Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2987(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0192/2020

Testi mressqa :

B9-0192/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/06/2020 - 17
PV 18/06/2020 - 20

Testi adottati :

P9_TA(2020)0164

Testi adottati
PDF 218kWORD 55k
Il-Ġimgħa, 19 ta' Ġunju 2020 - Brussell
Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali
P9_TA(2020)0164B9-0192/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali (2019/2987(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 13(2) u 17(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni għas-snin 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018,

–  wara li kkunsidra l-investigazzjonijiet amministrattivi mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) fil-proġett fir-Repubblika Ċeka magħruf bħala "Stork Nest", li sab "irregolaritajiet serji",

–  wara li kkunsidra l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fis-26 u fis-27 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar il-kunflitti ta' interess u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka(1),

–  wara li kkunsidra l-Att tar-Repubblika Ċeka Nru 159/2006 tas-16 ta' Marzu 2006 dwar il-kunflitti ta' interessi, li l-Artikolu 4(c) tiegħu daħal fis-seħħ fi Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(2) (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament Finanzjarju"), li daħal fis-seħħ fit-2 ta' Awwissu 2018, u b'mod partikolari l-Artikolu 61 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144 u 145 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd(3),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet u l-ilment mibgħut lill-Kummissjoni rigward il-kunflitt potenzjali ta' interess fir-Repubblika Ċeka(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2018 dwar l-impatt tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid (kunflitti ta' interess) fuq il-pagamenti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE),

–  wara li kkunsidra l-konferenza stampa mogħtija mill-Kap Prosekutur Pubbliku fl-4 ta' Diċembru 2019 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar il-kunflitti ta' interess u l-korruzzjoni li taffettwa l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-prosekuzzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali,

–  wara li kkunsidra l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit mis-26 sat-28 ta' Frar 2020,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Pl. ÚS 4/17 tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Ċeka tat-18 ta' Frar 2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka Andrej Babiš, li segwiet ir-rapport tal-OLAF dwar l-użu irregolari tas-sussidji tal-UE maħsuba għan-negozji ż-żgħar u li ġiet sospiża sentejn wara, reċentement reġgħet infetħet mill-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Ċeka; ifakkar li bħala parti mill-proġett "Stork Nest", Agrofert ħolqot b'mod artifiċjali kumpanija ta' daqs medju, li baqgħet fil-kontroll ta' Agrofert, biex jinkisbu fondi maħsuba għal negozji żgħar u ta' daqs medju li jammontaw għal total ta' madwar EUR 2 miljun;

B.  billi l-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Ċeka ddenunzja li t-twaqqigħ tal-investigazzjoni kriminali kien "illegali u prematur" hekk kif il-liġi tal-UE ma ġietx ikkunsidrata, filwaqt li żied ukoll li l-proċess ta' allokazzjoni tas-sussidji kien nieqes minn kontrolli suffiċjenti;

C.  billi l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju (flimkien mal-Artikolu 61(3)) jistipula:

   a) obbligu negattiv fuq l-atturi finanzjarji biex jimpedixxu sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess b'rabta mal-baġit tal-UE;
   b) obbligu pożittiv fuq l-atturi finanzjarji biex jieħdu miżuri xierqa biex jimpedixxu l-kunflitti ta' interess li jirriżultaw mill-funzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom u jindirizzaw sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu perċepiti oġġettivament bħala kunflitt ta' interess;

D.  billi l-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll li, kif jirrikjedi l-Artikolu 36(3), għandhom ikunu kapaċi jevitaw il-kunflitti ta' interess;

E.  billi f'Frar 2017, l-Att tar-Repubblika Ċeka Nru 159/2006 dwar il-kunflitti ta' interess ġie emendat b'lista estiża ta' attivitajiet ipprojbiti, inkluż dispożizzjonijiet li jipprevjenu li ċerti kumpaniji jkunu involuti fl-akkwist pubbliku anke bħala sottokuntrattur jew milli jirċievu għotjiet; billi l-att għandu l-għan li jipprevjeni kunflitti ta' interess fl-għamliet kollha tagħhom;

F.  billi r-regoli dwar l-akkwist pubbliku jobbligaw lill-Istati Membri jevitaw kunflitti ta' interess (l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/24/UE(5)), inklużi interessi personali diretti jew indiretti, u diġà hemm regoli fis-seħħ biex jindirizzaw sitwazzjonijiet meqjusa bħala kunflitti ta' interess kif ukoll obbligi speċifiċi fil-ġestjoni kondiviża (pereżempju r-Regolament (UE) Nru 1303/2013);

G.  billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(6), "kunflitt ta' interess jikkostitwixxi, oġġettivament u fih innifsu, irregolarità serja mingħajr ma jkun hemm ħtieġa li dan jiġi kkwalifikat, billi jitqiesu l-intenzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u jekk dawn kinux qed jaġixxu in bona fide";

H.  billi l-Kummissjoni hija obbligata tissospendi l-pagamenti tal-fondi tal-UE f'każijiet meta jkun hemm nuqqas serju fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u meta jkunu nkixfu irregolaritajiet serji li ma jkunux ġew skoperti, rappurtati u kkoreġuti b'rabta ma' kunflitt ta' interess;

I.  billi Agrofert huwa konglomerat stabbilit mill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, magħmul minn aktar minn 230 kumpanija u aktar minn 34 000 impjegat (2017); billi ġie żvelat li s-Sur Babiš huwa s-sid benefiċjarju ta' Agrofert, il-kumpanija li tikkontrolla l-grupp Agrofert – li jinkludi, fost l-oħrajn, għadd ta' mezzi tax-xandir importanti tar-Repubblika Ċeka – permezz tal-fondi fiduċjarji AB I u AB II li tagħhom huwa l-fundatur u, fl-istess ħin, l-uniku benefiċjarju; billi meta s-Sur Babiš jiddeċiedi li jxolji dawn il-fondi fiduċjarji, huwa jerġa' jikseb is-sjieda sħiħa tal-assi kollha li jinsabu fil-fondi;

J.  billi f'Jannar u fi Frar 2019 twettaq awditu kkoordinat u komprensiv minn diversi servizzi tal-Kummissjoni (DĠ REGIO/DĠ EMPL, DĠ AGRI (DĠ assoċjat)) dwar l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u tal-UE; billi awditu li għadu għaddej minn DĠ AGRI qiegħed jeżamina allegati kunflitti ta' interess fir-rigward tal-Ministru tar-Repubblika Ċeka għall-Agrikoltura;

K.  billi f'Novembru 2019 il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport tal-awditjar finali ta' DĠ REGIO u DĠ EMPL lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka, b'segwitu għall-allegazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess fir-Repubblika Ċeka abbażi tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, li nkixef lill-midja tar-Repubblika Ċeka;

L.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kellu laqgħa bil-magħluq mal-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni Johannes Hahn fis-16 ta' Diċembru 2019;

M.  billi l-Kummissarju Hahn informa lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit li l-Kummissjoni kienet ser tippubblika l-konklużjonijiet tal-awditu ladarba l-evidenza kollha tkun ġiet ikkunsidrata u analizzata bir-reqqa; billi l-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għar-rapport tal-awditjar finali ta' DĠ REGIO fid-29 ta' Mejju 2020;

N.  billi l-awditu tal-Kummissjoni għadu għaddej, u bħala miżura ta' prekawzjoni u sakemm tiġi ċċarata s-sitwazzjoni, mhu qiegħed isir ebda pagament mill-baġit tal-UE fi ħdan il-Fondi SIE lil kumpaniji li s-sjieda diretta jew indiretta tagħhom hija tas-Sur Babiš, li potenzjalment jista' jiġi implikat fl-allegat kunflitt ta' interess;

O.  billi l-Kummissjoni mhijiex tirrimborża lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka għall-pagamenti li saru fi ħdan il-Fond għall-Iżvilupp Rurali għall-proġetti ta' Agrofert Group, li potenzjalment jistgħu jkunu kkonċernati mill-allegat kunflitt ta' interess;

P.  billi l-Parlament tar-Repubblika Ċeka m'għandu ebda sorveljanza fuq offerti pubbliċi possibbli, sussidji fil-livell nazzjonali tar-Repubblika Ċeka jew investimenti pubbliċi appoġġjati mill-istat li l-Grupp Agrofert jaf ikompli jgawdi minnhom;

Q.  billi l-Grupp Agrofert għandu s-sjieda ta' tnejn mill-akbar gazzetti ta' kuljum tar-Repubblika Ċeka, Mladá fronta Dnes u Lidové Noviny, u jikkontrolla l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Óčko u l-istazzjonijiet tar-radju Impuls u RockZone; billi skont rapport mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti, is-Sur Babiš huwa s-sid de facto ta' 30 % tal-midja privata fir-Repubblika Ċeka(7);

R.  billi d-dħul tal-Grupp Agrofert żdied b'mod sinifikanti matul il-perjodu li fih is-Sur Babiš kien fil-kariga pubblika u fl-istess waqt il-Grupp Agrofert ibbenefika minn sussidji agrikoli tal-UE li jammontaw għal total ta' CZK 970 414 000 fl-2016, CZK 1 048 685 000 fl-2017 u CZK 973 284 000 fl-2018 fir-Repubblika Ċeka biss; billi l-Grupp Agrofert allegatament irċieva sussidji mill-Fond ta' Koeżjoni tal-UE li jammontaw għal CZK 427 385 000 għall-perjodu 2014–2020 fir-Repubblika Ċeka; billi l-Grupp Agrofert x'aktarx li rċieva sussidji addizzjonali fi Stati Membri oħra, bħas-Slovakkja u l-Ġermanja;

S.  billi l-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Ċeka fid-Deċiżjoni Pl. ÚS 4/17 ta' Frar 2020 irrifjutat azzjoni legali mressqa mill-President tar-Repubblika Ċeka u l-Membri tal-Parlament tar-Repubblika Ċeka dwar ir-revoka tal-liġi Ċeka li tiddefinixxi l-kunflitti ta' interess fost l-uffiċjali pubbliċi; billi l-Qorti Kostituzzjonali ċċarat fl-istess deċiżjoni li l-elezzjonijiet m'għandhomx jintużaw bħala mezz biex jinħataf kontroll tal-istat bl-iskop li jintużaw jew saħansitra jiġu abbużati l-kapaċitajiet u r-riżorsi tiegħu;

1.  Jilqa' l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka għall-involviment tiegħu fil-proġett "Stork Nest"; jinsab fiduċjuż li s-sistema ġudizzjarja nazzjonali ser tkompli b'dan il-proċess b'mod indipendenti u ħieles minn kwalunkwe influwenza politika possibbli;

2.  Jikkundanna kwalunkwe sitwazzjoni possibbli ta' kunflitti ta' interess li tista' tikkomprometti l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u twassal għat-telf tal-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-ġestjoni xierqa tal-flus tal-kontribwenti tal-UE;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni, bħala l-'Gwardjan tat-Trattati', tiġġieled kull forma ta' kunflitti ta' interess u tevalwa l-miżuri preventivi meħuda mill-Istati Membri biex jevitawhom;

4.  Jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mekkaniżmu ta' kontroll li jindirizza l-kwistjoni tal-kunflitti ta' interess fl-Istati Membri u biex tistabbilixxi l-evitar attiv tal-kunflitti ta' interess, inkluż l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji finali tas-sussidji tal-UE, bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha;

5.  Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-kunflitti ta' interess, tiżgura l-irkupru rapidu ta' sussidji potenzjalment imħallsa b'mod irregolari filwaqt li tirrispetta l-istat tad-dritt u r-rekwiżiti proċedurali u tintervjeni b'mod deċiżiv, speċjalment meta l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu milli jaġixxu biex jipprevjenu l-kunflitti ta' interess fost l-ogħla rappreżentanti tagħhom;

6.  Jisħaq li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess trid tkun kompatibbli mal-formulazzjoni u mal-ispirtu tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid; jappella lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida komuni biex tassisti lill-Istati Membri fl-evitar tal-kunflitti ta' interess fost il-politiċi ta' profil għoli;

7.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jadottaw standards komuni għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-kunflitti ta' interess u jfittxu li jintlaħaq fehim komuni tal-kwistjoni fl-Istati Membri kollha;

8.  Jappella lill-Kummissjoni biex, f'każ ta' nonkonformità mar-regoli, tieħu miżuri adegwati biex tipproteġi l-baġit tal-UE, inklużi azzjonijiet korrettivi biex jiġu rkuprati l-fondi kollha li jkunu nħarġu illegalment jew b'mod irregolari, fejn dan ikun previst;

9.  Jappella lill-Istati Membri kollha jżidu l-isforzi tagħhom biex iżidu t-trasparenza baġitarja, billi jiżguraw li d-data rilevanti dwar il-proċeduri ta' akkwist pubbliku u l-għoti ta' kuntratti ffinanzjati minn fondi pubbliċi, tkun aċċessibbli b'mod faċli u liberu għall-pubbliku ġenerali;

10.  Jinsab imħasseb dwar rapporti minn partijiet differenti tal-UE dwar l-influwenza politika dejjem akbar ta' politiċi b'interessi personali li jinsabu qrib jew fil-gvern, dwar it-tfassil tal-liġijiet u dwar l-użu tal-finanzi pubbliċi, bl-għan potenzjali li jaqdu l-interess personali ta' individwi speċifiċi aktar milli tal-pubbliku ġenerali;

11.  Jiddeplora l-fatt li l-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka kien u għadu involut b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka fil-pożizzjoni tiegħu bħala Prim Ministru (u preċedentement President tal-Kunsill għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej) filwaqt li għadu fil-kontroll tal-Grupp Agrofert bħala fundatur u l-uniku benefiċjarju ta' żewġ fondi fiduċjarji, bi ksur tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju, u għaldaqstant iqiegħed f'dubju l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet tiegħu; jinsab tassew imħasseb dwar rapporti reċenti fil-midja(8) li l-Prim Ministru għad għandu kontroll fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali meħuda f'Agrofert;

12.  Jinnota li r-rapporti reċenti tal-midja jidher li żvelaw li s-Sur Babiš u l-mara tiegħu għadhom elenkati fost is-sitt persuni attivi b'influwenza jew kontroll sinifikanti fuq il-fiduċjarji ta' trust relatat ma' sussidjarja ta' Agrofert fir-Renju Unit, GreenChem Solutions Ltd.;

13.  Jinsisti li kunflitt ta' interess fl-ogħla livell ta' gvern ta' stat membru, jekk jiġi kkonfermat, ma jistax jiġi ttollerat u jrid jiġi solvut mill-persuna(i) kkonċernata/kkonċernati billi:

   a) jittieħdu miżuri li jiżguraw li din il-persuna ma jkollhiex aktar interess ekonomiku jew interessi oħra li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward ta' entità kummerċjali;
   b) l-entitajiet kummerċjali fil-kontroll tagħhom jieqfu jirċievu kwalunkwe finanzjament mill-fondi tal-UE, minn sussidji pubbliċi jew minn finanzjament imqassam mill-gvern nazzjonali;
   c) jastjenu milli jipparteċipaw f'deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-interessi tagħhom; jisħaq madankollu li, fid-dawl tal-funzjonijiet u s-setgħat tal-Prim Ministru u tal-membri tal-gvern tiegħu, jidher li huwa dubjuż li miżura bħal din tista' tindirizza b'mod adegwat il-kunflitt ta' interess fil-prattika jekk il-persuni inkwistjoni jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet pubbliċi tagħhom u li għaldaqstant riżenja mill-pożizzjoni pubblika hija mezz aktar adegwat biex jiġi indirizzat il-kunflitt ta' interessi;

14.  Jappella lill-Kummissjoni biex tissorvelja bir-reqqa l-proċess ta' allokazzjoni tal-pagamenti fir-Repubblika Ċeka, speċjalment il-pagamenti ta' fondi tal-UE li jsiru lil kumpaniji li huma proprjetà diretta u indiretta tal-Prim Ministru jew kwalunkwe membru ieħor tal-gvern involut fl-implimentazzjoni tal-baġit;

15.  Jappella lill-Kummissjoni tivvaluta, mingħajr dewmien żejjed, jekk f'każijiet fejn il-kumpaniji jappartjenu għall-Grupp Agrofert u jibqgħu jirċievu sussidji mill-baġit nazzjonali, jekk dawn humiex konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jinnota r-riskju potenzjali ta' dannu finanzjarja li dawn il-każijiet jistgħu joħolqu u jappella lill-awtoritajiet nazzjonali jivvalutaw dawn is-sitwazzjonijiet; iqis l-kontribwenti tar-Repubblika Ċeka u tal-UE għandhom jiġu informati kif dovut dwar sitwazzjoni bħal din;

16.  Jinsab tassew imħasseb dwar rapporti(9) rigward il-kapaċità ta' kumpaniji tal-Grupp Agrofert li jittrasferixxu b'mod artifiċjali l-assi fost is-sussidjarji, biex b'hekk jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità għal sussidji lil kumpaniji żgħar u ta' daqs medju jew, għall-kuntrarju, iwaħħdu l-operazzjonijiet tagħhom biex jippreżentaw ruħhom bħala kumpanija kbira u b'hekk jirbħu offerti pubbliċi;

17.  Jiddeplora rapporti li l-awdituri identifikaw nuqqasijiet serji fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fil-qasam tal-fondi reġjonali u ta' koeżjoni fir-Repubblika Ċeka, u għaldaqstant issuġġerew korrezzjoni finanzjarja ta' kważi 20 %; jappella lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod kritiku jekk dawn il-każijiet humiex każijiet ta' użu ħażin sistemiku ta' fondi tal-UE;

18.  Jinsab imħasseb dwar it-telf finanzjarju kkawżat minn nuqqasijiet fl-aġenziji tal-ħlas nazzjonali u fil-korpi ta' kontroll; jappella lill-Kunsill biex, f'dan il-kuntest, jadotta b'mod urġenti l-proposta għal regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri;

19.  Jinsab tassew imħasseb dwar il-qafas legali fir-Repubblika Ċeka li jiċħad lill-Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar nazzjonali d-dritt li tivverifika r-regolarità u r-rendiment tal-infiq pubbliku fil-livell reġjonali u lokali, u b'hekk tipprevjeni lill-istituzzjoni milli jkollha livell ta' għarfien dwar is-sidien benefiċjarji fl-istrutturi kumplessi tal-kumpaniji; jiddeplora rapporti(10) li l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar ma jwettaqx kontrolli fuq il-post sistematiċi tal-benefiċjarji finali; jinsab imħasseb dwar il-kummenti derogatorji magħmula mill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar il-ħidma tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar tar-Repubblika Ċeka;

20.  Jisħaq li kompożizzjoni politika żbilanċjata tal-Bord Superviżorju tal-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu (SZIF) iġġib magħha riskju ta' influwenza politika u b'hekk tikkomprometti l-kapaċità li jitwettaq awditjar indipendenti;

21.  Jinsab imħasseb dwar rapporti li l-impjegati taċ-ċivil(11) irċevew struzzjonijiet u kienu taħt pressjoni biex ma jinvestigawx allegazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess potenzjali relatati mal-Grupp Agrofert u allegatament ingħataw struzzjonijiet biex jivvalutaw l-offerti kummerċjali li Agrofert irċieva; jinsab tassew imħasseb dwar rapporti li l-impjegati taċ-ċivil ħabbtu wiċċhom ma' riperkussjonijiet negattivi, bħal sensji abbażi tal-pretest ta' sistematizzazzjoni wara li rrifjutaw li segwiti tali ordnijiet; jisħaq li dawn il-miżuri jqajmu dubji dwar l-imparzjalità tal-amministrazzjoni tal-istat u l-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet pubbliċi;

22.  Jiddispjaċih dwar indikazzjonijiet ta' dgħufijiet sistemiċi fl-identifikazzjoni ta' kunflitti ta' interess; jiddeplora l-fatt li ma hemm ebda kontroverifiki u li responsabbiltajiet diverġenti jrawmu strutturi mhux trasparenti li huma ta' tfixkil għall-prevenzjoni effikaċi u d-detezzjoni ta' kunflitti ta' interess fir-Repubblika Ċeka; ifakkar li approċċ pożittiv fejn l-uffiċjali pubbliċi jkunu meħtieġa jippreżentaw awtodikjarazzjonijiet ta' ebda kunflitt ta' interess mhuwiex biżżejjed biex jiġu evitati b'mod effikaċi sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess; jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet sistemiċi mingħajr dewmien, b'mod partikolari billi jirrikjedu dikjarazzjoni ta' kunflitt ta' interess li tkun verifikabbli, fejn l-uffiċjali pubbliċi jipprovdu lista tal-interessi finanzjarji rispettivi tagħhom;

23.  Jiddispjaċih li l-fondi tal-UE affettwati mill-korrezzjonijiet finanzjarji marbuta ma' irregolaritajiet jistgħu jerġgħu jintużaw mingħajr ebda konsegwenza jew restrizzjonijiet ulterjuri; huwa tal-fehma li tali sistema thedded l-interessi finanzjarji tal-UE; jappella lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-użu mill-ġdid tal-fondi tal-UE u tikkunsidra l-iżvilupp ta' sistema li biha l-korrezzjonijiet jiġu akkumpanjati wkoll minn restrizzjonijiet fuq l-użu ulterjuri tagħhom;

24.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2019 li tissospendi l-ammonti rilevanti inklużi mill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka fid-dikjarazzjonijiet interim tagħha tan-nefqa għall-Programm tal-Iżvilupp Rurali tar-Repubblika Ċeka għal Q4–2018 u Q1–2019;

25.  Jinnota li l-Kummissjoni kkonfermat li għamlet pagamenti fi ħdan il-politika agrikola komuni (PAK) relatati mas-sena 2018 lil kumpaniji li jappartjenu għall-Grupp Agrofert, kif ukoll lil kumpaniji bl-istess sid benefiċjarju f'diversi Stati Membri oħra barra mir-Repubblika Ċeka; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza b'ġabra kompleta u affidabbli tal-pagamenti kollha magħmula lill-Grupp Agrofert u lil kumpaniji bl-istess sid benefiċjarju fl-Istati Membri kollha għas-snin finanzjarji 2018 u 2019;

26.  Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka jiżguraw id-distribuzzjoni ġusta u bbilanċjata tal-fondi tal-UE, biex il-finanzi tal-kontribwenti tal-UE jkunu ta' benefiċċju għall-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni, kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment;

27.  Jinsab imħasseb dwar l-implimentazzjoni inadegwata tad-Direttivi (UE) 2015/849(12) u (UE) 2018/843(13) dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ir-raba' u l-ħames Direttivi dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus); jaċċentwa l-obbligu li ż-żewġ direttivi jiġu trasposti b'mod sħiħ u korrett u li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet kollha, inklużi dawk dwar it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja, jiġu kompletament implimentati;

28.  Iħeġġeġ lill-Unità Analitika Finanzjarja tar-Repubblika Ċeka tieħu approċċ aktar proattiv fil-ġlieda kontra r-reati fiskali, il-frodi u l-korruzzjoni, kif ukoll tiżgura li jkun hemm kontrolli effikaċi tas-sidien benefiċjarji mill-entitajiet responsabbli skont ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus;

29.  Jiddispjaċih li l-awtorizzazzjoni, id-distribuzzjoni u l-awditjar tal-fondi tal-UE f'ġestjoni kondiviża huma proċessi kumplessi u mhux trasparenti fejn l-Istati Membri biss għandhom aċċess sħiħ għad-data, li jfisser li l-Kummissjoni ma tistax tipprovdi ħarsa ġenerali f'waqtha u komprensiva lill-Parlament meta tintalab informazzjoni dwar pagamenti lil ċerti benefiċjarji f'diversi Stati Membri; jenfasizza li dan ifixkel b'mod serju l-effiċjenza u l-kapaċità tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala entitajiet ta' kontroll;

30.  Jappella lill-Kummissjoni biex, b'aċċettazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' ġestjoni kondiviża, tistabbilixxi mezzi uniformi u standardizzati għall-Istati Membri biex jirrapportaw informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE; jenfasizza li informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali għandha tinkludi speċifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji (persuni fiżiċi u ġuridiċi); jappella lill-Kummissjoni tipproponi regolament għall-istabbiliment ta' sistema tal-IT li tippermetti rapportar uniformi u standardizzat f'ħin reali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li tiżgura interoperabilità mas-sistemi fl-Istati Membri biex jiġu ggarantiti trasparenza u kooperazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, biex titjieb aktar ir-responsabbiltà fir-rigward tal-pagamenti, u b' mod partikolari bħala kontribut għad-detezzjoni aktar bikrija ta' żbalji sistemiċi u użu ħażin;

31.  Jiddispjaċih li ebda wieħed mir-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-fondi agrikoli u ta' koeżjoni ma jimponu obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jippubblikaw is-sid benefiċjarju finali ta' individwu entità legali jew trust li jibbenefikaw mill-fondi; jappella lill-koleġiżlaturi biex jagħtu attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni u biex jindirizzawha b'mod komprensiv meta jiddeċiedu dwar regoli futuri għat-trasparenza tas-sussidji tal-UE;

32.  Jinsisti li r-reġistru tas-sjieda benefiċjarja għandu jkun fih biss informazzjoni kompletament ivverifikata dwar il-persuna/persuni ta' kontroll u jrid ikun kompletament disponibbli għall-pubbliku;

33.  Ma japprovax bis-sħiħ il-ħolqien u l-istabbiliment ta' strutturi oligarkiċi li jużaw fondi agrikoli u ta' koeżjoni tal-UE, fejn minoranza żgħira ta' benefiċjarji jirċievu l-maġġoranza l-kbira tal-fondi tal-UE; jappella lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tiżviluppa strumenti legali effikaċi biex tiżgura r-rispett għall-istat tad-dritt u tipprevjeni l-ħolqien ta' strutturi bħal dawn;

34.  Itenni t-tħassib tiegħu li każijiet ta' kunflitti ta' interess jagħmlu ħsara lill-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni u tal-PAK, li għandhom dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali importanti, u joffru stampa negattiva ta' dawn il-politiki;

35.  Jappella lill-Kummissjoni tippreżenta proposta li timmodifika r-regoli tal-PAK għal allokazzjoni aktar ġusta tal-fondi tal-UE, biex jiġi żgurat li l-PAK tiġi allokata b'mod ġust lill-bdiewa attivi li jikkultivaw l-art u li ma tirriżultax fi ftehimiet dwar l-art li jkunu ta' benefiċċju għal grupp magħżul ta' persuni b'informazzjoni privileġġata tal-politika jew jinċentivaw prattiki abbużivi matul irkant li jipprivatizza art li hija proprjetà tal-istat; jagħraf il-proposta tal-Kummissjoni għal mudell ġdid tal-implimentazzjoni, inkluż l-iffissar ta' limiti massimi flimkien ma' mekkaniżmu ta' digressività; huwa tal-opinjoni, madankollu, li l-iffissar ta' limiti massimi, bl-introduzzjoni ta' tpaċija tal-kost lavorattiv qabel l-iffissar ta' limiti massimi, mhuwiex biżżejjed biex tiġi garantita allokazzjoni aktar ġusta tal-pagamenti diretti; jappoġġja l-idea ta' mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni obbligatorja;

36.  Jieħu nota tal-fatt li d-drittijiet ta' proprjetà tal-art ħafna drabi ma ġewx definiti b'mod ċar u l-art baqgħet klassifikata bħala art tal-istat taħt is-superviżjoni tal-Uffiċċju tal-Artijiet tal-Istat, li kellu t-tendenza li jikriha lil korporazzjonijiet agrikoli fuq skala kbira; jagħraf l-isforzi tal-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka biex jidentifikaw lis-sidien leġittimi sal-2023; jinsisti li l-irkant ta' art li s-sidien leġittimi tagħha ma jistgħux jiġu stabbiliti għandu jsir b'mod ġust u jipprovdi opportunitajiet indaqs biex bdiewa żgħar u ta' daqs medju u bdiewa żgħażagħ jakkwistaw l-art;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-ammont massimu ta' pagamenti diretti għal kull persuna fiżika bħala s-sid benefiċjarju ta' kumpanija waħda jew aktar, filwaqt li tiġi applikata politika ta' tolleranza żero għal dawk b'kunflitt ta' interess; jissottolinja m'għandux ikun possibbli li jingħataw sussidji tal-UE fil-mijiet ta' miljuni f'perjodu wieħed tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

38.  Jinsisti li dawk responsabbli għall-użu ħażin ta' fondi tal-UE għandhom ibatu l-konsegwenzi u li, fil-każ ta' korrezzjonijiet finanzjarji, il-piż m'għandux jingħadda lill-kontribwenti nazzjonali; jappella lill-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika Ċeka biex jitolbu lura sussidji li ma kellhomx jitħallsu minn dawk li bbenefikaw minnhom b'mod illegali; huwa tal-fehma li għandha tiġi introdotta kundizzjoni li tippermetti l-użu tal-fondi tal-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, liema kundizzjoni tirrikjedi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tinkludi dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju responsabbli jirkupra l-fondi li ddikjara b'mod ħażin;

39.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu pubbliku ta' lingwaġġ ta' diffamazzjoni u diskors ta' mibegħda mill-Prim Ministru matul il-konferenza stampa tiegħu kontra l-parteċipanti tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020; iqis li huwa inaċċettabbli li l-Membri tal-Parlament Ewropew li ħadu sehem fil-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fir-Repubblika Ċeka rċevew theddid ta' mewt u attakki verbali oħra meta kienu qegħdin jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew;

40.  Jappella lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jirrapporta lura għand il-Parlament dwar kwalunkwe għarfien rilevanti miksub matul il-missjoni tiegħu ta' ġbir ta' informazzjoni u jinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet rilevanti kif dovut;

41.  Jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel l-aħjar possibbli biex tiffinalizza l-proċeduri ta' awditjar li għaddejjin bħalissa mingħajr dewmien żejjed u biex tippubblika s-sejbiet tagħha hekk kif l-evidenza kollha tkun ġiet evalwata kif dovut; jinkoraġġixxi lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jikkunsidraw is-sejbiet ta' dan l-awditjar u jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tan-negozjati għall-QFP li jmiss;

42.  Jappella lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-allegazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess mhux solvuti fi Stati Membri oħra;

43.  Itenni d-dispjaċir tiegħu li r-rapport għal kull pajjiż ma baqax isir fit-tieni rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni mill-Kummissjoni (ARES(2017)455202); jitlob mill-ġdid li l-Kummissjoni terġa' tibda tirrapporta, separatament mis-Semestru Ekonomiku, dwar l-istatus tal-korruzzjoni fl-Istati Membri, inkluża evalwazzjoni tal-effikaċja tal-isforzi kontra l-korruzzjoni appoġġjati mill-UE; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni ma tevalwax l-isforzi kontra l-korruzzjoni biss f'termini ta' telf ekonomiku;

44.  Jisħaq fuq l-importanza tar-rispett tal-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja bħala prekundizzjoni għall-użu b'suċċess tal-finanzjament tal-UE;

45.  Jaċċentwa l-importanza tal-midja pubblika indipendenti, tal-ġurnalisti investigattivi u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jaħdmu biex isaħħu l-istat tad-dritt; Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ tal-UE għal ġurnalisti indipendenti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa ta' importanza kbira, inkluż fil-kuntest tal-QFP li jmiss; jinsab mħasseb dwar il-konċentrazzjoni għolja ta' midja privata f'idejn il-ftit fir-Repubblika Ċeka;

46.  Jappella lill-Kummissjoni tqis it-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni meta timmonitorja s-sitwazzjoni fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt;

47.  Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka biex jinformaw malajr kemm jista' jkun lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-eżitu tal-investigazzjoni "Stork Nest" li reġgħet infetħet;

48.  Jappella lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess fil-kuntest tan-negozjati għall-baġit futur tal-UE u l-QFP li jmiss, bi qbil mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju;

49.  Jesprimi solidarjetà mal-poplu tar-Repubblika Ċeka li qiegħed jappella għal korrettezza, ġustizzja u riżoluzzjoni tal-inkompatibbiltà tal-interessi kummerċjali tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka mar-rwol u s-setgħat politiċi tiegħu;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Ċeka.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0530.
(2) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(4) https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/P-8-2019-001656_MT.html
(5) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(6) Ismeri Europa Srl vs Il-Qorti tal-Awdituri, Sentenza tal-15.6.1999, Kawża T-277/97, ECLI:EU:T:1999:124.
(7) https://europeanjournalists.org/wp-content/uploads/2019/10/Czech-Republic-fact-finding-mission.pdf
(8) https://www.seznamzpravy.cz/clanek/babis-mu-zadal-praci-pro-agrofert-ja-jen-splnil-pokyn-rika-exnamestek-90945; https://www.seznamzpravy.cz/clanek/soukromy-obchod-agrofertu-na-stole-premiera-poslete-odpoved-napsal-babis-90494; https://www.seznamzpravy.cz/clanek/dukazy-z-e-mailu-babis-kvuli-agrofertu-ukoluje-vladou-placene-experty-90815
(9) Informazzjoni mogħtija mingħand l-Assoċjazzjoni tal-Biedja Privata fir-Repubblika Ċeka matul il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.
(10) Informazzjoni mogħtija mingħand l-Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar tar-Repubblika Ċeka matul il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.
(11) Rapporti ta' impjegati taċ-ċivil u rappreżentanti ta' NGOs, miġjuba għall-attenzjoni tal-membri tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.
(12) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(13) Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza