Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2631(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0158/2020

Testi mressqa :

B9-0158/2020

Dibattiti :

PV 13/05/2020 - 17
CRE 13/05/2020 - 17

Votazzjonijiet :

PV 14/05/2020 - 20
CRE 14/05/2020 - 20

Testi adottati :

P9_TA(2020)0124

Testi adottati
PDF 155kWORD 48k
Il-Ġimgħa, 15 ta' Mejju 2020 - Brussell
Il-QFP il-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru
P9_TA(2020)0124B9-0158/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru (2020/2631(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 225, 310, 311, 312, 323 u 324 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Schuman tad-9 ta' Mejju 1950,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin mill-2021 sal-2027 (COM(2018)0322),

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' qbil(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji,

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni: Rebbiegħa 2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli (COM(2020)0021),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar tassazzjoni ġusta f'ekonomija diġitalizzata u globalizzata: BEPS 2.0(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha konsegwenzi traġiċi u diżastrużi għan-nies u l-għeżież tagħhom;

B.  billi din il-kriżi qiegħdet restrizzjonijiet kbar fuq is-sistemi ta' protezzjoni soċjali u tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri;

C.  billi l-kriżi tal-COVID-19 qed taffettwa b'mod partikolari lill-gruppi vulnerabbli, u dan iwassal għal żieda fl-inugwaljanzi, fil-faqar, fil-qgħad u fid-diverġenzi soċjali, minbarra li jdgħajjef l-istandards soċjali u tal-impjiegi fl-Ewropa;

D.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom favur l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU, tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-Ftehim ta' Pariġi;

E.  billi r-risponsi ekonomiċi asimmetriċi tal-Istati Membri jistgħu jipperikolaw l-isforzi ta' konverġenza tal-UE u joħolqu distorsjonijiet fis-suq uniku;

F.  billi ħafna negozji kellhom jagħlqu jew qed jiffaċċjaw dak ir-riskju, u partijiet kbar mill-ekonomija tagħna huma weqfin;

G.  billi dan it-tfixkil qed jaffettwa l-ekonomija tal-UE inġenerali, u billi, sabiex tiġi indirizzata l-kriżi, għandhom jiġu żgurati kapaċità ugwali ta' ħruġ ta' dejn u aċċess ugwali għall-finanzjament, anki għall-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro;

H.  billi, skont it-tbassir ekonomiku tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-UE mistenni jonqos b'7,4 %;

I.  billi l-Kunsill Ewropew ma rnexxilux jilħaq ftehim dwar pjan direzzjonali komuni għall-irkupru wara l-kriżi; billi, madankollu, ta lill-Kummissjoni l-kompitu li tfassal pakkett ta' rkupru bbażat fuq QFP aġġustat;

J.  billi l-Parlament diġà esprima t-tħassib tiegħu dwar id-daqs tal-QFP li jmiss kif propost mill-Kummissjoni f'Mejju 2018, qabel il-kriżi tal-COVID-19, minħabba li ma jippermettix lill-UE twettaq l-impenji politiċi tagħha u tirreaġixxi għall-isfidi importanti li ġejjin;

K.  billi l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna u jeħtieġu inqas burokrazija, regolamenti li jkunu adatti għall-iskop tagħhom, networks aħjar ta' imprendituri u xjenzjati, u investiment fl-infrastruttura transfruntiera;

L.  billi l-Artikolu 312 tat-TFUE jiddikjara li l-Parlament irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-QFP;

M.  billi l-Kummissjoni mistennija tħejji urġentement pjan ta' kontinġenza tal-QFP biex tipproteġi lill-benefiċjarji tal-UE u telimina kwalunkwe riskju ta' diskontinwità, f'każ li ftehim dwar il-QFP li jmiss ma jintlaħaqx fil-ħin biex jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021, kif mitlub formalment mill-Parlament;

N.  billi l-pjan ta' kontinġenza tal-QFP huwa kompatibbli għalkollox mal-Pjan ta' Rkupru;

O.  billi l-UE kkommemorat is-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Schuman fid-9 ta' Mejju 2020;

1.  Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija ta' rkupru; ifakkar li l-interessi tagħhom huma rappreżentati mill-Parlament Ewropew; għaldaqstant, iwissi lill-Kummissjoni kontra kwalunkwe tentattiv li tfassal strateġija Ewropea ta' rkupru mhux skont il-metodu Komunitarju u minflok tirrikorri għal mezzi intergovernattivi;

2.  Ifakkar li l-QFP huwa l-għodda baġitarja li permezz tagħha l-UE tissodisfa l-ambizzjonijiet tagħha; iwissi lill-Kummissjoni kontra kwalunkwe tentattiv li tfassal din l-istrateġija Ewropea ta' rkupru li ma tkunx mibnija fuq il-QFP u l-programmi tiegħu; jitlob b'insistenza li l-Parlament ikun involut fit-tiswir, fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tal-fond ta' rkupru, u li jkun fiċ-ċentru tal-proċess deċiżjonali biex tiġi żgurata r-responsabbiltà demokratika;

3.  Jinsisti li l-QFP il-ġdid u l-istrateġija Ewropea ta' rkupru għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji ta' koeżjoni ekonomika u territorjali, djalogu soċjali u trasformazzjoni lejn ekonomija reżiljenti, sostenibbli, soċjalment ġusta u kompetittiva;

4.  Ifakkar li waħda mill-missjonijiet ewlenin tal-Parlament hija li l-eżekuttiv jinżamm taħt kontroll; iwissi lill-Kummissjoni kontra l-użu ta' ċifri kbar qarrieqa meta tippreżenta l-pjan ta' rkupru tagħha; jenfasizza li l-kredibbiltà tal-Unjoni hija fil-periklu;

5.  Ifakkar li l-Parlament jeħtieġlu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-QFP; iwissi lill-Kummissjoni kontra l-preżentazzjoni ta' QFP rivedut meta l-pjan ta' rkupru jkun ffinanzjat għad-detriment ta' programmi eżistenti u futuri; iwissi lill-Kummissjoni kontra t-tentazzjoni li toħloq għodod baġitarji mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Parlament u b'hekk tevita s-sorveljanza demokratika; ifakkar fil-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 324 tat-TFUE f'dan ir-rigward; huwa lest li jirrifjuta kwalunkwe proposta li ma tissodisfax dawn l-istandards; ifakkar li l-Parlament mhuwiex se jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-QFP mingħajr qbil dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE;

Qafas finanzjarju pluriennali b'saħħtu għall-irkupru tal-UE u lil hinn minnu

6.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-ħtieġa ta' QFP ambizzjuż li jissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE u li jkun suffiċjenti għall-impenji u l-ambizzjonijiet politiċi tal-UE bil-mezzi finanzjarji neċessarji; jitlob b'insistenza li l-proposta riveduta tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027 tikkalkula l-Fond għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni l-ġdid flimkien mal-QFP li jmiss; jemmen li l-proposta l-ġdida dwar il-QFP għandha tqis kemm il-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod effettiv il-konsegwenzi tal-kriżi kif ukoll l-istrumenti u l-inizjattivi addizzjonali marbuta mal-aġenda politika tal-Kummissjoni l-ġdida;

7.  Jinsisti li ssir valutazzjoni qabel tmiem l-istrateġija ta' rkupru u li l-QFP jiġi rivedut kif xieraq matul l-analiżi ta' nofs it-terminu tiegħu;

8.  Jinnota li l-frontloading tar-riżorsi jista' jgħin biex jittaffew l-effetti immedjati tal-kriżi, speċjalment fil-politika ta' koeżjoni, iżda li ma jipprovdix flus addizzjonali u ma jistax jiġi rreklamat bħala tali; iwissi li frontloading eċċessiv iwassal għal baġit imdgħajjef li ma jippermettix lill-UE tinvesti fil-futur komuni tagħha, u minħabba f'hekk tkun aktar vulnerabbli għal kriżijiet oħra;

9.  Jistieden lill-mexxejja tal-UE u lill-Kummissjoni jieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi rigward ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, inkluża l-introduzzjoni ta' basket ta' riżorsi proprji ġodda; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu, kif stabbilita fir-rapport interim dwar il-QFP, rigward il-lista ta' kandidati potenzjali għal riżorsi proprji ġodda: bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, tassazzjoni tas-servizzi diġitali, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, introjtu mill-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, kontribuzzjoni għall-plastik u mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera; itenni l-pożizzjoni tiegħu favur l-abolizzjoni tar-ribassi u l-korrezzjonijiet kollha, is-semplifikazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u l-użu ta' multi u tariffi bħala dħul addizzjonali għall-baġit tal-UE;

10.  Iwissi lill-Istati Membri li jekk ma jridux jaċċettaw il-ħolqien ta' riżorsi proprji ġodda, l-iżgurar ta' QFP vijabbli inevitabbilment jinvolvi l-aċċettazzjoni ta' żieda ulterjuri fil-kontribuzzjonijiet diretti tal-ING tagħhom;

11.  Jappella għal żieda immedjata u permanenti tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-QFP u tal-Fond għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni u jiġi inkluż it-tnaqqis previst tal-ING wara r-reċessjoni kkawżata mill-kriżi;

12.  Huwa determinat li jopponi kwalunkwe tentattiv li jiġi pperikolat il-finanzjament adegwat tal-QFP li jmiss sabiex jiġi pprovdut finanzjament immedjat għall-istrateġija ta' rkupru; jitlob b'insistenza li l-pjan ta' rkupru jkun inkorporat f'QFP imsaħħaħ li jinkludi riżorsi proprji ġodda;

13.  Jinsisti li l-Fond għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni jrid jiġi ffinanzjat flimkien mal-politiki eżistenti u futuri tal-UE u m'għandux jaffettwa l-prijoritajiet u l-objettivi strateġiċi fit-tul tagħna jew iwassal għal QFP iżgħar;

Fond Ewropew għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni kredibbli

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pakkett ta' rkupru massiv skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' April 2020; jitlob li l-Fond għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni jiġi ffinanzjat permezz tal-ħruġ ta' bonds ta' rkupru bi skadenza twila ggarantiti mill-baġit tal-UE, li jimmassimizzaw il-marġni ta' manuvra u li jkunu soġġetti għal pjan ta' ripagament; jissottolinja li l-Fond se jkun komponent ewlieni ta' pakkett globali li jipprovdi impuls ta' investiment, anki billi jiġi attirat investiment privat, b'ammont ta' EUR 2 triljun u b'durata proporzjonata għall-impatt fil-fond u fit-tul mistenni mill-kriżi attwali;

15.  Jappella biex il-Pakkett jiġi żborżat permezz ta' self u, l-aktar, permezz ta' għotjiet, pagamenti diretti għall-investiment u l-ekwità, u biex il-Fond ikun ġestit direttament mill-Kummissjoni; jemmen li l-flus għandhom imorru għal programmi fil-baġit tal-UE li jkollhom sorveljanza u parteċipazzjoni parlamentari sħaħ u jkunu soġġetti għal rekwiżiti xierqa ta' awditjar u rapportar;

16.  Jenfasizza, madankollu, li l-Fond m'għandux iqiegħed piż addizzjonali fuq it-teżori nazzjonali u għandu jkun iggwidat mill-prinċipji ta' finanzi sodi; huwa lest jikkunsidra li jżomm il-kontribuzzjonijiet tal-ING tal-Istati Membri fil-livelli nominali attwali bi skambju għall-istabbiliment ta' riżorsi proprji ġodda li mhux biss iħallsu l-imgħax u r-ripagamenti prinċipali tal-ħruġ iżda jiffinanzjaw ukoll QFP ambizzjuż;

17.  Ifakkar fil-ħtieġa li titħares il-kredibbiltà tal-Unjoni tagħna u jwissi lill-Kummissjoni kontra l-użu ta' tisħir finanzjarju u multiplikaturi dubjużi biex jiġu rreklamati ċifri ambizzjużi; jissottolinja li ċifri kbar tal-investiment li għandu jiġi mobilizzat ma jikkostitwixxux id-daqs reali ta' Fond għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni, u ma jistgħux jiġu ppreżentati bħala tali;

18.  Ifakkar fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li d-dħul u nefqa tal-Baġit tal-UE għandhom ikunu f'bilanċ u li l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li jsiru disponibbli mezzi finanzjarji biex l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi legali tagħha fil-konfront ta' partijiet terzi; jappella, f'dan ir-rigward, għal trattament baġitarju tal-bonds ta' rkupru li jkun ekonomikament sod u li jkun konformi mal-kontabbiltà normali ta' kull awtorità pubblika, inklużi l-Istati Membri; jipproponi li, minflok ma jiddaħħal l-ammont kollu pendenti fil-baġit annwali, il-pagamenti dovuti biss f'kull sena jridu jiġu koperti fil-marġni ta' manuvra taħt il-limitu massimu tar-Riżorsi Proprji, filwaqt li tinżamm trasparenza sħiħa dwar ir-ripagamenti pendenti ta' mgħax u kapital u minkejja l-ħtieġa ta' pjan ta' ripagament;

19.  Jenfasizza li t-twaqqit huwa essenzjali u li l-Fond għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni għandu jkun marbut mal-QFP attwali u li jmiss u għandu jkun allinjat mal-istruttura u l-objettivi tiegħu; jitlob li l-Fond għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni jsir operattiv mill-aktar fis possibbli din is-sena;

20.  Jitlob li dan il-pakkett ta' rkupru massiv jittrasforma l-ekonomiji tagħna u jsaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom permezz tal-akkomunament ta' investimenti strateġiċi biex jappoġġjaw lill-SMEs, u biex iżid l-opportunitajiet ta' impjieg u l-ħiliet biex jittaffa l-impatt tal-kriżi fuq il-ħaddiema, il-konsumaturi u l-familji; għalhekk, jitlob li tingħata prijorità lill-investimenti fil-Patt Ekoloġiku, fl-aġenda diġitali u fil-kisba ta' sovranità Ewropea f'setturi strateġiċi, bi strateġija industrijali konsistenti u filwaqt li l-ktajjen tal-provvista jitqassru u jiġu diversifikati flimkien mar-riorjentazzjoni tal-politiki kummerċjali; jappella għall-ħolqien ta' programm tas-saħħa Ewropew awtonomu ġdid;

21.  Iqis li huwa kruċjali li dawn l-isforzi jkollhom dimensjoni soċjali qawwija u jkunu allinjati mal-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (UN SDGs) u mal-objettiv tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, sabiex jiġi żgurat li l-irkupru jsaħħaħ il-koeżjoni territorjali u l-kompetittività, u li jindirizza l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u l-ħtiġijiet ta' dawk l-aktar milquta mill-kriżi, bħan-nisa, il-minoranzi u dawk fuq is-soll tal-faqar jew taħtu;

22.  Jenfasizza li dawn il-fondi se jiġu diretti lejn proġetti u benefiċjarji li jikkonformaw mal-valuri fundamentali tagħna bbażati fuq it-Trattati, il-Ftehim ta' Pariġi, l-objettivi tal-UE dwar in-newtralità klimatika u l-bijodiversità, u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu kompatibbli ma' dawn il-kundizzjonijiet;

23.  Ifakkar fl-importanza tas-solidarjetà internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jmexxu l-isforzi ta' rkupru u trasformazzjoni li jirriżultaw mill-COVID-19 fil-livell internazzjonali filwaqt li jħarsu l-valuri tagħna ta' solidarjetà, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-multilateraliżmu;

o
o   o

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0449.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0032.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(5) Testi adottati, P9_TA(2019)0102.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Lulju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza