Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020 (2020/2732(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 225, 295, 310, 311, 312, 323 u 324 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 2, 3 u 15 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra r-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 – il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' ftehim(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru(3),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-21 ta' Lulju 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tifqigħa tal-COVID-19 ħadet eluf ta' ħajjiet fl-Ewropa u fid-dinja u wasslet għal kriżi bla preċedent b'konsegwenzi diżastrużi għall-persuni, il-familji, il-ħaddiema u n-negozji, u għalhekk teħtieġ rispons bla preċedent;
B. billi l-irkupru tal-Ewropa għandu jkun ibbażat fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, l-Istrateġija Industrijali Ġdida u l-intraprenditorija, sabiex l-ekonomiji tagħna joħorġu minn din il-kriżi aktar b'saħħithom, aktar reżiljenti, aktar sostenibbli u aktar kompetittivi;
C. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom favur l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-Ftehim ta' Pariġi;
D. billi s-suq uniku jinsab f'riskju ta' distorsjoni irreparabbli;
E. billi l-Kunsill Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu estremament tard, wara tliet summits inkonklużivi, u b'hekk dewwem in-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);
F. billi l-prijoritajiet fit-tul tal-UE stabbiliti fil-QFP m'għandhomx jiġu ssagrifikati fuq l-altar tal-irkupru;
G. billi l-Parlament għandu jkun involut bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tal-istrument għall-irkupru, kemm meta jittieħed self kif ukoll fl-operazzjonijiet li fihom jingħata self;
H. billi l-Parlament huwa l-garanti ta' rkupru trasparenti u demokratiku u jrid ikun involut kemm fl-iskrutinju ex-post kif ukoll ex-ante tal-pjan ta' rkupru;
1. Jibki t-telfa tal-vittmi tal-coronavirus u jagħti ġieħ lill-ħaddiema kollha li qed jiġġieldu l-pandemija; jemmen li, taħt tali ċirkostanzi bla preċedent u eċċezzjonali, in-nies fl-UE għandhom dmir kollettiv ta' solidarjetà;
2. Jilqa' wkoll il-fatt li l-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern aċċettaw l-istrument ta' rkupru biex tingħata spinta lill-ekonomija, kif propost mill-Parlament f'Mejju; jirrikonoxxi l-ħolqien tal-istrument ta' rkupru, li jirrappreżenta pass storiku għall-UE; jiddeplora, madankollu, it-tnaqqis tal-komponent tal-għotja fil-ftehim finali; ifakkar li l-bażi legali magħżula biex jiġi stabbilit l-istrument ta' rkupru ma tagħtix rwol formali lill-Membri eletti tal-Parlament Ewropew;
3. Ma jaċċettax, madankollu, il-qbil politiku dwar il-QFP 2021-2027 kif inhu llum; jinsab lest biex minnufih jimpenja ruħu f'negozjati kostruttivi mal-Kunsill biex itejjeb il-proposta; ifakkar il-mandat tal-Parlament ta' Novembru 2018; jenfasizza li l-Parlament irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim dwar ir-regolament QFP skont l-Artikolu 312 tat-TFUE;
4. Jiddeplora l-fatt li spiss wisq, l-aderenza esklużiva għall-interessi u l-pożizzjonijiet nazzjonali tipperikola l-kisba ta' soluzzjonijiet komuni li huma fl-interess ġenerali; iwissi li t-tnaqqis fil-QFP imur kontra l-objettivi tal-UE; jemmen, pereżempju, li t-tnaqqis propost għall-programmi tas-saħħa u tar-riċerka huwa perikoluż fil-kuntest ta' pandemija globali; jemmen li t-tnaqqis propost fl-edukazzjoni, it-trasformazzjoni diġitali u l-innovazzjoni jipperikola l-futur tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-Ewropej; jemmen li t-tnaqqis propost għall-programmi li jappoġġjaw it-tranżizzjoni ta' reġjuni li jiddependu fuq il-karbonju jmur kontra l-aġenda tal-UE għal Patt Ekoloġiku; jemmen li t-tnaqqis propost għall-asil, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri jipperikola l-pożizzjoni tal-UE f'dinja dejjem aktar volatili u inċerta;
5. Jemmen li l-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE naqsu milli jindirizzaw il-kwistjoni tal-pjan ta' ħlas lura tal-istrument ta' rkupru; ifakkar li hemm biss tliet għażliet biex dan isir: aktar tnaqqis fil-programmi b'valur miżjud tal-UE sal-2058, żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jew il-ħolqien ta' riżorsi proprji ġodda; jemmen li huma biss il-ħolqien ta' riżorsi proprji ġodda li jistgħu jgħinu biex jitħallas lura d-dejn tal-UE, filwaqt li dan isalva l-baġit tal-UE u jtaffi l-pressjoni fiskali fuq it-teżori nazzjonali u ċ-ċittadini tal-UE; ifakkar li l-ħolqien ta' riżorsi proprji ġodda huwa l-uniku metodu ta' ħlas lura aċċettabbli għall-Parlament;
6. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kunsill Ewropew irrifjuta l-proposta ta' "soluzzjoni tranżitorja", li kienet maħsuba biex twieġeb għall-ħtiġijiet ta' finanzjament akut għall-investimenti fl-2020 bil-ħsieb li tipprovdi rispons immedjat għall-kriżijiet għaċ-ċittadini u l-benefiċjarji tal-UE u tipprovdi l-finanzjament meħtieġ bejn l-ewwel miżuri ta' rispons u l-irkupru fit-tul;
7. Ifakkar li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-QFP jirrappreżentaw sempliċiment ftehim politiku bejn il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern; jenfasizza li l-Parlament mhux se japprova deċiżjoni ġa meħuda u huwa lest li jżomm l-approvazzjoni tiegħu għall-QFP sakemm jintlaħaq ftehim sodisfaċenti fin-negozjati li jmiss bejn il-Parlament u l-Kunsill; ifakkar li l-40 programm tal-UE, li kollha huma ffinanzjati mill-QFP, iridu jiġu approvati mill-Parlament bħala koleġiżlatur;
8. Jagħti istruzzjonijiet lit-timijiet parlamentari rilevanti biex jinnegozjaw il-fajls leġiżlattivi rilevanti bi qbil mal-mandat rispettiv tal-Parlament għat-trilogi; jagħti struzzjonijiet lit-tim ta' negozjar tal-QFP/tar-riżorsi proprji tiegħu biex jinnegozja abbażi tal-mandat li ġej:
Il-prijoritajiet tal-Parlament fid-dawl ta' ftehim globali
L-istat tad-dritt
9. Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-Kunsill Ewropew dgħajjef b'mod sinifikanti l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Parlament li jħarsu l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija fil-qafas tal-QFP u l-istrument Next Generation EU (NGEU); jikkonferma mill-ġdid it-talba tiegħu li jitlesta x-xogħol tal-koleġiżlatur dwar il-mekkaniżmu propost mill-Kummissjoni biex jiġi protett il-baġit tal-UE fejn hemm theddida sistemika għall-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE, u fejn l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma fil-periklu; jenfasizza li, biex ikun effettiv, dan il-mekkaniżmu għandu jiġi attivat b'maġġoranza kwalifikata inversa; jissottolinja li dan il-mekkaniżmu ma jridx jaffettwa l-obbligu tal-entitajiet tal-gvern jew tal-Istati Membri li jagħmlu pagamenti lill-benefiċjarji jew lir-riċevituri aħħarija; jissottolinja l-fatt li r-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt ser jiġi adottat b'kodeċiżjoni;
Riżorsi proprji
10. Itenni għal darb' oħra li l-Parlament mhux se jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-QFP mingħajr ftehim dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, inkluża l-introduzzjoni ta' pakkett ta' riżorsi proprji ġodda sa tmiem il-QFP 2021-2027, li għandu jkollu l-għan li jkopri mill-inqas l-ispejjeż relatati mal-NGEU (kapital u mgħax) biex tiġi żgurata l-kredibilità u s-sostenibbiltà tal-pjan ta' ħlas lura tal-NGEU; jenfasizza li dan il-pakkett għandu jkollu wkoll l-għan li jnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-introjtu nazzjonali gross (ING);
11. Jenfasizza għalhekk li din ir-riforma għandha tinkludi pakkett ta' riżorsi proprji ġodda li jridu jidħlu fil-baġit tal-Unjoni mill-1 ta' Jannar 2021; jenfasizza li l-kontribut tal-plastik jirrappreżenta biss l-ewwel pass parzjali fit-twettiq ta' din l-aspettattiva tal-Parlament; għandu l-ħsieb li jinnegozja kalendarju legalment vinkolanti li għandu jiġi miftiehem mill-awtorità baġitarja għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda addizzjonali matul l-ewwel nofs tal-QFP li jmiss, bħas-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (u d-dħul iġġenerat minn kwalunkwe tkabbir futur), il-Mekkaniżmu ta' Aġġustament fil-Fruntieri tal-Karbonju, taxxa diġitali, it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji u l-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva; jitlob li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP tintuża biex jiżdiedu, jekk ikun meħtieġ, riżorsi proprji addizzjonali fit-tieni nofs tal-QFP 2021-2027 biex jiġi żgurat li l-objettiv jintlaħaq sa tmiem il-QFP 2021-2027;
12. Itenni l-pożizzjoni soda tiegħu favur it-tmiem tat-tnaqqis u tal-mekkaniżmi korrettivi kollha, kemm jista' jkun malajr; jiddeplora l-fatt li l-Kunsill Ewropew mhux biss żamm it-tnaqqis li minnu bbenefikaw xi Stati Membri iżda żiedu; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu dwar l-ispejjeż tal-ġbir tad-dazji doganali, li għandhom jiġu stabbiliti għal 10 %, ir-rata oriġinali tagħhom;
Programmi ewlenin tal-UE
13. Jiddeplora t-tnaqqis li sar fi programmi orjentati lejn il-futur kemm fil-QFP 2021-2027 kif ukoll fl-NGUE; iqis li dawn se jdgħajfu s-sisien ta' rkupru sostenibbli u reżiljenti; jafferma li l-QFP 2021-2027 b'livell aktar baxx mill-proposta tal-Kummissjoni la hu vijabbli u lanqas aċċettabbli; jenfasizza li l-aħħar proposta tal-Kummissjoni stabbiliet il-finanzjament ta' diversi minn dawk il-programmi f'livell baxx ħafna bl-intendiment li dan jiżdied bl-NGEU; jiddispjaċih għall-fatt li l-Kunsill Ewropew neħħa dik il-loġika u kkanċella l-biċċa l-kbira taż-żidiet; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni b'saħħitha tiegħu li jiddefendi l-finanzjament adegwat tal-QFP li jmiss u l-investimenti u l-politiki fit-tul tiegħu, li ma għandhomx jiġu pperikolati minħabba l-ħtieġa li jiġi ffinanzjat immedjatament l-istrument għall-irkupru; għandu l-intenzjoni li jinnegozja rinforzi mmirati ta' programmi ewlenin tal-UE fil-QFP li jmiss;
14. Jisħaq li n-negozjati interistituzzjonali għandhom jinkludu ċ-ċifri tal-QFP għal kull intestatura u għal kull programm; jenfasizza li l-programmi emblematiċi issa jinsabu f'riskju li jesperjenzaw tnaqqis immedjat fil-finanzjament mill-2020 sal-2021; jirrimarka, barra minn hekk, li mill-2024, il-baġit tal-UE kollu kemm hu se jkun taħt il-livelli tal-2020, u dan jipperikola l-impenji u l-prijoritajiet tal-UE, b'mod partikolari l-Patt Ekoloġiku u l-Aġenda Diġitali; jinsisti li ż-żidiet immirati flimkien maċ-ċifri proposti mill-Kunsill Ewropew iridu jkunu riservati għal programmi relatati mal-klima, it-tranżizzjoni diġitali, is-saħħa, iż-żgħażagħ, il-kultura, l-infrastruttura, ir-riċerka, il-ġestjoni tal-fruntieri u s-solidarjetà (bħal Orizzont Ewropa, InvestEU, Erasmus+, Garanzija għat-Tfal, il-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta, Ewropa Diġitali, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, LIFE+, EU4health, il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, Ewropa Kreattiva, il-Programm għad-Dritt u l-Valuri, il-Fond Ewropew għad-Difiża, l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u l-għajnuna umanitarja), kif ukoll għall-aġenziji rilevanti tal-UE u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;
Kwistjonijiet orizzontali
15. Jisħaq li biex jiġu allinjati l-prijoritajiet politiċi u l-programmi ta' nfiq, huwa importanti ħafna li jiġu inklużi prinċipji orizzontali kemm fir-regolamenti tal-QFP kif ukoll tal-NGUE, iżda wkoll fil-leġiżlazzjoni rilevanti l-oħra kollha, fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, fit-twettiq ta' objettivi tal-UE fit-tul li jkunu kompetittivi u orjentati lejn il-futur, fit-tranżizzjoni ġusta u soċjalment inklużiva, f'mira legalment vinkolanti ta' nfiq ta' 30 % relatta mal-klima u mira ta' nfiq ta' 10 % relatata mal-bijodiversità; jenfasizza, għalhekk, li għandha tiġi adottata malajr metodoloġija ta' traċċar trasparenti, komprensiva u sinifikanti, u tiġi adattata jekk ikun meħtieġ matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, kemm għall-infiq relatat mal-klima kif ukoll għall-infiq relatat mal-bijodiversità; jirrimarka dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit, kemm fir-regolament QFP kif ukoll fl-NGUE, il-prinċipju "tagħmilx ħsara"; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li s-sussidji għall-fjuwils fossili jitneħħew gradwalment; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirreferi għar-Regolament tat-Tassonomija għall-investimenti;
16. Jappoġġja bil-qawwa l-introduzzjoni tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-obbligi ta' impatt fuq il-ġeneri (ibbaġitjar skont il-ġeneru) kemm fir-regolament QFP kif ukoll fir-regolament NGUE; jikkunsidra, għalhekk, li għandha tiġi adottata malajr metodoloġija ta' traċċar trasparenti, komprensiva u sinifikanti, u din tiġi adattata jekk ikun meħtieġ matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP;
17. Jitlob li sa mhux aktar tard minn tmiem l-2024, tidħol fis-seħħ reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP li tkun legalment vinkolanti; jisħaq li din ir-reviżjoni għandha tikkonċerna l-limiti massimi għall-perjodu 2025-2027, it-tqassim mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet mhux impenjati u diżimpenjati tal-NGEU, l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji addizzjonali u l-implimentazzjoni tal-miri dwar il-klima u l-bijodiversità;
18. Jisħaq li d-dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà tal-QFP li sar qbil dwarhom matul negozjati preċedenti tal-QFP, kienu kruċjali biex l-awtoritajiet baġitarji jiġu megħjuna jiffaċċjaw kriżijiet bla preċedent u mhux previsti matul il-perjodu attwali; iqis, għaldaqstant, li d-dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà tal-QFP proposti mill-Kummissjoni jirrappreżentaw il-minimu assolut għall-QFP li jmiss, u biħsiebu jinnegozja aktar titjib; jopponi, f'dan il-kuntest, kull tentattiv biex jitnaqqas id-daqs u jgħaqqad flimkien l-istrumenti speċjali tal-QFP, filwaqt li jiddikjara li dawn għandhom jiġu kkalkulati lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP f'termini kemm ta' impenji kif ukoll ta' pagamenti; jinsisti, barra minn hekk, fuq l-iffissar ta' limiti f'livell li jħalli biżżejjed marġni mhux allokati 'l fuq mill-pakketti tal-programmi;
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-prinċipju demokratiku
19. Jieħu nota tal-ftehim dwar il-volum ġenerali tal-NGEU; jiddeplora t-tnaqqis kbir ħafna fil-komponenti tal-għotjiet, li jfixkel il-bilanċ bejn l-għotjiet u s-self u se jimmina l-isforzi ta' rkupru, speċjalment il-kanċellazzjoni ta' programmi innovattivi bħall-Istrument ta' Appoġġ għas-Solvenza; jemmen li dan it-tnaqqis se jnaqqas il-qawwa tal-istrument u l-effett trasformattiv tiegħu fuq l-ekonomija; jiddispjaċih dwar il-fatt li għal darb' oħra xi Stati Membri nnegozjaw fl-ispirtu ta' bilanċi baġitarji operattivi filwaqt li injoraw kompletament il-benefiċċji ġenerali tas-sħubija tas-suq uniku u tal-UE kollha kemm hi; jisfida lill-Kunsill biex jiġġustifika t-tnaqqis massiv fil-baġits ta' ReactEU, Orizzont Ewropa, UE4health u NDICI fil-kuntest tal-pandemija u l-baġits ta' InvestEU u l-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku;
20. Jappella biex jiġi żgurat li r-riformi u l-investimenti tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RFF) joħolqu sinerġiji mal-fondi u l-objettivi eżistenti tal-UE u jippreżentaw valur miżjud Ewropew reali u objettivi fit-tul;
21. Jopponi l-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-governanza tal-RFF, li titbiegħed mill-metodu Komunitarju u tapprova approċċ intergovernattiv; jemmen li approċċ bħal dan se jservi biss biex jikkomplika l-funzjonament tal-RFF u jdgħajjef il-leġittimità tiegħu; ifakkar li l-Parlament huwa l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament; jitlob li jkun hemm skrutinju demokratiku u parlamentari ex ante u għaldaqstant jitlob li jkun involut fl-atti delegati, kif ukoll fil-verifika ex post li l-flus ipprovduti mill-RFF jintefqu sew, fl-interessi taċ-ċittadini tal-UE u tal-UE nnifisha, jagħtu valur miżjud ġenwin lill-UE u jappoġġjaw ir-reżiljenza ekonomika u soċjali; jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa tal-benefiċjarji finali kollha; jinsab ferm konvint li l-kummissarji responsabbli mill-RFF għandhom ikunu kompletament responsabbli quddiem il-Parlament;
22. Ifakkar li l-Parlament huwa l-awtorità baġitarja flimkien mal-Kunsill; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun involut b'mod sħiħ fl-istrument għall-irkupru, f'konformità mal-metodu Komunitarju; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta reviżjoni mmirata tar-Regolament Finanzjarju u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba, sabiex ir-rwol tal-awtorità baġitarja jiġi stabbilit fl-awtorizzazzjoni tad-dħul assenjat estern skont il-proċedura baġitarja annwali;
23. Jisħaq li għas-suċċess globali tal-NGEU, huwa essenzjali li jkun hemm pjan ċar u realistiku tal-ħlas lura u dan jirrappreżenta test ta' kredibbiltà għall-UE kollha kemm hi; jemmen li l-ħlas lura tad-dejn imġarrab m'għandux isir għad-detriment ta' baġits tal-UE u ta' ġenerazzjonijiet futuri ta' Ewropej, u għandu jibda malajr kemm jista' jkun; jappella biex l-infiq tal-RFF jiġi reklamat b'mod ċar bħala tali, u biex ikun soġġett għal rekwiżiti ta' trasparenza xierqa, inklużi r-rekwiżiti tal-pubblikazzjoni ta' lista tal-benefiċjarji finali;
24. Jisħaq li l-ispejjeż kollha relatati mal-NGEU (kapital u mgħax) għandhom jiġu bbaġitjati lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP;
Xibka ta' sikurezza għall-benefiċjarji ta' programmi tal-UE jew "pjan ta' kontinġenza"
25. Jirrimarka li ilu lest biex jinnegozja minn Novembru 2018 u jenfasizza li mhux se jiġi mġiegħel jaċċetta ftehim ħażin; jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jidħol f'negozjati sinifikanti mal-Kunsill dwar l-elementi kollha msemmija hawn fuq bil-ħsieb li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għar-Regolament QFP 2021-2027;
26. Jemmen, madankollu, li kull ftehim politiku dwar il-QFP li jmiss jeħtieġ li jintlaħaq sa mhux aktar tard mill-aħħar ta' Ottubru, biex il-programmi l-ġodda jibdew mingħajr xkiel fl-1 ta' Jannar 2021; ifakkar li, jekk il-QFP il-ġdid ma jiġix adottat fil-ħin, l-Artikolu 312(4) tat-TFUE jipprevedi estensjoni temporanja tal-limitu massimu u dispożizzjonijiet oħra tal-aħħar sena tal-qafas attwali; jirrimarka li l-pjan ta' kontinġenza tal-QFP huwa kompletament kompatibbli, kemm f'termini legali kif ukoll politiċi, mal-pjan ta' rkupru u l-adozzjoni tal-programmi l-ġodda tal-QFP;
o o o
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.