Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020 (2019/2209(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 bħala sforz komuni tal-UE u s-sitt sħab Ewropej tal-Lvant tagħha l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant tal-2009 fi Praga, tal-2011 f'Varsavja, tal-2013 f'Vilnius, tal-2015 f'Riga u tal-2017 fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra(1), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra(2), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra(3), inklużi ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs) u l-Ftehim ta' sħubija komprensiv u msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra(4),
– wara li kkunsidra l-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan approvati mill-Kunsill ta' Koperazzjoni fit-28 ta' Settembru 2018(5),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitati Parlamentari ta' Assoċjazzjoni mal-Ukrajna u mal-Moldova tad-19 ta' Diċembru 2019,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tat-18 ta' Diċembru 2019(6),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja(8) u r-Repubblika tal-Ażerbajġan(9) dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, u l-iffirmar ta' ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi mill-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Belarussja fit-8 ta' Jannar 2020(10),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Marzu 2020 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata "Eastern Partnership policy beyond 2020: Reinforcing Resilience – an Eastern Partnership that delivers for all" (Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020: tisħiħ tar-reżiljenza - Sħubija tal-Lvant vantaġġjuża għal kulħadd),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-Sħubija tal-Lvant,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u l-attivitajiet tal-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tad-9 ta' Diċembru 2019 dwar "il-futur tal-Istrateġija Trio Plus 2030: nibnu l-futur tas-Sħubija tal-Lvant",
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE u l-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-ħtieġa ta' strateġija Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar(11), tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat(12), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja(13), tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna(14), tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen(15), tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(16), tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(17), tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi(18), tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant(19), tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea(20), tad-19 ta' April 2018 dwar il-Belarussja(21), tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa(22), tal-4 ta' Lulju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra(23), tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97(24), tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Moldova(25), tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia(26) u tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna(27),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, speċjalment dawk relatati mal-azzjonijiet tar-Russja fit-territorji tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, mal-ksur tad-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea, mal-okkupazzjoni ta' partijiet mit-territorju tal-Georgia u l-attivitajiet ta' "frunterizzazzjoni" relatati, u mal-propaganda ostili u d-diżinformazzjoni kontra l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(28) u r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar [in-negozjati dwar] il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan(29),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0112/2020),
A. billi, fil-futur immedjat, l-UE tibqa' l-potenza politika u ekonomika dominanti tal-Ewropa, u għalhekk għandha responsabbiltà fil-konfront tal-ġirien tagħha;
B. billi l-Istateġija Globali tal-UE ta' Ġunju 2016 tiddikjara li l-prijorità tal-UE hija t-trawwim ta' Stati reżiljenti, iggvernati tajjeb, prosperi u allinjati fil-viċinat;
C. billi s-Sħubija tal-Lvant (SL) hija, min-natura tagħha, inklużiva, hija bbażata fuq interessi u fehim reċiproċi, sjieda u responsabbiltà kondiviżi, differenzjazzjoni u kundizzjonalità u timmira lejn impenn kondiviż bejn l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea bil-għan li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom u jaderixxu mad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, bħad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, l-ekonomija soċjali tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, bil-għan li żżid l-istabbiltà u l-prosperità;
D. billi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL mhuwiex proċess lineari u kooperazzjoni vera u proprja tista' tinkiseb u tinżamm biss jekk il-valuri u l-prinċipji fundamentali Ewropej jiġu rispettati matul il-proċess kostituzzjonali u leġiżlattiv u jekk il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, l-istrutturi oligarkiċi u n-nepotiżmu tiġi garantita; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li, f'każijiet gravi ta' rigress, il-kooperazzjoni tista' tiġi revokata;
E. billi ċerti pajjiżi tas-SL għażlu li jsegwu integrazzjoni politika, umana u ekonomika aktar mill-qrib mal-UE, fuq il-bażi tal-prinċipju ta' differenzjazzjoni u skont ir-riżultati tal-prestazzjoni u l-aspirazzjonijiet, u kkonkludew Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ambizzjużi, fosthom Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs), kif ukoll reġimi ta' eżenzjoni mill-viżi u Ftehimiet ta' Żona ta' Avjazzjoni Komuni; iddikjaraw ukoll l-għan strateġiku ta' adeżjoni mal-UE u diġà wrew il-kapaċità tagħhom li jiżguraw stabbiltà, sigurtà, prosperità u reżiljenza akbar fil-viċinat tal-Lvant; billi s-sostenn pubbliku fis-soċjetajiet tagħhom favur l-integrazzjoni Ewropea għadu f'livell ferm għoli;
F. billi l-pajjiżi tas-SL l-oħrajn isegwu livell ta' ambizzjoni aktar artikolat fil-konfront tal-UE; billi l-Armenja tagħmel parti mill-istrutturi ta' integrazzjoni militari u ekonomika reġjonali bi tmexxija Russa (l-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika u l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva) u kkonkludiet il-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ mal-UE; billi l-Ażerbajġan ilu mill-2017 jinnegozja ftehim komprensiv ġdid mal-UE li se jieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-1999; billi l-Belarussja ma għandha l-ebda relazzjoni kuntrattwali fuq il-bażi ta' trattati mal-UE, iżda dan l-aħħar ġew iffirmati ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u dwar ir-riammissjoni;
G. billi minn mindu nħolqot is-SL, il-pajjiżi sħab urew ritmu differenti ta' riformi politiċi u ekonomiċi, minħabba fatturi kemm interni kif ukoll esterni, u għadhom ma waslux f'punt li fih dawn ir-riformi jkunu irreversibbli;
H. billi ż-żamma ta' prospettiva Ewropea fit-tul għall-pajjiżi interessati sħab fis-SL hija katalizzatur għad-demokratizzazzjoni u għal riformi ulterjuri fil-pajjiżi tas-SL;
I. billi jeħtieġ li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġiji ad hoc mal-pajjiżi kollha tas-SL, kif ukoll li jsir progress lejn forom aktar ambizzjużi ta' kooperazzjoni u integrazzjoni, meta jixtiequ l-pajjiżi sħab u li jiġi appoġġat u sostnut ritmu ta' implimentazzjoni ambizzjuż tar-riformi ta' integrazzjoni Ewropea;
J. billi dan l-għan jista' jintlaħaq dment li jinkiseb progress fir-rispett tal-istat tad-dritt u fit-tisħiħ tad-demokrazija, u jiġu implimentati riformi komprensivi fil-pront, b'mod awtentiku, sostenibbli u effikaċi, bis-sostenn ta' strumenti tal-UE flessibbli u f'konformità mal-impenji u mal-obbligi internazzjonali, anki fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tal-minoranzi;
K. billi huma apprezzati r-riżultati u t-tisħiħ tad-differenzjazzjoni fir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL li magħhom iffirmat Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u issa wasal iż-żmien li lil dawn il-pajjiżi tingħatalhom gwida aktar ċara dwar il-prijoritajiet ta' riforma speċifiċi, il-kriterji ta' allinjament u l-fażijiet li jmiss tal-proċess ta' integrazzjoni fl-UE;
L. billi l-għan ewlieni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/tad-DCFTAs huwa li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji biex titħaffef l-assoċjazzjoni politika u tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-pajjiżi sħab interessati;
M. billi l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi tas-SL għadhom vjolati minn kunflitti reġjonali mhux solvuti, aggressjoni esterna u mill-okkupazzjoni li għadha għaddejja tat-territorji ta' wħud minn dawn il-pajjiżi, fatt li jimmina l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem, jirrappreżenta ostaklu biex jiżdiedu l-prosperità, l-istabbiltà u t-tkabbir tas-SL u jippreġudika l-azzjoni tal-UE, b'hekk jiġi kompromess il-proġett tas-SL kollu kemm hu; billi fil-maġġor parti ta' dawn il-kunflitti r-Russja qiegħda tiżvolġi rwol attiv bħala aggressur, permezz tal-gwerra ibrida, il-politika ta' annessjoni u okkupazzjoni illegali, l-attakki ċibernetiċi, il-propaganda u d-diżinformazzjoni min-naħa tagħha, li jheddu s-sigurtà Ewropea fl-intier tagħha;
N. billi l-prosperità u s-sigurtà tal-Ewropa huma marbuta b'mod strett mas-sitwazzjoni tal-pajjiżi ġirien, u tal-pajjiżi tas-SL b'mod partikolari; billi s-Sħubija tal-Lvant issegwi l-għanijiet komuni ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat u kooperazzjoni reġjonali, u r-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha trawwem u ssaħħaħ il-kapaċitajiet biex tirriżolvi t-tilwim bilaterali u tistinka favur ir-rikonċiljazzjoni bejn is-soċjetajiet fil-viċinat tal-Lvant;
O. billi l-Parlament Ewropew jikkundanna l-ksur tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-pajjiżi tas-SL, ma jirrikonoxxix il-modifiki furzati fil-konfini tagħhom u t-tentattivi ta' annessjoni tat-territorji tagħhom, u jirrifjuta l-użu tal-forza jew it-theddid tal-użu tal-forza, filwaqt li jikkondividi l-impenn tal-UE favur sostenn għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti bis-saħħa ta' mezzi diplomatiċi u skont in-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Att Finali ta' Helsinki, partikolarment fil-kunflitti li tagħhom ir-Russja tagħmel parti;
P. billi minn mindu nħolqot is-SL, l-UE kattret u sostniet il-preżenza tagħha f'termini politiċi, ekonomiċi u tas-sigurtà fil-pajjiżi tas-SL, b'hekk kisbet żieda fl-influwenza tagħha u fl-opportunitajiet biex tippromwovi l-valuri u l-prinċipji tagħha u żiedet l-interdipendenza bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL;
Q. billi l-pajjiżi tas-SL jistgħu jiżvolġu rwol sinifikanti f'dak li hu aċċess dirett għall-Asja Ċentrali u jikkontribwixxu għall-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali bħala sħab affidabbli tal-Ewropa tal-Lvant;
R. billi, bis-saħħa tas-SL, l-UE għenet biex jingħata bidu għal riformi strutturali, anki tal-istituzzjonijiet u tal-istrutturi ta' governanza, kif ukoll biex jitqiegħdu l-pedamenti għal trasformazzjoni soċjoekonomika u politika profonda fil-viċinat tal-Lvant kollu; billi sar progress fl-approssimazzjoni tal-pajjiżi tas-SL mal-qafas regolatorju tal-UE u man-normi, mal-istandards u mal-prattiki tagħha;
S. billi s-SL bħala konsegwenza diretta kellha r-responsabbilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ż-żieda fl-aspettattivi u fid-domanda għall-obbligu ta' rendikont u għat-trasparenza min-naħa tas-soċjetà ċivili fil-konfront tal-gvernijiet tal-pajjiżi tas-SL, li wriet li hija mutur intern importanti għar-riformi; billi s-suċċess tat-trasformazzjoni fil-pajjiżi tas-SL, u b'mod partikolari fit-tliet pajjiżi sħab assoċjati, jista' jiġġenera eżempju pożittiv għall-pajjiżi l-oħra;
T. billi mħallfin u prosekuturi indipendenti, istituzzjonijiet u qrati liberi, soċjetà ċivili b'saħħitha u mezzi ta' informazzjoni indipendenti, ilkoll b'funzjonijiet ta' kontroll, huma elementi fundamentali li l-UE jmissha tkompli ssostni attivament fil-viċinat tal-Lvant;
U. billi istituzzjonijiet b'saħħithom u reżiljenti, il-prevalenza tal-istat tad-dritt, l-implimentazzjoni tar-riformi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, huma fundamentali fil-ħolqien ta' kuntest ġust, stabbli u affidabbli, li jista' mbagħad, min-naħa tiegħu, jattira u jsostni t-tkabbir u l-investimenti fit-tul fil-pajjiżi tas-SL;
V. billi fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tas-SL, il-Kunsill Ewropew saħaq fuq l-importanza tas-sħubija strateġika mal-pajjiżi tas-SL u stieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jippreżentaw proposti strateġiċi fit-terminu twil biex iħejju għas-Summit ta' Ġunju 2020;
W. billi l-Parlament Ewropew impenja ruħu li jadotta riżoluzzjonijiet annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/tad-DCFTAs min-naħa tal-pajjiżi assoċjati u rakkomandazzjonijiet almenu semestrali dwar ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi l-oħra tas-SL u dwar il-politika tas-SL fuq livell kumplessiv;
1. Jirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:
(a)
jirrikonoxxu li l-pajjiżi tas-SL assumew dejjem aktar spiss iżjed responsabbiltà u sjieda fir-rigward tal-inizjattiva tas-SL; jisħqu fuq l-importanza li jsir sforz favur impetu kontinwu lejn kooperazzjoni effikaċi, djalogu intensiv u sħubija stretta fi ħdan is-SL, imsaħħaħ permezz tal-impatt trasformatur tal-politika tas-SL, li jsostni r-riformi li jiġġeneraw bidla politika, soċjali, ekonomika, ġuridika pożittiva fil-pajjiżi tas-SL, meta jitqies il-livell ta' ambizzjoni tagħhom fil-konfront tal-UE; jenfasizzaw l-isforzi tal-pajjiżi assoċjati favur relazzjoni dejjem aktar stretta mal-UE; jikkonfermaw id-dritt sovran tal-pajjiżi tas-SL li jagħżlu liberament il-livell individwali ta' kooperazzjoni jew integrazzjoni tagħhom mal-UE u li jirrespinġu kwalunkwe pressjoni esterna fuq tali għażla;
(b)
jissottolinjaw li, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, kull Stat Ewropew jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni dment li jirrispetta l-valuri ta' dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-TUE; jirrikonoxxu li, filwaqt li l-adeżjoni mhijiex prevista fil-qafas tas-SL, il-politika tas-SL tista' tiffaċilita proċess ta' integrazzjoni gradwali fl-UE; iqisu li, għal proċess ta' adeżjoni eventwali, kemm l-UE kif ukoll il-pajjiż tas-SL ikkonċernat għandhom ikunu ppreparati sewwa, b'kont meħud tal-proċess ta' riformi futuri tal-UE u tal-approssimazzjoni tal-pajjiż sieħeb mal-acquis tal-UE, kif ukoll ir-rispett tiegħu tal-kriterji ta' adeżjoni mal-UE; jiżguraw li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet attwali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL se tikkostitwixxi l-ewwel pass f'dan il-proċess ta' integrazzjoni gradwali;
(c)
jattwaw fil-pront viżjoni strateġika u orjentata lejn il-futur għad-deċennju li jmiss tal-politika tal-SL wara l-2020, bil-għan li jiġu fornuti benefiċċji l-ewwel u qabel kollox liċ-ċittadini, tissaħħaħ ir-reżiljenza, jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli, jiġu żgurati riżultati irreversibbli u jiġi approfondit il-proċess ta' kooperazzjoni u integrazzjoni bejn l-UE u s-SL, li huwa fl-interessi tal-UE stess fl-ambitu ekonomiku u tas-sigurtà;
(d)
jiżguraw li l-konklużjonijiet tas-Summit ta' Ġunju 2020 jinkludu strateġija ċara u viżjoni komuni fit-tul għal impenn u żvilupp ulterjuri tas-SL wara l-2020, it-tisħiħ tal-impenji u tal-inċentivi politiċi tal-UE kif ukoll impenn min-naħa tal-pajjiżi tas-SL li jfornu riżultati b'mod awtonomu; jinkoraġġixxu lill-Presidenzi futuri tal-Kunsill tal-UE, konformement mar-riżoluzzjonijiet u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, iħejju aġendi dettaljati u ambizzjużi ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-SL, li jkunu jgħinu ħalli jissawru relazzjonijiet mal-pajjiżi tas-SL f'direzzjoni mixtieqa miż-żewġ naħat fid-deċennji li ġejjin;
(e)
jirrikonoxxu li s-SL għandha tkompli tkun qafas interessanti ta' kooperazzjoni u jsostnu dan il-proċess konformement mal-prinċipju ta' "aktar għal aktar", bil-għan li l-pajjiżi tas-SL jibqgħu involuti fil-proċess ta' riforma u fil-perkors tagħhom lejn l-UE;
(f)
jirrikonoxxu li s-Sħubija tal-Lvant timxi f'żewġ direzzjonijiet peress li l-esperjenza tal-pajjiżi tas-SL tista' tinqasam għall-ġid reċiproku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u tal-pajjiżi tas-SL;
(g)
iżommu approċċ ibbilanċjat bejn differenzjazzjoni ad hoc fi ħdan is-SL u l-inklużjoni, il-koerenza u l-konsistenza tal-qafas multilaterali, li jibqa' punt ta' riferiment għall-pajjiżi kollha tas-SL; jevitaw li jaqsmu s-SL skont l-ambizzjonijiet differenti tal-pajjiżi fil-konfront tal-UE; iqisu li l-portata u l-profondità tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL għandhom ikunu ddeterminati mill-ambizzjonijiet tal-partijiet, kif ukoll mill-implimentazzjoni tagħhom tar-riformi; jirrikonoxxu li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/d-DCFTAs iffirmati mal-Georgia, mar-Repubblika tal-Moldova u mal-Ukrajna jixhdu approċċ differenzjat u għandhom iwasslu għal aktar tisħiħ tal-formati u tal-pjanijiet direzzjonali tar-relazzjonijiet bilaterali fuq il-bażi tal-prinċipju ta' "aktar għal aktar";
(h)
fid-dawl ta' approċċ ad hoc, jikkunsidraw il-possibbiltà li joħolqu, għat-tliet pajjiżi assoċjati, strateġija ta' kooperazzjoni msaħħa, li tkun tista' tistabbilixxi programm ta' appoġġ għal riformi u investimenti f'oqsma bħat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-trasport, l-infrastrutturi, il-konnettività, l-enerġija, il-ġustizzja u l-ekonomija diġitali, u li f'fażi aktar tard tkun tista' tipprevedi estensjoni għall-pajjiżi tas-SL l-oħra fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet individwali tal-impenji ta' riforma tal-UE u tal-progress li jkun sar, b'kont meħud tal-bżonn li tiġi sostnuta l-koerenza tas-SL u konformement mal-prinċipju ta' inklużjoni; dan id-djalogu jkun jista' jinkludi laqgħat fil-marġini tal-Kunsill Ewropew mal-mexxejja tal-pajjiżi assoċjati fuq bażi strutturata, u parteċipazzjoni regolari tar-rappreżentanti tagħhom fil-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma u tal-kumitati tal-Kunsill Ewropew;
(i)
jagħtu bidu għal proċess biex jinħoloq spazju ekonomiku komuni li jwassal għall-integrazzjoni mal-erba' libertajiet u li jkun jiffaċilita integrazzjoni u konverġenza ekonomiċi aktar profondi tal-pajjiżi tas-SL mal-politiki tal-UE u kooperazzjoni ekonomika aktar profonda fost il-pajjiżi tas-SL innifishom billi jsegwu l-perkors li għamlu l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
(j)
ivaraw miżuri addizzjonali favur integrazzjoni aktar profonda u aktar kooperazzjoni settorjali tal-pajjiżi tas-SL mal-UE u għall-parteċipazzjoni tagħhom f'ċerti aġenziji tal-UE, fi pjattaformi relatati mal-qafas għall-investimenti u fi programmi u inizjattivi intra-UE, fir-rispett sħiħ tal-kundizzjonalitajiet eżistenti u f'konformità mal-approċċ tal-UE bbażat fuq l-inċentivi, bil-għan li tinkiseb aktar konverġenza fl-ispirtu tal-prinċipju ta' "aktar għal aktar" u b'kont meħud tal-aħjar prattiki għas-sostenn tar-riformi;
(k)
ifornu lill-pajjiżi tas-SL assistenza teknika akbar, u jagħmluha suġġetta għal kundizzjonijiet, anki fil-kuntest tan-negozjati leġiżlattivi li għaddejjin dwar l-istrumenti finanzjarji esterni għall-perjodu 2021-2027; jiżguraw li tali assistenza għandha tkun adattata għall-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiżi individwali tas-SL taħt il-gwida tal-Parlament Ewropew permezz ta' atti delegati, u użata biex jiġu implimentati l-attivitajiet previsti fil-qafas tal-programm tas-SL; jirrikonoxxu l-fatt li l-assistenza finanzjarja tal-UE hija wkoll investiment fil-futur, billi ssostni r-riformi li jżidu l-istabbiltà ekonomika u soċjali tal-pajjiżi tas-SL u titfa' s-sisien għal kooperazzjoni futura ta' suċċess;
(l)
jirrikonoxxu l-bżonn ta' qafas ta' sostenn politiku, amministrattiv u finanzjarju addizzjonali għat-tliet pajjiżi assoċjati fi ħdan is-SL kumplessiva, abbażi ta' approċċi individwali, li jindirizza r-riformi strutturali speċifiċi tagħhom, il-modernizzazzjoni tagħhom u l-bżonnijiet tagħhom f'termini ta' żvilupp tal-istituzzjonijiet; josservaw li dan l-aċċess għall-finanzjamenti tal-UE għandu jkun marbut mal-impenji ta' riforma u għandu jinkludi ġabra ta' parametri ta' riferiment ambizzjużi;
(m)
jiffavorixxu l-imperattiv tal-prinċipju ta' "aktar għal aktar" demokrazija u stat tad-dritt fid-dawl tal-iżviluppi reċenti kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tas-SL, u jiżguraw li l-funzjonament u r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, il-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jibqgħu l-kriterji u l-kundizzjonijiet ewlenin għal sħubija politika aktar stretta u għall-assistenza finanzjarja;
(n)
jagħmlu valutazzjonijiet tal-impatt regolari tal-programmi ta' sostenn tal-UE biex tiżdied l-effiċjenza tagħhom u jiġu applikati adattamenti f'waqthom; jirreaġixxu aktar malajr għad-deterjorament tal-istat tad-dritt u tar-responsabbiltà demokratika fil-pajjiżi tas-SL u japplikaw kundizzjonalità intelliġenti, anki billi l-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja jkun marbut mad-demokratizzazzjoni u mar-riformi, biex ikun evitat aktar rigress min-naħa tal-gvernijiet sħab; joħolqu l-kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu jiċċaqalqu l-assistenza f'pajjiż partikolari tas-SL mill-awtoritajiet ċentrali, jekk ma jirrispettawx l-impenji, lejn awtoritajiet lokali jew atturi tas-soċjetà ċivili;
(o)
isaħħu r-rwol tal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju u fil-monitoraġġ tal-programmi permezz ta' atti delegati, fl-applikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE;
(p)
isaħħu d-diplomazija parlamentari u jirrieżaminaw il-funzjonament ta' Euronest, bil-għan li jippermettulha tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha;
Djalogu strutturat, bini tal-Istat u responsabbiltà demokratika
(q)
jirrikonoxxu, huma u jżommu n-natura inklużiva tas-Sħubija u jkomplu jimpenjaw ruħhom mal-pajjiżi kollha tas-SL, l-istatus ta' sħubija assoċjata tal-pajjiżi avvanzati tas-SL, b'mod partikolari l-firmatarji tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni b'DCFTAs, u jistabbilixxu magħhom aktar sedi ta' djalogu politiku msaħħaħ għall-promozzjoni ta' aktar integrazzjoni ekonomika u armonizzazzjoni leġiżlattiva; jinkludu, pereżempju, lill-pajjiżi assoċjati bħala osservaturi fix-xogħlijiet tal-kumitati stabbiliti skont l-Artikolu 291 tat-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 182/2011, biex jintwera l-impenn tal-UE favur aktar integrazzjoni u biex jissaħħu l-orjentament għar-riformi u l-kompetenzi amministrattivi tal-pajjiżi;
(r)
jimpenjaw ruħhom mal-pajjiżi tas-SL fl-assistenza ulterjuri fil-bini tal-Istat u fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u tar-responsabbiltà tagħhom billi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi tas-SL strumenti simili għall-Grupp ta' Appoġġ għall-Ukrajna, u l-prijorità tingħata lis-sħab assoċjati; jiżviluppaw l-istrumenti eżistenti u dawk ġodda tal-UE fil-qasam tal-istat tad-dritt u tal-governanza tajba biex isiru monitoraġġ u valutazzjoni tal-progress min-naħa tas-sħab assoċjati, b'mod partikolari t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE u l-Mekkaniżmu għall-Istat tad-Dritt; ifornu gwida u parametri ta' riferiment effikaċi għar-riformi, anki bl-adozzjoni ta' pjanijiet direzzjonali li jispeċifikaw l-impenji ta' assoċjazzjoni; ifasslu dokumenti ta' ħidma dettaljati b'metodoloġija ċara u perspettiva komparata, fuq il-mudell tal-eżempju tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża u tal-proċess ta' adeżjoni biex jiġu integrati r-Rapporti ta' Progress u l-Aġendi ta' Assoċjazzjoni attwali;
(s)
jinkludu l-monitoraġġ multilaterali fil-proċess ta' valutazzjoni tar-riformi fil-pajjiżi tas-SL u, skont il-prassi diġà użata fl-Ukrajna, jagħmluh obbligatorju għall-gvernijiet tas-SL; jiżguraw it-tkomplija tar-Rapporti annwali ta' Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u tas-SEAE dwar il-progress li għamlu t-tliet sħab assoċjati u japplikaw metodoloġija ta' evalwazzjoni unifikata, b'mod partikolari fl-analiżi tar-riformi fl-istess oqsma u setturi; joħorġu rapporti perjodiċi, tal-anqas darbtejn fis-sena, dwar ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi mhux assoċjati tas-SL; ifornu rapport ta' implimentazzjoni dwar il-ftehimiet kummerċjali u ta' assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tas-SL, b'enfasi fuq l-iżvilupp soċjali, ambjentali u ekonomiku fis-soċjetajiet tal-pajjiżi tas-SL, anki fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi;
(t)
jirrikonoxxu li istituzzjonijiet b'saħħithom, indipendenti u effiċjenti f'livell ċentrali u lokali huma essenzjali għar-responsabbiltà demokratika, għad-deoligarkizzazzjoni u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-manipulazzjoni tal-Istat; jitolbu, għaldaqstant, impenn imġedded min-naħa tal-pajjiżi tas-SL biex jattwaw riformi komprensivi tas-sistema ġudizzjarja u tal-amministrazzjoni pubblika bil-għan li jiżguraw l-indipendenza u r-reklutaġġ meritokratiku tal-imħallfin u tal-uffiċjali pubbliċi, kif ukoll jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fost mezzi oħra, billi jonqos l-ispazju għall-korruzzjoni bis-saħħa ta' żieda fit-trasparenza, fir-responsabbiltà u fil-promozzjoni ta' mġiba nadifa fost iċ-ċittadini inġenerali, billi jissaħħaħ l-istat tad-dritt u tiġi promossa l-governanza tajba; jirrikonoxxu li mingħajr ma jintlaħqu l-għanijiet hawn fuq imsemmija huwa prattikament impossibbli li jintlaħqu tkabbir sostenibbli, tiżdied l-attività u l-iżvilupp ekonomiċi, jonqos il-faqar, jiżdied l-investiment dirett barrani (IDB) u jiżdiedu l-fiduċja soċjetali u l-istabbiltà politika;
(u)
ikomplu fi spettru usa' r-riformi ġuridiċi u ekonomiċi bit-trasferiment ta' esperjenzi mill-Istati Membri tal-UE permezz ta' proġetti ta' ġemellaġġ, b'mod partikolari billi l-programm ta' ġemellaġġ jiġi estiż għall-gvernijiet lokali u reġjonali;
(v)
jiżviluppaw amministrazzjoni pubblika Ewropea ta' kwalità fil-pajjiżi assoċjati tas-SL billi jinbdew skemi ta' osservazzjoni f'sitwazzjoni ta' xogħol (job-shadowing) li joffru lill-uffiċjali pubbliċi tal-pajjiżi tas-SL kollokament temporanju fis-servizzi rilevanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri f'setturi speċifiċi;
(w)
jinkoraġġixxu x-xogħol tal-fondazzjonijiet politiċi biex irawmu il-ġenerazzjoni tal-mexxejja politiċi li jmiss fil-pajjiżi tas-SL;
(x)
jirrikonoxxu l-inizjattivi tal-gvernijiet tal-pajjiżi assoċjati biex iqawwu l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom u l-pożizzjoni konġunta mas-SL, u jinkoraġġixxu l-espansjoni tagħhom fil-livell multisettorjali, b'mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, l-affarijiet diġitali, iċ-ċibersigurtà, il-ħarsien tal-ambjent, l-ekonomija marittima, il-kontrolli tal-fruntieri, il-kooperazzjoni doganali, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ kif ukoll il-ġustizzja u l-affarijiet interni; approċċ simili għandu jkun applikat lill-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tas-SL dwar kwistjonijiet varji;
(y)
jippromwovu l-kummerċ intrareġjonali bejn il-pajjiżi tas-SL, peress li żieda fil-kummerċ ma' aktar sħab tikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reżiljenza tal-pajjiżi u tal-ekonomiji tagħhom; jinkoraġġixxu involviment akbar tal-pajjiżi tas-SL fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE u ta' djalogu ta' kooperazzjoni interreġjonali u transfruntiera effiċjenti, bil-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali tas-sħab u jiġi aġevolat l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħhom;
(z)
iħeġġu riformi elettorali ħalli jiġu żgurati elezzjonijiet liberi, regolari, kompetittivi u trasparenti u jinkoraġġixxu l-konformità sħiħa tal-proċessi elettorali, partikolarment fl-adozzjoni ta' emendi leġiżlattivi lil-liġijiet elettorali u lill-finanzjament tal-partiti, mal-istandards internazzjonali, mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; iħeġġeġ lill-pajjiżi tas-SL jiżguraw il-projbizzjoni tal-vessazzjonijiet, fil-livell ġudizzjarju, fiżiku jew istituzzjonali fil-konfront tal-atturi politiċi mhux allinjati mal-gvern fil-kariga, u jħarsu l-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u tal-għaqda, inkluż id-dritt ta' dimostrazzjoni paċifika; ifaħħar lill-Istati tas-SL li qablu dwar l-implimentazzjoni ta' riformi politiċi finalizzati għad-demokratizzazzjoni u jsostnu t-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv elettorali permezz ta' djalogi politiċi inklużivi;
(aa)
jiżguraw li, matul il-proċess tal-emendi tal-leġiżlazzjoni elettorali, il-pajjiżi tas-SL joħolqu opportunitajiet indaqs għar-rappreżentanza tal-minoranzi etniċi u nazzjonali kollha;
(ab)
jiżguraw li jsiru missjonijiet Ewropej ta' osservazzjoni elettorali fil-pajjiżi tas-SL bil-għan li jiġu sostnuti l-proċess ta' tisħiħ tal-istituzzjonijiet, il-proċessi elettorali u r-responsabbiltà demokratika;
(ac)
jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-indħil minn terzi fil-proċessi politiċi u elettorali u fil-proċessi demokratiċi l-oħra tal-Istati tas-SL, intiżi li jinfluwenzaw elezzjoni favur kandidat jew partit jew li jimminaw il-fiduċja fis-sistema demokratika, b'mod partikolari permezz tad-diżinformazzjoni, il-finanzjament politiku illeċitu, l-attakki ċibernetiċi fuq atturi politiċi jew tal-mezzi tal-informazzjoni, jew kwalunkwe mezz illegali ieħor;
(ad)
jadottaw mekkaniżmu ta' sanzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE jew "Liġi Magnitsky" tal-UE, applikabbli lill-individwi jew lill-entitajiet li jkunu kisru d-drittijiet tal-bniedem jew libertajiet fundamentali, b'mod partikolari billi jkunu ħadu sehem f'arresti, ħtif jew swat tal-ġurnalisti u tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni u fir-repressjoni vjolenti tal-protesti paċifiċi, kif ukoll dawk involuti fil-każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli fil-pajjiżi tas-SL;
Kooperazzjoni settorjali lejn spazju ekonomiku komuni
(ae)
jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni kontinwa u effikaċi tad-DCFTAs bil-għan li jinħolqu gradwalment il-kundizzjonijiet għall-ftuħ tas-suq uniku tal-UE; jikkunsidraw li joħolqu mekkaniżmu speċjali ta' approssimazzjoni ġuridika maħsub biex jgħin lis-sħab assoċjati fl-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom mal-acquis tal-UE u biex jgħinhom fl-isforzi tagħhom ħalli jimplimentawh; jirrikonoxxu li l-implimentazzjoni tad-DCFTAs ħalliet diversi riżultati pożittivi, għad li fadal xi kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati adegwatament;
(af)
jinnutaw l-importanza li jkunu approfonditi l-kooperazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni tas-swieq mal-pajjiżi tas-SL permezz ta' ftuħ gradwali tas-suq uniku tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni tad-DCFTAs, u r-rispett tar-regolamenti u tal-istandards ġuridiċi, ekonomiċi u tekniċi, kif ukoll permezz tal-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni;
(ag)
jimmiraw li jeżaminaw u jiggarantixxu l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni settorjali gradwalment differenzjata tal-pajjiżi tas-SL eliġibbli u interessati, partikolarment, fl-Unjoni tal-Enerġija, fil-Komunità tat-Trasport u fis-Suq Uniku Diġitali; jikkonċentraw fuq it-telekomunikazzjonijiet u jagħtu prijorità lill-ħolqien ta' reġim ta' eżenzjoni tat-tariffi tar-roaming bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL u reġim ieħor bħalu fost il-pajjiżi tas-SL, mill-aktar fis possibbli; joħolqu servizzi fiduċjarji, inklużi kapaċitajiet informatiċi maħsuba li jipproteġu l-infrastruttura kritika u d-data personali, u jilħqu kooperazzjoni akbar fil-qasam doganali u tas-servizzi bankarji u finanzjarji, li tkun tgħin lill-pajjiżi tas-SL fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u ssaħħaħ is-sorveljanza finanzjarja, u twassal, potenzjalment, għall-espansjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) għall-pajjiżi tas-SL;
(ah)
jintroduċu strumenti bħall-iscreening ġuridiku u pjanijiet direzzjonali settorjali għad-determinazzjoni tal-preparazzjoni tal-pajjiżi tas-SL biex jikkonformaw mal-acquis tal-UE u jikkonfermaw il-preparazzjoni tagħhom għal integrazzjoni settorjali differenzjata;
(ai)
jippromwovu l-iżvilupp ta' servizzi elettroniċi, kemm kummerċjali kif ukoll pubbliċi, u tal-ekonomija elettronika, kif ukoll ta' firxa wiesgħa ta' kapaċitajiet ta' telexogħol, bil-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza u r-reżistenza f'każ ta' kriżi, kif sperimentat fil-pandemiji;
(aj)
jiżguraw l-involviment qawwi tal-pajjiżi tas-SL fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-kontribut tagħhom fiha, anki permezz tal-parteċipazzjoni fil-Patt Ekoloġiku Ewropew il-ġdid u billi jiġi żgurat li d-DCFTAs ma jkunux f'kuntrast mal-objettivi u mal-inizjattivi fil-qasam tal-klima stabbilit fih; tali involviment għandu jsir bis-saħħa tas-sostenn għall-investimenti tal-UE, inkluż mill-BERŻ u mill-BEI, u għandu jkun subordinat għal valutazzjoni soda tal-impatt ambjentali u tal-effetti fuq il-komunitajiet lokali, b'enfasi partikolari fuq is-setturi li jafu jisfaw milquta u jkollhom bżonn aktar sostenn;
(ak)
jiżguraw li azzjonijiet u finanzjamenti adegwati jkunu ddedikati biex tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma mormi f'konformità mal-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi sħab u jittejbu s-sigurtà u l-interkonnettività tal-enerġija, b'mod partikolari l-fluss fid-direzzjoni opposta tal-gass, l-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi tas-SL; jirrikonoxxu r-rwol importanti tal-Ażerbajġan fid-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija lejn l-UE, kif ukoll is-suċċess tal-Ukrajna fid-diżaggregazzjoni tas-sistema ta' trażmissjoni tal-gass, u jappoġġaw l-isforzi għall-indipendenza enerġetika u għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija f'pajjiżi oħra tas-SL; jinkoraġġixxu lill-pajjiżi tas-SL ilestu r-riformi tagħhom fis-settur tal-enerġija f'konformità mad-dritt tal-UE, inkluż dwar il-politika ambjentali u ta' sikurezza;
(al)
jipprovdu appoġġ kontinwu għall-adattament tas-sistema tal-ġestjoni tal-iskart solidu tal-pajjiżi tas-SL mal-istandards tal-UE, billi jistabbilixxu objettivi ta' riċiklaġġ u sistemi ta' riċiklaġġ biex jintlaħqu l-objettivi; jindirizzaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent u s-saħħa pubblika ta' faċilitajiet tal-iskart solidu skaduti u mhux awtorizzati; jidentifikaw l-istrumenti finanzjarji li jappoġġaw il-finanzjament ta' proġetti tal-ġestjoni tal-iskart mill-UE u minn fondi nazzjonali/lokali;
(am)
jiżguraw li l-installazzjonijiet nukleari eżistenti u ġodda fil-pajjiżi tas-SL huma konformi mal-ogħla standards ambjentali u tas-sikurezza nukleari, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali; jiżguraw li proġetti tal-enerġija mhux sikuri bħall-impjant nukleari ta' Ostrovets mhumiex se jagħmlu parti min-network Ewropew tal-elettriku;
(an)
jadottaw pjan komprensiv għall-bini tal-infrastrutturi, inklużi l-punti ta'qsim tal-fruntieri, u jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-proġetti prijoritarji kif identifikat fil-Pjanijiet Indikattivi tat-TEN-T u fi Pjanijiet ta' Azzjoni għall-Investimenti oħrajn, bil-għan li jittejbu l-konnettività tal-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u dak diġitali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, u fost il-pajjiżi tas-SL stess, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali matul il-proċess ta' implimentazzjoni; jinkoraġġixxu l-konverġenza regolatorja fis-settur tat-trasport;
(ao)
iħeġġu lill-pajjiżi tas-SL, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet ipprovduti minn Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u mill-Pjan ta' Azzjoni għall-Investimenti; jissottolinjaw il-ħtieġa li jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal ta' konnettività tal-Baħar l-Iswed u jingħata appoġġ lill-proġetti infrastrutturali, li huma importanti ferm biex tiżdied il-konnettività mar-reġjun u mal-Asja Ċentrali; jirrikonoxxu, f'dan ir-rigward, il-pożizzjoni ġeografika strateġika tal-pajjiżi tas-SL bħala ħolqa bejn l-Unjoni Ewropea, l-Asja u l-viċinat akbar, li tista' ġġib valur miżjud għall-impenji tal-politika barranija tal-UE;
(ap)
jimplimentaw l-Istrateġija ambizzjuża tal-UE għall-Asja Ċentrali bl-involviment attiv tal-pajjiżi tas-SL bħala sħab affidabbli li jgawdu minn aċċess dirett għal dan ir-reġjun;
(aq)
jiżguraw li l-QFP jikkonferma l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-proġetti infrastrutturali u ta' investiment tal-pajjiżi tas-SL, billi tiżdied ir-reżiljenza tagħhom għat-theddid ċibernetiku u jitjiebu u jiġu mmodernizzati s-sistemi edukattivi tagħhom; jieħdu miżuri attivi biex itejbu l-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi tas-SL; japplikaw l-esperjenza tal-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent biex tiġi attirata u kkoordinata assistenza finanzjarja u teknika u biex tiżdied l-effiċjenza tal-proġetti infrastrutturali;
(ar)
jagħtu prijorità lill-ħtieġa ta' investimenti sostenibbli u kredibbli fil-pajjiżi tas-SL billi titfassal strateġija għal impenn fit-tul, li tiffoka mhux biss fuq l-istabbilizzazzjoni iżda wkoll fuq id-demokratizzazzjoni;
(as)
jestendu għal sħab assoċjati oħra l-approċċ użat mill-UE fl-isforzi tagħha biex tappoġġa l-irkupru tal-ekonomija tal-Ukrajna, inkluż permezz ta' assistenza u strumenti makrofinanzjarji flessibbli u ad hoc kif ukoll l-involviment u l-koordinament ta' istituzzjonijiet finanzjarji u donaturi internazzjonali, u billi jittejjeb il-kuntest għall-investiment dirett barrani (IDB), filwaqt li jitqiesu d-drittijiet soċjali, ambjentali u tax-xogħol; jagħmlu l-promozzjoni tal-IDB mill-UE aspett fundamentali tal-politika tas-SL u jiżviluppaw pjan ta' azzjoni għal dan il-għan, bl-iskop li jittejjeb aktar l-ambjent tan-negozju u tiġi garantita ċ-ċertezza tad-dritt;
(at)
jappoġġaw diversifikazzjoni u kompetittività akbar tal-ekonomiji tal-pajjiżi tas-SL, permezz ta' appoġġ imsaħħaħ għall-SMEs kif ukoll demonopolizzazzjoni, deoligarkizzazzjoni u privatizzazzjoni, billi jsaħħu u jwessgħu l-ambitu, il-kopertura ġeografika u r-rilevanza għall-ħtiġijiet ta' programmi tad-destinatarji bħall-EU4Business; isellfu, b'mod partikolari, lill-SMEs f'muniti lokali, jiżviluppaw inizjattivi ġodda mfassla biex jattiraw il-kapital ta' riskju fil-pajjiżi tas-SL, u jipprovdu appoġġ kontinwu għall-iżvilupp ta' industriji li huma orjentati lejn l-esportazzjoni;
(au)
jindirizzaw id-distakk rurali-urban fil-pajjiżi tas-SL permezz ta' inċentivi finanzjarji u tekniċi effikaċi għal mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (MSMEs), bdiewa fuq skala żgħira u intrapriżi tal-familja f'żoni rurali u suburbani, u permezz tat-titjib tal-konnettività tal-bniedem u tal-infrastruttura bejn il-bliet u l-kampanja bil-ħsieb li titrawwem il-koeżjoni soċjali;
Spinta lill-kapital uman
(av)
jagħtu appoġġ favur aktar mobilità tal-ħaddiema bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, kif ukoll fost il-pajjiżi tas-SL, b'enfasi qawwija fuq il-legalità u s-sostenibbiltà tal-proċess, filwaqt li jippermettu l-iskambju ta' ħiliet u esperjenza u jevitaw l-eżodu ta' mħuħ u l-iskasezza ta' ħaddiema lokali; jagħmlu rendikont komplet, f'dan ir-rigward, tal-implimentazzjoni b'suċċess ta' reġimi ta' eżenzjoni mill-viża mat-tliet pajjiżi assoċjati;
(aw)
iqisu l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi tas-SL minħabba l-eżodu ta' mħuħ u jindirizzawhom billi jippromwovu edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità, taħriġ vokazzjonali u programmi oħra ta' taħriġ, u billi joħolqu opportunitajiet ta' xogħol bil-ħsieb li jiġu offruti prospettivi soċjoekonomiċi għaż-żgħażagħ u għall-familji fil-komunitajiet lokali tagħhom;
(ax)
jindirizzaw l-effetti tad-depopolament u tal-migrazzjoni fil-pajjiżi tas-SL billi jinvolvuhom fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;
(ay)
jappoġġaw u jniedu pjanijiet ta' azzjoni bbażati fuq il-pajjiż biex jiġġieldu l-qgħad u jindirizzaw l-inugwaljanzi soċjali u reġjonali; jinvestu fiż-żgħażagħ, irawmu l-intraprenditorija u joħolqu programmi u inċentivi ġodda għall-professjonisti żgħażagħ biex dawn jirritornaw lejn is-swieq tax-xogħol tal-pajjiżi tas-SL;
(az)
iħeġġu lill-pajjiżi tas-SL iwettqu riformi komprensivi tal-politika dwar ix-xogħol sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema; jiżviluppaw pjan ta' azzjoni biex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat, jappoġġaw il-ħolqien ta' trade unions veri u proprji, u jitolbu t-traspożizzjoni tal-konvenzjonijiet tal-ILO fid-dritt nazzjonali ul-implimentazzjoni tagħhom;
(ba)
jindirizzaw in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-impenji fir-rigward tal-politiki soċjali u d-drittijiet tax-xogħol u jipproteġu s-suq tax-xogħol tal-UE minn dumping soċjali; jikkontrollaw mhux biss it-traspożizzjoni tad-direttivi u n-normi rilevanti tal-UE fid-dritt nazzjonali, iżda wkoll l-implimentazzjoni reali tagħhom; joħolqu, flimkien mal-pajjiżi tas-SL, skema ta' monitoraġġ għad-drittijiet fundamentali tax-xogħol li tinvolvi t-trade unions u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jużaw l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja bħala lieva jew kundizzjonalità biex iġiegħlu lill-pajjiżi tas-SL itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol;
(bb)
jappoġġaw riformi edukattivi f'dawk il-pajjiżi tas-SL interessati, billi dan huwa kruċjali għall-futur tagħhom, bil-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet bejn ir-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni u d-domanda tas-suq tax-xogħol, u jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali, fost miżuri oħra; jirrikonoxxu l-importanza tal-mobilità transfruntiera fit-tisħiħ tal-kuntatti interpersonali, jespandu l-finanzjament favur programmi edukattivi u professjonali li jtejbu l-ħiliet u programmi ta' skambju bħal Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, kif ukoll iwessgħu l-parteċipazzjoni f'tali programmi u jsaħħu l-kapaċità tal-pajjiżi tas-SL li jipparteċipaw f'Orizzont Ewropa;
(bc)
isaħħu l-kooperazzjoni akkademika u edukattiva fost l-UE u l-pajjiżi tas-SL, inkluża l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tas-SL, billi: (i) iniedu programm reġjonali li jappoġġa ċentri ta' eċċellenza akkademika u ta' riċerka fir-reġjun; (ii) jistabbilixxu l-Università tas-Sħubija tal-Lvant fl-Ukrajna; (iii) joħolqu programmi mmirati għas-Sħab tal-Lvant f'universitajiet speċjalizzati u pjattaforma edukattiva elettronika għal korsijiet ta' taħriġ online ffukati fuq il-valuri Ewropej u l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, l-amministrazzjoni pubblika u l-qerda tal-korruzzjoni fil-pajjiżi tas-SL; u (iv) jipprovdu sede għal taħriġ konġunt għall-uffiċjali pubbliċi tal-pajjiżi tas-SL, inkluż fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;
(bd)
iniedu proġett pilota mmirat li joħloq Ċentru għax-Xjenza Miftuħa u l-Innovazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant, network ta' ċentri tematiċi ta' kompetenza li jinsabu f'kull pajjiż tas-SL biex jipprovdu appoġġ u servizzi ta' riċerka u innovazzjoni;
(be)
jiżguraw li l-programmi kollha ta' appoġġ tal-UE jinkludu dimensjoni konsistenti f'termini ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u drittijiet tal-bniedem, jindirizzaw u jimmiraw lejn l-aktar gruppi żvantaġġati u vulnerabbli fis-soċjetà, inklużi minoranzi etniċi u ta' tip ieħor, bħar-Rom, ir-rifuġjati u l-persuni spostati internament li ġejjin minn żoni għaddejjin minn kunflitti vjolenti; isaħħu l-inizjattivi għall-emanċipazzjoni politika u soċjoekonomika ta' dawk il-gruppi u jtejbu l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni deċenti;
(bf)
jiżguraw li l-assistenza u l-programmi tal-UE jilħqu l-livell lokali, inkluż fil-partijiet imbiegħda tal-pajjiżi tas-SL, b'mod partikolari ż-żoni rurali, sabiex jippermettu lill-abitanti jinsistu fuq bidliet pożittivi fil-komunitajiet tagħhom, b'mod partikolari dawk li huma aktar vulnerabbli għas-sentimenti post-Sovjetiċi u għall-manipulazzjoni Russa;
(bg)
jinsistu b'mod qawwi fuq in-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-persuni LGBTI+ kollha, il-protezzjoni tagħhom kontra d-diskriminazzjoni fil-liġi u l-prosekuzzjoni tal-atti kollha ta' abbuż, diskors ta' mibegħda u vjolenza fiżika mwettqa kontrihom; jirrikonoxxu l-pajjiżi assoċjati tas-SL li allinjaw il-qafas ġuridiku tagħhom kif xieraq;
(bh)
jappoġġaw il-libertà ta' twemmin, ta' opinjoni u ta' espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni fil-lingwa nattiva taċ-ċittadini kollha; jikkundannaw u jikkontrobattu d-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-etnija jew il-lingwa, kif ukoll aħbarijiet foloz u informazzjoni żbaljata li għandhom fil-mira tagħhom il-minoranzi etniċi u nazzjonali;
(bi)
jiżguraw id-dritt fundamentali tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin billi jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-komponenti reliġjużi kollha preżenti fir-reġjun, abbażi tal-kunċett ta' ċittadinanza sħiħa u ugwali;
(bj)
isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-knejjes u mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet reliġjużi f'oqsma bħalma huma l-konsolidament tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, u b'hekk isaħħu l-fiduċja f'soċjetà ġusta u ħielsa, kif ukoll fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fis-servizzi soċjali bażiċi;
Sigurtà, stabbiltà, integrità territorjali u riżoluzzjoni tal-kunflitti
(bk)
jirrikonoxxu li permezz tal-investiment politiku, kulturali u ekonomiku tagħha fil-pajjiżi tas-SL, l-UE tinvesti fis-sigurtà u fl-istabbiltà tar-reġjun;
(bl)
jirrikonoxxu aktar interdipendenza fil-qasam tas-sigurtà bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, kif ukoll l-importanza tas-sigurtà, l-istabbiltà u l-paċi għall-iżvilupp futur tal-pajjiżi tas-SL, meta jitqies li f'dawn l-aħħar snin kienu soġġetti għall-interess u l-ambizzjoni ta' pajjiżi terzi, bħaċ-Ċina, it-Turkija jew xi Stati tal-Golf, li mhux dejjem għandhom l-istess valuri u interessi tal-UE; iqawwu, għaldaqstant, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża bejn l-UE u s-SL billi jagħtu attenzjoni partikolari għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti reġjonali u għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' tipi ġodda ta' sfidi, bħat-theddid ibridu, l-attakki ċibernetiċi, inkluż l-indħil informatiku fl-elezzjonijiet, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda, u l-indħil minn terzi fil-proċessi politiċi u elettorali u fi proċessi demokratiċi oħra; isaħħu l-kooperazzjoni u l-appoġġ fir-rigward tar-reżiljenza tal-pajjiżi tas-SL kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata b'mod ġenerali, u jenfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-individwi, tal-komunitajiet u tal-istituzzjonijiet tal-istat;
(bm)
itennu l-impenn tal-UE favur is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-pajjiżi tas-SL fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, u jappoġġaw l-isforzi tagħhom biex jinfurzaw bis-sħiħ dawk il-prinċipji; jissottolinjaw l-importanza tal-unità u s-solidarjetà tal-Istati Membri f'dan ir-rigward;
(bn)
jikkundannaw bil-qawwa l-ksur kontinwu tal-prinċipji u tan-normi fundamentali tad-dritt internazzjonali fir-reġjun tas-SL, notevolment id-destabbilizzazzjoni, l-invażjoni, l-okkupazzjoni u l-annessjoni ta' territorji ta' diversi pajjiżi tas-SL min-naħa tal-Federazzjoni Russa u r-rifjut tagħha li tirrispetta d-deċiżjonijiet tat-tribunali u tal-qrati internazzjonali; jistabbilixxu politika aktar ikkoordinata fil-konfront tal-Federazzjoni Russa fost l-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari f'termini ta' involviment fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-pajjiżi tas-SL;
(bo)
jappellaw għall-irtirar immedjat tat-truppi barranin mit-territorji okkupati kollha u għat-tmiem tal-ostilitajiet militari, li jaħsdu, b'mod mhux meħtieġ, il-ħajjiet ta' ċivili u suldati filwaqt li jostakolaw l-iżvilupp soċjoekonomiku, u b'hekk jippermettu li mijiet ta' eluf ta' persuni spostati internament (IDPs) jirritornaw lejn pajjiżhom;
(bp)
jiżviluppaw rwol aktar attiv għall-UE, irrappreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti li għaddejjin bħalissa u fil-prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt futur fil-viċinat tal-Lvant tagħha, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-formati u l-proċessi ta' negozjar maqbula, bħad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, il-Grupp ta' Minsk tal-OSKE, il-Format tan-Normandija u t-Taħditiet tal-5 + 2; jaħtru Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Krimea u r-reġjun tad-Donbas;
(bq)
ikomplu jippromwovu kuntest favorevoli għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u jappoġġaw attivitajiet li jippromwovu l-fiduċja u l-kuntatti interpersonali fost il-komunitajiet diviżi mill-kunflitti; jagħtu prijorità lill-isforzi u jespandu l-finanzjamenti għall-konsolidament preventiv tal-paċi, inkluża d-diplomazija preventiva, kif ukoll mekkaniżmi ta' twissija u intervent bikrin;
(br)
jerġgħu jikkonfermaw l-appoġġ għall-isforzi tal-kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE biex jissolva l-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh u għall-Prinċipji Bażiċi 2009 tagħhom, bil-għan li tinkiseb soluzzjoni bbażata fuq in-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-NU u l-Att Finali ta' Helsinki tal-OSKE tal-1975; jinkoraġġixxu lill-partijiet kollha jintensifikaw id-djalogu u jastjenu ruħhom minn retorika xewwiexa li tista' tipperikola aktar il-prospettivi għal soluzzjoni;
(bs)
jieħdu azzjonijiet li jiżguraw attivitajiet effikaċi u l-eżekuzzjoni ta' mandat sħiħ għall-missjonijiet eżistenti tal-UE fir-reġjun tas-SL, inkluż il-koordinament tal-attivitajiet tagħhom: il-missjoni tal-UE ta' Monitoraġġ fil-Georgia, il-Missjoni tal-UE ta' Konsulenza fl-Ukrajna, il-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna, u l-missjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia;
(bt)
iqisu t-talbiet li saru mill-Gvern tal-Ukrajna għal forza internazzjonali għaż-żamma tal-paċi estiża li tkun stazzjonata tul il-fruntiera bejn l-Ukrajna u r-Russja u fid-distretti ta' Luhansk u Donetsk; ladarba s-sitwazzjoni tkun tipppermetti u bħala parti mill-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk, għandha tiġi offruta missjoni tal-PSDK immexxija mill-UE biex tintbagħat lill-partijiet fil-kunflitt, ħalli tgħin f'kompiti bħat-tneħħija tal-mini u t-tħejjijiet għall-elezzjonijiet lokali u tiżgura l-aċċess liberu għall-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja;
(bu)
jappoġġaw il-libertà ta' navigazzjoni u jopponu bil-qawwa l-imblokk tal-Baħar ta' Azov u l-annessjoni kontinwa u insidjuża tal-Baħar l-Iswed min-naħa tal-Federazzjoni Russa;
(bv)
jirrikonoxxu l-esperjenza unika u l-għarfien espert tal-pajjiżi tas-SL; jirrikonoxxu l-kontribut tal-pajjiżi tas-SL għall-missjonijiet, il-gruppi tattiċi u l-operazzjonijiet ta' politika ta' sigurtà u difiża komuni (PSDK); ikomplu jappoġġaw ir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS); japprofondixxu l-kooperazzjoni fil-politiki ta' difiża relatati mal-UE, inkluża l-parteċipazzjoni fil-PESCO ladarba tiġi riżolta l-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi;
(bw)
jirrikonoxxu li ċ-ċibersigurtà hija wieħed mill-oqsma li fih l-UE u l-pajjiżi tas-SL jistgħu jaħdmu flimkien b'mod aktar effikaċi u li l-UE tista' tislet vantaġġ mill-esperjenza tal-pajjiżi tas-SL fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu jew iċ-ċibersigurtà; jistabbilixxu djalogu elettroniku formali mal-pajjiżi interessati tas-SL u jippromwovu pjattaformi ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun tas-SL biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu b'mod aktar effikaċi bil-ħsieb li tissaħħaħ ir-reżiljenza ta' dawk il-pajjiżi, speċjalment wara l-attakk ċibernetiku fuq skala kbira tal-Federazzjoni Russa kontra l-Georgia f'Ottubru 2019;
(bx)
jikkundannaw l-influwenza tal-pajjiżi terzi biex jimminaw l-ordni demokratiku tal-pajjiżi tas-SL, kif ukoll jinfluwenzaw l-elezzjonijiet, ixerrdu d-diżinformazzjoni u jagħmlu kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati;
(by)
isaħħu l-kooperazzjoni fil-bini tar-reżiljenza soċjetali u istituzzjonali tal-pajjiżi tas-SL b'enfasi aktar b'saħħitha fuq il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-propaganda, il-manipulazzjoni u l-influwenza ostili mwettqa minn forzi esterni li għandhom l-għan li jifirdu u jiddistabbilizzaw il-pajjiżi tas-SL, kif ukoll jimminaw l-integrità tal-proċessi politiċi tagħhom u r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; jassistu lill-pajjiżi interessati tas-SL fl-attivitajiet imwettqa fil-livell tal-UE biex jindirizzaw l-ostilitajiet imsemmija hawn fuq, inkluż l-implimentazzjoni ta' prattiki u soluzzjonijiet tajbin, bħall-Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni u l-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni, u bl-użu tal-għarfien espert taċ-Ċentru ta' Eċċellenza Ewropew ta' Helsinki għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu, iċ-Ċentru ta' Eċċellenza StratCom tan-NATO f'Riga u t-Task Force tal-UE East StratCom;
(bz)
jippromwovu l-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi assoċjati, u jmexxu 'l quddiem il-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi;
(ca)
jilqgħu b'sodisfazzjoni iż-żieda fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL bil-għan li tiġi promossa l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-Istrateġija Globali tal-UE, u jipproponu forom ġodda ta' kooperazzjoni volontarja fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, billi din titqies bħala qasam ta' ambizzjoni fil-futur hekk kif l-UE qed timmira li gradwalment toħloq l-Unjoni Ewropea tad-Difiża;
(cb)
jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) kif ukoll il-kooperazzjoni industrijali fl-iżvilupp tal-armamenti u tat-teknoloġiji u kapaċitajiet militari fost l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL;
(cc)
jirrikonoxxu li kwalunkwe nuqqas ta' preżenza tal-UE jew nuqqas ta' azzjoni fil-konfront tas-sħab tagħha tas-SL jħalli spazju għall-intervent ta' atturi globali oħra; iżidu l-kooperazzjoni jew joħolqu forum ta' alleati demokratiċi u atturi internazzjonali tal-istess fehma biex tittaffa u tiġi miġġielda l-influwenza negattiva tal-potenzi terzi fir-reġjun tas-SL;
L-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili
(cd)
jirrikonoxxu l-kontribut tal-atturi u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tas-SL għall-proċessi ta' demokratizzazzjoni u riforma fil-pajjiżi tagħhom u fir-reġjun kollu tas-SL, u jappellaw għal aktar ftuħ u impenn lejhom mill-gvernijiet tal-pajjiżi tas-SL, u b'mod partikolari involviment aktar sinifikanti u effikaċi fil-proċessi tat-tfassil tal-politiki;
(ce)
ikomplu djalogu wiesa' mal-atturi tas-soċjetà ċivili tas-SL u jsaħħu l-appoġġ tal-UE għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili orjentati lejn id-demokrazija billi jippromwovu l-attivitajiet u s-sikurezza tagħhom u billi jissalvagwardjaw l-ambjent tax-xogħol tagħhom;
(cf)
iżidu l-isforzi tal-UE biex issaħħaħ l-impenn u l-appoġġ tagħha għal inizjattivi fil-livell lokali fir-reġjuni u fiż-żoni rurali sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet organizzattivi u ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili u l-prattiki demokratiċi lokali;
(cg)
isaħħu l-kapaċità tas-soċjetà ċivili tas-SL biex tieħu funzjoni ta' kontroll għar-riformi u ġġiegħel lill-istituzzjonijiet tal-istat rispettivi jagħtu kont ta' għemilhom, billi tnaqqas il-burokrazija u tiżgura l-preżenza tagħha f'laqgħat trilaterali, inkluż fil-laqgħat kollha tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-laqgħat tal-Assoċjazzjoni u l-Kooperazzjoni tal-Kunsill;
(ch)
irawmu kooperazzjoni fost is-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi tas-SL billi jistabbilixxu ċentru reġjonali biex jiżdiedu l-kompetenzi u jiġu skambjati l-aħjar prattiki u approċċi ta' ħidma, bħala parti mill-proġett il-ġdid tal-Università tas-Sħubija tal-Lvant fl-Ukrajna;
(ci)
ikomplu jipprovdu appoġġ strutturali, finanzjarju u għall-iżvilupp tal-kapaċità lill-organizzazzjonijiet li jassistu lill-atturi indipendenti tas-soċjetà ċivili favur id-demokrazija; jinsistu li l-UE, l-Istati Membri u l-programmi indipendenti favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż il-Fond Ewropew għad-Demokrazija, għandhom ikomplu joperaw b'mod liberu u mingħajr vessazzjonijiet jew limitazzjonijiet ġudizzjarji; jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jipprevjenu li l-NGOs indipendenti jiġu eliminati permezz tal-impożizzjoni ta' limitazzjonijiet ġudizzjarji u ostakli finanzjarji, l-applikazzjoni selettiva tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi, jew il-preżenza msaħħa ta' NGOs organizzati mill-gvern (GONGOs);
(cj)
jissensibilizzaw dwar l-attakki fuq l-attivisti ċivili fil-pajjiżi tas-SL minn forzi estremisti kif ukoll minn awtoritajiet tal-istat, li jdgħajfu l-valuri tal-UE, l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi konġunti tal-KEDB;
(ck)
jintensifikaw l-appoġġ u l-inizjattivi tal-UE biex isaħħu u jippermettu lill-awtoritajiet lokali u u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom jimplimentaw riformi nazzjonali fil-livell lokali; jippromwovu r-rwol tal-awtoritajiet lokali bħala dawk li jfasslu l-politika u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u jinkoraġġixxu skambji regolari bejn il-gvernijiet ċentrali u lokali fuq l-aġendi ta' riforma bil-parteċipazzjoni attiva u inklużiva tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati rilevanti l-oħra;
(cl)
jiżviluppaw pjanijiet direzzjonali u indikaturi għall-pajjiżi biex jinvolvu ruħhom ma' gvernijiet lokali u reġjonali, skont l-eżempji ta' involviment simili mas-soċjetà ċivili;
(cm)
jestendu, fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tas-SL, ir-rappreżentanza tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP), u jżidu l-kapaċitajiet tagħha li tappoġġa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali f'azzjonijiet sostanzjali; jiżviluppaw, f'kooperazzjoni mal-CORLEAP u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, programm ta' tisħiħ tal-kapaċità għall-governanza lokali u reġjonali fil-pajjiżi tas-SL, li jkun jinkludi t-teħid ta' miżuri sistematiċi biex jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;
(cn)
iħeġġu l-parteċipazzjoni sostanzjali taċ-ċittadini tas-SL fil-proġetti ffinanzjati mill-UE u s-sjieda tagħhom, skont approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq il-valuri u l-istandards tal-UE;
Mezzi ta' informazzjoni, komunikazzjoni u ġestjoni tal-politika aħjar
(co)
jirrikonoxxu li n-nuqqas ta' kampanja xierqa ta' komunikazzjoni u informazzjoni f'nofs il-mewġa ta' diżinformazzjoni li huma esposti għaliha l-pajjiżi tas-SL tista' tirriżulta f'telf fl-isforzi, l-investiment u r-riżultati tas-SL matul dawn l-aħħar għaxar snin; jintensifikaw, għaldaqstant, l-isforzi ta' komunikazzjoni strateġika u, fi djalogu miftuħ maċ-ċittadini, iżidu l-viżibbiltà tal-appoġġ ipprovdut mill-UE fil-pajjiżi tas-SL, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali; jintlaħqu, għal dan il-għan, nies li jgħixu f'komunitajiet żgħar u fiż-żoni rurali, personalitajiet li jispikkaw fil-qasam tan-negozju u fil-komunità, dijaspori u minoranzi nazzjonali, lil hinn minn gruppi li diġà huma favur l-UE;
(cp)
jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u l-propaganda kontra l-UE billi jqawwu r-reżiljenza għall-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE tas-SL dwar is-SL u l-opportunitajiet u l-benefiċċji li toffri, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw minn kooperazzjoni politika u ekonomika mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, u mill-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/tad-DCFTAs, li torbothom mat-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-kummerċ;
(cq)
jużaw b'mod aktar effiċjenti l-istrutturi eżistenti tal-UE, bħat-task force ta' StratCom tal-Lvant tas-SEAE, biex jidentifikaw u jirrispondu lill-kampanji ta' diżinformazzjoni u propaganda li jimminaw ir-relazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-għanijiet tagħha;
(cr)
isaħħu d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tas-SL u jippermettulhom jassistu lill-pajjiżi tas-SL fit-tlestija tar-riformi u biex jikkomunikaw b'mod aktar effikaċi kif l-UE qed tgħin liċ-ċittadini hemmhekk; jiżviluppaw rabtiet aktar orizzontali u jrawmu kooperazzjoni fost id-Delegazzjonijiet tal-UE, u jinkoraġġixxu skambji regolari ta' informazzjoni u għarfien espert u approċċi ta' ħidma oħra ta' suċċess;
(cs)
jiżguraw rwol aktar attiv għall-uffiċċji ta' kollegament tal-UE fl-Istati Membri fil-promozzjoni tal-importanza tal-pajjiżi tas-SL għall-proġett Ewropew;
(ct)
itejbu l-iskambju ta' informazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment il-Kummissjoni u s-SEAE, u jippreservaw il-memorja istituzzjonali, b'mod partikolari dwar l-appoġġ ipprovdut u l-proġetti ta' assistenza teknika implimentati, sabiex jibnu fuq ir-riżultati tagħhom meta jniedu proġetti u programmi ġodda;
(cu)
jisfruttaw il-programm Ambaxxaturi Żgħażagħ u l-boroż ta' studju tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, billi jistabbilixxu network attiv ta' ex parteċipanti abbażi ta' mudelli eżistenti li kellhom suċċess;
(cv)
jippromwovu l-mezzi ta' informazzjoni ħielsa u l-libertà tal-espressjoni bħala prinċipju fundamentali, u għalhekk jappoġġaw ambjent medjatiku demokratiku, indipendenti, pluralistiku u bbilanċjat fil-pajjiżi tas-SL, li jiżgura l-protezzjoni tal-ġurnalisti lokali, l-opinjonisti u d-dissidenti mill-vessazzjonijiet u mill-intimidazzjoni, jippermetti aċċess mhux diskriminatorju għall-informazzjoni online u offline u parteċipazzjoni ċivika sinifikanti, u jissalvagwardja u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ċivili;
(cw)
jintesifikaw l-appoġġ fil-ġlieda lokali kontra l-aħbarijiet foloz, il-gwerra ibrida fil-komunikazzjoni u d-degradazzjoni tal-programmi medjatiċi, li jistgħu jikkompromettu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u kontra t-tixrid ta' informazzjoni falza sabiex jinkisbu vantaġġi ekonomiċi jew politiċi; isostnu l-iżvilupp ta' azzjonijiet biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa tas-sjieda tal-mezzi ta' informazzjoni; jgħinu u jissorveljaw b'mod kostanti l-aġenzija regolatorja uffiċjali lokali f'kull pajjiż tas-SL;
(cx)
jappoġġaw programmi u riformi li jikkonċernaw il-litteriżmu medjatiku u informatiku biex jirriflettu l-era diġitali attwali;
(cy)
jippromwovu x-xandir ta' produzzjonijiet medjatiċi Ewropej fil-pajjiżi tas-SL kif ukoll produzzjonijiet tal-pajjiżi tas-SL fl-UE, biex jitnaqqsu d-differenzi kkawżati mill-istorja u mill-informazzjoni falza mogħtija f'dawn l-aħħar deċennji; jappoġġa l-organi ta' informazzjoni lokali fil-ksib ta' aċċess għall-programmi u inizjattivi medjatiċi Ewropej biex tinħoloq kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-organi ta' informazzjoni mill-UE u mis-SL;
(cz)
jiddenunzjaw l-użu ħażin ta' miżuri relatati mal-pandemija mill-awtoritajiet bħala mezz biex isikktu lill-oppożizzjoni politika, lis-soċjetà ċivili u lill-media billi jillimitaw d-drittijiet leġittimi tagħhom;
(da)
issaħħu u, meta possibbli, iżidu l-isforzi komuni tal-UE u tal-pajjiżi tas-SL fil-qasam tal-kuntatti u tal-iskambji interpersonali sabiex tinħoloq stampa pożittiva b'mod reċiproku fost il-popolazzjoni u jsir użu tajjeb mis-sentiment Ewropeista fost iċ-ċittadini tas-SL;
(db)
jippromwovu pjattaformi inklużivi u parteċipattivi għad-djalogu u l-kooperazzjoni li jlaqqgħu flimkien lill-partijiet ikkonċernati f'setturi u f'livelli differenti, inklużi dawk li jfasslu l-politika, l-atturi ekonomiċi, id-dinja akkademika u s-soċjetà ċivili, kif ukoll il-knejjes, il-komunitajiet reliġjużi u ċ-ċittadini b'inqas opportunitajiet, bil-għan li jiġu miġġielda t-tendenzi polarizzanti u estremisti fil-politika u s-soċjetà, kif ukoll l-impatt ta' kampanji ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.
Ir-Rakkomandazzjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta' Koperazzjoni UE-Ażerbajġan tat-28 ta' Settembru 2018 dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ażerbajġan, ĠU L 265, 24.10.2018, p. 18.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni - rapport annwali (Testi adottati, P9_TA(2020)0008).
Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).