Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2952(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0211/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2020 - 11
PV 10/07/2020 - 4

Testi adottati :

P9_TA(2020)0193

Testi adottati
PDF 162kWORD 49k
Il-Ġimgħa, 10 ta' Lulju 2020 - Brussell
Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati
P9_TA(2020)0193RC-B9-0211/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati (2019/2952(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-President il-ġdid u tal-Uffiċċju l-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali (kolp ta' stat parlamentari)(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), tal-1 ta' April 2020, dwar il-proposta tal-Istati Uniti u s-sitwazzjoni fil-kuntest tal-pandemija tal-coronavirus fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, tat-30 ta' April 2020, dwar l-emerġenza tas-saħħa fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra t-twissija tal-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, tas-6 ta' Mejju 2020, dwar l-impatt devastanti tal-kriżi umanitarja u ekonomika tal-pajjiż fuq id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU, Michelle Bachelet, dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Venezwela tat-2 ta' Lulju 2020,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) tal-1 ta' April 2020 dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati u l-migranti mill-Venezwela matul il-kriżi tal-COVID-19,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela tal-5 ta' Jannar 2020 u tas-26 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Lima tal-20 ta' Frar, tat-2 ta' Marzu, tat-2 ta' April u tas-16 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tal-4 u tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-11 ta' Ġunju 2020 dwar l-attakki reċenti fuq l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar il-kredibbiltà kompromessa tal-organu elettorali tal-Venezwela, u tal-24 ta' Ġunju 2020 dwar il-kriżi politika li sejra għall-agħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/898 tad-29 ta' Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela(2), li żiedet 11-il uffiċjal Venezwelan ewlieni mal-lista tal-individwi suġġetti għal miżuri restrittivi,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi organizzata fis-26 ta' Mejju 2020 bħala turija ta' solidarjetà mar-rifuġjati u mal-migranti Venezwelani,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ilhom snin sħaħ isostnu lill-popolazzjoni Venezwelana u lill-komunitajiet li laqgħu fi ħdanhom lir-rifuġjati; billi fis-26 ta' Mejju 2020, l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' Spanja, bl-appoġġ tal-UNHRC u tal-IOM, ikkonvokaw Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi b'Turija ta' Solidarjetà mar-Rifuġjati u mal-Migranti tal-Venezwela; billi d-donaturi internazzjonali wiegħdu total ta' EUR 2,544 biljun, li minnhom EUR 595 miljun biss f'għotjiet diretti, u l-bqija huma sempliċement self kundizzjonali; billi matul il-konferenza wħud mill-mutwatarji esprimew it-tħassib dwar id-diffikultajiet burokratiċi u l-kumplessità tar-regolamentazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom biex jiksbu s-self; billi l-EUR 595 miljun f'għotjiet diretti bilkemm se jkopru l-konsegwenzi annwali ta' kriżi bla preċedent ta' dan il-kobor fil-pajjiżi ġirien tal-Venezwela; billi l-komunità internazzjonali għandha ssib soluzzjonijiet innovattivi biex tiżblokka riżorsi finanzjarji possibli oħra bil-għan li tgħin lill-poplu Venezwelan jindirizza l-bżonnijiet ta' emerġenza tiegħu lil hinn mill-għajnuna umanitarja u ta' kooperazzjoni f'terminu itwal;

B.  billi l-assistenza tal-UE taqbeż it-EUR 319-il miljun, kemm fil-Venezwela kif ukoll esternament; billi EUR 156 miljun kienu ddedikati għall-assistenza umanitarja, EUR 136 miljun għall-iżvilupp u EUR 27 miljun għall-istabbiltà u l-paċi;

C.  billi l-kriżi multidimensjonali politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarja li diġà hija terribbli fil-Venezwela marret għall-agħar b'mod sinifikanti u aggravat matul il-pandemija; billi ż-żieda fl-iskarsezza tal-ikel u tal-mediċini, il-ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem, l-iperinflazzjoni, l-oppressjoni politika, il-korruzzjoni u l-vjolenza qed jipperikolaw ħajjet in-nies u qed iġegħluhom jaħarbu mill-pajjiż;

D.  billi għadd dejjem jikber ta' nies fil-Venezwela, b'mod partikolari l-gruppi vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-morda, qed ibatu mill-malnutrizzjoni bħala konsegwenza tal-aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa ta' kwalità, mediċini, ikel u ilma;

E.  billi s-sistema nazzjonali tas-saħħa Venezwelana ddgħajfet b'mod konsiderevoli minħabba l-ġestjoni ħażina min-naħa tar-reġim, li rriżultat fi skarsezzi kritiċi ta' mediċini u nuqqas ta' kuri mediċi; billi ċ-ċifri li jagħti r-reġim fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19 mhumiex kredibbli u mhumiex qegħdin jiġu fdati la fil-Venezwela u lanqas mill-komunità internazzjonali;

F.  billi l-kriżi multidimensjonali tal-lum fil-Venezwela qed tiġġenera l-akbar spostament tal-popolazzjoni li qatt seħħ fir-reġjun; billi madwar ħames miljun Venezwelan ħarbu mill-pajjiż, u 80 % minnhom huma spustati fil-pajjiżi tar-reġjun; billi skont il-UNHCR, il-kriżi tar-rifuġjati Venezwelana hija t-tieni l-akbar waħda fid-dinja wara dik tas-Sirja; billi huwa mistenni li sa tmiem l-2020, l-għadd totali ta' persuni li jkunu ħarbu mid-deterjorament tal-kundizzjonijiet fil-Venezwela jista' jaqbeż s-6,5 miljun ruħ;

G.  billi skont il-UNHCR, in-numru ta' Venezwelani li qegħdin ifittxu asil fid-dinja kollha żdied b'2 000 %; billi 650 000 ruħ ippreżentaw talbiet għal asil fid-dinja kollha u madwar żewġ miljun kisbu permessi ta' residenza mingħand il-pajjiżi l-oħra fl-Amerki; billi 12 % tal-popolazzjoni ħarbet mill-pajjiż u n-nies għadhom qed jitilqu b'rata medja ta' 5 000 kuljum;

H.  billi l-emerġenza tas-saħħa pubblika globali attwali aggravat sitwazzjoni diġà ddisprata għal ħafna rifuġjati u migranti mill-Venezwela, kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti tagħhom; billi ħafna rifuġjati u migranti jiddependu minn pagi ta' kuljum insuffiċjenti biex ikopru l-bżonnijiet bażiċi bħal saqaf fuq rashom, ikel u kura tas-saħħa;

I.  billi, skont ir-rapporti inizjali dwar il-pandemija li qed tgħabbi s-sistema fraġli tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż, l-isptarijiet huma mimlija b'pazjenti tal-coronavirus u għexieren ta' ħaddiema tas-saħħa ġew infettati;

J.  billi l-Qorti Suprema Venezwelana illeġittima, ikkontrollata mir-reġim ta' Nicolás Maduro, ipproklamat inġustament il-ħatra ta' Luis Parra bħala President tal-Assemblea Nazzjonali fis-26 ta' Mejju 2020; billi s-sessjoni illegali li saret f'Jannar 2020 la rrispettat il-proċedura ġuridika u lanqas il-prinċipji kostituzzjonali demokratiċi billi impediet, f'xi każijiet bil-forza, il-maġġoranza kbira tar-rappreżentanti eletti demokratikament milli jkunu preżenti matul is-sessjoni u konsegwentement milli jitfgħu l-voti tagħhom; billi d-deċiżjoni illegali maħruġa minn din is-sessjoni parlamentari illeġittima wasslet lill-Kunsill tal-UE jimponi sanzjonijiet fuq 11-il uffiċjal ieħor għar-rwol li żvolġew biex ikunu mminati d-demokrazija u l-istat tad-dritt, fosthom Luis Parra u Juan José Mendoza, President tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema; billi Juan Guaidó eskluda lilu nnifsu minn kwalunkwe gvern ta' tranżizzjoni u Maduro ma jistax ikun parti minn tali gvern;

K.  billi fit-13 ta' Ġunju 2020, il-Qorti Suprema illeġittima għal darb'oħra ħatret membri ġodda fil-Kunsill Nazzjonali Elettorali, avolja ma għandha l-ebda poter ġuridiku biex tagħmel hekk; billi, skont l-Artikoli 187 u 296 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, dawn il-ħatriet huma l-kompetenza unika u esklużiva tal-Assemblea Nazzjonali, li hija organu demokratikament elett miċ-ċittadini Venezwelani; billi l-Parlament Ewropew mhu se jirrikonoxxi l-ebda deċiżjoni meħuda u l-ebda sentenza maqtugħa unilateralment minn dawn l-organi illeġittimi; billi l-uffiċjali responsabbli għal dawn id-deċiżjonijiet ġew inklużi wkoll fil-lista tas-sanzjonijiet tal-UE;

L.  billi Nicolás Maduro ordna lill-ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea tħalli l-pajjiż fi żmien 72 siegħa minn meta l-UE imponiet sanzjonijiet immirati lejn diversi uffiċjali responsabbli għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, u billi hedded ukoll lill-ambaxxatur ta' Spanja b'aktar rappreżalji; billi f'Mejju 2020, kien hemm rapporti ta' atti vessatorji fil-konfront tal-ambaxxata Franċiża f'Caracas, inkluż billi nqatgħu l-provvisti tal-ilma u tal-elettriku lir-residenza tal-ambaxxatur; billi r-reġim iddeċieda jannulla din id-deċiżjoni u ma jkeċċix lill-ambaxxatur tal-UE;

M.  billi r-reġim ta' Maduro attakka verbalment lill-partiti politiċi Acción Democrática, Primero Justicia u Un Nuevo Tiempo permezz ta' persekuzzjoni sistematika b'deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema (TSJ) illeġittima li lill-partiti tneħħilhom id-direttorati nazzjonali, kontra r-rieda tal-membri tagħhom; billi l-partit politiku demokratiku Voluntad Popular kien kkwalifikat bħala organizzazzjoni terroristika mir-reġim ta' Maduro;

N.  billi l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, ċaħdet bil-qawwa din il-farsa elettorali u l-azzjonijiet illegali kollha bħal dawn; billi din l-azzjoni kompliet ċekknet l-ispazju demokratiku fil-pajjiż għall-minimu assolut u ħolqot ostakli kbar għar-riżoluzzjoni tal-kriżi politika fil-Venezwela; billi l-formazzjoni ta' gvern nazzjonali ta' emerġenza bbilanċjat u inklużiv, li jinkludi s-setturi demokratiċi politiċi u soċjali kollha tal-pajjiż u li kapaċi jindirizza l-ħtiġijiet umanitarji attwali, huwa essenzjali sabiex tingħeleb il-kriżi li qed tiħrax;

O.  billi r-rispett tal-istandards internazzjonali, Kunsill Nazzjonali Elettorali indipendenti u bilanċjat u kundizzjonijiet ekwi li jiżguraw il-parteċipazzjoni bla xkiel tal-partiti politiċi u l-kandidati jirrappreżentaw il-pedamenti għal proċess elettorali kredibbli, li jippermetti elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali liberi u ġusti;

P.  billi l-finanzjament illeċitu u l-indħil barrani min-naħa tar-reġim fl-elezzjonijiet joħolqu theddida sinifikanti għad-demokraziji Ewropej;

Q.   billi l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-UE dwar l-affarijiet barranin tinsab f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali iżda l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li timmonitorja l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE;

R.  billi fit-12 ta' Ġunju 2020, l-awtoritajiet ta' Cabo Verde arrestaw lil Alex Saab, negozjant li kien implikat f'diversi skemi ta' korruzzjoni li jinvolvu r-reġim ta' Maduro u issa qed jistenna deċiżjoni ġudizzjarja u possibbilment estradizzjoni; billi l-każ ta' Saab juri kemm il-korruzzjoni nfirxet fil-Venezwela waqt li l-pajjiż jinsab f'nofs kriżi umanitarja mingħajr preċedent; billi l-pajjiż ġie kklassifikat fil-137 post minn 180 fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni għall-2019 ta' Transparency International;

S.  billi l-għadd ta' priġunieri politiċi żdied minn mindu beda l-inkwiet ċivili tal-massa fl-2014, u bħalissa hemm aktar minn 430 priġunier politiku; billi 11-il Ewropew huma rrappurtati wkoll li qed jinżammu f'detenzjoni fil-Venezwela; billi bosta każijiet ta' tortura mir-reġim huma attwalment taħt eżami preliminari mill-QKI għal delitti kontra l-umanità; billi r-repressjoni, id-detenzjonijiet arbitrarji u t-tortura żdiedu matul il-kriżi tal-COVID-19; billi r-rapport tat-2 ta' Lulju 2020 tal-Kummissarju Għoli Bachelet dwar il-Venezwela ddokumenta aktar minn 1 300 każ ta' qtil extraġudizzjarju mill-forzi tas-sigurtà bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Mejju 2020;

T.  billi r-reġim ta' Maduro ma tax informazzjoni trasparenti, ma aċċettax assistenza umanitarja internazzjonali u ma tax prijorità lill-ħtiġijiet u lid-drittijiet tal-partijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni; billi fl-1 ta' Ġunju 2020, ġie konkluż ftehim bejn il-Ministeru tal-Enerġija tal-Poplu għas-Saħħa u t-tim konsultattiv tal-Assemblea Nazzjonali għall-COVID-19 li jippermetti li tingħata għajnuna umanitarja lill-Venezwela apolitikament permezz tal-Organizzazzjoni Pan-Amerikana tas-Saħħa (PAHO) minkejja li matul is-snin, ir-reġim irrifjuta kwalunkwe forma ta' għajnuna umanitarja;

U.  billi, sa mill-2016, ir-reġim ta' Maduro appoġġja l-estrazzjoni illegali tad-deheb artiġjanali fl-Amazzonja Venezwelana sabiex jiġu ffinanzjati gruppi armati irregolari; billi d-deheb ġie esportat klandestinament b'mezzi irregolari biex jinbiegħ u jiġi skambjat b'mod illeċitu barra mill-pajjiż; billi dan l-hekk imsejjaħ deheb tad-demm huwa estratt u sfruttat għad-detriment tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent f'kundizzjonijiet illegali u kriminali li jheddu serjament it-tnejn li huma;

V.  billi huma meħtieġa azzjonijiet effikaċi biex titwaqqaf it-theddida ta' sigurtà għar-reġjun usa' li nħolqot permezz tar-rabtiet bejn ir-reġim dittatorjali ta' Maduro, gruppi terroristiċi u gruppi armati organizzati li jwettqu l-attivitajiet kriminali tagħhom fil-Venezwela;

1.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-gravità tal-emerġenza umanitarja, li hija theddida kbira għal ħajjet il-Venezwelani; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Venezwelani kollha mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom minħabba n-nuqqas ta' kundizzjonijiet tal-għajxien l-aktar bażiċi, bħall-aċċess għall-ikel, l-ilma tax-xorb, is-servizzi tas-saħħa u l-mediċini;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għall-kriżi tal-migrazzjoni li sejra għall-agħar u li nfirxet fir-reġjun kollu, jiġifieri fil-Kolombja, fil-Perù, fl-Ekwador, fil-Bolivja, fiċ-Ċilì, fil-Brażil, fil-Panama u fl-Arġentina, kif ukoll f'xi Stati Membri tal-UE u fil-Karibew, u jenfasizza ċ-ċirkostanzi estremament diffiċli li huma aggravati aktar mill-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19; ifaħħar l-isforzi tal-pajjiżi ġirien u s-solidarjetà li wrew; jitlob lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikomplu jikkooperaw ma' dawn il-pajjiżi u t-territorji, mhux biss billi joffru assistenza umanitarja iżda wkoll billi joffru aktar riżorsi u permezz tal-politika tal-iżvilupp;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirrikonoxxu l-kriżi umanitarja li għaddejja, ma jħalluhiex tkompli tiddeterjora u jippromwovu soluzzjonijiet politiċi u ekonomiċi biex jiżguraw is-sikurezza taċ-ċivili kollha u l-istabbiltà għall-pajjiż u għar-reġjun; jieħu nota tal-ftehim milħuq bejn il-Venezwela u l-PAHO dwar il-ġlieda kontra l-COVID-19;

4.  Jappella għal azzjoni urġenti biex jiġi evitat l-aggravar tal-kriżi umanitarja u tas-saħħa pubblika, u b'mod partikolari li jerġa' jitfaċċa mard bħall-ħosba, il-malarja, id-difterite u l-marda tal-ilsien u d-dwiefer; jappella għall-implimentazzjoni rapida ta' miżura fuq żmien qasir kontra l-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-morda;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-wegħdiet u l-isforzi tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi b'turija ta' solidarjetà mar-rifuġjati u l-migranti tal-Venezwela; jitlob, f'dan il-kuntest, li titnaqqas il-burokrazija u li jkun hemm qafas semplifikat li jkun jista' jiżgura li l-wegħdiet jaslu għand dawk li jinsabu fi bżonn iddisprat mill-aktar fis possibbli;

6.  Jirrifjuta bil-qawwa l-ksur tal-funzjonament demokratiku, kostituzzjonali u trasparenti tal-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll l-atti intimidatorji, il-vjolenza u d-deċiżjonijiet arbitrarji kontra l-membri tagħha; jiddenunzja l-ħatra mhux demokratika ta' membri ġodda fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali Elettorali u t-tneħħija tal-bordijiet tad-diretturi tal-partiti kontra r-rieda tal-membri tagħhom;

7.  Itenni r-rikonoxximent tiegħu li, bħala riżultat tal-votazzjoni trasparenti u demokratika tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Guaidó huwa l-President leġittimu tal-Assemblea Nazzjonali u l-president ad interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni Venezwelana;

8.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku organu demokratiku elett b'mod leġittimu tal-Venezwela, u li s-setgħat tagħha jeħtieġ li jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; jinsisti li soluzzjoni politika paċifika tista' tintlaħaq biss jekk jiġu rispettati għalkollox il-prerogattivi kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

9.  Ifakkar li r-rispett tal-istituzzjonijiet u tal-prinċipji demokratiċi u tad-difiża tal-istat tad-dritt huma kundizzjonijiet essenzjali biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi fil-Venezwela għall-ġid tal-poplu tagħha; jitlob b'urġenza, għaldaqstant, li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi liberi, trasparenti u kredibbli, ibbażati fuq kalendarju fiss, kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha, it-trasparenza u l-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli bħala l-unika soluzzjoni biex tintemm il-kriżi, u b'hekk tiġi eskluża kull vjolenza jew azzjoni militari;

10.  Jappella lill-UE u lil atturi internazzjonali oħra biex, flimkien ma' atturi internazzjonali oħra, jimmobilizzaw rispons mill-komunità internazzjonali li jikkontribwixxi għar-ritorn urġenti tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela;

11.  Ifakkar li l-Istati Membri huma ġuridikament marbuta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 biex jimplimentaw il-miżuri restrittivi li jinsabu fiha, b'mod partikolari l-prevenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi, milli jidħlu fit-territorji tagħhom jew jgħaddu minnhom, kif ukoll obbligu li jinnotifikaw immedjatament lill-Kunsill bil-miktub dwar kwalunkwe eżenzjoni li jkunu taw;

12.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2020 li jinkludi 11-il uffiċjal Venezwelan fil-lista ta' individwi suġġetti għal sanzjonijiet li mhumiex għad-dannu tal-popolazzjoni tal-Venezwela, u jitlob li dik il-lista tissaħħaħ u tikber jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija tkompli tiddeterjora; iqis li l-awtoritajiet tal-UE jeħtiġilhom jillimitaw il-movimenti tal-individwi mniżżla f'dik il-lista, kif ukoll tal-eqreb familjari tagħhom, u jiffriżaw l-assi u l-viżi tagħhom; jappella wkoll għal projbizzjoni immedjata fuq il-kummerċ u ċ-ċirkolazzjoni tad-deheb tad-demm illegali mill-Venezwela;

13.  Jiddispjaċih ferm għat-theddid ta' Maduro li jkeċċi minn Caracas lill-ambaxxatur tal-UE bħala forma ta' rappreżalji għas-sanzjonijiet imposti fuq il-11-il uffiċjal Venezwelan responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jieħu nota, f'dan ir-rigward, tad-dikjarazzjoni inizjali tal-VP/RGħ li tħabbar ir-reċiproċità u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw ukoll li jaġixxu skont il-prinċipju ta' reċiproċità jekk din is-sitwazzjoni terġa' tinqala', jiġifieri billi jiġu revokati l-kredenzjali tal-Ambaxxaturi ta' Maduro fl-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu lir-rappreżentanti politiċi maħtura minn Juan Guaidó;

14.  Jiddenunzja l-korruzzjoni bla rażan li saret parti integrali tar-reġim ta' Maduro; jiddenunzja l-użu tal-finanzjament politiku min-naħa tar-reġim ta' Maduro bħala għodda ta' ndħil barrani; jikkundanna bil-qawwa u jiddeplora l-każijiet ta' korruzzjoni, inklużi dawk taħt investigazzjoni ġudizzjarja fl-Istati Membri;

15.  Jitlob li jiġu liberati immedjatament il-priġunieri politiċi kollha u li jintemmu t-tortura, il-maltrattament u l-vessazzjonijiet fil-konfront tal-avversarji politiċi, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dimostranti paċifiċi, u li jitħallew jirritornaw dawk kollha li kienu inġustament imġiegħla jeżiljaw ruħhom;

16.  Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI dwar d-delitti numerużi u l-atti ta' repressjoni mwettqa mir-reġim Venezwelan; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tappoġġja l-inizjattiva tal-Istati Partijiet tal-QKI biex jiftħu investigazzjoni tad-delitti kontra l-umanità kommessi mill-gvern de facto ta' Maduro, ħalli dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

17.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti tar-Renju Unit tat-2 ta' Lulju 2020, li tirrikonoxxi b'mod inekwivoku l-leġittimità demokratika tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fil-persuna tal-President tagħha, Juan Guaidó, billi tagħtih aċċess legali għar-riżervi tad-deheb tar-Repubblika;

18.  Jitlob li tintbagħat fil-pajjiż missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni sabiex tivvaluta s-sitwazzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President ad interim leġittimu tar-Repubblika u tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0013.
(2) ĠU L 205 I, 29.6.2020, p. 6.

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Diċembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza