Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2019 (2019/2131(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari mill-Artikolu 101 sal-Artikolu 109 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-regoli, il-linji gwida, ir-riżoluzzjonijiet, il-konsultazzjonijiet pubbliċi, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kompetizzjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2018 (COM(2019)0339) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat bħala dokument ta' sostenn fl-istess data,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2019 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(1),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-missjoni tal-10 ta' Settembru 2019 tal-President elett Ursula von der Leyen lil Margrethe Vestager,
– wara li kkunsidra t-tweġibiet orali u bil-miktub tal-Kummissarju nnominat Margrethe Vestager waqt is-seduta ta' smigħ quddiem il-Parlament Ewropew fit-8 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat(2) ,
— wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online(4);
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2018,
— wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2019 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2018,
— wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' April 2019 tal-esperti ta' livell għoli tal-Kummissjoni tal-2019 dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali,
— wara li kkunsidra l-Opinjoni Preliminari tas-26 ta' Marzu 2014 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar "Il-privatezza u l-kompetittività fl-era tal-big data: L-interazzjoni bejn il-protezzjoni tad-data, id-dritt tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi fl-Ekonomija Diġitali" u l-Opinjoni 8/2016 tat-23 ta' Settembru 2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar "L-infurzar koerenti tad-drittijiet fundamentali fl-era tal-big data",
— wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-29 ta’ Awwissu 2018 mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-impatti tal-konċentrazzjoni ekonomika fuq il-protezzjoni tad-data,
— wara li kkunsidra l-ittra tal-4 ta' Frar 2020 mibgħuta lill-Kummissarju Margrethe Vestager mill-ministri tal-ekonomija u tal-finanzi ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Polonja, kif ukoll il-kontribut konġunt tal-Awstrija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja abbozzat bi tħejjija għall-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2020,
— wara li kkunsidra l-proposta tal-4 ta' Lulju 2019 ta' Franza, il-Ġermanja u l-Polonja bit-titlu "Pour une politique européenne de la concurrence modernisée" (Politika Ewropea mmodernizzata fil-qasam tal-kompetizzjoni),
— wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC) bit-titlu "The Role of Competition Policy in Protecting Consumers' Wellbeing in the Digital Era" (ir-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fil-ħarsien tal-benessri tal-konsumaturi fl-era diġitali),
— wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Jannar 2019 li testendi seba' settijiet ta' regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat (l-inizjattiva tal-modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020) sal-aħħar tal-2022 u biex sadanittant tniedi evalwazzjonijiet,
— wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu u s-27 ta' Mejju 2019,
— wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Diċembru 2018 maħruġa minn 18-il Stat Membru waqt is-6 laqgħa ministerjali tal-"Ħbieb tal-Industrija",
— wara li kkunsidra r-rapport tal-Forum Strateġiku għal Proġetti Importanti ta' Interess Komuni Ewropew bit-titlu "Strengthening strategic value chains for a future-ready EU industry" (It-tisħiħ tal-ktajjen ta' valur strateġiċi għal industrija tal-UE lesta għall-futur),
— wara li kkunsidra r-reviżjoni li għaddejja bħalissa dwar il-linji gwida relatati mal-kooperazzjoni orizzontali,
— wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-regolamenti orizzontali ta' eżenzjoni ta' kategorija,
— wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2019 bit-titlu "Lejn qafas legali Ewropew adatt għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0022/2020),
A. billi l-kompetizzjoni u l-infurzar effettiv tal-politika tal-kompetizzjoni għandhom ikunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE, speċjalment dawk f'pożizzjoni dgħajfa bħala konsumaturi, filwaqt li jippromwovu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta fost in-negozji li joperaw fis-suq uniku, b'mod partikolari billi jiżguraw li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) ikollhom l-opportunità li jikkompetu fuq bażi ekwa;
B. billi l-politika tal-kompetizzjoni trid tiġi adattata biex tindirizza l-isfidi diġitali, ekoloġiċi, ġeopolitiċi, industrijali u soċjali, u trid tkun konformi mal-prijoritajiet deskritti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha bħala l-pedament tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE, filwaqt li tqis l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali;
C. billi l-kooperazzjoni globali fl-infurzar fil-qasam tal-kompetizzjoni tgħin biex jiġu evitati l-inkonsistenzi fir-rimedji u fl-eżiti tal-azzjonijiet ta' infurzar, u tgħin lin-negozji jnaqqsu l-ispejjeż li jġarrbu biex ikunu konformi;
D. billi fi swieq diġitali li jinbidlu malajr, il-politika tal-kompetizzjoni tista' f'xi każijiet tkun wisq kajmana u għalhekk ikun hemm ir-riskju li ma tkunx effettiva meta tiġi biex tirrimedja n-nuqqasijiet sistemiċi tas-suq u tistabbilixxi mill-ġdid il-kompetizzjoni; billi r-regolamentazzjoni u l-monitoraġġ ex ante komplementari jistgħu jkunu ta' benefiċċju biex tiġi żgurata sorveljanza aktar effettiva;
E. billi l-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni għandhom ikunu daqstant attenti sabiex jevitaw li jkun hemm infurzar insuffiċjenti fis-swieq diġitali daqskemm huma attenti li ma jkunx hemm infurzar żejjed;
F. billi l-objettiv ewlieni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE huwa li tipprevjeni d-distorsjoni tal-kompetizzjoni sabiex tiġi ppreservata l-integrità tas-suq intern u jiġu protetti l-konsumaturi;
G. billi, minħabba li l-iskandli tad-data, l-investigazzjonijiet u l-evidenza riċenti wrew kif id-data personali qed tinġabar, tintuża u tinbiegħ lil partijiet terzi minn pjattaformi, u wrew kif l-atturi u l-pjattaformi tat-teknoloġija dominanti kienu qed jittraċċaw lill-konsumaturi online b'mod sistematiku;
1. Jirrimarka li f'dinja globalizzata, il-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali biex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar l-influwenza tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE fid-dinja, b'mod partikolari billi tissokta bid-djalogu pertinenti u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti, maċ-Ċina, mal-Ġappun u ma' pajjiżi terzi oħrajn, fejn ikun possibbli permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni tat-tieni ġenerazzjoni li jippermettu li jsir skambju aktar effettiv tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; jappoġġja l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex dejjem l-inklużjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (li jkopru wkoll l-għajnuna mill-Istat) fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE (FTAs) u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), sabiex jiġi żgurat ir-rispett reċiproku għall-kompetizzjoni ġusta; jinnota b'dispjaċir l-effett negattiv tal-paraliżi fi ħdan il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fuq il-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod biex tiffaċilita l-monitoraġġ aħjar tal-investiment dirett barrani (FDI) u tiżgura implimentazzjoni rapida tal-mekkaniżmu ta' skrinjar għall-FDIs u tipproponi għodda biex issaħħaħ il-mekkaniżmu attwali, filwaqt li tiżgura li l-Unjoni Ewropea tibqa' miftuħa u attraenti għall-FDI; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-kumpaniji f'pajjiżi terzi jibbenefikaw minn trattament favorevoli fis-suq domestiku tagħhom, li jista' jfixkel il-kompetizzjoni fejn jidħol l-investiment fis-suq uniku;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura r-reċiproċità mal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u l-politika tal-investiment, inkluż li tqis id-dumping soċjali u ambjentali; ifakkar fil-ħtieġa li jinfetħu s-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi li għalihom għadu ma jeżistix aċċess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem favur l-adeżjoni ta' pajjiżi terzi importanti, bħaċ-Ċina, għall-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi, b'offerta inizjali aċċettabbli; jenfasizza li kwalunkwe strument li għandu l-għan li jtejjeb il-ftuħ tas-suq internazzjonali, bħall-Istrument għall-Akkwist Internazzjonali tal-UE, li għandu jiġi ffinalizzat sal-2021, irid jevita li joħloq burokrazija addizzjonali u distorsjonijiet ġodda fis-suq li jkollhom effetti negattivi fuq il-kumpaniji tal-UE;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara t-tluq tiegħu mill-UE sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni u jiġi evitat id-dumping;
5. Jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Proġetti Importanti ta' Interess Komuni Ewropew (IPCEI) bħall-Alleanza Ewropea tal-Batteriji; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi aktar lill-IPCEIs maġġuri fit-teknoloġiji fixkiela, tissimplifika d-dispożizzjonijiet rilevanti u tirrazzjonalizza r-rekwiżiti tagħha sabiex proġetti ta' riċerka industrijali iżgħar ikunu kkunsidrati wkoll;
6. Ifakkar fil-ħtieġa li l-Kummissjoni tapplika l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat b'mod ugwali għall-operaturi tal-UE u ta' pajjiżi terzi biex jiġu evitati l-asimmetriji mal-kompetituri barranin, u biex tagħti aktar attenzjoni lill-kumpaniji statali barranin li huma ssussidjati mill-gvernijiet tagħhom b'modi li r-regoli tas-suq uniku tal-UE jipprojbixxu għall-entitajiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-proposta riċenti tal-Gvern Netherlandiż u tinvestiga l-għażla li jiżdied pilastru mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, li jagħti lill-Kummissjoni għodod investigattivi xierqa f'każijiet fejn kumpanija titqies li tkun ġabet ruħha b'imġiba distorsiva minħabba s-sussidji li tirċievi mill-gvern jew li tkun għamlet profitti eċċessivi abbażi ta' pożizzjoni dominanti fis-suq fil-pajjiż ta' oriġini tagħha (pereżempju billi jiġu introdotti kontrolli dwar l-għajnuna mill-Istat fuq il-kumpaniji minn pajjiżi terzi fir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku);
7. Itenni t-talba tiegħu biex il-Kummissjoni teżamina jekk jistgħux jinħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mill-programm ta' xiri mis-settur korporattiv, speċjalment bejn l-SMEs u l-korporazzjonijiet multinazzjonali;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar favorevoli għal politika industrijali b'saħħitha tal-UE biex tiżgura u tmantni kompetittività għolja fis-swieq globali; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu u jappoġġjaw proġetti tal-UE ta' interess strateġiku u jneħħu t-tfixkil u l-ostakli biex iħallu li jitfaċċaw mexxejja tal-UE innovattivi f'setturi ta' prijorità speċifiċi għall-UE, filwaqt li jirrispettaw l-applikazzjoni indipendenti tar-regoli tal-kompetizzjoni li jissalvagwardjaw kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ekwi; tiċċara li dan l-approċċ m'għandux ikun ta' detriment għall-SMEs u għall-interessi tal-konsumaturi, u għandu jiffoka fuq it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u industrija tad-data tal-UE u infrastruttura diġitali kompetittivi, bħall-iżvilupp tat-teknoloġija 5G;
9. Jistieden lill-Kummissjoni taħtaf l-opportunità tar-reviżjoni tal-linji gwida dwar il-ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali biex toħloq qafas aktar flessibbli u żżid iċ-ċertezza legali għall-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika aktar fil-waqt opportun u b'mod aktar effiċjenti mad-detenturi ta' proġetti ta' kooperazzjoni ta' ċertu daqs, u tippermetti l-possibbiltà li jitressqu mistoqsijiet ġodda bħala parti minn proċedura ta' notifika volontarja rapida;
10. Jilqa' l-impenn meħud mill-Kummissjoni fl-avviż tagħha tad-9 ta' Diċembru 1997(5) li tirrieżamina d-definizzjoni tagħha tas-suq rilevanti sabiex titqies viżjoni aktar fit-tul li tinkludi d-dimensjoni globali, id-diġitalizzazzjoni u l-kompetizzjoni futura potenzjali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiddependi fuq prinċipji ekonomiċi u legali b'saħħithom fl-investigazzjonijiet tagħha, billi ssegwi l-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-proċess ġust, meta teżamina tipi ta' swieq ġodda;
11. Jenfasizza li l-eżistenza ta' kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni fil-livell internazzjonali f'sistema ta' kummerċ multilaterali bbażata fuq ir-regoli li tissalvagwardja l-ambitu tal-politika tal-istati hija essenzjali għall-Ewropa, inkluż għall-kumpaniji Ewropej u b'mod partikolari l-SMEs, kif ukoll għall-ħaddiema u l-konsumaturi; jikkunsidra li dan jikkontribwixxi biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli, biex ikun żgurat ambjent stabbli u prevedibbli li jfittex titjib fil-kompetittività u r-reċiproċità, jassigura l-impjiegi eżistenti u joħloq oħrajn ġodda fl-UE u f'pajjiżi terzi, u jiżgura standards ambjentali u ta' xogħol għoljin, billi għadd dejjem ikbar ta' impjiegi qed jiddependu fuq il-ktajjen ta' valur globali; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' aktar trasparenza, sostenibbiltà u responsabbiltà korporattiva fi ktajjen ta' valur globali, u jistieden lill-UE tikkunsidra, fost miżuri oħra, l-istabbiliment ta' qafas legali għal diliġenza dovuta obbligatorja fil-ktajjen ta' valur globali bħala pass neċessarju biex dan jintlaħaq;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tad-dibattitu li qed jikber, tirrikonċilja r-regoli tal-kompetizzjoni, il-politika industrijali u l-kummerċ internazzjonali tal-UE, li jridu jimxu id f'id mas-sostenibbiltà u r-rispett għall-ambjent; jissottolinja l-ħtieġa speċifika tal-finanzjament tar-riċerka bħala l-bażi tal-innovazzjoni u l-iżvilupp għan-negozji Ewropej u bħala element ewlieni biex tingħata spinta lill-kummerċ u lill-kompetittività;
13. Jissottolinja li l-SMEs għandhom rwol importanti ħafna fil-kummerċ internazzjonali, u huma responsabbli għal madwar 30 % tal-prodotti esportati mill-UE lejn il-bqija tad-dinja(6); iqis li s-suq intern għadu, bil-bosta, l-aktar suq importanti għall-SMEs; ifakkar li, sabiex l-SMEs jiġu megħjuna jlaħħqu ma' sfidi dejjem akbar biex jidħlu fi swieq ġodda u jkunu jistgħu jikkompetu fuq il-merti tagħhom stess, il-politika kummerċjali u tal-kompetizzjoni tal-UE għandha tikkontribwixxi għad-diversità ekonomika u għal ambjent kummerċjali favorevoli għall-SMEs, u dan għandu jinkludi li tiġi kkunsidrata l-modernizzazzjoni tad-definizzjoni ta' SMEs tal-UE, b'mod partikolari billi jiżdiedu kriterji kwalitattivi;
14. Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-riforma tad-WTO li għaddejja bħalissa, inkluż il-Korp tal-Appell tagħha, biex taġġorna u tagħmel effettivament infurzabbli r-regoli multilaterali dwar sussidji jew inizjattivi settorjali, sabiex tindirizza b'mod adegwat il-kwistjoni tas-sussidji fil-livell internazzjonali, b'referenza partikolari għas-sussidji industrijali, l-intrapriżi tal-istat u t-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, u taġixxi biex tiġġieled il-politiki u l-prattiki mhux orjentati lejn is-suq ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b'mod sħiħ lill-Parlament u lill-Istati Membri f'dan il-qasam;
15. Jisħaq li l-infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali huwa importanti biex jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta u standards ambjentali u soċjali; jilqa', f'din il-perspettiva, l-introduzzjoni ta' kriterji ambjentali u soċjali fir-riforma tal-miżuri antisussidji u antidumping; iqis li l-inklużjoni possibbli ta' standards ewlenin preċiżi u ġustizzjabbli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) skont il-liġi tad-WTO tista' tiġi esplorata wkoll fil-kuntest tar-riforma tad-WTO li għaddejja bħalissa u sabiex tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi globali;
16. Jilqa', f'dan il-kuntest, in-negozjati plurilaterali tad-WTO li għaddejjin bħalissa dwar il-kummerċ elettroniku, u jappella għal sett komprensiv u ambizzjuż ta' regoli li jindirizzaw l-ostakli għall-kummerċ diġitali, jiżguraw li l-kumpaniji jkunu jistgħu jikkompetu mad-dinja kollha f'kundizzjonijiet ekwi, u jsaħħu l-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent online mingħajr detriment għall-istandards Ewropej tal-protezzjoni tad-data; jenfasizza li l-UE għandha tieħu rwol ewlieni f'dawn in-negozjati internazzjonali, b'konsultazzjonijiet mill-qrib li jinvolvu lill-Parlament Ewropew, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili;
17. Jikkunsidra li l-aċċess għas-suq intern tal-UE għandu jkun soġġett għall-konformità mal-istandards sanitarji, fitosanitarji u ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni tal-UE ma tkunx timmina r-rispett tal-istandards soċjali u ekoloġiċi tal-UE jew l-iżvilupp ta' standards aktar ambizzjużi;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza u tistudja kif xieraq is-swieq tal-akkwist pubbliku tal-pajjiżi terzi li magħhom għandha ftehim ta' kummerċ ħieles jew qed tinnegozja wieħed, sabiex tinnegozja l-aħjar kundizzjonijiet ta' aċċess għall-kumpaniji Ewropej;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-azzjoni meħtieġa mid-Direttorati Ġenerali involuti – DĠ Kummerċ u DĠ Kompetizzjoni – biex tiżgura li r-regoli tal-kompetizzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta għall-kumpaniji Ewropej fis-swieq ta' pajjiżi terzi, u viċeversa;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-rwol tal-iffissar tal-istandards internazzjonali għall-kompetizzjoni ġusta; jinsisti li l-UE għandha ssaħħaħ l-approċċ multilaterali tagħha għall-iffissar tal-istandards, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u tal-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC); iwissi kontra n-nazzjonalizzazzjoni ta' approċċi li jiffissaw standards, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Inizjattiva "Belt and Road" taċ-Ċina u strateġiji oħrajn li jsaħħu l-konnettività; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi koordinatur ta' livell għoli għall-politika tal-istandardizzazzjoni f'dan il-kuntest;
21. Jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata perspettiva bbażata fuq il-ġeneri kemm fil-livell multilaterali kif ukoll f'dak bilaterali, inklużi l-kapitli dwar il-ġeneru fil-ftehimiet kummerċjali u t-tfassil ta' miżuri sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneri (eż. l-iżgurar li kemm il-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante kif ukoll dawk ex post jinkludu l-impatt fuq il-ġeneri tal-politika kummerċjali u l-ftehimiet tal-UE), sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni u jiġi promoss tkabbir ekonomiku inklużiv;
L-adattament tal-kompetizzjoni għall-era diġitali
22. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar il-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet u ssaħħaħ l-azzjoni tal-antitrust, u tqis l-effetti tas-saħħa fis-suq u tan-netwerk assoċjati kemm mad-data personali kif ukoll finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tiġġudika l-kontroll ta' tali data bħala indikatur tal-eżistenza tas-saħħa fis-suq skont il-gwida tagħha dwar l-Artikolu 102 tat-TFUE; jistieden lill-Kummissjoni titgħallem mill-fużjoni bejn Facebook u WhatsApp u tadatta l-kriterji tagħha konsegwentement; jipproponi, għalhekk, li kull fużjoni fis-suq ta' tali data għandha tkun soġġetta għal dikjarazzjoni informali minn qabel;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-kunċett ta' "abbuż minn pożizzjoni dominanti" u d-duttrina tal-‘faċilitajiet essenzjali’ biex tiżgura li jkunu adatti għall-iskop tagħhom fl-era diġitali; jissuġġerixxi analiżi usa' tas-saħħa fis-suq b'rabta mal-effetti ta' konglomerat u ta' gwardjan biex jiġi miġġieled l-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta' operaturi kbar u n-nuqqas ta' interoperabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati sabiex tiġi riflessa l-evoluzzjoni tal-ekonomija diġitali, inkluża n-natura multilaterali tagħha;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrevedi l-livelli minimi għal rieżami dwar il-fużjonijiet sabiex tinkludi fatturi bħall-għadd ta' konsumaturi affettwati u l-valur tat-tranżazzjonijiet relatati bħala parti mill-evalwazzjoni kontinwa tagħha tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet(7);
25. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-livelli ogħla tal-konċentrazzjoni dovuti għal sjieda orizzontali minn kumpaniji kbar tal-ġestjoni tal-assi fl-evalwazzjoni kontinwa tagħha tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet u tikkunsidra li tipprovdi linji gwida dwar l-użu tal-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 tat-TFUE f'dan ir-rigward;
26. Jinnota li f'diversi swieq speċifiċi għad-data finanzjarja (pereżempju l-kummerċ tal-ekwitajiet, il-klassifikazzjonijiet u l-parametri referenzjarji), il-konċentrazzjoni oligopolistika tista' twassal għal każijiet ta' abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti minn fornituri fil-konfront ta' investituri u konsumaturi tad-data finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni ddeterminata kontra tali abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti li jagħmlu ħsara lill-fluwidità tas-swieq finanzjarji u li jmorru kontra l-interessi tal-iżvilupp sostenibbli;
27. Jenfasizza li, filwaqt li għadd ta' negozji ġodda jinħolqu bit-tama li jiġu akkwiżiti minn ditta akbar, l-akkwiżizzjoni tan-negozji ġodda minn atturi dominanti, inklużi l-kumpaniji u l-pjattaformi kbar tat-teknoloġija, tista' toħnoq l-innovazzjoni u thedded is-sovranità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeżaminaw il-prattiki ta' dawn l-akkwiżizzjonijiet u l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni, speċjalment fir-rigward tal-"akkwiżizzjonijiet qattiela", kif definit fir-rapport ta' esperti ta' livell għoli tagħha tal-4 ta' April 2019 intitolat "Il-Politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali"; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova skont l-Att dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni Ġermaniża ("GWB Digitalisierungsgesetz"), ippubblikat f'Ottubru 2019;
28. Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif jistgħu jiġu imposti reġimi aktar esiġenti ta' aċċess għad-data, inkluża l-interoperabbiltà tad-data, b'mod partikolari meta l-aċċess għad-data jiftaħ swieq sekondarji għal servizzi komplementari jew meta d-data tkun limitata għad-ditti dominanti;
29. Jenfasizza li xi entitajiet li jibbenefikaw mill-istatus doppju ta' pjattaformi u fornituri, jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom u jimponu termini u kundizzjonijiet inġusti fuq il-kompetituri, irrispettivament jekk ikunux attivi online jew offline; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-kwistjoni tal-awtopreferenzjar u tinforza l-liġijiet neċessarji u tuża l-istrumenti meħtieġa fuq dawk l-entitajiet li jipprattikaw l-awtopreferenzjar; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li timponi obbligi regolatorji ex ante meta l-liġi tal-kompetizzjoni ma tkunx biżżejjed biex tiżgura l-kontestabbiltà f'dawn is-swieq, biex għalhekk tiġi evitata l-esklużjoni tal-kompetituri u jiġi żgurat li l-punti ta' konġestjoni emerġenti ma jiġux ipperpetwati mill-monopolizzazzjoni ta' innovazzjoni futura;
30. Jinnota li l-Kummissjoni qed tirrifletti dwar il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni ex ante mmirata dwar kwistjonijiet sistemiċi speċifiċi li jistgħu jinqalgħu fi swieq diġitali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tintroduċi sistema ċentralizzata ta' monitoraġġ tas-suq ex ante (filwaqt li tqis ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt), sabiex tipprovdi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u regolatorji nazzjonali u tal-UE l-mezzi meħtieġa biex jiġbru data b'mod anonimu, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw aħjar il-fallimenti tas-swieq fil-mument dovut, u – fejn ikun xieraq – tintroduċi regolamentazzjoni mmirata meta l-prattiki jsiru sistemiċi;
31. Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tidentifika l-atturi diġitali ewlenin u tistabbilixxi sett ta' indikaturi biex tiddefinixxi n-natura sistemika tagħhom; jenfasizza li jistgħu jitqiesu l-indikaturi li ġejjin: l-abbuż ta' prattiki ta' ċerti netwerks estensivi, il-kontroll ta' volum sinifikanti ta' data mhux replikabbli, sitwazzjoni inevitabbli f'suq multidimensjonali jew il-kapaċità tal-operaturi li jiddefinixxu huma stess ir-regoli tas-suq;
32. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-akkwiżizzjonijiet minn monopolji barranin ta' operaturi diġitali ta' data, inkluża data dwar is-saħħa, data finanzjarja u data edukattiva, u għar-riskji ta' privatezza involuti, li jmorru lil hinn mill-effetti diġà ta' ħsara tat-tranżazzjonijiet ta' dan it-tip fuq il-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawk l-aspetti fir-rigward tal-istrateġija futura Ewropea dwar id-data u tinvestiga l-użu trasversali tad-data, fejn id-data li toriġina minn servizz wieħed tintuża biex il-pjattaforma tespandi dak li toffri lejn servizzi ġodda;
33. Jilqa' l-istrateġija Ewropea tad-data tal-Kummissjoni ppreżentata fid-19 ta' Frar 2020, li għandha l-għan li ttejjeb l-użu tad-data għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tan-negozji; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tilleġiżla dwar l-użu u l-aċċess tad-data; jissottolinja l-importanza li tiġi protetta d-data personali tal-konsumaturi u kif din tiġi kondiviża sabiex jiżdiedu s-sigurtà u l-fiduċja tal-konsumatur; jenfasizza li l-konsumaturi jeħtiġilhom jiġu assigurati li d-data tagħhom tibqa' sikura, u li l-kooperazzjoni kollha dwar is-sikurezza tad-data għaldaqstant teħtieġ li tingħata prijorità; jenfasizza li klawsola dwar il fatt li d-data personali ma tistax tinbiegħ lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data kkonċernat għandha wkoll tifforma element ewlieni tal-istrateġija;
34. Jissottolinja li, filwaqt li l-pjattaformi ta' intermedjazzjoni għandhom rwol ewlieni fl-għoti ta' aċċess għas-servizzi online għall-konsumaturi, xi wħud jabbużaw mill-pożizzjoni privileġġjata tagħhom billi jagħmluha ta' gwardjani, inkluż f'ekosistemi magħluqa u f'postijiet tas-suq online; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni espliċita lil dawn il-gwardjani fil-politika tal-kompetizzjoni tagħha u tikkonkludi l-investigazzjonijiet li qed tagħmel mill-aktar fis possibbli;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-libertà tal-għażla għall-konsumaturi, issaħħaħ ir-rwol tan-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) u twettaq studju dwar jekk hemmx ħtieġa għal awtorità tal-konsumaturi fl-UE; jinnota, f'dan il-kuntest, li l-politika tal-kompetizzjoni ma tinvolvix biss li jiġu żgurati prezzijiet ġusti għall-konsumaturi iżda wkoll li tipprovdi kwalità, varjetà u innovazzjoni;
36. Jenfasizza li huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li jkollha sistema ta' pagamenti pan-Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja inizjattivi li jissodisfaw dan l-objettiv, u tirrikonoxxi li s-suċċess tagħhom jiddependi kemm fuq in-natura innovattiva tas-sistema għall-konsumaturi u għan-negozji kif ukoll fuq il-vijabbiltà tal-mudell ekonomiku tagħha;
37. Jenfasizza li l-multi jista' jkollhom impatt fuq ir-reputazzjoni tal-kumpaniji ppenalizzati; jirrimarka, madankollu, li anke meta jiġu imposti multi kbar, ħafna drabi dawn ma jkunux ta' deterrent biżżejjed u jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiġu mgħoddija lill-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu wkoll minn rimedji alternattivi ta' mġiba u, jekk ikun hemm bżonn, rimedji strutturali, sabiex tiżgura bis-sħiħ l-effikaċja tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE; jenfasizza li l-ordni ta' waqfien u ebda tkomplija għandha tkun ħafna aktar preskrittiva fir-rimedji futuri;
38. Ifakkar li l-abbuż tas-setgħa tas-suq jista' jseħħ anke meta l-prodotti jew is-servizzi jiġu fornuti bla ħlas; jemmen li l-għoti ta' data privata lil partijiet terzi għal finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni jew kummerċjali ta' spiss isir mingħajr il-kunsens xieraq tal-konsumatur, peress li sikwit ma jiġux ipprovduti alternattivi għall-iskambju tad-data; iqis li fl-ekonomija diġitali, il-konċentrazzjoni tad-data f'għadd żgħir ta' kumpaniji twassal għal fallimenti tas-suq, estrazzjoni eċċessiva tar-redditu u mblukkar ta' parteċipanti ġodda;
39. Ifakkar li s-suq tat-tiftix online huwa ta' importanza partikolari fl-iżgurar tal-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq uniku diġitali; jiddispjaċih li magna tat-tiftix partikolari li għandha aktar minn 92 % tas-sehem tas-suq fis-suq tat-tiftix online fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri saret gwardjan tal-Internet; jappella sabiex l-input mill-partijiet interessati kollha, li jkopri l-aħħar 9 snin tal-istorja tal-antitrust, jintuża biex jiġi vvalutat b'urġenza jekk ir-rimedji proposti humiex verament ta' benefiċċju għall-konsumaturi, għall-utenti tal-internet u għan-negozji online fuq żmien fit-tul; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra proposta mmirata lejn is-separazzjoni tal-magni tat-tiftix mis-servizzi kummerċjali tagħhom – kif enfasizzat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Novembru 2014 dwar is-sostenn tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali(8) – sabiex jintemm l-istatus quo, li jista' jkun mezz fit-tul potenzjali biex tinkiseb kompetizzjoni ġusta u effettiva fis-suq diġitali Ewropew;
40. Jenfasizza d-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-antitrust, bħall-każ ta' Google Shopping, meta mqabbla mal-pass mgħaġġel li bih qed jiżviluppaw is-swieq diġitali; jenfasizza l-effett dannuż li jirriżulta minn din is-sitwazzjoni u r-riskji finanzjarji u strutturali li għalihom jesponu ruħhom xi atturi meta jibdew proċeduri twal u għaljin; jenfasizza li l-proċess dovut irid jiġi rrispettat, iżda jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu minn proċeduri rapidi ta' antitrust u ssib inċentivi ġodda, bħall-programm ta' klemenza, biex il-kumpaniji jsiru aktar kooperattivi fl-identifikazzjoni tal-kartelli fl-UE;
41. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata ħarsa regolari lejn il-possibbiltà li jintużaw miżuri interim biex titwaqqaf kwalunkwe prattika li tkun ta' ħsara serja għall-kompetizzjoni; jappella lill-Kummissjoni tissimplifika l-kriterji għal dawn il-miżuri, filwaqt li tirrispetta l-istat tad-dritt, sabiex tiġi evitata ħsara irriversibbli; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-Avviż dwar ir-Rimedji(9) billi tqis l-iżviluppi u l-evoluzzjoni tas-settur diġitali f'dawn l-aħħar snin;
42. Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tindirizza l-imġiba abbużiva minn pjattaformi kbar; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-każijiet fejn kien ċar li r-rimedji offruti ma kinux effettivi biex jirrestawraw il-kompetizzjoni fis-suq, bħalma kien il-każ ta' Google Shopping; jenfasizza li, fin-nuqqas ta' rimedji ta' mġiba li jkunu mmirati, effikaċi u ttestjati minn qabel mal-intrapriża affettwata, jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' separazzjoni strutturali sħiħa bejn is-servizzi ta' tiftix ġenerali u dawk speċjalizzati, inkluż ta' tiftix lokali; jissottolinja li, meta mqabbla mar-rimedji strutturali, ir-rimedji ta' mġiba jistgħu joffru soluzzjoni effiċjenti fl-ħin, u jtaffu l-possibbiltà li l-kompetituri jiġu sfurzati 'l barra mis-suq matul diskussjonijiet fit-tul dwar l-iżvestiment;
43. Jindika l-ħtieġa li l-Kummissjoni talloka riżorsi adegwati biex tkun tista' tinforza b'mod effettiv ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE; jinnota l-ħtieġa li jiġi żgurat l-għarfien espert speċifiku, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet dejjem akbar bħall-pożizzjonijiet dominanti tal-pjattaformi online jew l-intelliġenza artifiċjali;
44. Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida dwar l-interpretazzjoni ta' "impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva", kif stipulat fir-Regolament dwar il-Fużjonijiet, sabiex f'każijiet ta' fużjonijiet, il-Kummissjoni mhux biss tanalizza l-prezzijiet, il-produzzjoni u l-innovazzjoni iżda tagħti wkoll attenzjoni għall-prezz soċjali u ambjentali ta' tali tranżazzjonijiet fid-dawl tal-prinċipji tat-TFUE u tagħti attenzjoni partikolari għall-ħarsien tal-ambjent;
45. Jistieden lill-Kummissjoni tindaga dwar dan is-servizz il-ġdid ta' verifika tal-kontijiet li se jkun ipprovdut lill-konsumaturi minn xi wħud mill-akbar kumpaniji tat-teknoloġija tad-dinja fis-snin li ġejjin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonċentra b'mod partikolari fuq id-dħul tagħhom f'dan is-suq finanzjarju diġitali ġdid u l-ammont kbir ħafna ta' data li se jiġbru mill-konsumaturi tagħhom u l-użu potenzjali tagħha;
Regoli tal-kompetizzjoni li jappoġġjaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew
46. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-objettivi stabbiliti fiha biex tiġi appoġġjata tranżizzjoni kosteffettiva għan-newtralità klimatika sal-2050 u biex jitneħħew gradwalment il-karburanti fossili; jappoġġja l-impenn biex jiġu riveduti l-linji gwida tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat sal-2021 sabiex jiġu riflessi dawn l-objettivi;
47. Jappoġġja r-rieżami tal-Kummissjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fis-setturi rilevanti kollha, bħat-trasport, inkluż it-trasport bl-ajru u marittimu, f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi tapplika l-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta u tirrikonoxxi r-rwol komplementari tal-gvernijiet tal-Istati Membri fl-appoġġ li jagħtu lill-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni u fl-enerġija nadifa filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija(10), jekk l-eżenzjonijiet fiskali attwali joħolqux kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni transsettorjali inġusti; jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk l-eżenzjoni fiskali għall-pitrolju tirriżultax f'distorsjoni tal-kompetizzjoni li tibbenefika lis-settur tal-avjazzjoni;
48. Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mir-reviżjoni li jmiss tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija, biex tipprovdi flessibbiltà akbar għall-għajnuna mogħtija lill-enerġija rinnovabbli ġġenerata miċ-ċittadini, skont l-impenji klimatiċi tal-UE;
49. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe effetti sekondarji negattivi potenzjali meta kumpaniji kbar jagħmlu użu minn għajnuna pubblika – mogħtija bil-ħsieb li "jħaddru" l-mudelli tan-negozju tagħhom – għal għanijiet oħrajn bħat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tagħhom f'settur partikolari;
50. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar gwida u qafas ta' abilitazzjoni biex isiru aktar investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fir-rinnovazzjoni tal-bini, kif ukoll fir-repowering, fi proġetti ibridi u fil-ħżin tal-elettriku;
51. Jissottolinja f'dan ir-rigward li sabiex il-Patt Ekoloġiku Ewropew ikun ta' suċċess, jeħtieġ li l-produtturi Ewropej ta' prodotti u servizzi sostenibbli jaraw il-vantaġġi tiegħu u ma jiffaċċjawx kompetizzjoni inġusta minn kumpaniji f'pajjiżi terzi;
52. Jinnota li l-Patt Ekoloġiku Ewropew irid jiżgura konsistenza politika bejn l-agrikoltura, l-azzjoni klimatika, l-ambjent u l-kummerċ;
Politiki settorjali
53. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu aktar sistematiku minn investigazzjonijiet f'setturi li huma essenzjali għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, bħas-saħħa, il-mobbiltà, ir-reklamar online, l-enerġija, it-turiżmu, inkluż il-monitoraġġ tal-prezzijiet massimi tal-pjattaformi online għall-akkomodazzjoni, il-kultura, is-servizzi finanzjarji u ta' pagament, u l-midja, fl-era diġitali, filwaqt li jinżammu l-istandards għoljin tal-UE;
54. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu nota tal-preżenza ta' monopolji u oligopolji nazzjonali bħala sinjal potenzjali tal-eżistenza ta' dgħufijiet fis-suq uniku jew ostakli għall-kompetizzjoni ġusta;
55. Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju preliminari dwar il-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja fl-Ewropa, anke fil-kuntest tal-korporazzjonijiet multinazzjonali li jixtru fornituri tal-midja Ewropej;
56. Itenni li xi drabi t-tassazzjoni tintuża biex tingħata għajnuna indiretta mill-Istat, bir-riżultat li tinħoloq kompetizzjoni inġusta fis-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-linji gwida eżistenti tagħha dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat sabiex tiżgura li l-Istati Membri ma jagħtux għajnuna mill-Istat fil-forma ta' benefiċċju fuq it-taxxa; jiddeplora l-abbuż fl-użu tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa u jilqa' s-sentenzi riċenti tal-Qorti Ġenerali li jikkonfermaw li l-eżami ta' deċiżjoni tat-taxxa mill-perspettiva ta' għajnuna mill-Istat min-naħa tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxix armonizzazzjoni fiskali; josserva li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni spiss ikunu kkontestati fil-qorti u għaldaqstant għandhom jkunu ppreparati bir-reqqa; jinsisti li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri sabiex il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jiġi identifikat aħjar; jappella għall-adozzjoni tal-proposta dwar il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u r-rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż;
57. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li timmulta lill-pajjiżi li jinstab li jkunu kisru r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;
58. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina malajr id-diskrepanzi bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-għajnuna għal-likwidazzjoni u r-reġim tar-riżoluzzjoni skont id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek(11) (‘Direttiva BRR’), u tirrevedi l-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta' Lulju 2013 dwar is-Servizzi Bankarji(12) b'konsegwenza, anke fid-dawl tal-każijiet riċenti, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jitħarsu l-kontributuri tat-taxxa;
59. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħarsa mill-qrib lejn il-każijiet fis-settur bankarju b'rilevanza potenzjali ta' kompetizzjoni f'ċerti Stati Membri fejn il-konsumaturi bħalissa qed jiffaċċjaw rati tal-imgħax għoljin(13) u nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tas-self, potenzjalment minħabba konċentrazzjoni ta' sjieda fis-settur bankarju, li jista' jwassal għal prattiki ta' bejgħ qarrieqa ta' mutwi ipotekarji;
60. Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tevalwa fuq bażi annwali jekk ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE fis-settur finanzjarju jkunux għadhom qed jiġu ssodisfati;
61. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinvestiga bir-reqqa u tipproponi miżuri ulterjuri li jindirizzaw il-kważi-monopolju tal-erba' kumpaniji l-kbar tal-kontabbiltà li jawditjaw l-akbar kumpaniji kkwotati fil-borża, bħas-separazzjoni tas-servizzi tal-awditjar mis-servizzi ta' konsulenza u t-twaqqif ta' "awditu konġunt" obbligatorju li jippermetti lil ditti oħrajn apparti l-erba' l-kbar jiżviluppaw il-kapaċità meħtieġa sabiex jevalwaw lill-ikbar kumpaniji;
62. Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta u trasparenza akbar fil-prattiki kummerċjali tal-pjattaformi offline, inklużi s-supermarkets u l-hypermarkets, sabiex tiżgura li l-produtturi tal-UE jingħataw kundizzjonijiet u prezzijiet ġusti għall-prodotti tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tkompli l-analiżi fil-fond tagħha dwar id-daqs u l-effett tal-alleanzi tax-xiri, fir-rigward tal-istrateġiji tariffarji kif ukoll nontariffarji, fuq il-funzjonament ekonomiku tal-katina tal-provvista agrikola u alimentari, b'kunsiderazzjoni partikolari tal-effetti fuq il-fornituri u l-bdiewa ta' skala żgħira; jiddispjaċih għall-fatt li l-bejgħ b'telf mhuwiex fuq il-lista tal-prattiki li huma pprojbiti fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jridu jirrikonoxxu l-kontribut importanti li jagħtu l-produtturi primarji fil-provvista ta' ikel ta' kwalità għolja u fl-għoti ta' beni pubbliċi lis-soċjetà;
63. Jappella għal applikazzjoni aktar ċara, aktar flessibbli u aktar prevedibbli tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-produtturi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tivvaluta l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS)(14) u tiċċara d-dispożizzjonijiet tiegħu, b' mod partikolari fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għar-regoli tal-kompetizzjoni mogħtija lil ċerti ftehimiet u prattiki ta' bdiewa f'assoċjazzjoni; iħeġġeġ it-twaqqif ta' aktar POs bħala mod kif il-bdiewa jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom u jinnegozjaw b'mod effettiv dwar il-prezz u jindirizzaw l-iżbilanċi fil-poter fil-katina tal-provvista tal-ikel;
64. Jistieden lill-Kummissjoni teżenta mir-regoli ta' għajnuna mill-Istat id-dispożizzjonijiet fiskali li l-Istati Membri introduċew speċifikament biex jinkoraġġixxu lill-bdiewa jfaddlu volontarjament bħala prekawzjoni bil-ħsieb li jkunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar ir-riskji miżjuda marbuta mal-klima u mas-saħħa, kif ukoll mal-kriżijiet ekonomiċi; jilqa' t-tlestija tar-rieżami tar-Regolament De Minimis(15), li se jgħin lill-bdiewa jindirizzaw l-isfidi klimatiċi filwaqt li jipprevjenu distorsjonijiet eventwali tas-suq; jenfasizza l-ħtieġa partikolari ta' linji gwida ċari għas-settur agrikolu minħabba r-rekwiżiti ambjentali u ta' sostenibbiltà; jilqa' b'sodisfazzjon il-verifika kontinwa tal-idoneità tal-pakkett ta' modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-2012 u r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta' Kategorija Agrikola(16);
65. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tal-Artikolu 209 dwar OKS Unika u tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, speċifikament fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għar-regoli tal-kompetizzjoni mogħtija lil ċerti ftehimiet u prattiki ta' bdiewa f'assoċjazzjonijiet, sabiex dawk ikkonċernati jingħataw aktar ċarezza u ċertezza legali meta dan l-artikolu jiġi implimentat, u biex il-Kummissjoni tingħata aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta' dan l-artikolu;
66. Jirrikonoxxi r-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali fil-katina, li jservu ta' pjattaforma għad-djalogu, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-aħjar prattiki u t-trasparenza tas-suq;
67. Jitlob li r-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jissaħħaħ sabiex jiġu promossi relazzjonijiet aktar bilanċjati fil-katina tal-ikel, u jappoġġja l-estensjoni tal-klawsola dwar il-kondiviżjoni tal-valur sabiex din tkopri lill-operaturi kollha pjuttost milli lill-ewwel xerrej biss, f'konformità mal-abbozz ta' rapport adottat f'April 2019 mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament dwar l-organizzazzjoni komuni l-ġdida tas-swieq fil-prodotti agrikoli bħala parti mir-riforma li jmiss tal-politika agrikola komuni (PAK).
68. Jitlob li tiġi prevista, skont l-Artikolu 210 tar-Regolament dwar OKS Unika, deroga awtomatika u espliċita mill-Artikolu 101 tat-TFUE, soġġetta għall-prinċipji ta' neċessità u proporzjonalità, li tippermetti lill-organizzazzjonijiet agrikoli interprofessjonali jwettqu l-kompiti assenjati lilhom mir-Regolament dwar OKS Unika bil-għan li jkomplu jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 39 tat-TFUE;
69. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 222 tar-Regolament dwar OKS Unika jiġu attivati b'mod rapidu sabiex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet serji tas-suq;
70. Jilqa' s-suċċess tal-miżuri ta' ġestjoni tal-provvista introdotti għall-ġobon u l-perżut ta' kwalità fuq talba tal-OPs, tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u tal-gruppi ta' operaturi; jappella għall-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar OKS Unika li jawtorizzaw l-introduzzjoni ta' regoli ta' kontroll tal-provvista biex ikopru l-prodotti kollha li jibbenefikaw minn denominazzjoni ta' oriġini protetta (DOP) jew minn indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda;
71. Jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar il-funzjonament tal-katina agrikola u tal-provvista tal-ikel u tadatta l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE skont l-aktar żviluppi riċenti fl-ambjent kummerċjali;
72. Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/633 tas-17 ta' April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina agrikola u tal-provvista tal-ikel(17), li tirrappreżenta l-ewwel pass importanti biex tiġi żgurata l-korrettezza bejn l-operaturi u jiġi indirizzat l-iżbilanċ tas-setgħa ta' negozjar fil-katina tal-provvista tal-ikel; iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu d-direttiva mingħajr dewmien u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-progress tat-traspożizzjoni u tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jelenkaw aktar prattiki inġusti bħala projbiti u jistabbilixxu standards ogħla;
73. Ifakkar li seħħ ristrutturar orizzontali u vertikali sinifikanti li wassal għal aktar konsolidazzjoni fis-setturi diġà kkonċentrati taż-żerriegħa, l-agrokimika, il-fertilizzanti, il-ġenetika tal-annimali u s-setturi tal-makkinarju tal-farms, kif ukoll fl-ipproċessar u fil-bejgħ bl-imnut; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tivvaluta fużjonijiet f'dawn is-setturi, tikkunsidra impatti li jmorru lil hinn mill-prezzijiet tal-konsumatur; jenfasizza li l-interessi tal-bdiewa, taċ-ċittadini u tal-ambjent tal-UE jridu jiġu protetti, billi jiġi vvalutat b'mod komprensiv u olistiku l-impatt, fil-livell tal-farms, ta' fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet fost il-fornituri ta' prodotti agrikoli, inklużi l-produtturi ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;
74. Iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni tkompli l-monitoraġġ bir-reqqa tas-suq tal-UE għall-pestiċidi, iż-żrieragħ u l-karatteristiċi tal-pjanti, kif ukoll timmonitorja l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-settur agrikolu;
75. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma permanenti ta' informazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-għodod ta' ġestjoni tar-riskju biex tgħin lill-bdiewa jiffaċċjaw l-inċertezza klimatika, il-volatilità tas-suq u riskji oħrajn fejn il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiskambjaw l-aħjar prattiki, kif stipulat fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja ta' Novembru 2017;
76. Jirrimarka li d-disparitajiet kbar fil-pagamenti diretti jxekklu inizjattivi sostenibbli tal-bdiewa favur il-klima u l-ambjent u jgħawġu l-kompetizzjoni fl-UE; ifakkar fl-impenn li ħa l-Kunsill Ewropew fis-7 u t-8 ta' Frar 2013 biex jarmonizza l-pagamenti fl-UE kollha sal-2020;
77. Jiġbed l-attenzjoni għall-ammont dejjem akbar ta' protesti tal-bdiewa u jinnota li fost it-tħassib tagħhom hemm l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) fuq is-settur agroalimentari tal-UE; jistaqsi jekk l-FTAs iqegħdux lill-produtturi agroalimentari tal-UE fi żvantaġġ kompetittiv meta wieħed iqis id-differenzi fl-istandards soċjali, ambjentali, tas-saħħa, tax-xogħol u tal-benessri tal-annimali f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta mill-aktar fis possibbli l-aħħar rapport tagħha dwar l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet kummerċjali kurrenti u futuri, u jappella għall-applikazzjoni tal-prinċipji tar-reċiproċità u l-konformità għall-prodotti agrikoli u għall-protezzjoni ta' setturi vulnerabbli fin-negozjati kummerċjali futuri u kurrenti, filwaqt li tiżgura t-twettiq tal-ispezzjonijiet kollha meħtieġa;
78. Jilqa' l-proposta għal regolament dwar il-programm tas-suq uniku, u, b'mod aktar speċifiku, l-azzjonijiet tal-katina tal-ikel appoġġjati fih, bħal miżuri veterinarji u fitosanitarji, biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament jikkonkludu malajr in-negozjati u jadottaw ir-regolament;
79. Jissottolinja l-importanza ta' konklużjonijiet f'waqthom għaż-żewġ proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti ta' tranżizzjoni sabiex jiġu evitati dewmien u kumplikazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal instabbiltà fis-suq;
80. Iqis li huwa essenzjali li jinżammu fi ħdan id-DĠ AGRI l-kompetenzi kollha relatati mal-applikazzjoni tal-Artikoli 209 u 210 tar-Regolament dwar OKS Unika u mal-għajnuna mill-Istat għall-iżvilupp ta' setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u ta' żoni rurali, biex b'hekk jiġi żgurat l-għarfien espert meħtieġ għall-koordinament tal-kwistjonijiet f'dan l-ambitu, li huwa neċessarju meta titqies in-natura speċifika ta' dawn is-setturi u huwa konsistenti għall-aħħar mal-objettivi u l-appoġġ previsti fil-PAK;
81. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti attenzjoni partikolari lill-provvista tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEI) meta tapplika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, speċjalment fil-kuntest ta' reġjuni u gżejjer iżolati, remoti jew periferiċi fl-Unjoni; jinnota ċerti diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-regoli tal-pakkett Almunia għal ċerti SGEI, bħas-settur tal-posta, li l-missjonijiet ta' servizz pubbliku tagħhom jistgħu, skont il-liġi tal-UE, jiġu definiti u organizzati fil-livell nazzjonali;
82. Ifakkar fil-ħtieġa ta' pjan direzzjonali għal għajnuna mill-Istat immirata aħjar, speċjalment għall-għoti ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali inklużi l-enerġija, it-trasport jew it-telekomunikazzjoni;
83. Itenni t-talba tiegħu biex ir-reġjuni tal-faħam jiġu identifikati bħala żoni megħjuna sabiex ir-regoli dwar l-għajnuna tal-UE jkunu jistgħu jiġu adattati biex jippermettu l-adozzjoni ta' miżuri li jittrattaw il-bidliet strutturali meħtieġa, sakemm jittieħdu impenji ċari mill-kumpaniji li joperaw f'dawn ir-reġjuni biex jieħdu azzjoni konkreta lejn in-newtralità tal-karbonju u l-objettivi tal-klima tal-UE; ifakkar li dawk l-attivitajiet li tradizzjonalment huma parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva m'għandhomx ikunu soġġetti għal trattament privileġġat tal-għajnuna mill-Istat;
84. Jilqa' l-fatt li, fir-reviżjoni mmirata tagħha tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER)(18), il-Kummissjoni inkludiet l-estensjoni ta' din l-iskema għall-proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (imsejħa wkoll Interreg);
85. Jinsab imħasseb dwar it-trattament asimmetriku tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-UE skont jekk ikunux appoġġjati fuq in-naħa tal-UE minn riżorsi tal-politika ta' koeżjoni jew fondi jew programmi tal-UE oħrajn bħal Orizzont 2020/Orizzont Ewropa jew EFSI2.0/InvestEU, kif propost mill-Kummissjoni fir-reviżjoni tagħha tal-GBER; jemmen li għandhom jinżammu kundizzjonijiet ekwi għall-proġetti li huma ta' natura simili, iżda differenti fis-sorsi ta' finanzjament tagħhom, peress li dan jiffavorixxi ċerti skemi ta' finanzjament filwaqt li jeskludi oħrajn;
Kunsiderazzjoni aħjar taċ-ċittadini permezz tal-Parlament
86. Jappella, mingħajr bidla fit-Trattat, għall-użu regolari tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-politika tal-kompetizzjoni, b'analoġija mal-proċedura għad-Direttiva dwar l-Azzjonijiet Antitrust għad-Danni(19) u d-Direttiva NEK+;
87. Jitlob lill-Kummissjoni tinforma b'mod regolari lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, kif ukoll fuq il-kontroll tal-investimenti barranin diretti; jistieden lill-Kummissjoni żżomm standards għoljin ta' trasparenza;
88. Jenfasizza x-xewqa tiegħu li jkollu rwol akbar fid-definizzjoni u l-iżvilupp tal-qafas ġenerali għall-politika tal-kompetizzjoni; jinnota li l-Parlament għandu jkun aktar involut bħala osservatur fl-attività tal-gruppi ta' ħidma u tal-gruppi ta' esperti, bħan-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN), biex ikollu għarfien aħjar dwar il-kwistjoni u jżomm ruħu aġġornat dwar l-iżviluppi sabiex ikun aktar ippreparat għar-rwol tiegħu ta' koleġiżlatur; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod partikolari, tinvolvi lill-Parlament meta tfassal strumenti legali mhux vinkolanti, bħal avviżi u linji gwida;
89. Jistieden lill-Kummissjoni torganizza fora multisettorjali u interistituzzjonali li jinvolvu lill-industrija, lir-regolaturi nazzjonali inklużi l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, lill-gruppi tal-konsumaturi u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn biex tiddekompartimentalizza l-politika tal-kompetizzjoni;
90. Jenfasizza li l-formola attwali tal-ilmenti għal każijiet ta' għajnuna mill-Istat titlob ħafna dettalji speċifiċi dwar meta ngħatat l-għajnuna mill-Istat, li ċ-ċittadini ordinarji ma jistgħux ikunu jafu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tissimplifika l-formola tal-ilmenti sabiex tagħti l-possibbiltà liċ-ċittadini ordinarji jibagħtu lmenti;
91. Jinnota b'dispjaċir in-nuqqas ta' informazzjoni pprovduta matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ilmenti ppreżentati; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-ilmentatur konferma li tkun irċeviet l-ilment kif ukoll notifika hekk kif tiftaħ l-investigazzjoni, inkluż iż-żmien kemm tkun mistennija li ddum l-investigazzjoni;
92. Ifakkar l-importanza tal-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva NEK+; ifakkar li fl-anness tad-Direttiva NEK+ il-Kummissjoni identifikat il-"miżuri interim" bħala "għodda ewlenija għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma tiġix ippreġudikata waqt li tkun għaddejja investigazzjoni"; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi evalwat jekk hemmx mezzi biex tiġi ssimplifikata l-adozzjoni ta' miżuri interim fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni fi żmien sentejn mid-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jindirizzaw b'mod aktar effettiv l-iżviluppi fis-swieq li qegħdin jevolvu b'pass mgħaġġel;
93. Jirrimarka li l-indipendenza politika tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni hija tal-akbar importanza sabiex jiġu żgurati l-imparzjalità u l-kredibbiltà tal-politika tal-kompetizzjoni; jirrikonoxxi li l-prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni tirrikjedi skrutinju pubbliku tal-isforzi tal-lobbying fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu għal Reġistru tat-Trasparenza tal-UE msaħħaħ; jinsisti li jkun hemm skambju aktar regolari mal-Kummissjoni, f'konformità mal-ftehim interistituzzjonali mal-Parlament; jitlob li l-Viċi President Eżekuttiv għall-kompetizzjoni jibqa' f'kuntatt mill-qrib mal-kumitat ECON u mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kompetizzjoni tiegħu, li huwa lok xieraq fejn jiġi stabbilit djalogu aktar regolari;
94. Ifakkar l-impenn li ngħata mill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali matul is-seduta ta' konferma tagħha fit-8 ta' Ottubru 2019 biex iżżomm il-portafolji tagħha dwar il-politika diġitali u l-kompetizzjoni strettament separati;
95. Jilqa' r-reazzjoni pronta tal-Kummissjoni, li adottat Qafas Temporanju għall-appoġġ f'Għajnuna mill-Istat, iż-żewġ emendi għalih u l-kundizzjonijiet li dan jipprovdi biex jgħin lill-kumpaniji milquta mill-kriżi; jappoġġja lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-flessibilità sħiħa prevista mill-Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat matul il-kriżi tal-COVID 19;
96. Jappoġġa l-applikazzjoni tal-Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat għal kemm ikun hemm bżonn matul il-perjodu ta' rkupru; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa fi żmien xieraq jekk dan il-Qafas Temporanju għandux jiġi estiż lil hinn minn tmiem l-2020, jekk ikun meħtieġ;
97. Jilqa' l-kundizzjonijiet stabbiliti mit-tieni emenda tal-Qafas Temporanju dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta' għajnuna lil kumpaniji speċjalment fir-rigward tal-projbizzjoni fuq ħlasijiet ta' dividendi, xiri lura ta' ishma u distribuzzjonijiet ta' bonusijiet, għall-banek u kumpaniji oħra, kif ukoll is-salvagwardji kontra azzjonijiet predatorji fuq ditti oħra tal-UE kontra ditti li rċevew għajnuna mill-Istat;
98. Jilqa' l-fatt li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-banek fil-Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat tiżgura l-finanzjament tal-ekonomija u tgħin biex tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja filwaqt li topera fi ħdan il-qafas leġiżlattiv b'saħħtu eżistenti pprovdut mid-Direttiva BRR u mir-regoli ta' riżoluzzjoni;
99. Jenfasizza r-riskju tad-distorsjonijiet tas-suq u tal-ħolqien ta' kundizzjonijiet mhux ekwi minħabba żieda fid-diverġenzi bejn il-livelli ta' għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri; jinnota l-Istrument ta' Appoġġ għas-Solvenza li huwa parti mill-Pjan ta' Rkupru tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss, biex jiġu indirizzati r-riskji li dawn id-diverġenzi joħolqu għall-integrità tas-suq uniku;
100. Jilqa' b'sodisfazzjon il-mezzi finanzjarji straordinarji u l-għajnuna mill-Istat mogħtija biex tappoġġa lin-negozji u lill-ħaddiema fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi standards minimi komuni sabiex tispeċifika r-rekwiżit għall-kumpaniji li jirċievu assistenza finanzjarja li jkunu konformi mal-kriterji ESG u t-trasparenza tat-tassazzjoni, sabiex jiġi evitat li jkun hemm kriterji nazzjonali differenti li jwasslu għal aktar diskrepanzi u biex jintwera kif l-appoġġ pubbliku riċevut jintuża biex l-attivitajiet tagħhom jiġu allinjati mal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-UE u mal-Ftehim ta' Pariġi; ifakkar li l-għajnuna għandha tingħata biss biex tkopri t-telf imġarrab minħabba l-COVID 19; jenfasizza li l-għajnuna mill-Istat għandha tingħata biss lill-kumpaniji li qed jiffaċċjaw l-effetti immedjati tal-COVID 19 u mhux lil dawk li diġà kellhom problemi finanzjarji qabel il-kriżi; jinsisti li l-kumpaniji rreġistrati f'rifuġji fiskali jenħtieġ li jiġu pprojbiti milli jkollhom aċċess għall-Għajnuna mill-Istat jew għal pakketti ta' appoġġ finanzjarju jekk ma jimpenjawx ruħhom li jbiddlu l-imġiba tagħhom;
101. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Temporanju għall-valutazzjoni ta' kwistjonijiet ta' antitrust relatati mal-kooperazzjoni kummerċjali b'reazzjoni għat-tifqigħa attwali tal-COVID 19; jissottolinja li l-Kummissjoni ħarġet l-ewwel ittra ta' konfort tagħha mill-2003; jenfasizza li din il-kriżi enfasizzat il-ħtieġa ta' tweġibiet rapidi u effettivi f'ambjent b'ritmu mgħaġġel u jissottolinja l-benefiċċji ta' antitrust parteċipattiv u li tingħata ċertezza legali lill-kumpaniji meta jidħlu f'kooperazzjoni kummerċjali f'setturi strateġiċi ewlenin;
102. Fir-rigward tal-impatt tal-pandemija, jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika ta' setturi Ewropej ewlenin, li tingħata spinta lill-irkupru ekonomiku tagħna permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar dinamiku meta tirrevedi l-Komunikazzjoni tal-1997 dwar id-definizzjoni tas-suq, u tagħmel il-kriterji tal-innovazzjoni element ewlieni tal-analiżi tas-suq rilevanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll Ewropew tal-fużjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, bħala parti mir-rieżami tagħha, il-possibbiltà li tadotta approċċ aktar favorevoli għall-ftehimiet ta' kooperazzjoni u ta' riċerka u ta' żvilupp;
103. Jenfasizza li l-pandemija għamlet lill-kumpaniji vulnerabbli għal offerti barranin; jinnota li l-kriżi tal-COVID-19 uriet li hemm nuqqasijiet fil-ktajjen tal-provvista tal-UE u nuqqas ta' sovranità strateġika tal-UE f'oqsma bħall-prodotti mediċinali jew l-ikel u l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-kumpaniji u l-assi kritiċi tal-UE minn akkwiżizzjonijiet ostili xprunati minn atturi dominanti kbar;
104. Jissottolinja li hija kwistjoni tal-ogħla prijorità li jiġu intensifikati l-isforzi tal-UE biex tiġġieled bil-qawwa l-kompetizzjoni inġusta u l-imġiba ostili minn entitajiet statali barranin (SOEs) jew kumpaniji marbuta mal-gvern (GLCs) lejn kumpaniji Ewropej vulnerabbli li qed jitħabtu biex jissopravvivu l-kriżi ekonomika tal-pandemija COVID 19, peress li din l-imġiba għandha l-għan li tieħu kontroll tat-teknoloġiji, tal-infrastruttura u tal-għarfien espert ewlenin Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tipproponi immedjatament projbizzjoni temporanja fuq l-akkwiżizzjonijiet ta’ kumpaniji Ewropej minn SOEs jew GLCs minn pajjiżi terzi;
105. Jilqa' l-inizjattivi mill-pjattaformi tal-midja soċjali biex jiġġieldu l-aħbarijiet foloz u jxerrdu l-informazzjoni uffiċjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-COVID 19 permezz tal-pjattaformi tagħhom; madankollu, iwissi kontra dawn il-pjattaformi, li diġà kellhom setgħa sinifikanti fis-suq qabel il-kriżi; jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni li jsir studju dwar il-pjattaformi li għandhom effetti ta' network sinifikanti u li jaġixxu bħala gwardjani, li għandu jitwettaq bħala parti mill-proposta li ġejja dwar qafas ta' regolament ex-ante, sakemm dan ma jwassalx għal aktar dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi lill-pjattaformi milli juru reklami mmirati lejn l-individwi u żżid it-trasparenza għall-utenti; japprova l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ta' apps li jittraċċaw il-kuntatti murija minn atturi sinifikanti mhux Ewropej fis-suq tas-sistema operattiva tal-ismartphones; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġbir ta' data ma jsaħħaħx aktar is-setgħa fis-suq ta' xi ftit parteċipanti dominanti;
106. Jenfasizza li l-kriżi tal-COVID 19 tippreżenta riskju eżistenzjali għal għadd bla preċedent ta' negozji madwar l-UE kollha u kkawżat żieda kbira fir-rati tal-qgħad; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kunċett tal-eċċezzjoni tal-impriża fi stat ta' falliment li qed jiġi applikat fil-preżent huwiex adatt għall-iskop tal-kriżi attwali; jemmen bis-sħiħ li l-politika tal-kompetizzjoni u l-politika industrijali jistgħu flimkien jgħinu biex tinbena s-sovranità Ewropea b'mod sostenibbli; jilqa' l-Istrateġija tal-Politika Industrijali tal-Kummissjoni;
107. Jirrikonoxxi l-ħidma effiċjenti u effettiva mwettqa mill-Kummissjoni matul il-kriżi tal-COVID 19; jenfasizza li, minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, ammont sinifikanti ta' riżorsi umani kellu jiġi allokat mill-ġdid biex tiġi mmonitorjata l-għajnuna mill-Istat; jitlob aktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tar-riżorsi ta' persunal tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni kif ukoll dwar l-evoluzzjoni tagħhom matul dan il-mandat;
108. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinforma aħjar lill-Parlament dwar il-ħidma li għaddejja tiegħu, b'mod partikolari r-reviżjoni tad-definizzjoni tas-suq rilevanti u r-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament evalwazzjoni dettaljata li tippreżenta t-tqassim tal-ammont globali ta' għajnuna mill-Istat awtorizzata fil-Qafas Temporanju tal-Għajnuna mill-Istat skont l-Istat Membru, is-settur u t-tip tal-għajnuna awtorizzata (għotjiet, garanziji, eċċ.) kif ukoll kwalunkwe kundizzjoni addizzjonali applikata mill-Istati Membri; jemmen li evalwazzjoni wiesgħa u dettaljata tipprovdi lill-Membri tal-Parlament Ewropew ħarsa ġenerali tal-miżuri ekonomiċi li ttieħdu fil-livell nazzjonali kif ukoll dettalji speċifiċi dwar it-tip ta' għajnuna, it-tip ta' benefiċjarji u l-metodu ta' approvazzjoni, jekk huwa l-każ; jenfasizza li t-tabella ta' valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, li tinkludi diversi tabelli u grafiki dwar l-għajnuna mill-Istat u l-impatt tagħha fuq is-suq intern, għandha tiġi aġġornata f'waqtha;
109. Jistieden lill-Kummissjoni biex, wara l-kriżi, tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill komunikazzjoni dwar l-effetti tal-pandemija COVID 19 fuq il-kompetizzjoni tas-suq u fuq l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni, l-integrità tas-suq uniku u l-futur tal-politika tal-kompetizzjoni;
110. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha obbligatorja li l-banek li jirċievu għajnuna mill-Istat jibqgħu joffru s-servizzi bankarji kollha li jagħtu lill-konsumatur u tiżgura li l-banek ma jitħallewx jużaw il-kriżi tal-COVID-19 bħala skuża biex inaqqsu dawn is-servizzi b'mod permanenti;
o o o
111. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.