Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza fl-2020 biex jitkompla l-appoġġ umanitarju lir-refuġjati fit-Turkija (COM(2020)0422 – C9-0162/2020 – 2020/2094(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0422 – C9-0162/2020),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 14 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat b'mod definittiv fis-27 ta' Novembru 2019(3),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2020 adottat mill-Kummissjoni fit-3 ta' Ġunju 2020 (COM(2020)0421),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2020 adottata mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2020 u mibgħuta lill-Parlament fl-istess jum (09060/2020 - C9-0189/2020),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0125/2020),
A. billi l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 stabbilixxa Marġni ta' Kontinġenza sa massimu ta' 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni,
B. billi l-Kummissjoni, b'rabta mal-finanzjament inkluż fl-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 5 għall-baġit ġenerali tal-UE għall-2020, ipproponiet li timmobbilizza l-Marġni ta' Kontinġenza biex tindirizza l-ħtieġa urġenti li tipprovdi appoġġ umanitarju lir-refuġjati fit-Turkija, billi żżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, lil hinn mil-limitu tal-intestatura 4 tal-QFP,
1. Jaqbel mal-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza għall-ammont ta' EUR 481 572 239 f'approprjazzjonijiet ta' impenn lil hinn mil-limitu ta' impenn tal-intestatura 4 (Ewropa Globali) tal-qafas finanzjarju pluriennali;
2. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.