Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2214(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0102/2020

Testi mressqa :

A9-0102/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0123

Testi adottati
PDF 198kWORD 60k
Il-Ħamis, 14 ta' Mejju 2020 - Brussell Verżjoni proviżorja
L-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2021
P9_TA-PROV(2020)0123A9-0102/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2021 (2019/2214(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom)  2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 39 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament Ewropew(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2020(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz konġunt tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-qafas tal-proċedura baġitarja(10),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) - paragrafu 2.1.4 dwar "Bini u rinnovazzjoni b'mod effiċjenti fl-enerġija u r-riżorsi";

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2021,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fid-9 ta' Marzu 2020 skont l-Artikoli 25(7) u 102(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Kumitat tal-Baġits skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 102 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0102/2020),

A.  billi din il-proċedura hija l-ewwel proċedura baġitarja sħiħa mwettqa fil-leġiżlatura l-ġdida u billi tikkonċerna l-ewwel sena tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027;

B.  billi fost l-objettivi prijoritarji li ġew proposti mis-Segretarju Ġenerali għall-Baġit 2021 insibu: il-provvista tar-riżorsi meħtieġa għat-tieni sena sħiħa wara l-elezzjoni tal-Parlament il-ġdid anke fid-dawl tal-ambizzjonijiet tal-Kummissjoni l-ġdida u l-provvista tar-riżorsi għal proġetti ta' prijorità dwar l-involviment maċ-ċittadini, il-proġetti pluriennali tal-bini, il-Parlament ekoloġiku, is-sigurtà u l-iżvilupp tal-IT;

C.  billi t-tifqigħa tal-COVID-19 qed ikollha konsegwenzi umanitarji, soċjali, finanzjarji u ekonomiċi; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali jbassar tnaqqis globali ta' 3 % fl-2020 u tnaqqis ta' 7,4 % tal-PDG taż-żona tal-euro għas-sena 2020; billi l-miżuri li ħa l-Parlament fl-2020, bħal filtraġġ totali tal-arja, arranġamenti rinfurzati ta' tindif, adattament u implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ġodda ta' informatika u telekomunikazzjonijiet, se jkollhom konsegwenzi fuq il-baġit tal-Parlament għall-2021; billi jeħtieġ li l-baġit 2021 jindirizza l-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19; billi l-baġit tal-Parlament għandu jiggarantixxi l-kapaċità tiegħu li jeżerċita l-kompetenzi leġiżlattivi sħaħ tiegħu u jippermetti l-funzjonament tajjeb tiegħu;

D.  billi s-Segretarju Ġenerali ppropona baġit ta' EUR 2 110 467 628 għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2021, li jirrappreżenta żieda globali ta' 3,52 % fuq il-baġit tal-2020; billi l-estimi li adotta l-Parlament irrappreżentaw żieda ta' 2,3 % (EUR 1 953 miljun) għall-2018, żieda ta' 2,48 % (EUR 1 999 miljun) għall-2019 u żieda ta' 2,68 % (EUR 2 050 miljun) għall-2020;

E.  billi kważi żewġ terzi tal-baġit tal-Parlament jikkostitwixxu nefqa indiċizzata li tirrigwarda partikolarment ir-remunerazzjonijiet, il-pensjonijiet, l-ispejjeż mediċi u l-allowances għall-Membri (20 %) u l-membri tal-persunal (34 %) attivi u rtirati, kif ukoll għall-bini (12 %), u li hija aġġustata skont ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew, l-indiċizzazzjoni speċifika skont is-settur, jew ir-rata tal-inflazzjoni;

F.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2016(11), il-Parlament diġà saħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Parlament għandu jiġi stabbilit fuq bażi realistika u jkun konformi mal-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba;

G.  billi l-kredibilità tal-Parlament bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja tiddependi sa ċertu punt mill-kapaċità tiegħu li jiġġestixxi l-infiq tiegħu stess u fuq l-abilità tiegħu li jippromwovi d-demokrazija fil-livell tal-Unjoni;

H.  billi l-fond ta' pensjoni volontarja ġie stabbilit fl-1990 mir-Regoli tal-Bureau li jirregolaw l-iskema ta' pensjoni addizzjonali (volontarja)(12); billi, fil-laqgħa tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2018, il-Bureau ddeċieda li jimmodifika r-regoli applikabbli għall-fond tal-pensjoni billi jżid l-età tal-irtirar minn 63 għal 65 sena u billi jintroduċi imposta ta' 5 % fuq il-pagamenti tal-pensjoni għall-pensjonanti futuri sabiex titjieb il-vijabilità ta' dawn il-pagamenti; billi huwa stmat li dawk il-bidliet fir-regoli naqqsu d-defiċit attwarjali bi EUR 13,3-il miljun;

I.  billi l-ammont ta' xogħol leġiżlattiv tal-Membri ġie estiż u kkomplementat b'mod qawwi mill-attivitajiet ta' komunikazzjoni peress li ċ-ċittadini huma aktar interessati fl-affarijiet Ewropej minn qatt qabel u issa jistennew li jkunu f'kuntatt mar-rappreżentanti tagħhom permezz tal-pjattaformi tradizzjonali u dawk ġodda tal-midja soċjali; billi, bħala riżultat ta' dan, ir-rata ta' implimentazzjoni tal-allowance għall-assistenza parlamentari żdiedet f'dawn l-aħħar snin;

J.  billi fis-16 ta' Ġunju 1999 il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ħarġet Opinjoni Nru 5/99 bit-titlu ‘Fond u Skema tal-Pensjoni għall-Membri tal-Parlament Ewropew’.

Qafas ġenerali

1.  Jenfasizza li l-akbar parti tal-baġit tal-Parlament hija stabbilita b'obbligi statutorji jew kuntrattwali, hija soġġetta għal indiċizzazzjoni annwali u, għall-2021, dawn l-obbligi huma stmati li jammontaw għal EUR 32 miljun;

2.  Jissottolinja li l-2020 se tkun l-aħħar sena koperta mill-qafas finanzjarju pluriennali attwali; ifakkar li, fl-ambitu tal-Intestatura 5, is-sehem tal-Parlament fil-biċċa l-kbira baqa' bejn 20 % u 22 % - Amministrazzjoni u li matul l-aħħar snin ir-rata ta' żieda kienet aktar baxxa mir-rata ta' żieda stabbilita fl-Intestatura 5;

3.  Jappoġġja l-ftehim li ntlaħaq fil-Konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits, fit-28 ta' April 2020, biex tkun iffissata ż-żieda ta' 2,54 % fil-baġit 2020, perċentwal li jikkorrispondi għal-livell kumplessiv tal-estimi għall-2021 ta' EUR 2 090 467 628, biex jitnaqqas il-livell tan-nefqa fl-abbozz preliminari tal-estimi approvat mill-Bureau fid-9 ta' Marzu 2020 ta' EUR 20 miljun u biex, konsegwentement, jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet proposti għal-linji baġitarji li ġejjin:

1004 – Spejjeż għall-vjaġġi regolari; 1005 – Spejjeż oħra għall-vjaġġi; 1200 – Remunerazzjoni u allowances; 2007 – Kostruzzjoni ta' bini u sistemazzjoni fil-bini; 2024 – Konsum tal-enerġija; 300 – Nefqiet għall-missjonijiet tal-istaff u vjaġġar fuq xogħol bejn it-tliet postijiet ta' xogħol; 302 – Nefqiet għal riċevimenti u rappreżentazzjoni; 3042 – Laqgħat, kungressi, konferenzi u delegazzjonijiet; 3242 – Nefqiet għall-pubblikazzjoni, it-tagħrif u l-parteċipazzjoni f'manifestazzjonijiet pubbliċi; 325 – Nefqa relatata mal-uffiċċji ta' kollegament; 422 – Nefqa relatata mal-assistenza parlamentari; 10 1 – Riżerva ta' kontinġenza;

4.  Jinnota n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid għall-2021-2027 u l-inċertezza rigward il-livell ta' finanzjament tal-Intestatura 7 l-ġdida - Amministrazzjoni Pubblika Ewropea; jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament laħaq l-objettiv ta' tnaqqis ta' 5 % tal-persunal u fil-fatt għamel tnaqqis globali ta' 6 %; jenfasizza l-fatt li, minn mindu ġie adottat it-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament kellu jlaħħaq ma' ammont akbar ta' kompiti u kumitati speċjalizzati, u dan kollu rriżulta f'żieda sinifikanti fil-ħidma leġiżlattiva u ta' koordinament; jinnota li fl-aħħar leġiżlatura nkisbu sinerġiji u ridefinizzjoni tal-prijoritajiet; jisħaq fuq il-fatt li l-funzjonament tal-Parlament jiddependi mit-twettiq tal-kompiti amministrattivi tiegħu, li jirrikjedu livelli adegwati ta' persunal; jinnota l-fatt li, skont il-projezzjonijiet, il-pensjonijiet interistituzzjonali koperti f'dik l-intestatura se jiżdiedu b'mod sinifikanti fis-snin li ġejjin;

5.  Jinnota li l-abbozz preliminari ta' rapport tal-estimi tas-Segretarju Ġenerali jippresupponi ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni; jifhem minn dak ir-rapport li l-biċċa l-kbira tal-iffrankar li jirriżulta mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni diġà ġie inkorporat fil-baġit tal-2020, li jqis li, mill-1 ta' Frar 2020, il-Parlament se jkollu 705 Membri biss; jinsab sorpriż, madankollu, li l-estimi għall-2021 ma jsegwux ix-xejra loġika ta' tfaddil fuq il-linji baġitarji affettwati direttament mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni; għandu dubji dwar ir-raġunijiet għaż-żieda fl-ispejjeż relatati mal-ivvjaġġar (linja 1004) u għall-assistenza parlamentari (linja 4220) mill-2018 sal-2021 minkejja t-tnaqqis fl-għadd ta' Membri u ta' assistenti parlamentari akkreditati (APA) wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni; jitlob analiżi dettaljata u ġustifikazzjoni tal-ispejjeż u l-iffrankar relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni qabel il-qari tal-Ħarifa;

6.  Jinnota l-ispjegazzjoni mogħtija fil-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament li għadd dejjem akbar ta' Membri ddeċidew li jirreklutaw ir-raba' assistent biex ilaħħqu mal-livell dejjem jiżdied ta' xogħol parlamentari; jinnota li, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, se jkun hemm anqas Membri biex ikopru l-istess livell ta' ħidma leġiżlattiva; jinnota li d-deċiżjoni li jiġi pprovdut uffiċċju ieħor fil-post tax-xogħol tal-Parlament fi Strasburgu wasslet biex il-Membri jieħdu aktar assistenti fil-missjonijiet; jinnota l-ispjegazzjoni li ngħatat fil-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament għall-fatt li l-Membri vjaġġaw aktar f'dawn l-aħħar snin u x'aktarx li se jkomplu jagħmlu dan fl-2021;

7.  Jissottolinja li l-funzjonijiet ewlenin tal-Parlament huma l-koleġiferazzjoni mal-Kunsill, it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-baġit tal-Unjoni, ir-rappreżentanza taċ-ċittadini u l-iskrutinju tal-ħidma tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni; iqis ukoll li l-kumitati speċjali jew is-sottokumitati li jkunu għadhom kemm inħolqu m'għandhomx iwasslu għal tnaqqis fil-persunal bħall-kumitati l-oħra;

8.  Jaċċentwa r-rwol tal-Parlament fil-bini ta' kuxjenza politika Ewropea u fil-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni;

9.  Jisħaq fuq il-fatt li, fir-rigward tal-proposta tal-Bureau, huwa meħtieġ iffrankar sinifikanti biex dik il-proposta titqarreb kemm jista' jkun lejn ir-rata ta' inflazzjoni ġenerali mistennija għall-2021 u li jeħtieġ li jiġu implimentati miżuri sinifikanti sabiex jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti u trasparenti tal-flejjes pubbliċi; jirrakkomanda li għandha tingħata attenzjoni adegwata għall-kost tal-proġetti, mhux biss mill-membri tal-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament fil-mument li jiddeċiedu l-baġit annwali mal-Bureau, iżda wkoll mhux aktar tard minn meta tittieħed id-deċiżjoni dwar it-tnedija tal-proġetti;

10.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ammont kbir ta' laqgħat straordinarji tal-kumitati fi Strasburgu u għall-għadd dejjem jikber ta' missjonijiet tal-persunal bejn it-tliet postijiet tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Parlament inaqqas dawn il-laqgħat straordinarji kemm jista' jkun sabiex il-Membri jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq l-aġenda plenarja, jiġu ffrankati flus il-kontribwenti u titnaqqas il-marka tas-CO2 billi jitbaxxa l-għadd ta' missjonijiet tal-persunal;

11.  Jenfasizza f'dan ir-rigward li t-talbiet ivvotati mill-Parlament għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien bħala kwistjoni ta' prinċipju;

Trasparenza u preċiżjoni

12.  Jilqa' l-approċċ il-ġdid li ttieħed fit-tħejjija tar-rapport tas-Segretarju Ġenerali matul dawn l-aħħar snin, bħal pereżempju l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali dwar l-ippjanar, fuq terminu medju u twil, investimenti, obbligi statutorji, nefqa operattiva u metodoloġija, kif mitlub mill-awtorità baġitarja;

13.  Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit 2021 tal-Parlament irid ikun realistiku u preċiż rigward it-tqabbil tal-ħtiġijiet mal-kostijiet tagħhom sabiex jiġi evitat li jkun hemm ibbaġitjar żejjed;

14.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni massima biex jiġi żgurat li r-riżorsi baġitarji u tal-persunal ġenerali għad-dispożizzjoni tal-Parlament jintużaw bl-aktar mod kosteffiċjenti possibbli biex il-Parlament u l-Membri jkunu jistgħu jilleġiferaw b'suċċess; itenni li dan jimplika ppjanar u organizzazzjoni metikolużi tal-metodi ta' ħidma tiegħu u, meta jkun possibbli, isir raggruppament tal-funzjonijiet u tal-istrutturi sabiex jiġi evitat li jkun hemm burokrazija żejda, funzjonijiet doppji u rduppjar tal-isforzi;

15.  Iqis li l-Parlament għandu jiżgura akkwist ta' kwalità għolja u soċjalment responsabbli sabiex il-kuntratti jingħataw lil kumpaniji li jirrispettaw l-istandards fundamentali tax-xogħol u dawk ambjentali; jappella għal skrutinju aktar robust tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal estern tal-Parlament;

Ħidma maċ-ċittadini

16.  Jissottolinja li l-Parlament huwa l-unika istituzzjoni tal-Unjoni soġġetta għas-suffraġju universali, li d-deċiżjonijiet tiegħu għandhom impatt reali fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni; iqis li huwa tal-ikbar importanza li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu aħjar l-attivitajiet tal-Parlament;

17.  Jilqa' l-istqarrija tal-missjoni l-ġdida tal-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew u l-enfasi fuq impenn proattiv fil-komunikazzjoni bidirezzjonali maċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali u reġjonali permezz ta' komunikazzjoni aktar dinamika, filwaqt li jinvolvu lill-partijiet interessati u jinvolvu ruħhom aktar maċ-ċittadini; jinnota l-integrazzjoni taċ-ċentri Europa Experience fl-Istati Membri kollha; iqis li huwa importanti għall-aħħar li l-Parlament kontinwament jinvolvi ruħu maċ-ċittadini Ewropej permezz ta' mezzi varji ta' komunikazzjoni, fl-ispirtu ta' djalogu politiku b'diversi aspetti, mhux biss matul is-sena elettorali iżda matul il-leġiżlatura kollha kemm hi;

18.  Jinnota li ċ-ċentri Europa Experience għandhom jinfurmaw lill-pubbliku Ewropew, b'mod partikolari liż-żgħażagħ, dwar is-setgħat ewlenin tal-Parlament; jinnota li diġà ġew inawgurati ċentri Europa Experience f'Berlin, Copenhagen, Helsinki, Ljubljana, u fi Strasburgu u, fl-2020, f'Tallinn u li, fl-2021, huwa ppjanat li jitwaqqfu ċentri Europa Experience fil-bini Konrad Adenauer il-ġdid fil-Lussemburgu, f'Ruma, Pariġi, Varsavja, Stokkolma u Praga; jitlob evalwazzjoni kontinwa tar-riżultati miksuba; jitlob li ssir analiżi dettaljata tan-nefqa għat-twaqqif taċ-ċentri Europa Experience l-ġodda għall-2021 qabel il-qari tal-baġit tal-Parlament fil-Ħarifa tal-2020, kif ukoll ippjanar baġitarju pluriennali dettaljat li jqis il-kost tal-operat ta' kull wieħed miċ-ċentri li jkunu diġà nfetħu;

19.  Jitlob aktar informazzjoni dwar l-arranġamenti u l-ispiża tal-ħolqien ta' serje ta' verżjonijiet mobbli tal-Parlamentarium, li jduru l-Istati Membri biex jipprovdu liċ-ċittadini b'informazzjoni dwar il-Parlament u l-Unjoni; jisħaq fuq il-fatt li dan it-tip ta' inizjattiva trid tkun deċentralizzata u trid issir miċ-ċentri Europa Experience biex isir iffrankar u tkun razzjonali; jieħu nota li l-proġett jinkludi applikazzjoni mobbli li fiha l-aħjar kontenut li jeżisti tal-Parlamentarium;

20.  Jinnota l-intenzjoni tal-Parlament u d-deċiżjoni tal-Bureau li jespandi l-attività tal-Parlament u l-preżenza diplomatika lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni għall-Indoneżja (Jakarta), l-Etjopja (Addis Ababa) u l-Istati Uniti (New York) u għandu dubji fir-rigward tal-valur miżjud ta’ tali espansjoni; jitlob li ssir analiżi dettaljata u bir-reqqa tal-ispejjeż tar-rappreżentanza u tal-ispejjeż marbuta ma' tali espansjoni, jiġifieri l-akkomodazzjoni, is-segretarjati, il-persunal, ir-residenza u t-trasport, u li din l-analiżi tiġi kondiviża mal-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament; jappella għal kollaborazzjoni bejn il-Parlament u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna rigward in-natura tax-xogħol u l-istatus tal-impjegati tal-Parlament matul il-missjonijiet esterni ; jitlob li ssir analiżi dwar il-valur miżjud tar-rappreżentanza attwali tal-Parlament f'Washington;

21.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament jinvesti sforzi konsiderevoli fis-servizzi li joffri lill-viżitaturi, speċjalment iż-żgħażagħ li se jibqgħu grupp ta' destinatarji ewlieni; jistieden lis-servizzi responsabbli jipprovdu informazzjoni dwar għażliet ta' vvjaġġar sostenibbli u jevalwaw il-possibilità li jintroduċu inċentiv finanzjarju biex jintagħżel tali mezz ta' trasport kull meta ċ-ċirkostanzi jippermettu; jitlob lill-Bureau jeżamina l-fattibilità li jiġi stabbilit "ċentru tematiku għall-anzjani" li jenfasizza l-programmi u l-politiki tal-Unjoni li jkunu ta' benefiċċju għat-tixjiħ attiv; jitlob aktar informazzjoni dwar l-istrateġija l-ġdida għall-viżitaturi u l-kampanja ta' informazzjoni ta' erba' snin qabel il-qari tal-baġit mill-Parlament fil-Ħarifa tal-2020; jitlob li ssir evalwazzjoni bir-reqqa tal-kampanja ta' komunikazzjoni mwettqa qabel u matul l-elezzjonijiet Ewropej 2019; huwa tal-fehma li kwalunkwe miżura ġdida ta' komunikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi oġġettiva u fattwali ta' dik l-evalwazzjoni;

22.  Jilqa' l-proposta li l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE) biennali jiġi ttrasformat fi proċess koerenti sabiex il-perjodu ta' qabel u wara l-EYE jinbidel f'serje ta' interazzjonijiet sinifikanti bejn il-Parlament u ż-żgħażagħ; iqis li, għal raġunijiet ta' ekwità u ġustizzja soċjali, il-Parlament għandu jirrimborża l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni taż-żgħażagħ li jieħdu sehem fl-avveniment li jsir fi Strasburgu; jitlob li l-arranġamenti għar-rimborż jiġu stabbiliti b'mod ċar fuq is-sit web tal-Parlament; jistieden lill-Parlament jiżviluppa laqgħat simili bejn il-Membri u ż-żgħażagħ fil-livell lokali permezz tal-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew;

Proġetti immobiljari pluriennali

23.  Itenni l-appell tiegħu għal proċess deċiżjonali trasparenti fil-qasam tal-politika immobiljari, abbażi ta' informazzjoni bikrija, filwaqt li jitqies kif dovut l-Artikolu 266 tar-Regolament Finanzjarju;

24.  Jirrakkomanda li l-ippjanar baġitarju annwali jqis ir-rinnovament regolari tal-bini kollu u li jiġi allokat għal dan il-għan ammont li jikkorrispondi għal 3 % tas-superfiċje totali tal-bini kollu, kif diġà ġie rifless fl-‘Istrateġija tal-Bini lil hinn mill-2019’ adottata mill-Bureau fis-16 ta' April 2018(13); iqis tali allokazzjoni bħala parti minn politika immobiljari regolari u li tħares fil-bogħod li għandha tiffoka wkoll fuq rinnovazzjonijiet fil-fond u għandha tiżgura li l-Parlament jistinka biex ikun hemm titjib sostanzjali fl-effiċjenza enerġetika u b'hekk ikun hemm iffrankar fil-konsum tal-enerġija u l-ispiża tal-faċilitajiet tal-Parlament;

25.  Jieħu nota tal-fatt li wara t-tlestija tax-xogħlijiet fuq il-fergħa tal-Lvant tal-bini Konrad Adenauer il-ġdid fil-Lussemburgu fl-2020 u ċ-ċaqliq gradwali tal-persunal fil-bini l-ġdid, ix-xogħlijiet fuq il-fergħa tal-Punent għandhom jibdew fl-2021; jitlob aktar dettalji dwar in-nefqa għall-ġestjoni tal-proġett tal-kostruzzjoni tal-fergħa tal-Punent u għas-sorveljanza tas-sigurtà tas-sit tal-kostruzzjoni; itenni x-xewqa tiegħu li s-Segretarju Ġenerali jikseb dettalji taċ-ċaqliq gradwali tal-persunal; jappella wkoll għal rieżami tal-ispazji li l-Parlament jeħtieġ fid-dawl taż-żieda mistennija fit-telexogħol;

26.  Jilqa' t-tnaqqis ta' EUR 11,5-il miljun relatat mal-ispejjeż tal-kera, il-manutenzjoni u l-enerġija fl-2021 meta mqabbla mal-2020 li jirriżultaw miċ-ċaqliq fil-bini Konrad Adenauer il-ġdid u t-tluq mit-Torrijiet A u B fil-Lussemburgu; jitlob lista ġenerali tal-bini l-ieħor kollu li bħalissa qed jinkera u li se jibqa' okkupat fl-2021 kif ukoll previżjoni dettaljata tal-ispejjeż tal-enerġija li qed jiżdiedu;

27.  Jieħu nota tal-prattika kontinwa tat-"trasferiment ta' tlaqqit" ta' tmiem is-sena li tikkontribwixxi għall-proġetti immobiljari attwali; jinnota li dan it-"trasferiment ta' tlaqqit" sistematikament isir fl-istess kapitoli, l-istess titoli u, spiss, eżattament fl-istess linji baġitarji; jieħu nota tal-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament lis-servizzi tal-Parlament li l-Parlament iffranka kważi EUR 100 miljun fi mgħax minħabba dik il-prattika f'dawn l-aħħar snin u b'hekk seta' jżomm il-proġetti sinifikanti ta' bini tiegħu finanzjarjament taħt kontroll; jenfasizza li r-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament hija ta' kważi 99 %; iqis li tali prattika, minkejja li legali, tirriskja li tiġi perċepita bħala baġitjar eċċessiv ipprogrammat f'ċerti oqsma sabiex jiġu ġġenerati fondi għall-finanzjament tal-politika immobiljari tal-Parlament; jitlob li ssir riflessjoni dwar il-finanzjament ta' investimenti ewlenin fil-politika immobiljari, abbażi ta' ppjanar aktar trasparenti u dettaljat;

28.  Jitlob lill-Bureau jħabbar id-deċiżjoni tiegħu dwar il-futur tal-bini Spaak fi Brussell kif ukoll ipoġġi d-dokumenti ġustifikattivi kollha għad-dispożizzjoni fi ħdan is-servizzi; jinnota li r-rinnovament ta’ dak il-bini jista' jippreżenta wkoll opportunità biex jiġi ottimizzat l-użu tal-ispazji eżistenti skont il-ħtiġijiet attwali tal-Parlament kif deskritt fl-istrateġija tal-bini aġġornata lil hinn mill-2019; jieħu nota tal-fatt li matul ix-xogħlijiet ta' rinnovament, għal perjodu ta' madwar ħames snin, il-bini Spaak mhux se jkun jista' jintuża; itenni t-talba tiegħu li l-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament jirċievi stima u analiżi dettaljata tal-ispejjeż ladarba l-Bureau jkun ħa d-deċiżjoni; ifakkar li l-baġit tal-2021 jinkludi partiti għat-tħejjija tax-xogħlijiet fil-bini Spaak;

29.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali jikkunsidra perjodu xieraq li matulu jiġu rkuprati materjali riċiklabbli, bħar-ram, il-kisi u oħrajn għall-użu mill-ġdid u biex jingħataw għan ġdid permezz ta' kumpanija speċjalizzata;

30.  Ifakkar li, f’diversi riżoluzzjonijiet, maġġoranza kbira tal-Membri tal-Parlament esprimew l-appoġġ tagħhom favur sede unika biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti ta' flus il-kontribwenti tal-Unjoni u biex il-Parlament jassumi r-responsabilità istituzzjonali tiegħu li jnaqqas il-marka tal-karbonju tiegħu; jenfasizza li d-dispersjoni ġeografika tat-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament tammonta għal 6 % tal-baġit globali tal-istituzzjoni, filwaqt li l-impatt ambjentali annwali tagħha huwa stmat bejn 11 000 u 19 000 tunnellata ta' emissjonijiet tas-CO2; jissottolinja l-perċezzjoni pubblika negattiva kkawżata minn dik id-dispersjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet sabiex jiġi ottimizzat ix-xogħol istituzzjonali parlamentari, l-ispejjeż finanzjarji u l-marka tal-karbonju;

31.  Jilqa' l-idea li l-Parlament huwa impenjat li jwettaq l-adattament u r-rinnovament neċessarji tal-bini tiegħu sabiex jinħoloq ambjent aċċessibbli għall-utenti kollha f'konformità mal-istandards tal-Unjoni; jisħaq li x-xogħlijiet biex titjieb l-aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità u dawk b'mobilità mnaqqsa diġà bdew fi Strasburgu u li l-proġetti se jkomplu fl-2021 kemm fi Brussell kif ukoll fi Strasburgu, iżda wkoll f'sitt Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew; jitlob li tali rinnovament ikompli fil-bini l-ieħor kollu tal-Parlament u li l-Parlament jimpenja ruħu għar-rekwiżiti funzjonali dwar l-aċċessibilità għall-ambjent mibni stipulati fl-Anness III tad-Direttiva (UE) 2019/882(14), jirreferi għal standards internazzjonali u Ewropej rilevanti biex jissodisfa dawk ir-rekwiżiti fil-proċeduri tal-akkwist, biex b'hekk il-Membri, il-persunal u l-viżitaturi b'diżabilità u dawk b'mobilità mnaqqsa jkunu jistgħu jaċċedu għall-bini u jagħmlu użu mill-faċilitajiet tiegħu fuq bażi ugwali bħal oħrajn f'konformità mal-obbligi stabbiliti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

Sigurtà, IT u żvilupp tal-infrastruttura

32.  Jappoġġja l-investiment li għamel il-Parlament biex jinżamm post tax-xogħol modern u effiċjenti; iqis li s-sigurtà tal-bini u ċ-ċibersigurtà huma essenzjali għas-sikurezza u l-funzjonament tal-Parlament; jilqa' l-fatt li l-Parlament se jkun kważi temm ix-xogħol għas-sistemi ta' sigurtà tal-bini kollu tiegħu ladarba jkun tlesta x-xogħol tal-entratura tal-bini Weiss; jitlob informazzjoni aġġornata dwar l-ispejjeż ġenerali ta' dak il-proġett; itenni li s-sigurtà tal-IT kif ukoll is-servizzi cloud b'saħħithom u siguri, għandhom jibqgħu prijorità ewlenija filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Parlament jistudja l-possibilità li tintuża infrastruttura b'sors miftuħ;

33.  Jilqa' l-istrateġija Digital Workplace4MEP (post tax-xogħol diġitali għall-Membri) li toffri soluzzjonijiet għall-mobilità u l-effiċjenza; iqis li l-użu ta' tagħmir ibridu ta' kwalità għolja għandu jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv ta' ġestjoni ambjentali li l-konsum tal-karta jitnaqqas b'50 % sal-2024; jistenna li f'termini baġitarji, dak l-użu se jwassal għal iffrankar sinifikanti tal-ispejjeż minħabba t-tneħħija gradwali ta' tip ieħor ta' tagħmir;

34.  Jinnota li d-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni għandu l-għan li jiżviluppa għodda li tista' awtomatikament tittraskrivi u tittraduċi d-dibattiti multilingwi parlamentari f'ħin reali sabiex iċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess ugwali għall-informazzjoni bil-lingwa tagħhom; jenfasizza li l-effikaċja u l-valur miżjud ta' tali għodod għandhom jiġu żgurati u ppruvati bil-quddiem fl-24 lingwa uffiċjali kollha; jitlob li ssir analiżi finanzjarja dwar l-ispiża totali tal-proġett kollu u l-impatt fuq ir-riżorsi umani; jitlob li ssir stima tal-kalendarju ta' meta tkun disponibbli din it-teknoloġija; iqis li l-mezzi ddedikati għall-multilingwiżmu, jiġifieri t-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, m'għandhomx jitnaqqsu, sakemm ma jsir l-ebda tnaqqis fil-volum ta' xogħol;

35.  Jitlob li jsir titjib fis-sistema attwali ta' traċċar u rintraċċar ta' kwistjonijiet marbuta mal-IT bejn l-unitajiet operattivi tas-servizzi tal-Parlament sabiex tiżdied l-effiċjenza u t-trasparenza; jitlob, b'mod partikolari, li r-rapportar tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-Membri jiġi ssemplifikat biex jiġu żgurati sistema effiċjenti, rapida u faċli għall-utent u traċċabilità tat-talbiet;

36.  Jitlob li jiġu żviluppati ulterjorment faċilitajiet stabbli u sikuri ta' telexogħol għall-apparat kollu;

Parlament ekoloġiku u mobilità sostenibbli

37.  Jissottolinja li mill-2016, il-Parlament huwa l-ewwel istituzzjoni tal-Unjoni li saret newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, għax wara li għamel kull sforz possibbli biex inaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, jikkumpensa 100 % tal-emissjonijiet tiegħu li ma jistgħux jitnaqqsu;

38.  Ifakkar li l-marka tal-karbonju tal-Parlament tinkludi s-seba' kategoriji ewlenin li ġejjin: il-konsum tal-enerġija; it-tnixxija ta' gassijiet refriġeranti, merkanzija, trasport ta' persuni, forniment ta' tagħmir u servizzi, skart dirett, u assi fissi; jilqa' d-deċiżjoni tal-Bureau li ġew stabbiliti objettivi ambjentali ġodda u aktar ambizzjużi għal-leġiżlatura attwali, li għandhom jinkisbu sal-2024 f'oqsma ewlenin bħat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju mit-trasport ta' persuni, it-tnaqqis tal-gass, taż-żejt għat-tisħin u tal-konsum tat-tisħin distrettwali, it-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku, it-tnaqqis tal-konsum ta' karti, it-tnaqqis tal-iskart mhux riċiklat, it-tnaqqis tal-konsum tal-ilma u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel; jitlob li jiġi ppreżentat pjan direzzjonali dettaljat dwar l-issodisfar ta' dawn l-objettivi lill-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament; jitlob rieżami annwali tar-riżultati u l-possibilità li tiżdied l-ambizzjoni ta' dawk l-istandards sa nofs it-terminu fl-2022;

39.  Jilqa' l-politika l-ġdida tal-parkeġġ żviluppata fil-parkeġġi tal-Parlament bl-għan li jiġi promoss l-użu ta' vetturi elettriċi, jiġifieri roti, roti-kargo, skuters u karozzi, permezz tal-installazzjoni ta' stazzjonijiet ta' iċċarġjar tal-elettriku; jappella li dik il-politika tiġi estiża għall-parkeġġi l-oħra kollha tal-Parlament; jappoġġja l-miżuri futuri kollha biex iħeġġu lill-Membri u l-persunal inaqqsu l-użu tal-karozzi tal-passiġġieri u jagħtu prijorità lill-użu tat-trasport pubbliku u tar-roti, inklużi wkoll inċentivi finanzjarji;

40.  Iħeġġeġ lill-Membri jużaw possibilitajiet ta' trasport li jirrispettaw l-objettivi ambjentali previsti mill-Parlament; jitlob lill-Bureau jirrevedi l-miżuri ta' implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew sabiex il-Membri jiġu rimborżati għal biljetti tal-ajru "flexible economy" meta jivvjaġġaw fl-Unjoni, b'eċċezzjonijiet aċċettati għal titjiriet itwal minn erba' sigħat jew titjiriet b'waqfa; jinnota li l-ivvjaġġar ta' ħafna Membri mill-kostitwenzi tagħhom lejn il-postijiet tax-xogħol tal-Parlament jirrikjedi vjaġġi twal u jista' jsir biss bl-ajruplan;

41.  Jitlob li jiġi protett l-ambjent u li jiġu ffrankati r-riżorsi; huwa mħasseb, f'dan ir-rigward, mill-fatt li l-Membri ma jużawx il-pass tal-ivvjaġġar ferrovjarju Belġjan tagħhom mingħajr ħlas; jistieden lill-Bureau jsib soluzzjoni għall-ottimizzazzjoni tal-użu ta' dan il-pass u jagħti d-dettalji finanzjarji tal-ftehim mal-SNCB/NMBS; ifakkar fit-talba tiegħu li jsir aktar użu mill-vidjokonferenzi, inkluż ma' parteċipanti esterni permezz tal-użu ta' software mifrux u teknoloġiji oħra;

42.  Jilqa' l-avviż tal-Kwesturi tat-18 ta' Frar 2020 biex il-Membri u s-segretarjati tal-gruppi politiċi jiġu mħeġġa japplikaw il-politika volontarja dwar il-kondiviżjoni tal-bagolli, bil-għan li jitnaqqas l-għadd ta' trakkijiet meħtieġa għall-missjonijiet fi Strasburgu u b'hekk titnaqqas il-marka tal-karbonju tal-Parlament; jitlob li ssir analiżi ta' soluzzjonijiet alternattivi għall-bagolli f'konformità mal-objettiv tal-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) għal Parlament mingħajr karti kemm jista' jkun malajr;

Kwistjonijiet relatati mal-Membri u mal-assistenti parlamentari akkreditati

43.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nefqa addizzjonali fuq l-interpretazzjoni tal-ispjegazzjoni tal-vot orali matul is-sessjonijiet plenarji; jisħaq li l-ispiża tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni tal-ispjegazzjoni tal-vot orali hija stmata għal EUR 21,431 għal kull jum ta' votazzjoni jew EUR 900,102 fis-sena; ifakkar li alternattivi, bħal spjegazzjoni tal-vot bil-miktub kif ukoll diversi faċilitajiet pubbliċi ta' komunikazzjoni, huma disponibbli għall-Membri li jixtiequ jispjegaw il-pożizzjonijiet tal-vot tagħhom; f'dan il-kuntest, jappella għall-użu raġonevoli tar-riżorsi tal-Parlament u jqis li, sabiex jinkiseb iffrankar sinifikanti, l-ispjegazzjoni tal-vot orali tista' tiġi abolita;

44.  Ifakkar fl-Artikolu 27(1) u (2) tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew li jiddikjara li ‘[I]l-fond għall-pensjoni volontarja mwaqqaf mill-Parlament Ewropew għandu jinżamm wara d-dħul fis-seħħ ta' dan l-Istatut għall-Membri jew ex Membri li diġà kisbu drittijiet jew jeddijiet futuri f'dak il-fond’ u li ‘[D]rittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom’; jikkonstata barra minn hekk li, fi tmiem l-2018, l-ammont nett ta' assi għal kunsiderazzjoni u l-impenn attwarjali ammontaw għal EUR 112,3 miljun u EUR 398,4 miljun rispettivament, u dan irrappreżenta defiċit attwarjali ta' EUR 286,1 miljun; jirrimarka li dan iqajjem tħassib dwar il-possibilità ta' eżawriment tal-Fond ta' Pensjoni Volontarja; jistieden lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau jirrispettaw bis-sħiħ l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew u jistabbilixxu pjan ċar għall-Parlament li jassumi u jieħu f'idejh l-obbligi u r-responsabbiltajiet għall-iskema tal-pensjoni volontarja tal-Membri tiegħu flimkien mal-Fond tal-Pensjoni; jappoġġja t-talba tal-Bureau lis-Segretarju Ġenerali biex jinvestiga modi biex jiġi żgurat finanzjament sostenibbli tal-Fond ta' Pensjoni Volontarja skont id-dispożizzjonijiet tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew filwaqt li tiġi żgurata trasparenza sħiħa; iqis li għandhom jiġu eżawriti l-mezzi kollha possibbli biex tinstab soluzzjoni ġusta għall-problema, filwaqt li r-responsabilità tal-Parlament tinżamm minima; jappella lill-Bureau u lill-membri tal-Fond ta' Pensjoni Volontarja biex jappoġġjaw miżuri li għandhom l-għan li jillimitaw id-defiċit tal-Fond ta' Pensjoni Volontarja;

45.  Itenni l-appell tiegħu għal trasparenza rigward l-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali għall-Membri, f'konformità mas-sejħiet ripetuti mill-plenarja tal-Parlament; iħeġġeġ lill-Bureau minnufih ikompli d-diskussjonijiet dwar l-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali u jasal għal ftehim malajr kemm jista' jkun; jemmen li tali ftehim għandu jinkludi regoli komuni għal iktar trasparenza u obbligu ta' rendikont finanzjarju; jisħaq li kwalunkwe miżura ġdida li żżid it-trasparenza m'għandhiex, sa fejn ikun possibbli, toħloq burokrazija bla bżonn għall-Membri u l-uffiċċji tagħhom;

46.  Ifakkar fl-appell tiegħu sabiex il-Bureau jaħdem fuq soluzzjoni teknika li tippermetti lill-Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw filwaqt li jibbenefikaw mil-liv tal-maternità jew tal-paternità, waqt mard fit-tul jew f'każijiet ta' forza maġġuri; jitlob lill-Bureau jiċċara l-limiti ġuridiċi, finanzjarji u tekniċi jkunu involuti f'din is-soluzzjoni;

47.  Jilqa' l-miżuri li ħa l-Parlament fir-rigward tat-tifqigħa tal-COVID-19, inklużi metodi ta' ħidma temporanji ġodda u li jippermettu l-użu tal-faċilitajiet tal-Parlament fil-ġlieda kontra l-coronavirus; jitlob lill-Bureau jipproponi aktar miżuri biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jevalwa l-konsegwenzi finanzjarji ta' dawk il-miżuri għall-baġits tal-Parlament għall-2020 u l-2021 u jippreżentah lill-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament qabel il-qari tal-baġit mill-Parlament fil-Ħarifa tal-2020; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jelabora linji gwida dettaljati biex issir tħejjija aħjar għal kwalunkwe avveniment futur ta' forza maġġuri sabiex jiġi żgurat twettiq kontinwu tal-funzjonijiet leġiżlattivi tal-Parlament jekk ma jkunx jista' jiġi rrispettat il-funzjonament ordnat;

48.  Ifakkar fit-talba tiegħu dwar l-ammont ta' allowances imħallsa lill-assistenti parlamentari akkreditati għall-missjonijiet li jwettqu bejn it-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament, bil-għan li jiġi żgurat li l-Bureau jallinjah mal-livell tas-sistemi ta' allowances għall-impjegati taċ-ċivil u aġenti oħra; iqis li kwalunkwe żieda fil-portafoll għall-assistenza parlamentari tal-Membri waqt il-mandat tagħhom għandu jkollha dan l-għan bħala ġustifikazzjoni ewlenija;

49.  Jitlob lill-Bureau jivvaluta l-possibilità u l-impatti finanzjarji ta' estensjoni tal-istatus tal-assistenti parlamentari akkreditati għal assistenti lokali; jitlob kjarifika dwar il-kriterji meqjusa għall-istabbiliment tat-tabella ta' remunerazzjoni għall-assistenti lokali, u jitlob analiżi bir-reqqa ta' dawk il-kriterji biex jiġi vvalutat jekk humiex aġġornati; jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li l-kompiti u s-salarji tal-assistenti fl-Istati Membri jkunu proporzjonati;

50.  Jerġa' jitlob lill-Konferenza tal-President tirrevedi d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li jirregolaw il-ħidma tad-delegazzjonijiet u tal-missjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea; jissottolinja li tali reviżjoni għandha tqis il-possibilità li l-assistenti parlamentari akkreditati, suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jakkumpanjaw lill-Membri f'Delegazzjonijiet u f'Missjonijiet uffiċjali tal-Parlament;

51.  Jistieden lill-Bureau jiskrutinizza s-sistema attwali ta' allokazzjoni baġitarja lill-kumitati biex jevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha u jżid il-flessibilità tal-kumitati u l-awtonomija fl-ippjanar u l-allokazzjoni tal-finanzjament għal kompiti u assenjazzjonijiet;

52.  Jitlob lill-Bureau jistabbilixxi flessibilità sħiħa ta' preżenza tal-Membri matul il-ġimgħat ħodor biex jiġu ffaċilitati l-arranġamenti ta' xogħol tagħhom;

Kwistjonijiet oħra

53.  Jilqa' l-ftehimiet ta' kooperazzjoni eżistenti bejn il-Parlament, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li għandhom l-għan li jidentifikaw oqsma oħra li fihom jistgħu jiġu kondiviżi l-funzjonijiet amministrattivi; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jevalwa l-kooperazzjoni eżistenti bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jidentifika aktar sinerġiji u ffrankar potenzjali;

54.  Jiddeplora ż-żidiet reċenti fil-prezzijiet fil-canteens tal-Parlament, speċjalment fir-ristorant self-service fil-bini Altiero Spinelli fi Brussell; iqis li dawn iż-żidiet ma kinux akkumpanjati minn titjib tal-kwalità tal-ikel; jitlob lill-Bureau jivvaluta l-possibilità li jinstab fornitur ta' servizzi ġdid għar-ristorant self-service tal-bini Altiero Spinelli, u jirrevedi l-politika ta' sovvenzjoni tiegħu biex l-ikliet ikollhom prezz iktar raġonevoli;

55.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rekwiżit adottat fl-aħħar riforma tar-Regoli ta' Proċedura li jiġi adottat pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi bl-għan li jinkorpora perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tal-Parlament, fil-livelli u fl-istadji kollha; jistieden lill-Bureau tal-Parlament biex b'mod urġenti jibda l-ħidma tiegħu f'dak il-qasam billi jiftaħ sejħa għal awditu estern biex iwettaq immappjar tas-sitwazzjoni kurrenti u jagħmel rakkomandazzjonijiet kemm mil-lat politiku kif ukoll f'dak amministrattiv tal-attivitajiet tal-Parlament; Jenfasizza li l-awditu jenħtieġ li jkopri l-oqsma u l-indikaturi kollha żviluppati fis-"sett ta' għodod tal-parlament sensittiv għas-sessi" tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u jidentifika r-regoli li jiffaċilitaw jew jimblukkaw l-ugwaljanza bejn is-sessi f'kull aspett analizzat bil-għan li jimmirawhom fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

56.  Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-26 ta' Ottubru 2017, tal-11 ta' Settembru 2018 u tal-15 ta' Jannar 2019 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u l-abbuż fl-Unjoni kif ukoll il-miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali; jitlob li s-Segretarju Ġenerali jipprovdi l-informazzjoni kollha dwar il-ħidma li tkun saret f'dak ir-rigward u l-programm għall-futur qarib; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi valutazzjoni tal-proċeduri ġodda ta' fastidju qabel jippreżenta l-estimi lill-Bureau għall-2022; huwa tal-fehma li l-persunal kif ukoll il-Membri għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw f'korsijiet ta' taħriġ biex tiġi minimizzata l-okkorrenza ta' każijiet bħal dawn fil-Parlament;

57.  Jinnota li l-aġenzija tal-ivvjaġġar il-ġdida tal-Parlament bdiet topera fl-1 ta' Jannar 2019; jinnota li l-Membri esperjenzaw diffikultajiet biex jikkuntattjaw liċ-ċentru telefoniku tas-servizz tal-ivvjaġġar matul u barra mill-ħinijiet tax-xogħol, u jitlob li jkun hemm titjib fid-disponibilità; jirsisti favur mekkaniżmu tal-ilmenti sempliċi u faċli li jintuża, li jippermetti r-riżoluzzjoni rapida ta' kwalunkwe problema; jiddeplora l-fatt li l-biljetti proposti mill-aġenzija mhux dejjem ikunu dawk l-aktar kosteffikaċi u li l-Membri jesperjenzaw dewmien konsiderevoli fir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom; jistieden lid-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi iniedi stħarriġ ta' sodisfazzjon dwar is-servizzi tal-aġenzija tal-ivvjaġġar, u jitlob evalwazzjoni tal-ħidma tagħhom matul il-kuntratt ta' bħalissa;

58.  Jappella lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau biex inisslu kultura ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni fl-amministrazzjoni kollha tal-Parlament u approċċ ta' ġestjoni razzjonalizzata sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u s-sostenibilità ambjentali, u jitnaqqsu d-dokumentazzjoni u l-burokrazija fil-qafas tal-ħidma interna tal-istituzzjoni; jisħaq fuq il-fatt li l-esperjenza ta' ġestjoni razzjonalizzata hija t-titjib kontinwu tal-proċedura tal-ħidma bis-saħħa tas-semplifikazzjoni u l-esperjenza tal-persunal amministrattiv;

59.  Jenfasizza li l-Parlament għandu jkun post tax-xogħol sikur, kemm f'termini fiżiċi kif ukoll psikoloġiċi; huwa mħasseb dwar l-effett fuq il-ħaddiema tal-kuntratti l-ġodda għat-tindif fil-Parlament; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jivverifika li jkunu qed jiġu ssodisfati l-ogħla standards tal-liġi dwar ix-xogħol mill-kuntratturi esterni, b'mod partikolari fir-rigward tal-pressjoni psikoloġika u l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

o
o   o

60.  Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2021;

61.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15.
(5) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 192.
(6) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 31.
(7) Testi adottati, P8_TA(2019)0010.
(8) Testi adottati, P8_TA(2019)0326.
(9) Testi adottati, P9_TA(2019)0038.
(10) Testi adottati, P9_TA(2019)0071.
(11) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 188.
(12) Testi adottati mill-Bureau, PE 113.116/BUR./rev. XXVI/01-04-2009.
(13) Skont ir-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika).
(14) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibilità għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2018, p. 70).

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza