Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020 (2019/2210(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019 li jipposponu d-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Zagreb tas-6 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Finali għar-Riżoluzzjoni tad-Differenzi kif deskritt fir-riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, it-tmiem tal-Ftehim Interim tal-1995 u l-ħolqien ta' Sħubija Strateġika fis-17 ta' Ġunju 2018 bejn il-Greċja u l-Maċedonja ta' Fuq, magħruf ukoll bħala l-Ftehim ta' Prespa,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Marzu 2020 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija, li approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2020 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 bit-titlu "It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0057),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2019)0260),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titlu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016, li tispeċifika li politika tat-tkabbir kredibbli tirrappreżenta investiment strateġiku fis-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa, u li diġà kkontribwiet ħafna għall-paċi f'żoni li qabel kienu mifnija bil-gwerra,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 bit-titlu "Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014" (COM(2013)0700),
– wara li kkunsidra l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2006, u li wara ġie approvat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2019,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tas-Summit ta' Zagreb tal-24 ta' Novembru 2000,
– wara li kkunsidra Dikjarazzjoni tas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, f'Tessalonika, fil-21 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,
– wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin, varat fit-28 ta' Awwissu 2014, u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Balkani tal-Punent dwar il-kooperazzjoni reġjonali u t-tilwim bilaterali tas-27 ta' Awwissu 2015, u l-istabbiliment tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO), b'iktar Summits li saru fi Vjenna (2015), f'Pariġi (2016), fi Trieste (2017), f'Londra (2018) u f'Poznan (2019),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tad-29 u t-30 ta' April 1997 dwar l-applikazzjoni tal-kondizjonalità bil-għan li tiġi żviluppata strateġija koerenti tal-UE għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tar-reġjun,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta' 13-il Stat Membru tal-UE fil-11 ta' Ġunju 2019, dwar l-impenn tal-UE favur l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tas-Summit tal-Kelliema tal-Balkani tal-Punent, imsejjaħ mill-President tal-Parlament Ewropew mal-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent, fit-28 ta' Jannar 2020,
– wara li kkunsidra l-laqgħa informali tas-16 ta' Frar 2020 li ġabet flimkien il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Kroazja li qiegħed jippresiedi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Ottubru 2019 bit-titlu "Il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija: il-kredibilità u l-interessi ġeostrateġiċi tal-UE għandhom jiġu rispettati"(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Ewropew dwar il-Pakkett tat-Tkabbir 2019, adottata fit-13 ta' Frar 2020(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Kommemorazzjoni ta' Srebrenica(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III)(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar il-ftuħ ta' negozjati dwar l-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa(6),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titolu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija" (COM(2020)0315),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0091/2020),
A. billi t-tkabbir huwa wieħed mill-iktar politiki strateġiċi u ta' suċċess tal-UE kif ukoll l-iktar strument effettiv tal-politika barranija li jikkontribwixxi għall-estensjoni tal-valuri ewlenin tal-Unjoni bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, it-trawwim tal-paċi u l-ugwaljanza tal-prosperità, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi madwar l-Ewropa;
B. billi l-proċess ta' tkabbir huwa parti integrali tal-integrazzjoni Ewropea u jibqa' strateġikament importanti għall-Unjoni Ewropea;
C. billi l-prospettiva ta' sħubija sħiħa fl-UE bbażata fuq il-mertu għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, hija fl-interess politiku, ta' sigurtà u ekonomiku tal-Unjoni;
D. billi l-prospettiva ta' sħubija fl-UE tirrappreżenta r-rikonoxximent ta' sfida ġeopolitika ewlenija għall-unifikazzjoni tal-kontinent Ewropew u wkoll inċentiv fundamentali għar-riformi fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
E. billi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma ġeografikament, storikament u kulturalment parti mill-Ewropa u l-proċess ta' integrazzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea għandu importanza ewlenija għall-istabilità u s-sigurtà tal-kontinent kollu kemm hu, kif ukoll għal-libertà u l-paċi;
F. billi l-proċess ta' tkabbir tal-UE jaħdem f'żewġ direzzjonijiet, fejn iż-żewġ naħat iridu jżommu l-impenji tagħhom u li hu mibni fuq il-premessa li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-pajjiżi kandidati jwettqu l-obbligi tagħhom;
G. billi l-metodoloġija msaħħa proposta mill-Kummissjoni għandha l-għan li tixpruna dinamiżmu ġdid fil-proċess ta' tkabbir, u tagħti impetu ġdid favur it-trasformazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni;
H. billi l-UE hija l-ikbar investitriċi, sieħba kummerċjali u donatriċi fir-reġjun;
I. billi fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, il-Parlament Ewropew laqa' pożittivament il-progress miksub mill-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija; billi, fid-dawl ta' dan il-progress, il-Parlament qabel li jagħti l-kumpens għall-prestazzjoni lill-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija, taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni;
J. billi s-Summit ta' Zagreb irrikonoxxa l-primazija tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u talab lill-UE tintensifika aktar l-impenn tagħha mar-reġjun;
K. billi l-Parlament Ewropew iddeplora n-nuqqas tal-Kunsill Ewropew li jilħaq ftehim dwar il-ftuħ ta' taħditiet dwar l-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija fl-2019; billi dan in-nuqqas, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2018 u tal-2019, li ġew approvati mill-Parlament, qered il-kredibilità tal-Unjoni Ewropea, ikkontribwixxa għall-qawmien tal-populiżmu, in-nazzjonaliżmu u tal-Ewroxettiċiżmu, dgħajjef l-isforzi tal-pajjiżi kandidati, u rriskja l-ħolqien ta' vojt politiku, u li saħħaħ lill-atturi terzi li qed ifittxu li jistabbilixxu influwenza politika fir-reġjun, bi ħsara għall-proċess tal-integrazzjoni tal-UE;
L. billi l-proċess ta' tkabbir irawwem u jsaħħaħ il-kapaċitajiet biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim bilaterali u jirsisti favur ir-rikonċiljazzjoni bejn is-soċjetajiet fir-reġjun;
M. billi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jegħlbu l-polarizzazzjoni politika u l-bojkotts parlamentari fit-tul, bil-għan li tissaħħaħ s-sorveljanza parlamentari;
N. billi l-Parlament Ewropew jibqa' sieħeb affidabbli ta' pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE u promotur tal-proċess ta' tkabbir bħala mekkaniżmu pożittiv tal-Unjoni Ewropea li jistimola riformi mmirati lejn it-tisħiħ istituzzjonali u soċjoekonomiku ta' dawk il-pajjiżi għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħhom;
O. billi l-Aġenda ta' Tessalonika u d-Dikjarazzjoni ta' Sofija aċċentwaw il-fatt li se ssir enfasi speċjali fuq il-ħolqien ta' iktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ, filwaqt li jiġi żgurat li dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Balkani tal-Punent;
P. billi l-Parlament Ewropew huwa impenjat li jintensifika l-attivitajiet tiegħu ta' appoġġ politiku u istituzzjonali tiegħu għad-demokrazija u r-riformi ekonomiċi fir-reġjun u li jassisti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE;
Q. billi l-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni 2019-2024 jaffermaw mill-ġdid il-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent;
R. billi matul is-seduti ta' smigħ tagħhom fil-Parlament Ewropew, kemm il-Viċi President/Rappreżentant Għoli, is-Sur Borrell, kif ukoll il-Kummissarju Várhelyi, impenjaw ruħhom li jagħtu prijorità lill-proċess ta' tkabbir, iħaffu r-riformi strutturali u istituzzjonali u wkoll il-proċessi ta' integrazzjoni fil-Balkani tal-Punent;
S. billi politika ta' tkabbir ambizzjuża tirrikjedi baġit adegwat; billi l-Kunsill għandu jipprevedi mezzi baġitarji suffiċjenti b'appoġġ għall-politika ta' tkabbir;
T. billi l-UE teħtieġ ukoll issaħħaħ il-mekkaniżmi tal-istat tad-dritt fl-Unjoni u tistabbilixxi aġenda ambizzjuża għall-konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa;
U. billi l-prosperità u s-sigurtà tal-Ewropa huma marbuta mill-qrib mal-proċess ta' integrazzjoni u mal-avvanz tal-paċi, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u mal-futur tal-pajjiżi tiegħu f'UE b'saħħitha u riformata;
V. billi fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta' Frar 2020, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta komunikazzjoni li tiddefinixxi l-azzjonijiet biex jinġiebu 'l quddiem ir-riformi fundamentali nkluż dwar l-istat tad-dritt;
W. billi l-UE immobbilizzat EUR 3,3 biljun biex tindirizza l-pandemija tal-coronavirus fil-Balkani tal-Punent, li jinkludu EUR 38 miljun f'appoġġ immedjat għas-settur tas-saħħa, EUR 389 miljun għall-irkupru soċjali u ekonomiku, EUR 750 miljun għall-assistenza makrofinanzjarja, EUR 455 miljun għar-riattivazzjoni ekonomika u EUR 1,7 biljun f'self preferenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment;
X. billi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ibbenefikaw mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, mill-akkwist konġunt ta' tagħmir mediku, minn eżenzjonijiet mill-iskema tal-UE ta' awtorizzazzjoni tal-esportazzjonijiet għal tagħmir ta' protezzjoni personali u l-"korsiji ħodor" għal prodotti essenzjali;
1. Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:
(a)
li jappoġġjaw il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u li jsaħħu l-proċess ta' adeżjoni billi jiżguraw li dan isaħħaħ il-valuri fundamentali u l-istat tad-dritt u li jwassal għal trasformazzjoni demokratika, ekonomika u ekoloġika sostenibbli u għal konverġenza soċjali, u jiżgura relazzjonijiet ta' viċinat u kooperazzjoni reġjonali tajbin bħala elementi essenzjali tat-tkabbir u tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, u jiżguraw li t-tkabbir tal-Unjoni jissokta b'mod parallel mad-diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u r-riforma interna tal-UE;
(b)
li jkabbru l-isforzi biex tinbena rieda politika fost l-Istati Membri biex jitkompla t-tkabbir lejn il-Balkani tal-Punent minflok ma l-proċessi interni tal-UE jitħallew ixekklu dan il-progress, kif ukoll biex itejbu l-gwida politika u strateġika tal-UE dwar il-politika ġenerali fir-reġjun;
(c)
li jżommu t-tkabbir bħala kundizzjoni neċessarja għall-kredibilità, is-suċċess u l-influwenza tal-UE fir-reġjun u lil hinn minnu;
(d)
li jħaffu l-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiżi impenjati, kemm politikament kif ukoll amministrattivament, favur l-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-UE;
(e)
li jiżguraw li l-metodoloġija msaħħa ssostni s-sħubija sħiħa fl-UE bħala l-għan aħħari u li l-UE tistabbilixxi regoli iktar prevedibbli u kriterji bbażati fuq il-kundizzjonalità u r-riversibilità, u tapplikahom b'mod konsistenti, biex b'hekk il-proċess ta' adeżjoni jsir iktar dinamiku u terġa' tistabbilixxi l-kredibilità tagħha bl-applikazzjoni tal-metodoloġija riveduta;
(f)
li jiżguraw li l-għoti ta' attenzjoni ikbar fuq in-natura politika tal-proċess, kif stabbilit mill-Kummissjoni fil-proposta dwar il-metodoloġija tat-tkabbir riveduta, ma jissostitwix l-evalwazzjonijiet dwar it-tlestija tal-parametri referenzjarji fil-livell tal-esperti jew ma jxekkilx l-impenn tal-UE fit-triq lejn proċess ta' tkabbir ibbażat fuq il-mertu;
(g)
li jiżguraw li r-raggruppament ta' oqsma ta' politika jsaħħaħ id-dettall, il-kwalità u s-sostenibilità tar-riformi, biex jinkisbu riżultati konkreti fil-pajjiżi ta' adeżjoni filwaqt li jitħallew jinfetħu negozjati simultanji dwar kapitoli differenti;
(h)
li jipprovdu parametri referenzjarji dwar l-adeżjoni li jkunu ċari, trasparenti u konsistenti, kif ukoll joffru appoġġ politiku u tekniku kontinwu matul il-proċess, inkluż għall-parlamenti biex jiżguraw r-rwoli ta' sorveljanza indipendenti tagħhom, u jtejbu l-kejl tal-progress fuq il-post, filwaqt li jiżguraw li kull pajjiż ta' adeżjoni jiġi vvalutat abbażi tal-kundizzjonalità u tal-prinċipji tal-merti tiegħu stess;
(i)
li jiżguraw il-kontinwità, ir-responsabilità, il-konsistenza u l-prevedibilità tal-proċess tat-tkabbir billi jankraw il-metodoloġija l-ġdida tal-Kummissjoni bħala aġġustament ta' politika fit-tul u jevitaw reviżjonijiet ad hoc tal-proċess u tal-parametri tiegħu bħala konsegwenza ta' kunsiderazzjonijiet politiċi ta' kwalunkwe Stat Membru; li jiżguraw li l-parametri referenzjari dwar l-adeżjoni u l-appoġġ għall-adeżjoni jissejsu fuq it-tagħlimiet meħuda bil-għan li jiġu evitati n-nuqqasijiet misjuba iktar kmieni u jitjieb il-proċess ta' adeżjoni;
(j)
li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-metodoloġija msaħħa għall-pajjiżi ta' adeżjoni li diġà nfetħu n-negozjati magħhom, f'każ li dawn jiddeċiedu li jissieħbu bil-ħsieb li jiksbu allinjament sinifikattiv u fuq il-perjodu twil mal-istandards u n-normi tal-UE;
(k)
li jżidu l-inċentivi politiċi u ekonomiċi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jtejbu l-koerenza bejn il-proċess tat-tkabbir u l-inizjattivi politiċi fl-UE permezz ta' laqgħat reġjonali annwali fil-marġini tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew mal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent, jiżguraw il-parteċipazzjoni regolari tar-rappreżentanti tal-Balkani tal-Punent fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, fil-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u fil-gruppi ta' ħidma tal-Kummissjoni;
(l)
li jħeġġu l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi ta' adeżjoni fil-proċessi, il-politiki settorjali u l-programmi tal-UE qabel l-adeżjoni tagħhom, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-UE, bil-għan li jitwasslu benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ, u biex tissaħħaħ l-assistenza u l-preżenza ta' qabel l-adeżjoni tal-UE f'dawn il-pajjiżi qabel is-sħubija sħiħa tagħhom;
(m)
li jappoġġaw rwol parlamentari msaħħaħ fil-proċess ta' adeżjoni permezz ta' fora stabbiliti u biex jinkoraġġixxu konsistentement inizjattivi ġodda bħas-Summit tal-iSpeakers, li tlaqqa' għall-ewwel darba mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent fit-28 ta' Jannar 2020;
(n)
li jiffaċilitaw u jippromwovu l-assoċjazzjoni iktar mill-qrib tal-membri parlamentari minn pajjiżi li għalihom infetħu n-negozjati fil-ħidma tal-Parlament Ewropew;
(o)
li jinkludu lir-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, b'enfasi speċjali fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;
(p)
li jsaħħu l-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità u jinsistu fuq ir-riversibilità tal-proċess ta' adeżjoni billi jiġu applikati kriterji oġġettivi meta jiġi deċiż jekk għandhomx jitwaqqfu jew jiġu sospiżi n-negozjati; li jiżguraw li l-Kummissjoni tniedi dawn il-proċeduri wara li ssir evalwazzjoni bir-reqqa u b'rispons għal proposta mill-Istati Membri jew mill-Parlament Ewropew, filwaqt li jitqies li l-prinċipju tal-klawżola ta' żbilanċ u r-riversibilità diġà japplikaw għall-oqfsa ta' negozjar kurrenti fil-każ tas-Serbja u l-Montenegro; li jiżguraw li l-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità u sospensjoni jiġi akkumpanjat minn komunikazzjoni ċara mill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-ispeċifiċitajiet tal-possibilità ta' sospensjoni;
(q)
li jsaħħu s-sjieda tal-proċess ta' tkabbir mill-Istati Membri billi jżidu l-involviment ta' esperti dwar l-istat tad-dritt u oqsma oħra mill-Istati Membri, kif ukoll mis-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post, u jtejbu l-kejl tal-iżviluppi ġenerali billi jkomplu jaderixxu mal-istandards oġġettivi li ilhom jeżistu u billi jevitaw li jiġu politiċizzati l-aspetti tekniċi tal-proċess ta' adeżjoni, b'mod partikolari abbażi tar-rapporti ta' monitoraġġ u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u ta' korpi oħra għall-istabbiliment tal-istandards;
(r)
li jirrikonoxxu li l-Proċess ta' Berlin jappoġġja u jissupplimenta l-politika tat-tkabbir tal-UE u ma jistax jiġi ttrattat la bħala alternattiva għall-adeżjoni u lanqas bħala replikatur ta' sforzi mwettqa bħala parti mit-tkabbir;
(s)
li jirrikonoxxu li l-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq huwa fl-interess politiku, ta' sigurtà u ekonomiku proprju tal-Unjoni;
(t)
li jirrikonoxxu li n-nuqqas tal-Kunsill Ewropew li jiftaħ negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq, f'Ġunju 2018, f'Ġunju 2019 u f'Ottubru 2019, kellu effett ta' ħsara fuq ir-rwol tal-UE fir-reġjun u wkoll fuq l-opinjoni pubblika rigward l-adeżjoni mal-UE, billi ntbagħat messaġġ negattiv lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u jirrikonoxxu li l-ftuħ tat-taħditiet dwar l-adeżjoni jerġa' jagħti kredibilità lill-proċess, kif ġie rakkomandat mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni;
(u)
li jikkonċedu, malajr kemm jista' jkun, il-liberalizzazzjoni tal-viża lill-Kosovo, peress li l-parametri referenzjarji ilhom li ġew issodisfati minn Lulju 2018;
(v)
li jżidu d-dinamiżmu tan-negozjati bil-għan li titħaffef l-adeżjoni tal-Montenegro u s-Serbja;
(w)
li jreġġgħu lura s-supremazija tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fiċ-ċentru tal-proċess ta' tkabbir, billi l-ewwel jiftħu u wara jagħlqu, l-kapitoli relatati mal-ġudikatura, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll dawk li jkopru r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-minoranzi, il-libertà tal-midja u l-libertà ta' espressjoni;
(x)
li jiffokaw fuq il-bini tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva bil-għan li jsaħħu t-trasparenza u l-effikaċja tal-governanza tajba fil-livelli kollha;
(y)
li jisfruttaw l-esperjenza ta' tkabbir reċenti, inklużi t-tagħlimiet meħuda mill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali;
(z)
li jkomplu jaħdmu flimkien mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;
(aa)
li jiżguraw fokus immirat fuq il-bini tal-kapaċità tal-istat, l-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-qrati, ir-riformi ġudizzjarji u fuq l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;
(ab)
li jirsistu fuq ir-rispett u l-implimentazzjoni sħiħa tas-sentenzi tal-qrati domestiċi u internazzjonali, inklużi dawk tal-qrati kostituzzjonali u tas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) u tas-suċċessur tiegħu l-Mekkaniżmu Internazzjonali għat-Tribunali Kriminali (IRMCT), u l-Kmamar Speċjalizzati tal-Kosovo (SC) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat (SPO), kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi ta' monitoraġġ tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI);
(ac)
li jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħhom fil-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra u r-riżoluzzjoni ta' każijiet ta' persuni nieqsa; li jippromwovu l-kooperazzjoni sħiħa mal-IRMCT, il-Kosovo SC u l-SPO u l-ħarsien espliċitu tax-xogħol u s-sejbiet tal-ICTY, kif ukoll il-promozzjoni u t-tixrid tax-xogħol u l-wirt tiegħu għaċ-ċittadini; li jikkundannaw kull tentattiv ta' glorifikazzjoni tal-kriminali tal-gwerra u ta' ċaħda ta' fatti storiċi u biex f'dan ir-rigward, jappoġġjaw lill-Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi f'dik li kienet il-Jugoslavja (l-inizjattiva RECOM);
(ad)
li jżidu l-involviment tal-UE biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet bilaterali pendenti, jippromwovu relazzjonijiet ta' viċinat tajba u ta' kooperazzjoni reġjonali permezz tal-bini ta' fiduċja u ta' sforzi ta' medjazzjoni, u jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkommettu ruħhom għal rikonċiljazzjoni u soluzzjonijiet paċifiċi għal tilwim li ilu għaddej;
(ae)
li jsaħħu l-proċess ta' adeżjoni bil-ħsieb li japprofondixxu s-solidarjetà bejn il-popli tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tal-Istati Membri, filwaqt li jiġu rispettati l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom;
(af)
li jappoġġaw lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent li għadu kif ġie maħtur, biex matul il-mandat tiegħu jikseb in-normalizzazzjoni komprensiva tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo u jippromwovi r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat fir-reġjun;
(ag)
li jippromovu appoġġ usa' fis-soċjetà favur ir-rikonċiljazzjoni reġjonali billi, fost l-oħrajn,jappoġġaw l-involviment totali tal-parlamenti fid-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u jaħdmu favur ir-rikonċiljazzjoni reġjonali sostenibbli;
(ah)
li jissaħħu u, fejn possibbli, jiżdiedu l-isforzi komuni mill-pajjiżi tal-UE u tal-Balkani tal-Punent biex jitrawmu l-kuntatti u l-iskambji bejn il-persuni bil-għan li jinbnew xbihat pożittivi ta' xulxin b'mod reċiproku fost il-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom;
(ai)
li jrawwmu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi għal ambjenti politiċi inklużivi u li jiffaċilitaw l-isforzi fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent biex jingħelbu l-polarizzazzjoni politika u l-bojkotts parlamentari fit-tul; li jiżviluppaw kultura parlamentari inklużiva u kostruttiva u jsaħħu l-iskrutinju u s-sorveljanza parlamentari; u li jippromwovu approċċ responsabbli lejn rappreżentanza tal-interessi taċ-ċittadini fi ħdan il-parlamenti, bil-għan li jiġu promossi l-iskrutinju demokratiku u l-kwalità aħjar tal-leġiżlazzjoni;
(aj)
li jieħdu nota u jiffaċilitaw il-ħidma marbuta mal-adeżjoni u mal-attivitajiet ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew, inklużi l-attivitajiet tal-kumitati permanenti u d-delegazzjonijiet tiegħu, u bil-parteċipazzjoni tar-rapporteurs permanenti tal-Parlament għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent waqt il-proċess ta' skrutinju u fuq il-post;
(ak)
li jrawwmu r-riformi elettorali li jiżguraw elezzjonijiet ħielsa, ġusti, kompetittivi u trasparenti fil-livelli ċentrali u lokali li jkunu ħielsa mill-intimidazzjoni u minn kampanji ta' diżinformazzjoni, f'konformità mal-istandards internazzjonali, inkluż dwar it-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti, u mar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni internazzjonali; li jagħtu segwitu lill-implimentazzjoni tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; li jikkontribwixxu għall-programmi ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew fir-reġjun;
(al)
li jħeġġu lill-parlamenti nazzjonali jużaw l-għodod ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew, bħad-Djalogu Jean Monnet u d-Djalogu bejn il-Partijiet, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-ħidma politika dwar id-djalogu parlamentari u biex jissaħħu r-responsabilità, is-sorveljanza, l-iskrutinju demokratiku u l-kwalità tal-ħidma leġiżlattiva;
(am)
li jsaħħu u jassoċjaw mill-qrib lis-soċjetà ċivili fir-rwol tagħha bħala attur indispensabbli fil-proċessi ta' konsolidazzjoni demokratika, kooperazzjoni reġjonali u riformi relatati mal-adeżjoni, b'enfasi fuq forzi pro-Ewropej u prodemokratiċi fir-reġjun;
(an)
li jiżguraw li ċ-ċittadini u s-soċjetajiet tal-pajjiżi kandidati jkunu assoċjati iktar mill-qrib mal-proċess ta' adeżjoni u jibbenefikaw minnu; li jagħtu appoġġ u inkoraġġiment partikolari, f'dan il-qafas, lis-sezzjonijiet pro-Ewropej u prodemokratiċi tas-soċjetà, tal-fehmiet u l-opinjonijiet tagħhom;
(ao)
li jiżguraw li kull pass meħud jinkludi djalogu sostanzjali u komprensiv mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-akkademja u ż-żgħażagħ sa mill-istadju bikri tat-teħid tad-deċiżjonijiet sal-fażi ta' implimentazzjoni u ta' evalwazzjoni, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali biex ma jingħatax appoġġ u ma jiġux iffinanzjati strutturi ta' poter lokali anti-Ewropej eżistenti jew strutturi lokali b'reputazzjoni demokratika dubjuża, u b'hekk jitrawwem l-iżvilupp tal-valuri tal-UE, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom u effiċjenti bħala l-pedament għal adeżjoni b'suċċess fl-UE;
(ap)
li jikkundannaw bil-qawwa l-kampanji ta' malafama, it-theddid u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u l-istabbilimenti tal-midja u jinsistu fuq l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati simili, biex b'hekk jitħalla ambjent sikur għall-ġurnalisti, filwaqt li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' konċentrazzjoni, ta' pressjoni politika u ekonomika fuq il-finanzjament tal-midja u n-nuqqas ta' trasparenza tas-sjieda tal-midja;
(aq)
li jappoġġjaw u jsaħħu attivament xenarju medjatiku demokratiku, indipendenti u diversifikat, kif ukoll ir-responsabilità u l-governanza tal-midja;
(ar)
li jżidu l-miżuri ta' appoġġ li jrawmu r-reżiljenza kontra diżinformazzjoni u kampanji tal-midja fixkiela, inkluż dawk imwettqa permezz ta' operazzjonijiet ta' influwenza barranija li jfittxu li jdgħajfu l-proċessi demokratiċi u s-sovranità tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll ir-rwol tal-UE fir-reġjun, permezz ta' gwerra ibrida;
(as)
li jippromwovu u jappoġġjaw b'mod attiv l-implimentazzjoni ta' politiki antidiskriminatorji u jinsistu fuq il-prosekuzzjoni ta' reati ta' mibegħda; li jħeġġu progress iktar mgħaġġel fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u fl-iżgurar tal-inklużjoni soċjali tal-minoranzi etniċi, nazzjonali u reliġjużi, il-persuni b'diżabilità, ir-Rom u l-persuni LGBTQI+, b'attenzjoni speċjali għat-tfal, permezz tal-istabbiliment ta' politiki inklużivi li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;
(at)
li jappellaw għal qafas ġuridiku iktar b'saħħtu għall-prevenzjoni u l-ġlieda attiva kontra l-femminiċidju u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal u forom oħra ta' vjolenza domestika, inkluż billi jitfakkru l-obbligi taħt il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, u billi jittieħdu l-passi meħtieġa għar-ratifika tagħha; li jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin;
(au)
li jirrikonoxxu d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-flussi tar-rifuġjati, u l-isforzi sostanzjali mwettqa mir-reġjun fl-għoti ta' kenn u ta' provvisti umanitarji, primarjament bl-appoġġ tal-UE; li jiżguraw l-implimentazzjoni effiċjenti tal-ftehimiet dwar l-istatus bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex);
(av)
li jissottolinjaw is-sinifikat tal-kontribut tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għall-ħarsien tal-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea, u biex jiġi intensifikat l-appoġġ Ewropew għall-ġestjoni tal-fruntieri fir-reġjun; li jsaħħu l-kapaċità tas-sistema ta' asil fir-reġjun f'kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR);
(aw)
li jenfasizzaw l-importanza kruċjali tad-dimensjoni soċjali u tal-koeżjoni soċjoekonomika u r-rwol ewlieni tagħha matul il-proċess ta' adeżjoni;
(ax)
li jiffokaw iktar fuq il-qerda tal-faqar, l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-implimentazzjoni tal-impenji fil-qasam tal-liġi tax-xogħol;
(ay)
li jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jgħollu l-istandard tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol tagħhom, jippromwovu t-tkabbir u jimplimentaw l-acquis soċjali tal-UE, u jinkludu firxa wiesgħa ta' partijiet interessati bħalma huma t-trade unions, il-kmamar tal-kummerċ u l-kmamar tax-xogħol fil-proċess tan-negozjati mas-sħab tal-UE;
(az)
li jindirizzaw l-eżodu ta' mħuħ bl-użu ta' miżuri konkreti bħall-promozzjoni ta' riformi edukattivi inklużivi ta' kwalità, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET), filwaqt li jiżguraw li s-settur tal-edukazzjoni jissodisfa aħjar ir-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg fit-tul u sostenibbli għaż-żgħażagħ;
(ba)
li jappoġġjaw il-pjattaforma ta' djalogu reġjonali "Bridging the Gap" taħt il-Programm għal Mexxejja Politiċi Żgħażagħ tal-Parlament Ewropew, fl-isforz biex jiġi eliminat id-distakk bejn il-politika taż-żgħażagħ, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u d-deputati fil-Balkani tal-Punent, u li jħeġġu azzjonijiet konkreti li jsaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika u l-implimentazzjoni ta' politiki ffukati fuq iż-żgħażagħ fir-reġjun kollu;
(bb)
li jippromwovu opportunitajiet fil-volontarjat u l-involviment ċiviku għaż-żgħażagħ u jinvestu iktar fiż-żgħażagħ tar-reġjun biż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni fil-programmi ta' mobilità eżistenti, bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020 u bl-istabbiliment ta' programmi ġodda għall-mobilità intrareġjonali;
(bc)
li jsaħħu l-kooperazzjoni fl-oqsma tax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta' programmazzjoni dedikata tal-Kummissjoni Ewropea;
(bd)
li jintensifikaw l-assistenza għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bil-ħsieb li jtejbu l-liġijiet tagħhom dwar l-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija u l-klima u jiżguraw li jkollhom il-kapaċità li jimplimentawhom f'konformità mal-istandards tal-UE u mal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż bl-implimentazzjoni kompluta u rapida tal-obbligi internazzjonali tagħhom taħt it-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, b'kunsiderazzjoni tal-allinjament u l-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tal-Unjoni dwar l-enerġija;
(be)
li jistiednu lill-awtoritajiet jieħdu miżuri urġenti dwar il-monitoraġġ, il-mitigazzjoni u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja u tal-ilma; li jiżguraw valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi ex ante u valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sabiex jiġu garantiti l-iżvilupp ta' idroenerġija sostenibbli u tat-turiżmu, li jkunu bbilanċjati bi sforzi ta' konservazzjoni;
(bf)
li jiffaċilitaw l-integrazzjoni reġjonali tal-enerġija, iżidu d-diversifikazzjoni u s-sigurtà tas-sorsi ta' provvista, u jtejbu l-konnettività tal-infrastrutturi tal-enerġija u tan-networks diġitali;
(bg)
li jħeġġu t-tranżizzjoni tal-enerġija neċessarja lejn sorsi ta' enerġija rinnovabbli iktar nodfa u lil hinn mill-faħam u l-linjite, li jikkawżaw riskji soċjali u ta' saħħa serji għall-popolazzjonijiet lokali u għall-pajjiżi ġirien; li jinkludu lill-pajjiżi ta' adeżjoni tal-Balkani tal-Punent fil-proċessi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta;
(bh)
li jfakkru li l-UE hija l-ikbar investitur barrani fir-reġjun, b'investiment ta' EUR 12,7-il biljun f'investiment dirett barrani bejn l-2014 u l-2018; li jistabbilixxu pjan strateġiku ekonomiku u ta' investiment li jkollu l-għan li jtejjeb il-kompetittività, l-ambjent legali u tan-negozju, is-sitwazzjoni tal-SMEs u l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun kollu f'konformità mal-impenji li ttieħdu taħt il-Ftehim ta' Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jiġi nnotat li t-tkabbir fil-Balkani tal-Punent qed inaqqas fir-ritmu wara perjodu qasir ta' rkupru ta' investiment fis-snin preċedenti u li l-kontribut tal-investiment u tal-esportazzjonijiet lejn it-tkabbir qed jonqos;
(bi)
li jippromwovu u jsaħħu l-integrazzjoni ekonomika reġjonali fil-Balkani tal-Punent, kif diġà implimentat fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) u mmudellat fuq l-acquis tal-UE, u jappoġġjaw b'mod attiv l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-reġjun billi l-politiki tal-UE u s-suq intern jiġu estiżi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent meta jiġu ssodisfati l-prekundizzjonijiet;
(bj)
li jappoġġjaw inizjattivi bbażati fuq il-Pjan ta' Azzjoni Pluriennali għal Żona Ekonomika Reġjonali (MAP REA) li ġie adottat mill-prim ministri tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent waqt is-summit ta' Trieste 2017, li jikkonsisti f'erba' pilastri – il-kummerċ, l-investiment, il-mobilità u l-integrazzjoni diġitali – li huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun u biex titħaffef il-konverġenza mal-UE;
(bk)
li jappoġġjaw il-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bħall-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR), l-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), u ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI);
(bl)
li jkomplu jappoġġjaw u joffru l-għajnuna meħtieġa malajr kemm jista' jkun biex jitwettqu l-proċessi ta' adeżjoni tas-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), billi jintlaqaw pożittivament l-applikazzjonijiet tagħhom għas-sħubija fid-WTO li tressqu fl-1999 u fl-2005 rispettivament, u tiġi mfakkra l-importanza li s-sħubija fid-WTO għandha biex jinfetħu opportunitajiet tal-kummerċ u biex il-pajjiżi kandidati jersqu eqreb lejn is-sħubija fl-UE;
(bm)
li jiddefendu l-interessi tal-Unjoni billi jtaffu l-effett negattiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika ffirmati minn pajjiżi li jkunu applikaw għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u li jkunu ngħataw l-opportunità li jkollhom Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea, inkluż billi jiġi rivedut il-livell ta' assistenza pprovduta lil tali pajjiżi;
(bn)
li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-iżvilupp tal-infrastruttura bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
(bo)
li jagħtu prijorità għolja lir-reġjun taħt l-Istrateġija dwar il-Konnettività tal-UE, billi jenfasizzaw l-importanza li tiġi mtejba l-infrastruttura tat-trasport fir-reġjun, u, b'mod partikolari, ir-rwol li din taqdi biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ; li jappoġġjaw il-bini ta' kurituri ferrovjarji u tat-toroq Ewropej madwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-finanzjament tal-investiment fl-infrastruttura;
(bp)
li jlaqqgħu flimkien il-popli u l-ekonomiji tar-reġjun u tal-UE billi jintegraw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fin-networks TEN-T u TEN-E, u jassistu fil-garanzija ta' servizzi tat-trasport u tal-enerġija ta' kwalità u sikuri u jtejbu l-infrastruttura u l-konnettività globali fir-reġjun, kif ukoll bejn ir-reġjun u l-UE, f'konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għal pjan strateġiku ekonomiku u ta' investiment għall-Balkani tal-Punent;
(bq)
li jkomplu jħaffu l-implimentazzjoni tal-aġenda diġitali għall-Balkani tal-Punent sabiex iċ-ċittadini jgawdu mill-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali; li jgħinu lill-pajjiżi tar-reġjun itejbu l-opportunitajiet ta' finanzjament u ta' żvilupp għan-negozji ġodda u l-SMEs;
(br)
li jistabbilixxu skeda ta' żmien prevedibbli u jħaffu l-implimentazzjoni ta' żona reġjonali ħielsa mir-roaming u jniedu iktar tnaqqis fit-tariffi għall-komunikazzjonijiet mal-UE abbażi ta' kooperazzjoni u konnettività reġjonali fiżiċi u diġitali miżjuda;
(bs)
li jtejbu l-konsistenza, l-effiċjenza, il-viżibilità u t-trasparenza tal-finanzjament tal-Unjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna, biex b'hekk javvanzaw il-valuri tal-Unjoni, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom u effiċjenti; li jallinjaw, fejn xieraq, il-finanzjament tal-IPA III mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
(bt)
li jiżguraw finanzjament ta' qabel l-adeżjoni adegwat, ġust u proporzjonali, ibbażat fuq il-prestazzjoni u orjentat lejn ir-riżultati li jaqbel mal-bżonnijiet ta' trasformazzjoni tal-benefiċjarji u jgħinhom jissodisfaw l-obbligi ta' adeżjoni mal-UE; li jagħtu prijorità lil proġetti speċifiċi li jkunu ta' benefiċċju għall-persuni tal-pajjiżi kkonċernati u jsaħħu l-kapaċità ta' assorbiment tal-benefiċjarji;
(bu)
li jikkoordinaw iktar mill-qrib il-kwistjonijiet ta' governanza ekonomika ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs) u jtejbu l-kooperazzjoni reċiproka ħalli jiġu ssimplifikati l-isforzi ta' appoġġ u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-finanzjament;
(bv)
li jsaħħu l-kundizzjonalità bejn l-assistenza makrofinanzjarja u l-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;
(bw)
li jevitaw tnaqqis fil-finanzjament ġenerali tal-IPA li jista' jnaqqas ir-ritmu tar-riformi relatati mal-UE u jdgħajjef il-kapaċità tal-Unjoni li tissodisfa l-objettiv strateġiku tagħha li tistabbilizza u tittrasforma l-pajjiżi ta' adeżjoni u tħejjihom għall-obbligi ta' sħubija, u jillimita b'mod serju l-kapaċità li jiġu indirizzati sfidi diversi relatati mal-istat tad-dritt, ir-rikonċiljazzjoni, l-integrazzjoni reġjonali u t-tibdil fil-klima, filwaqt li r-reġjun jispiċċa jkun saħansitra iktar suxxettibbli għall-influwenza ta' atturi minn pajjiżi terzi; li jiżguraw appoġġ adegwat u kontinwu għas-soċjetà ċivili;
(bx)
li jiżguraw li l-IPA III jitmexxa minn prijoritajiet politiċi li jkollhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini permezz ta' proġetti konkreti, u li l-finanzjament ta' qabel l-adeżjoni jiġi allokat b'mod trasparenti, proporzjonat u mhux diskriminatorju u li jkun ibbażat fuq indikaturi tal-prestazzjoni sodi, filwaqt li jitqies l-impenn tal-pajjiżi benefiċjarji fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-progress tagħhom;
(by)
li jsaħħu l-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni permezz ta' mekkaniżmu ta' sospensjoni, li jiżgura koerenza mal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI); li jikkomplementaw ir-Regolament IPA III permezz ta' "Djalogu Strateġiku" riformat u mtejjeb u jiżguraw li l-Parlament Ewropew jiġi infurmat u kkonsultat fil-pront;
(bz)
li jirrispettaw ir-responsabilità demokratika billi jiżguraw l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju, is-sorveljanza u t-tmexxija strateġika tad-disinn, l-ipprogrammar u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-IPA III permezz ta' atti delegati;
(ca)
li jtejbu l-viżibilità ġenerali u l-informazzjoni dwar l-appoġġ tal-UE fir-reġjun billi jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika sabiex iwasslu l-valuri tal-Unjoni u jaċċentwaw il-valur miżjud tal-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-UE; li jħejju strateġija ta' komunikazzjoni konġunta f'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; li jiżviluppaw iktar fehim tal-benefiċċji tal-proċess ta' adeżjoni u tal-proċess ta' unifikazzjoni madwar il-kontinent Ewropew;
(cb)
li jinsistu fuq l-allinjament progressiv tal-pajjiżi ta' adeżjoni mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE u mal-politika kummerċjali komuni;
(cc)
li jżidu b'mod sinifikanti l-komunikazzjoni rigward l-għajnuna tal-UE, b'mod partikolari dwar l-appoġġ sostanzjanli li l-UE pprovidet lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, u li jiżguraw li l-benefiċjarji ta' din l-għajnuna ma jxerrdux diżinformazzjoni u retorika negattiva rigward ir-rispons tal-UE għall-COVID-19;
(cd)
li jfaħħru l-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) mal-UE;
(ce)
li jikkundannaw l-azzjonijiet ta' pajjiżi terzi intiżi biex jiddistabbilizzaw u jdgħajfu l-governanza demokratika fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent;
(cf)
li jkomplu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż fil-ġlieda kontra l-propaganda Russa;
(cg)
li jagħtu segwitu lis-Summit tal-2020 bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent bil-għan li jevalwaw u jivvalutaw mill-ġdid il-proċess ta' tkabbir u jipprovdu impetu ġdid għat-trasformazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni;
(ch)
li jimplimentaw b'ħeffa il-metodoloġija ta' tkabbir riveduta għal tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' adeżjoni, u jibnu fuq is-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Zagreb, biex jadottaw oqfsa ta' negozjar u jlaqqgħu konferenzi intergovernattivi li jkollhom l-għan li jnedu taħdidiet ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq;
(ci)
jenfasizza l-15-il kundizzjoni, deċiżi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li l-Albanija teħtieġ li tissodisfa qabel l-ewwel konferenza intergovernattiva tagħha mal-Istati Membri tal-UE;
(cj)
li jsostnu l-kooperazzjoni mar-Renju Unit fil-Balkani tal-Punent, filwaqt li jikkunsidraw ir-rabtiet Brittaniċi mar-reġjun, kif ukoll l-objettivi komuni, mill-avvanz tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u objettivi u għanijiet oħra tal-missjonijiet tal-PSDK;
(ck)
li jintensifikaw id-djalogu politiku ta' livell għoli permezz ta' summits regolari bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent;
(cl)
li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Evalwazzjoni Tematika tal-Appoġġ tal-UE għall-Istat tad-Dritt fil-Pajjiżi tal-Viċinat u tat-Tkabbir (2010-2017), flimkien mal-adozzjoni fil-pront ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza t-tħassib serju dwar l-istat tad-dritt permezz ta' mekkaniżmu ta' kundizzjonalità u riversibilità;
(cm)
li jkomplu l-ħidma fuq l-appoġġ sinifikanti mogħti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jindirizzaw l-ħtiġijiet immedjati ta' saħħa u umanitarji minħabba l-COVID-19;
(cn)
li jkomplu jappoġġaw lill-pajjiżi kandidati tal-UE u lill-pajjiżi kandidati potenzjali fil-Balkani tal-Punent fil-koordinazzjoni tar-rispons u l-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19, u li jallinjaw il-miżuri fi ħdan il-pakkett komuni ta' emerġenza ekonomika mħejji flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;
(co)
li jiżguraw li l-QFP kurrenti u tal-ġenerazzjoni li jmiss, flimkien mal-pjan ekonomiku u ta' investiment għall-Balkani tal-Punent jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-irkupru ta' wara l-COVID-19, u jiffaċilitaw it-tkabbir ekonomiku u l-integrazzjoni permezz ta' konnessjonijiet diġitali, tal-enerġija u tat-trasport imtejba u sostenibbli;
(cp)
li jiggarantixxu li l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent ma jiġix iffinanzjat prinċipalment permezz tal-fondi tal-IPA eżistenti, biex b'hekk potenzjalment jiġi assorbit finanzjament minn politiki u programmi importanti oħrajn; li jaraw li dan il-pjan jikkonforma bis-sħiħ mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b'mod partikolari mal-mira tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE;
(cq)
li jagħtu prijorità lill-Balkani tal-Punent fil-Garanzija għall-Azzjoni Esterna l-ġdida u fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD+) skont l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI); li jiżguraw żieda doppja fil-forniment ta' għotjiet permezz tal-Qafas ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent bil-għan li jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat, il-konnettività, id-diġitalizzazzjoni, l-aġenda ekoloġika, u l-investimenti soċjali, u biex jżidu sostanzjalment il-garanziji finanzjarji ta' appoġġ għall-investiment pubbliku u privat fir-reġjun permezz tal-Istrument ta' Garanzija;
(cr)
li jestendu l-ambitu ġeografiku tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li diġà jkopri l-kriżijiet ta' saħħa pubblika, għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi ta' adeżjoni.