Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2020 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/101 tas-26 ta' Ottubru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-valutazzjoni prudenti skont l-Artikolu 105(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (C(2020)03428 - 2020/2668(DEA))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2020)03428),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2020 li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li ma kienx se joġġezzjona għar-Regolament delegat,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tad-9 ta' Ġunju 2020 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 105(14) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(2),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' standard tekniku regolatorju ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA/RTS/2020/04) fit-22 ta' April 2020 skont l-Artikolu 105(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,
A. billi l-att delegat jemenda temporanjament il-qafas bankarju prudenzjali b'reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19; b'mod partikolari biex jiġu mmitigati l-impatti tal-volatilità estrema tas-swieq fuq il-qafas tal-valwazzjoni prudenti, l-att delegat iżid il-fattur ta' aggregazzjoni użat biex jiġi kkalkulat l-ammont totali tal-aġġustamenti fil-valwazzjoni addizzjonali ("AVA") skont l-"approċċ bażiku" minn 50 % għal 66 % sal-31 ta' Diċembru 2020 biex jippermetti lill-istituzzjonijiet jiffaċċjaw il-volatilità estrema attwali tas-swieq; dan inaqqas l-ammont totali tal-AVA, u b'hekk jitnaqqas l-ammont li jitnaqqas mill-kapital ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni (CETI) tal-istituzzjonijiet;
B. billi dan l-att delegat għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun sabiex jiġi żgurat li jkun hemm għajnuna ta' kapital rapida għall-istituzzjonijiet matul dan it-trimestru li ninsabu fih u sa tmiem is-sena;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.