Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif ta' sottokumitat għal kwistjonijiet fiskali (2020/2681(RSO))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-kumitati permanenti(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 206 u 212 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jiddeċiedi li jwaqqaf sottokumitat tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji;
2. Jiddeċiedi li dak is-sottokumitat għandu jkun responsabbli għal kwistjonijiet fiskali u b'mod partikolari għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni fiskali u l-evitar fiskali, kif ukoll it-trasparenza finanzjarja għal finijiet fiskali;
3. Jiddeċiedi li, fil-Parti VI tal-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, jiżdied dan il-paragrafu:" "Il-Kumitat jiġi assistit minn sottokumitat għal kwistjonijiet fiskali, għal kwistjonijiet fiskali u b'mod partikolari għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni fiskali u l-evitar fiskali, kif ukoll it-trasparenza finanzjarja għal finijiet fiskali;"
4. Jiddeċiedi li s-sottokumitat għandu jkun magħmul minn 30 Membru;
5. Jiddeċiedi, b'referenza għad-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenti tat-30 ta' Ġunju 2019 u tad-9 ta' Jannar 2020 dwar il-kompożizzjoni tal-bureaux tas-sottokumitat, li l-bureaux tal-kumitati jista' jkollhom sa erba' viċi presidenti;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.