Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2665(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0169/2020

Dibattiti :

PV 18/06/2020 - 3
CRE 18/06/2020 - 3

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0174

Testi adottati
PDF 156kWORD 51k
Il-Ġimgħa, 19 ta' Ġunju 2020 - Brussell Verżjoni finali
Il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong
P9_TA(2020)0174RC-B9-0169/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong (2020/2665(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong(1), ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina(2), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong(3) u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu relatati ma' Hong Kong, partikolarment ir-rakkomandazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, partikolarment dawk tat-12 ta' Settembru 2018(5) u tas-16 ta' Diċembru 2015(6) dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż dwar il-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong, fit-28 ta' Mejju 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-22 u tad-29 ta' Mejju 2020 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar Hong Kong;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit UE-Ċina tad-9 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, adottata fl-4 ta' April 1990 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar l-elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina (JOIN(2016)0030), il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tat-12 ta' Marzu 2019 intitolata "UE-Ċina – Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar strateġija tal-UE dwar iċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra r-rapporti konġunti tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tat-8 ta' Mejju 2019 (JOIN(2019)008), tas-26 ta' April 2017 (JOIN(2016)0016) u tal-25 ta' April 2016 (JOIN(2016)0010) dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong – Rapport Annwali, kif ukoll l-20 rapport preċedenti simili l-oħra,

–  wara li kkunsidra t-13-il Djalogu Strutturat li sar Hong Kong fit-28 ta' Novembru 2019 u s-37 Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Ċina li sar Brussell fl-1 u fit-2 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika,

–  wara li kkunsidra l-politika ta' "Ċina Waħda" tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 u l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tal-1990, jistabbilixxu li Hong Kong se jżomm l-awtonomija u l-indipendenza tal-poter eżekuttiv, leġiżlattiv u ġudizzjarju kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà tal-kelma, ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u tal-istampa għal 50 sena wara t-trasferiment tas-sovranità; billi l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-awtonomija tiegħu fiż-żamma tas-sigurtà u l-ordni u fil-promulgazzjoni awtonoma ta' liġijiet fil-materja ta' tradiment, seċessjoni, sedizzjoni jew sovverżjoni kontra l-Gvern Ċentrali tal-Poplu; billi kemm id-Dikjarazzjoni Konġunta kif ukoll il-Liġi Bażika jistabbilixxu l-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" kif miftiehem bejn iċ-Ċina u r-Renju Unit; billi r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ffirmat u rratifikat ukoll ftehimiet internazzjonali li jiggarantixxu dawn id-drittijiet, u b'dan il-mod irrikonoxxiet l-importanza u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem; billi Hong Kong huwa parti mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

B.  billi l-UE ssostni l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt bħala valuri fundamentali li jiggwidaw ir-relazzjoni twila tagħna mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, f'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha; billi l-UE għadha ssostni bil-qawwa ż-żamma tal-istabbiltà u tal-prosperità ta' Hong Kong fl-ambitu tal-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" u tagħti importanza kbira liż-żamma tal-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong, f'konformità mal-Liġi Bażika u mal-impenji internazzjonali, kif ukoll lir-rispett ta' dan il-prinċipju; billi l-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" qiegħed jitgħawwar minħabba l-indħil tal-awtoritajiet Ċiniżi, b'mod partikolari minn mindu bdew id-dimostrazzjonijiet tal-moviment "Occupy", il-mexxejja politiċi ġew impriġunati, il-libertà tal-kelma tnaqqret, l-għajbien furzat żdied u l-ħwienet tal-kotba u l-mezzi ta' informazzjoni nxtraw minn sidien favur Beijing;

C.  billi fit-28 ta' Mejju 2020 l-Assemblea Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż (NPC) adottat riżoluzzjoni li tawtorizza lill-Kumitat Permanenti tal-NPC jadotta liġijiet kontra s-separatiżmu, is-sovverżjoni tal-poter tal-Istat, it-terroriżmu u l-indħil barrani f'Hong Kong u li ssemmi wkoll miżuri oħra li għandhom jiġu adottati, fosthom l-edukazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali, l-istabbiliment ta' organi ta' sigurtà nazzjonali tal-Gvern Ċentrali tal-Poplu (CPG) f'Hong Kong u r-rappurtar regolari min-naħa tal-Kap tal-Eżekuttiv lis-CPG dwar ir-riżultati miksuba minn Hong Kong fir-rigward tad-dmir tiegħu li jiggarantixxi s-sigurtà nazzjonali;

D.  billi l-komunità internazzjonali tqis lil din id-deċiżjoni bħala theddida għall-prinċipju "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" u temmen li ma tagħtix kas id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Bażika u d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, tmur kontra l-impenji ta' Hong Kong f'dawk li huma drittijiet tal-bniedem, tinjora totalment il-proċess leġiżlattiv ta' Hong Kong u tikkostitwixxi t-tentattiv l-aktar reċenti u l-aktar sfaċċat fost it-tentattivi kontinwi li Beijing ilha snin sħaħ tagħmel biex tillimita l-libertà u l-awtonomija ta' Hong Kong u l-libertajiet ċivili taċ-ċittadini tiegħu;

E.  billi f'dawn l-aħħar snin, il-popolazzjoni ta' Hong Kong niżlet fit-toroq b'parteċipazzjoni bla preċedent, biex teżerċita d-dritt fundamentali ta' għaqda u ta' protesta tagħha; billi minflok naqqset it-tensjonijiet attwali fil-politika u fis-soċjetà ta' Hong Kong, din il-liġi kompliet tintensifika l-inkwiet eżistenti; billi fi Frar 2019 il-gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong ippreżenta l-Abbozz ta' Liġi 2019 dwar il-Kriminali Maħruba u l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materja Kriminali, maħsub biex jemenda l-Ordinanza dwar il-Kriminali Maħruba, li ntlaqa' minn oppożizzjoni enormi taċ-ċittadini ta' Hong Kong, u qajjem protesti tal-massa f'Hong Kong fl-2019 u fl-2020, iżda wara ġie rtirat wara 20 ġimgħa protesti;

F.  billi f'April u f'Mejju 2020 Beijing irduppjat l-isforzi tagħha biex timponi d-dominju tagħha fuq Hong Kong filwaqt li sikktet, arrestat u tellgħet il-qorti mijiet ta' attivisti favur id-demokrazija u l-gruppi tal-oppożizzjoni; billi l-pulizija ta' Hong Kong gawdiet mill-impunità għall-brutalità kollha tagħha kontra d-dimostranti fl-2019 u fl-2020; billi fis-27 ta' Mejju 2020 aktar minn 360 fost l-attivisti ta' Hong Kong favur id-demokrazija ġew arrestati matul dimostrazzjonijiet kontra l-liġi Ċiniża kontra s-sedizzjoni; billi l-pulizija ta' Hong Kong użat il-miżuri ta' tbegħid soċjali relatati mal-COVID-19 bħala pretest biex tirrikorri għall-użu ta' forza eċċessiva u bla bżonn fil-konfront tal-maġġoranza wiesgħa paċifika tad-dimostranti, inkluż l-użu tal-gass tad-dmugħ, balal tal-gomma, munizzjon beanbag u pepper spray;

G.  billi fl-20 ta' April 2020 il-Membri tal-Parlament Ewropew ħeġġew lill-Kap tal-Eżekuttiv biex jiżgura li jitwaqqgħu l-akkużi kontra 15-il attivist favur id-demokrazija li fl-2019 ipparteċipaw fi protesti paċifiċi f'Hong Kong; billi fit-13 ta' Mejju 2020 l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ħeġġew lill-awtoritajiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong biex jarkivjaw immedjatament il-proċediment kriminali fil-konfront tal-15-il attivist favur id-demokrazija;

H.  billi skont il-proposta għal pjan dwar is-sigurtà nazzjonali, il-gruppi ta' attivisti jistgħu jiġu pprojbiti u mtellgħa l-qorti, il-Qrati jistgħu jimponu pieni twal ta' priġunerija għal ksur tas-sigurtà nazzjonali, l-aġenziji ta' sigurtà Ċiniżi jistgħu joperaw fil-beraħ fil-belt u regoli ġodda kontra t-terroriżmu se jagħtu lill-awtoritajiet Ċiniżi u lill-forzi militari u tas-sigurtà Ċiniżi setgħat diskrezzjonali wiesgħa u bla kontroll biex joperaw f'Hong Kong; billi, skont rapporti, l-aġenziji tal-infurzar taċ-Ċina kontinentali diġà joperaw f'Hong Kong illegalment; billi kwalunkwe operazzjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f'Hong Kong tikkostitwixxi ksur gravi tal-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi";

I.  billi Carrie Lam, il-Kap tal-Eżekuttiv ta' Hong Kong, iddefendiet il-leġiżlazzjoni proposta minn Beijing, u ammettiet li f'Hong Kong mhi se ssir l-ebda konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan ta' sigurtà, barra mill-fatt li affermat li d-drittijiet u l-libertajiet mhumiex assoluti; billi l-Kap tal-Eżekuttiv għamlet appell liċ-ċittadini ta' Hong Kong b'ittra ppubblikata fil-gazzetti fid-29 ta' Mejju 2020, li fiha stidnitihom jifhmu bis-sħiħ u jsostnu bil-qawwa d-deċiżjoni adottata mill-NPC;

J.  billi fl-10 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ppubblika white paper dwar il-prattika tal-politika ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" f'Hong Kong , li fiha enfasizza li l-awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong hija fl-aħħar mill-aħħar soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Gvern Ċentrali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; billi l-Gvern Ċiniż ħeġġeġ lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong jadotta politika ġdida ta' tolleranza żero fir-rigward ta' kwalunkwe referenza għall-"awtodeterminazzjoni" jew għall-"indipendenza", għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali u bi ksur tal-Liġi Bażika;

K.  billi l-ġudikatura taċ-Ċina kontinentali mhijiex indipendenti mill-gvern u mill-Partit Komunista Ċiniż u hija kkaratterizzata minn detenzjonijiet arbitrarji, tortura u tipi oħra ta' maltrattament, ksur gravi tad-dritt għal proċess ġust, għajbien furzat u diversi sistemi ta' detenzjoni f'iżolament mid-dinja ta' barra u mingħajr proċess;

L.  billi koalizzjoni internazzjonali transpartitika mmexxija mill-ex Gvernatur ta' Hong Kong, Lord Patten, u li sal-lum ingħaqdu magħha 900 parlamentari u deċiżur politiku minn 40 pajjiż, ħarġet stqarrija li tikkundanna l-introduzzjoni unilaterali min-naħa ta' Beijing tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong, u stiednet lill-gvernijiet simpatizzanti jingħaqdu kontra dan il-ksur sfaċċat tad-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika;

M.  billi l-kamp tal-pan-demokrazija rebaħ rebħa kbira fl-elezzjonijiet distrettwali ta' Hong Kong tal-24 ta' Novembru 2019; billi f'Settembru 2020 hemm previst li jsiru l-elezzjonijiet għall-Kunsill Leġiżlattiv ta' Hong Kong;

N.  billi Dominic Raab, is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, fit-2 ta' Ġunju 2020 iddikjara fil-House of Commons li jekk iċ-Ċina tipproċedi bil-leġiżlazzjoni proposta tagħha, il-gvern se jdaħħal fis-seħħ arranġamenti ġodda biex id-detenturi tal-passaporti ta' Ċittadini Brittaniċi extra-Ewropej f'Hong Kong jitħallew jidħlu fir-Renju Unit mingħajr il-limitu attwali ta' sitt xhur, u b'hekk ikunu jistgħu jgħixu u japplikaw biex jistudjaw u jaħdmu għal perjodi ta' 12-il xahar li jistgħu jiġu prorogati, u b'hekk tiġi offruta wkoll triq lejn iċ-ċittadinanza;

O.  billi skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), "L-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja";

1.  Jiddeplora l-introduzzjoni unilaterali tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong min-naħa ta' Beijing, peress li din hija attakk komprensiv fuq l-awtonomija, l-istat tad-dritt, u l-libertajiet fundamentali tal-belt; jisħaq fuq il-fatt li l-integrità tal-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" tinsab mhedda serjament; jisħaq fuq il-fatt li l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni ppjanata dwar is-sigurtà nazzjonali tkun titqies bħala ksur tal-impenji u tal-obbligi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, u tirriskja li tikkompremtti serjament ir-relazzjoni ta' fiduċja bejn iċ-Ċina u l-UE, u jaffettwa l-kooperazzjoni futura ta' bejniethom, kif ukoll il-fiduċja tan-negozju f'Hong Kong bħala ċentru finanzjarju globali importanti;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-indħil kostanti u dejjem jikber taċ-Ċina fl-affarijiet interni ta' Hong Kong, kif ukoll l-affermazzjoni reċenti taċ-Ċina skont liema d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 hija dokument storiku u, għaldaqstant, m'għadhiex valida; jisħaq fuq il-fatt li l-Gvern Ċiniż huwa marbut li jirrispetta l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong u d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu, permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta rreġistrata man-NU bħala trattat ġuridikament vinkolanti; jesprimi tħassib kbir għall-fatt li ksur permanenti tal-qafas tal-gvern awtonomu ta' Hong Kong se jħalli impatt serju fuq l-ekonomija tiegħu; jistieden lill-Gvern Ċentrali tal-PRC ma jkomplix jagħmel pressjoni fuq il-komunità tan-negozju biex jappoġġaw il-leġiżlazzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali, u jastjeni milli jikkwalifika l-appoġġ internazzjonali favur l-awtonomija ta' Hong Kong u l-libertajiet ta' Hong Kong bħala "ndħil f'affarijiet interni" u bħala atti ta' sovverżjoni u separazzjoni, peress li t-tħassib espress jirrigwarda obbligi internazzjonali vinkolanti tal-PRC;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw l-obbligi internazzjonali taċ-Ċina skont id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika; jisħaq fuq il-fatt li ċ-Ċina għandha tirrispetta bis-sħiħ il-Liġi Bażika u l-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi", inkluż billi finalment timplimenta s-suffraġju universali; jenfasizza li ċ-Ċina m'għandhiex iddgħajjef il-livell għoli ta' awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong;

4.  Jappoġġa l-valutazzjoni tal-VP/RGħ dwar il-ħtieġa ta' strateġija ġdida u aktar b'saħħitha fil-konfront ta' Ċina aktar assertiva, kif ukoll ta' djalogu miftuħ u onest; iħeġġeġ lill-Kunsill u lis-SEAE jadottaw pożizzjoni aktar soda bħala sostenn għaż-żamma tal-awtonomija ġuridika ta' Hong Kong; jisħaq fuq il-fatt li dan huwa fundamentali biex is-sostenituri tad-demokrazija f'Hong Kong u l-komunità internazzjonali ġenerali jkunu jafu li l-UE se tibqa' tiddefendi l-valuri fundaturi tagħha ta' libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

5.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jiżguraw li l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet tal-UE mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jiġu ggwidati mill-prinċipji u l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, u jindirizzaw il-kwistjoni tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong bi prijorità assoluta fuq l-aġenda tas-summit bejn l-UE u ċ-Ċina li jmiss u waqt il-laqgħa tal-Mexxejja bejn l-UE u ċ-Ċina, kif ukoll kwistjonijiet oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħas-sitwazzjoni tal-Ujguri;

6.  Jenfasizza li l-UE hija l-akbar suq tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina; jemmen li l-UE għandha tuża l-influwenza ekonomika tagħha biex tikkuntesta r-repressjoni tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa taċ-Ċina b'mezzi ekonomiċi; jissottolinja li s-sitwazzjoni attwali ssaħħaħ il-konvinzjoni tal-Parlament li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jrid ikun element importanti tan-negozjati dwar ftehim ta' investiment bejn l-UE u ċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, flimkien man-negozjati li għaddejjin għal ftehim bilaterali ta' investiment, biex teżerċita pressjoni fuq l-awtoritajiet Ċiniżi biex iżommu kemm il-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi taċ-ċittadini tagħha u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u biex titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi-ċ-Ċina kontinentali u f'Hong Kong; itenni t-talba tiegħu biex fil-ftehim jiddaħħal kapitlu vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehim; iħeġġeġ lill-UE, skont l-Artikolu 21 tat-TUE, tinkludi klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem fi kwalunkwe ftehim kummerċjali futur mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tinforma lill-parti Ċiniża li, meta l-Parlament jintalab japprova ftehim komprensiv dwar l-investiment jew ftehimiet kummerċjali futuri mal-PRC, huwa se jqis is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, inkluż f'Hong Kong;

7.  Jisħaq fuq il-fatt li l-komunità internazzjonali trid taħdem mill-qrib biex teżerċita pressjoni fuq Beijing biex tiżgura li l-azzjonijiet ta' Beijing ikunu konformi mal-impenji internazzjonali taċ-Ċina skont id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984;

8.  Josserva li l-politika tal-PRC li tabbanduna l-approċċ ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" aljenat ħafna lill-popolazzjoni tat-Tajwan u tenfasizza r-rieda tiegħu li jikkoopera mas-sħab internazzjonali sabiex jgħinu fit-tisħiħ tad-demokrazija fit-Tajwan;

9.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkunsidraw, fl-eventwalità li tiġi applikata din il-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà, jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja billi jallegaw li d-deċiżjoni taċ-Ċina li timponi fuq Hong Kong leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali tikser id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika u l-ICCPR;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkonvokaw "laqgħa Arria" biex jiddiskutu s-sitwazzjoni f'Hong Kong mal-attivisti, ir-rappreżentanti tal-NGOs u r-Rapporteurs Speċjali tan-NU; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-UE tinsisti biex is-Segretarju Ġenerali tan-NU jew il-Kummissarju Għoli tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jaħtru Mibgħut Speċjali tan-NU jew Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong, biex tingħaqad mal-inizjattiva tal-Presidenti tal-Kumitati Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, tal-Kanada, tal-Awstralja u ta' New Zealand;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jaħdmu flimkien mal-komunità internazzjonali biex jiġi stabbilit grupp ta' kuntatt internazzjonali dwar Hong Kong, u biex jikkoordinaw l-azzjoni flimkien mas-sħab internazzjonali, b'mod partikolari mar-Renju Unit;

12.  Jistieden lill-Kunsill u, b'mod partikolari, lill-Presidenza tal-Kunsill li jmiss, biex fl-2020 jiffinalizzaw il-ħidma fuq Mekkaniżmu ta' Sanzjonijiet Globali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif appoġġat mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019(7), u jistieden lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet immirati u l-iffriżar ta' assi kontra l-uffiċjali Ċiniżi responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jemmen li dan il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem jista' jintuża biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-mudell tal-Liġi Magnitsky fil-konfront tal-mexxejja responsabbli minn din ir-repressjoni kontra Hong Kong u l-popolazzjoni tiegħu, kif ukoll ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li sanzjonijiet simili għandhom jiġu diskussi u, meta possibbli, ikkoordinati mas-sħab demokratiċi bħall-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel;

13.  Jitlob li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali jaħdmu favur l-impożizzjoni ta' mekkaniżmi xierqa ta' kontroll fuq l-esportazzjonijiet, inklużi apparat ta' ċibersorveljanza, sabiex iċaħħdu liċ-Ċina, u b'mod partikolari lil Hong Kong, mill-aċċess għal teknoloġiji li jintużaw biex jiksru d-drittijiet bażiċi; jappella lill-koleġiżlaturi, f'dan ir-rigward, jikkonkludu pożizzjoni komuni dwar ir-riforma tar-Regolament dwar il-Prodotti b'Użu Doppju; jenfasizza li l-Parlament kompla jiżviluppa u jsaħħaħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta' kontrolli stretti tal-esportazzjonijiet għal teknoloġija ta' sorveljanza ċibernetika, inklużi fil-listi rilevanti u mhux inklużi;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw b'attenzjoni kif jevitaw id-dipendenza ekonomika, u b'mod partikolari dik teknoloġika, mill-PRC, inkluż fid-deċiżjonijiet tal-Istati Membri tal-UE dwar l-iżvilupp tan-networks 5G tagħhom;

15.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkunsidraw il-ħolqien ta' skema ta' salvataġġ ("life-boat" scheme) għaċ-ċittadini ta' Hong Kong fil-każ ta' xi deterjorament ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

16.  Jikkundanna bil-kbir il-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong, b'mod partikolari l-arresti arbitrarji, il-konsenji, il-konfessjonijiet furzati, id-detenzjoni sigrieta u l-ksur tal-libertajiet ta' pubblikazzjoni u ta' espressjoni; jitlob it-tmiem immedjat tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-intimidazzjonijiet politiċi; jesprimi tħassib serju dwar ir-rapporti ta' prattiki ta' detenzjoni sigrieta, ta' tortura u maltrattament u ta' konfessjonijiet furzati; jistieden lill-Istati Membri tal-UE japplikaw bis-sħiħ il-linji gwida rilevanti tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, jimmobilizzaw il-persunal diplomatiku kollu tagħhom biex jirreaġixxu b'mod riżolut għall-arresti u l-kundanni ta' attivisti, inkluż billi jiżguraw li l-proċessi jiġu osservati, jitolbu żjarat fil-ħabs u jgħinu lill-awtoritajiet rilevanti biex iħeġġu l-ħelsien ta' dawk miżmuma u kkundannati talli eżerċitaw b'mod paċifiku l-libertà ta' espressjoni tagħhom;

17.  Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti, imparzjali, effikaċi u f'waqtha dwar l-użu tal-forza min-naħa tal-pulizija ta' Hong Kong kontra d-dimostranti; jistieden lill-awtoritajiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong jiżguraw li jitwaqqgħu l-akkużi kontra l-15-il attivist u l-politiċi favur id-demokrazija, kif ukoll dawk kontra d-dimostranti paċifiċi, u li l-prosekuzzjoni tiġi arkivjata, b'mod partikolari, Martin Lee, Margaret Ng, Lee Cheuk-yan, Benny Tai, Jimmy Lai, Albert Ho u Leung Kwok-hung;

18.  Jesprimi tħassib kbir għad-deterjorament kostanti tad-drittijiet ċivili, tad-drittijiet politiċi u tal-libertà tal-istampa; huwa mħasseb bil-kbir bl-abrogazzjoni tad-drittijiet tal-ġurnalisti, bil-pressjoni bla preċedent fuq il-ġurnalisti u l-awtoċensura dejjem akbar fil-konfront tagħhom, b'mod partikolari rigward ir-rapportar ta' kwistjonijiet sensittivi fiċ-Ċina kontinentali jew ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong;

19.  Jesprimi tħassib dejjem akbar dwar ir-riskju għoli tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali għal għexieren ta' eluf ta' ċittadini tal-UE f'Hong Kong;

20.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib u jirrappurtaw b'mod regolari dwar it-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Leġiżlattiv (LegCo) li attwalment huma previsti għal Settembru, u jieħdu nota partikolari dwar jekk il-kandidati humiex ipprojbiti b'mod inġust milli joħorġu għall-elezzjonijiet permezz ta' ostakli proċedurali jew ta' proċedimenti legali bla bażi, u jieħdu nota wkoll dwar jekk kulħadd jistax jeżerċita d-dritt li jingħaqad flimkien għal skopijiet ta' kampanja elettorali, u jekk il-votanti jistgħux jitfgħu l-voti tagħhom liberament; jistieden lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong jiżgura li jsiru elezzjonijiet liberi u ġusti tal-Kunsill Leġiżlattiv f'Settembru 2020; iħeġġeġ liċ-Ċina tastjeni milli tindaħal fil-proċessi elettorali fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong; itenni l-appell tiegħu għal riforma sistematika biex jiġu implimentati elezzjonijiet diretti għall-kariga ta' Kap tal-Eżekuttiv u għall-Kunsill Leġiżlattiv, kif minqux fil-Liġi Bażika, u jitlob li jintlaħaq ftehim dwar sistema elettorali li tkun kumplessivament demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti, u li tagħti liċ-ċittadini tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong id-dritt li jeleġġu kandidati u li joħorġu għall-elezzjoni fil-proċess tal-għażla għall-karigi ta' tmexxija kollha;

21.  Jappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tal-bejjiegħ tal-kotba Żvediż, Gui Minhai, inkarċerat fil-PRC;

22.  Jitlob li l-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jqajmu b'mod persistenti dawn il-punti ta' tħassib kollha u jiżguraw djalogu mal-gvernijiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u taċ-Ċina; ifakkar fl-importanza biex f'kull djalogu politiku u fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, l-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari il-każ tal-minoranzi fit-Tibet u fix-Xinjiang, f'konformità mal-impenn tal-UE li titkellem b'vuċi waħda, ċara u b'saħħitha fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż; ifakkar, barra minn hekk, li fil-proċess ta' riforma li għaddejja minnu u fl-involviment dinji dejjem akbar tagħha, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jappella li jitkompla d-djalogu maċ-Ċina sabiex jiġi żgurat li hija tonora dawn l-impenji;

23.  Juri rispett lejn il-poplu kuraġġuż taċ-Ċina li f'Ġunju 1989, inġabar fil-Pjazza Tiananmen f'Beijing, biex jitlob it-tmiem tal-korruzzjoni, riformi politiċi u libertajiet ċivili; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu li l-massakru ta' Tiananmen jiġi mfakkar, mhux biss f'Hong Kong, iżda ukoll fit-territorju kollu tal-PRC;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-Kap tal-Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

(1) Testi adottati, P9_TA(2019)0004.
(2) ĠU C 244, 27.6.2018, p. 78.
(3) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 46.
(4) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 156.
(5) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 103.
(6) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 92.
(7) Testi adottati, P8_TA(2019)0215.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza