 150 000 ikopru n-nefqa operattiva, l-ispejjeż operattivi u għotja ta' EUR 510 000 fl-2019 (li minnhom ġew iffinanzjati seba' aġenti kuntrattwali addizzjonali, li jġibu l-għadd totali ta' persunal tal-EU IRU għal 45); jinnota li dawk iċ-ċifri ma jinkludux l-ispejjeż separati għall-iżvilupp ta' sistemi operattivi tal-ICT fil-livell organizzattiv;

Prestazzjoni

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija mmonitorjat il-prestazzjoni tagħha permezz ta' 38 indikatur ewlieni ta' prestazzjoni, 51-il indikatur ieħor ta' prestazzjoni u l-implimentazzjoni ta' madwar 170 azzjoni speċifika ppjanati fil-programm ta' ħidma tagħha, bil-qafas ta' rappurtar tal-prestazzjoni mmirat, b'mod ġenerali, lejn il-valutazzjoni tal-valur miżjud tal-attivitajiet tal-Aġenzija u lejn it-tisħiħ tal-ġestjoni baġitarja tagħha;

4.  Jinnota li l-Aġenzija kisbet 78 % tal-miri stabbiliti għall-indikaturi ta' prestazzjoni u li għamlet progress fl-implimentazzjoni ta' 79 % tal-azzjonijiet li jinsabu fil-programm ta' ħidma tal-2018 (meta mqabbel ma' 80 % fl-2017);

5.  Jinnota li l-Aġenzija kompliet tiffoka fuq l-analiżi operattiva u fuq ir-rapidità ta' reazzjoni tal-ewwel linja, inkluż l-ipproċessar tal-kontribuzzjonijiet, filwaqt li tkompli tipprovdi appoġġ proattiv għal investigazzjonijiet ta' profil għoli dwar it-tliet oqsma li jirrappreżentaw theddida kontinwa għas-sigurtà interna tal-Unjoni, speċjalment iċ-ċiberkriminalità, il-kriminalità serja u organizzata, u t-terroriżmu;

6.  Iħeġġeġ lill-Aġenzija ssegwi d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha;

7.  Jinnota b'apprezzament li fl-2018 l-Aġenzija kompliet twettaq attivitajiet konġunti jew servizzi kondiviżi ma' aġenziji oħra tal-Unjoni, inklużi l-Eurojust, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u jinnota wkoll li l-Aġenzija pparteċipat f'10 proċeduri ta' akkwist interistituzzjonali u fi proċedura ta' akkwist interaġenzjali; iqis meħtieġ li l-Aġenzija tiżviluppa ulterjorment rabtiet b'saħħithom ma' istituzzjonijiet rilevanti oħra tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora modi kif tikkondividi r-riżorsi jew il-persunal, jew it-tnejn li huma, allokati għal kompiti li jikkoinċidu ma' aġenziji oħra li jwettqu attivitajiet simili jew ma' aġenziji bbażati fil-prossimità tal-Aġenzija;

8.  Jinnota li wara l-kooperazzjoni operattiva kontinwa tagħha ma' aġenziji oħra tal-Ġustizzja u l-Intern (ĠAI), fl-2019 l-Aġenzija ħadet f'idejha l-presidenza tan-netwerk tal-aġenziji tal-ĠAI, li tindirizza l-ħidma konġunta dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni tal-aġenziji tal-ĠAI, inkluż dwar l-aspetti tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni tal-Unjoni, l-innovazzjoni, l-arranġamenti ta' governanza tajba (inkluż stħarriġ dwar l-aħjar prattiki dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fl-aġenziji tal-ĠAI), id-diversità u l-inklużjoni, kif ukoll l-interazzjoni u l-kamp ta' applikazzjoni għal aktar kooperazzjoni ma' aġenziji mhux tal-ĠAI;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju tal-fattibbiltà biex tivvaluta l-possibbiltà ta' fużjoni totali jew almenu tal-ħolqien ta' sinerġiji kondiviżi mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi ('CEPOL'), jekk mhux jiġu amalgamati b'mod sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa iż-żewġ xenarji li ġejjin: it-trasferiment tal-Aġenzija għas-sede tas-CEPOL f'Budapest u t-trasferiment tas-sede tas-CEPOL għas-sede tal-Aġenzija f'The Hague; jinnota li ħaġa bħal din tfisser il-kondiviżjoni tas-servizzi korporattivi u ta' appoġġ u l-ġestjoni ta' uffiċini komuni, kif ukoll il-kondiviżjoni tal-infrastrutturi bbażati fuq l-ICT, it-telekomunikazzjonijiet u l-internet, u b'hekk jiġu ffrankati ammonti kbar ta' flus li jkunu jistgħu jintużaw għal finanzjament ulterjuri taż-żewġ aġenziji;

10.  Jinnota li n-numru ta' operazzjonijiet li l-Europol appoġġjat żdied minn 1 496 fl-2017 għal 1 748 fl-2018 (li jirrappreżenta żieda ta' 16,8 %) u li l-laqgħat operattivi ffinanzjati mill-Aġenzija żdiedu minn 403 fl-2017 għal 427 fl-2018 (li jirrappreżentaw żieda ta' 5,9 %); jissottolinja l-importanza u l-valur miżjud tal-Aġenzija, b'mod partikolari tal-iskwadri ta' investigazzjoni konġunta (SIK), fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fl-Ewropa kollha; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-SIK appoġġjati mill-Aġenzija żdiedu minn 64 fl-2017 għal 93 fl-2018 (li jirrappreżentaw żieda ta' 45 %), b'27 minn dawn l-SIK li jeħtieġu koordinazzjoni f'aktar minn 20 pajjiż(2); jinnota li ż-żieda fil-baġit tal-Aġenzija tikkorrispondi għal intensifikazzjoni tal-operazzjonijiet kollha tagħha, inkluż l-appoġġ għall-kooperazzjoni fil-qasam taċ-ċiberkriminalità u l-ġlieda kontra t-terroriżmu online; jissottolinja l-importanza ta' finanzjament u riżorsi adegwati għall-SIK f'konformità maż-żieda kbira fil-livelli ta' attività tagħhom;

11.  Jitlob lill-Aġenzija tagħmel disponibbli, safejn ikun possibbli, riżorsi finanzjarji għat-traduzzjonijiet u jħeġġeġ lill-awtorità baġitarja tipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji li jippermettu t-traduzzjoni tar-rapporti uffiċjali tal-Aġenzija fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni minħabba l-importanza tal-ħidma tagħha għaċ-ċittadini Ewropej, l-obbligu li tiġi żgurata trasparenza sħiħa fir-rigward tal-attivitajiet tagħha u l-fatt li l-Grupp ta' Skrutinju Parlamentari Konġunt, magħmul minn membri parlamentari nazzjonali u Ewropej mill-Istati Membri kollha, għandu jkun jista' jagħmel xogħlu sew; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jistabbilixxu qafas ta' kooperazzjoni maċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea sabiex jitnaqqas il-piż finanzjarju rigward it-traduzzjoni.

Politika dwar il-persunal

12.  Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2018, 96,35 % tat-tabella tal-persunal ġiet eżegwita, b'555 aġent temporanju maħtura minn total ta' 576 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 550 post tax-xogħol awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, fl-2018 ħadmu għall-Aġenzija 201 aġent kuntrattwali u 153 espert nazzjonali sekondat;

13.  Jinnota li n-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri għall-2018 fost il-maniġers superjuri (145 irġiel u 27 nisa, bi 43 irġiel u b'10 nisa u fil-bord ta' amministrazzjoni;

Akkwist pubbliku

14.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija żiedet b'mod irregolari t-tul ta' żmien ta' kuntratt qafas għall-forniment ta' servizzi tal-ivvjaġġar kummerċjali billi ffirmat l-emenda numru 2 wara li skada l-kuntratt u li, b'dik l-istess emenda, l-Aġenzija introduċiet ukoll aspetti ġodda dwar il-prezzijiet li mhumiex koperti mill-proċedura ta' akkwist kompetittiv, u b'hekk l-emenda 2 u l-pagamenti tal-2018 relatati sfaw irregolari; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li l-estenzjoni tal-kuntratt qafas kienet bdiet sew qabel l-iskadenza tagħha u li d-dewmien għall-estensjoni tal-kuntratt kien minħabba l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba; jistieden lill-Aġenzija ssaħħaħ b'mod xieraq il-ġestjoni tal-kuntratti u l-kontrolli ex ante;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

15.  Jinnota l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota l-każ ta' kunflitt ta' interess potenzjali identifikat rigward proċedura ta' reklutaġġ fl-2018; jinnota li ma kienet meħtieġa l-ebda azzjoni ta' segwitu peress li l-konsulent irrikuża ruħu; jilqa' pożittivament id-dikjarazzjonijiet ta' interess, ibbażati fuq il-mudell il-ġdid tal-Aġenzija, li minn dak iż-żmien 'l hawn ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija, kemm fir-rigward tad-direttur eżekuttiv tagħha kif ukoll tad-deputati diretturi eżekuttivi u l-membri tal-bord ta' amministrazzjoni tagħha;

16.  Jiddispjaċih li studju komparattiv reċenti li sar mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament(3) stabbilixxa li l-politiki ta' kunflitt ta' interess tal-Aġenzija huma "l-inqas dettaljati meta mqabbla ma' dawk tal-aġenziji l-oħra"; jirrikonoxxi li dan huwa dovut, b'mod partikolari, għall-fatt li l-Aġenzija ma għandha l-ebda kumitat jew bord xjentifiku; jiddispjaċih, madankollu, li l-Aġenzija la tuża sistema biex tikklassifika l-livelli tal-imgħax u lanqas lista sewda;

Kontrolli interni

17.  Jinnota li f'Mejju 2017 is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni, appoġġjat mill-Kapaċità ta' Awditjar Intern, wettaq valutazzjoni tar-riskju u li l-ebda wieħed mis-36 qasam tal-proċess ma ġie kklassifikat bħala "Titjib fil-mitigazzjoni tar-riskju";

18.  Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ħareġ rapport ta' awditjar bit-titlu "Il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani u l-Etika fil-EUROPOL" u ħejja pjan ta' azzjoni biex jindirizza kwalunkwe qasam potenzjali għal titjib; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi f'dak ir-rigward;

19.  Jistieden lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

20.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija ma għandha l-ebda rakkomandazzjoni pendenti x'tiġi implimentata mir-rapporti ta' awditjar tal-Qorti fi snin finanzjarji preċedenti; l-Aġenzija indirizzat l-unika osservazzjoni tal-Qorti li tikkonċerna s-sena finanzjarja 2017 fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-avviżi ta' postijiet tax-xogħol vakanti fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal;

o
o   o

21.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020(4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 416, 15.11.2018, p. 46.
(2) https://www.europol.europa.eu/sites/default/files/documents/europolinbrief2019.pdf
(3) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2020/621934/IPOL_STU(2020)621934_EN.pdf
(4) Testi adottati, P9_TA-PROV(2020)0121.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza