Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2020 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 fir-rigward tas-settur tal-inbid b'rabta mal-pandemija tal-COVID-19 (C(2020)02908 – 2020/2636(DEA))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2020)02908),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li ma kienx se joġġezzjona għar-Regolament delegat,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tat-2 ta' Ġunju 2020 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008(1) u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1), l-Artikolu 64(6) u l-Artikolu 115(5) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007(2), u b'mod partikolari l-Artikoli 37, 53 u 173 u l-Artikolu 227(5) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,
A. billi, minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment li rriżultaw, l-Istati Membri kollha u l-bdiewa fl-Unjoni kollha ħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet eċċezzjonali fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-iskemi ta' għajnuna stabbiliti fl-Artikoli 32 sa 38 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u fl-Artikoli 39 sa 54 ta' dak ir-Regolament għas-settur tal-inbid;
B. billi s-sitwazzjoni wasslet għal diffikultajiet finanzjarji, problemi ta' likwidità, tfixkil tas-suq u disturb serju tal-funzjonament tal-katina tal-provvista fis-settur tal-frott u l-ħaxix u fis-settur tal-inbid;
C. billi l-Istati Membri kollha esperjenzaw diffikultajiet eċċezzjonali fl-ippjanar, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix u fl-Istati Membri li jipproduċu l-inbid bl-ippjanar, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet taħt programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid;
D. billi, fid-dawl tan-natura bla preċedent ta' dawn iċ-ċirkostanzi kkombinati, il-Kummissjoni adottat dispożizzjonijiet li jipprevedu flessibilitajiet u jippermettu derogi mir-regolamenti delegati applikabbli fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid;
E. billi l-implimentazzjoni rapida ta' dawk il-flessibbiltajiet u d-derogi hija essenzjali għall-effettività u l-effikaċja tagħhom fl-indirizzar tad-diffikultajiet fit-tħaddim tal-iskemi ta' għajnuna għaż-żewġ setturi, il-prevenzjoni ta' telf ekonomiku ulterjuri u l-indirizzar tas-sitwazzjoni tas-suq u t-tfixkil fil-funzjonament tal-katina tal-provvista fis-settur tal-frott u l-ħaxix u fis-settur tal-inbid;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.