Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn (2020/2649(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-turiżmu huwa attività ekonomika trasversali b'impatt mifrux fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-iżvilupp soċjali u sostenibbli;
B. billi s-settur tat-turiżmu jimpjega 22,6 miljun ruħ, jiġifieri 11,2 % tal-impjiegi totali tal-UE, ikkontribwixxa 9,5 % għall-PDG tal-UE fl-2019, jgħin biex jippromwovi struttura reġjonali bbilanċjata, u għandu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali; jinnota li mill-inqas 6,4 miljun impjieg fl-UE jinsabu f'riskju;
C. billi t-turiżmu, u speċjalment it-turiżmu eċċessiv, bħall-attivitajiet kollha tal-bniedem, għandu impatt fuq it-tibdil fil-klima, kif ukoll impatti ambjentali u ekonomiċi bħal żieda fit-tniġġis, telf tal-bijodiversità, konġestjoni, spejjeż tal-manutenzjoni tal-infrastruttura u żieda fil-prezzijiet; billi, madankollu, is-settur huwa impenjat li jħaffef il-progress lejn żvilupp turistiku sostenibbli u li jiżgura li dan jikkontribwixxi għall-miri klimatiċi Ewropej u internazzjonali permezz ta' inizjattivi mmirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet;
D. billi t-turiżmu huwa magħmul minn katina tal-valur kumplessa li tinvolvi ħafna partijiet ikkonċernati b'rabta diretta mal-attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri;
E. billi, fost is-setturi ekonomiċi ewlenin kollha, is-setturi tat-trasport, tal-kultura u tat-turiżmu kienu dawk li ġew affettwati l-agħar mill-COVID-19, b'qgħad fuq skala kbira li jaffettwa, b'mod partikolari, il-ħaddiema staġunali u dawk f'sitwazzjonijiet vulnerabbli;
F. billi s-siti u l-postijiet kulturali, il-festivals u l-mużewijiet ġew milquta partikolarment ħażin mill-kriżi tas-saħħa, u erba' minn kull għaxar turisti jagħżlu d-destinazzjoni tagħhom abbażi ta' xi jkollha x'toffri f'termini ta' kultura;
G. billi bl-adozzjoni tal-komunikazzjoni dwar it-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn (COM(2020)0550) u l-Pakkett dwar it-Turiżmu u t-Trasport fit-13 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass li kien hemm bżonn biex tappoġġja l-irkupru tas-setturi prezzjużi tagħna tat-trasport u t-turiżmu mit-tifqigħa tal-COVID-19;
H. billi għaddew għaxar snin mindu l-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni bit-titlu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat- turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352) f'Ġunju 2010, li stabbiliet strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda għat-turiżmu tal-UE;
I. billi bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009, l-UE ngħatat kompetenzi ta' appoġġ bil-ħsieb li tikkoordina u tikkomplementa l-azzjoni mill-Istati Membri f'dan il-qasam(1);
Il-pjanijiet ta' rkupru tat-turiżmu u t-trasport Ewropej wara t-tifqigħa tal-COVID-19
1. Jemmen li huma meħtieġa kemm appoġġ rapidu fuq terminu qasir kif ukoll appoġġ fuq terminu twil lis-setturi tat-trasport u t-turiżmu sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza u l-kompetittività tagħhom, filwaqt li miżuri ta' implimentazzjoni li jagħtu lit-turisti l-fiduċja li jerġgħu jivvjaġġaw lejn l-Ewropa u fi ħdanha huma fundamentali biex jitnaqqas kemm jista' jkun it-telf addizzjonali fis-settur, kif ukoll għas-sostenibbiltà aktar fit-tul tiegħu; jisħaq li l-kriżi attwali tirrappreżenta wkoll opportunità storika biex jiġi mmodernizzat it-turiżmu fl-UE u jsir aktar sostenibbli u aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, filwaqt li jibda jitqies bħala ekosistema industrijali b'miri ta' investiment, kapital uman, ħtiġijiet ta' innovazzjoni teknoloġika u indikaturi tal-prestazzjoni, kif ukoll settur ewlieni li jista' jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi l-ġodda ta' newtralità klimatika għall-2050;
2. Jissottolinja li fil-kriżi attwali, meta ħafna kumpaniji tat-trasport qed jitħabtu biex iżommu fil-wiċċ, huwa ta' importanza kbira li jkun hemm aktar investiment fl-infrastruttura tat-trasport strateġiku fil-livell tal-UE; jisħaq, barra minn hekk, li l-pjanijiet ta' rkupru għat-trasport, flimkien ma' appoġġ immirat lejn is-salvagwardja tas-setturi tat-trasport eżistenti, għandhom ikunu ffukati fuq opportunitajiet ta' tkabbir innovattivi;
3. Jilqa' l-komunikazzjoni bit-titlu "Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – COVID-19" adottata mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett, u l-proposta għal approċċ b'fażijiet u kkoordinat, bl-għan li nerġgħu lura għall-moviment liberu tal-persuni, mingħajr restrizzjonijiet; jitlob li jiġi stabbilit mekkaniżmu fil-livell tal-UE biex tiġi definita r-rata ta' livell ta' trażmissjoni baxx biżżejjed, u li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta' tali rata fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-hekk imsejjaħ "rilanċ tat-turiżmu" b'rakkomandazzjoni li tagħmel enfasi fuq "turiżmu sostenibbli", u li n-negozji u d-destinazzjonijiet iċċertifikati b'mod kredibbli jsiru l-protagonisti ta' vjaġġar u turiżmu li jirrispettaw l-ambjent, ikunu soċjalment responsabbli u jkunu b'saħħithom ekonomikament; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni bil-ħsieb li tiżgura l-fluss kontinwu ta' prodotti fl-UE kollha – b'mod speċjali ikel u apparat mediku – u l-inizjattivi kollha mmirati biex jiżguraw il-funzjonament sħiħ tas-suq intern tal-UE mingħajr kontrolli u dewmien mhux ġustifikati;
4. Itenni l-importanza tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fit-tneħħija progressiva ta' restrizzjonijiet domestiċi u transfruntiera, kif ukoll tar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri li jkun intlaħaq qbil dwarhom fil-livell tal-UE, u jenfasizza l-importanza li jiġu evitati ftehimiet bejn Stati Membri individwali (l-hekk imsejħa kurituri turistiċi), li jkomplu jkollhom impatt fuq l-ekonomija ta' dawk l-Istati Membri li ġew affettwati partikolarment mill-kriżi tas-saħħa, u notevolment is-settur tat-turiżmu tagħhom; jinsab imħasseb dwar il-fatt li diversi Stati Membri reċentement imponew miżuri unilaterali li jistgħu mhux biss ixekklu l-funzjonament tas-suq uniku u jkollhom impatt negattiv fuq il-ħajja ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE, iżda jafu jkunu wkoll daqqa ta' ħarta ulterjuri għat-turiżmu u l-fiduċja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, timpedixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri diskriminatorji u nonepidemjoloġiċi mill-Istati Membri, li jiskreditaw l-integrità taż-żona Schengen u jimpedixxu l-irkupru rapidu tal-industrija Ewropea tal-ivvjaġġar u t-turiżmu;
5. Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-appoġġ u l-promozzjoni ta' żoni turistiċi fl-UE permezz ta', fost l-oħrajn, offerti attraenti għall-viżitaturi, dejjem jekk il-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi, soċjali u tas-saħħa fiż-żoni rispettivi jippermettuh; jemmen li huwa essenzjali li r-rekwiżiti kollha tas-saħħa, tal-iġjene u tas-sanità, bħall-miżuri tat-tbegħid soċjali, jiġu rispettati u implimentati bis-sħiħ kemm min-negozji kif ukoll mill-klijenti tagħhom, sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet sikuri għall-viżitaturi; jappella biex jiġu stabbiliti kriterji ta' valutazzjoni uniformi fl-UE sabiex jiġu indikati ż-żoni li jirrappreżentaw ambjenti sikuri għad-dħul u l-ħruġ tat-turisti; jappoġġja l-ħtieġa li jiġu infurzati u miżmuma l-ogħla livelli ta' sikurezza u sigurtà, li għalihom jistgħu jintużaw tekonoloġiji diġitali interoperabbli (pereżempju, sit web iddedikat tal-Kummissjoni, jew bl-użu ta' Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali), bl-għan li tingħata għajnuna lill-industrija tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu, u lit-turisti nfushom, waqt li jiġu rispettati d-drittijiet ta' privatezza u tal-protezzjoni tad-data tal-individwi; jenfasizza li għandha tiġi żviluppata sistema ta' twissija bikrija li twissi lit-turisti b'mod effiċjenti dwar kwalunkwe theddida potenzjali għas-saħħa fid-destinazzjoni tagħhom, biex il-protokolli ta' kwarantina u evakwazzjoni jkunu immedjati u effettivi;
6. Jirrikonoxxi l-importanza tal-vjaġġaturi internazzjonali għas-settur tat-turiżmu tagħna; jappella, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw jekk ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali fil-fruntieri esterni tal-UE jistgħux jitneħħew, mingħajr ma jipperikolaw is-saħħa u s-sikurezza pubblika, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika f'kull pajjiż terz rispettiv u jaħdmu għar-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri protettivi kontra l-COVID-19, speċjalment fl-avjazzjoni, skont l-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u d-dokument konġunt mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) bit-titolu "COVID-19 Aviation Guidelines for the management of air passengers and aviation personnel in relation to the COVID-19 pandemic" (Linji gwida tal-Avjazzjoni fil-kuntest tal-COVID-19 għall-ġestjoni tal-passiġġieri tal-ajru u l-persunal tal-avjazzjoni b'rabta mal-pandemija tal-COVID-19) għal bidu mill-ġdid sikur tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni rapida tagħhom;
7. Jisħaq fuq l-importanza tal-ħaddiema transfruntiera u staġunali għall-forniment ta' servizzi fis-settur tat-turiżmu bħala komponenti ewlenin tal-isforz għall-irkupru ekonomiku, u jappella għal miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu l-mobilità tagħhom u l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, inkluża l-implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti;
8. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "COVID-19: Linji gwida dwar ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività" kif ukoll il-gwida bbażata fuq qafas ta' prinċipji u sett ta' għodod komuni li jgħinu biex jerġgħu jibdew is-servizzi tat-trasport ta' kull xorta fl-UE kollha billi jittieħdu miżuri kkoordinati, nondiskriminatorji u proporzjonati;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaqblu dwar miżuri temporanji, proporzjonati u nondiskriminatorji, li jkunu konformi mal-evidenza xjentifika, biex jiffaċilitaw tranżitu u ċaqliq sikuri bejn pajjiż u ieħor, abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju robusta, u f'konformità ma' standards internazzjonali definiti minn korpi bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jew iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC); jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat rikonoxximent reċiproku tal-miżuri li jkun intlaħaq qbil dwarhom fil-livell tal-UE biex jerġa' jibda l-ivvjaġġar fl-UE u mad-dinja; jenfasizza, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' konteniment, kif ukoll it-tnaqqis ta' dawn il-miżuri, ma jridu qatt iwasslu għal tnaqqis fil-livelli għolja tal-istandards tal-UE dwar is-sikurezza u s-sigurtà fit-trasport;
10. Jissottolinja li l-iskrinjar huwa mezz effikaċi biex jitnaqqas it-tixrid tal-virus u tissaħħaħ il-fiduċja f'każijiet fejn ma jkunx possibbli li jsir it-tbegħid soċjali, dejjem jekk ikunu disponibbli metodi ta' skrinjar rapidi, affidabbli u affordabbli; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-ECDC u mal-Istati Membri, regolarment tevalwa l-eżistenza ta' testijiet li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet u, meta jkunu disponibbli, jitwettaq akkwist ikkoordinat biex jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet u prezz possibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-għodod ta' finanzjament kollha disponibbli biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu ttestjati mingħajr ħlas;
11. Jenfasizza li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri għandhom jitneħħew għar-reġjuni, iż-żoni u l-Istati Membri fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika tagħhom qed titjieb u hija simili biżżejjed, ġaladarba jkunu ġew stabbiliti kriterji komuni għall-valutazzjoni tagħha; jisħaq li t-titjib tas-sitwazzjoni epidemjoloġika huwa essenzjali biex jerġa' jkun hemm ivvjaġġar u t-trasport sikuri u biex jerġgħu jibdew is-servizzi turistiċi; jappella lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri, tesplora l-fattibbiltà u l-valur miżjud tal-miżuri ta' skrinjar tas-saħħa bħal testijiet dijanjostiċi (pereżempju, testijiet seroloġiċi jew swabs) u kontrolli tat-temperatura tal-passiġġiera li jitilqu miċ-ċentri tat-trasport; jitlob li jiġu stabbiliti standards u protokolli dettaljati għal miżuri tal-iġjene komuni għad-diversi modi ta' trasport; iqis li kull operatur tat-trasport għandu japplika miżuri uniformi b'mod armonizzat sabiex ikun hemm prevedibbiltà u ċarezza; iqis li l-protokolli operattivi tekniċi għandhom isiru prerekwiżit għal vjaġġar sikur;
12. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "COVID-19: Gwida tal-UE biex jerġgħu jibdew progressivament is-servizzi tat-turiżmu u għall-protokolli tas-saħħa fi stabbilimenti tal-ospitalità" u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu din il-gwida mal-awtoritajiet kompetenti fil-livelli reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'dan ir-rigward, jappoġġjaw finanzjarjament lis-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri, f'kooperazzjoni sħiħa mal-industrija tat-turiżmu u l-ivvjaġġar u f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-diġitalizzazzjoni;
13. Jistieden lill-Kummissjoni toħloq siġill tal-UE dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza u protokolli tas-saħħa ċari u effikaċi, tiggarantixxi li l-faċilitajiet tat-turiżmu, l-istabbilimenti turistiċi u l-operaturi tal-UE jissodisfaw l-ogħla standards ta' iġjene u sikurezza, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tat-turiżmu u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-għan li tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi bbażati fuq il-gwida tal-UE, ittejjeb il-fiduċja, is-sigurtà u s-sikurezza għall-vjaġġaturi li jżuru l-Istati Membri tal-UE u trawwem l-irkupru tas-settur;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regoli komuni tal-UE dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-vouchers maħruġa b'rabta mal-COVID-19 filwaqt li jinżam livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, dejjem bil-kundizzjoni tal-aċċettazzjoni volontarja tagħhom min-naħa tal-konsumaturi u mingħajr ma jiġi affettwat l-obbligu tal-kumpaniji li jirrimborżaw lill-vjaġġaturi fiż-żmien previst skont id-dritt tal-UE, sabiex il-vouchers isiru aktar flessibbli u allura aktar attraenti u vijabbli u biex tiġi evitata implimentazzjoni frammentata oħra li twassal għat-trattament differenti tal-konsumaturi u għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport u tat-turiżmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura infurzar xieraq u applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE u tippromwovi l-użu ta' regoli armonizzati dwar il-vouchers volontarji;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li telabora, abbażi tal-esperjenza tal-kriżi COVID-19 u ta' skemi simili tal-Istati Membri, skema Ewropea ta' Garanzija tal-Ivvjaġġar għall-kumpaniji li tiżgura likwidità finanzjarja b'tali mod li l-vjaġġaturi jingħataw garanziji dwar rifużjonijiet kif ukoll spejjeż ta' ripatrijazzjoni, flimkien ma' kumpens ġust għal kull dannu mġarrab f'każ ta' falliment; huwa tal-opinjoni li, barra minn hekk, il-vjaġġaturi għandhom ikunu mħeġġa jagħmlu assigurazzjoni tal-ivvjaġġar;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tvara kampanja ta' komunikazzjoni ddedikata dwar l-ivvjaġġar u t-turiżmu f-UE, inkluż permezz ta' app ta' informazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li jkollha l-għan li tippromwovi l-ivvjaġġar fi ħdan l-UE, terġa' tistabbilixxi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-ivvjaġġar u t-turiżmu matul il-COVID-19, teduka t-turisti dwar il-miżuri ta' saħħa u sikurezza fis-seħħ u tibni valuri sostenibbli u tal-koeżjoni permezz ta' "Marka tat-Turiżmu tal-UE"; jappella biex il-kunċett ta' "destinazzjoni sikura u intelliġenti" jkun ċentrali għall-iżgurar tal-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli, responsabbli u aċċessibbli;
17. Jitlob li jinħoloq mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-istabbiliment ta' soll, ibbażat fuq l-evidenza xjentifika u data affidabbli u uniformi, għas-sikurezza u s-sigurtà meta jitneħħew jew jiġu introdotti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u li għandhom jitħejjew livell xieraq ta' monitoraġġ u pjan ta' azzjoni għal kwalunkwe żvilupp negattiv rigward ix-xenarju epidemjoloġiku; jenfasizza, f'dak ir-rigward, il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni aktar konkret u dettaljat dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġija ta' ħruġ gradwali proposta biex noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19;
18. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jikkooperaw sabiex jistabbilixxu linji gwida ċari u pjanijiet ta' azzjoni ta' tħejjija għat-tieni mewġa potenzjali tal-pandemija kemm jista' jkun malajr, billi jindirizzaw il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet u l-miżuri ta' kontroll għall-ivvjaġġar u t-turiżmu, peress li, skont il-projezzjonijiet, din is-sena l-miżuri estiżi ta' għeluq jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta' 16 % fil-PDG;
19. Jilqa' l-programm SURE, li jgħin lill-Istati Membri jkopru l-ispejjeż ta' skemi nazzjonali ta' xogħol b'ħinijiet iqsar u miżuri simili li jippermettu lill-kumpaniji jissalvagwardjaw l-impjiegi fl-industrija tat-turiżmu; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-investiment fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet, it-taħriġ tal-ħiliet diġitali u l-inizjattivi ta' appoġġ għall-impjiegi, li se jipprevjenu t-telf kontinwu ta' impjiegi u l-inugwaljanzi soċjali minħabba l-pandemija;
Solidarjetà u koordinazzjoni mtejba fis-settur tat-turiżmu tal-UE
20. Jenfasizza l-importanza li ngħaddu għal politika Ewropea ġenwina dwar it-turiżmu li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tal-kompetittività tal-Unjoni f'dan is-settur, għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u għall-ħolqien ta' possibbiltajiet ta' aktar investimenti u innovazzjonijiet fis-settur; ifakkar fl-importanza li tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda fil-leġiżlazzjoni tas-suq uniku għas-servizzi turistiċi, bl-għan li jitneħħew u jiġu evitati kontradizzjonijiet u duplikazzjonijiet regolatorji, bl-iżgurar ta' koordinazzjoni aħjar tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni li jaffettwaw is-settur tat-turiżmu;
21. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li torganizza summit Ewropew dwar it-turiżmu bl-involviment tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-industrija, ir-reġjuni, il-bliet u l-partijiet ikkonċernati, sabiex issir riflessjoni dwar it-turiżmu Ewropew ta' għada, u jappoġġja l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali għall-2050 lejn ekosistema Ewropea tat-turiżmu li tkun sostenibbli, innovattiva u reżiljenti ("Aġenda Ewropea għat-Turiżmu 2050"); jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tadotta strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda għat-turiżmu fl-UE fl-2021 abbażi tal-eżitu ta' dan id-djalogu sabiex tinżamm il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala destinazzjoni ewlenija permezz tal-"Marka tat-Turiżmu tal-UE"; jenfasizza li din l-istrateġija fuq terminu twil trid tinkludi pjan għad-diġitalizzazzjoni tas-settur u skemi għar-riġenerazzjoni taż-żoni turistiċi; jenfasizza li l-istrateġija trid tappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika tas-settur billi tadatta l-proċessi u ġġedded l-infrastrutturi u l-faċilitajiet; jissottolinja li l-Kummissjoni għandha ssegwi mill-qrib l-implementazzjoni xierqa tagħha;
22. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipprevedi flessibbiltà fl-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jinsisti, madankollu, fuq il-bżonn ta' proġetti vijabbli, kompetittività u standards soċjali u ekoloġiċi kif ukoll gwida ċara u speċifika għas-settur fl-oqsma tat-trasport u t-turiżmu biex ikun hemm lok għal koordinazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri kollha, u li jiġi żgurat li l-iskemi ta' kumpens nazzjonali jintużaw b'mod ġust, f'waqtu u proporzjonat u jkunu fis-seħħ għal tul ta' żmien limitat, bil-għan li jiġi indirizzat it-telf ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, mingħajr tgħawwiġ indebitu tal-kompetizzjoni;
23. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet trasversali relatati mat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tistabbilixxi Strateġija tal-UE għat-Turiżmu li tinkludi pjan ta' azzjoni aktar konkret u dettaljat b'objettivi fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil, inklużi l-miri tan-NU dwar l-iżvilupp sostenibbli, u li tipproponi li l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi ċari, strateġiċi u orjentati lejn ir-riżultati; jinsisti li, f'koordinazzjoni mal-Parlament u l-Istati Membri, għandha tiġi adottata strateġija xierqa għal turiżmu sostenibbli li tinkludi l-miżuri li għandhom jiġu applikati u osservati mill-Istati Membri kollha kif ukoll mill-industriji u t-turisti;
24. Jenfasizza li l-proposta għal pjan ta' rkupru tal-UE mressqa mill-Kummissjoni fis-27 ta' Mejju 2020, li tinkludi baġit fit-tul aktar b'saħħtu għall-UE (il-QFP 2021-2027) u strument ta' rkupru ġdid ta' EUR 750 biljun li għandu jkun marbut mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u mar-rispett tal-istandards ekoloġiċi u soċjali, iservi ta' bażi tajba għal aktar negozjati; jilqa' l-fatt li t-turiżmu ġie rikonoxxut bħala waħda mill-aktar attivitajiet ekonomiċi li ntlaqtu ħażin mill-kriżi tal-COVID-19; jinnota li l-istrument ta' rkupru l-ġdid, Next Generation EU, jindika li fit-tieni kwart tal-2020 it-turiżmu jaf jara tnaqqis ta' aktar minn 70 % fil-fatturat, mentri l-ħtiġijiet ta' investiment bażiċi fit-turiżmu, li jammontaw għal EUR 161 biljun, jikklassifikaw fl-ewwel post fost id-diversi ekosistemi; jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-importanza dovuta lis-settur tat-turiżmu fil-pakkett ta' rkupru u toħroġ linji gwida biex tiżgura aċċess rapidu għall-fondi – bla xkiel minn piżijiet amministrattivi sproporzjonati – fl-ambitu kemm tal-programmi attwali kif ukoll ta' dawk li ġejjin; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-investiment f'dan is-settur permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li se tkun qed tippermetti l-iżvilupp ta' strateġija għal settur turistiku sostenibbli, flessibbli u kompetittiv madwar l-UE; iqis li l-pjan ta' rkupru tal-UE jrid ikun fih il-possibbiltà li s-settur turistiku jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali skont is-sehem li s-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu jikkontribwixxi għall-PDG ta' Stat Membru;
25. Jiddeplora n-nuqqas ta' linja baġitarja ddedikata għat-turiżmu sostenibbli fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (il-QFP 2021-2027), u jiddispjaċih li fil-preżent ma jeżistix strument finanzjarju konkret u mmirat biex is-settur jiġi megħjun jirkupra f'qasir żmien; jenfasizza li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta' trattament speċjali u miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi (RUPs) u r-reġjuni insulari;
26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'urġenza lin-negozji u l-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, fis-setturi tat-trasport, tal-kultura u tat-turiżmu, u speċjalment lill-SMEs, inklużi n-negozji makro u n-negozji tal-familja, fil-ġestjoni tal-likwidità tagħhom, jgħinuhom iżommu l-impjiegi u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn; jitlob, barra minn hekk, li fi djalogu mill-qrib mas-sħab soċjali, jiġi żviluppat qafas Ewropew għall-ħaddiema tul il-katina tal-valur kollha tal-industrija tat-turiżmu, li jkun ikopri kull tip ta' ħaddiema;
27. Jitlob strateġija Ewropea riveduta għall-SMEs li tqis l-impatt tal-COVID-19 fuq l-SMEs u tressaq inizjattivi ta' rkupru konkreti bi pjan direzzjonali biex tappoġġjahom billi titnaqqas il-burokrazija, jitnaqqsu l-ispejjeż tal-aċċess għall-finanzi u jitrawmu investimenti fi ktajjen ta' valur strateġiċi, f'konformità ma' politika industrijali Ewropea bbażata fuq l-ekosistemi, il-Patt Ekoloġiku u t-tranżizzjoni diġitali; ifakkar fil-ħtieġa li jsiru l-aġġustamenti meħtieġa sabiex jiġu osservati l-miżuri l-ġodda tas-saħħa u s-sikurezza, filwaqt li jiġu previsti investimenti sostanzjali biex jiġu żgurati s-sikurezza tal-konsumaturi u r-rispett tat-tbegħid soċjali u ta' miżuri ta' prekawzjoni rilevanti oħra; jenfasizza l-importanza li jinħolqu networks u raggruppamenti fl-UE kollha, li potenzjalment iwasslu għal armonizzazzjoni tal-aħjar prattiki, strateġiji u sinerġiji fis-settur tal-SMEs;
28. Jenfasizza li eluf ta' kumpaniji, partikolarment SMEs, qed jitħabtu biex jibqgħu fil-wiċċ, u ħafna minnhom qed jiffaċċjaw insolvenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu l-iżviluppi u jivvalutaw il-possibbiltà ta' appoġġ ta' emerġenza aktar b'saħħtu fir-rigward tal-istrumenti diġà mħabbra, billi jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi evitat il-falliment tan-negozji;
Lejn settur turistiku tal-UE li jibqa' validu fil-futur
29. Jenfasizza li s-settur turistiku jiddependi ħafna fuq is-settur tat-trasport, u għaldaqstant it-titjib tal-aċċessibbiltà, is-sostenibbiltà u l-konnettività tal-mezzi kollha tat-trasport, filwaqt li jinżamm l-ogħla livell ta' sikurezza fis-setturi kollha tat-trasport (bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru, bil-baħar u fuq il-passaġġi tal-ilma interni), ikollu impatt sinifikanti fuq it-tisħiħ tas-settur turistiku tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li fil-kuntest tas-sena 2021 bħala s-Sena Ewropea tal-Ferroviji u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport, il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-modi ta' vvjaġġar alternattivi sostenibbli kollha;
30. Jenfasizza l-ħtieġa li jitrawmu modi ta' vvjaġġar sostenibbli, pereżempju billi jingħata aktar appoġġ lill-infrastruttura taċ-ċikliżmu turistiku u l-ferroviji ta' billejl; jisħaq fuq il-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali li mezzi tat-trasport sostenibbli bħar-roti jista' jkollhom għat-turiżmu, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tinvesti fl-infrastruttura ċiklistika biex tiffaċilita turiżmu bħal dan;
31. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jkollhom network ta' infrastruttura żviluppata, moderna, sikura u sostenibbli, sabiex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar fl-UE kollha, u li l-Istati Membri periferiċi jsiru aktar aċċessibbli għat-turiżmu intra-Ewropew u internazzjonali; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tappoġġja r-riintroduzzjoni ta' konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera neqsin, tkompli twettaq kontrolli tal-idoneità fuq in-network tal-infrastruttura eżistenti u tipproponi miżuri addizzjonali immedjati għaż-żoni l-inqas avvanzati u l-inħawi remoti, li sikwit ikollhom l-inqas networks żviluppati u jirrikjedu attenzjoni partikolari; jinnota li r-reġjuni tal-fruntiera tal-UE jirrappreżentaw 40 % tat-territorju tal-UE u terz tal-popolazzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jkollhom ippjanar adegwat għat-tlestija tat-TEN-T ewlieni kollu sal-2030 u n-networks komprensivi sal-2050, b'indikazzjoni tal-iskeda u d-disponibbiltà baġitarja, u b'enfasi partikolari fuq it-taqsimiet transfruntiera, speċjalment fl-Istati Membri li mhux qed jagħmlu progress f'dawn l-oqsma; jirrimarka li dan jinkludi l-proġett tant meħtieġ tal-Ajru Uniku Ewropew, li, għalkemm ilu wieqaf fil-livell tal-UE għal ħafna snin, iġib miegħu sikurezza, effiċjenza u sostenibbiltà għall-avjazzjoni Ewropea minnufih;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-fattibbiltà u l-benefiċċji potenzjali ta' mekkaniżmu ta' ġestjoni tal-kriżijiet (CMM) għas-settur turistiku tal-UE, sabiex ikun hemm risposta adegwata u rapida mhux biss għat-tifqigħa attwali tal-COVID-19, iżda anke sabiex issir tħejjija għal sfidi futuri ta' natura u daqs simili; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inklużi soluzzjonijiet ta' finanzjament għal skarsezzi finanzjarji b'terminu ta' żmien qasir u anke li jiġu previsti oqfsa u strateġiji b'terminu ta' żmien medju u twil; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida msejsa fuq l-aħjar prattiki fis-settur tat-turiżmu f'każ ta' kriżi fuq skala kbira, bħalma hi l-pandemija attwali, u tiffaċilita l-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' pjattaformi online adegwati fejn il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki u jikkondividu informazzjoni;
33. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi skema Ewropea ġdida ta' turiżmu inklużiv ibbażata fuq il-mudell tal-inizjattiva Calypso, li tippermetti lill-gruppi soċjali vulnerabbli jużaw vouchers turistiċi nazzjonali fi stabbilimenti assoċjati fi Stati Membri oħra li joffru wkoll programm ta' turiżmu soċjali liċ-ċittadini tagħhom; jinnota li bosta Stati Membri qegħdin jimplimentaw programmi bħal dawn b'riżultati tajbin ħafna u jemmen li tkun xi ħaġa pożittiva ferm jekk dawn l-iskemi jsiru interoperabbli fil-livell tal-UE;
34. Jirrimarka l-importanza ta' approċċ komuni min-naħa tal-UE għas-salvagwardja tal-kompetittività tas-settur billi ttejjeb l-istrateġija komunikattiva tagħha fil-konfront taċ-ċittadini; jenfasizza wkoll ir-rwol tal-UE fil-koordinazzjoni tas-settur turistiku, li għandu jittejjeb billi jittieħdu miżuri b'valur miżjud għall-UE u jkompli jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri; jitlob tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u fiskali mhux ġustifikati, appoġġ għall-ħolqien tan-negozji, u promozzjoni tal-bejgħ u s-servizzi transfruntiera;
35. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fis-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jkomplu jrawmu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU (UNWTO);
36. Iqis li t-teknoloġiji l-ġodda u ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni jistgħu jagħtu spinta konsiderevoli biex is-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu jsiru aktar attraenti, u li pjattaformi favorevoli u mudelli kummerċjali ġodda jistgħu jsaħħu t-tkabbir, il-kompetittività u l-prosperità tas-settur; jemmen, għalhekk, li t-taħriġ regolari kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema eżistenti fis-settur huma tal-akbar importanza, b'enfasi speċifika fuq il-ħiliet diġitali u t-teknoloġiji innovattivi;
37. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li, filwaqt li tinżamm il-protezzjoni b'saħħitha tal-fruntieri Ewropej, jinħoloq proċess ta' applikazzjoni għall-viża online bħala mezz biex jiġi attirat fluss akbar ta' turisti internazzjonali lejn l-Ewropa; jinnota li t-tifqigħa tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li titħaddan l-innovazzjoni u li ssir kunċettwalizzazzjoni ġdida tal-mod kif jingħataw is-servizzi, inklużi dawk li jintensifikaw il-kuntatt bejn il-persuni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, teżamina l-possibbiltajiet ta' proċeduri ta' aċċess remot permezz ta' viżi elettroniċi, bi prezz baxx u effiċjenti fil-ħin, għad-destinazzjonijiet turistiċi tal-Ewropa għal ċittadini bona fide minn pajjiżi terzi li jeħtieġu viża u li d-data bijometrika tagħhom tinġabar xorta ladarba s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ tkun bdiet topera kompletament;
38. Jirrimarka l-importanza tal-promozzjoni ta' turiżmu sostenibbli, li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi, il-ħarsien u r-restawr tal-ekosistemi naturali u l-bijodiversità, kif ukoll għat-tkabbir u l-kompetittività, billi jibni fuq mudelli kummerċjali ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-fondi tal-UE min-naħa tal-partijiet ikkonċernati fit-turiżmu, b'mod partikolari l-operaturi ż-żgħar tas-settur tal-ospitalità fl-oqsma kollha tas-suq, li għandhom jingħataw attenzjoni u appoġġ partikolari; jafferma li tali finanzjament għandu jappoġġja l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi turistiċi sostenibbli, innovattivi u ta' kwalità għolja, u jikkontribwixxi wkoll għas-sostenibbiltà, l-ivvjaġġar barra l-istaġun u d-dispersjoni ġeografika tal-flussi turistiċi; jemmen li jrid ikun hemm appoġġ u koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni biex titjieb l-amministrazzjoni tat-turiżmu fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, fost l-oħrajn billi tiġi introdotta ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà turistika; jenfasizza l-importanza li titrawwem bidla minn turiżmu eċċessiv għal forom oħra ta' turiżmu kulturali u sostenibbli li jirrispettaw l-ambjent u l-wirt kulturali tagħna;
39. Jenfasizza l-importanza tat-turiżmu għal ċerti pajjiżi u żoni ġeografiċi tal-UE fejn is-servizzi relatati mat-turiżmu sikwit ikunu fattur importanti biex jiġu żgurati l-impjiegi u huma fost is-sorsi ta' introjtu ewlenin għall-popolazzjoni lokali; jistieden lill-Kummissjoni tfassal miżuri mfassla apposta meta jiġu riintrodotti l-moviment liberu u l-konnessjonijiet tat-trasport bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer u l-Ewropa kontinentali; jirrimarka li korsiji ta' konnessjoni speċifiċi u appoġġ finanzjarju u amministrattiv addizzjonali huma tal-akbar importanza għal dawn ir-reġjuni; jenfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq l-aspett kostali u marittimu fl-istrateġija u l-inizjattivi tal-UE fil-qasam tat-turiżmu, inklużi opportunitajiet ta' finanzjament u għodod ta' promozzjoni u ta' komunikazzjoni, kif ukoll li jissaħħaħ il-funzjonament tas-swieq rilevanti, bl-istabbiliment ta' politiki mfassla apposta f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati fid-destinazzjoni; ifakkar fl-importanza li jingħata appoġġ lin-negozji tal-familja li jiżviluppaw is-swieq lokali jew reġjonali u jippromwovu t-turiżmu lokali, għax dawn jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti mill-impjiegi fis-settur privat Ewropew u jikkostitwixxu l-inkubaturi naturali ta' kultura intraprenditorjali;
40. Ifakkar li t-turiżmu kulturali jirrappreżenta 40 % tat-turiżmu Ewropew kollu u li 68 % tal-Ewropej jgħidu li l-preżenza tal-wirt kulturali, li jinkludi r-rotot kulturali, fosthom ir-Rotta ta' San Ġakbu ("Camino de Santiago"), li fl-2021 se tiċċelebra l-Ġubilew jew is-Sena Ġakubina, għandha influwenza fuq l-għażla tad-destinazzjoni tal-btala tagħhom(2); jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tipproponi li l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi strateġiċi u operattivi ċari u orjentati lejn ir-riżultati fil-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura li jmiss u ttejjeb il-qafas strateġiku attwali għall-kultura; jenfasizza li l-investimenti fis-siti kulturali għandhom jitqiesu u jiġu ttrattati bħala riżorsa għat-titjib tal-kompetittività u t-tkabbir fil-livell lokali, mingħajr ma jintesa l-valur intrinsiku tagħhom bħala parti mill-wirt kulturali tagħna, li jeħtieġ jitħares speċjalment mit-tibdil fil-klima u t-turiżmu eċċessiv; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tas-siti kulturali ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' skemi ta' finanzjament li jibnu fuq fondi privati; jitlob ukoll għall-żieda fil-baġit għal Discover EU, programm li għandu l-potenzjal li jagħti spinta konsiderevoli lit-turiżmu taż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet kulturali li jibbenefikaw minn għajnuna pubblika matul dan il-perjodu ta' rkupru, peress li dawn iridu jiżguraw is-sikurezza tal-viżitaturi u jsostnu l-mudell ekonomiku tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni ssib mekkaniżmi alternattivi ta' appoġġ għall-ħaddiema kulturali li jiddependu ħafna fuq turiżmu funzjonali;
41. Jenfasizza l-benefiċċji tat-turiżmu rurali u agroekoloġiku, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi u tappoġġja inizjattivi li jiġġeneraw sorsi ta' introjtu addizzjonali għaż-żoni rurali, joħolqu opportunitajiet ta' xogħol, iwaqqfu d-depopolazzjoni u jżidu l-benefiċċji soċjali; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), speċjalment il-programm LEADER, fl-appoġġ għall-inizjattivi turistiċi lokali u rurali, u jitlob li dan il-programm jiġi ffinanzjat b'mod adegwat għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027; iqis li l-agrituriżmu fiż-żoni rurali għandu jissaħħaħ sabiex jiġu diversifikati s-sorsi ta' dħul tal-bdiewa, b'mod partikolari dawk li għandhom azjendi agrikoli żgħar, u b'hekk jiġu evitati l-abbandun tal-art u d-depopolazzjoni u tiġi appoġġjata l-ekonomija rurali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi riżervata allokazzjoni speċifika għall-agrituriżmu, li għandu rwol essenzjali fid-diversifikazzjoni tad-dħul tal-bdiewa u fl-iżvilupp taż-żoni rurali;
42. Jirrimarka l-importanza tat-turiżmu tas-saħħa, li jinkludi t-turiżmu mediku, tal-benessri u termali; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta jkun il-waqt, tippromwovi t-turiżmu tal-kura tas-saħħa preventiva, il-balneoloġija, it-turiżmu tal-muntanja u t-turiżmu mediku sostenibbli fil-livell Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment ulterjuri fit-titjib tal-infrastruttura tat-turiżmu sostenibbli u l-importanza ta' aktar viżibbiltà għaċ-ċentri Ewropej tat-turiżmu termali u tal-benessri; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament ulterjuri bbażati fuq ix-xjenza, billi t-turiżmu mediku jista' jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tas-saħħa permezz ta' miżuri preventivi u inqas konsum ta' prodotti farmaċewtiċi, u jkompli jtejjeb is-sostenibbiltà u l-kwalità tax-xogħol;
43. Jissottolinja l-importanza tal-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-ivvjaġġar u t-turiżmu għal popolazzjoni li qed tixjieħ, kif ukoll għall-persuni b'diżabilità u dawk li għandhom limitazzjonijiet funzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jixprunaw b'mod attiv l-iżvilupp kontinwu tal-istandard tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni dwar servizzi turistiċi aċċessibbli u jiżguraw li jiġi implimentat malajr u b'mod korrett ladarba jiġi adottat, kif ukoll li l-fornituri tas-servizzi jirrispettaw l-istandards ta' aċċessibbiltà rilevanti li huma diġà fis-seħħ jew li qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tagħmel sforzi biex tiffaċilita l-possibbiltà ta' implimentazzjoni u rikonoxximent usa' tal-Karta tad-Diżabilità tal-UE;
44. Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-isport fit-turiżmu, u jfakkar fl-importanza li għandhom l-avvenimenti u l-attivitajiet sportivi biex ir-reġjuni tal-Ewropa jsiru aktar attraenti għat-turisti; jenfasizza l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-ivvjaġġar tal-atleti u l-ispettaturi fl-okkażjoni ta' avvenimenti sportivi, li jistgħu jattiraw lit-turisti anke lejn l-aktar żoni remoti; jenfasizza l-importanza tal-gastronomija, l-itinerarji gastronomiċi u s-settur tal-lukandi, ir-ristoranti u l-bars Ewropej għas-settur tat-turiżmu u l-ekonomija kollha kemm hi; jenfasizza li, għaldaqstant, dan irid jiġi integrat fl-istrateġija globali tat-turiżmu;
o o o
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Presidenza fil-Kariga tal-Kunsill.