Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2154(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0036/2020

Testi mressqa :

A9-0036/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/06/2020 - 27

Testi adottati :

P9_TA(2020)0132

Testi adottati
PDF 130kWORD 43k
L-Erbgħa, 17 ta' Ġunju 2020 - Brussell
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck
P9_TA(2020)0132A9-0036/2020

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck (2019/2154(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck, imressqa fid-29 ta' Ottubru 2019 mill-Ministeru Federali Ġermaniż tal-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur b'rabta mal-Proċedura Nru 80 AR 137/19 u mħabbra fis-seduta plenarja fil-25 ta' Novembru 2019,

–  wara li sema' lil Gunnar Beck, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fit-30 ta' April 2019(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0036/2020),

A.  billi l-Kap Prosekutur Pubbliku ta' Düsseldorf talab it-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta ma' investigazzjoni possibbli dwar l-allegat użu ħażin ta' titli, li huwa reat stabbilit u punibbli fis-sens tal-Artikolu 132a(1)(1) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż;

B.  billi l-investigazzjoni ma tirrigwardax opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minn Gunnar Beck fil-qadi ta' dmirijietu, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

C.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;

D.  billi fuq il-karta tal-vot għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2019, Gunnar Beck ġie elenkat bħala "Prof. Dr Gunnar Beck, Hochschuldozent [lekċerer universitarju], Barrister-at-Law für EU-Recht [speċjalizzat fid-Dritt tal-UE], Neuss (NW)"; billi fl-1996 Gunnar Beck ingħata Dottorat fil-Filosofija f'Oxford, il-Gran Brittanja, filwaqt li fil-Ġermanja la kiseb it-titlu ta' professur u lanqas ta' dottore; billi qabel is-sessjoni parzjali kostituttiva tal-Parlament Ewropew, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta' Düsseldorf nieda investigazzjoni fuq il-bażi ta' rapporti fl-istampa u lmenti kriminali dwar l-allegat użu ħażin ta' titlu fis-sens tal-Artikolu 132a (1)(1) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż; billi ftit żmien wara l-5 ta' Lulju 2019 u probabbilment fid-9 ta' Lulju 2019, l-investigazzjoni ġiet sospiża insegwitu tal-elezzjoni ta' Gunnar Beck fil-Parlament Ewropew; billi fl-4 ta' Settembru 2019, il-Kap Prosekutur Pubbliku ta' Düsseldorf ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck lill-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur bil-ħsieb li terġa' tinbeda l-investigazzjoni dwar l-allegat użu ħażin ta' titlu fis-sens tal-Artikolu 132a(1)(1) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż;

E.  billi skont l-Artikolu 9(8) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali "fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas m'għandu jippronunzja ruħu dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jeżamina t-talba, il-kumitat jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ";

F.  billi skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta' Proċedura, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma hija garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

G.  billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;

H.  billi f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni sottostanti tal-proċedimenti legali tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Membru, u b'hekk lill-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Gunnar Beck;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Ġermaniżi u lil Gunnar Beck.

(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266;

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza