Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni: posponiment ta' ċerti limiti ta' żmien minħabba l-pandemija tal-COVID-19 *
P9_TA(2020)0170
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu posposti ċerti limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0197 – C9-0134/2020 – 2020/0081(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2020)0197),
— wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9‑0134/2020),
— wara li kkunsidra l-Artikoli 82 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
3. Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Emenda 2 Proposta għal direttiva Premessa 5
(5) Sabiex jiġi ddeterminat it-tul tad-differiment, jeħtieġ li jitqies li dan għandu l-għan li jindirizza sitwazzjoni eċċezzjonali u jenħtieġ li ma jfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Konsegwentement, ikun xieraq li d-differiment jiġi limitat għal żmien li jkun proporzjonat mad-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.
(5) Sabiex jiġi ddeterminat it-tul tad-differiment, jeħtieġ li jitqies li dan għandu l-għan li jindirizza sitwazzjoni eċċezzjonali. Jenħtieġ li ma jikkompromettix il-politika tal-Unjoni maħsuba biex tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa permezz tal-iskambju tal-informazzjoni bejn id-dipartimenti tat-taxxa u, għaldaqstant, jenħtieġ li ma jfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Konsegwentement, ikun xieraq li d-differiment jiġi limitat għal żmien li jkun proporzjonat mad-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.
Emenda 3 Proposta għal direttiva Premessa 6
(6) Fid-dawl tal-inċertezza attwali dwar l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, ikun utli wkoll li tiġi prevista l-possibbiltà ta' estensjoni oħra tal-perjodu ta' differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni. Dan ikun meħtieġ jekk matul il-perjodu ta' differiment jew f'parti minnu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta' riskji serji għas-saħħa pubblika kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jippersistu u l-Istati Membri jkollhom jew jimplimentaw miżuri ġodda jew ikomplu bil-miżuri ta' lockdown eżistenti. Jenħtieġ li din l-estensjoni ma tfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Pjuttost, jenħtieġ li tkun ta' durata limitata u predeterminata, proporzjonata mad-diffikultajiet prattiċi li ġab miegħu l-lockdown temporanju. Jenħtieġ li l-estensjoni ma taffettwax l-elementi essenzjali tal-obbligu li l-informazzjoni tiġi rrappurtata u skambjata skont din id-Direttiva. Tista' testendi biss id-differiment tad-durata għall-konformità ma' tali obbligi filwaqt li tiżgura li l-ebda informazzjoni ma tibqa' mingħajr ma tiġi eventwalment skambjata.
imħassar
Emenda 4 Proposta għal direttiva Artikolu 1 – punt 2 Direttiva 2011/16/UE Artikolu 27b
Artikolu 27b Estensjoni tal-perjodu ta' differiment
imħassar
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat, f'konformità mal-Artikolu 27c, sabiex jiġi estiż il-perjodu ta' differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, kif previst fil-paragrafi 12 u 18 tal-Artikolu 8ab u fl-Artikolu 27a, għal massimu ta' tliet xhur addizzjonali.
Il-Kummissjoni tista' tadotta biss l-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu jekk matul il-perjodu ta' differiment jew f'parti minnu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta' riskji gravi għas-saħħa pubblika kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jippersistu u l-Istati Membri jkollhom jimplimentaw miżuri ta' lockdown.
Emenda 5 Proposta għal direttiva Artikolu 1 – punt 2 Direttiva 2011/16/UE Artikolu 27c
Artikolu 27c Eżerċitar ta' delega
imħassar
1. Is-setgħa ta' adozzjoni tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 27b hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa li tadotta l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 27b għandha tingħata lill-Kummissjoni biss għall-perjodu ta' differiment tal-limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, kif previst fil-paragrafi 12 u 18 tal-Artikolu 8ab u fl-Artikolu 27a.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 27b tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-att delegat jekk ikun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti magħżulin ta' kull Stat Membru, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet tat-13 ta' April 2016.
5. Hekk kif tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill b'dan. In-notifika tal-att delegat lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta' urġenza.
6. L-att delegat adottat skont l-Artikolu 27b għandu jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien u għandu japplika sakemm ma tkun espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill. Il-Kunsill jista' joġġezzjona għall-att delegat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol min-notifika ta' dak l-att. F'tali każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Kunsill.
7. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat dwar l-adozzjoni ta' att delegat mill-Kummissjoni, dwar kull oġġezzjoni fformulata għalih u dwar ir-revoka ta' delega tas-setgħat mill-Kunsill.