Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f'dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0201 – C9-0136/2020 – 2020/0084(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2020)0201),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0136/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0123/2020),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
3. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Emenda 1 Proposta għal regolament Premessa 4a (ġdida)
(4a) Minkejja li t-tifqigħa tal-COVID-19 toħloq diffikultajiet ġenwini għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, jenħtieġ li din ma tintużax bħala skuża għal dewmien ulterjuri fl-implimentazzjoni ta' regoli maqbula komunement. Qabel it-tifqigħa, ċerti Stati Membri kienu indikaw li kien se jkollhom dewmien fl-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida. Lil hinn mid-diffikultajiet immedjati marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19, jenħtieġ li l-gvernijiet jagħmlu kull sforz possibbli biex jimplimentaw is-sistema l-ġdida. Jenħtieġ li l-Istati Membri li qed jiffaċċaw kwistjonijiet li jistgħu jikkawżaw dewmien fl-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli jużaw l-assistenza teknika pprovduta mill-Kummissjoni biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta u sħiħa tal-pakkett tal-kummerċ elettroniku. L-għanijiet tal-pakkett tal-kummerċ elettroniku li tiġi ffaċilitata l-kompetittività globali tal-SMEs Ewropej, li tittaffa l-pressjoni amministrattiva fuq il-bejjiegħa tal-Unjoni u li jiġi żgurat li l-pjattaformi online jikkontribwixxu għal sistema ta' ġbir tal-VAT aktar ġusta filwaqt li tiġi miġġielda l-frodi tat-taxxa huma aspetti ewlenin ta' kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha, li huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-irkupru ta' wara l-COVID-19.
Emenda 2 Proposta għal regolament Premessa 5
(5) Meta wieħed iqis l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri biex jiġġieldu l-kriżi tal-COVID-19, u jqis li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jaġġornaw is-sistemi tal-IT tagħhom biex ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) 2017/2454, biex b'hekk jiżguraw il-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pagamenti skont l-iskemi modifikati, jeħtieġ li d-dati tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġu posposti b'sitt xhur. Posponiment ta' sitt xhur huwa xieraq għaliex jenħtieġ li d-dewmien jinżamm qasir kemm jista' jkun biex jitnaqqas kemm jista' jkun aktar telf mill-baġits tal-Istati Membri.
(5) Meta wieħed iqis l-isfidi l-ġodda ffaċċjati mill-Istati Membri b'riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jaġġornaw is-sistemi tal-IT tagħhom sabiex ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) 2017/2454, biex b'hekk jiżguraw il-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pagamenti skont l-iskemi modifikati, jaf ikun meħtieġ li d-dati tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġu posposti bi tliet xhur. Il-posponiment mhuwiex mixtieq, peress li jwassal għal telf ta' dħul u żieda fid-diskrepanza tal-VAT, filwaqt li jestendi l-kompetizzjoni inġusta bejn il-bejjiegħa mhux tal-UE u dawk tal-Unjoni. Madankollu, posponiment ta' tliet xhur jaf ikun xieraq peress li jallinja mal-perjodu ta' lockdown fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Jekk ikun hemm posponiment saħansitra itwal, dan jestendi r-riskju ta' frodi tal-VAT fi żmien meta l-finanzi pubbliċi jenħtieġ li jiġu riforniti sabiex tiġi miġġielda l-pandemija u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħha. Dewmien itwal ta' sitt xhur jista' jwassal għal telf ta' dħul ta' bejn EUR 2,5 biljun u EUR 3,5 biljun għall-Istati Membri. Fid-dawl tal-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, huwa tal-akbar importanza li jiġi evitat telf ulterjuri ta' dħul.
Emenda 3 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt a Regolament (UE) 2017/2454 Artikolu 1 – punt 7 – punt a – intestatura – taqsima 2
Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta' Jannar 2015 sat-30 ta' Ġunju 2021
Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Marzu 2021
Emenda 4 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b – punt i Regolament (UE) 2017/2454 Artikolu 1 – punt 7 – punt b – intestatura – taqsima 3
Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta' Lulju 2021
Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta' April 2021