Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2149(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0037/2020

Testi mressqa :

A9-0037/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/06/2020 - 27

Testi adottati :

P9_TA(2020)0133

Testi adottati
PDF 128kWORD 45k
L-Erbgħa, 17 ta' Ġunju 2020 - Brussell
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Guy Verhofstadt
P9_TA(2020)0133A9-0037/2020

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Guy Verhofstadt (2019/2149(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Guy Verhofstadt, imressqa fil-15 ta' Ottubru 2019 mill-Qorti Distrettwali ta' Varsavja-Śródmieście, il-Ħames Awla Kriminali, b'rabta ma' proċedimenti kriminali pendenti insegwitu ta' proċedimenti ċivili mressqa quddiem l-istess qorti (ref. X K 7/18), u mħabbra fis-seduta plenarja fit-13 ta' Novembru 2019,

–  wara li sema' lil Guy Verhofstadt, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fit-30 ta' April 2019(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0037/2020),

A.  billi l-imħallef tal-Qorti Distrettwali ta' Varsavja-Śródmieście (Polonja), il-Ħames Awla Kriminali, ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Guy Verhofstadt fir-rigward ta' ċerti dikjarazzjonijiet li għamel fil-15 ta' Novembru 2017 waqt dibattitu fil-plenarja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu; billi r-raġunijiet għad-digriet tal-Qorti Distrettwali jiddikjaraw li, peress li hija responsabbiltà tar-rikorrent li jikseb awtorizzazzjoni biex jibda l-proċedimenti, "f'din is-sitwazzjoni l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu jitqies bħala l-awtorità rilevanti", li "jekk il-prosekutur pubbliku ma jintervejnix fil-proċedimenti u l-Qorti tirrifjuta li titlob li l-immunità inkwistjoni titneħħa", ir-rikorrent ċivili "jiċċaħħad mill-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu kontra persuni protetti bl-immunità tal-Parlament Ewropew" u li "d-dispożizzjoni inkwistjoni [l-Artikolu 9(12) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu] ma tiddisponix li l-awtorità ġudizzjarja għandha tfassal talba bħal din, iżda tiddisponi biss li għandha tittrażmettiha. Għaldaqstant, it-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari fiha nnifisha tikkostitwixxi trażmissjoni purament formali tat-talba tar-rikorrent ċivili"; filwaqt li jinnota, għalhekk, li t-talba msemmija għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ġiet ikkomunikata mill-awtorità ġudizzjarja skont l-Artikolu 9(12) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, kwalunkwe talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari trid titressaq minn "awtorità kompetenti ta' Stat Membru", żewġ kunċetti li mhumiex identiċi;

B.  billi Guy Verhofstadt ġie akkużat, permezz ta' kwerela ċivili ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat tar-rikorrent ċivili privat quddiem l-istess qorti li, b'imprudenza, insulta lir-rikorrent ċivili privat; billi, fl-intervent tiegħu waqt dibattitu fil-plenarja dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja, li ġie mxandar mill-midja, Guy Verhofstadt iddeskriva l-parteċipanti f'Marċ tal-Indipendenza f'Varsavja fl-2017 bħala "faxxisti, neonazis u suprematisti bojod"; billi r-rikorrent kien fost il-partiċipanti f'dan il-marċ;

C.  billi, b'dawn il-kummenti, Guy Verhofstadt allegatament insulta pubblikament ir-rikorrent fl-assenza tiegħu u, allegatament, akkużah ta' fatti li huma ta' preġudizzju f'għajnejn il-pubbliku, u dan iġib miegħu r-riskju, skont ir-rikorrent, li jipprivah mill-fiduċja neċessarja għat-twettiq ta' funzjoni, professjoni jew tip ta' attività, u dan jikkostitwixxi reat previst fl-Artikolu 216(2), flimkien mal-Artikolu 212(2), flimkien mal-Artikolu 11(2) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk;

D.  billi l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru iżda garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

E.  billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jiġi assimilat ma' qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru tal-Parlament, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, ma jistax jitqies li huwa "akkużat"(2);

F.  billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

G.  billi Guy Verhofstadt għamel id-dikjarazzjonijiet tiegħu waqt sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew u waqt is-seduta plenarja stess, fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

H.  billi d-dikjarazzjonijiet ta' Guy Verhofstadt għalhekk saru fil-kuntest ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew u tal-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Guy Verhofstadt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja u lil Guy Verhofstadt.

(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23. is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266;
(2) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta' Diċembru 2019, Oriol Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza