Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2156(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0143/2020

Testi mressqa :

A9-0143/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2020 - 2
PV 16/09/2020 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2020)0212

Testi adottati
PDF 194kWORD 66k
L-Erbgħa, 16 ta' Settembru 2020 - Brussell
Ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja
P9_TA(2020)0212A9-0143/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja (2019/2156(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 191(1) u 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta' April 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2015-2030,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992, il-Pjan Strateġiku Globali għall-Bijodiversità 2011-2020 u l-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja" tat-23 ta' Lulju 2019 (COM(2019)0352),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għall-2020-2024, il-Politika Esterna tal-UE dwar il-Popli Indiġeni tal-2016, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-popli indiġeni tal-15 ta' Mejju 2017 u l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2013 bit-titolu "Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti" (COM(2013)0659),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-2013 tal-istudju tal-Kummissjoni bit-titolu "The impact of EU consumption on deforestation: Comprehensive analysis of the impact of EU consumption on deforestation" (L-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni: Analiżi komprensiva tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-fattibbiltà tal-2018 dwar l-għażliet biex tissaħħaħ l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni, ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 bit-titolu "Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità" (COM(2008)0645),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi, il-Governanza u l-Kummerċ Forestali (FLEGT) tal-2003, il-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs) tal-FLEGT ma' pajjiżi terzi u l-Pjan ta' Ħidma FLEGT 2018-2022,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tal-21 ta' Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent tal-kontribut tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU bit-titolu "The State of the World's Forests 2020" (L-Istat tal-Foresti fid-Dinja 2020),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tan-NU dwar il-Foresti 2017-2030,

–  wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art, il-ġestjoni sostenibbli tal-art, is-sigurtà tal-ikel, u l-flussi ta' gassijiet serra fl-ekosistemi terrestri u l-ħames rapport tiegħu ta' valutazzjoni dwar it-tibdil fil-klima tal-2014: l-impatti, l-adattament, u l-vulnerabbiltà,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi tal-2019 tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza (IPBES) dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi tal-31 ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw: il-każ tal-foresti(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0143/2020),

A.  billi bejn l-1990 u l-2016, intilfu 1,3 miljun kilometru kwadru tal-foresti tad-dinja, b'effetti distruttivi fuq il-bijodiversità, il-klima, il-popli, u l-ekonomija; billi minkejja l-isforzi kollha sa issa, għadd ta' impenji internazzjonali relatati mal-foresti, bħall-mira 15.2 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU(7) u l-mira 5 tal-Konvenzjoni ta' Aichi dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD)(8), mhumiex fit-triq it-tajba biex jintlaħqu b'mod adegwat mill-politiki attwali; billi r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu "The European Environment – state and outlook 2020" (L-Ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020) jinnota li "l-artijiet msaġġra fl-Ewropa kienu fil-biċċa l-kbira stabbli matul dawn l-aħħar għoxrin sena", iżda jwissi li "ftit li xejn kien hemm titjib fl-istatus ta' konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċijiet tal-foresti mill-2013" u li "d-disturbi naturali [...] u dawk ikkawżati mill-bniedem [...] huma theddid għall-foresti tal-Ewropa";

B.  billi s-17-il SDG huma integrati u indiviżibbli; billi l-progress lejn agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti – ilkoll elementi ewlenin tal-SDGs – għandu jsir simultanjament;

C.  billi l-foresti huma kontributuri essenzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u billi, għall-kuntrarju, id-deforestazzjoni, b'mod partikolari d-deforestazzjoni tropikali, hija kontributur sinifikanti għat-tibdil fil-klima; billi l-emissjonijiet mill-użu tal-art u mit-tibdil fl-użu tal-art, l-aktar minħabba d-deforestazzjoni, huma t-tieni l-akbar kawża tat-tibdil fil-klima wara l-ħruq tal-fjuwils fossili, u jammontaw għal kważi 12 % tal-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b'effett ta' serra; billi l-foresti jospitaw ukoll 80 % tal-bijodiversità globali, jikkontribwixxu għal miżuri ta' tnaqqis tar-riskju ta' diżastri permezz ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u jappoġġjaw l-għajxien ta' madwar 25 % tal-popolazzjoni globali, filwaqt li jirrappreżentaw parti kbira tal-art tradizzjonalment abitata minn popli indiġeni, u jikkontribwixxu għas-saħħa tal-bniedem, u jinkorporaw valuri kulturali, soċjetali u spiritwali insostitwibbli;

D.  billi skont il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, minħabba t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, id-disturbi naturali bħal nixfiet, għargħar, maltempati, infestazzjonijiet, erożjoni u nirien ser iseħħu aktar ta' spiss u b'intensità akbar, b'mod li jikkawżaw ħsara dejjem akbar lill-foresti tad-dinja; billi ż-żieda fl-investimenti f'soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura hija waħda mir-rimedji l-aktar kosteffikaċi biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet u jiġu protetti l-ekosistemi vitali, filwaqt li ttejjeb l-għajxien, ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-ikel;

E.  billi hemm bżonn ta' azzjoni estensiva, ambizzjuża u konċertata, mirfuda minn rieda politika u soċjetali, biex jiġu protetti u rrestawrati l-foresti tad-dinja;

F.  billi t-tisħiħ tal-azzjoni biex jiġu protetti u rrestawrati l-foresti u tissaħħaħ il-kwantità u l-kwalità tal-ekosistemi tal-foresti għandu jkollu rwol kruċjali fil-politiki dwar is-sostenibbiltà tal-UE u tal-Istati Membri u f'li jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; billi sabiex jiġi limitat it-tisħin globali u jiġi indirizzat it-telf tal-bijodiversità, huwa essenzjali li l-foresti jiġu protetti, irrestawrati u ġestiti b'tali mod li tiġi mmassimizzata l-kapaċità tagħhom għall-ħżin tal-karbonju u l-protezzjoni tal-bijodiversità; billi l-foresti primarji jipprovdu aktar ħżin tad-diossidu tal-karbonju u ħabitat essenzjali li m'hemmx f'foresti iżgħar u li jkunu għadhom kif tħawlu;

G.  billi skont ir-Rapport tal-FAO dwar l-Istat tal-Foresti fid-Dinja tal-2020, globalment, "l-espansjoni agrikola tkompli tkun l-ixprun ewlieni tad-deforestazzjoni" flimkien mal-espansjoni urbana, l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-minjieri; billi jeħtieġ li ssir ħidma mill-qrib mal-pajjiżi sħab tal-UE u l-partijiet ikkonċernati differenti biex jissaħħu l-interazzjonijiet innovattivi u pożittivi bejn l-agrikoltura u l-forestrija biex jinbnew sistemi agrikoli sostenibbli u titjieb is-sigurtà tal-ikel; billi l-UE hija wkoll indirettament involuta fid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fid-dinja u ekosistemi naturali oħrajn permezz tal-importazzjoni u l-konsum ta' prodotti bażiċi assoċjati mad-deforestazzjoni, bħas-sojja, iż-żejt tal-palm, il-gomma, il-qamħirrum, iċ-ċanga, il-ġilda u l-kawkaw; billi l-konsum tal-UE jirrappreżenta madwar 10 % tas-sehem globali tad-deforestazzjoni inkluża fil-konsum finali totali;

H.  billi investigazzjoni riċenti tal-Global Witness żvelat li, bejn l-2013 u l-2019, l-istituzzjonijiet finanzjarji bbażati fl-UE kienu s-sors internazzjonali ewlieni ta' fondi għal sitt kumpaniji agrikoli marbuta mal-qerda tal-foresti fl-Amażonja, il-Baċir tal-Kongo u l-Papua New Guinea, u ffinanzjawhom b'ammonti li jlaħħqu EUR 7 biljun(9);

I.  billi l-impenji volontarji attwali mill-kumpaniji u l-banek biex jindirizzaw id-deforestazzjoni naqsu milli jwasslu l-bidla fl-imġiba meħtieġa biex titwaqqaf din il-qerda ambjentali diżastruża;

J.  billi l-impatt negattiv tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli fuq il-foresti tad-dinja u tal-UE kien jirrikjedi riformulazzjoni tad-Direttiva(10); billi madankollu l-bidliet introdotti mhumiex se jindirizzaw il-problema;

K.  billi s-sussidji għall-bijoenerġija mill-injam għandhom jiġu diretti mill-ġdid lejn l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

L.  billi r-regoli applikabbli tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli huma bbażati fuq il-fehim li l-ħsad tal-enerġija dedikat huwa sostenibbli, newtrali għall-klima, u jippermetti t-tiġdid tas-sors f'perjodu ta' żmien xieraq; billi dan il-fehim huwa żbaljat;

M.  billi se jkun hemm bżonn azzjoni fil-livelli kollha, inklużi miżuri regolatorji u infurzar aktar strett tal-leġiżlazzjoni attwali, kif ukoll se jkun meħtieġ investiment pubbliku u privat sostanzjali, biex jiġu protetti l-foresti tad-dinja u ekosistemi naturali oħra b'mod aktar effikaċi; billi dan jista' jinkiseb biss billi tiġi żgurata koerenza politika fis-setturi kollha u bejn il-politiki interni u esterni tal-UE tal-politiki permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju "la tagħmilx ħsara";

N.  billi ż-żieda fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti u ekosistemi naturali oħra, kif ukoll il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, huma importanti biex jippreservaw l-għajxien tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, jipprovdu opportunitajiet għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi, u jippermettu l-iżvilupp ta' bijoekonomiji sostenibbli, filwaqt li jtejbu s-servizzi tal-ekosistema u jipproteġu l-bijodiversità; billi l-foresti jirrappreżentaw settur ekonomiku ekoloġiku bil-potenzjal li joħloq bejn 10 u 16-il miljun impjieg madwar id-dinja;

O.  billi l-foresti tal-mangrovji jissodisfaw servizzi kruċjali tal-ekosistema, peress li jaħżnu ammonti kbar ta' karbonju, huma sit riproduttiv importanti għal ħafna speċijiet ta' ħut tal-iskoll tal-qroll, u jipproteġu sikek tal-qroll minn tagħbijiet u sedimenti ta' nutrijenti, u minn żoni kostali mill-għargħar; billi sa ftit ilu, il-foresti tal-mangrovja koprew aktar minn tliet kwarti mill-kosti tropikali, iżda aktar minn nofshom intilfu minħabba l-iżvilupp kostali, l-akkwakultura, it-tniġġis, u l-użu mhux sostenibbli;

P.  billi l-konverżjoni tal-foresti tal-mangrovji tikkawża 10 % tal-emissjonijiet tal-karbonju mid-deforestazzjoni, minkejja li l-mangrovji jirrappreżentaw biss 0,7 % tal-foresti tropikali(11);

Q.  billi l-ammont ta' finanzjament ipprovdut mill-UE b'appoġġ għall-protezzjoni u r-restawr tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti f'pajjiżi sħab mhuwiex biżżejjed meta titqies l-iskala tal-problema; billi jeħtieġ li l-protezzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u ekosistemi naturali oħra, kif ukoll il-kobenefiċċji u l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem relatati tagħhom, jiġu integrati aħjar fil-mekkaniżmi ta' finanzjament tal-UE;

R.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom tradizzjoni twila fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, kif ukoll għarfien espert fiha li jistgħu jużawh biex jassistu pajjiżi oħra fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet f'dan il-qasam;

S.  billi l-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali u d-difensuri ambjentali huma dejjem aktar mhedda u soġġetti għall-intimidazzjoni, filwaqt li qed jiffaċċjaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-foresti, l-art u l-ambjent tagħhom;

T.  billi l-opportunitajiet ta' patoġeni bħal viruses li jgħaddu minn annimali selvaġġi u domestiċi għall-bnedmin (żoonożi) jistgħu jiżdiedu bil-qerda u l-modifikazzjoni ta' ekosistemi naturali;

U.  billi politika sostenibbli u effettiva dwar il-foresti teħtieġ informazzjoni affidabbli dwar ir-riżorsi tal-foresti, il-kundizzjoni tagħhom, u kif inhuma ġestiti u użati, flimkien ma' informazzjoni affidabbli dwar it-tibdil fl-użu tal-art;

V.  billi l-foresti u l-katina ta' valur ibbażata fuq il-foresti huma fundamentali għall-iżvilupp ulterjuri ta' bijoekonomija ċirkolari billi jipprovdu impjiegi u benessri ekonomiku fiż-żoni rurali u urbani, jimmitigaw it-tibdil fil-klima u joffru benefiċċji relatati mas-saħħa;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja" u jqisha bħala bażi tajba għal azzjoni deċiżiva; jaqbel mal-ħames prijoritajiet ippreżentati fil-komunikazzjoni; jissottolinja li dawn il-prijoritajiet huma lkoll meħtieġa biex jitwaqqfu u jitreġġgħu lura d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali, b'mod partikolari l-foresti, kif ukoll it-telf tal-bijodiversità u l-ksur relatat tad-drittijiet tal-bniedem, u jeħtieġ li jiġu implimentati malajr u b'mod koerenti; ifakkar, madankollu, li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu aktar ambizzjużi fl-azzjonijiet tagħhom biex jissodisfaw l-impenji tagħhom u jindirizzaw l-urġenza tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja; jissottolinja l-importanza ta' sett komprensiv ta' azzjonijiet u inizjattivi, inklużi miżuri regolatorji ġodda, li jkunu effettivi, komplementari, infurzabbli, u jinkludu l-monitoraġġ;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti l-kompetenzi, ir-responsabbiltà u l-fondi tal-UE disponibbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-foresti, inklużi l-foresti Ewropej bħala parti mill-foresti tad-dinja, fil-qafas tal-politika ambjentali tal-UE; itenni li s-suċċess fl-azzjoni esterna tagħna u r-rispons tas-sħab tagħna biex jipproteġu l-foresti tagħhom jiddependi fuq kemm aħna effettivi u ambizzjużi fir-rigward tal-wirt naturali tagħna; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità tal-2030, l-ogħla standards ta' protezzjoni ambjentali u konsistenza akbar bejn il-kompitu li jiġu protetti u rrestawrati l-foresti kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fl-azzjoni esterna tagħha;

3.  Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma mistennija jieħdu azzjoni urġenti biex jipproteġu u jirrestawraw il-foresti b'tali mod li jissodisfaw l-impenji tagħhom skont l-SDGs tan-NU, il-Ftehim ta' Pariġi, il-Pjan Strateġiku Globali għall-Bijodiversità 2011-2020 u l-Pjan Strateġiku tan-NU għall-Foresti 2017-2030 u l-Għanijiet Globali tiegħu dwar il-Foresti;

4.  Jenfasizza r-rwol tal-foresti biex tiżdied ir-reżiljenza għall-impatti negattivi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima; jissottolinja l-ħtieġa li tittieħed azzjoni konkreta u effettiva fl-istrateġiji u l-pjanijiet ta' adattament għall-klima, li jinkorporaw is-sinerġiji bejn il-mitigazzjoni u l-adattament;

5.  Jenfasizza l-kontribut pożittiv tal-foresti għas-saħħa tal-bniedem u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u l-valur ambjentali għoli pprovdut f'termini tas-sekwestru tal-karbonju, il-ħażna tal-ilma, il-kontroll tal-erożjoni u l-provvista ta' protezzjoni minn uqigħ tal-art;

6.  Jissottolinja l-fatt li l-kawżi tad-deforestazzjoni jmorru lil hinn mis-settur tal-foresti nnifishom u huma relatati ma' firxa vasta ta' kwistjonijiet bħall-pussess tal-art, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni, il-politiki agrikoli, it-tibdil fil-klima, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà politika;

7.  Jenfasizza li n-nisa indiġeni u l-bdiewa nisa jiżvolġu rwol ċentrali fil-protezzjoni tal-ekosistemi forestali; jinnota bi tħassib, madankollu, l-assenza tal-inklużjoni u tal-emanċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali; jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni dwar il-forestrija tiżvolġi rwol fundamentali fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u għandha tiġi riflessa fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT);

8.  Jappella lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tindirizza d-deforestazzjoni b'mod olistiku permezz ta' qafas ta' politika koerenti filwaqt li tiżgura l-konservazzjoni tal-ekosistemi; ifakkar fl-importanza li jiġu rrispettati l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jappoġġja n-negozjati kontinwi biex jinħoloq strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jisħaq fuq l-importanza li l-UE tkun involuta b'mod proattiv f'dan il-proċess;

9.  Jaqbel mar-referenza fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għan-natura insostitwibbli tal-foresti primarji u jenfasizzaha, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-protezzjoni tal-foresti nattivi tipprovdi benefiċċju eċċellenti ta' mitigazzjoni tal-klima, li jirriżulta mid-daqs u l-ħajja twila tal-istokkijiet tal-karbonju tal-ekosistema tagħhom; jenfasizza li l-afforestazzjoni, meta ssir b'mod li jkun kompatibbli mal-protezzjoni u t-titjib tal-ekosistemi lokali, tista' tgħin biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050, filwaqt li jinnota li l-foresti mħawla ġodda ma jistgħux jissostitwixxu l-foresti primarji; jenfasizza li s-salvagwardja tal-foresti għandha tkun prijorità politika tal-UE; jenfasizza li l-UE għandha tmexxi bl-eżempju u tiżgura l-implimentazzjoni tal-impenji ambjentali u soċjali internazzjonali tagħha u tal-Istati Membri tagħha, inklużi dwar il-klima, il-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-oqsma prijoritarji eżistenti, u jinkludu miri vinkolanti għall-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi forestali, speċjalment il-foresti primarji, bħala parti mill-istrateġija futura tal-UE dwar il-foresti, li għandha tkun kompletament konsistenti mal-proposta deskritta fl-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 għal miri vinkolanti dwar ir-restawr u ż-żoni protetti; jissottolinja l-importanza li jiġu pprovduti appoġġ u finanzjament adegwati għal dawn il-miżuri;

11.  Jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-mangrovji u lill-foresti fiż-żoni tal-kosta, li jintlaqtu b'mod partikolari mill-impatt tat-tibdil fil-klima u jirrappreżentaw opportunità kbira għall-politiki ta' konservazzjoni, adattament u mitigazzjoni; jiddispjaċih għall-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma fiha l-ebda referenza għall-foresti tal-mangrovji; jenfasizza li 80 % tal-bijodiversità terrestri tinsab fil-foresti u li l-foresti tal-mangrovja huma importanti kemm mil-lat tal-klima kif ukoll tal-bijodiversità, inkluż l-għajxien tal-komunitajiet lokali rispettivi;

12.  Jenfasizza r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-protezzjoni ambjentali u fil-konsum sostenibbli u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw trasparenza sħiħa u l-parteċipazzjoni pubblika f'miżuri relatati mal-foresti u mal-użu tal-art sabiex jiġu pprevenuti d-deforestazzjoni u d-degaradazzjoni tal-foresti, jiġu promossi l-protezzjoni tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u jiġu appoġġjati l-protezzjoni u r-restawr tal-foresti naturali, fil-livelli reġjonali u globali; jenfasizza l-importanza li tinħoloq pjattaforma online għal djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri dwar id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u l-modi kif tiżdied b'mod sostenibbli l-art msaġġra fid-dinja ħalli jinbnew alleanzi, jinħolqu impenji konġunti, titwaqqaf id-deforestazzjoni u jkunu skambjati l-esperjenzi u l-informazzjoni;

13.  Jenfasizza r-rwol kruċjali, id-drittijiet u l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, inklużi n-nisa, fil-protezzjoni tal-foresti tad-dinja u fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar dawn il-foresti; jirrikonoxxi, barra minn hekk, it-theddid u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li dawn qed jiffaċċjaw; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tqis ir-rwol tagħhom u tinvolvihom fit-tfassil, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri ta' protezzjoni tal-foresti, kemm fil-livell globali, tal-UE, kif ukoll fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali;

14.  Ifakkar li ħafna bdiewa huma konxji tal-foresti bħala parti integrali u neċessarja mill-pajsaġġ għall-funzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali rilevanti tagħhom, u li storikament huma stinkaw biex jipproteġu, jużaw u jirriġeneraw il-foresti, u li għadhom qed jagħmlu dan sal-ġurnata tal-lum; jinnota li ċerti komunitajiet lokali u popli indiġeni użaw tekniki tal-biedja tradizzjonali għal sekli sħaħ biex jippreservaw il-foresti, bil-fehim speċjali tagħhom tal-użu sostenibbli tal-art;

15.  Ifakkar li l-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali, il-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar u n-nisa għandhom għarfien indispensabbli fir-rigward tal-foresti u jiddependu ħafna fuq dan l-għarfien; jistieden lill-UE tiżgura r-rikonoxximent tad-drittijiet tal-pussess tal-art u tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom bħala aspett tal-ġustizzja soċjali, bi qbil mal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti (VGGT) tal-FAO tan-NU, mad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u mal-Konvenzjoni 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll il-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' żvilupp tal-UE li jħallu impatt fuqhom u fl-infurzar tal-miżuri maħsuba għall-protezzjoni forestali, abbażi tat-tagħlimiet misluta mill-programm FLEGT;

16.  Ifakkar fl-importanza ta' aċċess adegwat għall-ġustizzja, għal rimedji legali u għal protezzjoni effettiva għall-informaturi fil-pajjiżi li jesportaw riżorsi naturali sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni jew inizjattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-appoġġ tagħhom lid-difensuri kollha tal-ambjent u tal-foresti fl-UE u mad-dinja kollha;

17.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li żżid is-sostenibbiltà u t-trasparenza tal-katina tal-provvista u tal-investiment sabiex tiżgura l-konsum ta' prodotti minn katini ta' provvista li ma jikkawżawx deforestazzjoni; itenni l-importanza ta' sett komprensiv ta' azzjonijiet u inizjattivi f'dan ir-rigward;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, hi u tiżviluppa kwalunkwe azzjoni u inizjattiva bħal dawn, biex tikkunsidra wkoll kif dawn jistgħu jikkontribwixxu bl-aħjar mod għall-protezzjoni ta' ekosistemi naturali rilevanti oħra f'riskju serju ta' degradazzjoni jew konverżjoni;

19.  Jemmen li definizzjoni unika tal-kunċett ta' katina tal-provvista li ma tikkawżax deforestazzjoni hija essenzjali biex tiġi indirizzata l-problema tal-prodotti bażiċi li jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni ambizzjuża; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rabta b'saħħitha bejn il-ktajjen tal-valur ibbażati fuq il-foresti u l-SDGs;

20.  Jinnota li l-promozzjoni ta' skemi ta' ċertifikazzjoni trasparenti għal prodotti bażiċi li ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni hija waħda minn għadd ta' għodod xierqa; jirrimarka, madankollu, li l-għan ewlieni ta' skemi bħal dawn irid ikun li tiġi miġġielda d-deforestazzjoni;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq, mingħajr dewmien, studji dwar skemi ta' ċertifikazzjoni u verifika fis-settur tal-foresti u għal prodotti bbażati fuq l-injam u dwar skemi ta' ċertifikazzjoni għal prodotti bażiċi li ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta dawn l-istudji lill-Parlament għal aktar kunsiderazzjoni, flimkien ma' azzjonijiet u miżuri ta' segwitu proposti sabiex tinkoraġġixxi standards aktar stretti u tiżgura t-trasparenza taċ-ċertifikazzjoni u ta' skemi ta' verifika minn partijiet terzi;

22.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li tintegra ulterjorment il-kunsiderazzjonijiet dwar id-deforestazzjoni fi ħdan l-Ekotikketta tal-UE, l-akkwist pubbliku ekoloġiku u inizjattivi oħra fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari, bħala parti minn sett komprensiv ta' azzjonijiet u inizjattivi biex tiżgura ktajjen ta' provvista li ma jikkawżawx deforestazzjoni;

23.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta, mingħajr dewmien, proposta b'impatt ivvalutat għal qafas legali tal-UE bbażat fuq id-diliġenza dovuta, sabiex jiġu żgurati ktajjen ta' provvista sostenibbli u li ma jikkawżawx deforestazzjoni għall-prodotti u prodotti bażiċi li jitqiegħdu fis-suq tal-UE, b'enfasi partikolari fuq l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tad-deforestazzjoni importata; iqis li qafas bħal dan għandu jkun infurzabbli u f'konformità mal-istandards u l-obbligi internazzjonali, għandu japplika għall-katina tal-provvista kollha ladarba evalwazzjoni bir-reqqa tkun ikkonkludiet li dan ikun funzjonali u applikabbli għall-atturi kollha fis-suq, inklużi l-SMEs, u għandu jkun akkumpanjat minn mekkaniżmu robust ta' infurzar, inklużi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi; jirrimarka li l-miżuri tal-UE f'dan ir-rigward m'għandhomx iwasslu għal telf ta' dħul għan-nies fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda għal opportunitajiet ekonomiċi ġodda u għal trasformazzjoni globali f'ekonomija aktar sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiddikjara l-appoġġ tagħha għall-kwistjoni tas-sostenibbiltà tal-ktajjen tal-provvista, inklużi d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, fil-fora internazzjonali tal-kummerċ tal-prodotti bażiċi rilevanti;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq rekwiżiti relatati mad-diliġenza dovuta għall-istituzzjonijiet finanzjarji għall-identifikazzjoni, għall-prevenzjoni u għall-mitigazzjoni tal-impatti ambjentali, soċjali u fuq id-drittijiet tal-bniedem tad-deforestazzjoni kkawżata mill-UE, bil-għan li jiġi garantit li l-ebda entità finanzjarja jew bankarja tal-UE ma tkun marbuta, direttament jew indirettament, mad-deforestazzjoni, mad-degradazzjoni tal-foresti, mal-konverżjoni jew mad-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali jew mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

25.  Jenfasizza r-rwol tas-sidien tal-foresti u tal-maniġers biex jiżguraw żvilupp sostenibbli tal-foresti; jenfasizza li l-industriji forestali Ewropej jistgħu jikkontribwixxu għall-avvanz tal-istandards globali għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; jemmen li l-industriji Ewropej, l-SMEs u l-mikrointrapriżi fis-settur forestali għandhom jiżvolġu rwol fundamentali fid-djalogu mal-pajjiżi sħab dwar il-mod kif jistgħu jkomplu jippromwovu s-sostenibbiltà fil-katina tal-valur kollha kemm hi;

26.  Jistieden lis-settur privat ikun proattiv fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni fil-ktajjen tal-provvista u fl-investimenti tiegħu, billi jonora mingħajr dewmien l-impenji tiegħu f'dak li jikkonċerna d-deforestazzjoni kif ukoll jiżgura trasparenza sħiħa fir-rigward tal-konformità mal-impenji li ħa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mobilizzati investimenti privati sabiex jiġu indirizzati l-kawżi tad-deforestazzjoni u sabiex jitwettqu l-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-istess ħin, issaħħaħ il-kooperazzjoni mas-settur privat u tiżviluppa strumenti xierqa biex tinċentiva lil dawk li jinsabu fuq quddiem nett abbażi tal-prinċipju ta' responsabbiltà kondiviża; jilqa' r-rieżami li għaddej bħalissa tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju(12) u jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-kwalità u l-ambitu tad-divulgazzjonijiet mhux finanzjarji, b'mod partikolari dwar l-aspetti ambjentali, u biex tippromwovi l-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet dwar il-foresti f'responsabbiltà soċjali korporattiva; ifakkar ukoll fl-importanza li jiġu rrispettati l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jappoġġja n-negozjati kontinwi biex jinħoloq strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jisħaq fuq l-importanza li l-UE tkun involuta b'mod proattiv f'dan il-proċess;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, flimkien mas-settur privat u ma' atturi oħra fil-qasam tal-iżvilupp, soluzzjonijiet ġodda tal-finanzjament u tal-assigurazzjoni f'każ ta' riskju fil-konfront ta' eventi katastrofiċi li jolqtu għadd kbir ta' ettari ta' foresti;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tistimola l-innovazzjoni u l-inizjattivi xprunati mill-industrija sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà fil-ktajjen ta' valur;

29.  Iqis li hemm bżonn ridirezzjonar tal-flussi finanzjarji privati u pubbliċi fis-setturi industrijali rilevanti lejn attivitajiet li ma jikkawżawx deforestazzjoni; ifakkar li sal-31 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tat-Tassonomija(13) għal attivitajiet ekonomiċi li jagħmlu ħsara sinifikanti lis-sostenibbiltà ambjentali;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu effiċjenti tal-mekkaniżmi ta' finanzjament imħallat biex jattiraw il-finanzjament tas-settur privat fir-restawr tal-foresti;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu miżuri speċifiċi biex isaħħu l-qafas politiku u regolatorju li jappoġġja l-protezzjoni u r-restawr tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-livell globali, u biex jipprovdu gwida u miżuri speċifiċi dwar l-ippjanar sostenibbli tal-użu tal-art; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi skambju ta' prattiki tajba bejn id-diversi Stati Membri tal-Unjoni, iżda wkoll mal-pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tinkoraġġixxi l-fatt li l-proċessi tar-riforma ġuridika fil-pajjiżi produtturi jitwettqu bil-parteċipazzjoni effettiva u sinifikattiva tal-partijiet ikkonċernati kollha, fosthom is-soċjetà ċivili, il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, b'attenzjoni speċjali għall-parteċipazzjoni effettiva tan-nisa;

32.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti u bijoekonomija sostenibbli; jirrikonoxxi li l-mudelli sostenibbli tal-ġestjoni tal-foresti u l-użu sostenibbli tal-art globalment jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u għandhom ikunu bbażati fuq l-ogħla standards ta' sostenibbiltà, filwaqt li jirrikonċiljaw is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjetali, mal-protezzjoni tal-bijodiversità u ta' bjar tal-karbonju ta' valur bħala elementi ċentrali filwaqt li jżommu l-valur intrinsiku, il-produttività u s-servizzi tal-ekosistemi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi forestrija u agrikoltura sostenibbli u tiżviluppa mekkaniżmi ta' inċentivi għall-bdiewa ta' azjendi agrikoli żgħar u għall-komunitajiet lokali f'pajjiżi sħab u ttejjeb is-servizzi u l-prodotti ekosistemi miksuba permezz tal-forestrija u tal-agrikoltura sostenibbli; jenfasizza l-importanza tas-sistemi agroforestali għall-produzzjoni agrikola, id-diversifikazzjoni, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih kif ukoll il-prevenzjoni tad-deżertifikazzjoni; jirrimarka li dawn is-sistemi agroforestali huma kkaratterizzati minn effettività akbar tal-użu tal-art minn sistemi agrikoli oħra; jitlob bidla bil-għan li jkunu sistematikament inċentivati s-sistemi agroforestali eżistenti b'valur naturali għoli, jiġi ffaċilitat ir-restawr tagħhom u jkun offrut it-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jiġi ssimplifikat dan il-metodu ta' produzzjoni;

33.  Jenfasizza l-fatt li Orizzont 2020 diġà ffinanzja riċerka u innovazzjoni sinifikanti fit-tranżizzjoni lejn prattiki tal-użu tal-art u ktajjen tal-provvista aktar sostenibbli ħalli jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; jitlob li jkun hemm żieda fil-finanzjament sabiex Orizzont Ewropa jkun jista' jkompli jipprovdi appoġġ f'dawn l-oqsma;

34.  Jiġbed l-attenzjoni lejn id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Katowice dwar il-Foresti għall-Klima, fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), adottata mill-komunità internazzjonali fit-12 ta' Diċembru 2018, li tenfasizza l-importanza tal-foresti u l-użu tal-injam għall-protezzjoni tal-klima u tistabbilixxi dawk il-kwistjonijiet fil-kuntest ta' objettivi u deċiżjonijiet internazzjonali oħra relatati mal-foresti; jinnota li, kif hemm iddikjarat fid-dikjarazzjoni, dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu biss permezz ta' ġestjoni attiva multifunzjonali tal-foresti, li jfisser strateġija ta' ġestjoni li tqis u ssib bilanċ bejn l-objettivi kollha relatati mal-foresti, bħall-ħżin tal-karbonju, il-protezzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħamrija, l-estrazzjoni tal-materja prima, id-divertiment u l-produzzjoni tal-ikel;

35.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-forestrija, flimkien mal-biedja, fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-użu tal-art fiż-żoni rurali tal-UE u tad-dinja; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-varjetà li teżisti fil-ġestjoni tal-foresti, fis-sjieda tal-foresti, fl-agroforestrija u fil-possibbiltajiet bejn l-Istati Membri;

36.  Jenfasizza li l-metodi użati biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-pakkett "Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha" m'għandhomx iwasslu għad-deforestazzjoni u għad-degradazzjoni tal-foresti f'partijiet oħra tad-dinja; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex sal-2021 tirrieżamina l-aspetti rilevanti tar-rapport mehmuż mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807(14) u, jekk ikun meħtieġ, tirrevedi dan ir-Regolament mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ qabel l-2023, abbażi tal-għarfien xjentifiku u f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni; jitlob lill-Kummissjoni terġa' tivvaluta d-data dwar is-sojja u biex telimina b'mod gradwali l-bijofjuwils b'riskju għoli ta' tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) kemm jista' jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-2030;

37.  Jisħaq fuq il-bżonn li jonqos il-konsum tal-UE tal-injam u ta' prodotti bbażati fuq l-injam bis-saħħa tal-promozzjoni ta' ekonomija aktar ċirkolari, tal-minimizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart u tal-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni min-naħa tal-konsumatur dwar il-konsegwenzi ekoloġiċi tal-prodotti bażiċi bbażati fuq l-injam;

38.  Ifakkar fl-ittra ta' aktar minn 700 xjenzjat li titlob li ssir reviżjoni xjentifikament soda tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, b'mod partikolari l-esklużjoni ta' ċerti tipi ta' bijomassa tal-injam milli tkun tgħodd għall-mira u mill-eliġibilità biex tirċievi appoġġ;

39.  Jiddenunzja ż-żieda fl-użu tal-injam għall-bijofjuwils u għall-bijoenerġija, fatt li qiegħed joħloq pressjoni fuq il-foresti tal-UE u tad-dinja fid-dawl taż-żieda fid-domanda għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli;

40.  Jinnota li fi ħdan il-COP23 ġie kkonstatat li għadd ta' pajjiżi, li fihom ħafna foresti primarji u bi grad għoli ta' bijodiversità u li jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni dinjija, jaspiraw li jżidu l-użu tal-injam u tal-materjal veġetali ieħor biex jiġġeneraw l-enerġija(15); itenni li l-UE ma għandhiex tkun ta' eżempju ħażin u jeħtiġilha tiżgura li r-regoli li jorjentaw il-politika tal-enerġija rinnovabbli ma jwasslux għad-deċimazzjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-impatt li ż-żieda fl-użu tal-bijofjuwils għandha fuq id-deforestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tirriforma fundamentalment il-politiki tal-UE fil-qasam tal-bijoenerġija, jiġifieri billi tirrevedi d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura miżuri effettivi għall-produzzjoni u l-użu sostenibbli ta' fjuwils mill-injam, anke fid-dawl tal-livell għoli ta' importazzjonijiet ta' pellets tal-injam fl-UE u r-riskji potenzjali ta' dawn l-importazzjonijiet għall-foresti fil-pajjiżi terzi; iqis li l-prinċipju tal-użu kaskata għandu jitħeġġeġ u jista' jintuża bħala mod ta' benefiċċju biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

43.  Ifakkar li mad-dinja kollha madwar 2,6 biljun ruħ jużaw bijomassa tradizzjonali għat-tisjir, prinċipalment injam u faħam, filwaqt li madwar tliet kwarti minnhom m'għandhomx aċċess għal stufi effiċjenti; jistieden lill-UE tintenfisika l-appoġġ lill-pajjiżi terzi biex jaqilbu għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u sostenibbli, u tnaqqas il-pressjoni fuq id-deforestazzjoni kkawżata mill-użu tal-injam bħala fjuwil; jenfasizza li kieku s-sistemi tal-enerġija tal-pajjiżi terzi kienu aktar deċentralizzati, dan jippermetti għal tranżizzjoni bla xkiel lejn sorsi tal-enerġija rinnovabbli sostenibbli.

44.  Jinnota li l-importanza soċjali u ekonomika tal-agrikoltura qed tikber aktar ma tiżdied il-popolazzjoni dinjija li teħtieġ produzzjoni akbar ta' ikel u prodotti bażiċi agrikoli filwaqt li jittaffa t-tibdil fil-klima; jinnota bi tħassib l-istima li 14 % tal-ikel tad-dinja jintilef mill-mument tal-ħsad, il-qatla u l-qbid(16) u jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjonijiet koerenti biex jiġi evitat it-telf tal-ikel u l-ħela tal-ikel tul il-katina alimentari u li ssir reazzjoni rapida għall-kriżijiet li jistgħu jikkawżaw skarsezzi tal-ikel;

45.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' dieti sostenibbli, billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-impatti tal-mudelli tal-konsum u tingħata informazzjoni dwar id-dieti li huma aktar ta' ġid għal saħħet il-bniedem u li jħallu impronta ambjentali aktar baxxa;

46.  Jissottolinja l-ħtieġa li jsir aktar progress sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija tal-UE dwar il-pjanti tal-proteini u l-iżgurar ta' produzzjoni robusta ta' pjanti tal-proteini fi ħdan l-UE sabiex jiġi limitat il-periklu tad-deforestazzjoni marbuta ma' dawn l-għelejjel f'reġjuni oħra tad-dinja u biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet u titnaqqas il-pressjoni minn fuq il-foresti minħabba t-tibdil fl-użu tal-art; jenfasizza li dan il-progress għandu jsir, inter alia, permezz tal-adozzjoni usa' tan-newba tal-għelejjel flimkien ma' appoġġ u gwida għall-bdiewa fiż-żoni li huma adattati għall-kultivazzjoni tal-pjanti tal-proteini u li azzjoni bħal din tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni u l-pressjoni minn fuq il-foresti minħabba t-tibdil fl-użu tal-art; jitlob, għalhekk, l-introduzzjoni ta' kriterji ta' sostenibbiltà għall-importazzjonijiet tal-proteini veġetali;

47.  Huwa tal-fehma li l-kawżi tad-deforestazzjoni għandhom jiġu indirizzati f'qafas ta' politika tal-UE, biex b'hekk tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki relatati mal-foresti u titnaqqas il-pressjoni minn fuq il-foresti; huwa tal-fehma li tali qafas ta' politika għandu jinkoraġġixxi biedja li kulma jmur tkun aktar innovattiva, sostenibbli u effiċjenti kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, u jnaqqas it-telf tal-ikel tul il-katina alimentari kollha permezz ta' teknoloġiji ġodda; jirrimarka li l-miri deskritti fil-qosor fil-qafas jistgħu jintlaħqu billi l-bdiewa jingħataw aċċess faċli għall-finanzjament sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw teknoloġiji avvanzati ta' biedja bi preċiżjoni għolja;

48.  Jenfasizza li, filwaqt li l-bdiewa huma fil-qalba tal-forniment tal-bżonnijiet bażiċi agrikoli u tal-ikel tagħna, il-ħidma tagħhom tiddependi mir-riżorsi naturali bħall-ħamrija, l-ilma u l-foresti; jinnota li r-rikonoxximent tal-multifunzjonalità tal-foresti huwa kruċjali sabiex jiġi ġestit tajjeb il-wirt forestali globali tagħna; jenfasizza li l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali – li jvarjaw mill-produzzjoni tradizzjonali tal-injam u prodotti oħra, sas-servizzi tal-ekosistema, il-bijodiversità u benefiċċji ambjentali oħra bħall-assorbiment u l-ħżin tal-karbonju, li jipprevjenu l-erożjoni tal-ħamrija u jtejbu l-kwalità tal-arja u tal-ilma – huma lkoll konnessi u interdipendenti; jenfasizza li tali aspetti jirrikjedu approċċ olistiku u koerenti f'dawk li huma l-protezzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni tal-foresti u l-indirizzar determinat tal-problema tad-deforestazzjoni;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi speċifiċi biex jarmonizzaw id-data u jtejbu d-disponibbiltà tal-informazzjoni u d-data miksuba permezz ta' għodod ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni eżistenti u ġodda relatati mal-foresti tad-dinja u tal-UE, u jiżguraw li l-informazzjoni tiġi mxerrda f'forma li tkun aċċessibbli, faċli li tintuża u komprensibbli għall-awtoritajiet regolatorji u ta' infurzar, għall-pubbliku, għall-konsumaturi u għas-settur privat u lesta biex tintuża minn dawk li jfasslu l-politiki; jappella lill-Istati Membri biex itejbu l-istatistika tagħhom dwar il-volum ta' injam li jixtru, inkluż indikazzjoni ta' kemm materjal sostenibbli, legali u b'liċenzja tal-FLEGT jaf ikun inkluż fl-akkwist tagħhom;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi sabiex itejbu d-disponibbiltà, il-kwalità u l-armonizzazzjoni ta' informazzjoni affidabbli dwar ir-riżorsi tal-foresti u t-tibdil fl-użu tal-art sabiex il-proċess tat-tfassil tal-politiki jiġi informat permezz tal-parteċipazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, inkluż fil-pajjiżi sħab;

51.  Jenfasizza li l-monitoraġġ kredibbli u affidabbli u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-foresti huma essenzjali biex tittejjeb il-governanza forestali u tiġi ffaċilitata l-konformità mal-impenji favur "deforestazzjoni żero" fil-pajjiżi sħab; jistieden lill-UE żżid l-appoġġ finanzjarju u tekniku lill-pajjiżi sħab sabiex tikseb dawn l-għanijiet u tgħinhom jiżviluppaw l-għarfien espert meħtieġ biex itejbu l-istrutturi ta' governanza tal-foresti lokali u l-obbligu ta' rendikont;

52.  Jenfasizza li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam huwa prattika għaddejja mhux biss fil-pajjiżi terzi, iżda wkoll fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu b'mod deċiżiv biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-qtugħ illegali tas-siġar; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema Ewropea ta' inventarju u ta' konservazzjoni forestali bbażata fuq sistema ta' monitoraġġ bl-użu tal-GNSS (Galileo u Copernicus) u networks fuq l-art biex jimmonitorjaw l-attività relatata mal-qtugħ tas-siġar mill-punt tal-ħsad sal-punti ta' dħul u ħruġ tal-kumpaniji li jipproċessaw l-injam; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkonċentra fuq il-prevenzjoni tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam billi ssaħħaħ l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Injam(17) u l-FLEGT; jissottolinja l-ħtieġa li titqajjem kuxjenza pubblika dwar l-impatti soċjali u ekonomiċi tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u tar-reati relatati mal-foresti;

53.  Ifakkar li r-riskju tan-nirien fil-foresti mistenni jiżdied minħabba t-tibdil fil-klima; jissottolinja l-ħtieġa, għalhekk, li jissaħħu konsiderevolment l-isforzi ta' prevenzjoni u ta' preparazzjoni permezz ta' kollaborazzjoni internazzjonali fl-istrumenti ta' twissija bikrija, fir-reżiljenza għad-diżastri u fil-miżuri marbuta mal-mitigazzjoni tar-riskji; jirrakkomanda lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-iżvilupp ta' sistemi ta' informazzjoni globali (bħall-Global Wildfire Information System – is-Sistema Globali ta' Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti) u reġjonali (bħall-European Forest Fire Information System – is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti) għall-monitoraġġ tal-impatt tan-nirien fil-foresti; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-għarfien espert tagħha u tkattar l-użu tas-sistema satellitari Copernicus REDD+ biex tappoġġja l-monitoraġġ tar-riskju forestali globali u d-deforestazzjoni f'kollaborazzjoni mal-pajjiżi terzi;

54.  Itenni li l-politika kummerċjali u ta' investiment tal-UE għandha tinkludi kapitoli vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji internazzjonali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi, u għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel il-Ftehim ta' Pariġi element essenzjali tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment futuri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment futuri kollha, kemm dawk komprensivi kif ukoll is-sottoftehimiet rilevanti, ikun fihom dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli, inklużi dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni relatata mal-qtugħ illegali tas-siġar, għall-prevenzjoni tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti;

55.  Jilqa' pożittivament il-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara" kif enfasizzat fil-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew; jirrakkomanda, f'dak il-kuntest, li l-Kummissjoni tivvaluta aħjar l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali eżistenti fuq id-deforestazzjoni u tiżgura li dispożizzjonijiet aktar ambizzjużi dwar il-protezzjoni tal-foresti, il-bijodiversità u l-forestrija sostenibbli jiġu inklużi fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles u ta' investiment kollha;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali fuq l-istat tal-foresti, tal-bijodiversità u tad-drittijiet tal-bniedem jiġi evalwat b'mod sistematiku fil-qafas tal-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà u metodi ta' valutazzjoni rilevanti oħra, b'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, u li l-konklużjonijiet ta' dawn il-valutazzjonijiet sussegwentement jitqiesu bis-sħiħ meta jiġi nnegozjati u konklużi tali ftehimiet;

57.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jitjiebu l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament dwar l-Injam sabiex il-kummerċ fl-injam u fil-prodotti tal-injam importati u prodotti fuq livell domestiku jiġi indirizzat bl-aħjar mod; jinnota, barra minn hekk, li l-importazzjonijiet tal-injam u tal-prodotti tal-injam għandhom ikunu soġġetti għal kontroll aktar bir-reqqa fil-fruntieri tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-prodotti importati tassew jikkonformaw mal-kriterji meħtieġa biex jitqiegħdu fis-suq tal-UE; ifakkar li l-injam mir-reġjuni ta' kunflitt diġà huwa qasam ta' azzjoni fil-Pjan ta' Azzjoni FLEGT, iżda li l-ħidma li saret sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni ma kinitx suffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-impenn tagħha li testendi l-obbligi tad-diliġenza dovuta mogħtija mir-Regolament dwar l-Injam biex l-injam mir-reġjuni ta' kunflitt jiġi kopert fil-qafas tar-rieżami li jmiss; jenfasizza li t-tisħiħ tal-politiki eżistenti jrid isir pari passu maż-żieda fil-koerenza tal-politiki bil-għan li jiġi żgurat li l-politiki tal-UE, fosthom dik kummerċjali, ma joħolqux riperkussjonijiet negattivi fuq l-ambjent jew il-persuni;

58.  Jinnota b'dispjaċir li l-livell attwali ta' monitoraġġ tal-importazzjonijiet tal-injam u tal-prodotti tal-injam fl-UE mhuwiex biżżejjed, speċjalment fir-rigward tal-kontroll li jissodisfa l-kriterji meħtieġa għad-dħul fl-UE;

59.  Ifakkar li l-objettiv tal-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs) dwar il-FLEGT huwa li jipprovdu qafas legali li għandu l-għan li jiżgura li l-importazzjonijiet kollha tal-injam u tal-prodotti tal-injam mill-pajjiżi sħab fl-UE li huma koperti mill-VPAs ikunu ġew prodotti legalment; jisħaq li l-VPAs huma ġeneralment maħsuba biex irawmu bidliet sistemiċi fis-settur tal-forestrija bil-għan li tiġi żviluppata ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-qerda tal-qtugħ illegali tas-siġar u l-appoġġ għall-isforzi dinjija biex jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; jissottolinja li l-VPAs jipprovdu qafas legali importanti kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab tagħha u dan huwa possibbli permezz ta' kooperazzjoni u impenn tajbin min-naħa tal-pajjiżi kkonċernati;

60.  Jilqa' l-progress li sar permezz tal-VPAs dwar il-FLEGT u ż-żieda fid-djalogu bejn il-gvernijiet, l-industrija u s-soċjetà ċivili f'diversi pajjiżi bħala riżultat tal-proċess tal-VPAs; jinnota li sal-lum, seba' pajjiżi rratifikaw il-VPAs mal-UE (il-Kamerun, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Ghana, l-Indoneżja, il-Liberja, ir-Repubblika tal-Kongo u l-Vjetnam), li fosthom l-Indoneżja hija l-ewwel u s'issa l-uniku sieħeb tal-VPA b'liċenzja FLEGT u li ilu operattiv mill-2016, u li l-UE kkonkludiet negozjati u bdiet VPAs mal-Honduras u mal-Guyana, filwaqt li għaddejjin negozjati ma' sitt pajjiżi oħra (il-Kosta tal-Avorju, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Gabon, il-Laos, it-Tajlandja u l-Malasja); jenfasizza li l-VPAs jikkostitwixxu qafas tassew effettiv fejn jiġu stabbiliti sħubiji tajbin ma' dawn il-pajjiżi u li għandhom jiġu promossi VPAs ġodda ma' sħab addizzjonali; jinsab konvint li l-UE għandha tkompli timpenja ruħha mal-pajjiżi tal-VPAs dwar il-FLEGT biex tiżgura li tibqa' alternattiva attraenti għas-swieq tal-esportazzjoni li għandhom standards ambjentali inqas stretti; jirrikonoxxi l-importanza tar-Regolament FLEGT(18) u tar-Regolament dwar l-Injam għall-prevenzjoni tad-dħul ta' injam maqtugħ illegalment fis-suq tal-UE; jappella biex l-UE żżid il-finanzjament għall-FLEGT; jilqa' l-kontroll tal-idoneità li jmiss mill-Kummissjoni tar-Regolament FLEGT u tar-Regolament dwar l-Injam, li huwa opportunità biex jissaħħah l-infurzar tagħhom u jitkabbar l-ambitu tagħhom;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta ssaħħaħ il-politiki eżistenti, tiżgura l-koerenza tal-VPAs dwar il-FLEGT mal-politiki kollha tagħha, inkluż fl-oqsma tal-iżvilupp, tal-ambjent, tal-agrikoltura u tal-kummerċ; jappella lill-Kummissjoni biex tinnegozja standards għall-importazzjoni tal-injam fil-ftehimiet relatati mal-kummerċ fuq livell bilaterali jew multilaterali fil-ġejjieni, b'mod li ma jiddgħajfux is-suċċessi li nkisbu permezz tal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT flimkien mal-pajjiżi li jipproduċu l-injam;

62.  Jemmen li l-proċess ta' liċenzjar tal-FLEGT jikkomplementa ċ-ċertifikazzjoni volontarja ta' partijiet terzi, u li huwa partikolarment ta' benefiċċju għal operaturi iżgħar li ta' spiss jitħabtu biex jiksbu ċertifikazzjoni permezz ta' skemi tas-settur privat;

63.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali billi żżid l-isforzi fil-fora internazzjonali ewlenin, inkluż fid-WTO u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD); jappella lill-Kummissjoni tinvestiga modi ta' kooperazzjoni multilaterali, plurilaterali jew bilaterali, inkluż li n-negozjati jsiru aktar malajr fid-WTO dwar Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, ma' sħab kummerċjali u pajjiżi importaturi oħra fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u t-tibdil fil-klima li jirriżultaw mill-importazzjonijiet, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-modi għall-kummerċ legali u t-tisħiħ tal-ġestjoni sostenibbli tal-art u l-agrikoltura, kif ukoll il-pussess tal-art u l-governanza tajba f'pajjiżi terzi;

64.  Jenfasizza li, fil-ftehimiet kummerċjali kollha, inklużi l-Mercosur u oħrajn, jiġu inklużi impenji ċari għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni;

65.  Jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mid-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolament dwar l-Antidumping(19) fir-rigward tal-politiki ambjentali u klimatiċi;

66.  Jappella biex l-UE toħloq rabta aktar b'saħħitha bejn il-politiki ta' kummerċ u dawk ta' żvilupp, inter alia permezz ta' implimentazzjoni aħjar tar-regoli tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus (SĠP+) fil-pajjiżi sħab; jappella lill-Kummissjoni biex taħdem mar-riċevituri tas-SĠP+ dwar pjanijiet ta' azzjoni tal-ġestjoni tal-foresti biex tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-impenji ambjentali tagħhom.

67.  Jenfasizza li l-emerġenza klimatika u l-konsegwenzi tat-telf massiċċ tal-bijodiversità jikkostitwixxu theddida serja għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jivvalutaw bir-reqqa kif l-azzjoni esterna tagħhom tista' tikkontribwixxi bl-aħjar mod f'approċċ olistiku u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem immirat biex iwaqqaf it-telf tal-bijodiversità, id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; jistieden lill-UE tkompli tippromwovi l-bijodiversità bħala dritt tal-bniedem fil-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020;

68.  Jenfasizza l-importanza li jiġi ffaċilitat approċċ ta' sħubija inklużiva fil-livelli kollha ma' pajjiżi terzi sabiex titkompla l-ġielda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, tissaħħaħ il-ġestjoni sostenibbli tal-art u l-agrikoltura, kif ukoll il-pussess tal-art u l-governanza tajba, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-popli indiġeni, bdiewa żgħar u komunitajiet lokali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi permezz tal-assistenza teknika, skambju ta' informazzjoni u ta' prattiki tajba fil-preservazzjoni, il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti, l-ekonomija ċirkolari, bijoekonomija sostenibbli, enerġija rinnovabbli, agrikoltura intelliġenti sostenibbli, agroekoloġija u agroforestrija, filwaqt li tirrikonoxxi l-inizjattivi ta' sostenibbiltà mis-settur privat, bħall-iskemi ta' kummerċ ġust; jinsisti li d-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandha tissaħħaħ aktar permezz ta' alleanzi u sħubijiet immirati biex jindirizzaw l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità, filwaqt li tiffaċilita l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiżi sħab;

69.  Jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li tiżgura li s-suġġett tad-deforestazzjoni jkun parti mid-djalogi politiċi fil-livell tal-pajjiżi u reġjonali mal-pajjiżi sħab u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa ftehimiet ta' sħubija li jkunu jinkludu l-protezzjoni tal-foresti u tal-ekosistemi, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali, inklużi n-nisa, kif ukoll l-appoġġ għall-parteċipazzjoni effettiva tal-atturi tas-soċjetà ċivili u tal-ambjentalisti; jisħaq li tali djalogi għandhom isiru mal-pajjiżi produtturi kollha, anki mal-pajjiżi żviluppati;

70.  Jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li tappoġġja lill-pajjiżi sħab fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' oqfsa li jistgħu jinkoraġġixxu protezzjoni u ġestjoni tal-foresti u governanza tal-art aħjar, inkluż, fejn rilevanti, ir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-pussess tal-art tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, kif ukoll miżuri ta' governanza relatati, bħall-mitigazzjoni u l-istrateġiji ta' adattament, u jirrakkomanda lill-Kummissjoni tinkludi dan l-aspett fir-riflessjonijiet u l-azzjonijiet tagħha; jirrimarka li oqfsa bħal dawn għandhom jikkontribwixxu mhux biss għal ħtiġijiet domestiċi iżda wkoll għal kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) tal-pajjiżi sħab skont il-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll l-Istrateġiji tal-Bijodiversità Nazzjonali u l-Pjani ta' Azzjoni tagħhom (NBSAPs) skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;

71.  Jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ lill-pajjiżi sħab biex jimplimentaw azzjonijiet li jgħinuhom jikkonformaw ma' kwalunkwe miżura li l-UE tista' tintroduċi biex tindirizza d-deforestazzjoni importata u jitlob li tiżdied il-kooperazzjoni u li jittieħdu miżuri meħtieġa u effettivi biex jiġi evitat li l-kummerċ ta' oġġetti relatati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti jiġi ddevjat lejn reġjuni oħra tad-dinja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-appoġġ li l-UE tagħti lill-politiki agrikoli, infrastrutturali, tal-minjieri, urbani, periurbani u rurali fil-pajjiżi sħab ma jikkontribwix għad-deforestazzjoni u għad-degradazzjoni tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tappoġġja mekkaniżmu tekniku u finanzjarju tal-UE li jkun katalist għall-finanzjament li jappoġġja l-isforzi tas-sħab biex jużaw, jipproteġu u jirrestawraw il-foresti b'mod sostenibbli, itejbu l-produzzjoni agrikola sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni, u jindirizzaw attivitajiet tal-minjieri li jħallu impatti negattivi fuq il-foresti, fil-qafas tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) li ġej;

72.  Jistieden lis-settur forestali jkollu rwol li jispikka fl-NDICI futur kif ukoll li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-Pjan ta' Investiment Estern u tal-Faċilitajiet Reġjonali ta' Finanzjament Imħallat, biex jiġu mmobilizzati l-finanzjamenti privati għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti (li tvarja mill-proforestazzjoni għar-riforestazzjoni u l-afforestazzjoni), għat-turiżmu sostenibbli u għall-agroforestrija, kif ukoll għall-inizjattivi li l-kumpaniji jieħdu biex jeliminaw il-prodotti tad-deforestazzjoni mill-ktajjen ta' provvista tagħhom, bil-għan li jiksbu l-SDGs;

73.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jidentifikaw metodi effettivi biex jikkondividu ma' pajjiżi oħrajn prattiki u għarfien speċjalizzat innovattivi u sostenibbli tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari, il-bijoekonomija sostenibbli, l-enerġija rinnovabbli, l-agrikoltura intelliġenti u sostenibbli u oqsma rilevanti oħra;

74.  Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta b'mod regolari rapport li jkopri t-tendenzi tad-deforestazzjoni u l-isfruttament ta' żoni b'ħażna għolja ta' karbonju, bħat-torbiera, fil-pajjiżi terzi;

75.  Jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' appoġġ maħsuba biex iżidu l-produttività agrikola f'pajjiżi fil-mira sabiex titnaqqas il-pressjoni soċjali u ekonomika marbuta mad-deforestazzjoni u mal-isfruttament tat-torbiera;

76.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi, f'isem l-UE fil-fora internazzjonali importanti, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' impenji u regolamenti rigorużi maħsuba biex iwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u biex jappoġġjaw ir-restawr tal-foresti; iqis li l-UE jeħtiġilha tmexxi bl-eżempju; jenfasizza l-importanza li jiġu kkunsidrati l-kompetenzi u l-prattiki nazzjonali, reġjonali u lokali meta jiġu applikati miżuri protettivi tal-foresti; jilqa' d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tiddikjara l-2021-2030 bħala d-Deċennju dwar ir-Restawr tal-Ekosistemi; jenfasizza li dan id-Deċennju tan-NU jqiegħed ir-restawr tal-ekosistemi bħala soluzzjoni kbira bbażata fuq in-natura sabiex jinksbu firxa wiesgħa ta' SDGs;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-konservazzjoni tal-foresti permezz tal-ħolqien, il-konsolidazzjoni u l-ġestjoni effettiva ta' networks ta' żoni protetti, inklużi ż-żoni forestali, bħan-NaturAfrica 2030, speċjalment f'pajjiżi li huma produtturi ewlenin tal-injam; jirrikonoxxi li dan jikkontribwixxi wkoll għall-preservazzjoni tal-bijodiversità u se jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika li jmiss;

78.  Jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali dwar politiki u miżuri għall-protezzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tad-dinja biex tipprevjeni d-deforestazzjoni globali fil-fora internazzjonali ewlenin; jinnota li d-definizzjoni eżistenti ta' foresta u l-kategorizzazzjoni tal-foresti, kif ukoll kunċetti u prinċipji rilevanti oħra relatati mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti użati minn istituzzjonijiet rilevanti bħall-FAO, huma strettament tekniċi u ma jirriflettux b'mod sħiħ id-diversità tal-ekosistemi tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw ma' dawn il-fora internazzjonali ewlenin bil-għan, fost l-oħrajn, li jarmonizzaw it-terminoloġija, il-kunċetti u l-istatistika li jintużaw (eż. foresti intatti u primordjali, pjantaġġuni, ġestjoni sostenibbli tal-foresti, ġestjoni qrib in-natura jew ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni) u li jiżguraw il-koerenza tal-politiki u l-miżuri adottati;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tibda n-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali dwar il-foresti li tikkontribwixxi għall-ġestjoni, il-konservazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-foresti u li tipprovdi għall-funzjonijiet u l-użi multipli u komplementari tagħhom, inkluża azzjoni favur ir-riforestazzjoni, l-afforestazzjoni u l-konservazzjoni tal-foresti; jenfasizza li konvenzjoni bħal din għandha tqis il-ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi, ekoloġiċi, kulturali u spiritwali tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri u tirrikonoxxi r-rwol vitali tat-tipi kollha ta' foresti fiż-żamma ta' proċessi ekoloġiċi u l-bilanċ ekoloġiku u l-appoġġ tal-identità, il-kultura u d-drittijiet tal-popli indiġeni, tal-komunitajiet tagħhom u ta' komunitajiet oħra u ta' dawk li jgħixu fil-foresti;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw, b'mod sistematiku, id-dispożizzjonijiet dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, kif ukoll id-degradazzjoni ta' ekosistemi naturali oħrajn, it-telf tal-bijodiversità u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fil-politiki tal-iżvilupp u fil-programmi kollha ta' investiment u ta' appoġġ immirati lejn il-pajjiżi produtturi, u jikkunsidraw li jorbtu l-investimenti u l-appoġġ mar-rispett ta' dawn l-elementi;

81.  Jirrikonoxxi r-rilevanza tal-oqfsa internazzjonali, bħall-VGGT biex joffru ċarezza tad-dritt u standards aċċettati f'livell internazzjonali f'dawk li huma prattiki tajba għall-governanza responsabbli tal-pussess tal-art; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja t-tixrid u l-użu tal-VGGT fuq livell globali, reġjonali u nazzjonali; jisħaq fuq il-bżonn ta' sistema effettiva u indipendenti ta' monitoraġġ u infurzar, inklużi mekkaniżmi adegwati ta' soluzzjoni tat-tilwim u għat-tressiq ta' lmenti, bil-għan li tkun żgurata l-konformità mal-VGGT;

82.  Jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) sabiex tiġi indirizzata l-problema dejjem akbar tad-deforestazzjoni u tad-deżertifikazzjoni fl-Istati AKP, permezz tal-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni mmirati lejn it-titjib tal-ġestjoni u tal-konservazzjoni tal-foresti, filwaqt li jitqiesu l-kawżi tad-deforestazzjoni li ġejjin kemm mis-settur forestali kif ukoll minn barra minnu u tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-injam tropikali għall-ekonomiji tal-Istati AKP li għandhom foresti li jipproduċu l-injam;

83.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw konsistenza fost il-politiki, bi qbil mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp stabbilit fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

84.  Jirrikonoxxi u jappoġġja l-konklużjonijiet tal-FAO li l-użu sostenibbli globali tal-art huwa importanti fil-ġlieda kontra l-faqar;

85.  Jirrimarka li l-foresti jagħtu kontribut sinifikanti lis-sigurtà alimentari globali, lill-għajxien u lin-nutrizzjoni fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u jikkostitwixxu għajn importanti ta' introjtu għall-komunitajiet lokali; ifakkar li l-progress lejn l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà alimentari u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandhom isiru simultanjament l-elementi ċentrali tal-Aġenda 2030;

86.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' April 2018, Il-Kummissjoni Ewropea v Ir-Repubblika tal-Polonja, C-441/17, EU:C:2018:255.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0015.
(4) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(5) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 50.
(6) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 2.
(7) Mira 15.2: Sal-2020, tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tat-tipi kollha ta' foresti, titwaqqaf id-deforestazzjoni, jiġu rrestawrati l-foresti ddegradati u jiżdiedu b'mod sostanzjali l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni b'mod globali.
(8) Mira 5: Sal-2020, ir-rata ta' telf tal-ħabitats naturali kollha, inkluż il-foresti, għandha mill-inqas titnaqqas bin-nofs u fejn fattibli tinġieb fix-xejn, filwaqt li d-degradazzjoni u l-frammentazzjoni jitnaqqsu b'mod sinifikanti.
(9) https://www.globalwitness.org/en/campaigns/forests/why-eu-action-tackle-deforestation-should-not-let-finance-hook/
(10) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).
(11) Donato, D. et al., "Mangroves among the most carbon-rich forests in the tropics" (Il-mangrovji fost l-aktar foresti rikki fil-karbonju fit-tropiċi), Nature Geoscience, April 2011.
(12) Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).
(13) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).
(14) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 tat-13 ta' Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta' materja prima b'riskju għoli ta' tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha qed tiġi osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta' produzzjoni f'art b'ħażna kbira ta' karbonju u ċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b'riskju baxx ta' tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 133, 21.5.2019, p. 1).
(15) Doyle, A. & Roche, A., "Nineteen nations say they'll use more bioenergy to slow climate change" (Dsatax-il nazzjoni jgħidu li se jużaw aktar bijoenerġija biex irażżnu t-tibdil fil-klima), Reuters, 16 ta' Novembru 2017, http://www.reuters.com/article/us-climatechange-accord-biofuels/nineteen-nations-say-theyll-use-more-bioenergy-to-slow-climate-change-idUSKBN1DG2DO
(16) http://www.fao.org/food-loss-and-food-waste/en/
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).
(18) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' skema ta' liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta' injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1).
(19) Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza