Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd (2020/2685(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-tieni, ir-raba', il-ħames, is-sitt u s-seba' inċiżi tal-preambolu, l-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 6 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 21 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(3),
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali 2020 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), it-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni (EU-MIDIS II) ippubblikat f'Diċembru 2017 mill-FRA, iż-żewġ edizzjonijiet tal-istħarriġ "Being black in the EU" ippubblikati fit-23 ta’ Novembru 2018 u fil-15 ta’ Novembru 2019, u r-rapport tal-FRA dwar l-esperjenzi ta' diskriminazzjoni razzjali u vjolenza razzista fost il-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-UE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-razziżmu u l-mibegħda kontra l-minoranzi fid-dinja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-Ewropa(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar id-dritt tal-protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza(6),
– wara li kkunsidra l-istabbiliment f'Ġunju 2016 tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-politika ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI),
– wara li kkunsidra l-video konferenza stampa tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-2 ta' Ġunju 2020 wara l-mewt ta' George Floyd;
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar il-każ ta' George Floyd fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-FRA tal-5 ta' Diċembru 2018 bit-titolu "Preventing unlawful profiling today and in the future: a guide",
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tad-19 ta' Settembru 2001 dwar il-Kodiċi Ewropew tal-Etika tal-Pulizija,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali u r-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet tat-28 ta' Mejju 2020 li kkundannat il-qtil ta' George Floyd,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-protesti kontra r-razziżmu sistemiku fl-Istati Uniti tal-5 ta' Ġunju 2020 mill-esperti indipendenti tal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u Programm ta' Azzjoni ta' Durban tal-2002 u s-segwitu tagħha, u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata,
– wara li kkunsidra d-Deċennju Internazzjonali għan-Nies ta' Dixxendenza Afrikana,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-25 ta' Mejju 2020, George Floyd, raġel Afrikan-Amerikan ta' 46 sena li ma kienx armat, ġie arrestat talli allegatament uża karta tal-flus falza u nqatel fil-belt ta' Minneapolis, fl-Istat ta' Minnesota, wara li uffiċjal tal-pulizija abjad poġġa u żamm irkopptejh fuq għonqu għal 8 minuti u 46 sekonda; billi George Floyd qal ripetutament li ma setax jieħu nifs;
B. billi l-mewt ta' George Floyd, flimkien mal-lista ta' eżempji oħra tal-użu ta' forza eċċessiva u ta' qtil min-naħa ta' uffiċjali tal-pulizija, kebbsu dimostrazzjonijiet u protesti enormi kontra r-razziżmu u l-brutalità tal-pulizija fl-Istati Uniti kollha, kif ukoll madwar id-dinja;
C. billi wara l-protesti, l-akkuża inizjali ta' qtil tat-tielet grad (omiċidju involontarju) maħruġa fil-konfront tal-uffiċjal tal-pulizija Derek Chauvin ġiet mibdula għal qtil tat-tieni grad (vjolenza li wasslet għal mewt) u omiċidju volontarju mhux premeditat, akkużi li flimkien jinvolvu sentenza massima ta' 35 sena priġunerija; billi tliet uffiċjali oħra tal-pulizija involuti fl-arrest ta' George Floyd tkeċċew mix-xogħol u qed jiffaċċjaw akkużi ta' għajnuna u tħajjir;
D. billi l-vjolenza u l-qerda ta' proprjetà mhux se jsolvu l-problema ta' diskriminazzjoni stabbilita u għandhom jiġu kkundannati bil-qawwa; billi d-dimostranti jeħtiġilhom jesprimu t-talbiet tagħhom għal ġustizzja b'mod paċifiku u l-pulizija u l-forzi tas-sigurtà l-oħrajn jeħtiġilhom jastjenu milli jkomplu jeskalaw is-sitwazzjoni ta' tensjoni kurrenti bl-użu ta' forza eċċessiva
E. billi l-protesti wara l-mewt ta' George Floyd huma preċeduti minn storja twila ta' protesti kontra l-brutalità tal-pulizija u r-razziżmu fl-Istati Uniti; billi fl-Istati Uniti, is-suwed u l-persuni ta' kulur jikkostitwixxu sa 40 % tal-popolazzjoni tal-priġunieri, filwaqt li huma jirrappreżentaw 13 % tal-popolazzjoni totali; billi r-rata ta' mortalità fil-kustodja tal-pulizija fl-Istati Uniti hija sitt darbiet akbar għall-persuni suwed minn dik tal-persuni bojod, u tliet darbiet akbar għall-persuni Ispaniċi(7), bħalma hu l-użu ta' forza eċċessiva jew letali, li laqtet lill-persuni ta' kulur b'mod sproporzjonat;
F. billi matul il-protesti seħħew xi inċidenti vjolenti individwali, fosthom f'Minneapolis;
G. billi l-President Trump skjera l-Gwardja Nazzjonali;
H. billi r-reazzjoni tal-President tal-Istati Uniti u r-retorika xewwiexa tiegħu, inkluż it-theddid tiegħu li jiskjera l-armata tal-Istati Uniti jekk il-protesti li għaddejjin ma jiqfux, servew biss biex saħħew il-protesti;
I. billi l-ġurnalist tal-istazzjon CNN Omar Jimenez u xi kollegi tiegħu ġew arrestati waqt li kienu qed jagħmlu xogħol relatat mar-rappurtar dwar il-protesta f'Minneapolis, u wara nħelsu meta ġie kkonfermat li huma kienu membri tal-mezzi tax-xandir; billi għadd kbir ta' ġurnalisti nżammu milli jirrappurtaw liberament dwar id-dimostrazzjonijiet, minkejja li wrew b'mod viżibbli l-kredenzjali tagħhom bħala membri tal-mezzi tax-xandir, u għexieren minnhom ġew attakkati mill-forzi tal-pulizija, filwaqt li wħud ġarrbu ġrieħi serji;
J. billi l-UE hija impenjata li tirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-restrizzjonijiet kollha tad-drittijiet fundamentali jridu jirrispettaw il-prinċipji tal-legalità, in-neċessità u l-proporzjonalità;
K. billi l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet, billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista' jkun soġġett għal tali formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti mil-liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, l-integrità territorjali jew is-sikurezza pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew it-twettiq ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew id-drittijiet ta' ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta' informazzjoni riċevuta b'mod kunfidenzjali, jew biex jiġu miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura, kif preskritt mill-Artikolu 10 tal-KEDB;
L. billi, f’konformita’ mal-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-UE "għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali [tal-Istati Membri], inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali"; billi "b'mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa' r-responsabbiltà unika ta' kull Stat Membru";
M. billi wara l-mewt ta' George Floyd u l-protesti fl-Istati Uniti, eluf ta' persuni għamlu dimostrazzjonijiet fi bliet Ewropej u bliet oħra madwar id-dinja b'appoġġ għall-protesti fl-Istati Uniti u biex jipprotestaw kontra r-razziżmu mal-moviment "Black Lives Matter"; billi l-moviment "Black Lives Matter" mhuwiex ġdid;
N. billi f'xi Stati Membri tal-UE l-protesti saħħew il-moviment kontra r-razziżmu li jkollu fil-mira tiegħu il-persuni suwed u l-persuni ta' kulur, u anke wasslu biex fakkru l-passat kolonjali tal-Ewropa u r-rwol tagħha fil-kummerċ trans-Atlantiku tal-ilsiera; billi dawn l-inġustizzji u delitti kontra l-umanità għandhom jiġu rikonoxxuti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u jiġu indirizzati fil-livell istituzzjonali u fi ħdan l-edukazzjoni;
O. billi xi wħud mill-komunità internazzjonali caħdu bil-qawwa l-użu eċċessiv tal-forza, ikkundannaw l-vjolenza u r-razziżmu ta' kull xorta, u talbu li tali inċidenti jiġu indirizzati malajr, b'mod effettiv u b'rispett sħiħ tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkundannaw, pubblikament u mingħajr riżerva, ir-razziżmu u l-brutalità tal-pulizija li wasslet għall-mewt ta' George Floyd u oħrajn;
P. billi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma prinċipji ewlenin minquxa fil-liġi tal-UE; billi dawn il-prinċipji u valuri kondiviżi għandhom jgħaqqduna fil-ġlieda kontra l-inġustizzja, ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni fil-forom kollha;
Q. billi d-dritt għal trattament indaqs u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi rispettat bis-sħiħ;
R. billi l-Artikolu 21(1) tal-Karta Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem jistipula li kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età, jew orjentament sesswali għandha tkun ipprojbita.
S. billi l-motto tal-UE "Magħqudin fid-Diversità" jinkludi mhux biss in-nazzjonalità, iżda wkoll ir-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq;
T. billi r-razziżmu hija kwistjoni ta' tħassib madwar id-dinja, u billi l-attitudnijiet razzisti u ksenofobiċi jippersistu kullimkien fid-dinja;
U. billi r-razziżmu strutturali huwa rifless ukoll fl-inugwaljanza soċjoekonomika u l-faqar, u dawn il-fatturi jinteraġixxu u jsaħħu lil xulxin; billi dan huwa partikolarment viżibbli fis-suq tax-xogħol, fejn il-parti l-kbira tal-ħaddiema prekarji huma persuni ta' kulur, iżda wkoll fl-akkomodazzjoni u fl-edukazzjoni; billi l-azzjonijiet għall-ugwaljanza u kontra r-razziżmu strutturali jridu jimxu id f'id u jiġu indirizzati sistematikament;
V. billi skont l-FRA, id-diskriminazzjoni u l-fastidju razzjali għadhom komuni fl-Unjoni Ewropea kollha(8); billi l-minoranzi razzjali u etniċi huma soġġetti għal fastidju, vjolenza u diskors ta' mibegħda, kemm online kif ukoll offline; billi l-minoranzi razzjali u etniċi jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni strutturali fl-UE fl-oqsma kollha, inkluż l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u l-edukazzjoni;
W. billi l-istħarriġ tal-FRA rrapporta li fl-Ewropa, il-gruppi razzjalizzati li huma milquta l-aktar mir-razziżmu u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-isfond etniku u ta' immigrazzjoni huma r-Rom, l-individwi mill-Afrika ta' Fuq u l-Afrikani sub-Saħarjani(9); billi l-istħarriġ tal-FRA jirrapporta wkoll livell għoli ta' diskriminazzjoni u ta' razziżmu kontra persuni Musulmani(10) u Lhud(11);
X. billi ċerti mexxejja tal-opinjoni u persunaġġi politiċi fl-UE kollha jħaddnu attitudnijiet razzisti u ksenofobiċi, u jrawmu klima soċjali li tipprovdi art fertili għar-razziżmu, id-diskriminazzjoni u reati ta' mibegħda; billi din il-klima hija mkebbsa aktar mill-movimenti populisti u estremisti li jippruvaw jaqsmu s-soċjetajiet tagħna; billi dawn l-attitudnijiet imorru kontra l-valuri komuni Ewropej li l-Istati Membri kollha ħadu l-impenn li josservaw;
Y. billi l-ħidma tal-pulizija u tal-forzi tal-infurzar tal-infurzar tal-liġi għandha l-għan li tiddefendi s-sigurtà tan-nies fl-UE u tipproteġihom kontra l-kriminalità, it-terroriżmu u attivitajiet jew l-azzjonijiet illegali, u li tapplika l-liġi, xi drabi f'ċirkostanzi diffiċli; billi l-uffiċjali tal-pulizija sikwit jissograw ħajjithom f’riskju bil-għan li jipproteġu lil ħaddieħor;
Z. billi r-razziżmu, id-diskriminazzjoni u l-użu eċċessiv u letali tal-forza mill-pulizija jeżisti wkoll fi ħdan l-UE; billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'diversi Stati Membri ġew ikkritikati talli użaw forza eċċessiva; billi meta persuna tiġi kkonfrontata mill-pulizija mill-pulizija jew minn aġenti oħra tal-Istat, ir-rikors għal forza fiżika li ma jkunx sar strettament meħtieġ minħabba l-imġiba proprja tal-persuna jnaqqas id-dinjità umana u fil-prinċipju huwa ksur tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem(12); billi l-użu sproporzjonat tal-forza għandu jiġi kkundannat bil-qawwa;
AA. billi l-FRA rrappurtat li l-persuni suwed u l-persuni ta' kulur fl-UE jesperjenzaw tfassil ta' profili razzjali u diskriminatorji; billi kwart mill-persuni kollha ta' dixxendenza Afrikana mistħarrġa mill-FRA kienu twaqqfu mill-pulizija fil-ħames snin ta' qabel l-istħarriġ u minn dawn, 41 % kkaratterizzaw l-aktar waqfa riċenti bħala tfassil ta' profili razzjali(13);
AB. billi l-maġġoranza (63 %) tal-vittmi ta' attakki razzisti fiżiċi mill-pulizija ma rrappurtawx l-inċident, jew għax ħassew li r-rappurtar mhu se jbiddel xejn (34 %) jew inkella għax ma jafdawx il-pulizija jew jibżgħu minnhom (28%)(14); billi hemm bżonn li jiġu żgurati l-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza mill-pulizija u l-aċċess tal-istess vittmi għall-ġustizzja;
AC. billi r-Rapport Annwali dwar ir-Reati ta' Mibegħda maħruġ mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) sab li l-persuni suwed jew b'ġilda skura sikwit ikunu fil-mira ta' vjolenza razzista, iżda f'ħafna pajjiżi hemm nuqqas ta' assistenza legali u appoġġ finanzjarju għall-vittmi li jkunu qed jirkupraw minn attakki vjolenti;
AD. billi l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jieħdu passi konkreti biex jindirizzaw ir-razziżmu strutturali, id-diskriminazzjoni u s-sottorappreżentanza ta' gruppi tal-gruppi ta' minoranza razzjali u etnika fi ħdan l-istrutturi tagħha;
AE. billi l-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fis-soċjetajiet tagħna jeħtieġ tiġi intensifikata, u hija responsabbiltà kondiviża; billi l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tirrifletti b'mod urġenti u timpenja ruħha li tindirizza r-razziżmu u d-diskriminazzjoni strutturali li jħabbtu wiċċhom magħhom ħafna gruppi ta' minoranza;
1. Jafferma li l-ħajja tas-suwed tgħodd ("Black Lives Matter");
2. Jikkundanna bil-qawwa l-mewt atroċi ta' George Floyd fl-Istati Uniti, kif ukoll każijiet ta' qtil simili f'postijiet oħra fid-dinja; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba u l-ħbieb tiegħu, u lil dawk ta' vittmi oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw dan il-każ u każijiet simili bir-reqqa u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;
3. Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' razziżmu, mibegħda u vjolenza, kif ukoll kwalunkwe attakk fiżiku jew verbali mmirat lejn persuni ta' oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, u nazzjonalità partikolari, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata; ifakkar li m'hemmx lok għar-razziżmu u d-diskriminazzjoni fis-soċjetajiet tagħna; jitlob li l-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill jieħdu pożizzjoni soda u deċiżiva kontra r-razziżmu, il-vjolenza u l-inġustizzja fl-Ewropa;
4. Jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jieħdu passi deċiżivi biex jindirizzaw ir-razziżmu u l-inugwaljanzi strutturali fil-pajjiż, kif rifless fil-brutalità tal-pulizija; jikkundanna t-trażżin ta' dimostranti u ġurnalisti paċifiċi tal-Istati Uniti min-naħa tal-pulizija, u jiddispjaċih profondament dwar it-theddida tal-President tal-Istati Uniti li jiskjera l-Armata tal-Istati Uniti;
5. Jappoġġja l-protesti massivi reċenti fil-bliet kapitali Ewropej u bliet oħra madwar id-dinja kollha kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni wara l-mewt ta' George Floyd; jenfasizza s-sejħa tad-dimostranti biex jieħdu pożizzjoni kontra l-oppressjoni u r-razziżmu strutturali fl-Ewropa; jesprimi solidarjetà, rispett u appoġġ għall-protesti paċifiċi, u jemmen li s-soċjetajiet tagħna jeħtieġ li jwaqqfu r-razziżmu u l-inugwaljanzi strutturali; ifakkar fid-dritt tal-protesta paċifika ta' kull individwu kif minqux fit-trattati internazzjonali; jikkundanna l-inċidenti vjolenti individwali li seħħew;
6. Jikkundanna s-suprematiżmu abjad, fil-forom kollha tiegħu, inkluż l-użu ta' slogans li għandhom l-iskop li jagħmlu ħsara lill-moviment Black Lives Matter jew iċekknu l-merti tiegħu u jnaqqsulu mill-importanza;
7. Jikkundanna l-episodji ta' sakkeġġ, ħruq, vandaliżmu u qerda ta' proprjetà pubblika u privata kkawżati minn xi dimostranti vjolenti; jiddenunzja l-forzi estremisti u antidemokratiċi li b'mod intenzjonat jagħmlu użu ħażin tal-protesti paċifiċi biex jaggravaw il-kunflitti, bil-għan li jxerrdu d-diżordni u l-anarkija;
8. Jistieden lill-mexxejja u liċ-ċittadini kollha jżommu lura minn rigress fil-valuri, u biex isaħħu l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u midja ħielsa u indipendenti; jikkundanna d-dikjarazzjonijiet u l-azzjonijiet mill-mexxejja li jirriskjaw li jimminaw dawn il-valuri u li jkabbru d-diviżjonijiet fi ħdan is-soċjetajiet tagħna; jinnota li dawn il-valuri huma komuni għall-fondazzjoni kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti, u għall-kooperazzjoni trans-Atlantika tagħna; jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni interparlamentari aktar mill-qrib permezz tad-Djalogu Trans-Atlantiku bejn il-Leġiżlaturi, sabiex jiġu skambjati l-opinjonijiet u l-aħjar prattiki matul il-laqgħa tagħhom li jmiss, u jiġu identifikati mezzi legali għall-ġlieda kontra r-razziżmu strutturali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Jappella għal kooperazzjoni multilaterali aktar mill-qrib biex jiġu miġġielda r-razziżmu u d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'kuntatti mill-qrib mal-atturi internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll sħab internazzjonali oħra, sabiex jiġi miġġieled ir-razziżmu fil-livell internazzjonali; jilqa' t-talba ta' 54 pajjiż Afrikan għal dibattitu urġenti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li se jsir fis-17 ta' Ġunju 2020 dwar "il-ksur attwali tad-drittijiet tal-bniedem, ir-razziżmu, il-brutalità tal-pulizija u l-vjolenza kontra protesti paċifiċi li kienu bbażati fuq ir-razza";
10. Jitlob li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri jiddenunzjaw bil-qawwa u pubblikament l-użu sproporzjonat tal-forza u tendenzi razzisti fl-infurzar tal-liġi kull meta dan iseħħ, fl-UE, fl-Istati Uniti u madwar id-dinja;
11. Iqis li l-ġlieda kontra r-razziżmu hija kwistjoni orizzontali u li għandha titqies fl-oqsma kollha tal-politika tal-Unjoni; ifakkar li ċ-ċittadini kollha għandhom ikunu intitolati għall-protezzjoni minn dawn l-inugwaljanzi, kemm bħala individwi kif ukoll bħala grupp, inklużi miżuri pożittivi għall-promozzjoni u t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tagħhom;
12. Ifakkar fl-adozzjoni fis-26 ta' Marzu 2019 tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana, u jitlob b'urġenza lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentawha;
13. Jinsab imħasseb serjament dwar il-każijiet irrappurtati ta' estremiżmu tal-lemin fil-forzi ta' sigurtà li nkixfu f'dawn l-aħħar snin fl-UE(15);
14. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod uffiċjali l-inġustizzji u d-delitti tal-passat kontra l-umanità mwettqa kontra persuni suwed, persuni ta' kulur u r-Rom; jiddikjara l-iskjavitù reat kontra l-umanità u jitlob li t-2 ta' Diċembru jiġi ddikjarat bħala l-Jum Ewropew li jfakkar l-Abolizzjoni tal-Kummerċ tal-Ilsiera; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istorja tal-persuni suwed, il-persuni ta' kulur u r-Rom parti mill-kurrikuli tal-iskola tagħhom;
15. Itenni r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni biex jingħelbu l-preġudizzji u l-istereotipi, biex jiġu promossi t-tolleranza, il-fehim u d-diversità, u jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda ewlenija biex jintemmu d-diskriminazzjoni u r-razziżmu strutturali fis-soċjetajiet tagħna;
16. Jistieden lill-Istati Membri jiddenunzjaw u jżommu lura minn tradizzjonijiet razzisti u Afrofobiċi, bħall-prattika tal-black face;
17. Jistieden lill-mexxejja tal-UE jorganizzaw Summit Ewropew kontra r-Razziżmu dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni strutturali fl-Ewropa fil-futur qrib; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq strateġija komprensiva kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni u qafas tal-UE għal pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu b'komponent iddedikat dwar il-ġlieda kontra dawn il-fenomeni fis-servizzi tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li tieħu approċċ intersezzjonali; iħeġġeġ lill-Kunsill jistabbilixxi konfigurazzjoni dedikata tal-Kunsill għall-ugwaljanza; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu task force interistituzzjonali biex jiġġieldu r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fil-livell tal-UE;
18. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu politiki kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha u biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu li jindirizzaw oqsma bħall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, is-saħħa, l-impjieg, il-pulizija, is-servizzi soċjali, is-sistema tal-ġustizzja u l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet ikkonċernati;
19. Jitlob li l-politiki kollha kontra d-diskriminazzjoni jkollhom approċċ intersezzjonali u tal-ġeneru sabiex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni multipla;
20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-miżuri biex tiżdied id-diversità fi ħdan il-forzi tal-pulizija u biex jiġu stabbiliti oqsfa għad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-komunitajiet;
21. Jappella b'urġenza għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi fl-UE u jitlob, għalhekk, li l-Kunsill jiżblokka immedjatament u jikkonkludi n-negozjati dwar id-Direttiva Orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni li ilha mblukkata minn meta l-Kummissjoni pproponietha fl-2008;
22. Jikkundanna t-tipi kollha ta' inċidenti ta' reati ta' mibegħda u diskorsi ta' mibegħda, kemm offline kif ukoll online, li jseħħu kuljum fl-UE, u jfakkar li d-diskors razzjali u ksenofobiku mhuwiex kopert mil-libertà ta' espressjoni;
23. Jinsisti li l-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw kif xieraq id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, b'mod partikolari billi jinvestigaw il-motiv ta' preġudizzju għal reati bbażati fuq ir-razza, l-oriġini nazzjonali jew etnika, u billi jiżguraw li r-reati razzisti ta' mibegħda jiġu rreġistrati u investigati, isir proċess dwarhom u jingħataw sanzjonijiet għalihom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tirrieżamina u tirrevedi, fejn xieraq, id-Deċiżjoni Qafas u l-implimentazzjoni tagħha, u biex tieħu azzjoni kontra l-Istati Membri li ma jimplimentawhiex b'mod sħiħ;
24. Ifakkar lill-Istati Membri li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi indipendenti għall-ilmenti dwar il-pulizija biex imexxu l-investigazzjonijiet dwar każijiet ta' kondotta ħażina u abbuż mill-pulizija; jissottolinja li l-ħidma ta' pulizija demokratika tirrikjedi li l-pulizija jkunu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom quddiem il-liġi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-pubbliku kollu li jaqdu; jemmen li r-rekwiżit ewlieni għar-responsabbilizzazzjoni hu ż-żamma ta' strumenti ta' sorveljanza effettivi u effiċjenti
25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi favur il-ġbir ta' data ulterjuri diżaggregata skont ir-razza u l-oriġini etnika (kif definit mid-Direttiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza Razzjali) li tkun volontarja u anonima; iqis li, kieku kellha tinġabar data dwar ir-reati ta' diskriminazzjoni u ta' mibegħda etnika, dan għandu jsir bl-iskop uniku li jiġu identifikati l-għeruq tad-diskorsi u l-atti ta' razziżmu u diskriminazzjoni, u biex dawn jiġu miġġielda, f'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali rilevanti u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;
26. Jinnota li l-Kummissjoni se tressaq l-ewwel rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt, b'kamp ta' applikazzjoni limitat; itenni s-sejħiet tal-Parlament Ewropew għal mekkaniżmu komprensiv dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li għandhom jinkludu l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni rigward ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE;
27. Jikkundanna t-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi razzjali u etnika li jintuża mill-pulizija u mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u jqis li l-forzi tal-pulizija u tal-infurzar tal-liġi jrid ikollhom rekord eżemplari fi kwistjonijiet kontra r-razziżmu u kontra d-diskriminazzjoni; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki u miżuri biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u biex itemmu t-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi razzjali jew etnika fil-forom kollha fl-infurzar tal-liġi kriminali, il-miżuri kontra t-terroriżmu u l-kontrolli tal-immigrazzjoni; jenfasizza, b'mod partikolari, li t-teknoloġiji l-ġodda li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jridu jitfasslu u jintużaw b'tali mod li ma joħolqux riskji ta' diskriminazzjoni għal minoranzi razzjali u etniċi; jipproponi azzjoni biex jissaħħaħ it-taħriġ tal-membri tal-forzi tal-pulizija u tal-infurzar tal-liġi dwar strateġiji għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni, u għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tat-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi razzjali u biex jingħata rispons għalihom; jistieden lill-Istati Membri ma jippermettux li każijiet ta' brutalità u abbużi min-naħa tal-pulizija jibqgħu mhux ikkastigati, u biex mod xieraq jinvestigaw u jipproċessaw l-awturi ta' dawn ir-reati u jissanzjonawhom;
28. Jikkundanna l-użu ta' interventi vjolenti u sproporzjonati mill-awtoritajiet tal-Istat; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet rilevanti jiżguraw investigazzjoni trasparenti, imparzjali, indipendenti u effettiva meta jkun hemm suspett jew allegazzjoni li tkun intużat forza sproporzjonata; ifakkar li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jridu dejjem jinżammu responsabbli għat-twettiq ta' dmirijiethom u għall-konformità tagħhom mal-oqfsa legali u operazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi;
29. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-użu tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkun dejjem legali, proporzjonat, neċessarju u għażla estrema, u li jippreserva l-ħajja umana u l-integrità fiżika; jinnota li l-użu eċċessiv tal-forza kontra l-folol jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità;
30. Ifakkar fid-dritt taċ-ċittadini li jirrekordjaw xeni ta' vjolenza tal-pulizija li jistgħu jntużaw bħala evidenza u li l-persuni qatt ma għandhom ikunu mhedda mill-pulizija jew mill-awtorità responsabbli meta jkunu qed jirrekordjaw, u lanqas ma għandhom ikunu obbligati li jeqirdu evidenza jew jiġu mċaħħda mill-proprjetà tagħhom sabiex jiġu impediti milli jagħtu xhieda;
31. Jitlob lill-Kummissjoni toħloq grupp ta' esperti indipendenti bil-kompitu li jiżviluppa Kodiċi tal-UE tal-Etika tal-Pulizija li jipprovdi sett ta' prinċipji u linji gwida għall-objettivi, il-prestazzjoni, is-sorveljanza u l-kontroll tal-pulizija f'soċjetajiet demokratiċi gvernati mill-istati tad-dritt, li jistgħu jgħinu wkoll lill-atturi tal-pulizija fil-ħidma tagħhom ta' kuljum biex jinfurzaw b'mod xieraq il-projbizzjoni tar-razziżmu, id-diskriminazzjoni u t-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi etnika;
32. Jenfasizza li stampa libera hija pilastru fundamentali ta' kwalunkwe demokrazija; jinnota r-rwol importanti tal-ġurnalisti u tal-ġurnalisti fotografi fir-rappurtar ta' każijiet ta' vjolenza sproporzjonata, u jikkundanna l-każijiet kollha li fihom ġew attakkati deliberatament;
33. Jistieden lill-aġenziji rilevanti tal-UE, inklużi l-FRA, l-Aġenzija Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (EUROPOL), fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom, biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni;
34. Jitlob għall-impenn ta’ finanzjament serju fil-QFP li jmiss għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fl-UE kollha; jiddeplora l-fatt li l-ammont propost għall-intestatura "Ġustizzja, Drittijiet u Valuri" ġie imnaqqas b'mod sinifikanti fil-proposti tal-qafas finanzjarju pluriennali rivedut tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni twieġeb b'mod effikaċi għat-tħassib dwar il-fatt li f'xi Stati Membri, l-ispazju għas-soċjetà ċivili indipendenti kulma jmur qiegħed jiċkien; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat finanzjament adegwat biex jiġu appoġġjati l-attivitajiet ta' atturi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjonijiet;
35. Jenfasizza li l-entitajiet li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet diskriminatorji kontra komunitajiet razzjalizzati, jew jieħdu deċiżjonijiet jew jimplimentaw miżuri għal dan il-għan, m'għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament permezz tal-baġit tal-Unjoni;
36. Jikkundanna l-fatt li l-forzi politiċi estremisti u ksenofobiċi madwar id-dinja qegħdin jirrikorru dejjem aktar għad-distorsjoni tal-fatti storiċi, statistiċi u xjentifiċi u jagħmlu użu minn simboliżmu u retorika li jfakkru aspetti ta' propaganda totalitarja, inklużi r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u l-mibegħda lejn il-minoranzi;
37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-amministrazzjoni tiegħu, u lill-Kungress tal-Istati Uniti.
FRA, "Second European Union Minorities and Discrimination Survey: Being black in the EU", https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/c046fe4f-388-11e8-9982-01aa75ed71a1/language-en
FRA, "Second European Union Minorities and Discrimination Survey: Being black in the EU", https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/c046fe4f-f388-11e8-9982-01aa75ed71a1/language-en