Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2062(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0109/2020

Testi mressqa :

A9-0109/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/06/2020 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2020)0141

Testi adottati
PDF 149kWORD 49k
Il-Ħamis, 18 ta' Ġunju 2020 - Brussell
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: assistenza teknika fuq linizjattiva tal-Kummissjoni
P9_TA(2020)0141A9-0109/2020
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni minn EGF/2020/000 TA 2020 - Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2020)0146 – C9-0112/2020 – 2020/2062(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0146 – C9-0112/2020),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2019/000 TA 2019 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

—  wara li kkunsidra l-ewwel qari tiegħu dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG)(5),

—  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0109/2020]),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid neċessarja u fil-pront tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet tal-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu introdotti dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;

D.  billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG huwa EUR 150 miljun fi prezzijiet tal-2011 u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jiddikjara li sa 0,5 % ta' dak l-ammont, jiġifieri EUR 179 264 000 fi prezzijiet tal-2020, jista' jsir disponibbli għal assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex jiġu ffinanzjati l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir ta' data u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, l-attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' awditjar, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

E.  billi l-ammont propost ta' EUR 345 000 jikkorrispondi għal madwar 0,19 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2020;

1.  Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li jridu jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) u l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

2.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir ta' data; ifakkar fl-importanza ta' sensiela ta' statistika robusta miġbura fil-forma xierqa li tkun faċilment aċċessibbli u komprensibbli; itenni l-ħtieġa għal riċerka aġġornata dwar l-isfidi attwali ppreżentati mill-COVID-19 fis-suq globali u għal analiżi dwar dawn l-isfidi;

3.  Itenni l-ħtieġa għal sit web apposta, aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, li jkun fih informazzjoni dettaljata dwar il-FEG;

4.  Jilqa' l-ħidma kontinwa fuq proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet tal-FEG u l-ġestjoni li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku ta' data (SFC), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet kif ukoll rappurtar aħjar;

5.  Jieħu nota li l-Kummissjoni se tuża l-baġit disponibbli biex torganizza żewġ laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG (membru wieħed minn kull Stat Membru) u, probabbilment fl-istess ħin, żewġ seminars bil-parteċipazzjoni tal-korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG u s-sħab soċjali sabiex jiġi promoss in-netwerking fost l-Istati Membri;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tistieden b'mod sistematiku lill-Parlament għal dawn il-laqgħat u s-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni;

7.  Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi, b'mod partikolari, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u f'dak lokali, sabiex jinħoloq l-akbar għadd ta' sinerġiji possibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-interazzjoni bejn il-Persuna ta' Kuntatt Nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u li kemm l-arranġamenti ta' komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta' informazzjoni (id-diviżjonijiet, il-kompiti u r-responsabbiltajiet interni) għandhom ikunu espliċiti u maqbula bejn is-sħab kollha kkonċernati;

8.  Ifakkar lill-Istati Membri applikanti fir-rwol ewlieni tagħhom li jippubbliċizzaw b'mod wiesa' l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji fil-mira, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lis-sħab soċjali, lill-midja u lill-pubbliku ġenerali, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

9.  Ifakkar li skont ir-regoli attwali, il-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja b'mod permanenti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u lil dawk li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

10.  Għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni tassisti, bi kwalunkwe mod possibbli, lill-Istati Membri li biħsiebhom jippreparaw applikazzjoni fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin;

11.  Barra minn hekk jitlob lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex turi flessibbiltà u tqassar il-perjodu ta' valutazzjoni sa fejn hu possibbli meta tivvaluta kwalunkwe konformità ta' applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja;

12.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P9_TA(2019)0015.
(5) Testi adottati, P8_TA(2019)0019.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 -Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2020/986.)

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza