Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2680(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0204/2020

Testi mressqa :

B9-0204/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2020 - 18

Testi adottati :

P9_TA(2020)0183

Testi adottati
PDF 134kWORD 46k
L-Erbgħa, 8 ta' Lulju 2020 - Brussell
Drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19
P9_TA(2020)0183B9-0204/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2020 dwar id-drittijiet tal-persuni u l-familji tagħhom b'diżabilità intellettwali fil-kriżi tal-COVID-19 (2020/2680(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 2, 9, 10, 19, 165, 166, 168 u 216(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (CFR), b'mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 14, 20, 21, 26 u 35 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà (CRPD), b'mod partikolari l-Artikoli 4(3), 11, 24, 25 u 28 tagħha, b'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà(1),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-prinċipju 17 tiegħu dwar l-inklużjoni ta' persuni b'diżabbiltà, il-prinċipju 3 tiegħu dwar opportunitajiet indaqs u l-prinċipju 10 tiegħu dwar ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sigur u adattat u protezzjoni ta' data personali,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, li l-UE hi impenjata li timplimenta,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva l-petizzjoni Nru 0470/2020 li tqajjem tħassib dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19 u li titlob lill-UE biex tiżgura li l-miżuri li jittieħdu matul il-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha jkunu kompatibbli kemm mas-CRPD kif ukoll mas-CFR;

B.  billi l-Artikolu 11 tas-CRPD, bħala l-ewwel trattat internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem irratifikat mill-UE u mit-28 Stat Membru tagħha, jistabbilixxi li l-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni jeħtiġilhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw il-protezzjoni u s-sikurezza tal-persuni b'diżabilità f'sitwazzjonijiet ta' riskju u ta' emerġenzi umanitarji;

C.  billi l-miżuri meħuda mill-gvernijiet f'ċirkostanzi eċċezzjonali bħal kriżijiet kbar tas-saħħa, emerġenzi umanitarji u diżastri naturali, għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ta' kull individwu u ma jistgħux jiddiskriminaw kontra ċerti gruppi bħal persuni b'diżabilità;

D.  billi l-persuni b'diżabilità intellettwali għandhom probabilità ogħla li jbatu mill-COVID-19 minħabba l-ostakli għall-aċċess għall-informazzjoni preventiva u l-iġjene, id-dipendenza fuq il-kuntatt fiżiku ma' persuni ta' appoġġ, li ħafna drabi jgħixu f'istituzzjonijiet u b'servizzi bbażati fil-komunità, u kundizzjonijiet oħra tas-saħħa marbuta ma' xi diżabilitajiet;

E.  billi l-persuni b'diżabilità intellettwali huma speċjalment affettwati minn miżuri stretti ta' konfinament;

F.  billi l-kriżi tal-COVID-19 u l-miżuri ta' lockdown jiżvelaw is-segregazzjoni soċjali persistenti u kontinwa u d-diskriminazzjoni kontra persuni b'diżabilità intellettwali;

G.  billi d-disponibilità ta' data diżaggregata biex jiġi ddeterminat l-impatt tal-effetti tal-pandemija fuq il-persuni b'diżabilità intellettwali hija limitata;

H.  billi ġie rrappurtat li, f'xi Stati Membri, persuni b'diżabilità intellettwali ġew miċħuda trattament mediku, kienu mġiegħla jagħmlu lockdown f'istituzzjonijiet u għaddejjin minn iżolament soċjali mingħajr ebda possibilità li jirċievu żjarat minn membri tal-familja jew li jirritornaw lura għand qrabathom, u li ġew introdotti linji gwida ta' triage diskriminatorji;

I.  billi l-istrutturi għal persuni b'diżabilità intellettwali, bħal ċentri tal-kura ta' matul il-jum jew skejjel, ingħalqu temporanjament, u dawn irriżultaw f'emerġenzi li jirrikjedu li l-familji stess jieħdu ħsieb il-qraba tagħhom b'diżabilità intellettwali;

J.  billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet li l-kunċett ta' edukazzjoni inklużiva għadu mhuwiex realtà; billi f'ħafna Stati Membri l-istudenti b'diżabilità intellettwali ma setgħux ikomplu bl-apprendiment tagħhom matul il-lockdown; billi l-familji m'għandhomx appoġġ għall-edukazzjoni tal-istudenti b'diżabilità intellettwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċessibilità tat-teknoloġiji diġitali u innovattivi u l-applikazzjonijiet għall-apprendiment mill-bogħod;

K.  billi t-teknoloġija jista' jkollha rwol kruċjali fl-għoti ta' appoġġ ta' kwalità għolja lil persuni b'diżabilità, il-ġenituri tagħhom, it-tuturi u dawk li jieħdu ħsiebhom;

L.  billi ġie rrappurtat nuqqas konsiderevoli ta' tagħmir protettiv għal persuni b'diżabilità, speċjalment għal dawk li jgħixu f'istituzzjonijiet, dawk li jieħdu ħsiebhom u l-persunal tal-istess istituzzjonijiet;

M.  billi l-Artikolu 4(3) tas-CRPD jirrikjedi li l-Istati Partijiet jikkonsultaw mill-qrib u jinvolvu b'mod attiv lill-persuni b'diżabilità, inklużi t-tfal b'diżabilità, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, fil-proċessi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwawhom;

N.  billi, fir-rispons tagħhom għall-pandemija tal-COVID-19, l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw u jinvolvu b'mod attiv lill-organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabilità, u jekk dan ma jsirx, jaf iwassal għall-adozzjoni ta' miżuri li jiksru d-drittijiet fundamentali tagħhom;

O.  billi l-Ombudsman Ewropew nediet inizjattiva, indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea, biex tiġbor informazzjoni dwar kif il-kriżi tal-COVID-19 affettwat lill-membri tal-persunal tagħha b'diżabilità u dwar il-miżuri ta' akkomodazzjoni raġonevoli stabbiliti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, u biex tiddetermina jekk kwalunkwe waħda mis-soluzzjonijiet misjuba u previsti tistax tintuża biex tippromwovi interazzjoni aktar faċli mal-amministrazzjoni tal-UE għall-membri tal-pubbliku b'diżabilità;

1.  Jinsab imħasseb ferm dwar l-impatt sproporzjonat tal-kriżi tal-COVID-19 fuq persuni b'diżabilità intellettwali u persuni bi problemi ta' saħħa mentali oħrajn u fuq il-familji tagħhom, li joħloq piż addizzjonali għall-membri tal-familja li jieħdu ħsiebhom, li ħafna minnhom huma nisa; jenfasizza li l-persuni b'diżabilità m'għandhomx ikomplu jiġu iżolati meta joħorġu mill-fażi tal-lockdown, u li għandhom jiġu ttrattati bħala prijorità matul din il-fażi;

2.  Ifakkar li l-lockdown kien problema serja, mhux biss għall-persuni b'diżabilità intellettwali, iżda wkoll għal kull persuna b'mard mentali, peress li l-iżolament jista' biss jaggrava l-problemi;

3.  Iqis li miżuri stretti ta' konfinament għandhom impatt partikolarment negattiv fuq il-persuni b'diżabilità u li hija meħtieġa aktar flessibilità min-naħa tal-awtoritajiet;

4.  Jikkundanna bil-qawwa kull diskriminazzjoni medika kontra persuni b'diżabilità intellettwali; ifakkar li l-miżuri rilevanti adottati mill-Istati Membri jridu jikkonformaw mas-CRPD u jiżguraw aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali; jenfasizza li l-persuni b'diżabilità intellettwali jew b'mard mentali jistħoqqilhom l-istess trattament mediku bħal kwalunkwe persuna oħra bil-COVID-19, inkluża l-kura medika intensiva;

5.  Ifakkar li l-linji gwida mediċi jridu jkunu nondiskriminatorji u jridu jirrispettaw id-dritt internazzjonali u l-linji gwida etiċi eżistenti dwar il-kura f'każ ta' emerġenzi, ta' kriżijiet tas-saħħa u ta' diżastri naturali;

6.  Ifakkar li s-servizzi ta' appoġġ, l-assistenza personali, l-aċċessibilità fiżika u l-komunikazzjoni għall-persuni b'diżabilità intellettwali jridu jiġu pprovduti waqt il-lockdown billi jiġu adottati metodi innovattivi tal-għoti tal-kura tas-saħħa;

7.  Jitlob li tinġabar data f'kull Stat Membru dwar it-trattament ta' persuni b'diżabilità intellettwali fl-isptarijiet, l-istituzzjonijiet u s-servizzi bbażati fil-komunità u dwar ir-rati ta' mortalità ta' persuni b'diżabilità sabiex jiġi vvalutat jekk il-persuni b'diżabilità humiex qegħdin jirċievu protezzjoni, kura tas-saħħa u appoġġ adegwati matul il-kriżi tal-COVID-19;

8.  Jenfasizza li l-miżuri ta' konfinament jaffettwaw ħafna s-saħħa mentali tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-qraba tagħhom u li l-miżuri relatati għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali sabiex jiġu żgurati l-benesseri u l-għajxien indipendenti tagħhom;

9.  Jissottolinja li kulħadd għandu d-dritt għal għajxien indipendenti u li jkun infurmat immedjatament u b'mod korrett, f'format aċċessibbli, dwar il-pandemija u l-miżuri li jaffettwaw lilhom u l-familja tagħhom; jeżiġi li l-komunikazzjonijiet kollha tas-saħħa pubblika jkunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u jiġu pprovduti b'lingwaġġ sempliċi, f'varjetà ta' formati tradizzjonali u diġitali, u fil-lingwi tas-sinjali nazzjonali tagħhom;

10.  Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni matul il-pandemija tal-COVID-19 isservi ta' twissija fir-rigward tal-attenzjoni li rċieva dan il-grupp; jirrikonoxxi li trid tingħata attenzjoni permezz ta' servizzi tas-saħħa pubblika b'saħħithom; jitlob li tingħata kunsiderazzjoni għat-tisħiħ ta' dawn permezz ta' finanzjament fil-livell tal-UE, fejn ikun xieraq u possibbli; jissottolinja l-importanza ta' politiki tas-saħħa xierqa fl-Istati Membri;

11.  Jissottolinja l-importanza li jitneħħew l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b'diżabilità intellettwali meta jippruvaw jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa u l-prodotti tal-iġjene, kif ukoll l-importanza li jiġu kkunsidrati miżuri ta' akkomodazzjoni raġonevoli li jippermettulhom jaħdmu mid-dar;

12.  Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 kixfet nuqqasijiet kbar fis-sistemi ta' appoġġ għal għadd ta' gruppi f'riskju fis-soċjetà; jissottolinja li għandha tingħata prijorità lill-investiment fit-tranżizzjoni gradwali minn kura istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-komunità għall-persuni b'diżabilità intellettwali; jissottolinja li l-fondi ta' investiment għandhom jappoġġjaw l-għoti ta' servizzi ta' appoġġ personalizzat, peress li ħafna mill-fornituri ta' dawn is-servizzi sofrew ħafna matul u wara l-pandemija u huma f'riskju li jingħalqu b'mod indefinit;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi ulterjuri biex timmobilizza investimenti u riżorsi essenzjali sabiex tiggarantixxi l-kontinwità tas-servizzi ta' kura u ta' appoġġ, f'konformità mal-prinċipji tas-CRPD u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw protokolli komuni għal sitwazzjonijiet ta' riskju jew emerġenzi umanitarji u diżastri naturali possibbli fil-futur, ibbażati fuq it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19, inkluż il-forniment ta' tagħmir protettiv meħtieġ, materjal ta' informazzjoni u taħriġ għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali u l-korpi regolatorji, filwaqt li dejjem jitqiesu l-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' persuni b'diżabilità;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonsultaw u jinvolvu mill-bidu nett lil persuni b'diżabilità u lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom meta jadottaw miżuri li jagħtu rispons għal kriżi futura;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw jekk is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali humiex sostenibbli u humiex kapaċi jadattaw għal forom ġodda ta' għoti ta' servizzi; jitlob li tiġi promossa inklużjoni soċjali ġenwina meta jiġu allokati fondi tal-UE għal dawn is-servizzi, b'enfasi fuq dawk li joffru għajxien ibbażat fil-komunità minflok l-istituzzjonalizzazzjoni; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li ma jkunx hemm ostakli finanzjarji għall-aċċess tal-kura tas-saħħa;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq Strateġija Ewropea tad-Diżabilità komprensiva, ambizzjuża u fit-tul għal wara l-2020, inklużi tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu segwiti l-prinċipji tad-disinn universali, b'kont meħud tal-possibilitajiet offruti minn teknoloġiji u applikazzjonijiet diġitali u innovattivi meta jiġu żviluppati riżorsi aċċessibbli għal studenti b'diżabilità intellettwali, u li jiġu offruti attivitajiet ta' apprendiment mill-bogħod;

19.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-potenzjal mhux sfruttat tat-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet diġitali fil-promozzjoni tal-għajxien indipendenti ta' persuni b'diżabilità; jappella għal użu aħjar ta' dawn it-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet f'sitwazzjonijiet ta' riskju possibbli fil-futur jew f'emerġenzi umanitarji u diżastri naturali; jisħaq fuq l-importanza tad-disponibilità ta' riżorsi ta' liċenzjar miftuħa online u tat-titjib tal-ħiliet tal-għalliema dwar l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ psikoloġiku għall-persuni b'diżabilità intellettwali biex itaffu l-impatt tal-miżuri ta' konfinament;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw rikors legali għal persuni b'diżabilità intellettwali billi jagħtu attenzjoni speċjali lill-identifikazzjoni proattiva ta' każijiet fejn, persuni b'diżabilità intellettwali nieqsa mill-kapaċità legali, ma jkollhomx aċċess jew ma jkollhomx aċċess suffiċjenti għall-kustodju legali tagħhom li jiggarantixxi d-drittijiet tagħhom;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0054

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Diċembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza