Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020: Dħul tas-surplus tas-sena finanzjarja 2019 (07764/2020 – C9-0131/2020 – 2020/2061(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat b'mod definittiv fis-27 ta' Novembru 2019(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 3/2020 adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta' April 2020 (COM(2020)0180),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020, adottata mill-Kunsill fis-6 ta' Mejju 2020 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew l-għada (07764/2020 – C9-0131/2020),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(6),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0104/2020),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020 jimmira li jdaħħal fil-baġit 2020 is-surplus mis-sena finanzjarja 2019, li jammonta għal EUR 3 218,4 miljun;
B. billi l-komponenti ewlenin ta' dak is-surplus huma eżitu pożittiv fuq id-dħul ta' EUR 2 414,8 miljun, u sottoinfiq fin-nefqa ta' EUR 803,6 miljun;
C. billi fuq in-naħa tad-dħul, l-ikbar differenza tirriżulta minn imgħax ta' inadempjenza u multi (EUR 2 510,5 miljun), bl-eżitu tal-baġit kompost minn multi tal-kompetizzjoni u mgħax ta' inadempjenza, pagamenti ta' penali oħra u mgħax marbuta ma' multi u pagamenti ta' penali;
D. billi fuq in-naħa tan-nefqa, is-sottoimplimentazzjoni fil-pagamenti mill-Kummissjoni tilħaq EUR 592,3 miljun għall-2019 (li minnhom EUR 351,5 miljun mir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u EUR 94,5 miljun f'riżerva taħt l-intestatura 3 "Sigurtà u Ċittadinanza") u EUR 86,3 miljun għar-riporti tal-2018, u sottoimplimentazzjoni mill-istituzzjonijiet l-oħra ta' EUR 82,4 miljun għall-2019 u EUR 39 miljun għar-riporti tal-2017;
1. Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020 kif imressaq mill-Kummissjoni, li huwa maħsub biss għall-ibbaġitjar tas-surplus tal-2019, għal ammont ta' EUR 3 218,4 miljun, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill;
2. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-mezzi disponibbli kollha u l-flus mhux użati fil-baġit tal-Unjoni, inkluż is-surplus, jintużaw biex l-assistenza finanzjarja titqassam b'ħeffa lir-reġjuni u n-negozji li ntlaqtu l-iktar mill-pandemija tal-COVID-19; jitlob, f'dak il-kuntest, lill-Istati Membri jindirizzaw kompletament it-tnaqqis mistenni fil-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING tagħhom li jirriżultaw mis-surplus 2019 għall-ibbaġitjar ta' azzjonijiet b'rabta mal-COVID-19, preferibbilment fil-livell tal-Unjoni, biex tiġi garantita allokazzjoni ottimali tal-fondi;
3. Josserva li, skont il-Kummissjoni, il-multi tal-kompetizzjoni fl-2019 ammontaw għal EUR 2 510,5 miljun; iqis għal darb'oħra li għandu jkun possibli għall-baġit tal-Unjoni li jerġa' juża kwalunkwe dħul li jirriżulta minn multi jew marbut ma' pagamenti tard mingħajr tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjonijiet tal-ING; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu favur iż-żieda tar-riżerva proposta tal-Unjoni (Marġni Globali għall-Impenji) fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss b'ammont ekwivalenti għad-dħul li jirriżulta minn multi u penali;
4. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2020 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.