Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 12 ta' Frar 2020 - Strasburgu
Konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE -Vjetnam ***
 Konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Vjetnam (Riżoluzzjoni)
 Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment UE-Vjetnam, ***
 Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (Riżoluzzjoni)
 Oġġezzjoni skont l-Artikolu 112: Iċ-ċomb u l-komposti tiegħu
 Strateġija tal-UE biex tintemm il-mutilazzjoni ġenitali femminili fid-dinja kollha
 Proċessi deċiżjonali awtomatizzati: niżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur u l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi
 Mandat propost għal negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq
 Bank Ċentrali Ewropew - rapport annwali 2018
 Il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fl-UE

Konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE -Vjetnam ***
PDF 120kWORD 41k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (06050/2019 – C9-0023/2019 – 2018/0356(NLE))
P9_TA(2020)0026A9-0003/2020

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06050/2019),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (06051/2019),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 91(1), 100(2), l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0023/2019),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta’ Frar 2020(1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għas-Sajd,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0003/2020),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P9_TA(2020)0027.


Konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Vjetnam (Riżoluzzjoni)
PDF 181kWORD 60k
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (06050/2019 – C9-0023/2019 – 2018/0356M(NLE))
P9_TA(2020)0027A9-0017/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06050/2019),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (06051/2019),

–  wara li kkunsidra l-abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (05931/2019),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 91(1), 100(2), 207(4), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C9-0023/2019),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2012, u li daħal fis-seħħ f'Ottubru 2016(1);

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni, iffirmat fis-17 ta' Ottubru 2019, li se jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Vjetnam fl-operazzjonijiet ċivili u militari ta' mmaniġġjar ta' kriżijiet mmexxija mill-Unjoni Ewropea u juri impenn qawwi miż-żewġ naħat għal approċċ multilaterali bbażat fuq ir-regoli għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Mejju 2017 fil-proċedura 2/15(2), skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, mitluba mill-Kummissjoni fl-10 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment",

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2009 li jiġu segwiti negozjati bilaterali tal-FTA ma' stati membri individwali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjati tat-23 ta' April 2007 għal FTA interreġjonali mal-istati membri tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Vjetnam(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-libertà ta' espressjoni fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ ta' Nguyen Van Hoa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Vjetnam, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi(6),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta' Frar 2016 fil-każ 1409/2014/MHZ dwar in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq minn qabel valutazzjoni tal-impatt dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam(7),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-Titolu V tiegħu dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 91, 100, 168 u 207, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tħaddim tat-tfal tal-20 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem tal-20 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-impatt ekonomiku tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam(8),

–  wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali dwar il-Vjetnam imwettaq mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tiegħu fil-Vjetnam (bejn it-28 ta' Ottubru u l-1 ta' Novembru 2018) u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta' Mejju 2018 dwar il-progress tal-pajjiż fl-indirizzar tas-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU) wara n-notifika min-naħa tal-Kummissjoni tal-"karta s-safra" fit-23 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta’ Frar 2020(9) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għas-Sajd,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0017/2020),

A.  billi l-Vjetnam huwa sieħeb strateġiku għall-Unjoni Ewropea, u billi l-UE u l-Vjetnam għandhom aġenda komuni biex jistimulaw it-tkabbir u l-impjiegi, itejbu l-kompetittività, jiġġieldu l-faqar u jiksbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u wkoll għandhom impenn qawwi favur il-kummerċ miftuħ u bbażat fuq ir-regoli u sistema kummerċjali multilaterali;

B.  billi dan huwa t-tieni ftehim kummerċjali bilaterali konkluż bejn l-UE u stat membru tal-ASEAN u jirrappreżenta pass importanti lejn FTA interreġjonali; billi dan il-ftehim, flimkien mal-FTA bejn l-UE u r-Repubblika ta' Singapore li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għalih fit-13 ta' Frar 2019, se jservi wkoll bħala parametru referenzjarju għall-ftehimiet li l-UE qed tinnegozja bħalissa mal-ekonomiji ewlenin l-oħra tal-ASEAN;

C.  billi 90 % tat-tkabbir ekonomiku dinji tal-ġejjieni huwa mbassar li se jiġi ġġenerat barra mill-Ewropa, b'parti sinifikanti ssir fl-Asja;

D.  billi fl-2007 il-Vjetnam issieħeb mad-WTO u issa għandu ekonomija kummerċjali miftuħa u ħielsa, kif indikat mis-16-il ftehim kummerċjali ma' 56 pajjiż;

E.  billi l-Vjetnam huwa membru fundatur tal-Ftehim Komprensiv u Progressiv għas-Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP) u parti fin-negozjati li ġew konklużi reċentement dwar is-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP);

F.  billi l-Vjetnam għandu ekonomija li sejra tajjeb, kompetittiva u konnessa ma' kważi 100 miljun ċittadin, bi klassi medja li qed tikber u forza tax-xogħol żagħżugħa u dinamika, għalkemm għadha ekonomija bi dħul baxx li qed tiffaċċja sfidi speċifiċi ta' żvilupp, kif muri mill-pożizzjoni tiegħu dwar l-indiċi ta' żvilupp tal-bniedem tal-UNDP, li bħalissa jinsab il-116 minn 189 pajjiż;

G.  billi l-Vjetnam huwa wkoll wieħed mill-pajjiżi li l-aktar qed jikbru malajr fl-ASEAN, b'rata medja ta' tkabbir tal-PDG ta' madwar 6,51 % mill-2000 sal-2018; billi huwa stmat li l-Vjetnam ikompli jikber b'rati simili b'saħħithom fis-snin li ġejjin;

H.  billi l-UE bħalissa hija t-tielet l-akbar sieħba kummerċjali tal-Vjetnam wara ċ-Ċina u l-Korea t'Isfel, u t-tieni l-akbar suq tal-esportazzjoni wara l-Istati Uniti; billi l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-pajjiż fl-aħħar għaxar snin juru tkabbir medju stmat ta' bejn 5 % u 7 % kull sena; billi l-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku li wettqet il-Kummissjoni pprevediet "qligħ tal-esportazzjoni ta' EUR 8 biljun sal-2035 għall-kumpaniji tal-UE", u l-esportazzjonijiet tal-Vjetnam lejn l-UE huma "mistennija li jiżdiedu bi EUR 15 biljun"; billi huwa importanti li jiġu massimizzati l-opportunitajiet offruti minn dan il-ftehim bl-aktar mod inklużiv għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs;

I.  billi l-Kunsill enfasizza li huwa fl-interess tal-UE li jkompli jkollha rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b'mod koerenti, komprensiv u effikaċi, bħala prijorità ewlenija tal-UE, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħha u biex iżżomm il-kredibbiltà tagħha fl-Ewropa u globalment; billi fl-ittra ta' missjoni mibgħuta lill-Kummissarji nnominati kollha, il-President eletta von der Leyen insistiet li l-kummissarji kollha se jiżguraw it-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU fil-qasam ta' politika tagħhom;

J.  billi l-Vjetnam għadu qed jiffaċċja sfidi fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet politiċi u ċivili, b'referenza partikolari għas-sitwazzjoni tal-minoranzi, il-libertajiet fundamentali, il-libertà tat-twemmin reliġjuż u l-libertà tal-istampa, u l-isfruttament tar-riżorsi naturali (eż. ir-ramel, is-sajd u l-injam), l-immaniġġjar tal-iskart u t-tniġġis; jilmenta dwar il-fatt li l-UE u l-Vjetnam għadhom jieħdu pożizzjonijiet differenti dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li jikkonċernaw il-Vjetnam u dwar l-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet, pereżempju dawk relatati mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR); billi x-xogħol furzat tal-priġunieri jibqa' ta' tħassib fil-Vjetnam;

K.  billi minkejja r-riformi ekonomiċi u politiċi li bdew fl-1986, il-Vjetnam għadu stat b'partit wieħed li ma jirrikonoxxix il-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-kelma, il-libertà tar-reliġjon u l-libertà tal-istampa; billi n-natura repressiva tar-reġim u l-ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam ġew dokumentati mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fir-rapport annwali tal-UE tal-2018 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja, b'enfasi partikolari fuq in-numru dejjem jikber ta' priġunieri politiċi fil-pajjiż;

L.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 il-Parlament talab lill-gvern tal-Vjetnam biex "iħassar, jirrevedi jew jemenda l-liġijiet repressivi kollha, b'mod partikolari l-Kodiċi Kriminali tiegħu"; billi din is-sejħa ma ġietx imwieġba mill-Vietnam; billi l-Vjetnam ma aċċetta l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati jew imħassra dispożizzjonijiet abbużivi fil-leġiżlazzjoni penali magħmula fil-qafas tal-aħħar Eżami Perjodiku Universali f'Marzu 2019;

M.  billi l-FTA bejn l-UE u l-Vjetnam jirrikonoxxi l-importanza li jiġu żgurati l-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u l-ekosistemi ħajjin tal-baħar, flimkien mal-promozzjoni ta' akkwakultura sostenibbli, u fl-Artikolu 13.9 jipprevedi kooperazzjoni fil-ġlieda kontra s-sajd IUU;

N.  billi ċerti prodotti bbażati fuq il-ħut, bħal dawk bil-kodiċijiet NM 1604 14 21 u 1604 14 26, mhumiex inklużi fir-reġim ta' eżenzjoni mid-dazju fl-FTA minħabba s-sensittività tagħhom għall-Unjoni Ewropea;

O.  billi huwa rikonoxxut li s-sajd IUU jikkostitwixxi kriminalità organizzata tal-ibħra li għandha impatti ambjentali u soċjoekonomiċi diżastrużi fid-dinja kollha u joħloq kompetizzjoni inġusta għall-industrija Ewropea tas-sajd;

P.  billi l-Vjetnam huwa r-raba' l-akbar produttur tal-ħut fid-dinja, segwit mill-Unjoni Ewropea, u r-raba' l-akbar produttur ta' prodotti tal-akkwakultura;

Q.  billi, mil-lat ta' valur, l-UE hija l-akbar negozjant fid-dinja ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, billi fl-2017 iġġenerat volum ta' kummerċ ta' aktar minn EUR 2,3 biljun; billi l-UE timporta aktar minn 65 % tal-prodotti tal-ħut li tikkonsma u hija waħda mill-akbar investituri barranin fil-Vjetnam;

R.  billi l-Vjetnam s'issa kiseb protezzjoni għal prodott ta' indikazzjoni ġeografika (IĠ) wieħed – Phú Quốc, varjetà ta' zalza tal-ħut – bħala denominazzjoni ta' oriġini protetta (DOP) fi ħdan l-iskemi ta' kwalità tal-UE; billi l-FTA jipprevedi l-protezzjoni ta' 169 IĠ tal-UE għal inbejjed, spirti u prodotti tal-ikel fil-Vjetnam u protezzjoni reċiproka għal 39 IĠ Vjetnamiżi fl-UE;

S.  billi l-Vjetnam għandu suq ta' 95 miljun ruħ bi tradizzjonijiet li ilhom stabbiliti żmien twil fil-konsum ta' ħut u prodotti tal-akkwakultura, u huwa t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE fir-reġjun tal-ASEAN; billi s-sajd jista' jagħti potenzjal qawwi għat-tkabbir u benefiċċji sinifikanti lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju Ewropej; billi dan is-settur huwa ta' interess vitali għall-prosperità u l-innovazzjoni Ewropej;

1.  Jenfasizza l-fatt li l-FTA bejn l-UE u l-Vjetnam (EVFTA) huwa l-aktar ftehim modern, komprensiv u ambizzjuż li qatt ġie konkluż bejn l-UE u pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u jservi bħala punt ta' riferiment għall-impenn tal-UE ma' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'mod speċjali fir-reġjun tal-ASEAN; ifakkar li l-Vjetnam se jibqa' benefiċjarju tal-SĠP għal perjodu tranżitorju ta' sentejn ladarba l-FTA ikun fis-seħħ ;

2.  Jinnota li n-negozjati bdew f'Ġunju 2012 u ġew konklużi f'Diċembru 2015 wara 14-il ċiklu ta' negozjati, u jiddispjaċih bid-dewmien sussegwenti biex il-ftehim jinġieb 'il quddiem għall-iffirmar u r-ratifika – b'mod partikolari d-dewmien biex il-Kunsill jitlob l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-waqt qabel l-elezzjonijiet Ewropej;

3.  Jisħaq fuq l-importanza ekonomika u strateġika ta' dan il-ftehim, billi l-UE u l-Vjetnam jikkondividu objettivi komuni – li jistimulaw it-tkabbir u l-impjiegi, jagħtu spinta lill-kompetittività, jiġġieldu l-faqar, isaħħu s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, jiksbu l-SDGs u jappoġġaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-ħaddiema; jenfasizza l-kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi li jagħmlu lis-sħab tal-UE fil-Lvant Imbiegħed l-atturi ewlenin biex jimpenjaw ruħhom, f'ambjent ġeoekonomiku lokali kumpless;

4.  Jinnota li l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-azzjonijiet tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandhom jiġu ggwidati mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, mir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, mill-prinċipji ta' ugwaljanza u solidarjetà, u mir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi rrispettat il-prinċipju ta' politiki allinjati mal-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp skont l-Artikolu 208 tat-TFUE;

5.  Jissottolinja s-sinifikat tal-ftehim f'termini ta' kompetittività tan-negozji tal-UE fir-reġjun; jinnota li l-kumpaniji Ewropej qed jiffaċċjaw kompetizzjoni akbar minn pajjiżi li magħhom il-Vjetnam diġà għandu ftehimiet ta' kummerċ ħieles, b'mod partikolari l-Ftehim Komprensiv u Progressiv għal Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP);

6.  Jispera li l-ftehim, flimkien mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore, iservi ta' avvanz lejn l-istabbiliment ta' standards għoljin u regoli fir-reġjun tal-ASEAN, u jgħin biex titwitta t-triq għal ftehim interreġjonali futur dwar il-kummerċ u l-investiment; jisħaq li l-ftehim jibgħat ukoll sinjal qawwi favur il-kummerċ miftuħ, ġust u reċiproku fi żminijiet fejn qed jiżdiedu x-xejriet ta' protezzjoni u l-isfidi serji għall-kummerċ multilaterali bbażat fuq ir-regoli; jenfasizza li l-ftehim jgħin lill-UE ssaħħaħ il-preżenza tagħha fir-reġjun tal-ASEAN, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet reċenti tas-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP) u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Komprensiv u Progressiv għal Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP); jenfasizza wkoll li l-ftehim jippermetti lill-UE tippromwovi l-istandards u l-valuri tagħha fir-reġjun; ifakkar fl-appoġġ sħiħ tiegħu għall-multilateraliżmu u għall-importanza li tinkiseb riforma sostenibbli u ambizzjuża tad-WTO li tista' tiżgura kummerċ internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

7.  Jissottolinja li l-ftehim se jelimina aktar minn 99 % tat-tariffi(10); jinnota li mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim, il-Vjetnam se jilliberalizza 65 % tad-dazji tal-importazzjoni fuq l-esportazzjonijiet tal-UE, filwaqt li l-bqija tad-dazji se jiġu eliminati gradwalment fuq perjodu ta' 10 snin; jinnota wkoll li mad-dħul fis-seħħ, l-UE se tilliberalizza 71 % tal-importazzjonijiet tagħha u li wara perjodu ta' seba' snin, 99 % tal-importazzjonijiet se jkunu mingħajr dazju. jirrimarka li l-ftehim se jkun fih ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġu indirizzati ostakli mhux tariffarji għall-esportazzjonijiet tal-UE, li spiss jikkostitwixxu ostaklu sinifikanti għall-SMEs; iqis li l-EVFTA jista' jgħin biex jiġi indirizzat id-defiċit kummerċjali tal-UE mal-Vjetnam, billi jiġi sfruttat il-potenzjal ta' tkabbir tal-pajjiż tal-ASEAN fis-snin li ġejjin;

8.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati kontrolli effettivi u affidabbli, inkluż permezz ta' kooperazzjoni doganali msaħħa fl-Ewropa, biex jiġi evitat li l-ftehim isir biex jiġi evitat li l-ftehim iservi biex jidħlu prodotti fl-Ewropa minn pajjiżi oħra;

9.  Jinnota l-aċċess imtejjeb skont dan il-ftehim għall-akkwist pubbliku Vjetnamiż f'konformità mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA), billi l-Vjetnam għadu mhux membru tal-GPA; jissottolinja li l-kapitolu tal-EVFTA dwar l-akkwist pubbliku għandu livell ta' trasparenza u ġustizzja proċedurali komparabbli ma' FTAs oħrajn li l-UE ffirmat ma' pajjiżi żviluppati u pajjiżi fil-fażi avvanzata tal-iżvilupp. jissottolinja li l-ftehim ma jridx jirrestrinġi r-regoli tal-akkwist domestiku jew l-ispazju għall-immanuvrar fl-akkwisti fir-rigward tal-istabbiliment ta' rekwiżiti dwar dak li għandu jiġi akkwistat u d-domandi dwar oqsma bħall-ambjent, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi;

10.  Jilqa' l-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli ta' oriġini inklużi fl-EVFTA jsegwu l-approċċ tal-UE, u li l-karatteristiċi ewlenin tagħhom huma identiċi għal dawk stabbiliti fl-SĠP tal-UE kif ukoll fil-ftehim kummerċjali tagħha ma' Singapore; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni korretta u fidila lejn dawn ir-regoli, b'attenzjoni speċjali għall-kontenut nazzjonali, u biex tintensifika l-azzjoni kontra kull tip ta' manipulazzjoni u abbuż, bħall-ippakkjar mill-ġdid ta' prodotti li jiġu minn pajjiżi terzi;

11.  Jinnota li l-Vjetnam mhux se jkun jista' aktar juża akkumulazzjoni minn sħab kummerċjali oħrajn li huma benefiċjarji tal-SĠP fir-reġjun biex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-regoli ta' oriġini; jisħaq li r-regoli ta' oriġini fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles m'għandhomx ikissru bla bżonn il-ktajjen ta' valur eżistenti, speċjalment ma' pajjiżi li attwalment jibbenefikaw mill-iskemi SĠP, SĠP+ jew ABE;

12.  Jenfasizza l-fatt li madwar 169 indikazzjoni ġeografika tal-UE se jibbenefikaw mir-rikonoxximent u l-protezzjoni fis-suq Vjetnamiż f'livell komparabbli għal dak tal-leġiżlazzjoni tal-UE, fid-dawl tal-fatt li l-Vjetnam huwa suq tal-esportazzjoni importanti fl-Asja għall-esportazzjonijiet tal-ikel u x-xorb tal-UE; iqis li din il-lista għandha titkabbar fil-futur qrib; jenfasizza, barra minn hekk, li xi setturi agrikoli tal-UE, ir-ross fost l-oħrajn, jistgħu jiġu affettwati b'mod negattiv mid-dispożizzjonijiet tal-FTA; f'dak ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja kontinwament il-fluss tal-importazzjonijiet ta' dawk il-prodotti sensittivi u tagħmel użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-klawżola ta' salvagwardja kull meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali u ekonomiċi, sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv possibbli fuq is-setturi agrikoli tal-UE bħala konsegwenza diretta tal-implimentazzjoni tal-FTA;

13.  Jilqa' l-kapitolu qawwi dwar l-SPS li se jistabbilixxi proċedura unika u trasparenti għall-approvazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-UE ta' prodotti tal-ikel lejn il-Vjetnam, sabiex titħaffef l-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-esportazzjoni tal-UE u jiġi evitat trattament diskriminatorju; ifaħħar l-impenn tal-Vjetnam li japplika l-istess rekwiżiti għall-importazzjoni għal prodotti simili li jkunu ġejjin mill-Istati Membri kollha tal-UE.

14.  Ifakkar li, f'termini ta' servizzi, il-Vjetnam imur lil hinn mill-impenji tiegħu tad-WTO, jipprevedi aċċess sostanzjalment aħjar f'għadd ta' subsetturi tan-negozju, u joffri aċċess għal suq ġdid lil setturi bħas-servizzi tal-imballaġġ, il-kummerċ ġust u s-servizzi tal-wirjiet jew il-kiri/il-lokazzjoni; jissottolinja li għall-ewwel darba l-Vjetnam fetaħ servizzi transfruntiera ta' edukazzjoni għolja; jilqa' l-użu ta' lista pożittiva fl-iskeda tas-servizzi;

15.  Ifakkar li ratifika rapida tal-EVFTA tista' tgħin lill-Vjetnam jagħmel aktar progress fid-Dritt ta' Proprjetà Intellettwali (DPI) u jista' jiggarantixxi l-ogħla standards ta' produzzjoni u l-aħjar kwalità għall-konsumaturi; jisħaq li l-Vjetnam se jaċċedi għat-Trattati tal-Internet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), li jistabbilixxu standards għall-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat online għal xogħol kreattiv jew għall-użu tiegħu, jipproteġi d-drittijiet tas-sidien, u jindirizza l-isfidi li t-teknoloġiji u l-metodi ġodda ta' komunikazzjoni jimponu fuq d-DPI; jenfasizza l-importanza strateġika ta' kapaċità ta' twaqqif ta' standards f'reġjun li qed jara t-tendenzi ta' diżakkoppjament fuq il-livell normattiv u ta' standardizzazzjoni; itenni li n-nuqqas ta' oqfsa regolatorji b'saħħithom jista' jwassal għal ġirja lejn l-aktar livell baxx u kompetizzjoni negattiva dwar dispożizzjonijiet legali importanti; jirrimarka li l-promozzjoni tal-aċċess għall-mediċini għadha pilastru essenzjali tal-politika tal-UE u li d-dispożizzjonijiet tad-DPI fil-ftehim fir-rigward tal-prodotti farmaċewtiċi huma adattati speċifikament għal-livell ta' żvilupp, il-qafas regolatorju attwali u t-tħassib dwar is-saħħa pubblika fil-Vjetnam;

16.  Jiddispjaċih li l-ftehim ma fihx kapitolu speċifiku dwar l-SMEs, iżda jinnota li madankollu hemm dispożizzjonijiet differenti dwar l-SMEs inklużi f'diversi partijiet tiegħu; jisħaq li l-fażi ta' implimentazzjoni se tkun kruċjali għall-introduzzjoni ta' pjan ta' azzjoni biex jgħin lill-SMEs jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mill-ftehim, billi jibdew iżidu t-trasparenza u jxerrdu l-informazzjoni rilevanti kollha, peress li dan is-settur tal-ekonomija huwa ta' interess vitali għall-prosperità u l-innovazzjoni fl-Ewropa; iqis li f'reviżjoni potenzjali tal-ftehim, il-Kummissjoni għandha tesplora l-possibbiltà li tintroduċi kapitolu dwar l-SMEs;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, inklużi l-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità għall-iżvilupp ta' standards għoljin dwar il-benessri tal-annimali, u jħeġġeġ lill-Partijiet jagħmlu użu sħiħ minnhom; iħeġġeġ lill-Partijiet jiżviluppaw malajr kemm jista' jkun pjan ta' azzjoni għall-kooperazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, inkluż programm ta' taħriġ, bini tal-kapaċità u assistenza fil-qafas tal-ftehim, bil-għan li jitħares il-benessri tal-annimali waqt il-qtil u l-ħarsien aħjar tal-annimali fl-irziezet u matul it-trasport fil-Vjetnam;

18.  Jissottolinja li l-ftehim jispeċifika d-dritt tal-UE li tapplika l-istandards proprji tagħha għall-oġġetti u s-servizzi kollha mibjugħa fl-Unjoni, u tfakkar fil-prinċipju ta' prekawzjoni tagħha; jissottolinja li l-istandards għoljin tal-UE, inkluż fil-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u l-ftehimiet kollettivi, m'għandhom qatt jitqiesu bħala ostakli għall-kummerċ ;

19.  Jiddispjaċih li l-ftehim ma jinkludix dispożizzjoni dwar it-trasferimenti transfruntier tad-data; iqis li, f'reviżjoni futura tal-ftehim, għandha tiġi inkluża dispożizzjoni bħal din, li tirrispetta l-UE dwar il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data u l-protezzjoni tal-privatezza, u jenfasizza li kwalunkwe eżitu futur għandu jkun soġġett għall-kunsens tal-Parlament; jinnota, f'dan ir-rigward, li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data huwa kompletament kompatibbli mal-eċċezzjonijiet ġenerali skont il-GATS;

20.  Jissottolinja li l-EVFTA jinkludi kapitolu qawwi, komprensiv u vinkolanti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD), li jittratta kwistjonijiet dwar ix-xogħol u l-ambjent ibbażati fuq konvenzjonijiet u normi multilaterali aċċettati minn ħafna; jirrimarka li l-infurzabbiltà tal-Kapitolu dwar it-TSD tista' tittejjeb b'mod sinifikanti, l-ewwel nett permezz tal-kunsiderazzjoni, fost diversi metodi ta' infurzar, ta' mekkaniżmu bbażat fuq sanzjonijiet bħala l-aħħar soluzzjoni, u t-tieni permezz ta' riforma tas-sistema tal-Grupp Konsultattiv Domestiku (DAG), kif mitlub ripetutament mill-Parlament u msemmija wkoll fl-ittra ta' missjoni għall-Kummissarju l-ġdid għall-Kummerċ tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-kapitolu dwar it-TSD huwa mfassal biex jikkontribwixxi għal objettivi usa' tal-politika tal-UE, b'mod partikolari dwar it-tkabbir inklużiv, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tad-drittijet tal-bniedem u, b'mod aktar ġenerali, iż-żamma tal-valuri tal-UE; jenfasizza li l-ftehim huwa wkoll strument għall-iżvilupp u l-progress soċjali fil-Vjetnam, li jappoġġa lill-pajjiż fl-isforzi tiegħu biex itejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema u jsaħħaħ il-protezzjoni fuq ix-xogħol u l-ħarsien tal-ambjent; jappella għall-istabbiliment u l-operabbiltà rapidi ta' DAGs ġenerali u indipendenti, u jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera b'mod intensiv mal-awtoritajiet Vjetnamiżi u tipprovdilhom l-appoġġ meħtieġ; jistieden lill-Kumitat Konġunt biex immedjatament jibda l-ħidma dwar it-tisħiħ tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet tat-TSD ;

21.  Jitlob li jitwaqqaf Kumitat Konġunt tal-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam u li l-Parlament Ewropew itejjeb il-koordinazzjoni u r-reviżjoni tal-miżuri tal-kapitolu TSD u l-implimentazzjoni tal-ftehim kollu kemm hu; jilqa' l-pożizzjoni favorevoli tal-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam għal din is-sejħa għal azzjoni, u jitlob li ma jdumx ma jiġi nnegozjat Memorandum ta' Qbil bejn iż-żewġ parlamenti;

22.  Jilqa' l-passi konkreti li ħa l-Gvern Vjetnamiż s'issa, inkluż l-emendar tal-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol u tal-qafas legali dwar l-età minima għax-xogħol, bil-għan li jabolixxi t-tħaddim tat-tfal u jieħu impenji kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol; jistenna li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida titlesta b'digrieti ta' implimentazzjoni u tiġi infurzata bis-sħiħ mill-awtoritajiet Vjetnamiżi malajr kemm jista' jkun;

23.  Jirrikonoxxi li naqas it-tħaddim tat-tfal fil-Vjetnam f'dawn l-aħħar snin, filwaqt li jfakkar li l-Vjetnam kien l-ewwel pajjiż fl-Asja u t-tieni fid-dinja li rratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; isejjaħ ukoll lill-Gvern Vjetnamiż biex jippreżenta pjan direzzjonali ambizzjuż għall-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal sal-2025 u biex jelimina x-xogħol furzat, l-iskjavitù moderna u t-traffikar tal-bnedmin sal-2030; jistenna bil-ħerqa l-valutazzjoni tal-ILO fi żmien xieraq qabel ir-ratifika tal-ftehim; jappella lill-UE u lill-Vjetnam biex jikkooperaw ħalli jiżviluppaw pjan ta' azzjoni, akkumpanjat minn programmi tal-UE disponibbli, kontra t-tħaddim tat-tfal, inkluż il-qafas meħtieġ ta' diliġenza dovuta għall-intrapriżi;

24.  Jisħaq, madankollu, li minkejja dan il-progress għad fadal sfidi importanti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jimpenjaw ruħhom aktar fuq aġenda progressiva dwar id-drittijiet tal-ħaddiema permezz ta' miżuri konkreti, filwaqt li jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni tal-Kodiċi tax-Xogħol riformat fl-20 ta' Novembru 2019; jilqa' wkoll ir-ratifika tal-Konvenzjoni fundamentali nru 98 tal-ILO (negozjar kollettiv) tal-14 ta' Ġunju 2019 u l-impenn tal-Gvern Vjetnamiż li jirratifika ż-żewġ konvenzjonijiet fundamentali li fadal, jiġifieri n-nru 105 (abolizzjoni tax-xogħol furzat) fl-2020 u n-nru 87 (libertà ta' assoċjazzjoni) fl-2023, u jistieden lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jipprovdu pjan direzzjonali kredibbli għar-ratifikazzjoni tagħhom; jisħaq dwar ir-rwol ċentrali tad-digrieti ta' implimentazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi tax-Xogħol rivedut u l-konvenzjonijiet tal-ILO ratifikati u għaldaqstant jenfasizza l-ħtieġa li d-digrieti ta' implimentazzjoni tal-Kodiċi tax-Xogħol riformat jinkorporaw il-prinċipji tal-konvenzjonijiet 105 u 87 tal-ILO; jenfasizza r-rieda tiegħu li jimpenja ruħu fi djalogu attiv dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Gvern Vjetnamiż biex jinforma b'mod kontinwu lill-UE dwar il-progress tar-ratifika u l-implimentazzjoni ta' dawn il-konvenzjonijiet pendenti; ifakkar fis-sinifikat ta' dawn l-impenji li juru xejriet verament pożittivi f'pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp, filwaqt li jenfasizza r-rwol vitali tal-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-konvenzjonijiet tal-ILO u l-ħarsien tal-ambjent; jisħaq li kriterji speċifiċi inklużi fil-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni, bħal-limiti u l-formalitajiet ta' reġistrazzjoni, m'għandhomx jirriżultaw b'mod effettiv fil-preklużjoni ta' organizzazzjonijiet indipendenti milli jikkompetu ma' organizzazzjonijiet immexxija mill-istat; jisħaq ukoll li l-leġiżlazzjoni penali għandha tkun konformi mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO; jenfasizza li l-obbligi tal-Vjetnam skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Kodiċi tax-Xogħol li għadu kif ġie riformat għandhom jiġu applikati b'mod li ma jirrendix prattikament impossibbli l-eżerċizzju tal-libertajiet, speċjalment fir-rigward tal-libertà tal-għaqda ta' unions indipendenti tal-ħaddiema; ifaħħar il-pożizzjoni ta' kondizzjonalità ta' qabel ir-ratifika meħuda mill-UE;

25.   Jilqa' l-kooperazzjoni prevista dwar l-aspetti relatati mal-kummerċ tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, b'mod partikolari l-interkonnessjoni bejn il-kummerċ u l-impjiegi sħaħ u produttivi għal kulħadd, inklużi ż-żgħażagħ, in-nisa u l-persuni b'diżabbiltà; jitlob li din il-kooperazzjoni tibda b'mod rapidu u sinifikanti;

26.  Jinnota li l-Vjetnam huwa wieħed mill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari avvenimenti estremi ta' temp, bħal maltempati u għargħar; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Vjetnam jintroduċi miżuri effettivi ta' adattament u jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni relatata mal-protezzjoni ambjentali u l-bijodiversità.

27.  Jilqa' l-impenn biex jimplimenta b'mod effettiv il-ftehimiet ambjentali multilaterali bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u biex jaġixxi favur il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-fawna selvaġġa, il-bijodiversità u l-forestrija; ifakkar li l-Vjetnam huwa wieħed mill-aktar pajjiżi attivi fir-reġjun usa' tal-ASEAN li juri l-impenn tiegħu għall-aġenda tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li ratifika rapida tal-EVFTA kif ukoll implimentazzjoni effettiva u b'rispett sħiħ għall-Ftehim ta' Pariġi se tikkontribwixxi biex jiġu żgurati l-ogħla standards possibbli għall-protezzjoni ambjentali fir-reġjun;

28.  Jissottolinja l-importanza strateġika tal-Vjetnam bħala sieħeb kruċjali tal-UE fl-Asja tax-Xlokk u fost il-pajjiżi tal-ASEAN, b'mod speċifiku iżda mhux esklużiv fir-rigward tan-negozjati dwar it-tibdil fil-klima, il-governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli, il-progress ekonomiku u soċjali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jisħaq fuq il-bżonn li l-Vjetnam isir sieħeb fil-progress tad-drittijiet tal-bniedem u r-riformi demokratiċi; jinnota li l-Vjetnam għandu l-presidenza tal-ASEAN għall-2020; jisħaq fuq il-bżonn li l-UE u l-Vjetnam jirrispettaw u jimplimentaw b'mod sħiħ il-Ftehim ta' Pariġi;

29.  Jilqa' pożittivament il-ftehim li sar bejn l-UE u l-Gvern tal-Vjetnam li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Vjetnam fl-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet immexxija mill-UE, li ġie ffirmat fis-17 ta' Ottubru 2019; jissottolinja l-fatt li l-Vjetnam huwa t-tieni pajjiż sieħeb fl-Asja li ffirma Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni mal-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-ftehim jikkostitwixxi progress sinifikanti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Vjetnam;

30.  Ifakkar li l-Ftehim jipprevedi miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra s-sajd IUU u għall-promozzjoni ta' settur tas-sajd sostenibbli u responsabbli, inkluża l-akkwakultura; jirrikonoxxi f'dan ir-rigward l-impenn tal-Vjetnam li jindirizza s-sajd IUU billi applika għal sħubija sħiħa tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC), billi sar membru uffiċjali tal-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port (PSMA), billi adotta l-Liġi riveduta dwar is-Sajd fl-2017, li tqis l-obbligi internazzjonali u reġjonali, il-ftehimiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, u billi implimenta pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra s-sajd IUU;

31.  Jirrikonoxxi, madankollu, l-isfidi enormi li għadhom qed jiffaċċjaw l-awtoritajiet Vjetnamiżi fir-rigward tal-kapaċità żejda tal-flotta tas-sajd frammentata ħafna tal-pajjiż u l-isfruttament żejjed tar-riżorsi tal-baħar, filwaqt li jinnota li l-Vjetnam ingħata l-karta safra kif ukoll diġà ttieħdu xi miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni; jappella għal aktar azzjoni f'konformità mas-sejbiet tal-missjoni ta' reviżjoni ta' Novembru 2019, u għal monitoraġġ kontinwu u kontrolli bir-reqqa rigward l-isforzi tal-Vjetnam biex jiżgura li l-pajjiż jibqa' jagħmel progress fil-ġlieda kontra s-sajd IUU u biex jiggarantixxi t-traċċabbiltà sħiħa tal-prodotti tas-sajd li jaslu fis-suq tal-Unjoni biex tiġi eskluża l-importazzjoni illegali; ifakkar li r-revoka tal-karta s-safra għandha tkun kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-rakkomandazzjonijiet kollha li għamlet l-UE fl-2017; jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi miżuri ta' salvagwardja għall-prodotti tas-sajd fi ftehimiet futuri, bħall-possibbiltà li t-tariffi preferenzjali jiġu sospiżi, sakemm titneħħa l-karta s-safra għas-sajd IUU;

32.  Jirrikonoxxi l-impenn tal-Vjetnam li jindirizza l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u d-deforestazzjoni permezz tal-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (VPA/FLEGT) mal-UE; jinnota li dan il-ftehim ilu fis-seħħ mill-1 ta' Ġunju 2019 u jintroduċi obbligi vinkolanti ta' diliġenza dovuta għall-importaturi tiegħu; jilqa' l-parteċipazzjoni miftuħa u kostruttiva tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-Vjetnam f'dan il-proċess;

33.  Jissottolinja l-importanza kruċjali li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet u l-kapitoli kollha tal-ftehim b'mod effettiv, li jvarjaw mill-aċċess għas-suq għall-iżvilupp sostenibbli u l-infurzar tal-impenji kollha; iqis li d-dispożizzjonijiet kollha dwar it-TSD għandhom jinqraw bħala li jipprovdu obbligi legali fil-liġi internazzjonali u fl-FTA; jenfasizza f'dan il-kuntest il-pożizzjoni l-ġdida ta' Uffiċjal Kap għall-Infurzar tal-Kummerċ, li se jaħdem direttament taħt il-gwida tal-Kummissarju għall-Kummerċ, u l-impenn tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kummerċ Internazzjonali li jassumi rwol attiv fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-impenji EVFTA; jissottolinja, barra minn hekk, li l-kumpaniji Ewropej, speċjalment l-SMEs, għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu użu sħiħ mill-benefiċċji tal-ftehim u li kwalunkwe ostaklu rigward l-implimentazzjoni għandu jiġi regolarizzat immedjatament;

34.  Jisħaq li d-dħul fis-seħħ tal-ftehim se joħloq il-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni kbira u li tagħti l-frott bejn iż-żewġ partijiet bil-għan li jkun hemm implimentazzjoni effikaċi tad-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jistgħu jġibu magħhom it-titjib tas-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jenfasizza li l-implimentazzjoni xierqa tal-EVFTA tista' tgħin lill-Vjetnam javvanza fil-konformità mal-istandards Ewropej dwar l-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR); jilqa', f'dan il-kuntest, l-impenn tal-Vjetnam li jippreżenta l-pjan ta' implimentazzjoni nazzjonali tiegħu għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-EVFTA;

35.  Ifakkar fl-esperjenza preċedenti li turi li l-implimentazzjoni korretta tal-FTAs u l-preżenza ta' kumpaniji tal-UE fuq il-post jistgħu jwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, is-CSR u l-istandards ambjentali; jitlob lill-kumpaniji tal-UE jkomplu jkollhom rwol ewlieni biex jgħaqqdu l-istandards u l-prattiki tajba bil-ħsieb li jinħoloq l-aktar ambjent ta' negozju adattat u sostenibbli fil-Vjetnam permezz tal-EVFTA;

36.  Jappella għal monitoraġġ tal-ftehim dettaljat u rigoruż u għal impenn biex jiġi żgurat li n-nuqqasijiet jiġu indirizzati malajr mas-sieħeb kummerċjali tagħna; jistieden lill-UE biex tappoġġa l-miżuri għall-bini tal-kapaċità neċessarja u għal assistenza teknika speċifika biex tgħin lill-Vjetnam jimplimenta l-impenji tiegħu permezz ta' proġetti u għarfien espert, b'mod partikolari b'rabta mad-dispożizzjonijiet ambjentali u tax-xogħol; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligi ta' rappurtar tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-EVFTA;

37.  Jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili indipendenti u s-sħab soċjali fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim huwa kruċjali, u jappella għat-tħejjija u l-istabbiliment rapidu tad-DAGs wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim, kif ukoll għal rappreżentanza wiesgħa u bbilanċjata ta' organizzazzjonijiet indipendenti, liberi u diversi tas-soċjetà ċivili fi ħdan dawk il-gruppi, inklużi organizzazzjonijiet Vjetnamiżi indipendenti mis-setturi tax-xogħol u dawk ambjentali kif ukoll difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġa l-isforzi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Vjetnam biex jiżviluppaw proposti f'dan ir-rigward, u se jappoġġa l-isforzi għall-bini tal-kapaċità ;

38.  Ifakkar li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam hija msejsa fuq il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK), li jkopri oqsma mhux ekonomiċi, li jinkludu d-djalogu politiku, id-drittijiet tal-bniedem, l-edukazzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija, il-ġustizzja, l-asil u l-migrazzjoni;

39.  Jirrikonoxxi r-rabta istituzzjonali u legali bejn l-FTA u l-FSK, li tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fil-qalba tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam; jenfasizza s-sinifikat ta' xejriet verament pożittivi f'termini ta' drittijiet tal-bniedem għar-ratifika rapida ta' dan il-ftehim u jitlob lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jieħdu miżuri konkreti biex itejbu s-sitwazzjoni bħala sinjal tal-impenn tagħhom; ifakkar fit-talba tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018, jiġifieri dik fir-rigward tar-riforma tal-leġiżlazzjoni penali, il-piena tal-mewt, il-priġunieri politiċi u l-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Partijiet jagħmlu użu sħiħ mill-ftehimiet sabiex itejbu s-sitwazzjoni urġenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam u jenfasizza l-importanza ta' djalogu ambizzjuż dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam; jirrimarka li l-Artikolu 1 tal-FSK fih klawżola standard dwar id-drittijiet tal-bniedem li tista' tattiva miżuri adegwati, inkluża, bħala l-aħħar riżorsa, is-sospensjoni tal-FSK, u b'mod impliċitu tal-EVFTA, jew partijiet minnu, mingħajr dewmien;

40.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli twettaq valutazzjoni komprensiva tal-impatt tal-FTA fuq id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bħal din; jitlobha biex sistematikament tinkludi d-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha kull darba li twettaqhom, inkluż għall-ftehimiet kummerċjali li għandhom impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali sinifikanti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tagħmel valutazzjoni ex post tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali;

41.  Jitlob lill-UE u lill-Vjetnam joħolqu mekkaniżmu indipendenti ta' monitoraġġ dwar id-drittijiet tal-bniedem u mekkaniżmu indipendenti għat-tressiq tal-ilmenti, li joffru liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati lokali milquta rikors effettiv għall-rimedju, kif ukoll strument li jindirizza l-impatti negattivi potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem, partikolarment bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' soluzzjoni tat-tilwim bejn stat u stat għall-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli;

42.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar iċ-ċibersigurtà, partikolarment dwar il-lokalizzazzjoni u r-rekwiżit ta' żvelar, is-sorveljanza l-kontroll online, u l-miżuri ta' protezzjoni tad-data personali, li mhumiex kompatibbli mal-aġenda kummerċjali ta' liberalizzazzjoni bbażata fuq il-valuri tal-UE; jilqa' r-rieda ta' parteċipazzjoni fi djalogu intensiv, inkluż l-impenn tal-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam biex jinkludi ż-żewġ parlamenti fid-diskussjoni u d-deliberazzjoni tad-digrieti ta' implimentazzjoni; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jieħdu miżuri konkreti u jilqa' b'sodisfazzjon l-assistenza tal-UE f'dan ir-rigward;

43.  Ifakkar li l-Artikolu 8 tat-TFUE jistipula li "fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa"; jilqa' l-fatt li kemm il-Vjetnam kif ukoll l-UE ffirmaw id-Dikjarazzjoni tad-WTO ta' Buenos Aires dwar in-Nisa u l-Kummerċ u jistieden lill-Partijiet isaħħu l-impenji rigward il-ġeneru u l-kummerċ fil-ftehim; jitlob li l-kundizzjonijiet tan-nisa jittejbu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-ftehim, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità għan-nisa fuq ix-xogħol u fin-negozju, il-promozzjoni tar-rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet ta' awtorità, u t-titjib tal-aċċess tan-nisa għax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni u l-parteċipazzjoni u t-tmexxija tagħhom fihom; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li tinkludi l-Kapitoli dwar il-Ġeneru fi ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE, inklużi dawk milħuqa wara l-konklużjoni ta' dan il-ftehim; jistieden lill-UE u lill-Vjetnam jimpenjaw ruħhom biex jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-ftehim u jinkludu kapitolu speċifiku dwar il-Ġeneru u l-Kummerċ fir-rieżami futur tiegħu;

44.  Jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha u l-membri tas-soċjetà ċivili bħal bloggers jew unjonisti tax-xogħol indipendenti li huma attwalment arrestati jew misjuba ħatja, b'mod partikolari dawk imsemmija fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-14 ta' Diċembru 2017 u tal-15 ta' Novembru 2018;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jirrapportaw formalment lill-Parlament dwar l-impenn tal-Vjetnam biex jagħmel progress f'għadd ta' kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Diċembru 2015(11);

46.  Jisħaq li l-ftehim diġà rawwem il-bidliet f'ħafna oqsma permezz tad-djalogu, u jarah bħala l-bażi għal aktar titjib għall-poplu permezz ta' djalogu;

47.  Jilqa' l-ftehim, li se joħloq aktar opportunitajiet ta' kummerċ ħieles u ġust bejn l-UE u l-Vjetnam; iqis li l-kunsens tal-Parlament Ewropew huwa ġustifikat, billi l-Vjetnam jieħu passi biex itejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet ċivili u tax-xogħol sabiex jimxi fid-direzzjoni tal-impenji tiegħu;

48.   Jistieden lill-Kunsill jadotta malajr dan il-Ftehim. 

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam.

(1) ĠU L 329, 3.12.2016, p. 8.
(2) Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2017, 2/15, ECLI:EU:C:2017:376.
(3) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.
(4) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 122.
(5) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 73.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0459.
(7) https://www.ombudsman.europa.eu/mt/decision/en/64308
(8) Ara: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2019/february/tradoc_157686.pdf
(9) Testi adottati, P9_TA(2020)0026.
(10) Esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Vjetnam: hekk kif l-FTA jidħol fis-seħħ, 65 % tad-dazji għandhom jispiċċaw, u l-bqija għandhom jitneħħew gradwalment fuq perjodu mhux itwal minn 10 snin (pereżempju, id-dazji fuq il-karozzi se jibqgħu għall-perjodu kollu ta' 10 snin biex is-settur tal-karozzi jiġi protett mill-kompetizzjoni Ewropea); L-esportazzjonijiet Vjetnamiżi lejn l-UE: mad-dħul fis-seħħ, 71 % tad-dazji għandhom jispiċċaw, u l-bqija għandhom jitneħħew gradwalment fuq perjodu mhux itwal minn seba' snin.
(11) Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (ĠU C 399, 24.11.2017, p. 141).


Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment UE-Vjetnam, ***
PDF 121kWORD 42k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (05931/2019 – C9-0020/2019 – 2018/0358(NLE))
P9_TA(2020)0028A9-0002/2020

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05931/2019),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (05932/2019),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0020/2019),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta’ Frar 2020(1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0002/2020),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P9_TA(2020)0029.


Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (Riżoluzzjoni)
PDF 151kWORD 51k
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (05931/2019 – C9-0020/2019 – 2018/0358M(NLE))
P9_TA(2020)0029A9-0014/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05931/2019),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam min-naħa l-oħra (05932/2019),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C9-0020/2019),

–  wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjati tat-23 ta' April 2007 għal ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA) mal-Istati Membri u mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), li ġew issupplimentati f'Ottubru 2013 biex jinkludu l-protezzjoni tal-investiment,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-22 ta' Diċembru 2009 li jiġu segwiti negozjati bilaterali tal-FTA ma' Stati Membri individwali tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2012, li daħal fis-seħħ f'Ottubru 2016(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali(2),

–  wara li kkunsidra Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tlt-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Mejju 2017 fil-proċedura 2/15(5), skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, mitluba fl-10 ta' Lulju 2015 mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Vjetnam(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-libertà ta' espressjoni fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ ta' Nguyen Van Hoa(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Vjetnam, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi(8),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta' Frar 2016 fil-każ 1409/2014/MHZ dwar in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq minn qabel valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-FTA UE-Vjetnam(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar il-kontribut tal-UE għal strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra tan-negozju b’karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem(10),

–  wara li kkunsidra r-Regoli dwar it-Trasparenza f'Arbitraġġ bejn l-Investituri u l-Istat, ibbażat fuq Trattat tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL)(11),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-Titolu V tiegħu dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar it-tħaddim tat-tfal, li ħeġġew lill-Kummissjoni tkompli tesplora modi biex tuża l-istrumenti kummerċjali tal-UE b'mod aktar effettiv, inklużi ftehimiet ta' kummerċ ħieles biex jiġi miġġieled it-tħaddim tat-tfal,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, li stipulaw li "l-UE tirrikonoxxi li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mill-kumpanniji u l-integrazzjoni tiegħu fl-operazzjonijiet tal-kumpanniji u l-ktajjen ta' valur u ta' forniment hija indispensabbli għall-iżvilupp sostenibbli u l-kisba tal-SDGs" u li "s-sħubijiet kollha fl-implimentazzjoni tal-SDGs għandu jissejjes fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u t-tmexxija responsabbli tan-negozju", u li ħeġġew lill-kumpaniji tal-UE "jistabbilixxu mekkaniżmi għat-trattament ta' lmenti fil-livell operazzjonali, jew joħolqu inizjattivi konġunti għat-trattament ta' lmenti bejn kumpanniji",

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Ħames Parti, it-Titoli I, II u V tiegħu, speċifikament l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta’ Frar 2020(12) dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0014/2020),

A.  billi l-UE hija kemm riċevitur kif ukoll sors ewlieni ta' investiment dirett barrani (IDB) fid-dinja;

B.  billi l-UE tokkupa l-ħames post minn tmenin investitur dirett barrani fil-Vjetnam;

C.  billi l-Vjetnam għandu ekonomija vibranti bi klassi medja li qed tikber bl-aktar rata mgħaġġla fl-ASEAN, u għandu forza tax-xogħol żagħżugħa u dinamika, rata ta' litteriżmu għolja, livelli ta' edukazzjoni għoljin, pagi komparattivament baxxi, konnessjonijiet tajba tat-trasport u pożizzjoni ċentrali fi ħdan l-ASEAN;

D.  billi l-infrastruttura tal-Vjetnam u l-ħtiġijiet ta' investiment jaqbżu bil-kbir l-ammont ta' finanzjament pubbliku attwalment disponibbli;

E.  billi fl-2017, il-Vjetnam irċieva investiment dirett barrani (IDB) b'valur ta' 8 % tal-PDG tiegħu - aktar mid-doppju tar-rata riċevuta mill-ekonomiji ta' skala simili fir-reġjun;

F.  jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-kuntest kummerċjali, tan-negozju u tal-investiment tjieb b'mod sinifikanti fil-Vjetnam tul dawn l-aħħar deċennji;

G.  billi bħalissa hemm aktar minn 3 000 trattat internazzjonali ta' investiment fis-seħħ, u l-Istati Membri tal-UE huma partijiet kontraenti għal madwar 1 400 minnhom;

H.  billi wara l-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment UE-Singapore, dan jirrappreżenta t-tieni ftehim ta' protezzjoni tal-investiment awtonomu li ġie konkluż bejn l-UE u pajjiż terz, b'segwitu għal diskussjonijiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej dwar l-arkitettura l-ġdida tal-FTAs tal-UE abbażi tal-opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QtĠ-UE) tas-16 ta' Mejju 2017, li se jservi bħala punt ta' riferiment għall-impenn futur tal-UE mas-sħab kummerċjali tagħha;

I.  billi l-ftehim se jissostitwixxi u jissupera t-trattati bilaterali eżistenti fuq l-investiment bejn 21 Stat Membru tal-UE u l-Vjetnam, li ma inkludewx l-approċċ il-ġdid tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment u l-mekkaniżmu ta' infurzar tiegħu, jiġifieri s-Sistema ta' Qorti tal-Investiment (ICS) pubblika;

J.  billi l-ICS ġiet integrata fil-ftehim CETA li diġà kien ġie finalizzat, li ġie ratifikat mill-Parlament fil-15 ta' Frar 2017 u għad irid jiġi ratifikat minn bosta Stati Membri, biex b'hekk jieħu post is-sistema ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS);

K.  billi, fit-30 ta' April 2019, il-QtĠ-UE ddeċidiet li l-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati previst mis-CETA huwa kompatibbli mad-dritt tal-UE(13);

L.  billi l-Partijiet iddikjaraw l-impenn tagħhom li jistabbilixxu Qorti Multilaterali tal-Investiment (MIC) – inizjattiva li tgawdi appoġġ qawwi u kontinwu mill-Parlament;

M.  billi fl-20 ta' Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-direttivi ta' negozjati li awtorizzaw lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-UE, konvenzjoni li tistabbilixxi l-MIC; billi dawn id-direttivi ta' negozjati ġew ippubblikati;

1.  Jilqa' l-approċċ il-ġdid tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment u l-mekkaniżmu ta' infurzar (ICS), li rriforma l-ISDS u tejjeb il-kwalità tal-approċċi individwali ta' trattat bilaterali fuq l-investiment konklużi mill-Istati Membri tal-UE; jissottolinja l-fatt li l-ICS tirrappreżenta mekkaniżmu modern, innovattiv u riformat ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti tal-investiment fir-rigward tan-nuqqasijiet proċedurali tal-ISDS; jinnota, barra minn hekk, li dan jindika bidla sinifikanti fil-livell ta' protezzjoni sostantiva mogħtija lill-investituri u fil-mod li bih jiġi solvut it-tilwim bejn l-investitur u l-Istat; jesprimi tħassib li l-kamp ta' applikazzjoni jestendi ftit lil hinn mis-sempliċi nondiskriminazzjoni bejn l-investituri barranin u dawk domestiċi; ifakkar li l-istabbiliment ta' qorti tal-investiment multilaterali indipendenti jagħti ċertezza tad-dritt akbar lill-partijiet kollha; jilqa' l-impenn qawwi tal-Vjetnam għas-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli;

2.  Jinnota li l-ftehim se jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-investiment u ta' ċertezza tad-dritt filwaqt li jissalvagwardja d-dritt tal-Partijiet li jirregolaw u li jsegwu objettivi leġittimi ta' politika pubblika, bħas-saħħa pubblika, is-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-ambjent; jenfasizza li l-ftehim se jiggarantixxi wkoll it-trasparenza u r-responsabbiltà; jitlob lill-Kummissjoni tqis aktar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u r-rispett għall-Ftehim ta' Pariġi fis-salvagwardja tad-dritt tal-Partijiet li jirregolaw, kif sar bis-CETA; jinsisti dwar monitoraġġ u rappurtar regolari lill-Parlament Ewropew dwar l-użu ta' din id-dispożizzjoni minn investituri Ewropej;

3.  Jenfasizza li l-ftehim jiggarantixxi li l-investituri tal-UE fil-Vjetnam se jingħataw trattament ġust u ekwu, li huwa standard ta' protezzjoni ogħla mit-trattament nazzjonali; jinnota li l-ftehim jipproteġi b'mod xieraq lill-investituri tal-UE minn esproprjazzjoni illeġittima; iqis li dan għandu jimxi id f'id ma' responsabbiltajiet għall-investituri biex jeżerċitaw id-diliġenza dovuta fir-rigward ta' prattiki kummerċjali sostenibbli f'konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol kif ukoll l-istandards ambjentali;

4.  Jissottolinja li l-iżvilupp ekonomiku u l-multilateraliżmu huma għodod importanti biex itejbu ħajjet in-nies; jirrimarka li wieħed mill-objettivi tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment (IPA) huwa li tissaħħaħ ir-relazzjoni ekonomika, kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Vjetnam f'konformità mal-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli, u li jiġu promossi l-kummerċ u l-investiment f'konformità sħiħa ma' standards u ftehimiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u x-xogħol;

5.  Ifakkar li l-Vjetnam huwa pajjiż li qed jiżviluppa; jenfasizza li sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-SDG 1 dwar il-qerda tal-faqar, l-SDG 8 dwar ix-xogħol deċenti u l-SDG 10 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, l-investiment għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, jappoġġja l-ekonomija lokali u jirrispetta bis-sħiħ ir-regolamenti domestiċi, inklużi r-rekwiżiti tat-taxxa;

6.  Ifakkar li l-ICS tipprevedi l-istabbiliment ta' Tribunal tal-Investiment tal-Prim'Istanza Permanenti u Tribunal tal-Appell, li l-membri tagħhom jeħtieġ li jkollhom kwalifiki komparabbli għal dawk li għandhom imħallfin tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, u għandhom juru għarfien espert fid-dritt internazzjonali pubbliku u mhux biss fid-dritt kummerċjali, u barra minn hekk jeħtieġ li jissodisfaw regoli stretti ta' indipendenza, imparzjalità, integrità u imġiba etika permezz ta' kodiċi ta' kondotta vinkolanti mfassal biex jipprevjeni kunflitti ta' interess diretti jew indiretti; jenfasizza li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tqis li l-ICS hija f'konformità sħiħa mad-dritt tal-UE, kif espress fl-opinjoni 1/17 tagħha;

7.  Jilqa' bi pjaċir ir-regoli ta' trasparenza li japplikaw għall-proċedimenti quddiem it-tribunali, li jinkludu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li d-dokumenti tal-każ ikunu disponibbli pubblikament, is-seduti ta' smigħ isiru fil-pubbliku, u l-partijiet interessati jitħallew iressqu l-kummenti tagħhom; jemmen li żieda fit-trasparenza tgħin biex titrawwem il-fiduċja pubblika fis-sistema, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-aspetti kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tal-iżvilupp sostenibbli jinstemgħu b'mod effettiv mit-tribunali tal-investiment; jilqa', barra minn hekk, iċ-ċarezza rigward ir-raġunijiet li għalihom investitur jkun jista' jippreżenta sfida, li tiżgura proċess aktar trasparenti u ġust;

8.  Jenfasizza li partijiet terzi, bħall-organizzazzjonijiet tax-xogħol u dawk ambjentali, jistgħu jikkontribwixxu fil-proċedimenti tal-ICS permezz ta' osservazzjonijiet amicus curiae;

9.  Jissottolinja li mhux se jkun possibbli ssir għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni u li se jiġu evitati proċedimenti multipli u paralleli;

10.  Ifakkar li l-ftehim jirrappreżenta titjib fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment fis-CETA, peress li jinkorpora d-dispożizzjonijiet dwar obbligi għal ex imħallfin, kodiċi ta' kondotta li jipprevjeni kunflitti ta' interess u Tribunal ta' Appell li jiffunzjona bis-sħiħ fil-mument tal-konklużjoni tiegħu;

11.  Jemmen li l-istabbiliment ta' Tribunal ta' Appell jista' jtejjeb il-kwalità u l-konsistenza tad-deċiżjonijiet meta mqabbel mas-sitwazzjoni kurrenti;

12.  Jinnota li l-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u l-Vjetnam (EVIPA) ma jinkludix kapitolu separat dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, peress li dan tal-aħħar japplika għall-aċċess għas-suq tal-investiment taħt il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam (EUVFTA); jenfasizza li l-EVIPA jinkludi wkoll dispożizzjoni li tistabbilixxi rabta istituzzjonali u legali mal-Ftehim Qafas Komprensiv dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni (FSK), kif ukoll referenzi speċifiċi fil-preambolu tiegħu għall-valuri u l-prinċipji tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, kif minquxa fl-EUVFTA, u għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex b'hekk jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fil-qalba tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam; jissottolinja li l-Partijiet u l-investituri jeħtiġilhom jirrispettaw l-istandards u l-obbligi internazzjonali rilevanti kollha tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq ir-responsabbiltajiet tal-investituri kif spjegat fil-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jirrimarka, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet tal-EVIPA u l-EUVFTA jridu jiġu implimentati b'mod komplementari, speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u d-drittijiet soċjali u l-iżvilupp sostenibbli meta dawn jiġu applikati skont id-dritt tal-Partijiet li jirregolaw; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li tiġi garantita konsistenza mal-għanijiet tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp skont l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

13.  Jenfasizza s-sinifikat ta' xejriet verament pożittivi f'termini ta' drittijiet tal-bniedem għal ratifika rapida ta' dan il-ftehim u jitlob lill-awtoritajiet tal-Vjetnam ifasslu miżuri konkreti biex itejbu s-sitwazzjoni biex juru l-impenn tagħhom; ifakkar fit-talbiet tiegħu rigward ir-riforma tal-leġiżlazzjoni penali, l-użu tal-piena tal-mewt, il-priġunieri politiċi u l-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Partijiet jagħmlu użu sħiħ mill-ftehimiet sabiex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam u jenfasizza l-importanza ta' djalogu ambizzjuż dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam; jirrimarka li l-Artikolu 1 tal-FSK fih klawżola standard dwar id-drittijiet tal-bniedem li tista' tattiva miżuri adegwati, inkluża, bħala l-aħħar riżorsa, is-sospensjoni immedjata tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni u, konsegwentement, il-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment jew elementi tiegħu;

14.  Itenni li l-Artikolu 35 tal-FSK u l-Artikolu 13 tal-FTA, flimkien ma' sistema ta' evalwazzjoni perjodika, jipprovdu għodod biex jindirizzaw it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem relatati mal-implimentazzjoni tal-IPA, iżda jridu jkunu akkumpanjati minn skrutinju mill-UE u l-Istati Membri tagħha, u minn mekkaniżmu indipendenti ta' monitoraġġ u tressiq ta' lmenti, li joffru liċ-ċittadini u lill-partijiet interessati milquta rikors effettiv għal rimedju u għodda biex jiġu indirizzati l-impatti negattivi potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar iċ-ċibersigurtà, partikolarment dwar il-lokalizzazzjoni u r-rekwiżit ta' żvelar, is-sorveljanza l-kontroll online, u l-miżuri ta' protezzjoni tad-data personali, li mhumiex kompatibbli mal-aġenda kummerċjali ta' liberalizzazzjoni bbażata fuq il-valuri tal-UE; jilqa' r-rieda ta' parteċipazzjoni fi djalogu intensiv, inkluż l-impenn tal-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam biex jinkludi ż-żewġ parlamenti fid-diskussjoni u d-deliberazzjoni tad-digrieti ta' implimentazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jieħdu miżuri konkreti u jilqa' b'sodisfazzjon l-assistenza tal-UE f'dan ir-rigward;

16.  Ifakkar li l-Artikolu 8 tat-TFUE jistipula li "fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa"; jilqa' l-fatt li kemm il-Vjetnam kif ukoll l-UE ffirmaw id-Dikjarazzjoni tad-WTO ta' Buenos Aires dwar in-Nisa u l-Kummerċ u jistieden lill-Partijiet isaħħu l-impenji tagħhom rigward il-ġeneru u l-kummerċ f'dan il-ftehim; jitlob li l-kundizzjonijiet tan-nisa jittejbu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-ftehim, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità għan-nisa fuq ix-xogħol u fin-negozju, il-promozzjoni tar-rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet ta' awtorità, u t-titjib tal-aċċess tan-nisa għax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni u l-parteċipazzjoni u t-tmexxija tagħhom fihom;

17.  Jappella lill-UE u lill-Vjetnam jikkooperaw biex jiżviluppaw pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, inkluż il-qafas meħtieġ għall-intrapriżi;

18.  Jilqa' bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Kunsill li jippubblika d-direttivi ta' negozjar tal-20 ta' Marzu 2018 dwar il-MIC, u jistieden lill-Kunsill jippubblika d-direttivi ta' negozjar kollha preċedenti dwar il-ftehim ta' kummerċ u investiment;

19.  Jaċċentwa l-fatt li dan il-ftehim ser jissostitwixxi l-21 trattati bilaterali ta' investiment eżistenti bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Vjetnam; iqis li dan jirrappreżenta pass importanti favur iż-żieda tal-leġittimità u l-aċċettazzjoni tar-reġim tal-investiment internazzjonali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri ta' akkumpanjament għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) sabiex il-ftehim ikun trasparenti u aċċessibbli; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha biex tagħmel l-ICS aktar aċċessibbli għall-SMEs; jissottolinja l-potenzjal għat-tkabbir u l-benefiċċji sinifikanti li huma b'dan disponibbli għall-SMEs Ewropej, li huma ta' interess vitali għall-prosperità u l-innovazzjoni Ewropej;

21.  Jissottolinja l-importanza li l-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment jista' jkollu biex jikkontribwixxi għat-titjib fl-istandards tal-għajxien, jippromwovi l-prosperità u l-istabbiltà, u jgħin biex javvanza l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, filwaqt li jippermetti wkoll li l-UE trawwem l-objettivi tagħha ta' paċi u stabbiltà fir-reġjun; jisħaq li r-rispett mingħajr riżervi ta' dawk il-valuri universali jagħmel parti mill-kundizzjonijiet ta' kwalunkwe ftehim bejn l-UE u stat terz;

22.  Iqis li l-approvazzjoni ta' dan il-ftehim se tipproteġi bil-qawwa lill-investituri taż-żewġ naħat u lill-investimenti tagħhom filwaqt li tissalvagwardja d-drittijiet tal-gvernijiet li jirregolaw, u se toħloq iżjed opportunitajiet għall-kummerċ liberu u ġust bejn l-UE u l-Vjetnam; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw malajr il-ftehim sabiex jiżguraw li l-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-aktar fis possibbli, fid-dawl tal-isforzi tal-Vjetnam biex itejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet ċivili u tax-xogħol skont l-impenji tiegħu;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam.

(1) ĠU L 329, 3.12.2016, p. 8.
(2) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 34.
(3) ĠU L 351, 20.12.2012, p. 40.
(4) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.
(5) Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2017, 2/15, ECLI:EU:C: 2017:376.
(6) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 122.
(7) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 73.
(8) Testi adottati, P8_TA(2018)0459.
(9) https://www.ombudsman.europa.eu/mt/decision/en/64308
(10) ĠU C 11, 13.1.2020, p. 36.
(11) https://www.uncitral.org/pdf/english/texts/arbitration/rules-on-transparency/Rules-on-Transparency-E.pdf
(12) Testi adottati, P9_TA(2020)0028.
(13) Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' April 2019, 1/17.


Oġġezzjoni skont l-Artikolu 112: Iċ-ċomb u l-komposti tiegħu
PDF 164kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward taċ-ċomb u tal-komposti tiegħu (D063675/03 – 2019/2949(RPS))
P9_TA(2020)0030B9-0089/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward taċ-ċomb u tal-komposti tiegħu (D063675/03),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni ("ir-Regolament REACH")(1), b'mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 – "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2001 dwar il-"Green Paper" tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet tal-PVC(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ta' XXX tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil) ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(7);

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2019 fil-Kawża T-837/16(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.  billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jfittex li jillimita l-livell ta' ċomb fejn jintuża bħala stabbilizzatur f'polimeri jew kopolimeri tal-klorur tal-vinil (PVC);

B.  billi ċ-ċomb huwa sustanza tossika li jista' jikkawża effetti serji fuq is-saħħa, inkluż ħsara newroloġika irriversibbli, anki f'dożi baxxi(10); billi ma hemm l-ebda livell sikur għaċ-ċomb(11),(12); billi ċ-ċomb huwa wkoll ta' ħsara għall-ambjent: huwa tossiku ħafna għall-ħajja akkwatika(13) u jippersisti fl-ambjent(14);

C.  billi l-problema tal-użu taċ-ċomb bħala stabbilizzatur għall-PVC diġà ġiet imqajma mill-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha tas-26 ta' Lulju 2000 dwar il-kwistjonijiet ambjentali tal-PVC(15);

D.  billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-Green Paper tagħha li kienet favur tnaqqis fl-użu taċ-ċomb bħala stabbilizzatur fil-prodotti tal-PVC, u pprevediet numru ta' miżuri, inkluża t-tneħħija gradwali leġiżlattiva, iżda fl-aħħar iddeċidiet għal impenn volontarju tal-industrija tal-PVC li jieqaf milli jintuża ċ-ċomb bħala stabbilizzatur tal-PVC sal-2015(16);

E.  billi dak l-approċċ imur kontra l-pożizzjoni tal-Parlament, li bi tweġiba għall-Green Paper appella lill-Kummissjoni biex tipprojbixxi l-użu kollu taċ-ċomb bħala stabbilizzatur fil-PVC(17);

F.  billi l-azzjoni tal-Kummissjoni f'dak iż-żmien, jiġifieri li ma jsir xejn, fisser li matul il-perjodu mill-2000 sal-2015, ġew prodotti miljuni ta' PVC, li ġew stabbilizzati b'diversi mijiet ta' eluf ta' tunnellati ta' ċomb(18); billi l-artikoli tal-PVC magħmula minn PVC bħal dan li fih iċ-ċomb gradwalment isiru skart;

G.  billi hekk kif ġie ssodisfat l-impenn volontarju tal-industrija tal-PVC fl-2015, il-Kummissjoni indunat li ċ-ċomb kompla jintuża f'artikoli importati tal-PVC; billi l-Kummissjoni għalhekk talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ("l-Aġenzija") biex tabbozza rapport ta' restrizzjoni tal-Anness XV;

H.  billi r-rilevanza primarja tar-restrizzjoni għal artikoli tal-PVC importati ġiet ikkonfermata mill-Aġenzija, li sabet li "Peress li l-industrija Ewropea tal-PVC diġà bdiet it-tneħħija gradwali tal-komposti taċ-ċomb bħala stabbilizzaturi tal-PVC, madwar 90 % tal-emissjonijiet ewlenin stmati huma attribwibbli għal artikoli tal-PVC importati fl-UE matul l-2016"(19);

I.  billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jipproponi li jiġi ristrett l-użu u l-preżenza taċ-ċomb u l-komposti tiegħu f'artikoli magħmula mill-PVC, li jistabbilixxi limitu ta' konċentrazzjoni massima ta' 0.1 % skont il-piż tal-materjal tal-PVC(20);

J.  billi dan huwa bbażat fuq il-konklużjoni li r-riskju għall-bniedem minn stabbilizzaturi taċ-ċomb f'artikoli tal-PVC fl-Unjoni mhuwiex ikkontrollat b'mod adegwat(21); billi l-perikli ambjentali ma ntużawx fil-karatterizzazzjoni tar-riskju taċ-ċomb fil-kuntest tal-proposta għal restrizzjoni tar-riskju(22);

K.  billi dan il-limitu ġie applikat fuq il-bażi tar-raġunament li ġej: "Meta wieħed iqis li l-komposti taċ-ċomb ma jistgħux jistabbilizzaw il-PVC b'mod effettiv f'konċentrazzjonijiet ta' inqas minn 0.5 % skont il-piż, il-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 0.1 % propost mill-Aġenzija għandu jiżgura li ż-żieda intenzjonali tal-komposti taċ-ċomb bħala stabbilizzaturi matul it-taħlit tal-PVC ma tkunx għadha tista' sseħħ fl-Unjoni"(23);

L.  billi huwa importanti li wieħed jirrealizza li l-limitu ta' 0.1 % ma jirrappreżentax "livell sikur", iżda pjuttost livell amministrattiv stabbilit biex jiġi evitat li ċ-ċomb jintuża bħala stabbilizzatur fil-PVC għalkollox;

M.  billi, l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jipprevedi żewġ derogi għal materjali tal-PVC irkuprati għal 15-il sena: waħda li tippermetti konċentrazzjoni ta' ċomb ta' mhux aktar minn 2 % bil-piż ta' PVC riġidu(24), u oħra li tippermetti konċentrazzjoni ta' ċomb sa 1 % bil-piż ta' PVC flessibbli/artab(25);

N.  billi l-konċentrazzjonijiet ta' ċomb ta' 1 % jew 2 % tal-piż ċertament ma jikkorrispondux għal "livelli sikuri", iżda huma limiti stabbiliti biex l-industrija tkun tista' tkompli tottimizza l-benefiċċji finanzjarji tagħhom mir-riċiklaġġ tal-iskart tal-PVC li jkun fih iċ-ċomb(26);

O.  billi tali derogi jipperpetwaw l-użu ta' sustanza użata fil-passat permezz ta' artikoli magħmulin minn PVC irkuprat, minkejja li d-disponibbiltà ta' alternattivi tiġi rikonoxxuta b'mod espliċitu mill-Kummissjoni(27);

P.  billi dawn id-derogi jmorru kontra pożizzjoni tal-Parlament li ilha stabbilita, affermata mill-ġdid f'ħafna riżoluzzjonijiet, l-aktar riċenti fil-15 ta' Jannar 2020; billi l-Parlament diġà enfasizza speċifikament fl-2001 li "r-riċiklaġġ tal-PVC m'għandux jipperpetwa l-problema tal-metalli tqal"(28); billi l-Parlament enfasizza fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-"effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: Il-mixja lejn ekonomija ċirkolari" li "r-riċiklaġġ m'għandux jiġġustifika t-tkomplija tal-użu ta' sustanzi ta' legat perikolużi"(29); billi, fl-2015, il-Parlament aġixxa b'dan il-mod billi oġġezzjona għall-awtorizzazzjoni tad-DEHP, sustanza oħra użata fil-passat, għar-riċiklaġġ tal-PVC(30); billi fl-2018 il-Parlament tenna wkoll li, "skont il-ġerarkija tal-iskart, il-prevenzjoni tieħu prijorità fuq ir-riċiklaġġ u li, għaldaqstant, ir-riċiklaġġ m'għandux jiġġustifika t-tkomplija tal-użu ta' sustanzi tradizzjonalment perikolużi"(31); billi fil-15 ta' Jannar 2020, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Parlament ikkunsidra espliċitament li sustanzi pprojbiti "ma għandhomx jerġgħu jiddaħħlu fis-suq tal-UE fi prodotti għall-konsumatur permezz ta' attivitajiet ta' riċiklaġġ";

Q.  billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jiġġustifika d-derogi għall-PVC irkuprat billi jiddikjara li "l-alternattiva għar-riċiklaġġ ta' artikoli bħal dawn, jiġifieri r-rimi ta' skart tal-PVC permezz tar-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni żżid l-emissjonijiet fl-ambjent u ma tnaqqasx ir-riskju"(32);

R.  billi r-raġunament wara l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni ma jqisx il-fatt li r-riċiklaġġ mhuwiex fil-fatt alternattiva għar-rimi fil-miżbliet jew l-inċinerazzjoni, minħabba li r-riċiklaġġ tal-PVC ma jistax jibqa' għaddej għal dejjem u b'hekk sempliċiment jipposponi r-rimi finali tal-PVC li jkun fih iċ-ċomb u l-emissjonijiet korrispondenti, filwaqt li joħloq emissjonijiet addizzjonali waqt ir-riċiklaġġ u l-fażi sussegwenti tal-użu;

S.  billi, fil-fatt, l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni għandu, minn naħa, jirrestrinġi l-importazzjoni ta' madwar 1 000 sa 4 000 tunnellata ta' ċomb f'artikoli tal-PVC importati, filwaqt li fl-istess ħin jippermetti li madwar 2 500 sa 10 000 tunnellata ta' ċomb għal kull sena jitqiegħdu (għal darb' oħra) fis-suq permezz ta' PVC irkuprat(33);

T.  billi, fi kliem ieħor, l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jirrestrinġi l-importazzjoni taċ-ċomb permezz ta' artikoli tal-PVC, u dan biss jimmina l-effett ta' din ir-restrizzjoni permezz tat-tqegħid mill-ġdid fis-suq tad-dover doppju ta' ċomb doppju, permezz ta' artikoli magħmulin minn PVC irkuprat li jkun fih iċ-ċomb;

U.  billi d-derogi għall-PVC irkuprat fl-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jmorru kontra l-objettiv primarju tar-Regolament REACH li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent(34);

V.  billi tali derogi jiksru wkoll l-impenji taħt is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali adottat fl-2013, li jitolbu speċifikament għall-iżvilupp ta' ċikli ta' materjal mhux tossiku sabiex l-iskart riċiklat jista' jintuża bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima għall-Unjoni(35);

W.  billi tali derogi jwasslu għal suq b'żewġ livelli ta' kwalità, jiġifieri prodotti magħmula minn PVC verġni li jkunu ħielsa miċ-ċomb minn naħa waħda u prodotti magħmula minn PVC irkuprat li jkun fihom kwantitajiet sinifikanti ta' ċomb min-naħa l-oħra; billi din it-tolleranza għaċ-ċomb fil-prodotti magħmula minn PVC irkuprat tiskredita l-irkupru tal-prodotti;

X.  billi mhuwiex xieraq li jiġu posposti għall-futur il-problemi ta' ġestjoni ambjentalment soda tal-iskart tal-PVC li fih iċ-ċomb, u wisq inqas permezz tad-dilwizzjoni taċ-ċomb fil-ġenerazzjoni li jmiss ta' artikoli;

Y.  billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jillimita d-derogi għall-PVC irkuprat għal ċerti applikazzjonijiet u jintroduċi rekwiżit li ċ-ċomb jingħalaq f'saff ta' PVC prodott ġdid, għal sett tal-artikoli kkonċernati, b'dewmien ta' ħames snin għal tali obbligu għall-PVC flessibbli;

Z.  billi l-limitazzjoni tad-derogi ma tindirizzax l-emissjonijiet ta' ċomb matul ir-rimi finali tal-iskart, li jammontaw għal 95 % tal-emissjonijiet;

AA.  billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jirrikjedi wkoll li l-artikoli tal-PVC li jkun fihom PVC irkuprat ikunu mmarkati "fih PVC irkuprat"; billi l-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (RAC) tal-Aġenzija ddikjara li din it-tikketta "mhijiex biżżejjed waħedha biex tiddistingwi bejn materjal riċiklat mingħajr ċomb u r-riċiklat li fih iċ-ċomb"(36);

AB.  billi tali marka hija tabilħaqq qarrieqa, peress li l-indikazzjoni ta' kontenut irkuprat għandha konnotazzjoni pożittiva, filwaqt li, f'dan il-każ, fil-verità hija tfisser li l-prodotti rkuprati fihom ammonti sinifikanti ta' ċomb, meta mqabbla ma' prodotti magħmula minn PVC verġni mingħajr ċomb;

AC.  billi tali tikkettar qarrieqi promozzjonali ta' artikoli tal-PVC irkuprati li jkun fihom iċ-ċomb imur kontra l-għan tar-Regolament REACH biex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;

AD.  billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jipprevedi wkoll skema ta' ċertifikazzjoni li tissostanzja d-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini rkuprata tal-PVC biex jiddistingwihom minn artikoli magħmula minn PVC verġni, li għalihom għandu japplika valur ta' limitu differenti;

AE.  billi d-dipendenza fuq livell addizzjonali ta' ċertifikati tqajjem dubji dwar l-implimentabbiltà ta' tali dispożizzjoni u għalhekk tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Anness XV tar-Regolament REACH li jeħtieġ li restrizzjoni tkun implimentabbli, infurzabbli u maniġġabbli;

AF.  billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jeżenta żewġ pigmenti taċ-ċomb mill-kamp ta' applikazzjoni tar-restrizzjoni peress li dawn huma suġġetti għal awtorizzazzjoni skont ir-Regolament REACH;

AG.  billi l-RAC espliċitament irrikonoxxa li "r-riskji ... japplikaw bl-istess mod għall-komposti taċ-ċomb li ma ntużawx bħala stabbilizzaturi"(37);

AH.  billi huwa diffiċli li wieħed jiddetermina l-identità speċifika u l-funzjoni tal-komposti taċ-ċomb fil-PVC, kif rikonoxxut b'mod espliċitu mir-RAC(38);

AI.  billi tali eżenzjoni għalhekk toħloq problemi għall-infurzar, u b'hekk tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Anness XV tar-Regolament REACH li jeħtieġ li restrizzjoni tkun implimentabbli, infurzabbli u maniġġabbli;

AJ.  billi eżenzjoni bħal din tonqos ukoll milli tqis is-sentenza tal-Kawża T-837/16, li effettivament annullat l-awtorizzazzjoni għal dawn il-pigmenti taċ-ċomb;

AK.  billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jipprevedi perjodu ta' grazzja ta' 24 xahar għall-operaturi ekonomiċi biex, fost l-oħrajn , "jiddisponu mill-istokkijiet tagħhom"(39);

AL.  billi l-fatt li l-importaturi jitħallew ibigħu artikoli tal-PVC li jkun fihom eluf ta' tunnellati ta' ċomb għal 24 xahar ieħor filwaqt li l-ebda artikolu ta' PVC li jkun fih iċ-ċomb ma jiġi prodott aktar fl-Unjoni jmur kontra l-għan tar-Regolament REACH li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;

AM.  billi l-Parlament fl-2001 qies "neċessarju li jkompli jiżviluppa riċerka teknoloġika, primarjament fil-qasam tar-riċiklaġġ kimiku li jista' jissepara l-klorin minn metalli tqal ... bil-għan li jiżdied il-persentaġġ ta' skart tal-PVC riċiklat"(40);

AN.  billi kemm l-Aġenzija kif ukoll il-Kummissjoni naqsu milli jivvalutaw il-fattibbiltà tar-riċiklaġġ tal-kimika/tal-materja prima ta' skart tal-PVC li jippermetti s-separazzjoni u r-rimi sikur taċ-ċomb; billi skont l-industrija tal-PVC, dawn it-teknoloġiji huma disponibbli(41),(42);

AO.  billi l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Industrija tas-Sustanzi Kimiċi qed tippromwovi r-riċiklaġġ kimiku bħala mezz biex wieħed jieħu ħsieb sustanzi ta' tħassib(43);

AP.  billi, fil-qosor, l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni wasal 18-il sena tard wisq u fih diversi elementi li mhumiex kompatibbli mal-għan jew il-kontenut tar-Regolament REACH, jiġifieri derogi għal PVC irkuprat, immarkar pożittiv ta' PVC irkuprat minkejja l-kontenut ta' ċomb, eżenzjoni għal pigmenti taċ-ċomb, u perjodu twil ta' grazzja;

AQ.  billi l-Kummissjoni ressqet l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni aktar minn sena wara l-iskadenza stipulata fir-Regolament REACH(44);

1.  Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.  Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhux kompatibbli mal-objettiv u l-kontenut tar-Regolament REACH;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha u tippreżenta wieħed ġdid lill-kumitat mingħajr dewmien;

4.  Iqis li kwalunkwe rkupru tal-PVC ma għandux iwassal għat-trasferiment ta' komposti taċ-ċomb f'ġenerazzjoni ġdida ta' prodotti;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-Anness għall-abbozz ta' regolament billi tħassar il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 14 u l-paragrafi 15, 16, 17 u 19, kif ukoll billi tnaqqas il-perjodu ta' grazzja fil-paragrafu 13 għal massimu ta' 6 xhur, sabiex ir-restrizzjoni tkun tista' tkun effettiva anke qabel dik prevista fl-abbozz ta' regolament;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-iskadenzi stipulati fir-Regolament REACH;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(3) ĠU C 21 E, 24.1.2002, p. 112.
(4) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
(5) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 96.
(6) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 146.
(7) P9_TA(2020)0005.
(8) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2019, L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni, T-837/16, ECLI:EU:T:2019:144, http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf;jsessionid=3DE9187FAF56F2A2616EA9541DE1D2B2?text=&docid=211428&pageIndex=0&doclang=MT&mode=lst&dir=&occ=first&part=1&cid=5232553
(9) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(10) Ara l-European Chemicals Agency Annex XV Restriction Report tas-16 ta' Diċembru 2016 ("id-dossier tal-Anness XV"), p. 3: "Huwa stabbilit sew li l-esponiment għaċ-ċomb jista' jirriżulta f'effetti severi ta' newromġiba u ta' żvilupp newroloġiku, anki f'dożi baxxi. Iċ-ċomb jitqies bħala sustanza newrotossika mingħajr valur ta' limitu assoċjata ma' impatti negattivi fuq l-iżvilupp tas-sistemi nervużi ċentrali tat-tfal [...] l-EFSA indikat li t-trab u l-ħamrija tad-djar jistgħu jkunu sorsi importanti ta' espożizzjoni tat-tfal għaċ-ċomb. Huma rrakkomandaw li għandhom ikomplu l-isforzi biex jitnaqqas l-esponiment tal-bniedem għaċ-ċomb kemm minn sorsi dijetetiċi kif ukoll minn sorsi mhux dijetetiċi.", https://echa.europa.eu/documents/10162/f639cc6f-7403-63de-9407-135544f33d86
(11) Ara l-kwotazzjoni hawn fuq mid-dossier tal-Anness XV li jirreferi għaċ-ċomb bħala "sustanza mingħajr valur ta' limitu".
(12) Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, "m'hemm l-ebda livell ta' espożizzjoni għaċ-ċomb li huwa magħruf li huwa mingħajr effetti ta' ħsara", https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/lead-poisoning-and-health
(13) Id-dossier tal-Anness XV, p. 11.
(14) https://apps.who.int/iris/bitstream/handle/10665/329953/WHO-CED-PHE-EPE-19.4.7-eng.pdf?ua=1
(15) COM(2000)0469.
(16) https://vinylplus.eu/uploads/Modules/Documents/vc2001_en.pdf
(17) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2001 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ambjentali tal-PVC (ĠU C 21 E, 24.1.2002, p. 112).
(18) Skont il-Green Paper, fl-1998, il-produzzjoni domestika annwali tal-PVC kienet ta' 5.5 miljun tunnellata, filwaqt li l-użu taċ-ċomb bħala stabbilizzatur kien ta' 112 000 tunnellata.
(19) Id-dossier tal-Anness XV, p. 4.
(20) Il-paragrafi 11 u 12 tal-Anness għall-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni.
(21) Id-dossier tal-Anness XV, p. 4, u l-premessa 1 tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni.
(22) Opinjoni tal-5 ta' Diċembru 2017 tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji u l-Opinjoni tal-15 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat tal-Analiżi Soċjo-ekonomika dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu ta' sustanza fi ħdan l-UE, p. 10, https://echa.europa.eu/documents/10162/bf4394ef-7b75-99ec-13c1-134ba7ed713d
(23) Premessa 4 tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni.
(24) Punt (a) tal-paragrafu 14 tal-Anness għall-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni.
(25) Punt (b) tal-paragrafu 14 tal-Anness għall-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni.
(26) Kif spjegat fid-dossier tal-Anness XV, p. 35: "L-industrija (ESPA, l-EuPC, l-ECVM) innotat li għandu jiġi pprovdut limitu ta' ċomb ogħla ta' 1 % skont il-piż għal PVC riċiklat (aktar milli ż-0.1 % skont il-piż ġeneriku) minħabba r-residwi taċ-ċomb li bħalissa jinsabu fl-iskart tal-PVC. B'mod ġenerali, ir-riċiklaturi/il-konvertituri tal-PVC enfasizzaw li sabiex jikkonformaw ma' limitu ta' 0.1 %, 10 % biss ta' artikolu jista' jsir minn PVC riċiklat (li huwa irħas), għalhekk, ir-riċiklaġġ tal-PVC ma jkunx aktar vijabbli ekonomikament u jkollu jieqaf (minħabba l-ispejjeż fissi u dawk varjabbli meħtieġa biex jiġu koproċessati u mħaddma l-estrużi)."
(27) Premessa 6 tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni.
(28) ĠU C 21 E, 24.1.2002, p. 112.
(29) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
(30) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 96.
(31) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 146.
(32) Premessa 7 tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni.
(33) Kalkolu bbażat fuq 500 000 tunnellata ta' skart tal-PVC b'kontenut ta' ċomb ta' 0.5 – 2 %.
(34) L-Artikolu 1 tar-Regolament REACH, u l-Premessa 1 ta' dak ir-Regolament.
(35) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(36) Opinjoni tal-5 ta' Diċembru 2017 tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji u l-Opinjoni tal-15 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat tal-Analiżi Soċjo-ekonomika dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu ta' sustanza fi ħdan l-UE, p. 48.
(37) Opinjoni tal-5 ta' Diċembru 2017 tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji u l-Opinjoni tal-15 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat tal-Analiżi Soċjo-ekonomika dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu ta' sustanza fi ħdan l-UE, p. 6.
(38) Opinjoni tal-5 ta' Diċembru 2017 tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji u l-Opinjoni tal-15 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat tal-Analiżi Soċjo-ekonomika dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu ta' sustanza fi ħdan l-UE, p. 9: "RAC jinnota li huwa possibbli li ċ-ċomb ikun preżenti fil-PVC minħabba użi oħra għajr bħala stabbilizzaturi (eż. l-użu ta' żewġ pigmenti tal-kromat taċ-ċomb ingħata awtorizzazzjoni REACH). Ir-restrizzjoni ta' kwalunkwe ċomb preżenti fil-PVC (irrispettivament mill-funzjoni intenzjonata) tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati fil-proposta. Barra minn hekk, jista' jkun li ma jkunx evidenti mill-ewwel għaliex iċ-ċomb jinsab f'artikolu, għalhekk l-ispeċifikazzjoni ta' użu partikolari tista' ma tkunx ta' għajnuna minn perspettiva ta' infurzar (il-Forum għall-infurzar indikat fil-parir tagħhom li r-restrizzjoni tkun aktar sempliċi biex tiġi infurzata jekk l-awtoritajiet tal-infurzar ma jkollhomx għalfejn juru l-funzjoni ta' kwalunkwe ċomb misjub fil-PVC ogħla mil-limitu ta' konċentrazzjoni rilevanti)".
(39) Ara l-Premessa 17 tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni.
(40) ĠU C 21 E, 24.1.2002, p. 112.
(41) https://vinylplus.eu/uploads/Modules/Documents/ok_brochure_pvc_14-03-2014.pdf
(42) https://vinylplus.eu/uploads/Modules/Documents/pe_recovery_options.pdf
(43) Cefic, "Molecule Managers", 2019, p. 33: "Taħt il-prerekwiżiti t-tajba, l-industrija se tinvesti fir-riċiklaġġ kimiku madwar l-Ewropa li tista' tassorbi l-ħafna materjali ta' valur li bħalissa qed jinħlew, inklużi l-plastik u l-polimeri. Aħna nistgħu nittrasformaw dawn il-materjali lura lejn il-materja prima tal-idrokarbur filwaqt li nieħdu ħsieb sustanzi ta' tħassib.", https://cefic.org/app/uploads/2019/06/Cefic_Mid-Century-Vision-Molecule-Managers-Brochure.pdf
(44) Skont l-Artikolu 73 tar-Regolament REACH, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 68 jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tħejji abbozz ta' emenda għall-Anness XVII, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-opinjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC); SEAC adotta l-opinjoni tiegħu fil-15 ta' Marzu 2018; il-Kummissjoni ppreżentat biss l-abbozz ta' emenda lill-kumitat REACH f'Settembru 2019.


Strateġija tal-UE biex tintemm il-mutilazzjoni ġenitali femminili fid-dinja kollha
PDF 147kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar strateġija tal-UE biex tintemm il-mutilazzjoni ġenitali femminili fid-dinja kollha (2019/2988(RSP))
P9_TA(2020)0031B9-0090/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI ("id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi")(1), li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw ukoll għall-vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 21 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ("id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza")(2), li ssemmi b'mod speċifiku lill-vittmi tal-MĠF fost il-kategoriji ta' persuni vulnerabbli li għandhom jirċievu kura tas-saħħa xierqa waqt il-proċeduri ta' asil tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ("id-Direttiva dwar il-Kwalifika")(3), li fiha, l-MĠF bħala forma serja ta' vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali hija inkluża bħala raġuni li għandha tiġi kkunsidrata fid-deċiżjoni dwar l-għoti ta' protezzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar it-tmiem tal-mutilazzjoni ġenitali femminili(4), li talbet għat-tmiem tal-MĠF mad-dinja kollha permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni u protezzjoni u permezz ta' leġiżlazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili"(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar tolleranza żero għall-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili (MĠF)(6),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, fosthom il-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2010 dwar l-eradikazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2013 intitolata "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili" (COM(2013)0833),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-6 ta' Frar 2013 dwar il-Jum Internazzjonali kontra l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili, li fiha l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u ħames Kummissarji affermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-ġlieda kontra l-MĠF fir-relazzjonijiet esterni tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, b'mod partikolari l-Objettiv 14(b) li jsemmi l-MĠF b'mod speċifiku, u filwaqt li titqies ir-reviżjoni attwali tal-Pjan ta' Azzjoni u n-negozjati għat-tiġdid tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-esperjenza miksuba permezz tal-implimentazzjoni tal-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 tal-Kummissjoni u permezz tat-twettiq tal-miżuri stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni li jifforma parti mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-Mira 5.3 dwar l-eliminazzjoni tal-prattiki ta' ħsara kollha, bħaż-żwieġ tat-tfal, prekoċi jew furzat, u l-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) imlaqqa' fil-Kajr fl-1994 u l-Programm ta' Azzjoni tagħha, u r-riżultati ta' konferenzi ta' reviżjoni sussegwenti, b'mod partikolari s-Summit ta' Nairobi dwar l-ICPD25, u l-impenn tiegħu għal żero MĠF,

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni sussegwenti tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 (GAP II), b'mod partikolari l-Prijorità Tematika B tiegħu li għandha indikatur speċifiku dwar l-MĠF, u filwaqt li jitqiesu r-reviżjoni attwali tiegħu u n-negozjati għat-tiġdid tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-impenn mill-President tal-Kummissjoni favur l-adozzjoni ta' miżuri biex tiġi indirizzata l-vjolenza fuq in-nisa, kif iddikjarat fil-Linji Gwida Politiċi tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija l-ġdida antiċipata tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2013 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea u l-Kroazja, kif ukoll iż-żewġ rapporti sussegwenti dwar estimi tal-għadd ta' bniet f'riskju ta' mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea" tal-2015 dwar l-Irlanda, il-Portugall u l-Iżvezja, u tal-2018 dwar il-Belġju, il-Greċja, Franza, l-Italja, Ċipru u Malta,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika ("il-Konvenzjoni ta' Istanbul") tal-2014, li l-Artikolu 38 tagħha jirrikjedi l-kriminalizzazzjoni tal-MĠF mill-Istati Partijiet kollha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2016)01092016/0062(NLE))(8),

–  wara li kkunsidra r-rizoluzzjoni tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru(9),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-ħtieġa li jiġu intensifikati l-isforzi biex jipprevjenu u jiġġieldu l-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ furzat fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tad-WHO dwar il-ġestjoni tal-kumplikazzjonijiet tas-saħħa mill-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-5 ta' Lulju 2018 dwar l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Lulju 2018 dwar l-intensifikazzjoni tal-isforzi globali għall-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-intensifikazzjoni tal-isforzi globali għall-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou u l-proċess ta' reviżjoni tiegħu li għaddej bħalissa,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva "Spotlight" tal-UE u n-NU ta' Settembru 2017 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-MĠF titqies internazzjonalment li tikkostitwixxi ksur qawwi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u manifestazzjoni tal-inugwaljanza bejn is-sessi, li mhix konnessa ma' reliġjon jew kultura waħda, u issa hija rikonoxxuta bħala kwistjoni globali li tolqot mill-inqas 200 miljun mara u tifla fi 30 pajjiż, skont rapporti statistiċi mill-UNICEF, il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) u d-WHO; billi, madankollu, teżisti evidenza li l-MĠF issir f'aktar minn 90 pajjiż fil-kontinenti kollha tad-dinja;

B.  billi, skont data tal-2018 tal-UNFPA, jekk ix-xejriet tal-popolazzjoni jkomplu fid-direzzjoni ta' bħalissa, 68 miljun tifla madwar id-dinja se jkunu f'riskju tal-MĠF sal-2030, u ż-żieda annwali mistennija li tikber minn madwar 4.1 miljuni fl-2019 għal 4.6 miljuni fis-sena sal-2030;

C.  billi, skont l-aktar data nazzjonali reċenti disponibbli fl-Ewropa, huwa stmat li madwar 600 000 mara u tifla fl-Ewropa qed jgħixu bil-konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi dejjiema tal-MĠF, u li fi 13-il pajjiż biss fl-Ewropa, 180 000 tifla oħra jinsabu f'riskju kbir ta' MĠF;

D.  billi l-MĠF tinkludi l-proċeduri kollha li jinvolvu t-tneħħija parzjali jew totali tal-ġenitali femminili esterni, bħall-klitoridektomija, qtugħ, infibulazzjoni u proċeduri oħra dannużi, u li intenzjonalment jalteraw jew jikkawżaw ħsara lill-organi ġenitali femminili għal finijiet mhux mediċi, li jipproduċu kumplikazzjonijiet tas-saħħa fiżika, sesswali u psikoloġika tas-saħħa li jistgħu jwasslu għall-mewt;

E.  billi l-MĠF issir l-aktar fuq bniet żgħar bejn l-infanzja u l-età ta' 15-il sena; billi, barra minn hekk, tifla jew mara tista' tkun soġġetta għal MĠF diversi drabi tul ħajjitha, pereżempju meta tkun waslet biex tiżżewweġ, jew meta tkun se tivvjaġġa barra minn pajjiżha;

F.  billi żieda reċenti fil-perċentwal ta' nisa u bniet li potenzjalment huma milquta diġà mill-MĠF, skont data tal-2018 mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), tfisser li r-rilevanza tal-kwistjoni kulma jmur qegħda dejjem tikber u li l-għadd ta' dawk milquta jew li jinsabu f'riskju qed ikompli jikber; billi, skont il-UNHCR, f'dawn l-aħħar ħames snin biss waslu fl-Ewropa aktar minn 100 000 mara li qed ifittxu asil u li huma potenzjalment milquta mill-MĠF;

G.  billi skont il-UNICEF inkiseb xi progress, u r-riskju ta' MĠF għat-tfajliet illum huwa terz iżgħar milli kien 30 sena ilu; billi, madankollu, meta titqies id-data kollha disponibbli, u meta ninsabu 10 snin mill-2030, l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 5.3 dwar l-eliminazzjoni tal-MĠF għadu 'l bogħod milli jintlaħaq; billi, għall-kuntrarju, l-għadd assolut ta' nisa u bniet milquta donnu li qed jiżdied u qed ikompli jiżdied sakemm ma jittiħdux b'mod urġenti sforzi miżjuda massivament biex jipprevjenu li jiġri dan;

H.  billi, sabiex titħaffef il-bidla u jintlaħaq l-għan li l-MĠF fid-dinja kollha tintemm sal-2030, teżisti ħtieġa urġenti li jiżdiedu u jiġu kkoordinati l-isforzi eżistenti biex tintemm il-prattika fil-livelli lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, biex jiġu sfruttati dawn l-isforzi u biex ikun hemm bidla akbar u dejjiema permezz ta' strateġiji effettivi u komprensivi;

I.  billi l-MĠF hija forma ta' vjolenza sessista u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-inugwaljanza bejn is-sessi fil-livell tal-komunità, inklużi l-isterjotipi tas-sessi u n-normi soċjali dannużi, huwa essenzjali biex tintemm il-MĠF;

J.  billi l-mutilazzjoni ġenitali femminili sikwit hija indissoċjabbli minn kwistjonijiet oħra ta' inugwaljanza bejn is-sessi, u hija biss wieħed minn diversi tipi ta' ksur tad-drittijiet tan-nisa, bħan-nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni għall-bniet, inkluża l-edukazzjoni sesswali komprensiva, in-nuqqas ta' impjieg għan-nisa, il-fatt li n-nisa ma jistgħux ikunu sidien jew werrieta tal-proprjetà, iż-żwieġ tat-tfal furzat jew bikri, il-vjolenza sesswali u fiżika, u n-nuqqas ta' kura tas-saħħa ta' kwalità, inklużi s-servizzi tas-saħħa u tad-drittijiet sesswali u riproduttivi;

K.  billi l-"medikalizzazzjoni" tal-MĠF hija l-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali femminili mwettqa minn professjonista tal-kura tas-saħħa jew fi sptar jew faċilità medika; billi l-medikalizzazzjoni tal-MĠF hija tentattiv perikoluż biex tiġi leġittimizzata l-prattika tal-MĠF u saħansitra potenzjalment isir profitt minnha;

1.  Itenni l-impenn tiegħu li jgħin biex tiġi eliminata l-prattika tal-MĠF fid-dinja kollha, bħala forma ta' vjolenza sessista li għandha konsegwenzi psikoloġiċi u fiżiċi fit-tul fuq in-nisa u l-bniet, u f'xi każijiet tikkawża l-mewt;

2.  Jinnota li r-rikonoxximent ta' The Restorers fuq il-lista qasira tal-Premju Sakharov huwa pass importanti f'din id-direzzjoni u fil-ġlieda kontra l-MĠF; jirrikonoxxi wkoll ir-rwol importanti taż-żgħażagħ fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom u tal-oħrajn billi jsiru mudelli tar-rwol fil-komunitajiet tagħhom stess;

3.  Jenfasizza li l-għan primarju ta' kwalunkwe azzjoni relatata mal-MĠF jeħtieġ li jkun il-prevenzjoni tagħha permezz ta' tibdil sostenibbli fis-soċjetà u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-komunitajiet, u speċifikament tan-nisa u l-bniet fi ħdanhom, permezz tal-forniment ta' edukazzjoni u informazzjoni u bil-ħolqien tal-prekundizzjonijiet għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u l-bniet; jissottolinja li l-protezzjoni u l-kura ta' wara tas-superstiti tal-MĠF għandhom ikunu prijorità li għandha tintlaħaq billi jiġu pprovduti protezzjoni u informazzjoni adegwati, u aċċess għal kura fiżika, psikoloġika, medika u sessoloġika professjonali u adegwata u appoġġ għas-superstiti ta' din il-prattika permezz ta' żieda fl-investiment;

4.  Jissottolinja li l-involviment tal-irġiel u s-subien fil-proċess tat-tiswir mill-ġdid tar-relazzjonijiet bejn is-sessi u tal-bidla fl-imġiba, u fl-appoġġ għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet huwa kruċjali bl-istess mod għall-eliminazzjoni ta' din il-prattika dannuża; jenfasizza, barra minn hekk, kemm hu importanti li jiġu involuti l-mexxejja tal-komunitajiet biex tintemm il-MĠF, peress li din tiġi trażmessa permezz tat-tradizzjonijiet u tal-kultura, bl-użu ta' dawk li jwettqu l-qtugħ u ċ-ċirkonċiżjonijiet, li spiss ikollhom rwoli influwenti fi ħdan il-komunitajiet, u bl-użu ta' reliġjonijiet diversi bħala leġittimazzjoni għat-twettiq u t-tixrid ta' din il-prattika;

5.  Jenfasizza li l-MĠF jeħtieġ tiġi indirizzata b'mod determinat permezz ta' approċċ olistiku u intersezzjonali, li jindirizza l-kawżi ewlenin tal-inugwaljanza bejn is-sessi li huma l-bażi tal-forom kollha ta' vjolenza sessista kontra n-nisa u l-bniet kollha, inkluż il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, tal-integrità fiżika u tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, u, b'mod partikolari, li jorbot l-MĠF ma' prattiki dannużi oħra bħalma huma ż-żwieġ bikri u furzat, il-mogħdija tas-sider, l-imenoplastija u l-ittestjar tal-verġinità;

6.  Jinsab inkwetat dwar il-fenomenu li kulma jmur qed jinfirex aktar tal- "medikalizzazzjoni" tal-MĠF f'xi pajjiżi – anke f'pajjiżi fejn l-MĠF hija illegali – u l-involviment dejjem jikber tal-professjonisti tas-saħħa f'din il-prattika; jinsisti li din hija tweġiba inaċċettabbli biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-MĠF, kif diġà ġie stabbilit min-NU u mid-WHO; jistieden lill-pajjiżi kkonċernati biex b'mod espliċitu jirrendu illegali l-medikalizzazzjoni tal-MĠF filwaqt li jqajmu kuxjenza fost il-persunal mediku dwar din il-problema permezz tal-għoti ta' informazzjoni u taħriġ, kif ukoll superviżjoni u infurzar adegwati;

7.  Jissottolinja li, skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, l-Istati Membri huma obbligati li jikkriminalizzaw il-MĠF, kif ukoll l-inċitament, il-koerċizzjoni jew l-akkwist ta' tifla biex tkun suġġetta għaliha, u li l-Konvenzjoni tipproteġi mhux biss lill-bniet u lin-nisa li jinsabu f'riskju ta' MĠF, iżda wkoll lill-bniet u lin-nisa li qed ibatu l-konsegwenzi dejjiema ta' din il-prattika; bi pjaċir jinnota li l-liġi kriminali fl-Istati Membri kollha tipproteġi lill-bniet u lin-nisa mill-MĠF, iżda jinsab imħasseb bil-kbir dwar il-fatt li jidher li din mhix effettiva, għax l-għadd ta' kawżi li jaslu fil-qrati fl-UE jingħaddu fuq is-swaba' ta' id waħda;

8.  Jinnota li f'ħafna pajjiżi tal-UE huwa possibbli wkoll li ssir prosekuzzjoni ta' MĠF li tkun saret barra minn dak il-pajjiż, b'konformità mal-prinċipju tal-estraterritorjalità, li għalhekk jipprojbixxi wkoll it-teħid ta' tfal lejn pajjiżi terzi sabiex jiġu soġġetti għall-MĠF; jinnota li l-kriminalizzazzjoni trid tkun akkumpanjata bl-istess qies minn prosekuzzjonijiet u investigazzjonijiet; jenfasizza li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom dejjem ikunu l-kunsiderazzjoni primarja, u li l-proċess ta' prosekuzzjoni u l-kundanna tal-membri tal-familja li jwettqu prattiki ta' MĠF jeħtieġ li jiżgura wkoll li l-bniet u t-tfal involuti ma jitpoġġewx f'riskju ulterjuri b'konsegwenza;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-baġit futur tal-UE, kemm internament kif ukoll esternament, ikompli jappoġġa s-sostenibbiltà tal-involviment tal-komunità fi proġetti u programmi, permezz ta' finanzjament adegwat li jqis ir-realtajiet operattivi tal-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità u tal-organizzazzjonijiet u l-inizjattivi mmexxija mis-superstiti u miż-żgħażagħ; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw il-flessibbiltà, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà tal-finanzjament abbażi ta' appoġġ finanzjarju strutturali fit-tul fid-diskussjonijiet baġitarji dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss;

10.  Jilqa' l-ħidma li diġà twettqet permezz tal-Programm ta' Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-baġit futur tal-UE jqis il-ħtieġa ta' flessibbiltà akbar u ta' sinerġiji bejn il-programmi ta' finanzjament interni u esterni, sabiex jiġu promossi baġits li jindirizzaw il-kumplessità tal-kwistjoni, kif ukoll interventi transnazzjonali u transfruntiera aktar komprensivi biex l-MĠF tiġi eradikata fid-dinja kollha;

11.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-involviment tagħhom man-netwerks Ewropej u nazzjonali tal-professjonisti, inklużi dawk fl-oqsma tas-saħħa, il-kura soċjali, l-infurzar tal-liġi u s-soċjetà ċivili, u jiżguraw li l-finanzjament tal-UE jmur għal proġetti mmirati għat-taħriġ u kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-professjonisti dwar kif għandhom, b'mod effettiv, jipprevjenu, jidentifikaw u jirreaġixxu għall-każijiet ta' MĠF u ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha jittrasponu d-"Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi" fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u jimplimentawha bis-sħiħ, sabiex jiġi żgurat li s-superstiti tal-MĠF ikollhom il-possibbiltà ta' aċċess għal servizzi ta' appoġġ speċjalizzat kunfidenzjali, inklużi appoġġ u counselling fl-ambitu tat-trawma, kif ukoll postijiet ta' kenn, f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fl-UE;

13.  Jinnota li l-aċċess għall-kura tas-saħħa speċjalizzata, inkluża l-kura psikoloġika, għan-nisa rifuġjati u li jfittxu asil li huma superstiti tal-MĠF irid jitqies bħala prijorità kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, fid-dawl tal-aħħar data tal-UNHCR;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li fi ħdan ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA), jiġu applikati b'mod omoġenju madwar l-UE l-ogħla standards ta' protezzjoni internazzjonali dwar il-kwalifiki, il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza u d-drittijiet proċedurali, u li tiġi ffaċilitata kooperazzjoni b'saħħitha bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tan-nisa vulnerabbli li jkunu qed ifittxu asil li jkunu affettwati mill-MĠF jew f'riskju li jgħaddu minnha kif ukoll minn forom oħra ta' vjolenza sessista;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl taż-żieda fl-għadd ta' nisa u bniet milquta mill-MĠF, tvara rieżami tal-komunikazzjoni tal-2013 bit-titolu "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili" sabiex tiżgura li jiżdiedu l-azzjonijiet kontra l-prattika fid-dinja kollha, u li ssir ħidma biex jiġu indirizzati b'mod determinat id-diskrepanzi li hemm bejn l-Istati Membri fil-liġijiet, il-politiki u l-forniment tas-servizzi, sabiex in-nisa u l-bniet milquta mill-MĠF jew li jinsabu f'riskju li jgħaddu minnha jkollhom il-possibbiltà ta' aċċess għal standards indaqs ta' trattament fl-UE kollha;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istrateġija tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi li jmiss tkun tinkludi azzjonijiet biex il-prattika tal-MĠF tinqata' għalkollox u biex tingħata kura lis-superstiti, li jkun fiha lingwaġġ inklużiv, impenji sodi u indikaturi ċari fl-oqsma kollha ta' kompetenza tal-UE, flimkien ma' rappurtar regolari u mekkaniżmu sod ta' monitoraġġ, ħalli tiżgura l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri kollha tal-UE;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi sabiex tħeġġiġhom jadottaw liġijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-MĠF, jappoġġaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-iżgurar tal-implimentazzjoni ta' dawn il-liġijiet u jagħtu prijorità lill-kwistjoni tal-MĠF u prattiki oħra li huma ta' ħsara għan-nisa u l-bniet fil-politika esterna tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fid-djalogi bilaterali u multilaterali tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u forom oħra ta' involviment diplomatiku; jenfasizza li l-UE tista' tgħin biex l-MĠF tinqered mid-dinja billi tistabbilixxi u tinkoraġġixxi l-aħjar prattiki hawnhekk fl-UE;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III li jmiss ikompli jinkludi fost l-azzjonijiet kruċjali tiegħu l-qerda tal-MĠF u l-forniment ta' kura għas-superstiti, bħala parti mill-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, permezz ta' indikaturi konkreti u li jistgħu jiġu segwiti;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni, inkluż is-SEAE, tiżgura li l-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jibqa' jinkludi l-qerda tal-MĠF u l-forniment ta' kura għas-superstiti tal-MĠF fl-objettivi tiegħu;

20.  Itenni t-talba tiegħu li l-Kunsill jikkonkludi b'urġenza r-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul min-naħa tal-UE, abbażi ta' adeżjoni wiesgħa mingħajr ebda limitazzjoni, u jippromwovi r-ratifika tagħha min-naħa tal-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-Konvenzjoni tiġi integrata għalkollox fil-qafas leġiżlattiv u tal-politika tal-UE biex jiżguraw il-prevenzjoni tal-MĠF, il-protezzjoni tan-nisa u l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri u l-forniment adegwat ta' servizzi bi tweġiba għall-MĠF mill-Istati Partijiet kollha;

21.  Itenni l-appell lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintegraw il-prevenzjoni tal-MĠF fis-setturi kollha, speċjalment fis-saħħa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, ix-xogħol soċjali, l-asil, l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni sesswali, l-impjieg, l-infurzar tal-liġi, il-ġustizzja, il-protezzjoni tat-tfal, il-midja, it-teknoloġija u l-komunikazzjoni; jitlob li jiġu stabbiliti pjattaformi b'diversi partijiet ikkonċernati bejn is-setturi differenti biex din il-kooperazzjoni tiġi kkoordinata aħjar;

22.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni u l-promozzjoni attiva tagħha tal-eliminazzjoni tal-MĠF permezz ta' diskussjonijiet interni mas-soċjetà ċivili u politiki esterni permezz ta' djalogi ma' pajjiżi sħab, kif ukoll l-impenn tagħha li twettaq valutazzjoni annwali tal-ġlieda tal-UE kontra l-MĠF;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi xierqa u strutturati biex ikun hemm involviment sinifikanti mar-rappreżentanti tal-komunitajiet affettwati mill-MĠF u mal-organizzazzjonijiet ta' bażi tan-nisa, inklużi organizzazzjonijiet immexxija mis-superstiti, fit-tiswir tal-politiki u fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, permezz tal-inklużjoni ta' klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem, li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni u kummerċjali tal-UE ma' pajjiżi terzi jiġu negozjati u rieżaminati skont il-konformità tagħhom mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-eliminazzjoni tal-MĠF bħala ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta' vjolenza li xxekkel l-iżvilupp sħiħ tan-nisa u l-bniet;

25.  Jilqa' l-metodoloġija aġġornata li tinsab f' "Estimation of girls at risk of female genital mutilation in the European Union: Step-by-step guide (2nd edition)" (Estimi tal-għadd ta' bniet li jinsabu fir-riskju li jgħaddu mill-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea: Gwida pass pass (it-tieni edizzjoni)) ippubblikat mill-EIGE u mmirat biex tinġabar data aktar preċiża u robusta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġġornaw id-data rilevanti u jindirizzaw in-nuqqas ta' statistika komparabbli affidabbli fil-livell tal-UE dwar il-prevalenza tal-MĠF u t-tipi tagħha, u jinvolvu lill-akkademiċi, kif ukoll lill-komunitajiet li jipprattikawha u s-superstiti, fil-proċess ta' ġbir ta' data u riċerka, permezz ta' approċċ ibbażat fuq il-komunità u parteċipattiv; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet, lill-gvernijiet u lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu flimkien biex jipprovdu informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva aktar preċiża dwar il-MĠF, u jagħmluha disponibbli u aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti (il-pulizija u l-prosekuturi), inklużi t-twissijiet internazzjonali;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvesti aktar fondi sostenibbli fir-riċerka dwar il-MĠF, peress li l-produzzjoni ta' riċerka kwalitattiva u kwantitattiva fil-fond hija l-uniku mod kif jista' jiġi promoss komprensjoni aħjar tal-fenomenu u kif jista' jiġi żgurat li dan il-fenomenu jiġi indirizzat b'mod li jkun imfassal apposta u effikaċi;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(2) ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96.
(3) ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9.
(4) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 87.
(5) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 142.
(6) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 26.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0007.
(8) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 167.
(9) Testi adottati, P9_TA(2019)0080.


Proċessi deċiżjonali awtomatizzati: niżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur u l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi
PDF 163kWORD 48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar proċessi deċiżjonali awtomatizzati: niżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur u l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi (2019/2915(RSP))
P9_TA(2020)0032B9-0094/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar politika industrijali Ewropea komprensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar regoli ta' dritt ċivili dwar ir-robotika(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport intitolat "Liability for artificial intelligence and other emerging digital technologies" (Ir-responsabbiltà għall-Intelliġenza Artifiċjali u għal teknoloġiji diġitali emerġenti oħra) mill-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar ir-Responsabbiltà u t-Teknoloġiji Ġodda, ippubblikat fil-21 ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport intitolat "Policy and investment recommendations for trustworthy artificial intelligence" (Rakkomandazzjonijiet ta' politika u ta' investiment għal Intelliġenza Artifiċjali affidabbli) mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ippubblikat fis-26 ta' Ġunju 2019,

–  wara li kkunsidra d-dokument intitolat "Ethics Guidelines for Trustworthy AI" (Linji Gwida tal-Etika għal IA affidabbli) mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ippubblikati fit-8 ta' April 2019, kif ukoll il-lista ta' valutazzjoni għal-IA affidabbli,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2019 intitolata "Nibnu l-Fiduċja fl-Intelliġenza Artifiċjali Ċċentrata Fuq il-Bniedem" (COM(2019)0168),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2018 intitolata "Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali" (COM(2018)0795),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2018 intitolata "L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa"(COM(2018)0237),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar proċessi deċiżjonali awtomatizzati: l-iżgurar tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi O-000008/2020 – B9‑0007/2020],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-teknoloġija fl-oqsma tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA), it-tagħlim awtomatiku, is-sistemi kumplessi bbażati fuq l-algoritmi u l-proċessi deċiżjonali awtomatizzati qed tavvanza b'pass mgħaġġel, u billi l-applikazzjonijiet, l-opportunitajiet u l-isfidi ppreżentati minn dawn it-teknoloġiji huma numerużi u jaffettwaw tista' tgħid is-setturi kollha tas-suq intern;

B.  billi huwa mistenni li l-iżvilupp ta' proċessi deċiżjonali awtomatizzati jagħti kontribut sinifikanti lill-ekonomija tal-għarfien, u joffri benefiċċji għas-soċjetà permezz ta' servizzi pubbliċi mtejba, fost affarijiet oħra, lill-konsumaturi permezz ta' prodotti u servizzi innovattivi, kif ukoll lin-negozji permezz ta' prestazzjoni ottimizzata;

C.  billi l-użu u l-iżvilupp tal-IA u ta' proċessi deċiżjonali awtomatizzati jqajmu wkoll sfidi għall-fiduċja u għall-benessri tal-konsumatur, speċjalment f'dak li jirrigwarda li l-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw proċessi ta' dan it-tip, jifhmu kif jiffunzjonaw, jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-użu tagħhom, u jagħżlu li ma jipparteċipawx;

D.  billi gwida etika, bħall-prinċipji adottati mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, tipprovdi punt ta' tluq; billi jeħtieġ, madankollu, li jsir eżami tal-qafas legali kurrenti tal-UE, inkluż l-acquis tal-liġi dwar il-konsumatur u dik dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq, bil-għan li jiġi vverifikat li dak il-qafas legali jista' jirreaġixxi għall-miġja tal-IA u ta' proċessi deċiżjonali awtomatizzati u li huwa fil-qagħda li jipprovdi livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, kif jirrikjedi l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

E.  billi approċċ komuni tal-UE għall-iżvilupp ta' proċessi deċiżjonali awtomatizzati se jgħin biex jiżgura l-benefiċċji ta' dawk il-proċessi u jtaffi r-riskji madwar l-UE, jevita l-frammentazzjoni tas-suq intern, u jabilita lill-UE biex tippromwovi aħjar l-approċċ u l-valuri tagħha madwar id-dinja;

L-għażla, il-fiduċja u l-benessri tal-konsumatur

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-potenzjal li l-proċessi deċiżjonali awtomatizzati għandhom biex il-konsumaturi jingħataw servizzi innovattivi u mtejba, inklużi servizzi diġitali ġodda bħal assistenti virtwali u chatbots; jemmen, madankollu, li meta l-konsumaturi jinteraġixxu ma' sistema li tawtomatizza t-teħid tad-deċiżjonijiet, għandhom ikunu infurmati sewwa dwar kif is-sistema taħdem, kif jistgħu jilħqu bniedem li jkun jista' jieħu d-deċiżjonijiet hu, u dwar kif id-deċiżjonijiet tas-sistema jistgħu jiġu vverifikati u kkoreġuti;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' regoli ġodda skont id-Direttiva dwar l-Infurzar Aħjar(3) li jobbligaw lill-kummerċjanti jinfurmaw lill-konsumaturi meta l-prezzijiet ta' prodotti jew servizzi jkunu ġew personalizzati abbażi ta' deċiżjonijiet awtomatizzati u tat-tfassil ta' profili tal-imġiba tal-konsumatur, li jħalli lill-kummerċjanti jivvalutaw il-kapaċità ta' akkwist tal-konsumatur;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku(4), bil-għan li tiżgura li l-proċessi deċiżjonali awtomatizzati ma jkunux qed jintużaw biex issir diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-lokazzjoni temporanja tagħhom;

4.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tissorvelja jekk l-obbligi fuq in-negozjanti jagħtux għażla effettiva lill-konsumatur u joffrux biżżejjed protezzjoni tal-konsumatur; jitlob li l-Kummissjoni tivverifika jekk hemmx xi lakuna regolatorja u teżamina jekk hemmx bżonn miżuri addizzjonali bil-għan li tiggarantixxi sett qawwi ta' drittijiet li jipproteġu lill-konsumaturi fil-kuntest tal-IA u ta' proċessi deċiżjonali awtomatizzati;

5.  Jieħu nota li sistemi deċiżjonali awtomatizzati qed jintużaw f'mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim fuq diversi pjattaformi diġitali biex isolvu t-tilwimiet bejn konsumaturi u negozjanti; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe rieżami li jsir tad-Direttiva 2013/11/UE dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi(5) u r-Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi(6) jqis l-użu ta' proċessi deċiżjonali awtomatizzati u jiżgura li l-kontroll jibqa' f'idejn il-bnedmin;

Il-qafas ta' sikurezza u ta' responsabbiltà għall-prodotti

6.  Jissottolinja li l-qafas tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti jobbliga lin-negozji biex jiżguraw li jqiegħdu fis-suq biss prodotti sikuri u konformi; jirrikonoxxi li l-miġja ta' prodotti b'kapaċitajiet deċiżjonali awtomatizzati tqajjem sfidi ġodda, peress li dawn il-prodotti jistgħu jevolvu u jaġixxu b'modi li ma kinux previsti meta tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti ħalli tadatta r-regoli tal-UE dwar is-sikurezza għal prodotti koperti minn liġijiet speċifiċi tal-UE li jistabbilixxu rekwiżiti armonizzati, fost oħrajn id-Direttiva dwar il-Makkinarju(7), id-Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli(8), id-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju(9) u d-Direttiva dwar il-Vultaġġ Baxx(10), u għal "prodotti mhux armonizzati" koperti mid-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti(11), biex tiżgura li r-regoli l-ġodda jkunu adatti għall-iskop tagħhom, li l-utenti u l-konsumaturi jkunu protetti mill-ħsara, li l-manifatturi jkollhom ċarezza dwar l-obbligi tagħhom, u li l-utenti jkollhom ċarezza dwar kif jużaw prodotti b'kapaċitajiet deċiżjonali awtomatizzati;

7.  Jenfasizza li jeħtieġ li l-approċċ għar-regolamentazzjoni jkun ibbażat fuq ir-riskju, fid-dawl tad-diversità u l-kumplessità tal-isfidi maħluqa minn tipi u applikazzjonijiet differenti tal-IA u ta' sistemi deċiżjonali awtomatizzati; jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa skema ta' valutazzjoni tar-riskju għall-IA u għal proċessi deċiżjonali awtomatizzati biex tiżgura approċċ konsistenti għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti fis-suq intern; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżviluppaw strateġiji armonizzati ta' ġestjoni tar-riskju għall-IA fil-kuntest tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għas-sorveljanza tas-suq;

8.  Jinnota li d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti(12) ilha aktar minn 30 sena tipprovdi xibka ta' sikurezza prezzjuża li tipproteġi lill-konsumaturi minn ħsara kkawżata minn prodotti difettużi; jirrikonoxxi l-isfida li tirrappreżenta d-determinazzjoni tar-responsabbiltà meta l-ħsara lill-konsumatur tirriżulta minn proċessi deċiżjonali awtomatizzati; jitlob li l-Kummissjoni terġa' teżamina d-Direttiva u tikkunsidra li tadatta kunċetti bħal "prodott", "ħsara" u "difett" kif ukoll ir-regoli dwar l-oneru tal-provi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti ħalli taġġorna dawn il-kunċetti u r-regoli, jekk dan ikun meħtieġ;

Il-qafas regolatorju għas-servizzi

9.  Ifakkar li l-qafas regolatorju eżistenti dwar is-servizzi, jiġifieri d-Direttiva dwar is-Servizzi(13), id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali(14), id-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità(15), id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku(16) u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)(17), diġà jkopri ħafna aspetti ta' politika rilevanti għas-servizzi li jinkorporaw proċessi deċiżjonali awtomatizzati, inklużi regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, l-etika u r-responsabbiltà; jinnota li dawn ir-regoli għandhom japplikaw sew għal servizzi tradizzjonali u sew għal servizzi li jinkorporaw proċessi deċiżjonali awtomatizzati;

10.  Jissottolinja li, filwaqt li l-proċessi deċiżjonali awtomatizzati jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-akkuratezza tas-servizzi, jeħtieġ li l-bnedmin dejjem ikollhom ir-responsabbiltà aħħarija għal deċiżjonijiet li jittieħdu fil-kuntest ta' servizzi professjonali bħall-professjonijiet mediċi, legali u tal-kontabbiltà, u għas-settur bankarju, u jkunu jistgħu jannullaw dawk id-deċiżjonijiet; ifakkar fl-importanza ta' superviżjoni jew ta' sorveljanza indipendenti minn professjonisti kwalifikati f'każijiet ta' deċiżjonijiet awtomatizzati meta jkun hemm fin-nofs interessi pubbliċi leġittimi;

11.  Jissottolinja l-importanza, f'konformità mad-Direttiva dwar it-Testijiet tal-Proporzjonalità, li ssir valutazzjoni sewwa tar-riskji qabel ma jiġu awtomatizzati s-servizzi professjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jiżguraw li t-taħriġ professjonali jqis l-avvanzi xjentifiċi fil-qasam tal-proċessi deċiżjonali awtomatizzati;

Il-kwalità u t-trasparenza fil-governanza tad-data

12.  Jinnota li s-sistemi deċiżjonali awtomatizzati jiddependu fuq il-ġbir ta' ammonti kbar ta' data u jemmen li r-Regolament dwar qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali(18) se jgħin biex aktar data ssir disponibbli madwar l-UE, biex b'hekk ikunu jistgħu jinħolqu servizzi innovattivi li jserrħu fuq id-data; jirrikonoxxi l-potenzjal, f'dan ir-rigward, tal-qsim tad-data, mhux biss minn sorsi pubbliċi iżda wkoll minn dawk privati, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa imperattiva tal-protezzjoni tad-data personali skont il-GDPR; jenfasizza l-importanza li jintużaw biss settijiet ta' data ta' kwalità għolja u imparzjali biex itejbu r-riżultati tas-sistemi algoritmiċi u jagħtu spinta lill-fiduċja u 'l-aċċettazzjoni min-naħa tal-konsumaturi;

13.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-impatt sinifikanti li s-sistemi deċiżjonali awtomatizzati jista' jkollhom fuq il-konsumaturi, speċjalment fuq dawk f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, huwa importanti li dawk is-sistemi mhux biss jużaw settijiet ta' data imparzjali u ta' kwalità għolja, iżda wkoll li jużaw algoritmi imparzjali u spjegabbli; iqis li, fi ħdan proċessi tan-negozju, hemm bżonn li jkun hemm strutturi ta' rieżami biex jirrimedjaw żbalji possibbli fid-deċiżjonijiet awtomatizzati, u li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jitolbu li bniedem jirrevedi deċiżjonijiet awtomatizzati li jkunu finali u permanenti, u jagħti rimedju għalihom;

14.  Jissottolinja li, sabiex jiġi vvalutat jekk il-prodotti b'kapaċitajiet deċiżjonali awtomatizzati jkunux konformi mar-regoli ta' sikurezza rilevanti, huwa essenzjali li l-algoritmi wara dawk il-kapaċitajiet ikunu adegwatament trasparenti, u li jkunu spjegabbli għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta jekk l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq għandhomx jingħataw prerogattivi addizzjonali f'dan ir-rigward;

15.  Jitlob li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Pjattaformi u n-Negozji(19), speċjalment dik tar-regoli dwar it-trasparenza tal-klassifikazzjonijiet, li jinvolvu l-użu ta' proċessi deċiżjonali awtomatizzati;

o
o   o

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0081.
(2) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 239.
(3) Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 7).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-28 ta' Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħra ta' diskriminazzjoni bbażati fuq in-nazzjonalità tal-klijenti, il-post ta' residenza jew il-post ta' stabbiliment fis-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60 I, 2.3.2018, p. 1).
(5) ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63.
(6) ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1.
(7) Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (riformulazzjoni), (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).
(8) Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1).
(9) Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE, (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).
(10) Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-vultaġġ, (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357).
(11) Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4);
(12) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi, (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29).
(13) Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(14) Id-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ("ir-Regolament tal-IMI"), (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132).
(15) Id-Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet, (ĠU L 173, 9.7.2018, p. 25).
(16) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ("Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku"), (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).
(17) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(18) Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropa, (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59).
(19) Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal- intermedjazzjoni online, (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).


Mandat propost għal negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq
PDF 222kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (2020/2557(RSP))
P9_TA(2020)0033B9-0098/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea(1), tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit(2), tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit(3), tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit(4), u tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-qagħda kurrenti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea(5), u tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni u monitoraġġ tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-29 ta' Jannar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika(7),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (8) ("il-Ftehim dwar il-Ħruġ"), u d-dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit(9), li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ ("id-Dikjarazzjoni Politika"),

–  wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, mill-Kumitat għall-Baġits, mill-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju, mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, mill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, mill-Kumitat għas-Sajd, mill-Kumitat għall-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u mis-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, li jaħtar lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-Unjoni, u l-Anness għaliha li jinkludi d-direttivi għan-negozjar ta' sħubija ġdida (COM(2020)0035) ("direttivi ta' negozjati"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Renju Unit (UK) ma baqax Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) f'nofsillejl (Ħin tal-Ewropa Ċentrali) tal-31 ta' Jannar 2020;

B.  billi d-Dikjarazzjoni Politika tistabbilixxi l-parametri ta' sħubija ambizzjuża, mifruxa, profonda u flessibbli fil-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika permezz ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) komprensiv u bbilanċjat fil-qalba tagħha, kif ukoll l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali, il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża u oqsma estensivi ta' kooperazzjoni, u tistipula li, meta l-UE u r-Renju Unit iqisu li jkun fl-interess reċiproku tagħhom matul in-negozjati, ir-relazzjoni futura tista' tinkludi oqsma ta' kooperazzjoni lil hinn minn dawk deskritti fid-Dikjarazzjoni Politika;

C.  billi r-relazzjoni futura għandha tkun ibbażata fuq bilanċ ta' drittijiet u obbligi, filwaqt li tiġi rrispettata l-integrità tas-suq uniku u tal-unjoni doganali kif ukoll l-indiviżibbiltà tal-"erba' libertajiet"; billi Stat li mhuwiex Membru tal-UE u li ma jikkonformax mal-istess obbligi bħal Stat Membru, ma jistax ikollu l-istess drittijiet u jgawdi mill-istess benefiċċji bħal Stat Membru;

D.  billi d-Dikjarazzjoni Politika tistqarr li s-sħubija ekonomika futura ser tkun imsejsa fuq dispożizzjonijiet li jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta;

E.  billi l-UE u r-Renju Unit ser jibqgħu ġirien mill-qrib u ser jibqa' jkollhom bosta interessi komuni;

F.  billi relazzjoni mill-qrib ta' dan it-tip fil-forma ta' ftehim ta' sħubija komprensiv bejn l-UE u r-Renju Unit tista' titqies bħala qafas xieraq għar-relazzjoni futura, li permezz tiegħu dawn l-interessi komuni jistgħu jkunu protetti u promossi, inkluża relazzjoni kummerċjali ġdida;

G.  billi l-ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit għandu jipprevedi qafas flessibbli li jippermetti gradi differenti ta' kooperazzjoni f'varjetà kbira ta' oqsma ta' politika, abbażi ta' struttura ta' governanza komuni b'dispożizzjonijiet adegwati għas-soluzzjoni tat-tilwim;

H.  billi dik il-kooperazzjoni ser tirrikjedi li ż-żewġ partijiet iżommu standards għoljin u l-impenji internazzjonali tagħhom f'għadd ta' oqsma ta' politika;

I.  billi l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq fil-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi qafas legali li jżomm il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fil-partijiet kollha tiegħu u d-drittijiet tal-poplu tal-Irlanda ta' Fuq filwaqt li jissalvagwardja l-integrità tas-suq uniku u l-ekonomija tal-gżira kollha u b'hekk tiġi evitata fruntiera fiżika, dejjem jekk il-mekkaniżmu ta' approvazzjoni jipprevedi għall-kontinwazzjoni tagħha; billi l-obbligu tar-Renju Unit li jiżgura l-applikazzjoni tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fil-partijiet kollha tiegħu japplika fiċ-ċirkostanzi kollha;

J.  billi huwa xieraq li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, flimkien ma' istituzzjonijiet pubbliċi u privati, iwettqu ħidma biex ikunu ppreparati għal kull eventwalità li tista' tinqala' bħala riżultat tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit;

K.  billi l-unità kontinwa tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri hija kruċjali sabiex jitħarsu l-interessi tal-UE u taċ-ċittadini tagħha matul il-fażijiet sussegwenti tan-negozjati, iżda wkoll biex tiġi żgurata l-konklużjoni b'suċċess u f'waqtha ta' dawn in-negozjati;

1.  Jissottolinja d-determinazzjoni tiegħu li jistabbilixxi relazzjoni mill-qrib kemm jista' jkun mar-Renju Unit; jinnota madankollu li din ir-relazzjoni ser ikollha tkun differenti minn dik li r-Renju Unit gawda minnha bħala Stat Membru tal-UE u ser ikollha taderixxi mal-prinċipji stabbiliti hawn taħt;

2.  Ifakkar li kwalunkwe ftehim ta' assoċjazzjoni konkluż skont l-Artikolu 217 tat-TFUE bejn l-UE u r-Renju Unit ("il-Ftehim") għandu jkun f'konformità stretta mal-prinċipji li ġejjin:

   (i) li pajjiż terz m'għandux ikollu l-istess drittijiet u benefiċċji ta' Stat Membru tal-UE, jew ta' membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE),
   (ii) li l-protezzjoni tal-integrità sħiħa u tal-funzjonament korrett tas-suq uniku, tal-unjoni doganali u tal-indiviżibbiltà tal-erba' libertajiet, u b'mod partikolari l-grad ta' kooperazzjoni fil-pilastru ekonomiku, għandhom ikun proporzjonati mal-libertà ta' moviment tal-persuni;
   (iii) li l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE tkun ippreservata,
   (iv) li l-ordinament ġuridiku tal-UE u r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) f'dan ir-rigward ikunu salvagwardjati,
   (v) li tkompli l-aderenza mal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif definiti b'mod partikolari fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha, fil-Karta Soċjali Ewropea, fl-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u fi trattati internazzjonali oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ir-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt,
   (vi) li kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni jiżguraw standards ekwivalenti fil-politiki relatati ma' soċjetà, xogħol, ambjent, kompetizzjoni u għajnuna mill-Istat, inkluż permezz ta' qafas robust u komprensiv dwar il-kompetizzjoni u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat,
   (vii) li jitħarsu l-prinċipju ta' prekawzjoni, il-prinċipju li l-ħsara ambjentali għandha bħala prijorità tiġi rrettifikata fis-sors u l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas",
   (viii) li l-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jkunu salvagwardjati, inkluż il-Ftehim taż-ŻEE, u jinżamm il-bilanċ globali ta' dawn ir-relazzjonijiet,
   (ix) li l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u l-konformità mas-sistema u l-istandards regolatorji u superviżorji tagħha, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom, ikunu salvagwardjati,
   (x) li jkun hemm bilanċ korrett bejn drittijiet u obbligi, inklużi, fejn ikunu xierqa, kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti;

3.  Itenni li l-Ftehim għandu jipprevedi qafas adegwat sabiex ir-relazzjoni futura tkun ibbażata fuq tliet pilastri ewlenin: sħubija ekonomika, sħubija fl-affarijiet barranin, kwistjonijiet settorjali speċifiċi u kooperazzjoni tematika; jisħaq li l-Ftehim għandu jiżgura wkoll qafas ta' governanza konsistenti, li għandu jinkludi mekkaniżmu robust għas-soluzzjoni tat-tilwim, biex b'hekk jiġu evitati kemm il-proliferazzjoni ta' ftehimiet bilaterali kif ukoll in-nuqqasijiet li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tal-UE mal-Iżvizzera; ifakkar li l-Ftehim jeħtieġlu jkun konformi mal-Artikolu 3(5) tat-TUE;

4.  Jinnota li, minħabba l-bażi kondiviża ta' valuri komuni għal-UE u r-Renju Unit, il-konnessjonijiet mill-qrib tagħhom u l-allinjament regolatorju attwali, is-47 sena sħubija tar-Renju Unit u l-istatus tiegħu bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kif ukoll is-sħubija fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), ir-Renju Unit ser jibqa' sieħeb importanti għall-UE fil-pilastri kollha msemmija hawn fuq u huwa fl-interess reċiproku taż-żewġ partijiet li tiġi stabbilita sħubija li tiżgura kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni;

5.  Ifakkar li l-Ftehim jista' jiġi konkluż biss bl-involviment sħiħ u bl-approvazzjoni finali tal-Parlament Ewropew; jenfasizza li huwa jeħtieġ jiġi immedjatament u kompletament informat matul l-istadji kollha tal-proċedura f'konformità mal-Artikoli 207, 217 u 218 tat-TFUE, mal-każistika rilevanti u l-aħjar prattiki stabbiliti, u li l-pożizzjonijiet tiegħu għandhom jitqiesu kif xieraq fl-istadji kollha, filwaqt li jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-kumitati kompetenti tiegħu jkunu f'pożizzjoni li jeżerċitaw skrutinju demokratiku u jiddeċiedu dwar il-Ftehim b'mod kompletament informat; jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew meta jiddefinixxu d-direttivi ta' negozjati u sabiex jagħmluhom pubbliċi;

6.  Jappella lill-Kummissjoni biex twettaq in-negozjati b'mod trasparenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura, f'dan ir-rigward, konsultazzjoni pubblika u djalogu kontinwu mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-parlamenti nazzjonali;

7.  Iqis li l-UE għandha tagħmel l-almu tagħha kollu fin-negozjati mar-Renju Unit sabiex tiggarantixxi l-interessi tal-UE u tiżgura li f'kull mument jiġi ppreservat l-ingranaġġ tal-UE u li tiġi żgurata l-unità, hekk kif kien il-każ matul in-negozjati dwar it-termini tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE; jinsisti li din l-unità jeħtieġ li tinżamm għan-negozjati dwar is-sħubija futura u għaldaqstant ifakkar fl-importanza li l-Kummissjoni tkun in-negozjatur uniku tal-UE matul in-negozjati u li l-Istati Membri m'għandhom iwettqu ebda negozjati bilaterali;

8.  Jitlob li n-negozjati jibdew mill-aktar fis possibbli dwar il-punti kollha fi ħdan l-abbozz ta' direttivi ta' negozjati; iqis, madankollu, li l-livell ta' profondità u ambizzjoni ser ikun, kif meħtieġ, proporzjonat mal-perjodu ta' żmien strett li r-Renju Unit għażel u li ma jirriflettix il-kumplessità tan-negozjati u jqajjem ir-riskju ta' "effett ta' preċipizju" f'ċerti oqsma fejn il-miżuri ta' kontinġenza jew il-qafas internazzjonali jaf ma jkunux qafas legali adegwat sabiex jiġi evitat tfixkil serju;

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-interpretazzjoni tal-Prim Ministru tar-Renju Unit tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ rigward il-kontrolli fil-fruntieri fil-Baħar Irlandiż; iqis li l-fiduċja hija element essenzjali ta' kwalunkwe negozjati u huwa tal-opinjoni li l-Prim Ministru tar-Renju Unit jeħtieġlu minnufih jiċċara b'mod sodisfaċenti l-approċċ intiż tar-Renju Unit għall-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq;

10.  Jappoġġja d-direttivi ta' negozjati li jistabbilixxu li Ġibiltà mhix ser tiġi inkluża fl-ambitu territorjali tal-ftehimiet li ser jiġu konklużi bejn l-UE u r-Renju Unit u li kwalunkwe ftehim separat ser jirrikjedi il-qbil minn qabel tar-Renju ta' Spanja;

I.SĦUBIJA EKONOMIKA

Kummerċ u Kundizzjonijiet Ekwivalenti ta' Kompetizzjoni

11.  Jieħu nota li r-Renju Unit għażel li jistabbilixxi s-sħubija ekonomika u kummerċjali futura tiegħu mal-UE abbażi ta' FTA; jenfasizza li, filwaqt li l-Parlament Ewropew jappoġġja lill-UE f'negozjati kostruttivi għal FTA bbilanċjat, ambizzjuż u komprensiv mar-Renju Unit, in-natura ta' FTA ma tippermetti qatt li dan ikun ekwivalenti għall-kummerċ "bla xkiel";

12.  Itenni li, bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-integrità tal-UE u tas-suq uniku tagħha, tal-unjoni doganali u tal-indiviżibilità tal-erba' libertajiet, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-livell ta' aċċess ħieles mill-kwoti u mid-dazju għall-akbar suq uniku fid-dinja kompletament jikkorrispondi mal-grad ta' konverġenza regolatorja u l-impenji meħuda fir-rigward tal-osservazzjoni ta' kundizzjonijiet ekwivalenti għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta bil-ħsieb ta' allinjament dinamiku; jissottolinja li dan jirrikjedi kombinazzjoni ta' regoli u miżuri sostantivi, inklużi klawżoli ta' nonregressjoni u mekkaniżmi li jiżguraw implimentazzjoni, infurzar u soluzzjoni ta' tilwim effettivi;

13.  Jisħaq li FTA għandu jkollu l-għan li jippermetti aċċess għas-suq u faċilitazzjoni tal-kummerċ kemm jista' jkun qrib ta' dawk ta' qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, filwaqt li jeħtieġ ikompli joħloq impjiegi deċenti u jagħti spinta lill-opportunitajiet ta' esportazzjoni tal-UE, jinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli, iżomm l-istandards tal-UE u jirrispetta l-proċeduri demokratiċi; jissottolinja li għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni sabiex tiġi evitata "ġirja lejn l-aktar livell baxx", bil-ħsieb ta' allinjament dinamiku u l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-Renju Unit ma jiksibx vantaġġ kompetittiv inġust permezz tat-twaqqigħ tal-livelli ta' protezzjoni u sabiex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju mill-operaturi tas-suq;

14.  Jenfasizza li, biex l-FTA tassew jippromwovi l-interessi tal-UE, l-objettivi li ġejjin għandhom jiġu inklużi fid-direttivi ta' negozjati:

   (i) kundizzjonijiet ekwivalenti tal-kompetizzjoni għandhom jiġu ggarantiti permezz ta' impenji robusti u dispożizzjonijiet infurzabbli dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat, il-kwistjonijiet rilevanti tat-taxxa (inklużi l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus), ir-rispett sħiħ tal-istandards soċjali u tax-xogħol (inklużi livelli ekwivalenti ta' protezzjoni u salvagwardji kontra d-dumping soċjali), il-protezzjoni ambjentali u l-istandards relatati mat-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, protezzjoni ta' livell għoli tal-konsumaturi u l-iżvilupp sostenibbli; id-dispożizzjonijiet għandhom jiżguraw li l-istandards ma jitbaxxewx, filwaqt li jagħtu s-setgħa liż-żewġ partijiet jimmodifikaw l-impenji matul iż-żmien biex jistabbilixxu standards ogħla jew jinkludu oqsma addizzjonali; l-impenji u d-dispożizzjonijiet għandhom ikunu infurzabbli permezz ta' miżuri interim awtonomi, mekkaniżmu sod għas-soluzzjoni tat-tilwim u rimedji, fil-perspettiva ta' allinjament dinamiku;
   (ii) arranġament reċiproku għal aċċess għas-suq b'benefiċċju reċiproku għall-prodotti, is-servizzi, l-akkwist pubbliku, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u, fejn hu rilevanti, l-investiment dirett barrani, li għandu jiġi nnegozjat f'konformità sħiħa mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);
   (iii) impenn miż-żewġ naħat biex ikomplu jaħdmu flimkien għal kummerċ ħieles u ġust li jkun imsejjes fuq regoli sodi fil-fora internazzjonali, bil-għan li jinkiseb multilateraliżmu effikaċi;
   (iv) filwaqt li taħdem favur l-aktar kummerċ possibbli tal-prodotti, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-possibbiltà ta' kwoti u tariffi għas-setturi l-aktar sensittivi kif ukoll il-ħtieġa għal klawżoli ta' salvagwardja biex tipproteġi l-integrità tas-suq uniku tal-UE; itenni, barra minn hekk, li, pereżempju fir-rigward tal-ikel u l-prodotti agrikoli, l-aċċess għas-suq uniku huwa b'kundizzjoni li tinżamm konformità stretta mal-liġi u l-istandards kollha tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tas-sikurezza tal-ikel, l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM), il-pestiċidi, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-benessri tal-annimali, it-tikkettar u t-traċċabbiltà, l-istandards sanitarji u fitosanitarji (SPS), u s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti;
   (v) ir-regoli ta' oriġini għandhom jirriflettu l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles l-aktar reċenti tal-UE u għandhom ikunu msejsa fuq l-interessi tal-produtturi tal-UE; il-Ftehim għandu jissalvagwardja l-qafas tar-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti bejn l-UE u l-pajjiżi terzi u jevita kwalunkwe opportuniżmu billi jiżgura l-konsistenza billi jżomm sistema adatta ta' tariffi u kwoti u regoli ta' oriġini għall-prodotti fil-konfront ta' pajjiżi terzi;
   (vi) l-impenji rigward miżuri kontra d-dumping u miżuri kompensatorji jistgħu jmorru lil hinn mir-regoli tad-WTO f'dan il-qasam, jekk ikun il-każ;
   (vii) l-impenji dwar is-servizzi għandhom isiru bil-għan li jinkiseb livell ta' liberalizzazzjoni fil-kummerċ tas-servizzi lil hinn sew mill-impenji li l-partijiet għandhom mad-WTO, u jibnu fuq il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles reċenti tal-UE, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-livell għoli ta' kwalità tas-servizzi pubbliċi tal-UE f'konformità mat-TFUE u b'mod partikolari l-Protokoll 26 dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali; barra minn hekk, is-servizzi awdjoviżivi għandhom jiġu esklużi mid-dispożizzjonijiet relatati mal-liberalizzazzjoni; itenni li fl-ambitu ta' ftehim ta' kummerċ ħieles, l-aċċess tas-suq għas-servizzi huwa limitat u dejjem soġġett għal esklużjonijiet, riżervi u eċċezzjonijiet; għandhom ikunu koperti l-modi kollha tal-provvista ta' servizzi, inklużi impenji dwar il-moviment ta' persuni fiżiċi minn naħa għal oħra ta' fruntiera (Mod 4) u dispożizzjonijiet marbuta mar-regoli tal-UE u r-rispett għat-trattament ugwali tal-ħaddiema u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali; l-arranġamenti għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali fl-ambitu tar-regoli tal-istat ospitanti biex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi tal-UE jiġu ttrattati b'mod mhux diskriminatorju, inkluż fir-rigward tal-istabbiliment; l-arranġamenti l-ġodda għandhom jippermettu d-dħul u s-soġġorn temporanju ta' persuni fiżiċi għal finijiet ta' negozju bl-għan li jipprovdu servizzi;
   (viii) għandu jkun hemm opportunitajiet għall-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku lil hinn mill-impenji tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) tad-WTO, filwaqt li jiġi ggarantit aċċess għas-suq għall-kumpaniji tal-UE f'setturi strateġiċi u livell ta' ftuħ ugwali għas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE;
   (ix) miżuri sodi u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi (GIs), bħad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, u t-trademarks, abbażi tal-qafas legali attwali u futur tal-UE;
   (x) il-ftehim għandu jikkonferma l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi eżistenti, kif previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, u jistabbilixxi mekkaniżmu għall-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi futuri, filwaqt li jiġi żgurat l-istess livell ta' protezzjoni bħal dak previst mill-Ftehim dwar il-Ħruġ;
   (xi) għandu jiġi inkluż kapitolu ambizzjuż dwar il-kummerċ u l-ugwaljanza bejn is-sessi; għandhom jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, fost l-oħrajn billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għal azzjonijiet tal-UE li jipproteġu u javvanzaw ir-rwol tan-nisa fl-ekonomija, pereżempju f'termini ta' miżuri li jiġġieldu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;
   (xii) kapitolu globali dwar il-ħtiġijiet u l-interessi tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' faċilitazzjoni tal-aċċess għas-suq inkluża, iżda mhux biss, il-kompatibbiltà tal-istandards tekniċi, u proċeduri doganali simplifikati bil-għan li jiġu ppreservati u ġġenerati opportunitajiet konkreti ta' negozju u li titrawwem l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom;
   (xiii) biex ftehim kummerċjali jkun komprensiv, jeħtieġ li jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw allinjament regolatorju kontinwu tar-Renju Unit mal-UE fil-futur; sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ, għandhom jiġu negozjati dixxiplini trasversali dwar il-koerenza regolatorja u l-ostakli mhux tariffarji, filwaqt li jitqiesu n-natura volontarja tal-kooperazzjoni regolatorja u d-dritt ta' regolamentazzjoni fl-interess pubbliku, filwaqt li jiġu ppreservati l-awtonomija regolatorja u d-drittijiet parlamentari, u filwaqt li jitfakkar li d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni regolatorja fi ftehim kummerċjali ma jistgħux jirreplikaw għalkollox l-istess kummerċ bla xkiel kif previst minn sħubija fis-suq uniku;
   (xiv) sabiex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja u regolatorja u jkun żgurat ir-rispett sħiħ tar-reġim u l-istandards regolatorji tal-UE u l-applikazzjoni tagħhom, il-konċessjoni prudenzjali u l-limitazzjonijiet fil-forniment transfruntiera ta' servizzi finanzjarji huma karatteristika komuni tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE, u għandhom jiġu inklużi f'dan;
   (xv) dispożizzjonijiet ambizzjużi li jippermettu l-iżvilupp tal-kummerċ diġitali, u biex jindirizzaw ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ b'mezzi elettroniċi, u jiżguraw ambjent online miftuħ, sigur u affidabbli għan-negozji u l-konsumaturi, u li jirregolaw il-flussi transfruntiera tad-data, inklużi prinċipji bħall-kompetizzjoni ġusta u regoli ambizzjużi għat-trasferimenti transfruntiera tad-data, f'konformità sħiħa mar-regoli attwali u futuri tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, u mingħajr preġudizzju għalihom;
   (xvi) il-ftehim ta' kummerċ ħieles iwassal għal kontrolli u verifiki tad-dwana hekk kif il-prodotti jidħlu fis-suq uniku, u dan jolqot il-katini tal-provvista u l-proċessi tal-manifattura globali; huwa meħtieġ li jiġu msaħħa l-awtoritajiet doganali, kemm fir-rigward tal-persunal kif ukoll fir-rigward tat-tagħmir tekniku, sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-kompiti addizzjonali tagħhom; il-proċeduri operattivi tal-ftehim futur iridu jkunu mmirati li jippreservaw ir-regoli tas-suq intern tal-Unjoni għall-oġġetti u l-unjoni doganali; għaldaqstant huwa tal-akbar importanza li tiġi ssalvagwardjata l-konformità tal-prodotti mar-regoli tas-Suq Uniku;
   (xvii) allinjament regolatorju rigward is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti u rigward standards robusti tal-prodotti għandu jkun parti essenzjali u insostitwibbli ta' kwalunkwe relazzjoni futura mar-Renju Unit biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-UE u livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi tal-UE;
   (xviii) l-integrità tal-unjoni doganali u r-regoli u l-proċeduri tagħha jridu jiġu preservati; għandu jiġi stabbilit arranġament ta' ħidma f'waqtu u effiċjenti bejn l-UE u r-Renju Unit f'dan il-qasam;

15.  Jenfasizza li l-ftehim ta' kummerċ ħieles kollu kemm hu għandu jkun kopert b'dispożizzjonijiet dwar id-djalogu tas-soċjetà ċivili, l-involviment tal-partijiet konċernati u l-konsultazzjoni miż-żewġ partijiet; jinsisti dwar it-twaqqif ta' gruppi konsultattivi domestiċi li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-ftehim;

16.  Itenni li l-Ftehim għandu jiżgura qafas ta' governanza konsistenti, li għandu jinkludi mekkaniżmu robust ta' soluzzjoni tat-tilwim kif ukoll strutturi ta' governanza; jenfasizza f'dan ir-rigward il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-liġi tal-UE sabiex tiġi żgurata l-omoġeneità ta' tali interpretazzjoni;

Kundizzjonijiet ekwivalenti

17.   Ifakkar li r-Renju Unit għandu jkompli jirrispetta u jimplimenta l-istandards li jeżistu fl-ambitu tal-impenji internazzjonali tiegħu bil-għan ta' allinjament dinamiku tal-leġiżlazzjoni u l-politiki, b'mod li jirrifletti l-estensività u l-profondità tar-relazzjoni futura;

18.  Ifakkar fid-determinazzjoni tiegħu li jipprevjeni kwalunkwe tip ta' "dumping" fil-qafas tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit u jfakkar f'dan ir-rigward li allinjament dwar kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tax-xogħol, il-kwistjonijiet rilevanti tat-taxxa u l-politiki dwar l-għajnuna mill-istat huwa essenzjali għall-prevenzjoni tad-dumping;

19.  Jinnota li l-estensività u l-profondità tal-Ftehim fir-rigward ta' kundizzjonijiet ekwi se jkunu essenzjali biex tiġi ddeterminata l-firxa tar-relazzjoni futura ġenerali bejn l-UE u r-Renju Unit; ifakkar li r-rispett kontinwu tal-mudell soċjali Ewropew min-naħa tar-Renju Unit se jkollu rwol kruċjali f'dan; itenni l-ħtieġa li jiġu stabbiliti salvagwardji biex jiġi żgurat li jinżammu standards għoljin u kundizzjonijiet ekwi fl-oqsma tal-istandards soċjali u tal-impjiegi tal-anqas fil-livelli għolja attwali li jipprovdu l-istandards komuni eżistenti;

20.  Jenfasizza li relazzjoni aktar profonda se teħtieġ qafas sod u komprensiv għall-kompetizzjoni u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat li jipprevjeni distorsjoni indebita tal-kummerċ u l-kompetizzjoni, sabiex jiġi żgurat li r-Renju Unit ma jaġixxix b'mod inġust u antikompetittiv li jagħmel ħsara lill-atturi ekonomiċi tal-UE;

21.  Jemmen bis-sħiħ li r-Renju Unit għandu jaderixxi mal-istandards li qed jevolvu dwar it-tassazzjoni u l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus fi ħdan l-acquis tal-UE, inkluża t-trasparenza fiskali, l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet tat-taxxa u l-miżuri kontra l-evitar tat-taxxa, u għandu jindirizza s-sitwazzjoni rispettiva tat-Territorji Extra-Ewropej tiegħu, iż-Żoni ta' Bażi Sovrana tiegħu u d-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu u n-nuqqas ta' konformità tagħhom mal-kriterji tal-governanza tajba u r-rekwiżiti tat-trasparenza tal-UE;

22.  Itenni l-ħtieġa li jinżammu standards għoljin u kundizzjonijiet ekwi fl-oqsma tal-prodotti mediċinali, l-apparat mediku, is-sikurezza u t-tikkettar tal-ikel, u l-politiki u l-istandards veterinarji, fitosanitarji, u ambjentali;

23.  Jinnota li, bħall-Ftehim kollu, id-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni se jirrikjedu strutturi ta' governanza robusti li jinkludu mekkaniżmi adegwati ta' ġestjoni, superviżjoni, soluzzjoni ta' tilwim u infurzar b'sanzjonijiet u miżuri interim fejn ikun meħtieġ u b'rekwiżit għaż-żewġ partijiet li jistabbilixxu jew, fejn ikun rilevanti, iżommu istituzzjonijiet indipendenti li jkunu kapaċi jissorveljaw u jinfurzaw l-implimentazzjoni b'mod effikaċi; jenfasizza li l-aċċess għall-ġustizzja u mekkaniżmu xieraq għall-ilmenti jridu jiġu ggarantiti għaċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi fir-rigward tal-infurzar tal-istandards tax-xogħol u tal-istandards ambjentali;

II.KWISTJONIJIET SETTORJALI SPEĊIFIĊI U KOOPERAZZJONI TEMATIKA

Sajd

24.  Jenfasizza barra minn hekk li l-kwistjoni ta' aċċess liberu għall-ilmijiet u l-portijiet hija inseparabbli mill-kwistjoni tal-kummerċ ħieles u tal-aċċess tal-prodotti tas-sajd tar-Renju Unit għas-suq tal-UE, u li n-negozjati mar-Renju Unit dwar is-sajd ma jistgħux jiġu separati minn xulxin u jrid ikollhom rabta diretta man-negozjati dwar is-sħubija ekonomika globali, b'mod partikolari dwar il-kummerċ;

25.  Ifakkar u jappoġġja bil-qawwa d-dispożizzjonijiet dwar is-sajd li għandu jintlaħaq qbil dwarhom sal-1 ta' Lulju 2020 u jemmen li r-reġim futur tar-Renju Unit tal-ġestjoni tas-sajd m'għandux isir aktar dgħajjef mir-regoli u l-obbligi attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS);

26.  Jenfasizza li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE ma jeżentax lir-Renju Unit mir-responsabbiltajiet tiegħu li jikkoopera bħala stat kostali għall-ġestjoni konġunta u sostenibbli tal-istokkijiet kondiviżi ta' ħut, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tiegħu;

27.  Ifakkar li l-prinċipju fundamentali ta' aċċess liberu u ugwali għas-sajjieda tal-UE għall-ilmijiet kollha tal-Istati Membri fi ħdan il-PKS, kif ukoll is-suq uniku tal-UE u l-prinċipju tiegħu tal-moviment liberu tal-merkanzija (inklużi l-prodotti tas-sajd) stabbilew għexieren ta' snin ta' drittijiet u benefiċċji għall-komunitajiet kostali, għall-operaturi u għall-konsumaturi;

28.  Jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita sħubija komprensiva u ta' benefiċċju reċiproku bejn l-UE u r-Renju Unit, li tinkludi b'mod indissoċjabbli u bħala kwistjoni ta' prijorità qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, ftehim dwar is-sajd u dwar kwistjonijiet relatati mas-sajd f'konformità mal-obbligi reċiproċi fl-ambitu tad-dritt internazzjonali;

29.  Jinsisti li l-Ftehim għandu jinbena fuq il-prinċipji stabbiliti fil-PKS għall-isfruttament sostenibbli u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u għall-benefiċċju soċjoekonomiku tas-sajjieda, tal-operaturi fis-settur tas-sajd u tal-konsumaturi;

30.  Jitlob li l-Ftehim jiżgura, b'mod partikolari, aċċess reċiproku kontinwu għall-ilmijiet u jżomm is-sehem tal-kwoti stabbli eżistenti bejn l-UE u r-Renju Unit ta' stokkijiet sfruttati b'mod komuni; jenfasizza f'dak il-kuntest l-importanza li jinżammu l-prinċipji u l-miżuri tal-ġestjoni tas-sajd li dwarhom hemm qbil komuni, simili għal dawk stabbiliti fil-PKS;

31.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni xierqa u ta' approċċ komuni bbażat fuq ix-xjenza, flimkien ma' garanziji għall-kontribut kontinwu tar-Renju Unit għall-ġbir ta' data u għall-valutazzjoni xjentifika tal-istokkijiet; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex ikomplu l-kooperazzjoni fir-rigward tal-kontrolli tas-sajd u tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);

Protezzjoni tad-data

32.  Ifakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(10), sabiex il-Kummissjoni tiddikjara l-adegwatezza tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit, hija jeħtiġilha turi li r-Renju Unit jipprovdi livell ta' protezzjoni "essenzjalment ekwivalenti" għal dak offrut mill-qafas legali tal-UE, inkluż dwar trasferimenti ulterjuri lejn pajjiżi terzi; ifakkar li l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data tar-Renju Unit jipprevedi eżenzjoni ġenerali u mifruxa mill-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u mid-drittijiet tas-soġġetti tad-data għall-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' immigrazzjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, meta d-data ta' nonċittadini tar-Renju Unit tiġi pproċessata fl-ambitu ta' din l-eżenzjoni, dawn mhumiex protetti bl-istess mod bħaċ-ċittadini tar-Renju Unit; hu tal-fehma li dik l-eżenzjoni tkun f'kunflitt mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11); barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-qafas legali tar-Renju Unit dwar iż-żamma ta' data tat-telekomunikazzjoni elettronika ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-acquis rilevanti tal-UE hekk kif interpretat mill-QĠUE, u għaldaqstant bħalissa ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adegwatezza;

33.  Iqis neċessarju li tingħata attenzjoni partikolari lill-qafas legali fir-Renju Unit fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; ifakkar li l-programmi ta' sorveljanza tal-massa jaf ma jkunux adegwati fl-ambitu tal-liġi tal-UE u jħeġġeġ bil-qawwa li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan il-qasam, bħal pereżempju l-kawża Schrems, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tivvaluta bir-reqqa l-qafas legali tal-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit u tiżgura li r-Renju Unit solva l-problemi identifikati f'din ir-riżoluzzjoni qabel ma tikkunsidra li l-liġi tar-Renju Unit dwar il-protezzjoni tad-data bħala adegwata skont il-liġi tal-UE hekk kif interpretata mill-QĠUE(12), u biex tfittex il-konsulenza tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data filwaqt li tipprovdilhom l-informazzjoni kollha rilevanti u l-iskedi ta' żmien xierqa biex iwettqu r-rwol tagħhom;

Tibdil fil-klima u ambjent

35.  Jemmen li r-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit m'għandhiex tkun ibbażata biss fuq fatturi ekonomiċi, iżda anke fuq livell għoli ta' ambizzjoni ambjentali, sostnuta minn kooperazzjoni fil-fora internazzjonali rilevanti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi transfruntieri u globali;

36.  Iqis li l-UE u r-Renju Unit għandhom jiżguraw li l-livell ta' protezzjoni ambjentali stabbilit mil-liġijiet, mir-regolamenti u mill-prattiki ma jitnaqqasx taħt il-livell stabbilit mill-istandards komuni applikabbli fl-UE u fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni fir-rigward ta': l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent, il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali; il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-valutazzjoni ambjentali strateġika; l-emissjonijiet industrijali; il-miri u l-limiti massimi tal-emissjonijiet tal-arja u tal-kwalità tal-arja; il-konservazzjoni tan-natura u tal-bijodiversità; l-immaniġġjar tal-iskart; il-protezzjoni u l-ħarsien tal-ambjent akkwatiku; il-protezzjoni u l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar; il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jirriżultaw mill-produzzjoni, l-użu, ir-rilaxx u r-rimi ta' sustanzi kimiċi u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; u t-tibdil fil-klima u l-prinċipju ta' prekawzjoni;

37.  Jistieden lin-negozjaturi jiżguraw li r-Renju Unit jimpenja ruħu li jimplimenta l-istandards, inklużi l-miri, u dispożizzjonijiet oħra li ntlaħaq ftehim dwarhom fil-livell tal-UE matul il-perjodu ta' tranżizzjoni;

38.  Jappella biex il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima ssir prijorità assoluta fin-negozjati, minħabba l-importanza fundamentali li jinkisbu riżultati pożittivi f'dan il-qasam, u dan għandu jibda bis-suċċess tas-26 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 26) fi Glasgow; iqis li l-aħjar għażla tkun l-allinjament sħiħ tar-Renju Unit u tal-UE f'dan il-qasam; f'dan ir-rigward, jesprimi preferenza qawwija li r-Renju Unit jallinja ruħu bis-sħiħ mal-qafas kurrenti u futur tal-politika dwar il-klima tal-UE, kif ukoll mal-impenji skont il-Ftehim ta' Pariġi, u jitlob li l-limitu massimu għall-emissjonijiet tal-UE stabbilit mill-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS), ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, inklużi l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, japplika fl-intier tiegħu;

39.  Jistieden lir-Renju Unit iżomm sistema ta' pprezzar tal-karbonju allinjata mal-istandards u l-miri komuni stabbiliti fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni u jistieden lin-negozjaturi jeżaminaw il-possibbiltà li l-iskema nazzjonali futura tar-Renju Unit għan-negozjar ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tintrabat mal-EU ETS, dment li l-integrità tal-EU ETS tiġi rispettata bis-sħiħ;

40.  Jissottolinja li kwalunkwe relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandha tkun soġġetta – fost affarijiet oħra – għall-allinjament tar-Renju Unit mal-objettivi klimatiċi u ambjentali mtejba tal-UE, għall-konformità tar-Renju Unit mar-regolament li jistabbilixxi qafas li jiffaċilita l-investiment sostenibbli u għall-istrateġija klimatika u l-politika tas-self fis-settur tal-enerġija tal-BEI, li t-tnejn li huma huma ġodda u ambizzjużi;

41.  Jenfasizza li jkun hemm riskju ta' telf tal-bijodiversità tal-UE b'riżultat ta' kwalunkwe tnaqqis tal-protezzjoni fir-Renju Unit, peress li ħafna speċijiet (għasafar, pipistrelli, friefet u ċetaċji) jemigraw bejn l-UE u r-Renju Unit, u għal ħafna speċijiet mhux migratorji hemm fluss regolari ta' ġeni bejn ir-Renju Unit u l-UE;

42.  Jenfasizza l-importanza li r-Renju Unit jibqa' allinjat mal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi (REACH(13)) u li jiżgura kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA);

Enerġija

43.  Jitlob li l-ftehim jiżgura aċċess mhux diskriminatorju għan-networks għall-parteċipanti fis-suq, diżaggregazzjoni effettiva tal-operaturi tan-network; garanzija ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u nonregressjoni, inklużi pprezzar tal-karbonju, għajnuna mill-Istat u protezzjoni ambjentali effettivi;

44.  Jappella għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi li, kemm jista' jkun, jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u skambji effiċjenti permezz tal-interkonnetturi matul perjodi ta' żmien differenti;

45.  Jistenna li r-Renju Unit jikkonforma ma' standards għoljin ta' sikurezza, sigurtà u protezzjoni mir-radjazzjoni fil-qasam nukleari; jistenna li l-ftehim jindirizza r-relazzjoni tar-Renju Unit mal-Euratom u mal-proġett ITER u l-impatt tal-ħruġ fuq l-assi u l-obbligazzjonijiet, li jippermetti l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Euratom, ir-Renju Unit u l-awtoritajiet nazzjonali tiegħu; jitlob li l-ftehim jinkludi impenn li jippermetti li, fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, japplikaw kondizzjonijiet ekwi fl-istandards tas-sikurezza nukleari, biex ikun żgurat rispett sħiħ tal-konvenzjonijiet internazzjonali, inklużi l-Konvenzjonijiet ta' Aarhus u Espoo, u tat-trattati;

Saħħa pubblika u sikurezza tal-ikel

46.  Jenfasizza l-importanza għall-konsumaturi tal-UE u tar-Renju Unit li r-Renju Unit iżomm standards għoljin fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel u t-tikkettar tal-ikel; ifakkar li kwalunkwe tip ta' ikel importat fl-UE minn pajjiż terz irid jissodisfa l-istandards għoljin tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel f'dak li jirrigwarda, fost oħrajn, l-użu ta' OĠM; jinnota l-benefiċċju reċiproku tal-fatt li r-Renju Unit ikompli jipparteċipa fis-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf; ifakkar li jkollhom isiru verifiki u kontrolli robusti bejn l-UE u r-Renju Unit, minħabba l-istatus ta' pajjiż terz tar-Renju Unit;

47.  Jenfasizza l-importanza li r-Renju Unit iżomm standards ekwivalenti ta' saħħa tal-annimali, fil-prevenzjoni tat-trażmissjoni ta' mard żoonotiku bejn l-annimali u n-nies, b'mod partikolari fil-każ tal-ispeċijiet migratorji, għall-benefiċċju tas-saħħa kemm tal-annimali kif ukoll tal-bnedmin; iqis li huwa neċessarju li jinżamm il-passaportar għall-ispostamenti tal-annimali, kemm għall-annimali domestiċi kif ukoll għal dawk tal-farms, bejn l-UE u r-Renju Unit, abbażi ta' standards eżistenti u futuri tal-UE;

48.  Jenfasizza l-importanza ta' standards għoljin u kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-benessri u tas-saħħa tal-annimali tul il-katina alimentari kollha u tal-iżgurar ta' kompetizzjoni ġusta bejn il-bdiewa fir-Renju Unit u fl-UE; jeskludi l-possibbiltà ta' importazzjonijiet ta' annimali ħajjin, laħam u bajd fl-UE li ma jkunux konformi mal-istandards tal-UE dwar il-benessri tal-annimali;

49.  Jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata provvista adegwata ta' mediċini, apparat mediku u prodotti oħra tal-kura tas-saħħa; għalhekk, jistieden lill-UE u lir-Renju Unit jiżguraw li jittieħdu miżuri biex jillimitaw in-nuqqasijiet u jillimitaw l-impatti serji potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem; jappella, b'mod partikolari, għal azzjonijiet immirati biex ikun żgurat aċċess kontinwu u rapidu għal mediċini sikuri u apparat mediku sikur għall-pazjenti, inkluża provvista sikura u konsistenti ta' isotopi radjuattivi;

50.  Iħeġġeġ it-tkomplija tal-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' saħħa ġenerali u saħħa pubblika; jissottolinja li, bħala pajjiż terz, ir-Renju Unit ma jkunx jista' jieħu sehem fil-proċeduri ta' awtorizzazzjoni ta' prodotti mediċi fl-UE;

Drittijiet taċ-ċittadini u mobilità tal-persuni

51.  Jistieden lill-partijiet fin-negozjati jirsistu għal kontinwazzjoni sħiħa tad-drittijiet taċ-ċittadini garantiti skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għal dawk tar-Renju Unit u għall-familji tagħhom; jenfasizza li kwalunkwe arranġament futur dwar il-mobilità għandu jkun ibbażat fuq in-nondiskriminazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u fuq ir-reċiproċità sħiħa; iqis, b'mod aktar ġenerali, li aktar konkretizzazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini, inkluż il-moviment liberu għal ċittadini tar-Renju Unit fl-UE abbażi ta' approċċ reċiproku, trid tkun il-ġebla tax-xewka u parti indiviżibbli tat-test ta' ftehim internazzjonali futur bejn l-UE u r-Renju Unit; iqis li huwa essenzjali wkoll li l-Istati Membri tal-UE jiċċaraw il-qafas li għandu jiġi applikat minn kull wieħed minnhom għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li jixtiequ jiksbu status ta' residenza, u li tali miżuri jkunu faċli biex jintużaw u trasparenti, sabiex jiffaċilitaw il-proċess, kif ukoll mingħajr ħlas, u li l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jimmonitorjaw l-iżviluppi rilevanti;

52.  Jitlob l-istabbiliment ta' arranġamenti adegwati ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, inklużi d-drittijiet tal-pensjoni, fid-dawl tal-moviment tal-persuni fil-futur; jilqa', f'dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, li jipproteġu d-drittijiet li jirriżultaw minn perjodi ta' kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali;

53.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Renju Unit japprova abbozz ta' liġi ġdid dwar l-impjiegi qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni sabiex jevita kwalunkwe lakuna li minħabba fiha d-drittijiet tal-ħaddiema la jkunu protetti mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u lanqas mill-abbozz ta' liġi dwar l-impjiegi tar-Renju Unit;

54.  Jinsisti, f'dan ir-rigward, fuq l-implimentazzjoni sħiħa u xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE bi skadenzi ta' implimentazzjoni matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, bħar-reviżjoni tad-direttiva dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema, id-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jew id-direttiva dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli;

55.  Jitlob li s-sitwazzjoni speċjali fil-gżira tal-Irlanda titqies bis-sħiħ, u li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti rigward iċ-ċittadini tal-Irlanda ta' Fuq; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jiżguraw li ma jkun hemm ebda tnaqqis tad-drittijiet għaċ-ċittadini fl-Irlanda ta' Fuq, u jirrispettaw bis-sħiħ il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fil-partijiet kollha tiegħu;

56.  Huwa favur li r-Renju Unit ikompli japplika r-regolament dwar ir-roaming għall-benefiċċju kemm taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll ta' dawk tar-Renju Unit, b'mod partikolari biex jiffaċilita l-moviment transfruntier tal-persuni fil-gżira tal-Irlanda;

57.  Jieħu nota tal-intenzjoni tar-Renju Unit li jaderixxi għall-Konvenzjoni dwar il-Manteniment tal-2007 ta' The Hague, u jappella għal kooperazzjoni u ambizzjoni xierqa fl-ambitu tad-dritt ċivili u tal-familja, speċjalment fir-rigward tad-drittijiet u r-rimpatriju tat-tfal; ifakkar li l-ftehim futur għandu jqis ukoll ċerti kategoriji ta' ċittadini li bħalissa huma koperti bid-dritt tal-UE kif interpretat mill-QĠUE bħaċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirritornaw lejn ir-Renju Unit flimkien ma' membri tal-familja li mhumiex mill-UE, persuni b'diżabilità u l-persuni li jieħdu ħsiebhom, ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fir-Renju Unit li għandhom rabtiet legali qawwija mal-Istati Membri, pereżempju ċittadini ta' pajjiżi terzi li twieldu fl-UE, rifuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr Stat;

58.  Iqis li l-arranġamenti dwar il-mobilità jridu jkunu bbażati fuq in-nondiskriminazzjoni u r-reċiproċità sħiħa; ifakkar li, ladarba jiġi adottat il-mandat ta' negozjar, l-Istati Membri ma jistgħux jinnegozjaw ftehimiet bilaterali;

59.  Jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li r-Renju Unit ħabbar li l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni bejn l-UE u r-Renju Unit mhux se jibqa' japplika; iqis li kwalunkwe ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit għandu jinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tad-drittijiet kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għal dawk tar-Renju Unit u l-membri tal-familja tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-moviment tal-persuni u tal-ħaddiema; ifakkar li d-drittijiet ta' moviment liberu huma wkoll marbuta direttament mat-tliet libertajiet integrali l-oħra tas-suq uniku, u għandhom rilevanza partikolari għas-servizzi u għall-kwalifiki professjonali;

60.  Iqis li l-Ftehim għandu jipprevedi l-ivvjaġġar mingħajr viża għal żjarat qosra, inklużi vjaġġi qosra relatati max-xogħol, abbażi tar-reċiproċità sħiħa u tan-nondiskriminazzjoni, u għandu jistabbilixxi kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn għal skopijiet ta' riċerka, studju u taħriġ u għal skambji taż-żgħażagħ;

61.  Rigward il-kooperazzjoni futura fil-politiki dwar l-asil u l-migrazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-UE27, jenfasizza li dan għandu tal-anqas jinkludi arranġamenti li jsaħħu perkorsi sikuri u legali ta' aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, anki permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja; peress li r-riunifikazzjoni tal-familja għadha importanti għall-persuni li jfittxu l-asil li jirrisjedu fir-Renju Unit u li għandhom familji fi ħdan il-fruntieri tal-UE, jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' pjan dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, li għandu jidħol fis-seħħ wara l-perjodu ta' tranżizzjoni, sabiex jiġu evitati lakuni b'impatti umanitarji u biex jiġi rispettat id-dritt għall-ħajja tal-familja tal-persuni li jfittxu l-asil skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

Ekwivalenza fis-servizzi finanzjarji

62.  Ifakkar li l-kumpaniji bbażati fir-Renju Unit se jitilfu d-drittijiet ta' passaportar;

63.  Iqis li l-aċċess għas-suq għandu jkun ibbażat fuq deċiżjonijiet ta' ekwivalenza, dment li l-UE tkun sodisfatta li r-reġim u l-istandards regolatorji u superviżorji tar-Renju Unit huma u jkomplu jkunu kompletament ekwivalenti għal dawk tal-UE, u b'hekk jirrifletti d-dispożizzjonijiet miftiehma għal kondizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni; jemmen li, ladarba tkun ingħatat l-ekwivalenza lir-Renju Unit, għandu jitqiegħed fis-seħħ mekkaniżmu effikaċi li jiggarantixxi li l-ekwivalenza tinżamm maż-żmien, u jfakkar li l-UE tista' tirtira unilateralment l-istatus ta' ekwivalenti fi kwalunkwe mument;

64.  Iqis li kwalunkwe qafas futur għandu jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fl-UE u jirrispetta r-reġim u l-istandards regolatorji u superviżorji tagħha u l-applikazzjoni tagħhom, filwaqt li jżomm l-awtonomija regolatorja u deċiżjonali tal-UE;

Trasport

65.  Jistieden lin-negozjaturi jiżguraw konnettività kontinwa bejn ir-Renju Unit u l-UE, abbażi tar-rekwiżit tar-reċiproċità fl-aċċess reċiproku għas-swieq tat-trasport, filwaqt li titqies id-differenza fid-daqs taż-żewġ swieq rispettivi;

66.  F'dan ir-rigward, ifakkar li s-sistema tal-kwoti multilaterali tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) hija attwalment inadegwata biex tindirizza bis-sħiħ il-ħtiġijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-UE u r-Renju Unit, u li għandhom jiġu stabbiliti miżuri xierqa biex jiġi evitat theddid għall-ordni pubbliku u biex jiġi evitat tfixkil għall-flussi tat-traffiku tal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tal-operaturi tas-servizzi tal-kowċ u tax-xarabank;

67.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li n-negozjati jinkludu wkoll ftehim komprensiv ambizzjuż, bilanċjat u bi standards għoljin għat-trasport bl-ajru, speċjalment f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tat-traffiku tal-ajru, is-sikurezza tal-ajru u s-sigurtà fl-ajruporti, li għandhom jiġu ttrattati kif xieraq, u jfakkar, f'dan ir-rigward, li l-konnettività tal-ajru fil-futur bejn ir-Renju Unit u l-UE ma tistax tkun ekwivalenti għal parteċipazzjoni de jure jew de facto tar-Renju Unit fis-Suq Uniku tal-Avjazzjoni;

68.  Jenfasizza li s-sħubija futura bejn ir-Renju Unit u l-UE għandha tindirizza s-sitwazzjoni speċifika taċ-Channel Tunnel, speċjalment il-qafas regolatorju dwar is-sikurezza ferrovjarja;

69.  Iqis li l-aċċess intra-UE bejn l-Irlanda u l-Istati Membri l-oħra tal-UE għandu jiġi żgurat, inklużi d-drittijiet ta' tranżitu għat-trasport bit-triq intra-UE bejn l-Irlanda u l-Istati Membri l-oħra tal-UE;

70.  Jenfasizza li r-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-UE trid tiżgura kondizzjonijiet ekwi ta' kompetittività b'saħħithom fis-setturi kollha tat-trasport b'enfasi speċjali fuq l-għajnuna mill-Istat, il-protezzjoni ambjentali, id-drittijiet tal-passiġġieri, il-flessibbiltà kummerċjali u l-aspetti soċjali, inklużi l-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ;

71.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament kontinwu ta' proġetti ta' infrastruttura miftiehma b'mod konġunt, speċjalment fil-qafas tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u tal-Ajru Uniku Ewropew (SES), kif ukoll l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti bħal Clean Sky I u II u r-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR); u jqis li huwa kruċjali li r-Renju Unit jonora l-impenji u l-obbligi finanzjarji tiegħu bis-sħiħ, anke jekk dawn l-impenji u l-obbligi jmorru lil hinn mill-perjodu tas-sħubija tiegħu fl-UE;

Programmi u aġenziji

72.  Jenfasizza li r-regoli għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-aġenziji u l-programmi tal-UE se jkunu r-regoli applikabbli għall-pajjiżi terzi li mhumiex fiż-ŻEE; jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE filwaqt li jirrispetta r-regoli u l-mekkaniżmi rilevanti kollha u l-kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni;

73.  Jenfasizza li kwalunkwe parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE m'għandhiex tinvolvi trasferimenti netti mill-baġit tal-UE għar-Renju Unit; iqis, barra minn hekk, li kwalunkwe parteċipazzjoni ulterjuri tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE jeħtieġ li tiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programm tal-UE, u l-parteċipazzjoni ma għandha tagħti lill-pajjiż terz ebda setgħa ta' deċiżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm biżżejjed garanziji u dispożizzjonijiet vinkolanti fir-rigward tal-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Unjoni u tal-Ġestjoni Finanzjarja Tajba għall-programmi li fihom jipparteċipa r-Renju Unit, inklużi l-kontroll u l-awditjar, u l-investigazzjoni f'każ ta' frodi, ir-rispett tad-dritt ta' aċċess tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll id-dritt ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew;

74.  Jemmen, b'mod partikolari, li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi programmi transfruntieri fil-qasam tal-kultura, tal-iżvilupp, tal-edukazzjoni u tar-riċerka bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva, Orizzont, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, il-Programm LIFE, TEN-T, CEF, SES, Interreg, inizjattivi teknoloġiċi konġunti bħal Clean Sky I u II, SESAR, ERICs, Galileo, Copernicus, is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), il-Qafas ta' Appoġġ għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST), u sħubiji pubbliċi-privati, hija importanti;

75.  Jilqa' l-kontribut li l-programm PEACE ta biex jinkisbu l-paċi u l-istabbiltà fl-Irlanda ta' Fuq u jitlob il-preservazzjoni tal-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq u l-benefiċċji tal-programm attwali Peace IV u l-Fond Internazzjonali għall-Irlanda;

76.  Iqis li huwa tal-akbar importanza li l-UE u r-Renju Unit jesploraw il-possibbiltà ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-aġenziji tal-UE, inklużi, b'mod partikolari, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini; jissottolinja l-fatt li r-Renju Unit mhu se jkollu ebda awtorità ta' teħid ta' deċiżjonijiet fuq l-aġenziji tal-UE; f'dak il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi n-natura, l-ambitu u l-limiti ta' din il-kooperazzjoni potenzjali;

77.  Iqis li huwa neċessarju li tiġi ċċarata l-kooperazzjoni prattika futura bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni;

III.SĦUBIJA FL-OQSMA TAS-SIGURTÀ U L-AFFARIJIET BARRANIN

Politika barranija, sfidi tas-sigurtà u difiża

78.  Jemmen li, minkejja l-fatt li r-Renju Unit se jiġi eskluż mill-istrutturi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, ir-Renju Unit huwa sieħeb importanti, peress li l-ħtieġa ta' tweġibiet komuni biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża hija kruċjali fil-viċinat immedjat tal-UE u fix-xena internazzjonali;

79.  Jissottolinja l-fatt li r-relazzjoni ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit se tirrikjedi kooperazzjoni intensiva fil-politika barranija u l-politika ta' sigurtà, peress li kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit jaqsmu bejniethom ħafna interessi u esperjenzi, u jħaddnu ħafna mill-istess valuri; jenfasizza li huwa fl-interess taż-żewġ naħat li jżommu kooperazzjoni ambizzjuża li sservi s-sigurtà tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha u li tikkontribwixxi għall-istabbiltà globali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-paċi f'konformità mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE;

80.  Jinnota li, fir-rigward tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK), l-azzjonijiet u l-pożizzjonijiet komuni tal-UE jistgħu jiġu adottati biss mill-Istati Membri tal-UE; jirrimarka, madankollu, li dan ma jeskludix mekkaniżmi ta' konsultazzjoni li jippermettu lir-Renju Unit jallinja ruħu ma' pożizzjonijiet ta' politika barranija u ma' azzjonijiet konġunti tal-UE, b'mod partikolari dwar id-difiża tal-ordni globali bbażat fuq ir-regoli, il-kooperazzjoni multilaterali u d-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fl-oqfsa tan-NU, tan-NATO, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa; jappoġġja l-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni dwar il-politika tas-sanzjonijiet bil-possibbiltà tal-adozzjoni ta' sanzjonijiet li jsaħħu lil xulxin meta l-objettivi tal-politika barranija tal-Partijiet ikunu allinjati; jenfasizza l-valur miżjud tal-kooperazzjoni mill-qrib fil-PESK minħabba l-pożizzjoni sostanzjali tar-Renju Unit bħala attur tas-sigurtà;

81.  Jissottolinja l-fatt li r-Renju Unit jeħtieġlu jimplimenta l-miżuri restrittivi tal-UE stabbiliti jew deċiżi matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, jappoġġja d-dikjarazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u jipparteċipa fuq bażi ta' każ b'każ f'operazzjonijiet militari u missjonijiet ċivili tal-UE stabbiliti fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), iżda mingħajr ebda kapaċità ta' tmexxija fi Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni ġdid, filwaqt li jirrispetta l-awtonomija tal-UE fit-teħid ta' deċiżjonijiet u d-deċiżjonijiet u l-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE, inkluż dwar l-akkwist u t-trasferimenti fil-qasam tad-difiża; tali kooperazzjoni tiddependi minn konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet fundamentali tal-UE;

82.  Ifakkar li reġimi internazzjonali effettivi ta' kontroll tal-armi, ta' diżarm u ta' nonproliferazzjoni huma pedament tas-sigurtà globali u Ewropea; jistieden lill-UE u lir-Renju Unit iniedu strateġija koerenti u kredibbli għal negozjati multilaterali fil-livell globali u dwar miżuri ta' tnaqqis tat-tensjoni reġjonali u għat-tisħiħ tal-fiduċja; jistieden lir-Renju Unit jimpenja ruħu li jibqa' marbut bil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari;

83.  Jissottolinja l-fatt li tali kooperazzjoni ssaħħaħ liż-żewġ naħat b'mod reċiproku, peress li tippermetti li jinżammu l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tar-Renju Unit fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; iħeġġeġ bil-qawwa lir-Renju Unit jikkontribwixxi għal missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari tal-PSDK; jenfasizza li, bħala stat terz, u wara d-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, ir-Renju Unit mhux se jkun jista' jipparteċipa fl-ippjanar jew il-kmand tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE u li l-kapaċità u l-livell ta' parteċipazzjoni tiegħu fl-ippjanar jew fil-kmand/fil-parteċipazzjoni fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE u l-iskambju ta' informazzjoni u l-interazzjoni mal-UE għandhom ikunu proporzjonati għall-kontribut tar-Renju Unit għal kull missjoni jew operazzjoni;

84.  Jistenna li r-Renju Unit ikompli jaderixxi bis-sħiħ mal-impenji tiegħu meħuda fil-format E3 + 3 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) mal-Iran, minqux fir-Riżoluzzjoni 2231 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, bħala pilastru tar-reġim internazzjonali ta' nonproliferazzjoni u bażi għat-tnaqqis tat-tensjonijiet fir-reġjuni tal-Lvant Nofsani u tal-Golf;

85.  Jissottolinja l-fatt li l-kooperazzjoni fil-politika tas-sigurtà u d-difiża għandha tifforma parti integrali mill-ftehim komprensiv ta' sħubija previst biex tiġi rregolata r-relazzjoni futura; jenfasizza li tali ftehim ikun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE kif ukoll tas-sovranità tar-Renju Unit;

86.  Iqis li huwa fl-interess komuni tar-Renju Unit u tal-UE li jikkooperaw dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża, inkluż fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, u l-kooperazzjoni kontra t-theddid ibridu, biex b'hekk tissaħħaħ il-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea u jitrawmu interoperabbiltà ġenwina u effikaċja konġunta tal-forzi armati Ewropej u Alleati;

87.  Jinnota li kwalunkwe kooperazzjoni fl-oqsma msemmija hawn fuq li tinvolvi l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata tal-UE, inkluż dwar l-intelligence, tiddependi fuq ftehim dwar informazzjoni tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE; jissottolinja li l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence għandu jkun inkoraġġit u għandu jirrispetta l-prinċipju tar-reċiproċità; jinnota li dan jirrikjedi ftehim speċifiku dwar informazzjoni klassifikata u l-iżvilupp ulterjuri ta' evalwazzjoni awtonoma ta' data ta' intelligence; iħeġġeġ skambju ta' aġenti ta' kollegament u ta' attachés biex jiġi żgurat skambju ta' informazzjoni mingħajr xkiel;

88.  Jinnota li mit-tnedija tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), ir-Renju Unit ma pparteċipa f'ebda wieħed mill-proġetti magħżula; jinnota li l-parteċipazzjoni tiegħu, b'objettiv ewlieni ta' interoperabbiltà bejn is-sħab, u fuq bażi eċċezzjonali, għandha tiġi kkunsidrata meta jiġi mistieden mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'format PESCO;

89.  Ifakkar li r-Renju Unit jibqa' membru ewlieni tan-NATO u se jkun jista' jkompli bis-sħubiji ta' valur għoli li żviluppa kemm ma' membri oħra Ewropej tan-NATO bilateralment kif ukoll permezz tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO;

90.  Jinnota li r-Renju Unit jista' jipparteċipa fil-programmi tal-UE b'appoġġ għad-difiża u s-sigurtà esterna (bħall-Fond Ewropew għad-Difiża, il-programm Galileo u l-programm taċ-ċibersigurtà), fuq il-bażi ta' arranġamenti oħra simili ta' pajjiżi terzi soġġetti għal negozjati rispettivi għal kull strument u ta' bilanċ xieraq bejn l-obbligi u d-drittijiet; jissottolinja l-possibbiltà li r-Renju Unit jikkontribwixxi għall-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi komuni;

91.  Jenfasizza d-dimensjoni strateġika tas-settur spazjali għall-Ewropa; iqis li politika spazjali ambizzjuża tista' tikkontribwixxi b'mod effettiv għat-tisħiħ tal-azzjoni esterna tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fl-iżvilupp ta' teknoloġiji li għandhom applikazzjonijiet kemm ċivili kif ukoll militari u li huma kapaċi jiżguraw awtonomija strateġika Ewropea;

Sigurtà, infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

92.  Iqis li huwa importanti ħafna, fid-dawl tal-viċinanza ġeografika u tat-theddid komuni li l-UE u r-Renju Unit jiffaċċjaw, li l-UE u r-Renju Unit jagħmlu ħilithom biex iżommu arranġamenti effettivi għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, ħaġa li tkun effettiva u ta' benefiċċju reċiproku għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom, filwaqt li jitqies il-fatt li r-Renju Unit huwa pajjiż terz barra minn Schengen, u għalhekk ma jistax igawdi l-istess drittijiet u faċilitajiet bħal Stat Membru;

93.  Jenfasizza li r-Renju Unit ma jistax ikollu aċċess dirett għal data tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE jew jipparteċipa fl-istrutturi ta' ġestjoni tal-aġenziji tal-UE fl-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, filwaqt li kwalunkwe qsim ta' informazzjoni li tinkludi data personali mar-Renju Unit għandu jkun soġġett għal salvagwardji, awditjar u kundizzjonijiet ta' sorveljanza stretti, inkluż livell ekwivalenti ta' protezzjoni tad-data personali għal dak previst mid-dritt tal-UE;

94.  Iqis li, bħala pajjiż terz, ir-Renju Unit ma jistax ikollu aċċess għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS); jistieden lir-Renju Unit jirrimedja n-nuqqasijiet serji identifikati fir-rigward tal-użu tiegħu tas-SIS minnufih u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw il-proċess mill-qrib ħafna biex jiżguraw li n-nuqqasijiet kollha jiġu indirizzati b'mod korrett mingħajr aktar dewmien; iqis li l-arranġamenti għall-kooperazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-infurzar tal-liġi għandhom jiġu diskussi biss ladarba n-nuqqasijiet jiġu rimedjati; jitlob li jinżamm infurmat mill-qrib dwar l-iżviluppi kollha f'dak ir-rigward;

95.  Kwalunkwe arranġament reċiproku għal skambji f'waqthom, effettivi u effiċjenti ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) u għar-riżultati tal-ipproċessar ta' tali data li għandha tinħażen f'sistemi nazzjonali rispettivi tal-ipproċessar tal-PNR, u għall-ipproċessar ta' data dwar id-DNA, il-marki tas-swaba' u r-reġistrazzjoni tal-vetturi (Prüm), kif ukoll il-kooperazzjoni operazzjonali permezz tal-Europol u l-Eurojust, iridu jkunu bbażati fuq salvagwardji u kundizzjonijiet b'saħħithom u jikkonformaw bis-sħiħ mal-Opinjoni 1/15 tal-QĠUE, li ddikjarat li l-ftehim PNR bejn l-UE u l-Kanada jikser id-drittijiet stabbiliti tal-Karta;

96.  Jistenna li r-Renju Unit ikun jista' jkompli bil-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni stabbiliti mal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam taċ-ċibersigurtà;

97.  Iqis li l-infurzar u r-rikonoxximent ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali jridu jiġu żgurati mingħajr formalitajiet żejda;

98.  Jenfasizza li r-Renju Unit huwa attur ewlieni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja u li assoċjazzjoni mill-qrib f'dan il-qasam tkun ta' benefiċċju reċiproku kbir; u jissuġġerixxi li r-Renju Unit jista' jiġi mistieden jikkontribwixxi għall-istrumenti u l-mekkaniżmi tal-UE filwaqt li jirrispetta l-awtonomija tal-UE; iqis li s-sħubija prevista għandha tippromwovi wkoll l-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar u l-appoġġ kontinwu għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp;

IV.GOVERNANZA TAL-FTEHIM FUTUR

99.  Jirrimarka li kwalunkwe ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit, bir-Renju Unit bħala pajjiż terz, għandu jinkludi l-istabbiliment ta' sistema ta' governanza koerenti u solida bħala qafas globali li jkopri s-superviżjoni/il-ġestjoni kontinwa konġunta tal-Ftehim u mekkaniżmi tas-soluzzjoni ta' tilwim u ta' infurzar fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim; huwa tal-fehma li mekkaniżmu ta' governanza orizzontali fuq dawn il-linji għandu jkun applikabbli għar-relazzjoni futura mar-Renju Unit kollu b'mod globali; ifakkar f'dak ir-rigward fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-15 ta' Jannar 2020 u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ hija prijorità prevalenti; jenfasizza f'dak ir-rigward li l-Parlament Ewropew se jkompli jkun viġilanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha; jirrimarka li l-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni tal-konflitti se jkun meħtieġ li jkun robust, u li mekkaniżmu bħal dan se jkun meħtieġ li jiżgura rimedji effettivi u dissważivi, u li dawn ir-rimedji tkun tista' tittieħed deċiżjoni rapida dwarhom;

100.  Jinsisti fuq il-ħtieġa assoluta li din is-sistema ta' governanza tippreserva bis-sħiħ l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-ordni legali tal-UE, inkluż ir-rwol tal-QĠUE bħala l-uniku interpretu tad-dritt tal-UE;

101.  Jenfasizza li t-tfassil ta' arranġamenti ta' governanza għandu jkun proporzjonat man-natura, l-ambitu u l-profondità tar-relazzjoni futura u jqis il-livell ta' interkonnessjoni, kooperazzjoni u prossimità, filwaqt li jiżgura applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-ftehim futur kollu;

102.  Jaqbel mal-idea li jitwaqqaf korp governattiv li jkollu r-responsabbiltà li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, jindirizza d-diverġenzi ta' interpretazzjoni u jimplimenta l-miżuri korrettivi miftiehma, bħal salvagwardji u miżuri korrettivi settorjali dissważivi, u jiżgura bis-sħiħ l-awtonomija regolatorja tal-UE, inklużi l-prerogattivi leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; jissottolinja li r-rappreżentanti tal-UE f'dak il-korp governattiv għandhom ikunu soġġetti għal mekkaniżmi ta' responsabbiltà adegwati li jinvolvu lill-Parlament Ewropew; ifakkar fl-impenn tal-President tal-Kummissjoni quddiem il-plenarja tal-Parlament Ewropew fis-16 ta' April 2019 biex jiżġura li kull meta jkollha tittieħed deċiżjoni f'dak il-korp governattiv, il-Kummissjoni tinvolvi mill-qrib lill-Parlament Ewropew u tqis bl-akbar attenzjoni l-fehmiet tal-Parlament, u li xejn ma jista' jiġi deċiż dwar il-Brexit mingħajr ma titqies bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew;

103.  Jinsisti li l-Ftehim għandu jipprevedi l-istabbiliment ta' korp parlamentari konġunt bejn l-UE u r-Renju Unit bil-kompitu li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Ftehim futur;

104.  Iqis li, għad-dispożizzjonijiet ibbażati fuq kunċetti tad-dritt tal-UE, l-arranġamenti ta' governanza jridu jipprevedu r-rinviju quddiem il-QĠUE; itenni li, għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim minbarra dawk li jirrigwardaw id-dritt tal-UE, mekkaniżmu għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim jista' biss ikun previst jekk dan joffri garanziji ta' indipendenza u imparzjalità ekwivalenti għal dawk tal-QĠUE;

o
o   o

105.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju Unit.

(1) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 24.
(2) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 2.
(3) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 32.
(4) ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.
(5) Testi adottati, P9_TA(2019)0016.
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0006.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0018.
(8) ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(9) ĠU C 34, 31.1.2020, p. 1.
(10) Il-Kawża C-362/14, Maximillian Schrems vs il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data ECLI:EU:C:2015:650
(11) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(12) Il-Kawża C-362/14, Maximillian Schrems vs il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data ECLI:EU:C:2015:650, Opinjoni 1/15 PNR il-Kanada; ECLI:EU:C:2017:592, il-Kawżi C 293/12 u C 594/12, Digital Rights Ireland et al, EU:C:2014:238, Tele2 u Watson: , il-Kawżi C-203/15 - Tele2 Sverige u C-698/15 Watson ECLI:EU:C:2016:970
(13) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


Bank Ċentrali Ewropew - rapport annwali 2018
PDF 165kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2018 (2019/2129(INI))
P9_TA(2020)0034A9-0016/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2018,

–  wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE, b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 127(1) u (2), 130 u 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ mal-kandidat għall-kariga ta' President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, tal-4 ta' Settembru 2019,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Monetarju tat-23 ta' Settembru 2019 bejn Mario Draghi, bħala President tal-Bank Ċentrali Ewropew, u l-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Ottubru 2019 tal-Grupp ta' Ħidma tal-G7 dwar l-istablecoins "Investigating the impact of global stablecoins" (Investigazzjoni tal-impatt tal-istablecoins globali),

–  wara li kkunsidra l-feedback tal-BĊE dwar il-kontribut mogħti mill-Parlament Ewropew bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għall-2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-31 ta' Jannar 2018 tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli intitolat "Financing a sustainable European Economy" (Il-finanzjament ta' ekonomija Ewropea sostenibbli),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli(1) u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli(2),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 142(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0016/2020),

A.  billi, skont it-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2019 tal-Kummissjoni, l-aħħar ċifri tal-2019 jirriflettu tnaqqis fit-tkabbir tal-PDG fiż-żona tal-euro fl-2018, minn 1,9 % għal 1,1 % fl-2019, u fl-UE-27, minn 2,1 % fl-2018 għal 1,4 % fl-2019, minħabba l-eskalazzjoni reċenti fit-tensjonijiet kummerċjali, l-inċertezza korrispondenti u l-Brexit;

B.  billi, skont iċ-ċifri tal-Eurostat, ir-rata tal-qgħad f'Awwissu 2019 kienet 6,2 % fl-UE u 7,4 % fiż-żona tal-euro, l-aktar rati baxxi minn Lulju 2008; billi r-rata tal-qgħad baqgħet mhux uniformi madwar l-Unjoni Ewropea; billi r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, li hija aktar mid-doppju tar-rata medja, għadha kwistjoni serja li trid tiġi indirizzata fl-UE; billi għadhom jippersistu inugwaljanzi reġjonali straordinarji fil-qgħad kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll fosthom;

C.  billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema ta' Settembru 2019, l-inflazzjoni annwali għaż-żona tal-euro fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) jidher li se tilħaq 1,2 %, 1,0 % u 1,5 % rispettivament fl-2019, fl-2020 u fl-2021, u b'hekk ir-rati tal-inflazzjoni jinżammu taħt, iżda qrib, it-2 %; billi l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni juru varjazzjoni sostanzjali fiż-żona tal-euro;

D.  billi fi tmiem l-2018 id-daqs tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema kien laħaq il-livell bla preċedent ta' EUR 4,7 triljun, u b'hekk qabeż l-40 % tal-PDG taż-żona tal-euro, li jfisser żieda ta' 4,25 % (EUR 0,2 triljuni) meta mqabbel ma' tmiem l-2017;

E.  billi fl-2018 il-profitt nett tal-BĊE ammonta għal EUR 1,575 biljun meta mqabbel ma' EUR 1,275 biljun fl-2017; billi din iż-żieda tista' tiġi attribwita prinċipalment għaż-żieda fl-introjtu mill-imgħax nett fl-ambitu tal-portafoll f'dollari Amerikani u tal-portafoll tal-programm ta' xiri ta' assi (APP);

F.  billi rwol aktar b'saħħtu tal-euro, u żieda fl-użu tiegħu bħala munita ta' riżerva, iżidu l-kapaċità tal-UE li tfassal il-pożizzjoni politika tagħha b'mod indipendenti vis-à-vis setgħat globali oħra u huma element ewlieni fis-salvagwardja tas-sovranità ekonomika Ewropea;

G.   billi, sabiex l-euro jikseb rwol globali aktar b'saħħtu, iż-żona tal-euro l-ewwel trid turi li hija kapaċi tiflaħ għal reċessjoni mingħajr ma ebda wieħed mill-Istati Membri tagħha ma jkollu jirrikorri għal valwazzjoni negattiva (volontarja jew le) tad-dejn tal-gvern;

H.  billi l-Artikolu 127(5) tat-TFUE jirrikjedi lis-SEBĊ tikkontribwixxi għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja;

I.  billi l-SMEs, li għadhom is-sinsla tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-UE, u li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika u soċjali, jeħtieġu aktar appoġġ;

J.  billi l-ħruġ globali ta' bonds ħodor żdied minn inqas minn EUR 1 biljun fl-2008 għal aktar minn EUR 120 biljun fl-2017 u l-ħruġ nett ta' bonds ħodor denominati f'euro żdied b'għaxar darbiet mill-2013; billi d-distakk bejn il-firxiet ta' bonds ħodor u dawk tas-settur industrijali globali tnaqqas gradwalment;

K.  billi, minkejja din ix-xejra pożittiva, il-bonds ħodor għadhom jirrappreżentaw 1 % biss tal-provvista globali tal-bonds denominati f'euro;

L.  billi l-volum ta' tranżazzjonijiet imwettqa b'muniti virtwali żdied drastikament u jirrappreżenta sfida għall-predominanza tas-sistemi tradizzjonali ta' valuta legali; billi l-muniti virtwali huma opzjonijiet alternattivi għall-pagamenti iżda mhux valuta legali;

M.  billi, skont l-istħarriġ ta' Diċembru 2018 tal-Ewrobarometru, l-appoġġ popolari għall-euro żdied għal 75 % fl-2018;

Ħarsa ġenerali

1.  Jilqa' r-rwol tal-BĊE fis-salvagwardja tal-istabbiltà tal-euro; jenfasizza li l-indipendenza statutorja tal-BĊE, kif stabbilita fit-trattati, hija prerekwiżit biex iwettaq il-mandat tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet;

2.  Jenfasizza li l-euro huwa proġett politiku, minbarra li huwa proġett purament ekonomiku; jisħaq fuq in-natura irriversibbli tal-munita unika; jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rekwiżit, stabbilit fit-Trattati, li kull Stat Membru, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, jadotta l-munita unika ladarba jkun issodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht; huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni fl-unjoni bankarja trid tiġi kkunsidrata bħala benefiċċju għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiż-żona tal-euro;

3.  Huwa mħasseb li wara perjodu qasir ta' rkupru ekonomiku, it-tkabbir naqas għal 1,1 % tal-PDG fiż-żona tal-euro; barra minn hekk, huwa mħasseb dwar it-tnaqqis fit-tkabbir fil-produzzjoni industrijali u fil-kummerċ dinji; għalhekk, kif issottolinja minn Mario Draghi, jinnota l-ħtieġa li jinżammu kemm kundizzjonijiet ta' likwidità xierqa kif ukoll livell ta' akkomodazzjoni monetarja;

4.  Jenfasizza li t-tkabbir sostenibbli u l-istabbiltà tal-prezzijiet ma jistgħux jinkisbu bil-politika monetarja waħedha u li jinħtieġu wkoll politika fiskali ta' appoġġ u riformi strutturali soċjalment ibbilanċjati u li jtejbu l-produttività;

5.  Jirrimarka li politika monetarja akkomodanti ma tridx titqies bħala sostitut għar-riformi strutturali;

6.  Jissottolinja l-konstatazzjonijiet tal-grupp ta' esperti tas-SEBĊ dwar it-tkabbir baxx tal-pagi(3), li analizza l-iskonnessjoni bejn it-tkabbir tal-pagi u l-irkupru tas-suq tax-xogħol; dawn il-konstatazzjonijiet juru li t-tkabbir baxx tal-pagi matul dawn l-aħħar snin jista' jiġi spjegat prinċipalment permezz tax-xokkijiet marbuta mat-teknoloġija u man-negozjar tal-pagi (dan tal-aħħar huwa affettwat minn tibdil fl-istruttura tan-negozjar tal-pagi li jnaqqas is-setgħa tan-negozjar tal-impjegati) u tar-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, prinċipalment fil-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi, u l-kombinazzjoni ta' sottoutilizzazzjoni tal-ħaddiema, inflazzjoni baxxa u tkabbir limitat tal-produttività;

7.  Jissottolinja li t-tisħiħ tar-rwol tal-euro jirrikjedi l-kundizzjonijiet strutturali t-tajba, fosthom:

   l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, inkluża kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro biex tkun kapaċi tipprovdi funzjoni ta' stabbilizzazzjoni kontroċiklika;
   l-ikkompletar tal-unjoni bankarja;
   l-ikkompletar tal-unjoni tas-swieq kapitali;

8.  Jissottolinja r-rekwiżit għal kull Stat Membru tal-UE, ħlief għad-Danimarka, li jadotta l-munita unika ladarba jkun issodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht; jistieden lill-BĊE jkompli l-kooperazzjoni produttiva tiegħu mal-Istati Membri tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro;

Politika monetarja

9.  Jissottolinja li l-operazzjonijiet tas-suq miftuħ u l-miżuri mhux standard tal-politika monetarja mdaħħla fis-seħħ mill-BĊE kkontribwew għall-irkupru ekonomiku, għal titjib fil-kundizzjonijiet ta' finanzjament permezz ta' diversi kanali ta' trażmissjoni u għall-kompressjoni tar-rendimenti f'firxa wiesgħa ta' klassijiet ta' assi; jitlob lill-BĊE jkompli jimmonitorja r-riskji potenzjali għall-karti tal-bilanċ tiegħu, l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi, l-allokazzjoni skorretta potenzjali tar-riżorsi u l-iżvantaġġi għal min ifaddal;

10.  Jinnota li, fit-12 ta' Settembru 2019, il-BĊE ħabbar pakkett ta' stimoli wiesa' li jinkludi xiri nett taħt il-programm ta' xiri ta' assi (APP) bir-ritmu ta' EUR 20 biljun fix-xahar, tnaqqis ta' 10 punti bażi fir-rata tad-depożiti, sistema b'żewġ livelli għal rimunerazzjoni ta' riżerva, u termini aktar faċli għal operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati aktar fit-tul (TLTRO-III); jinnota n-nuqqas ta' unanimità u jemmen li t-tmexxija tal-BĊE u l-President Lagarde għandhom jaħdmu biex inaqqsu d-differenzi fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-BĊE;

11.  Jinnota li l-limitu ta' 33 % għal kull emittent applikat għall-Programm ta' Taffija Kwantitattiva tal-BĊE jista' jirrestrinġi l-kapaċità tal-BĊE li jixtri l-bonds ta' diversi Stati Membri; iqis li dan il-limitu għal kull emittent jista' jirrikjedi bidliet minħabba li l-programm imġedded ta' taffija kwantitattiva huwa għal żmien indefinit u jista' jirrikjedi xiri ta' bonds li jmorru lil hinn mil-limitu ta' 33 % għal xi Stati Membri; jinnota li l-programm ta' taffija kwantitattiva kien imfassal biex jinxtraw bonds tal-Istati Membri proporzjonalment, abbażi tad-daqs ta' ekonomija u tal-popolazzjoni;

12.  Jinnota l-intenzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw sakemm ikun meħtieġ;

13.  Jinnota li l-effetti negattivi fuq l-introjtu mill-imgħax nett tal-banek s'issa ġew ikkontrobilanċjati bil-benefiċċji minn aktar self mill-banek u spejjeż aktar baxxi għall-provvedimenti u t-telf; huwa mħasseb dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-banek żgħar b'mod partikolari; jistieden lill-BĊE jimmonitorja l-potenzjal ta' bużżieqa tal-prezzijiet tal-assi;

14.  Jissottolinja li rati tal-imgħax baxxi ħafna jew negattivi joffru opportunitajiet lill-konsumaturi, lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, lill-ħaddiema u lill-mutwatarji, li jistgħu jibbenefikaw minn momentum ekonomiku aktar b'saħħtu, livelli aktar baxxi ta' qgħad u spejjeż tas-self aktar baxxi; madankollu, hemm tħassib fir-rigward tal-impatt potenzjali fuq is-sistemi tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni minħabba r-redditi baxxi, l-inugwaljanzi ekonomiċi u l-isfidi għal min ifaddal b'mod individwali; jinnota, barra minn hekk, li xi Stati Membri ma użawx l-ambjent ta' rati tal-imgħax baxxi biex jikkonsolidaw il-baġits tagħhom u jagħmlu riformi strutturali;

15.  Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw għal kemm ikun hemm bżonn biex jinżammu kundizzjonijiet ta' likwidità favorevoli u livell għoli ta' akkomodazzjoni monetarja;

16.  Huwa mħasseb dwar il-pressjoni inflazzjonarja mrażżna fit-tul u d-dipendenza żejda fuq il-politika monetarja tal-BĊE biex jiġi sostnut it-tkabbir, kif ukoll dwar l-opzjonijiet dejjem aktar limitati tiegħu skont is-sett ta' għodod attwali tiegħu;

17.  Jinnota l-appell tal-President Draghi għal allinjament aħjar bejn il-politika monetarja tal-BĊE u l-politiki fiskali tal-Istati Membri, filwaqt li jenfasizza li taħlita ta' politika makroekonomika aktar ibbilanċjata tippermetti li r-rati tal-imgħax baxxi jwasslu l-istess livell ta' stimolu bħal fil-passat, iżda b'inqas effetti kollaterali;

18.  Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f'livell globali, sabiex jintlaħqu l-miri tal-inflazzjoni fuq terminu medju;

Azzjonijiet kontra t-tibdil fil-klima

19.  Ifakkar li, bħala istituzzjoni tal-UE, il-BĊE huwa marbut bil-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u li dan għandu jkun rifless fil-politiki tiegħu, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ il-mandat tiegħu u l-indipendenza tiegħu; jilqa' l-ħolqien ta' diskussjoni dwar ir-rwol tal-banek ċentrali u tas-superviżuri fl-appoġġ tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-BĊE jimplimenta l-prinċipji ambjentali, soċjali u ta' governanza (prinċipji ESG) fil-politiki tiegħu, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-mandat tiegħu u l-indipendenza tiegħu;

20.  Itenni l-pożizzjonijiet espressi mill-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE dwar l-importanza li jiġu żviluppati sistemi ta' pagament tassew Ewropej li ma jiġux affettwati minn tfixkil estern (inkluż dak ta' natura politika); jistieden lill-BĊE jkompli l-ħidma tiegħu fuq il-proġett li jikkonċerna l-Inizjattiva ta' Pagament Ewropew (EPI) bil-għan li jħares is-sovranità tal-UE u l-effiċjenza ekonomika għall-utenti u l-fornituri kollha, kif ukoll li jiżgura kompetizzjoni ġusta;

21.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President tal-BĊE Christine Lagarde tal-4 ta' Settembru 2019, li fiha approvat "tranżizzjoni gradwali biex jiġu eliminati l-assi tal-karbonju" mill-portafoll tal-BĊE u laqgħet il-parteċipazzjoni tal-BĊE fin-Network għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS) u l-impenn biex jgħin fl-identifikazzjoni u l-kejl tal-esponiment tas-sistema finanzjarja għar-riskji relatati mal-klima u fit-trawwim ta' sistema finanzjarja aktar ekoloġika b'rispett sħiħ għall-mandat ta' stabbiltà tal-prezzijiet u l-objettivi l-oħra tal-BĊE;

22.  Jissuġġerixxi li l-BĊE jinkludi fost il-prijoritajiet ta' riċerka tiegħu l-mistoqsija dwar kif il-banek ċentrali u s-superviżjoni bankarja jistgħu jikkontribwixxu għal ekonomija sostenibbli u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jissuġġerixxi li, għal dak il-għan, il-BĊE jikkoopera wkoll ma' networks internazzjonali oħra għajr l-NGFS, speċjalment in-Network ta' Settur Bankarju Sostenibbli u l-inizjattiva tan-NU dwar il-Prinċipji għal Settur Bankarju Responsabbli;

23.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li 62,1 % tax-xiri ta' bonds korporattivi tal-BĊE jseħħ fis-setturi li huma responsabbli għal 58,5 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fiż-żona tal-euro; jistieden lill-BĊE jwettaq studju li jinvestiga l-impatt tal-APP fuq it-tibdil fil-klima u, b'mod partikolari, il-programm ta' xiri mis-settur korporattiv (CSPP) bħala pass preliminari lejn it-tfassil mill-ġdid tas-CSPP b'mod li jkun soċjalment u ambjentalment sostenibbli; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, qafas għall-koordinazzjoni bejn il-BĊE u l-Bank Ewropew tal-Investiment, inkluż InvestEU;

Aspetti oħra

24.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-impriżi mikro, żgħar u medji fl-UE; jistieden lill-BĊE jibqa' attent rigward l-aċċess għall-kreditu għal dawn l-impriżi, b'mod partikolari fid-dawl tat-titjib bil-mod tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom; jirrimarka, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu mħeġġa l-investimenti pubbliċi u privati fl-UE, u jitlob, għalhekk, li jsiru aktar sforzi biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-ekonomija reali;

25.  Jistieden lill-BĊE jkompli bl-isforzi preparatorji tiegħu biex jiżgura l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-UE għall-kontinġenzi u l-konsegwenzi negattivi kollha possibbli, speċjalment għal dawk relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li jqis il-fatt li xi reġjuni u pajjiżi huma affettwati b'mod aktar dirett minn oħrajn;

26.  Huwa mħasseb dwar ir-riskji dovuti għad-dewmien fl-istabbiliment tal-unjoni bankarja, u jappella għall-ikkompletar rapidu tagħha; jieħu nota tat-talbiet ripetuti tal-BĊE għall-istabbiliment ta' skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) bħala t-tielet pilastru tal-unjoni bankarja;

27.  Jenfasizza li l-prinċipji operattivi partikolari u l-missjoni speċifika tal-banek kooperattivi u reċiproċi għandhom jiġu rispettati u riflessi fil-politiki u l-approċċi tal-BĊE;

28.  Jitlob li l-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) jitħaffef sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni finanzjarja, jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-fondi, tkun tista' ssir mobilizzazzjoni effettiva tal-kapital fl-Ewropa għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli fl-ekonomija reali għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha u għat-titjib tal-istabbiltà finanzjarja u r-reżiljenza tal-Unjoni għax-xokkijiet; jirrikonoxxi l-appoġġ qawwi tal-BĊE fl-istabbiliment ta' CMU vera; jilqa' l-kontribut tal-Grupp ta' Ħidma NextCMU f'dan il-kuntest;

29.  Jistieden lill-BĊE u lill-awtoritajiet superviżorji kollha jżidu l-monitoraġġ tagħhom tal-kriptoassi u taż-żieda fir-riskji f'termini ta' sigurtà ċibernetika u ta' ħasil tal-flus biex jiġu evitati effetti negattivi fuq l-istabbiltà, l-integrità u s-sikurezza tas-settur finanzjarju; jaqbel mal-Opinjoni 2014/08 tal-EBA li tissuġġerixxi li ma jintużax it-terminu "muniti virtwali" għaliex l-użu tat-terminu "munita" jista' jkun qarrieqi għal diversi raġunijiet;

30.  Jieħu nota tar-rimarki ta' Christine Lagarde fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi tal-4 ta' Settembru 2019 dwar is-suġġett tar-regolamentazzjoni l-ġdida tal-kriptoassi fir-rigward tal-fatt li "l-BĊE u l-banek ċentrali b'mod ġenerali għandhom jimmonitorjaw b'mod ċar dawn l-iżviluppi u jikkontribwixxu għall-ħidma internazzjonali li għaddejja dwar ir-reazzjonijiet politiċi"; jitlob lill-BĊE, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, biex jivvaluta l-qafas legali u regolatorju tal-UE dwar il-flus elettroniċi, l-istrumenti finanzjarji u l-assi virtwali sabiex ikun hemm qafas komprensiv għas-superviżjoni ta' strumenti, entitajiet jew infrastrutturi finanzjarji, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-istabbiltà, kif ukoll għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni transfruntieri; jitlob lill-BĊE jaħdem mal-Kummissjoni fuq il-ħolqien ta' qafas għal dawn il-muniti l-ġodda li jirrikonċilja l-innovazzjoni, il-ħtiġijiet taċ-ċittadini, il-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja u l-istat tad-dritt;

31.  Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-BĊE biex ikompli jsaħħaħ ir-reazzjoni tiegħu u l-kapaċitajiet ta' rkupru fil-każ ta' attakk ċibernetiku fuq l-organizzazzjoni tiegħu stess;

32.  Jistieden lill-BĊE jiżgura bilanċ xieraq bejn l-innovazzjoni finanzjarja, inkluża l-Fintech, u l-istabbiltà finanzjarja;

33.  Iħeġġeġ lill-BĊE jaħdem mal-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, biex irawwem ir-rwol tal-euro bħala munita ta' riżerva; iqis li dan jista' jinkiseb permezz ta' diversi mezzi bħal rappreżentanza istituzzjonali jew prodotti finanzjarji Ewropej li jrendu tajjeb;

34.  Jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-President tal-BĊE, Christine Lagarde, li rieżami tal-qafas tal-politika monetarja tal-BĊE huwa f'waqtu u ġustifikat sabiex jiġi żgurat li l-BĊE jkollu l-għodod it-tajba biex jappoġġja aħjar il-politiki ġenerali fl-UE mingħajr preġudizzju għall-objettiv primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet; jistieden lill-BĊE jorganizza konsultazzjoni pubblika bħala parti minn dan il-proċess sabiex jiżgura li r-rieżami jkun miftuħ għall-input u l-feedback minn firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati; jistieden lill-BĊE jinvolvi wkoll lill-Parlament f'dan il-proċess ta' rieżami; jaqbel ukoll mal-President tal-BĊE li l-BĊE għandu jtejjeb il-komunikazzjoni tiegħu liċ-ċittadini dwar l-impatt tal-politiki tiegħu;

35.  Jirrimarka l-importanza tal-flus kontanti bħala mezz ta' pagament għaċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-BĊE, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Istati Membri, joħloq sistema għall-monitoraġġ aħjar tat-tranżazzjonijiet kbar bil-għan tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

36.  Jilqa' l-fatt li mill-2017 'l hawn, il-BĊE qed jippubblika l-lista sħiħa tal-assi CSPP kollha, inklużi l-ismijiet tal-emittenti, flimkien ma' data aggregata dwar dawk l-assi skont il-pajjiż, ir-riskju, il-klassifikazzjoni u s-settur; jiddeplora l-fatt li għadha ma ġietx implimentata politika simili fir-rigward tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi (ABSPP) u t-tielet programm ta' xiri ta' bonds koperti (CBPP3); itenni li tinħtieġ aktar trasparenza, b'mod partikolari għas-CBPP3, minħabba d-daqs sinifikanti tal-programm;

37.  Jilqa' l-introduzzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, li hija r-rata ta' referenza l-ġdida mil-lum għall-għada għas-swieq monetarji fiż-żona tal-euro; jitlob lill-BĊE biex, fir-rapport annwali li jmiss tiegħu, jinkludi l-ewwel valutazzjoni tal-evoluzzjoni u l-funzjonament tagħha fis-suq;

38.  Jinnota li l-BĊE għadu ma inkludiex il-bonds Griegi fil-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku (PSPP) minkejja t-titjib li għamlet il-Greċja f'termini ta' sostenibbiltà tad-dejn u tar-ritorn fis-swieq tal-bonds;

39.  Jissottolinja n-natura teknika tad-deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment tar-rati tal-BĊE u l-importanza tal-appoġġ pubbliku għat-teħid ta' deċiżjonijiet f'dan il-qasam immexxi minn esperti; jikkritika, għalhekk, il-politiċizzazzjoni tad-deċiżjonijiet politiċi tal-BĊE; jistieden lill-politiċi u lill-bankiera ċentrali nazzjonali kollha joqogħdu attenti meta jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistgħu jdgħajfu l-fiduċja fil-politiki tal-BĊE u l-appoġġ għalihom;

Responsabbilita’

40.  Jilqa' ż-żieda fir-responsabbiltà’ tal-BĊE fil-konfront tal-Parlament Ewropew taħt il-Presidenza ta' Mario Draghi, u jistenna b'ħerqa saħansitra aktar akkontabilità, djalogu u aċċessibbiltà mal-President Christine Lagarde, abbażi tal-impenji li ħadet matul is-seduta ta' smigħ tagħha quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu fl-4 ta' Settembru 2019;

41.  Iqis li l-BĊE għandu jippermetti aċċess suffiċjenti għad-dokumenti u l-informazzjoni għall-awditi tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) relatati mas-superviżjoni bankarja; jilqa', f'dan il-kuntest, il-Memorandum ta' Qbil bejn il-QEA u l-BĊE ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni matul l-awditi tal-QEA tal-attivitajiet superviżorji tal-BĊE;

42.  Ifakkar li n-nomini tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jitħejjew bir-reqqa, bi trasparenza sħiħa u mal-Parlament, f'konformità mat-Trattati; jistieden lill-Kunsill ifassal lista qasira bbilanċjata fir-rigward tal-ġeneri għall-postijiet vakanti futuri u jaqsamha mal-Parlament, biex b'hekk jippermetti lill-Parlament jaqdi rwol konsultattiv aktar sinifikanti fil-proċess tal-ħatra; jiddispjaċih li sal-lum ma sar ebda progress sodisfaċenti; ifakkar fl-importanza tal-paragrafu 4 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(4), li fiha l-Parlament jimpenja ruħu li ma jqisx il-listi mqassra li ma jirrispettawx il-prinċipju tal-bilanċ bejn il-ġeneri;

43.  Jitlob, filwaqt li jirrikonoxxi li matul l-aħħar deċennju l-bank kien qed jesperjenza twessigħ tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll il-ħtieġa li jkollu aktar persunal impjegat taħt kundizzjonijiet differenti, biex iwettaq il-kompiti stabbiliti għalih, li l-problemi tar-riżorsi umani li nqalgħu jiġu solvuti b'mod ġust, trasparenti u rapidu għall-membri tal-persunal kollha;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' responsabbiltà msaħħa u aktar effettiva tal-BĊE f'kuntest li fih il-missjonijiet tiegħu ġew estiżi minn mindu faqqgħet il-kriżi finanzjarja globali; itenni t-talba tiegħu għal aktar trasparenza u akkontabilità tal-BĊE fil-konfront tal-Parlament; huwa lest, f'dan ir-rigward, li jtejjeb il-format tad-djalogu monetarju mal-President tal-BĊE; jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-BĊE f'dan ir-rigward, b'mod partikolari l-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta uniku għall-uffiċjali ta' livell għoli kollha tal-BĊE, li jinkludi rekwiżit li jiġu ppubblikati d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-Kunsill Governattiv u jistabbilixxi linji gwida ċari u rekwiżiti ta' trasparenza, kif ukoll restrizzjonijiet xierqa fuq laqgħat ma' partijiet ikkonċernati;  huwa tal-fehma li l-arranġamenti ta' trasparenza mtejba għandhom jinkludu mill-anqas l-elementi li ġejjin:

   L-iżgurar li jkun hemm membri indipendenti fil-Kumitat tal-Awditjar, kif ukoll fil-Kumitat tal-Etika;
   L-adozzjoni ta' politika ġdida dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;
   L-istabbiliment ta' rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-pożizzjonijiet meħuda mill-istituzzjoni fil-qafas ta' programmi ta' assistenza finanzjarja, kif ukoll f'fora multilaterali bħall-Kumitat ta' Basel;

45.  Jilqa' l-feedback sostanzjali, dettaljat u taqsima b'taqsima mogħti mill-BĊE rigward ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-rapport annwali tal-BĊE għall-2017; jistieden lill-BĊE jkompli u jsaħħaħ aktar dan l-impenn favur l-akkontabilità u jibqa' jippubblika l-feedback bil-miktub tiegħu rigward ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-rapport annwali tal-BĊE kull sena;

46.  Jenfasizza li l-BĊE tejjeb il-komunikazzjoni tiegħu; jemmen, madankollu, li għandu jkompli l-isforzi tiegħu sabiex jagħmel id-deċiżjonijiet tiegħu disponibbli għaċ-ċittadini kollha u b'mod li dawn ikunu jistgħu jifhmuhom, kif ukoll l-azzjonijiet tiegħu biex tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet fiż-żona tal-euro u għalhekk titħares il-kapaċità tal-akkwist tal-munita komuni;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0215.
(2) Testi adottati, P8_TA(2019)0325.
(3) ECB Occasional Paper Series No 232 / Settembru 2019: Understanding low wage growth in the euro area and European countries (Nifhmu t-tkabbir baxx fil-pagi fiż-żona tal-euro u fil-pajjiżi Ewropej). https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/scpops/ecb.op232~4b89088255.en.pdf
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0211.


Il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fl-UE
PDF 177kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-protezzjoni tas-suq intern u tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE mill-implikazzjonijiet negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija (2019/2814(RSP))
P9_TA(2020)0035B9-0088/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni, mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(1) għad-Direttiva 90/425/KEE(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jistipula li, fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri jridu jagħtu konsiderazzjoni sħiħa lill-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali minħabba li huma kreaturi li jħossu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114 tat-TFUE dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku u l-Artikolu 169 tat-TFUE dwar il-miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali (il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali)(2) u s-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni permezz ta' dan ir-regolament,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-moviment mhux kummerċjali ta' annimali tad-dar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003(3) u wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta' Ġunju 2013 dwar id-dokumenti ta' identifikazzjoni mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa, it-twaqqif ta' listi ta' territorji u pajjiżi terzi u r-rekwiżiti ta' format, tqassim tal-paġni u l-lingwa tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma' ċerti kondizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4).

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha(5),

–  wara li kkunsidra l-istudju ffinanzjat mill-Kummissjoni (SANCO 2013/12364) dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali magħmul skont id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa mar-Regolament (UE) Nru 576/2013(6),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates(7),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-protezzjoni tas-suq intern u tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE mill-implikazzjonijiet negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija (O-000011/2020 – B9-0004/2020 u O-000010/2020 – B9-0003/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.  billi NGOs, servizzi tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet kompetenti u veterinarji pproduċew evidenza tal-għadd dejjem jikber ta' annimali tal-kumpanija li qed ikunu nnegozjati illegalment bejn l-Istati Membri, sikwit minn netwerks tal-kriminalità organizzata li jevadu l-kontrolli, jiffalsifikaw dokumenti u jabbużaw b'mod mifrux mir-Regolament (UE) Nru 576/2013, li hu maħsub għall-moviment mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi, meta fil-fatt għandhom ikunu trasportati skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE;

B.  billi hu stmat li l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fi ħdan l-UE jista' jiġġenera profitti għoljin ħafna b'riskji minimi ta' detezzjoni għall-atturi involuti, inklużi dawk li jrabbu illegalment, u b'hekk jolqot ħażin id-dħul ta' dawk fis-settur li jrabbu legalment;

C.  billi ħafna reklami li joffru annimali għall-bejgħ online huma ġejjin minn sorsi illegali;

D.  billi ma jeżistu l-ebda regoli komuni fil-livell tal-UE dwar it-trobbija ta' annimali tal-kumpanija u d-differenzi leġiżlattivi bejn l-Istati Membri fl-istandards tal-benesseri tal-annimali ta' dawk li jrabbu wasslu għal differenzi konsiderevoli fil-prezzijiet ta' annimali tal-kumpanija mibjugħa fis-suq intern, differenzi li jiġu sfruttati minn operaturi illegali;

E.  billi f'faċilitajiet għat-trobbija fuq skala kbira u ta' produzzjoni tal-massa, l-annimali mhumiex trattati b'mod adegwat għall-bżonnijiet tagħhom, u dan jirriżulta f'konsegwenzi serji u dejjiema għas-saħħa, il-benessri u l-iżvilupp tal-imġiba tagħhom;

F.  billi t-traffikanti u l-bejjiegħa illegali sikwit jaġixxu b'impunità sħiħa peress li jafu li l-maġġoranza tal-konsumaturi li xtraw annimal tal-kumpanija fi stat ħażin tas-saħħa mhux se jieħdu azzjoni legali;

G.  billi t-trobbija illegali ta' qtates u klieb spiss jitwettaq f'kundizzjonijiet terribbli u l-ispejjeż jinżammu baxxi kemm jista' jkun; billi dawn l-annimali tat-twelid imrobbija illegalment sikwit jiġu separati minn ommhom kmieni wisq, ikollhom soċjalizzazzjoni fqira, faċli jimirdu u jbatu minn stress, malnutrizzjoni, deidratazzjoni u r-riskju akbar ta' ipotermja filwaqt li jkunu soġġetti għal vjaġġi twal madwar l-UE f'kundizzjonijiet ta' spazji ffullati u maħmuġa mingħajr ebda ikel, ilma, jew arja kondizzjonata, u mingħajr waqfien; billi hija ħaġa komuni li l-ġriewi u l-qtates żgħar jaslu fil-pajjiż tad-destinazzjoni mingħajr ma jkunu miftuma u mingħajr ebda ħiliet bażiċi ta' soċjalizzazzjoni;

H.  billi, minkejja t-titjib, għad hemm tħassib kbir madwar il-passaporti tal-annimali tad-dar, bħall-verifika tal-età għal annimali individwali u l-possibbiltà li jsir tibdil fil-passaporti; billi ġew irreġistrat għadd kbir ta' passaporti foloz għall-annimali tad-dar, sikwit b'kollużjoni tal-veterinarji mat-traffikanti f'din il-prattika illegali, b'hekk il-kontrolli u l-investigazzjonijiet isiru aktar kumplessi(8);

I.  billi l-annimali tal-kumpanija li jitrabbew illegalment ta' sikwit ma jkunux imlaqqma jew imlaqqma parzjalment jew inkella ma jkunux ġew trattati kif xieraq għal mard ieħor; billi hemm diversi riskji żoonotiċi assoċjati mat-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija, inkluża l-introduzzjoni tar-rabja minn partijiet endemiċi tal-Ewropa f'pajjiżi li huma ħielsa mill-idrofobija u l-parassiti bħal Echinococcus multilocularis, li jinfirex faċilment u huwa diffiċli li jiġi kkontrollat(9);

J.  billi l-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali li se tapplika mill-21 ta' April 2021, se tiffaċilita trasparenza akbar fil-kummerċ online tal-qtates u tal-klieb, u se ttejjeb is-saħħa u l-benesseri tal-annimali; billi l-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali tobbliga b'mod strett lill-bejjiegħa, lil min irabbi, lit-trasportaturi u liċ-ċentri tal-ġbir, jirreġistraw l-istabbilimenti tagħhom mal-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti;

K.  billi, minbarra li jagħmel ħsara lill-benesseri tal-annimali, it-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija għandu impatti negattivi fuq il-protezzjoni tal-konsumatur, il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tal-UE minħabba kompetizzjoni inġusta, u l-finanzi pubbliċi minħabba telf ta' dħul mit-taxxa;

L.  billi metodu komuni użat ferm għax-xiri ta' annimali tal-kumpanija fl-UE issa qed iseħħ permezz ta' reklami klassifikati online, segwit mill-qrib mill-midja soċjali(10); billi l-konsumaturi li jixtru annimali tal-kumpanija permezz ta' riklami online ftit għandhom protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, kemm jekk fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE; billi għadd kbir ta' annimali tal-kumpanija mrobbija illegalment jinbiegħu fis-swieq fl-Istati Membri jew direttament minn karozzi matul il-fruntieri interni tal-UE;

M.  billi 65 % ta' dawk li wieġbu stħarriġ tal-Flash Eurobarometer dwar kontenut illegali online ma jaħsbux li l-Internet huwa sikur għall-utenti tiegħu u 90 % jaqblu li s-servizzi ta' hosting online għandhom immedjatament ineħħu l-kontenut immarkat bħala illegali mill-awtoritajiet pubbliċi jew tal-infurzar tal-liġi; billi 60 % tal-utenti tal-internet qalu li jużaw netwerk soċjali online tal-inqas darba fil-ġimgħa u ħafna jużaw ukoll postijiet tas-suq online tal-anqas okkażjonalment, filwaqt li 30 % jużawhom tal-anqas darba fil-ġimgħa; billi 69 % tal-utenti tal-internet fl-UE jixtru online u l-għadd tagħhom qiegħed jiżdied ta' kull sena ukoll fejn jidħol bejgħ ta' annimali(11);

N.  billi t-trattament ħażin ta' annimali tal-kumpanija, inkluż l-annimali mrobbija, miżmuma u mibjugħa bil-għan li jsiru annimali tad-dar, l-annimali tal-kumpanija użati għad-divertiment, l-isport u x-xogħol bħall-greyhounds u l-galgos, u l-annimali tat-triq għadu ta' tħassib kbir għal ħafna ċittadini; billi l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni (aħjar) tal-annimali tad-dar jistgħu jkunu għodda utli fil-ġlieda kontra l-abbuż tal-annimali u l-promozzjoni responsabbli tas-sjieda tal-annimali tad-dar; billi l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni huma komponenti ewlenin fil-ġestjoni mhux letali u umana ta' annimali li jgħixu fit-triq u fit-tnaqqis gradwali tal-popolazzjonijiet tal-annimali li jgħixu fit-triq;

O.  billi aktar minn 70 % tal-mard ġdid li laqat lill-bniedem f'dawn l-aħħar deċennji oriġina mill-annimali, u l-annimali li ġeneralment jinżammu bħala annimali tad-dar iġorru fuqhom aktar minn 41 tip ta' żoonożi, inkluża r-rabja(12);

P.  billi l-annimali tad-dar tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 ma jistgħux jittieħdu minn Stat Membru għal ieħor, sakemm ma jkunux immarkati bl-impjantazzjoni ta' transponder; billi ma hemm l-ebda rekwiżit għall-identifikazzjoni obbligatorja armonizzata ta' qtates u klieb li jibqgħu fi ħdan il-fruntieri nazzjonali u li mhumiex qed jittieħdu lejn Stati Membri oħrajn; billi ħafna qtates u klieb fl-Istati Membri għadhom mhux identifikati u reġistrati;

Q.  billi l-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE (CCP) dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates sab inkonsistenza bejn l-istatus tal-kummerċjanti u l-attivitajiet tagħhom f'42 % tar-riklami kkontrollati(13);

R.  billi ċerti siti web bir-riklami kklassifikati qed jibdew jadottaw, fuq bażi volontarja, regoli aktar stretti biex jivverifikaw l-identità tal-bejjiegħa online u jtejbu l-benessri tal-annimali;

S.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri diġà stabbilew ċertu livell ta' rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-klieb u l-qtates; billi r-rekwiżiti ta' identifikazzjoni għall-qtates, il-klieb u l-inmsa mhumiex armonizzati u dan jirriżulta, fost l-oħrajn, f'użu ħażin tal-kodiċijiet tal-pajjiżi, kodiċijiet duplikati u mhux korretti(14); billi l-biċċa l-kbira tal-bażijiet tad-data tar-reġistrazzjoni mhumiex interkonnessi u għalhekk jillimitaw it-traċċabbiltà fl-UE;

1.  Jenfasizza li l-kummerċ illegali tal-klieb u l-qtates mhux biss għandu riperkussjonijiet katastrofiċi f'dak li jirrigwarda l-benessri tal-annimali iżda għandu riskji wkoll għas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur;

Identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-qtates u l-klieb

2.  Jenfasizza li sistema armonizzata madwar l-UE kollha tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni obbligatorja tal-qtates u l-klieb huwa l-ewwel pass neċessarju u kruċjali fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija, u li r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni huma kundizzjonijiet importanti għall-kontroll, l-infurzar u t-traċċabilità;

3.  Iqis li huwa essenzjali li l-annimali tal-kumpanija jkollhom mikroċippa minn veterinarju u jiġu rreġistrati f'fajl nazzjonali għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali biex tkun żgurata t-traċċabbiltà effettiva tagħhom; iqis li huwa ta' importanza vitali li l-fajls ta' identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni jkun fihom in-numri ta' reġistrazzjoni ta' kull min kellu sehem fil-ħajja tal-annimal, inklużi min ikun rabbihom, il-bejjiegħa, il-veterinarji, it-trasportaturi u s-sidien;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ tas-setgħat delegati tagħha skont l-Artikoli 109(2) u 118 tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali u tressaq proposta għal sistemi dettaljati u kompatibbli fl-UE kollha għall-mezzi u l-metodi ta' identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni tal-qtates u l-klieb li jistabbilixxu limitu minimu ta' informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni individwali tal-annimali u li jistabbilixxu regoli għall-iskambju ta' data elettronika bejn il-bażijiet tad-data fl-Istati Membri, li għandhom ikunu interkonnessi sa tmiem dan it-terminu leġiżlattiv;

5.  Jappella għal rabta ċara bejn il-passaport tal-UE għall-annimali tad-dar u l-mikroċippa ta' reġistrazzjoni tal-annimali tad-dar biex jiġi żgurat li l-oriġini ta' annimali tal-kumpanija jibqa' ċar anke jekk il-passaport tal-annimali tad-dar jiġi sostitwit;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu politiki bil-għan li jimmarkaw u jirreġistraw lill-qtates u l-klieb kollha b'mod awtomatiku bħala parti mill-ġlieda kontra l-abbuż tal-annimali;

7.  Jenfasizza li l-informazzjoni miġbura għall-identifikazzjoni ta' annimali tal-kumpanija għandha tinkludi data personali u għandha tiġi protetta f'konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; jemmen li tali data personali m'għandhiex tintuża għal skopijiet kummerċjali;

Pjan ta' azzjoni tal-UE li jindirizza l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni transettorjali tal-UE biex tindirizza l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fl-UE; iqis li l-pjan ta' azzjoni għandu jqis il-fehmiet tal-Parlament Ewropew, tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u għandu jiddefinixxi b'mod ċar ir-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati kollha u dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet, inklużi l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-fruntieri, doganali u veterinarji, il-veterinarji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

9.  Jirrakkomanda li fil-pjan ta' azzjoni tagħha l-Kummissjoni tinvolvi lid-direttorati ġenerali differenti li jaħdmu fuq il-benessri tal-annimali, is-saħħa pubblika, il-ħarsien tal-konsumatur, is-suq intern u kwistjonijiet ta' traffikar;

10.  Iqis li hi meħtieġa definizzjoni uniformi tal-UE dwar faċilitajiet tat-trobbija fuq skala kummerċjali kbira, magħrufa bħala l-imtieħen tal-ġriewi, sabiex jiġi indirizzat il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipprojbixxu prattiki ta' trobbija u ta' kummerċjalizzazzjoni li huma ta' detriment għas-saħħa, il-benessri u l-iżvilupp tal-imġiba tal-annimali tad-dar;

11.  Iqis li jeħtieġ li ċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar dwar il-kummerċ ta' annimali tal-kumpanija u r-riskji possibbli meta jinxtraw l-annimali online jew mingħajr ma jitqiesu l-proċeduri legali;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi li jixtru annimali tal-kumpanija permezz ta' reklami online bħala parti mill-Aġenda Diġitali tagħha;

13.  Jappoġġa l-fatt li l-bejgħ ta' annimali ħajjin min-negozjant lill-konsumatur ikun eskluż mill-ambitu tad-direttiva li jmiss dwar il-kuntratti għall-bejgħ online u bejgħ mill-bogħod ieħor ta' oġġetti;

Kontrolli u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE

14.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-infurzar tal-liġi u japplikaw sanzjonijiet aktar iebsa – li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi – kontra l-operaturi ekonomiċi, il-veterinarji u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali mill-pajjiżi tal-oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni li jfornu passaporti ffalsifikati għall-annimali tad-dar bil-ħsieb li jrażżnu b'mod effiċjenti t-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija;

15.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw penali finanzjarji bi qbil mar-Regolament (EU) Nru 2017/625(15) li jegħlbu l-benefiċċju li fittxew li jiksbu l-operaturi ekonomiċi inklużi dawk li jrabbu u l-bejjiegħa li jirreklamaw annimali online għall-gwadann ekonomiku u bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji għar-regolazzjoni jew l-awtoregolazzjoni ta' reklami online ta' annimali tal-kumpanija sabiex itemmu r-reklamar qarrieqi u biex jiġi kkontrollat aħjar il-bejgħ online tal-qtates u tal-klieb;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżiti obbligatorji għall-pjattaformi online biex jitwettqu verifiki ta' validazzjoni minima tal-identità ta' utenti li jirreklamaw annimali tad-dar għall-bejgħ online; jissottolinja l-fatt li kwalunkwe reviżjoni potenzjali tal-qafas leġiżlattiv rilevanti jeħtieġ twassal għal protezzjoni aħjar tal-konsumaturi u tal-annimali;

18.  Jitlob li fil-programmi ta' spezzjoni tad-Direttorat għall-Awditi u l-Analiżi tal-Ikel u tas-Saħħa (Kummissjoni Ewropea – DĠ Saħħa u Sikurezza tal-Ikel) jiġu inklużi kontrolli fuq il-konformità tal-Istati Membri mar-Regolament (UE) Nru 576/2013;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi standards komuni għat-trobbija u l-kummerċjalizzazzjoni tal-qtates u l-klieb li għandhom jiġu implimentati fl-UE kollha bil-għan li jiġu evitati prattiki kummerċjali inġusti u l-bejgħ abbużiv ta' dawn l-annimali tal-kumpanija, filwaqt li tiġi illimitata l-kontinwazzjoni ta' kwistjonijiet ta' saħħa u ta' benessri speċifiċi għar-razza u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm regoli dettaljati għall-monitoraġġ ta' dawk li jrabbu l-annimali tal-kumpanija u sorveljanza xierqa mill-veterinarji;

21.  Iqis li l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jistabbilixxu reġistru obbligatorju ta' bejjiegħa u ta' dawk li jrabbu l-annimali tal-kumpanija awtorizzati li jkollhom aċċess għalih dawk responsabbli fi Stati Membri oħrajn;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu monitoraġġ tal-konformità fil-pajjiż b'kontrolli regolari fuq in-negozjanti u d-detenturi tal-permessi, bħal ħwienet li jbigħu annimali tal-kumpanija, dawk li jrabbu, ċentri ta' riċerka u mixtliet, minbarra l-kontrolli fil-fruntieri meħtieġa skont ir-Regolament (KE) Nru 338/97(16);

23.  Jemmen li l-frekwenza tal-ispezzjonijiet għandha ukoll tiġi armonizzata fl-UE kollha u li l-ispezzjonijiet jitwettqu f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali, tal-pulizija u mas-servizzi veterinarji tal-Istati Membri;

24.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament (UE) Nru 576/2013, isegwu l-proċeduri stabbiliti fih u jiżguraw li jiddaħħlu lura f'dar dawk l-annimali tal-kumpanija kollha li jkunu sekwestrati; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod adegwat iċ-ċentri ta' salvataġġ tal-annimali;

25.  Jilqa' r-riżultati miksuba fi ħdan il-Pjattaforma tal-UE dwar il-Benesseri tal-Annimali u s-Sottogrupp tal-Inizjattiva Volontarja dwar is-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali tad-Dar fil-Kummerċ; jappella għall-inklużjoni tal-Parlament Ewropew u għar-rappreżentanza bbilanċjata tas-soċjetà ċivili, tal-awtoritajiet kompetenti, tan-negozji u x-xjenzjati fil-ħidma futura dwar il-benessri tal-annimali fil-livell tal-UE, kif ukoll għal livell suffiċjenti ta' riżorsi sabiex jiġi żgurat progress ottimali;

Kooperazzjoni, komunikazzjoni u taħriġ

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu u jxerrdu r-riżultati tas-Sottogrupp tal-Inizjattiva Volontarja dwar is-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali tad-Dar fil-Kummerċ fil-qafas tal-Pjattaforma tal-UE dwar il-Benesseri tal-Annimali u jadottaw miżuri biex jindirizzaw il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fix-xogħol leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv li jmiss sal-2024; iqis, f'dan il-kuntest, li hemm ħtieġa urġenti għal kooperazzjoni attiva u skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri kollha;

27.  Jistieden lill-Istati Membri biex sistematikament jinformaw lill-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati meta jiftħu kawża legali kontra kummerċjant illegali tal-klieb u l-qtates li l-attivitajiet tiegħu jistgħu jaffettwaw dawk l-Istati Membri l-oħrajn;

28.  Hu favur metodi ta' ħidma kollaborattiva fost l-aġenziji biex jindirizzaw il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija, u biex jimmitigaw ir-riskju żoonotiku assoċjat, inkluż l-iżvilupp ta' sistema ta' intelliġence biex tirreġistra u tikkondividi d-data fir-rigward tal-kummerċ illegali ta' kunsinni kummerċjali tal-annimali u sistema ta' twissija biex tavża dwar kull anomalija li tiġi identifikata;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri li jinkludu l-użu ta' teknoloġiji u taħriġ imfassal apposta biex l-awtoritajiet doganali u veterinarji jkunu mgħammra aħjar ħalli jidentifikaw il-kuntrabandu ta' annimali tal-kumpanija;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates permezz tal-iżvilupp ta' sħubijiet bejn l-awtoritajiet, il-bażijiet ta' data, is-siti elettroniċi u l-organizzazzjonijiet għall-benessri tal-annimali, sabiex ifasslu miżuri preċiżi kontra r-reklamar qarrieqi u l-kummerċ illegali online tal-klieb u l-qtates;

31.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-assoċjazzjonijiet u l-NGOs għall-protezzjoni tal-annimali fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jipprovdu liċ-ċentri ta' salvataġġ tal-annimali u lill-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-annimali/NGOs appoġġ adegwat, kemm finanzjarju kif ukoll appoġġ materjali u mhux materjali ieħor;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jallokaw riżorsi suffiċjenti għall-infurzar tar-rekwiżit tar-reġistrazzjoni għall-operaturi tal-istabbilimenti kollha tat-trobbija, iż-żamma jew in-negozjar tal-annimali kif mitlub mil-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali sabiex jitrażżan il-kummerċ illegali online ta' annimali tal-kumpanija;

33.  Iqis li għandu jsir aktar biex titqajjem sensibilizzazzjoni fost ix-xerrejja potenzjali u l-operaturi ekonomiċi, inkluż il-fornituri tas-servizzi online, f'dak li għandu x'jaqsam ma' bejgħ illegali ta' annimali tal-kumpanija u standards rispettivi baxxi tal-benessri;

34.  Jenfasizza l-fatt li diġà jeżistu bażijiet tad-data nazzjonali u f'xi każijiet reġjonali li fihom informazzjoni ta' identifikazzjoni dwar annimali tal-kumpanija; iqis li dawn il-bażijiet tad-data għandhom jintużaw bħala sistemi interkonnessi, kompatibbli u interoperabbli biex jippermettu t-traċċabbiltà fl-UE kollha;

35.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-persunal fil-fruntieri jkunu mħarrġa b'mod adegwat fil-proċeduri u fir-regoli li japplikaw għall-importazzjoni ta' annimali tal-kumpanija minn pajjiżi terzi elenkati u mhux elenkati u li huma jkunu qed jinfurzaw dawn ir-regoli;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jwettqu aktar kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni biex jinkoraġġixxu l-adozzjoni minn ċentri ta' salvataġġ tal-annimali, aktar milli x-xiri, ta' annimali tal-kumpanija u jinfurmaw liċ-ċittadini dwar l-effetti negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija u l-importanza tax-xiri unikament ta' annimali tal-kumpanija li jkunu trabbew, inżammu u ġew innegozjati b'mod responsabbli u b'attenzjoni xierqa għall-benessri tal-annimali;

o
o   o

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.
(2) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.
(3) ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.
(4) ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109.
(5) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 139.
(6) Studju dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fil-prattiki kummerċjali ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea SANCO 2013/12364. https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/animals/docs/aw_eu-strategy_study_dogs-cats-commercial-practices_en.pdf
(7) Il-Kummissjoni Ewropea (2019). Analiżi tar-riżultati tal-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates, https://ec.europa.eu/food/animals/welfare/other_aspects/online_dog-cat_en
(8) Rapport ta' FOUR PAWS tal-2013 intitolat "Puppy trade in Europe" http://www.carodog.eu/wp-content/uploads/2014/10/REPORT_EUROPEAN_PUPPY_TRADE2.pdf
(9) Studju dwar it-trattament xieraq tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali (2015), iffinanzjat mill-Kummissjoni taħt Kuntratt Speċifiku SANCO 2013/12364, pp. 55-56. https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/animals/docs/aw_eu-strategy_study_dogs-cats-commercial-practices_en.pdf; EU Dog & Cat Alliance (2016). Tgħarrif dwar ir-rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar il-moviment tal-annimali domestiċi skont il-"Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali". https://s3-eu-west-1.amazonaws.com/assets.dogandcatwelfare.eu/live/media/publicationtemp/EU_Dog_Cat_‌Alliance_briefing_AHL_pet_movement_review.pdf
(10) EU Dog and Cat Alliance + Blue Cross (2017). Online Pet Sales in the EU: What's the cost? (Bejgħ online ta' Annimali Domestiċi fl-UE: X'inhu l-prezz?) https://s3-eu-west-1.amazonaws.com/assets.dogandcatwelfare.eu/live/media/publicationtemp/12195_-_EU_Pet_‌sales_report_spreads.pdf
(11) Flash Eurobarometer 469/2018 Report on illegal content online: (Rapport dwar il-kontenut illegali online) http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/ResultDoc/download/DocumentKy/83669
(12) Michael J. Day et al (2012). Surveillance of Zoonotic Infectious Disease Transmitted by Small Companion Animals (Is-sorveljanza ta' Infezzjonijiet Żoonotiċi Trażmessi minn Annimali Żgħar tal-Kumpanija): https://wwwnc.cdc.gov/eid/article/18/12/12-0664_article
(13) EU Coordinated Control Plan on online sales of dogs and cats (Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates). https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/animals/docs/reg-com_ahw_20190612_asf_aw-control-coord-plan-sale-dog-cats_eur.pdf
(14) Rapport FOUR PAWS tal-2016 "Identification, vaccination and movement of dogs and cats in the EU: How to improve the Pet Passport and TRACES systems?" (L-identifikazzjoni, it-tilqim u l-moviment tal-klieb u l-qtates fl-UE: Kif nistgħu ntejbu l-Passaport tal-Annimali tad-Dar u s-sistemi TRACES) http://www.lawyersforanimalprotection.eu/wp-content/uploads/2016/07/INSIDE-1.pdf
(15) Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1)
(16) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza