Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
PDF 180kWORD 43k
Il-Ġimgħa, 15 ta' Mejju 2020 - Brussell Verżjoni proviżorja
Tariffi għall-infrastruttura tal-portijiet ***I
P9_TA-PROV(2020)0128
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/352, biex il-korpi ta’ ġestjoni jew l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu joffru l-flessibbiltà fir-rigward tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0177 - C9-0123/2020 - 2020/0067(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0177),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0123/2020),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-8 ta' Mejju 2020, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' Mejju 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/352, sabiex il-korp ta’ ġestjoni ta' port jew l-awtorità kompetenti jkunu jistgħu joffru l-flessibbiltà fir-rigward tal-impożizzjoni tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19

P9_TC1-COD(2020)0067

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(1),

Billi:

(1)  It-tifqigħa tal-COVID-19 qed ikollha impatt negattiv serju fuq is-settur tat-trasport marittimu. Il-konsegwenzi serji għas-servizzi tat-trasport marittimu u għall-użu tal-infrastruttura portwarja ilhom jinħassu mill-bidu ta’ Marzu 2020 u aktarx ser jibqgħu matul l-2020. Ir-rinunzjar, is-sospensjoni, it-tnaqqis jew id-differiment tal-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja jistgħu jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-operaturi tal-bastimenti f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tariffi tal-infrastruttura portwarja jiġu imposti. Ir-Regolament (UE) 2017/352 ma jipprovdi l-ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jiġu imposti t-tariffi.

(3)  Fid-dawl tal-gravità tal-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19, jixraq li l-korp ta’ ġestjoni ta’ port jew l-awtorità kompetenti jkunu jistgħu jiddeċiedu li jirrinunzjaw, li jissospendu, li jnaqqsu jew li jiddifferixxu l-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja dovuti għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020. Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jinterferixxix mal-organizzazzjoni portwarja tal-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu s-setgħa li jirregolaw l-adozzjoni ta' tali deċiżjonijiet mill-korp ta' ġestjoni ta' port jew mill-awtorità kompetenti. Jenħtieġ li tali rinunzjar, sospensjoni, tnaqqis jew differiment tal-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja jingħataw b’mod trasparenti, oġġettiv u mhux diskriminatorju.

(4)  Minħabba l-urġenza, jixraq ukoll li l-korp ta’ ġestjoni ta’ port jew l-awtorità kompetenti jkunu jistgħu jidderogaw mill-obbligu, previst fir-Regolament (UE) 2017/352, li jinfurmaw lill-utenti ta’ infrastruttura portwarja dwar kwalunkwe tibdil fin-natura jew fil-livell tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja tal-anqas xahrejn qabel ma dak it-tibdil jidħol fis-seħħ.

(5)  Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-emendar tar-Regolament (UE) 2017/352 bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni urġenti maħluqa mit-tifqigħa tal-COVID-19, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(6)  Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19 li jiġġustifikaw il-miżuri proposti, u b’mod partikolari biex jiġu adottati malajr il-miżuri neċessarji sabiex jingħata kontribut għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-operaturi tal-bastimenti, kien meqjus xieraq li tingħata eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(7)  It-tifqigħa imprevedibbli u għal għarrieda tal-COVID-19 u l-proċeduri leġislattivi li huma meħtieġa għall-adozzjoni tal-miżuri rilevanti kienu jfissru li kien impossibbli li miżuri bħal dawn jiġu adottati fil-ħin. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw għat-tariffi tal-infrastruttura portwarja dovuti għal perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Minħabba n-natura ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, approċċ bħal dan ma jirriżultax fi ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati.

(8)  Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/352 jiġi emendat skont dan.

(9)  Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/352 jiżdied il-paragrafu li ġej:"

“3. Minkejja l-Artikolu 13(1), (3) u (4), il-korp ta’ ġestjoni tal-port jew l-awtorità kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jirrinunzjaw, li jissospendu, li jnaqqsu jew li jiddifferixxu l-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja dovuti għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tali deċiżjonijiet għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti stabbiliti għal dak il-għan fil-liġi nazzjonali. Ir-rinunzjar, is-sospensjoni, it-tnaqqis jew id-differiment tal-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja għandhom jingħataw b’mod trasparenti, oġġettiv u mhux diskriminatorju.

Il-korp ta’ ġestjoni tal-port jew l-awtorità kompetenti għandhom jiżguraw li l-utenti tal-portijiet u r-rappreżentanti jew l-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-portijiet ikunu infurmati kif xieraq. Il-limitu ta’ żmien ta’ xahrejn imsemmi fl-Artikolu 13(5) ma għandux japplika.”.

"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Mejju 2020.
(2)Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza