It-twaqqif ta' kumitat speċjali għall-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tiegħu
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali dwar l-interferenza barranija fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (2020/2683(RSO))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 12, 39, 40, 47 u 52 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u b'mod partikolari l-Artikoli 8, 9, 10, 11, 13, 16 u 17 tagħha, u l-Protokoll għal dik il-Konvenzjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-eżitu tal-kumitat speċjali stabbilit b'din id-deċiżjoni għandu jipprovdi approċċ komuni, olistiku u fit-tul biex jindirizza l-evidenza ta' interferenza barranija fl-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, mhux biss bi tħejjija għall-elezzjonijiet ewlenin kollha nazzjonali u Ewropej iżda b'mod sostnut madwar l-UE, f'għadd kbir ta' forom, inklużi kampanji ta' diżinformazzjoni dwar il-media tradizzjonali u soċjali biex isawru l-opinjoni pubblika, l-attakki ċibernetiċi li jimmiraw lejn l-infrastruttura kritika, l-appoġġ finanzjarju dirett u indirett kif ukoll il-koerċizzjoni ekonomika tal-atturi politiċi u s-subverżjoni mis-soċjetà ċivili;
B. billi l-inċidenti kollha rrapportati ta' interferenza barranija fil-proċessi u l-istituzzjonijiet demokratiċi jirrappreżentaw mudell sistematiku li kien rikorrenti matul dawn l-aħħar snin;
C. billi tentattivi min-naħa ta' atturi statali minn pajjiżi terzi u minn atturi mhux statali biex jinterferixxu fil-funzjonament tad-demokrazija fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, kif ukoll biex jagħmlu pressjoni fuq il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE permezz ta' ndħil malizzjuż, huma parti minn tendenza usa' esperjenzata mid-demokraziji madwar id-dinja;
D. billi l-interferenza barranija tintuża flimkien ma' pressjoni ekonomika u militari biex tkun ta' ħsara għall-unità Ewropea;
1. Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali dwar l-interferenza barranija fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, li jkollu r-responsabbiltajiet li ġejjin:
(a)
li jwettaq analiżi bir-reqqa tal-investigazzjonijiet li turi li nkisru jew li ġew evitati regoli elettorali kruċjali, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-kampanji, b'allegazzjonijiet ta' nfiq politiku minn diversi forom legali u illegali ta' veikoli u donaturi tat-tiben minn sorsi ta' pajjiżi terzi;
(b)
li jidentifika oqsma possibbli li jkunu jirrikjedu azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li jistgħu jirriżultaw f'intervent mill-pjattaformi tal-media soċjali bil-għan li jiġi tikkettat il-kontenut kondiviż mill-bots, jiġu rieżaminati l-algoritmi sabiex kemm jista' jkun isiru trasparenti fil-fatturi li jwassluhom biex juru, jipprijoritizzaw, jikkondividu, ineħħu l-grad u l-kontenut, u jagħlqu l-kontijiet ta' persuni involuti f'imġiba mhux awtentika kkoordinata online jew f'attivitajiet illegali li għandhom l-għan li jfixklu b'mod sistematiku l-proċessi demokratiċi jew li jħeġġu d-diskors ta' mibegħda, mingħajr ma jikkompromettu l-libertà ta' espressjoni;
(c)
li jikkontribwixxi għad-dibattitu li għaddej dwar kif tista' tittejjeb ir-responsabbiltà għall-ġlieda kontra l-interferenza barranija fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, mhux esklussivament mill-awtoritajiet pubbliċi iżda anke f'kooperazzjoni ma' kumpaniji tat-teknoloġija u tal-media soċjali u s-settur privat inġenerali sabiex titqajjem kuxjenza dwar ir-rwol, id-dmir u r-responsabbiltà li dawn għandhom fil-ġlieda kontra l-interferenza barranija filwaqt li ma jfixklux il-libertà ta' espressjoni;
(d)
li jivvaluta azzjonijiet nazzjonali li jistgħu jipprovdu restrizzjonijiet stretti fuq is-sorsi ta' finanzjament politiku, peress li atturi barranin ikunu sabu modi legali u illegali biex jevitaw il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u jkunu offrew appoġġ moħbi lill-alleati tagħhom billi jkunu ħadu self mingħand banek barranin, ipprovdew oġġetti ta' valur in natura, permezz ta' ftehimiet ta' xiri u ta' kummerċ, kumpaniji fittizji, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, ċittadini donaturi tat-tiben, teknoloġiji emerġenti li joffru l-anonimità, reklami online, outlets tal-mezzi tax-xandir online, u permezz tal-faċilitazzjoni ta' attivitajiet finanzjarji; li jidentifika oqsma possibbli li jkunu jirrikjedu azzjonijiet rigward il-finanzjament ta' partiti politiċi u kampanji politiċi;
(e)
li jissuġġerixxi azzjoni koordinata fil-livell tal-UE biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu, inklużi attakki ċibernetiċi fuq miri militari u mhux militari, operazzjonijiet ta' hacking u tixrid immirati lejn il-leġiżlaturi, l-uffiċjali pubbliċi, il-ġurnalisti, il-partiti politiċi u l-kandidati, kif ukoll l-ispjunaġġ ċibernetiku għall-fini ta' serq tal-proprjetà intellettwali korporattiva u s-serq ta' data sensittiva dwar iċ-ċittadini, peress li dan it-theddid la jista' jiġi indirizzat unikament mill-awtoritajiet nazzjonali li jkunu qed jaħdmu waħedhom u lanqas purament mill-awtoregolamentazzjoni tas-settur privat, iżda jirrikjedi approċċ ikkoordinat b'ħafna livelli u bil-parteċipazzjoni ta' ħafna partijiet ikkonċernati; li jivvaluta l-aspett tas-sigurtà ta' dan it-theddid, li jista' jkollu implikazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali serji għaċ-ċittadini Ewropej;
(f)
li jinvestiga dwar id-dipendenza tal-UE fuq it-teknoloġiji barranin fil-ktajjen tal-provvista tal-infrastruttura kritika, inkluża l-infrastruttura tal-internet, inter alia, hardware, software, applikazzjonijiet u servizzi, kif ukoll dwar l-azzjonijiet meħtieġa biex jissaħħu l-kapaċitajiet għall-ġlieda kontra l-komunikazzjoni strateġika ta' partijiet terzi ostili u biex jiġu skambjati l-informazzjoni u l-aħjar prattiki f'dan il-qasam; li jappoġġa u jħeġġeġ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-iskambju ta' informazzjoni, għarfien u prattiki tajba sabiex jiġi miġġieled it-theddid u jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kurrenti;
(g)
li jidentifika, jivvaluta u jipproponi modi biex jindirizzaw il-ksur tas-sigurtà fl-istituzzjonijiet tal-UE;
(h)
li jiġġieled kontra kampanji ta' informazzjoni u komunikazzjoni strateġika ta' pajjiżi terzi malizzjużi, inklużi dawk permezz ta' atturi u organizzazzjonijiet domestiċi Ewropej, li jagħmlu ħsara lill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea u li jinħolqu biex jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika Ewropea sabiex ikun aktar diffiċli li tinkiseb pożizzjoni komuni tal-UE, inkluż dwar kwistjonijiet tal-PESK u tal-PSDK;
(i)
li jistieden lis-servizzi u lill-istituzzjonijiet rilevanti kollha fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri tagħha kif jista' jqis rilevanti u effettiv sabiex jissodisfa l-mandat tiegħu;
2. Jisħaq fuq il-fatt li r-rakkomandazzjoni tal-kumitat speċjali għandha titqies mill-kumitati permanenti kompetenti f'xogħolhom;
3. Jiddeċiedi li s-setgħat, il-persunal u r-riżorsi disponibbli tal-kumitat permanenti tal-Parlament b'responsabbiltà għal kwistjonijiet li jikkonċernaw l-adozzjoni, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mal-qasam ta' responsabbiltà tal-kumitat speċjali mhux se jiġu affettwati jew duplikati, u għalhekk jibqgħu l-istess;
4. Jiddeċiedi li kull meta l-ħidma tal-kumitat speċjali tkun tinkludi s-smigħ ta' evidenza ta' natura kunfidenzjali, xhieda li tinvolvi data personali, jew skambji ta' fehmiet jew seduti ta' smigħ ma' awtoritajiet u korpi dwar informazzjoni kunfidenzjali, inklużi studji xjentifiċi jew partijiet minnhom mogħtija status ta' kunfidenzjalità skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1), il-laqgħat għandhom isiru bil-magħluq; jiddeċiedi, barra minn hekk, li x-xhieda u l-esperti għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu dikjarazzjoni jew jixhdu bil-magħluq;
5. Jiddeċiedi li l-lista tal-persuni mistiedna għal-laqgħat pubbliċi, il-lista ta' dawk li jattendu dawk il-laqgħat u l-minuti tagħhom għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;
6. Jiddeċiedi li dokumenti kunfidenzjali li l-kumitat speċjali jirċievi għandhom jiġu vvalutati skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 221 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jiddeċiedi, barra minn hekk, li tali informazzjoni għandha tintuża esklussivament għall-finijiet tat-tfassil tar-rapport finali tal-kumitat speċjali;
7. Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali se jkun magħmul minn 33 Membru;
8. Jiddeċiedi li l-mandat tal-kumitat speċjali se jkun ta' 12-il xahar u li l-mandat tiegħu għandu jibda mid-data tal-laqgħa kostituttiva tiegħu;
9. Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali jista' jippreżenta rapport ta' nofs it-terminu lill-Parlament, u li għandu jippreżenta rapport finali li jkun fih sejbiet fattwali u rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-kumitati permanenti skont l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.
Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).