Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali dwar l-intelliġenza artifiċjali f'era diġitali (2020/2684(RSO))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea għandha kompetenzi ċari fil-qasam tal-aġenda diġitali u l-intelliġenza artifiċjali skont l-Artikoli 4, 13, 16, 26, 173, 179, 180, 181, 182, 186 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
B. billi l-eżitu tal-kumitat speċjali b'dan stabbilit għandu jkun approċċ olistiku li jipprovdi pożizzjoni komuni u fit-tul li tenfasizza l-valuri u l-objettivi ewlenin tal-UE relatati mal-intelliġenza artifiċjali fl-era diġitali;
C. billi huwa importanti li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni diġitali tkun iċċentrata fuq il-bniedem u konsistenti mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
D. billi l-użu tal-intelliġenza artifiċjali jinvolvi sfidi sinifikanti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, bħal, iżda mhux biss, il-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-privatezza, kif ukoll żviluppi teknoloġiċi sinifikanti u l-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi;
E. billi t-tranżizzjoni diġitali se jkollha impatt fuq kull aspett tal-ekonomija u tas-soċjetà;
F. billi d-diġitalizzazzjoni se tittrasforma l-industrija u s-swieq tagħna u, għalhekk, il-leġiżlazzjoni eżistenti għandha tiġi adattata;
G. billi huwa importanti li l-Unjoni Ewropea titkellem b'vuċi waħda, biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq uniku li tirriżulta mid-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;
1. Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali dwar l-intelliġenza artifiċjali f'era diġitali, li jkollu r-responsabbiltajiet li ġejjin, definiti b'mod strett:
(a)
li janalizza l-impatt futur tal-intelliġenza artifiċjali fl-era diġitali fuq l-ekonomija tal-UE, b'mod partikolari fuq il-ħiliet, l-impjiegi, it-teknoloġija finanzjarja, l-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport, it-turiżmu, l-agrikoltura, l-ambjent, id-difiża, l-industrija, l-enerġija u l-gvern elettroniku;
(b)
li jkompli jinvestiga l-isfida tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali u l-kontribut tagħha għall-valur tan-negozju u t-tkabbir ekonomiku;
(c)
li janalizza l-approċċ ta' pajjiżi terzi u l-kontribut tagħhom biex jikkomplementaw l-azzjonijiet tal-UE;
(d)
li jissottometti lill-kumitati permanenti responsabbli tal-Parlament evalwazzjoni li tiddefinixxi objettivi komuni tal-UE fuq perjodu ta' żmien medju u twil u jinkludi l-passi ewlenin meħtieġa biex jintlaħqu, billi juża bħala punt ta' tluq il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li ġejjin, ippubblikati fid-19 ta' Frar 2020:
—
Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa (COM(2020)0067),
White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali - Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja (COM(2020)0065),
—
Rapport dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà u tar-responsabbiltà tal-Intelliġenza Artifiċjali, tal-Internet tal-Oġġetti u tar-robotika (COM(2020)0064),
inkluż pjan direzzjonali dwar "Ewropa adattata għall-era diġitali", li għandu jipprovdi lill-UE bi pjan strateġiku li jiddefinixxi l-objettivi komuni tagħha fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul u l-passi ewlenin meħtieġa biex jintlaħqu;
2. Jenfasizza li kwalunkwe rakkomandazzjoni tal-kumitat speċjali għandha tiġi ppreżentata u, jekk ikun meħtieġ, tingħata segwitu, minn kumitati permanenti kompetenti tal-Parlament;
3. Jiddeċiedi li s-setgħat, il-persunal u r-riżorsi disponibbli tal-kumitat permanenti tal-Parlament b'responsabbiltà għal kwistjonijiet li jikkonċernaw l-adozzjoni, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mal-qasam ta' responsabbiltà tal-kumitat speċjali mhux se jiġu affettwati jew duplikati, u għalhekk se jibqgħu l-istess;
4. Jiddeċiedi li kull meta l-ħidma tal-kumitat speċjali tkun tinkludi s-smigħ ta' evidenza ta' natura kunfidenzjali, xhieda li tinvolvi data personali, jew skambji ta' fehmiet jew seduti ta' smigħ ma' awtoritajiet u korpi dwar informazzjoni kunfidenzjali, inklużi studji xjentifiċi jew partijiet minnhom mogħtija status ta' kunfidenzjalità skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1), il-laqgħat għandhom isiru bil-magħluq; jiddeċiedi, barra minn hekk, li x-xhieda u l-esperti għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu dikjarazzjoni jew jixhdu bil-magħluq;
5. Jiddeċiedi li l-lista tal-persuni mistiedna għal-laqgħat pubbliċi, il-lista ta' dawk li jattendu dawk il-laqgħat u l-minuti tagħhom għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;
6. Jiddeċiedi li d-dokumenti kunfidenzjali li l-kumitat speċjali jkun irċieva għandhom jiġu vvalutati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 221 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jiddeċiedi wkoll li tali informazzjoni għandha tintuża esklussivament għall-finijiet tat-tfassil tar-rapport finali tal-kumitat speċjali;
7. Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali se jkun magħmul minn 33 Membru;
8. Jiddeċiedi li l-mandat tal-kumitat speċjali se jkun ta' 12-il xahar u li l-mandat tiegħu għandu jibda mid-data tal-laqgħa kostituttiva tiegħu;
9. Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali jista' jippreżenta rapport ta' nofs it-terminu lill-Parlament, u li għandu jippreżenta rapport finali li jkun fih sejbiet fattwali u rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-kumitati permanenti skont l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.
Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).