Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-kuntest ta' negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994 dwar il-modifika tal-konċessjonijiet tad-WTO lill-Iżvizzera fir-rigward ta' laħam imħawwar (12482/2019 – C9-0194/2019 – 2019/0196(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12482/2019),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-kuntest ta' negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994 dwar il-modifika tal-konċessjonijiet tad-WTO lill-Iżvizzera fir-rigward ta' laħam imħawwar (12483/2019),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0194/2019),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0092/2020),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Konfederazzjoni Żvizzera.