Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2002(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0129/2020

Testi mressqa :

A9-0129/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2020 - 2
PV 16/09/2020 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2020)0213

Testi adottati
PDF 212kWORD 67k
L-Erbgħa, 16 ta' Settembru 2020 - Brussell
Kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, fil-Punent tal-Afrika u fil-Qarn tal-Afrika
P9_TA(2020)0213A9-0129/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, fil-Punent tal-Afrika u fil-Qarn tal-Afrika (2020/2002(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 41, 42, 43, 44, 45 u 46 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-14 ta' Frar 2020 tal-OECD u l-Klabb tas-Saħel u l-Afrika tal-Punent intitolat "The Geography of Conflict in North and West Africa" (Il-Ġeografija tal-Kunflitti fl-Afrika ta' Fuq u fl-Afrika tal-Punent),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma intitolat "Trends in World Military Expenditure, 2019" (Xejriet fin-Nefqa Militari tad-Dinja, 2019), ippubblikat f'April 2020,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-9 ta' Marzu 2020 intitolata "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika" (JOIN(2020)0004),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew mal-Istati Membri tal-Grupp tal-ħames pajjiżi tas-Saħel (G5 tas-Saħel) tat-28 ta' April 2020,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/253 tal-25 ta' Frar 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/906 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-kapijiet tal-Istati Membri tal-G5 tas-Saħel u tal-President tar-Repubblika Franċiża fis-summit tat-13 ta' Jannar 2020 li sar f'Pau, ġewwa Franza (id-Dikjarazzjoni ta' Pau),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali għas-Saħel 2015-2020, tas-16 ta' Marzu 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Golf tal-Guinea 2015-2020 u tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Qarn tal-Afrika/il-Baħar l-Aħmar,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325/1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet ta' segwitu tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Qarn tal-Afrika(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar is-Somalja(4),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija għall-Iżvilupp u s-Sigurtà tal-Pajjiżi tal-G5 tas-Saħel ta' Settembru 2016, il-Qafas għal Azzjonijiet ta' Prijorità Integrati ta' Frar 2020, l-Alleanza tas-Saħel u s-Sħubija għall-Istabbiltà u s-Sigurtà fis-Saħel,

–  wara li kkunsidra l-"Kunċett tal-UE għall-appoġġ mill-PESD għar-Riforma fis-Settur tas-Sigurtà (SSR)" tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2005, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2006 intitolata "Kunċett ta' Appoġġ tal-Komunità Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà" (COM(2006)0253), il-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-5 ta' Lulju 2016 intitolata "Elementi għal qafas strateġiku madwar l-UE għall-appoġġ ta' riforma fis-settur tas-sigurtà" (JOIN(2016)0031) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "qafas strateġiku għall-UE kollha biex tiġi appoġġata r-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (SSR)" tal-14 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-SDG 16, immirat lejn il-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli (ir-"Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt")(5),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika tal-14 ta' Novembru 2011, u l-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika 2015-2020 tas-26 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal waqfien mill-ġlied globali wara t-tifqigħa tal-coronavirus (COVID-19),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar il-Golf tal-Guinea tas-17 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel tal-21 ta' Marzu 2011 li ġiet ippreżentata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni, fuq talba tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Laqgħat Konsultattivi Konġunti Annwali tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u l-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni biex jissaħħaħ is-sostenn PSDK tal-UE favur l-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU tal-14 ta' Ġunju 2012 u dwar it-tisħiħ tas-Sħubija Strateġika bejn in-NU u l-UE dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet: il-prijoritajiet 2015-2018 tas-27 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE (JAES) adottata waqt it-tieni Summit bejn l-UE u l-Afrika li sar f'Lisbona bejn it-8 u d-9 ta' Diċembru 2007, u l-Pjan Direzzjonali tal-JAES għall-perjodu 2014-2017 adottat waqt ir-raba' Summit bejn l-UE u l-Afrika li sar fi Brussell bejn it-2 u t-3 ta' April 2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat "L-effiċjenza u l-effettività tal-kontribuzzjonijiet tal-UE mwassla permezz ta' Organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f'pajjiżi milquta minn kunflitti" tal-25 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà(6),

–  wara li kkunsidra l-Approċċ Strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) tal-10 ta' Diċembru 2018 u l-Pjan ta' Azzjoni 2019-2024 tiegħu tal-5 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar ir-rwol tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni f'każ ta' kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta' diżastri naturali(7),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2011 u tal-2012 intitolati "Livelihood Security: Climate Change, Migration and Conflict in the Sahel" (Sigurtà tal-Għajxien: Tibdil fil-klima, Migrazzjoni u Kunflitti fis-Saħel),

–  wara li kkunsidra l-Kunċett tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Medjazzjoni u ta' Djalogu tal-UE tal-10 ta' Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2019 dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE rigward il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(9) u l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(10),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (COM(2016)0447),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 intitolata "L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0129/2020),

A.  billi l-iżvilupp u l-paċi sostenibbli se jinkisbu biss billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-faqar u l-ġuħ; billi s-sigurtà hija prekundizzjoni għall-iżvilupp; billi s-sigurtà tal-bniedem hija prekundizzjoni għal paċi u stabbiltà dejjiema; billi rabta qawwija bejn is-sigurtà, l-iżvilupp u l-intervent umanitarju hija essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni tas-Saħel, tal-Afrika tal-Punent u tal-Qarn tal-Afrika; billi mingħajr l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar, mhux se jkun hemm paċi sostenibbli; billi s-sigurtà fir-reġjun Saħelo-Saħarjan u f'dak tal-Qarn tal-Afrika progressivament marret għall-agħar filwaqt li l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea ma rnexxilhiex tirreaġixxi b'mod adegwat għal din il-kriżi, b'mod partikolari minħabba l-limitazzjonijiet fil-mandat u fl-operabbiltà;

B.  billi l-ambjent strateġiku tan-Nofsinhar tal-UE mhuwiex stabbli; billi qed jiffaċċja firxa ta' sfidi, b'mod partikolari kunflitti armati fil-fruntieri tan-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew u t-terroriżmu ġiħadista; billi l-instabbiltà f'dan ir-reġjun għandha effett dirett fuq is-sigurtà tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha, u fuq l-istabbiltà fil-fruntieri esterni Ewropej;

C.  billi s-sigurtà u l-istabbiltà tas-Saħel, tal-Afrika tal-Punent u tal-Qarn tal-Afrika jridu jkunu għan strateġiku tal-kooperazzjoni tal-UE mal-gvernijiet fil-viċinat tan-Nofsinhar;

D.  billi l-mandati tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) huma komprensivi u għandhom l-għan, fost affarijiet oħra, li jrawmu r-riforma tas-settur tas-sigurtà, javvanzaw ir-riforma tal-ġustizzja u jsaħħu t-taħriġ militari u tal-pulizija, kif ukoll li jmexxu 'l quddiem is-sorveljanza;

E.  billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha għas-sigurtà u l-iżvilupp tar-reġjun tas-Saħel bħala sieħeb ewlieni permezz ta' approċċ integrat iffukat fuq id-djalogu politiku u diplomatiku, u l-iżvilupp u l-appoġġ umanitarju;

F.  billi l-inizjattiva tat-"Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp" (CBSD) wasslet għal reviżjoni tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (IcSP+) fl-2017, li rriżultat fil-finanzjament għal inizjattivi ta' taħriġ u l-forniment ta' tagħmir mhux letali lill-forzi armati fil-pajjiżi mhux tal-UE;

G.  billi l-Istati Membri huma mitluba li jipprovdu l-persunal meħtieġ għall-missjonijiet, iżda n-nuqqasijiet, aggravati mill-pandemija kkawżata mit-tixrid tal-COVID-19, ifissru li l-għadd ta' persunal tal-UE f'dawn il-missjonijiet qed jitnaqqas minħabba raġunijiet ta' saħħa;

H.  billi mill-Oċean Atlantiku fil-Punent sal-Baħar l-Aħmar u l-Oċean Indjan fil-Lvant, bosta pajjiżi Afrikani qed jissieltu biex jiffaċċjaw sfidi, bħal pereżempju d-destabbilizzazzjoni tal-ekonomija agropastorali tradizzjonali bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, l-isfruttament tar-riżorsi naturali minn atturi esterni, l-insigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, in-nuqqas ta' aċċess għal servizzi soċjali bażiċi, mudelli agrikoli mhux xierqa, tkabbir tal-popolazzjoni u l-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali u ambjentali bħad-deforestazzjoni; billi sfida ewlenija oħra hija l-emerġenza ta' forom ġodda ta' ekonomija tal-mafja, li jinkludu t-traffikar tal-bnedmin, tal-migranti u tad-drogi, il-kuntrabandu ta' oġġetti kulturali u annimali selvaġġi, u l-esportazzjoni bla rażan ta' depożiti tad-deheb u minerali, li, flimkien ma' dgħufija istituzzjonali u nuqqas ta' trasparenza, governanza dgħajfa, żieda fl-inugwaljanzi, nuqqas ta' fiduċja fil-gvernijiet u korruzzjoni ta' bosta amministrazzjonijiet, qed tipproduċi ibridizzazzjoni bejn gruppi armati, traffikanti u kunflitti komunitarji u reġjonali tradizzjonali, u dan qed jirriżulta fil-fenomenu inaċċettabbli tal-estremiżmu reliġjuż ġiħadista bħala reazzjoni falza għas-soċjetajiet ikkonċernati u ż-żieda fir-radikalizzazzjoni;

I.  billi n-natura ta' sfidi għas-sigurtà, kunflitti vjolenti u vjolenza politika tvarja bejn reġjuni, pajjiżi u provinċji Afrikani differenti; billi fir-reġjun tas-Saħel jew tal-Qarn tal-Afrika, gruppi Iżlamisti armati u t-terroriżmu, iżda anke, sa grad inqas, forzi tas-sigurtà, diversi gruppi kriminali u milizzji jikkawżaw għadd kbir ta' vittmi, speċjalment, fost il-popolazzjoni ċivili; billi s-sitwazzjoni hija ferm differenti fil-biċċa l-kbira tad-19-il pajjiż tal-Afrika tal-Punent, fejn xi pajjiżi jesperjenzaw stabbiltà u sigurtà dejjiema, u oħrajn vjolenza politika jew kunflitt etniku;

J.  billi s-sena l-oħra, 3 471 avveniment vjolenti rrappurtati kienu marbuta ma' dawn il-gruppi; billi s-sena l-oħra, il-fatalitajiet irrappurtati li rriżultaw mill-attività ta' gruppi Iżlamisti militanti Afrikani żdiedu wkoll b'sebgħa fil-mija għal madwar 10 460 każ ta' mewt;

K.  billi l-attivitajiet terroristiċi huma fil-biċċa l-kbira kkonċentrati f'ħames żoni ewlenin, li jinkludu s-Somalja, il-Baċir tal-Lag Chad u s-Saħel – b'theddidiet iżgħar iżda persistenti fl-Afrika ta' Fuq u l-kosta tal-Punent tal-Oċean Indjan; billi fl-2019, iż-żona tas-Saħel kellha l-aktar żieda rapida fl-attività estremista vjolenti ta' kwalunkwe reġjun; billi kull żona għandha d-dinamika unika tagħha stess u tirrikjedi approċċ reġjonali uniku;

L.  billi l-mexxejja tal-UE u tal-G5 tas-Saħel esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar iż-żieda fit-terroriżmu u d-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel; billi t-terroriżmu qed ipoġġi pressjoni akbar fuq il-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel u l-viċinat tagħhom; billi t-terroriżmu qed jaggrava t-tensjonijiet politiċi, etniċi u reliġjużi lokali, u huwa xprunat minn gruppi kriminali u fundamentalisti, problemi soċjoekonomiċi, governanza dgħajfa, u, f'xi każijiet, mill-forzi tas-sigurtà u tad-difiża;

M.  billi l-attakki terroristiċi fuq il-popolazzjonijiet ċivili, l-istituzzjonijiet statali, ir-rappreżentanti statali, il-forzi tas-sigurtà u tad-difiża kif ukoll l-infrastruttura jdgħajfu l-koeżjoni soċjali, u billi l-gruppi terroristiċi jużaw ukoll kunflitti lokali eżistenti għal dan il-għan;

N.  billi dawn l-isfidi kollha affettwaw b'mod profond l-istabbiltà u l-paċi tal-komunitajiet lokali u l-ordni tradizzjonali abbażi tal-kompromessi u tal-awtorità morali tal-anzjani u tal-mexxejja tradizzjonali, li qed tiġi sostitwita mid-dominanza ta' gruppi armati ta' kuntrabandisti u terroristi;

O.  billi huwa essenzjali li jinħolqu l-kundizzjonijiet ta' sigurtà meħtieġa biex jerġgħu jiġu stabbiliti strutturi statali bażiċi, speċjalment fir-reġjuni l-aktar remoti fejn iċ-ċittadini jistgħu jħossuhom l-aktar abbandunati;

P.  billi l-attakki terroristiċi u kriminali għandhom tendenza li jkollhom fil-mira l-popolazzjonijiet ċivili, ir-rappreżentanti statali, il-forzi tad-difiża u tas-sigurtà kif ukoll l-infrastruttura soċjoekonomika, u b'hekk idgħajfu l-koeżjoni soċjali u komunitarja u l-integrazzjoni;

Q.  billi s-Saħel huwa wieħed mir-reġjuni l-aktar affettwati mill-proliferazzjoni ta' armi żgħar illeċiti, u billi dawn l-armi mingħajr dokumenti, u fil-biċċa l-kbira miżmuma illegalment, mhux biss jheddu s-sikurezza u s-sigurtà tal-komunitajiet iżda huma wkoll użati minn networks kriminali transnazzjonali perikolużi involuti f'diversi forom ta' traffikar, inkluż ta' armi, bnedmin u drogi illeċiti;

R.  billi skont data ġdida mill-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma, SIPRI:

   (a) fl-2019, in-nefqa militari kkombinata tal-istati fl-Afrika kibret b'1,5 % għal madwar USD 41,2 biljun, l-ewwel żieda fl-infiq tar-reġjun għal ħames snin;
   (b) l-Afrika importat 49 % tat-tagħmir militari tagħha mir-Russja, 14 % mill-Istati Uniti u 13 % miċ-Ċina; billi ċ-Ċina esportat 20 % tal-bejgħ dinji tagħha tal-armi lejn l-Afrika;

S.  billi l-influwenza militari tar-Russja madwar l-Afrika tikkonsisti fil-bejgħ ta' armi, l-użu ta' merċenarji u konsulenti politiċi, ftehimiet ta' sigurtà u programmi ta' taħriġ għal pajjiżi instabbli;

T.  billi kull sena, deheb li jiswa biljuni ta' dollari qed jiġi esportat klandestinament minn pajjiżi tal-Punent tal-Afrika, jgħaddi mill-Emirati Għarab Magħquda (UAE) u jasal fil-Lvant Nofsani; billi skont in-Nazzjonijiet Uniti, il-Grupp estremista Somalu Al Shabaab jiġġenera miljuni ta' dollari fi dħul minn esportazzjonijiet ta' faħam lejn l-Iran u mbagħad lejn l-Emirati Għarab Magħquda, bi ksur ta' sanzjonijiet tan-NU;

U.  billi l-faqar, in-nuqqas ta' edukazzjoni, il-qgħad, il-kunflitti, il-kriżijiet u n-nuqqas ta' sigurtà flimkien ma' fatturi oħra bħal stati falluti, governanza ħażina u korruzzjoni jaffettwaw b'mod partikolari liż-żgħażagħ u l-opportunitajiet li jingħatawlhom, li jwasslu biex ħafna jaħarbu u jħallu djarhom u l-familji tagħhom għal reġjuni aktar sikuri jew għal kontinenti oħra, u b'hekk jissugraw ħajjithom;

V.  billi l-isfidi msemmija hawn fuq se jiggravaw minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-effetti li sejrin għall-agħar tat-tibdil fil-klima; billi l-Kummissjoni ħabbret EUR 194 miljun addizzjonali biex tappoġġa s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza fis-Saħel;

W.  billi t-theddida minn gruppi Iżlamisti militanti fl-Afrika mhix uniformi fin-natura tagħha, iżda tinkludi attività minn taħlita li dejjem tinbidel ta' madwar żewġ tużżani gruppi li joperaw b'mod attiv f'14-il pajjiż;

X.  billi l-Unjoni Ewropea wettqet tliet missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK biex jingħataw taħriġ u konsulenza lill-Forzi Armati tas-Somalja (missjoni ta' taħriġ tal-UE (EUTM) Somalia – 2010), tal-Mali (EUTM Mali – 2013) u tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM CAR – 2016), operazzjoni militari navali waħda (operazzjoni tal-qawwa navali tal-UE (NAVFOR) ATALANTA – 2009), u tliet missjonijiet ċivili biex jingħataw taħriġ u konsulenza lill-forzi tas-sigurtà interna tal-Mali (missjoni tal-UE ta' bini tal-kapaċità (EUCAP) Sahel Mali – 2012), tan-Niġer (EUCAP Sahel Niger – 2014) u tas-Somalja (EUCAP Somalia – 2014), il-proġett GAR-SI Saħel, u stabbiliet u dalwaqt se tvara missjoni konsultattiva (EUAM) fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

Y.  billi għadd ta' stakkamenti militari ta' pajjiżi individwali, bħal Franza u l-Istati Uniti tal-Amerka, jipprovdu assistenza ta' sigurtà lis-sħab lokali, li jwettqu ġlied kontra t-terroriżmu u operazzjonijiet oħra; billi, b'mod parallel ma' soluzzjonijiet politiċi, sforzi ta' bini statali u inizjattivi ta' żvilupp huma kruċjali biex jingħelbu l-gruppi terroristiċi u biex jingħata kontribut għall-bini ta' stabbiltà reġjonali;

Z.  billi hemm bżonn ta' pressjoni sostenibbli fuq it-terroristi biex titwaqqaf il-proliferazzjoni ta' din it-theddida f'reġjuni u kontinenti oħra, inkluż fl-Ewropa;

AA.  billi f'dawn l-aħħar għaxar snin, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà Afrikani skjeraw għexieren ta' eluf ta' persunal fl-operazzjonijiet ta' paċi fl-Afrika, u wrew rieda ġenwina li jikkontribwixxu għall-governanza tas-sigurtà fil-kontinent tagħhom stess;

AB.  billi l-UE qed tappoġġa wkoll l-operazzjonalizzazzjoni tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel, strument ewlieni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu li huwa essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-attività ġiħadista u t-theddid għas-sigurtà, u għat-titjib tas-sigurtà reġjonali;

AC.  billi l-operazzjonalizzazzjoni kontinwa ta' atturi ewlenin tas-sigurtà reġjonali bħalma huma l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), il-Forza ta' Intervent fil-Pront tal-Afrika tal-Lvant (EASF) u l-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront tal-Unjoni Afrikana tikkoinċidi mal-interess tal-UE li tassisti pajjiżi f'diffikultà biex jipprovdu paċi u prosperità liċ-ċittadini tagħhom;

AD.  billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat bejn il-pajjiżi tar-reġjun tas-Saħel, l-Afrika tal-Punent u l-Qarn tal-Afrika huma indispensabbli sabiex tinżamm u tissaħħaħ l-istabbiltà f'dawn ir-reġjuni;

AE.  billi l-Unjoni Afrikana tibqa' sieħeb ewlieni għall-isforzi tal-UE għall-paċi u l-istabbiltà;

AF.  billi fis-summit annwali tagħha fi Frar 2020, l-Unjoni Afrikana ħabbret pjanijiet li tibgħat 3 000 suldat fis-Saħel biex tappoġġa lill-G5 tas-Saħel fil-ġlieda kontra l-gruppi armati;

AG.  billi sa mill-2017 l-UE segwiet proċess ta' reġjonalizzazzjoni tal-missjonijiet tal-PSDK tagħha, li, flimkien mal-progress fil-kooperazzjoni mal-G5 tas-Saħel, għandu l-għan li jidentifika aħjar u jneħħi d-diskrepanzi fil-kooperazzjoni transfruntiera fir-reġjuni;

AH.  billi wara snin ta' taħriġ speċifiku, il-missjonijiet tal-UE msemmija hawn fuq kif ukoll dawk tan-NU ġew imfixkla fis-sostenibbiltà u l-effettività tagħhom minħabba restrizzjonijiet fuq il-mandat tagħhom, il-programmi ta' taħriġ, il-pjanijiet ta' sostenibbiltà u s-sjieda lokali, u l-fatt li ma jistgħux jipprovdu t-tagħmir meħtieġ lill-unità li jħarrġu u lill-forzi tad-difiża lokali, inklużi armi, munizzjon u vetturi; billi l-mandati u l-iskop tal-missjonijiet tal-UE jeħtieġ li jsirilhom rieżami sabiex titfassal analiżi ta' "tagħlimiet miksuba" li għandha tintuża biex jiġu adattati l-missjonijiet attwali u futuri;

AI.  billi kwalunkwe taħriġ, finanzjament, jew tagħmir tal-forzi tas-sigurtà f'pajjiżi terzi għandu jirrispetta l-valuri fundamentali Ewropej u jgħin biex jinbena settur tas-sigurtà affidabbli li l-ewwel u qabel kollox għandu l-għan li jipprovdi benefiċċji tas-sigurtà għall-popolazzjoni lokali kollha filwaqt li jirrispetta l-istat tad-dritt u, b'mod partikolari, id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

AJ.  billi dawn ir-restrizzjonijiet u n-nuqqas ta' preżenza koeżiva u strateġika tal-Unjoni Ewropea jaffettwaw il-kredibbiltà tal-azzjoni esterna tal-UE, filwaqt li atturi globali oħra qed iżidu l-azzjonijiet tagħhom billi jibagħtu merċenarji u jibnu l-faċilitajiet militari tagħhom stess filwaqt li żiedu l-provvista tagħhom ta' armi u munizzjon lil pajjiżi tar-reġjun mingħajr stipulazzjoni ta' governanza u jagħmlu dan, fil-fatt, biex jagħtu spinta lil interessi strettament bilaterali;

AK.  billi fl-2017, il-Partit Komunista taċ-Ċina formalment adotta l-Inizjattiva "Belt and Road" (BRI) fil-Kungress tal-Partit Nazzjonali, b'investiment imħabbar ta' madwar USD 8 triljun għal network vast ta' infrastruttura tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni li jgħaqqad l-Ewropa, l-Afrika u l-Asja; billi ċ-Ċina hija parti kkonċernata ewlenija fl-ekonomija tal-Afrika b'influwenza sinifikanti fuq bosta aspetti tal-affarijiet tal-kontinent;

AL.  billi f'dawn l-aħħar għaxar snin, l-Emirati Għarab Magħquda gradwalment żiedu l-preżenza tagħhom fil-Qarn tal-Afrika, billi użaw proġetti umanitarji u ta' żvilupp biex jagħtu spinta lill-prominenza ġeostrateġika tagħhom, b'mod partikolari fil-Golf ta' Aden; billi s-Somalja ħeġġet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jieħu azzjoni kontra l-bini ta' bażi militari tal-Emirati Għarab Magħquda f'Somaliland;

AM.  billi t-Turkija ilha s-snin tibni fiduċja fil-Qarn tal-Afrika peress li qed tipprova żżid l-influwenza tagħha, speċjalment fir-Reġjun tal-Baħar l-Aħmar; billi l-kumpaniji Torok għadhom jamministraw il-port marittimu u l-ajruport ta' Mogadishu, u saħansitra jipprovdu taħriġ militari għas-suldati tal-gvern Somalu;

AN.  billi l-Flotta Navali tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu Ċiniż (PLAN) stabbiliet l-ewwel bażi militari barranija tagħha f'Djibouti, u 70 % tal-prodott domestiku gross ta' Djibouti huwa midjun liċ-Ċina; billi d-dejn tal-Inizjattiva "Belt and Road" jaqbad lill-pajjiżi vulnerabbli u fil-fażi tal-iżvilupp f'"nases ta' dejn", filwaqt li jnaqqas ir-riżervi tal-gvern u jgħabbi lill-ġenerazzjonijiet ta' kontribwenti b'dejn enormi;

AO.  billi la l-armata Somala, la l-armata Burkinjana, la l-armata tal-Mali u lanqas dik tal-Afrika Ċentrali ma sabu risponsi effettivi u qed isibuha diffiċli li jiġġieldu kontra l-ġiħadisti u l-gruppi armati jew li jiddefendu u jiżguraw żoni bl-għajnuna ta' forzi internazzjonali ta' ħbiberija, u dan iwassal għall-fatt li l-popolazzjonijiet lokali jħossuhom abbandunati u jibżgħu li, ladarba jirritornaw u jerġgħu jokkupaw l-ispazju li kienu tkeċċew minnu, il-ġiħadisti jew il-gruppi armati jakkużawhom li kkollaboraw mal-gvern;

AP.  billi bħala riżultat ta' sforzi ta' sigurtà marittima internazzjonali kemm mill-UE kif ukoll min-NATO, li jservu ta' preċedent għall-kooperazzjoni fis-sigurtà Ewropea, Afrikana u transatlantika, kien hemm tnaqqis deċiżiv fil-piraterija 'l barra mill-kosti tal-Afrika tal-Lvant u tal-Punent;

AQ.  billi wara snin ta' involviment fil-missjonijiet ċivili u militari msemmija hawn fuq ma kienx hemm titjib sostanzjali fis-sitwazzjoni ġenerali u issa tidher tendenza li din sejra għall-agħar minkejja l-isforzi li qed isiru; billi, bħala riżultat ta' dan, għad hemm għadd ta' sfidi qodma u ġodda u għalhekk jeħtieġ li tiġi implimentata strateġija komprensiva, b'enfasi partikolari fuq ir-reġjuni fejn il-vulnerabbiltajiet u t-tensjonijiet huma l-ogħla, biex jinkiseb l-għan aħħari ta' stabbiltà reġjonali u ta' trasferiment tar-responsabbiltà għas-sigurtà f'idejn l-Afrikani; billi din l-istrateġija se tissodisfa bżonn urġenti u l-aspettattivi għolja taż-żewġ atturi fuq il-post u n-nies lokali, u għandha tindirizza l-kawżi ewlenin tal-kriżi;

AR.  billi l-kwistjoni tal-finanzjament tal-PSDK hija kruċjali għat-tkomplija tal-politika, u billi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp permezz tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA) u, fil-futur, permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF), jipprovdi appoġġ lill-Unjoni Afrikana, u jiffinanzja, fost affarijiet oħra, l-ispiża operattiva tal-operazzjonijiet militari ta' żamma tal-paċi fl-Afrika, b'mod partikolari ta' AMISOM fis-Somalja; billi l-EPF se tissostitwixxi l-mekkaniżmu Athena għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK, u l-FPA se tagħti lill-UE għodda ġdida biex tistazzjona operazzjonijiet militari b'mod aktar flessibbli u ttejjeb b'mod sinifikanti l-għażliet għall-assistenza ta' sigurtà lis-sħab; billi l-impatt aħħari tal-EPF bħala strument li jindirizza b'mod sostenibbli l-kunflitti vjolenti u l-insigurtà se jiddependi minn kemm huwa kkomplementat mis-salvagwardji u mis-sistemi ta' monitoraġġ meħtieġa biex jiġi evitat l-użu ħażin potenzjali tal-għajnuna pprovduta, u biex jiġi żgurat li jitqiesu kif xieraq il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà, tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rispett tad-dritt umanitarju; billi l-EPF futura li għandha tissostitwixxi l-FPA fl-2021 għandha testendi l-ambitu tagħha għall-istati sħab u tippermetti l-forniment ta' tagħmir militari;

AS.  billi huwa essenzjali li l-UE tappoġġa s-sħab tagħha fir-reġjun Saħelo-Saħarjan u f'dak tal-Qarn tal-Afrika li qed jiffaċċjaw aktar sfidi fil-ġlieda tagħhom kontra gruppi terroristiċi armati, inklużi ġiħadisti; billi l-Unjoni Ewropea tista' tirrispondi b'mod xieraq billi tipprovdi l-assistenza meħtieġa, inklużi l-armi u l-munizzjon, lill-pajjiżi fir-reġjun ikkonċernat permezz tal-EPF; billi l-EPF għandha tiġi approvata mingħajr dewmien sabiex tippermetti l-assistenza militari meħtieġa;

AT.  billi t-temperaturi qed jiżdiedu b'rata ta' 1,5 darbiet aktar malajr fir-reġjun tas-Saħel milli fil-bqija tad-dinja, u billi, skont in-Nazzjonijiet Uniti, madwar 80 % tal-art agrikola fir-reġjun hija ddegradata, u hemm madwar 50 miljun ruħ li jiddependu mit-trobbija tal-bhejjem f'kunflitt fuq l-art; billi, skont il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA), din is-sitwazzjoni qed twassal għall-insigurtà tal-ikel tal-popolazzjoni u din qed titħabat biex tkampa u tiffaċċja għażliet diffiċli;

AU.  billi l-effetti tat-tibdil fil-klima huma fattur ta' riskju għad-destabbilizzazzjoni, il-vjolenza u l-kunflitt;

AV.  billi, skont il-UNICEF, iż-żieda f'attakki vjolenti fuq skejjel pubbliċi, fi qtil, ħtif, swat u theddid ta' mewt kontra għalliema u studenti wasslet biex jingħalqu aktar minn 9 000 skola fl-Afrika Ċentrali u tal-Punent, u dan ħalla kważi żewġ miljun tifel u tifla mingħajr edukazzjoni xierqa;

AW.  billi l-UE għadha serjament imħassba dwar l-għadd akbar ta' tfal li jiġu reklutati bħala suldati tfal minn gruppi estremisti;

AX.  billi l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) enfasizza xejriet ġodda inkwetanti rigward it-traffikar ta' drogi fir-reġjun, b'effetti ta' ħsara fuq il-governanza, is-sigurtà, it-tkabbir ekonomiku u s-saħħa pubblika; billi, skont l-Uffiċċju, l-Afrika tal-Punent, Ċentrali u ta' Fuq jammontaw għal 87 % tal-opjojdi farmaċewtiċi kollha sekwestrati madwar id-dinja, u billi l-UNODC jirrikonoxxi rabta mill-qrib bejn it-traffikar tad-droga u l-finanzjament ta' gruppi armati;

AY.  billi l-Approċċ Strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi integrata perspettiva tal-ġeneru fl-oqsma u l-attivitajiet kollha fil-qasam tal-paċi u s-sigurtà sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-politiki tal-UE;

AZ.  billi l-attakki minn gruppi estremisti u l-vjolenza interkomunali li qed tiżdied fuq ir-riżorsi qed jaffettwaw l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, b'għadd kbir ta' bniet l-aktar esposti għal tipi differenti ta' abbuż, kemm fiżiku kif ukoll sesswali;

BA.  billi l-Unjoni Ewropea għandha żżid b'mod strateġiku l-preżenza ekonomika tagħha ħafna aktar minħabba l-preżenza dejjem akbar ta' potenzi barranin oħra;

BB.  billi l-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir ippropona r-riallokazzjoni, l-aċċelerazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta' EUR 3,25 biljun minn programmi eżistenti biex jirrispondu għal ħtiġijiet relatati mal-coronavirus fl-Afrika, inklużi EUR 2,06 biljun għall-Afrika sub-Saħarjana;

BC.  billi l-UE għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-parlamenti nazzjonali, inklużi l-kumitati tas-sigurtà u d-difiża, biex ittejjeb il-funzjonijiet kritiċi ta' sorveljanza fuq l-interventi tas-sigurtà nazzjonali u esterni;

L-azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha

1.  Iqis li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jeħtiġilhom jikkoordinaw l-istrateġiji ta' żvilupp, umanitarji u ta' sigurtà li fihom huma involuti bħala parti minn strateġija integrata li twassal għal sjieda indipendenti Afrikana fi kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża; iqis li l-Unjoni Afrikana u l-Istati Afrikani mir-reġjun huma sħab ewlenin li magħhom l-UE hija involuta b'mod sinifikanti sabiex b'mod konġunt jinkisbu l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-bniedem; jappoġġa l-pjanijiet tal-Unjoni Afrikana li tibgħat 3 000 suldat b'appoġġ għall-G5 tas-Saħel; jemmen bis-sħiħ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom isaħħu l-kapaċità tas-sħab, iwettqu rieżami tas-sigurtà u l-impenji ta' difiża fir-reġjuni tas-Saħel, l-Afrika tal-Punent u l-Qarn tal-Afrika, inkluż permezz tal-forniment ta' tagħmir militari filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara";

2.  Ifakkar fil-fatt li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tiddependi b'mod partikolari mill-kapaċità tal-istati kkonċernati li jżommu istituzzjonijiet b'saħħithom u affidabbli, servizzi bażiċi stabbiliti sew, inklużi kapaċitajiet ta' sigurtà interna u sistema ġudizzjarja li fiha ċ-ċittadini jkollhom fiduċja, partikolarment rigward kwistjonijiet kriminali; iqis li strateġija ta' sigurtà għar-reġjuni tas-Saħel, l-Afrika tal-Punent u l-Qarn tal-Afrika għandha l-ewwel u qabel kollox tkun li tindirizza l-kawżi ewlenin tal-kunflitti fir-reġjun, peress li l-qerda tal-faqar hija kruċjali għal paċi sostenibbli;

3.  Jappella għall-promozzjoni ta' relazzjoni mġedda bejn l-UE u l-kontinent Afrikan ibbażata fuq is-solidarjetà, ir-rispett reċiproku u l-benefiċċju reċiproku, filwaqt li żżomm dejjem mal-prinċipji tar-rispett għad-dritt internazzjonali, is-sovranità nazzjonali u l-ugwaljanza bejn il-partijiet;

4.  Iqis li l-missjonijiet, l-operazzjonijiet u l-azzjonijiet oħra tal-PESK tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu kkoordinati mill-VP/RGħ taħt l-awtorità tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 43(2) TUE, u li ċ-Ċellula Konġunta ta' Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ għandha tipprovdi aktar pariri lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ, bi rwol ta' koordinazzjoni msaħħaħ u għandha tipproponi l-istabbiliment ta' ċentru tad-duttrina ċivili-militari li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija u l-missjonijiet u l-proġetti tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija;

5.  Jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha tinvesti kemm jista' jkun fi proċessi mmirati lejn il-prevenzjoni tal-kunflitti billi tagħti bidu għal diversi proċessi verament konkreti ta' medjazzjoni, djalogu u rikonċiljazzjoni u proġetti b'mod parallel ma' miżuri oħra ta' sigurtà; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu segwiti wkoll approċċi ffokati mhux statali bil-għan li jitrawmu l-istabbiltà u s-sigurtà, b'mod partikolari fir-rigward tat-tensjonijiet interkomunitarji; jemmen bis-sħiħ li l-għajnuna ta' sigurtà li tpoġġi s-sigurtà tal-bniedem fil-qalba tagħha biss se tkun effettiva fuq perjodu medju u twil ta' żmien;

6.  Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jissaħħu l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, kif ukoll l-ippjanar strateġiku globali u l-politika ta' komunikazzjoni tal-UE, sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-UE;

7.  Jilqa' l-impenn globali tal-UE għar-reġjun tas-Saħel, l-Afrika tal-Punent u l-Qarn tal-Afrika, u japprezza l-kontribut tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa li jiġu adattati r-regoli finanzjarji u amministrattivi u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi sabiex tiżdied il-ħeffa u l-effikaċja tar-reazzjoni għall-kriżijiet;

8.  Itenni t-talba tiegħu għal White Paper dwar id-difiża Ewropea, li tfassal u tiddeskrivi xenarji speċifiċi ħafna għal interventi militari possibbli tal-UE u d-duttrini sottostanti tagħhom f'konformità mal-kompiti militari tal-Artikolu 43(1) TUE;

9.  Ifaħħar lill-persunal tal-missjonijiet tal-UE li, minkejja kundizzjonijiet diffiċli ħafna, kellhom prestazzjoni eċċezzjonali u wrew dedikazzjoni u professjonaliżmu;

10.  Jisħaq li fid-dawl tad-degradazzjoni gravi u profonda fil-kundizzjonijiet tas-sigurtà fir-reġjun, u sabiex titneħħa kwalunkwe diskrepanza fil-missjonijiet u l-proġetti tal-UE, il-bini tal-kapaċità tas-sħab fis-settur tas-sigurtà jrid jissaħħaħ sabiex iwieġeb b'mod aktar adegwat għall-isfidi profondi u l-kundizzjonijiet tas-sigurtà serji fir-reġjun, inkluż billi jingħata appoġġ lil pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom;

11.  Jappoġġa l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-28 ta' April 2015 bit-titlu "It-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jitwieżnu s-sigurtà u l-iżvilupp – L-għoti tas-setgħa lis-sħab sabiex jipprevjenu u jiġġestixxu l-kriżijiet"(11);

12.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni u n-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin bħalissa bil-għan li jiġi stabbilit regolament dwar l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) li jkun jinkludi l-kompiti kollha tal-Istrument attwali li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP);

13.  Jilqa' l-proposta mill-VP/RGħ, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, għall-istabbiliment, fl-ambitu tal-PESK tal-Unjoni, ta' EPF għall-finanzjament ta' kooperazzjoni militari u relatata mad-difiża ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż tagħmir li jaqa' taħt il-lista militari komuni tal-UE, li se jimla lakuna importanti fl-appoġġ tal-UE u flimkien mal-NDICI jagħti lill-UE l-kapaċità li tirreaġixxi aktar malajr u b'mod effettiv għall-isfidi tas-sigurtà u jappella għall-adozzjoni rapida tiegħu; ifakkar fil-fatt li l-EPF għandha l-għan li tinkorpora l-FPA u tistabbilixxi komponent ta' bini ta' kapaċità li jippermetti l-forniment ta' tagħmir militari lill-pajjiżi sħab, inklużi armi u munizzjon, b'rispett sħiħ għall-pożizzjoni komuni, id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, u b'dispożizzjonijiet effettivi ta' trasparenza kif elenkati fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar l-istabbiliment tal-EPF biex jiġi żgurat li ebda tagħmir militari ma jingħata lil benefiċjarji li qed iwettqu abbużi, atroċitajiet u ħsara oħra kontra l-popolazzjonijiet ċivili; jinnota li l-Istati Membri ilhom minn Ġunju 2018 jaħdmu fuq deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-EPF, li għandha tinħoloq mhux aktar tard minn Jannar 2021; f'dan ir-rigward, u fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali fl-Afrika, jistieden lill-Kunsill japprova din il-proposta li tadotta d-deċiżjoni meħtieġa mingħajr dewmien, li tistabbilixxi dan l-istrument ġdid biex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet militari fil-forzi armati Afrikani, u:

   a) li l-baġit tal-EPF ikun kbir biżżejjed biex jindirizza b'mod effettiv l-isfidi attwali relatati mat-taħriġ, l-operazzjonijiet, il-missjonijiet, il-proġetti u t-tagħmir militari, inklużi l-armi, il-munizzjon u t-trasport;
   b) li jiġi żgurat li l-EPF tegħleb il-limiti attwali fl-ambitu tal-FPA u l-baġit tal-Unjoni dwar l-akkwist ta' armi u munizzjonijiet;
   c) jitlob li jiġi pprovdut finanzjament mill-baġit tal-UE għan-nefqa amministrattiva li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kunsill, inkluż għall-persunal;
   d) jistieden lill-Kunsill jitlob lill-Istati Membri jħallsu n-nefqa operattiva li tirriżulta mill-implimentazzjoni tagħha, inklużi t-tagħmir u t-taħriġ;
   e) jieħu nota li l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-finanzjament ta' azzjoni speċifika jew parti minnha jistgħu jastjenu mill-vot fil-Kunsill;
   f) jitlob li, fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), titwaqqaf diviżjoni ddedikata ġdida inkarigata mill-ġestjoni ta' dan l-istrument ġdid, biex tissorvelja l-provvista u l-użu ta' tagħmir u taħriġ, inklużi salvagwardji xierqa u miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju;
   g) huwa tal-fehma li l-provvista u l-użu ta' tali tagħmir u taħriġ għandhom jiġu mmonitorjati minn esperti ssekondati mill-Istati Membri f'din id-diviżjoni biex jiġi infurmat l-VP/RGħ, u jkunu soġġetti għal skrutinju mill-Parlament u vverifikati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

14.  Iqis li s-sostenibbiltà, l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-missjonijiet ċivili u militari tal-UE fl-Afrika, minkejja l-grad għoli ta' dedikazzjoni u professjonaliżmu tal-persunal tagħhom, ukoll ġew partikolarment imfixkla min-nuqqas ta' sjieda lokali, pjanijiet ta' sostenibbiltà u tagħmir bażiku fil-pajjiżi affettwati, kif ukoll fil-kapaċità tagħhom biex isaħħu l-kapaċità tas-sħab;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-użu tal-istrumenti ta' finanzjament kollha jiġi esplorat bl-għan li jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-kunflitti u jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' sigurtà fil-pajjiżi Afrikani milquta, skont l-Artikoli 209 u 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fid-dawl tal-kriżi tas-sigurtà serja ħafna fir-reġjun Saħelo-Saħarjan u fl-Afrika tal-Lvant;

16.  Jilqa' l-proposta biex jissaħħaħ il-prinċipju ta' sħubija fir-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE stabbilit fil-Komunikazzjoni Konġunta "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika" (JOIN(2020)0004); jistieden lill-Kummissjoni, u speċjalment lill-VP/RGħ, biex ivaraw sħubijiet bilaterali mfassla apposta għal trasformazzjoni li tkopri sett wiesa' ta' oqsma b'sigurtà u difiża bħala prijorità; jistieden lill-VP/RGħ biex jagħti ġieħ lil pajjiżi avvanzati fil-qasam tal-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tas-sigurtà tal-bniedem u biex jistedinhom jingħaqdu ma' sħubijiet bilaterali skont il-prinċipju "aktar għal aktar"; lil hinn mis-sħubijiet bilaterali, jistieden lill-VP/RGħ jassisti fil-konsolidazzjoni tal-funzjonijiet ta' sigurtà tal-organizzazzjonijiet subreġjonali, bħall-ECOWAS, il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant jew il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC);

17.  Jirrakkomanda li l-UE tikkunsidra li tikkontribwixxi għall-ispejjeż operattivi u loġistiċi tal-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu mmexxija mill-forzi armati nazzjonali tal-Mauritania, tal-Mali, tal-Burkina Faso, tan-Niġer u taċ-Chad, fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi fiż-żona Saħelo-Saħarjana u li tieħu approċċ simili għal dak li tieħu biex tiffinanzja l-Forzi Konġunti tal-G5 tas-Saħel u l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), u jinnota li l-EPF għandha tkun l-istrument xieraq li jagħmel dan;

18.  Iħeġġeġ diskussjoni dwar jekk huwiex rakkomandabbli li jkunu japplikaw għal programmi ta' taħriġ eżistenti l-istess faċilitajiet għall-akkwist ta' tagħmir militari, inklużi armi, bħal dawk attwalment previsti għall-iskjerament u t-taħriġ tal-forza tal-G5 tas-Saħel, inkluż appoġġ finanzjarju jekk meħtieġ;

19.  Jirrakkomanda li kwalunkwe finanzjament ta' operazzjonijiet ta' bini ta' kapaċità għall-pajjiżi Afrikani jingħata bil-kundizzjoni li l-pajjiż destinatarju jippreżenta pjan ta' appoġġ miftiehem b'mod komuni li jinkludi taħriġ dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u l-istat tad-dritt, bi skadenzi raġonevoli u li għandu jinkiseb bil-monitoraġġ tal-UE bil-possibbiltà ta' aktar aġġustamenti skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni;

20.  Jinsab ferm imħasseb dwar l-għadd kbir ta' każijiet ta' abbużi serji ħafna tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-forzi tas-sigurtà tal-Mali, kif investigat u rrappurtat mill-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni f'Mali (MINUSMA);

21.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti li għandu l-Mali għall-istabbiltà tas-Saħel u jikkondividi t-tħassib profond tal-ECOWAS rigward il-kolp ta' stat f'Mali fit-18 ta' Awwissu 2020; jissottolinja li l-kooperazzjoni kontinwa mal-komunità internazzjonali u l-appoġġ mingħandha, b'mod partikolari l-UE u n-NU, jistgħu biss isiru b'suċċess jekk jittieħdu għadd ta' passi importanti, prinċipalment l-istabbiliment ta' sistema elettorali mħejjija tajjeb, vijabbli, trasparenti u dejjiema li tiżgura elezzjonijiet kredibbli, ħielsa u ġusti u kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni ġenwini għall-partiti politiċi; japprova l-bżonn ta' gvern tranżitorju inklużiv, li għandu jinkludi l-gruppi politiċi u soċjali kollha u jfittex li jissalvagwardja d-drittijiet u l-libertajiet kostituzzjonali ta' kull ċittadin, filwaqt li qatt ma jinsa l-isfidi urġenti tal-lum għas-soċjetà, għas-sigurtà u għall-ekonomija li jeħtieġu azzjoni urġenti biex jirreaġixxu għat-talbiet leġittimi tal-poplu għal djalogu inklużiv u kostruttiv dwar il-perkors futur ta' pajjiżhom; jappoġġja l-isforzi tas-SEAE biex jgħin tinstab soluzzjoni paċifika u demokratika li fl-aħħar mill-aħħar tirritorna l-istabbiltà dejjiema u l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Mali fl-istituzzjonijiet u fl-amministrazzjoni pubblika tagħhom, li għandha tkun verament inklużiva, ħielsa mill-korruzzjoni u taqdi liċ-ċittadini kollha fl-aspirazzjonijiet tagħhom għall-prosperità, il-paċi, l-iżvilupp, l-istabbiltà u s-sikurezza;

22.  Jinnota r-Rapporti ta' Evalwazzjoni tan-NU dwar l-Isforzi ta' Infurzar u ta' Għajnuna għal Rimedju għall-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali Minn Persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u Persunal Relatat f'Operazzjonijiet Immirati lejn iż-Żamma tal-Paċi; jinsab profondament ixxukkjat dwar l-ambitu allarmanti ta' dawn id-delitti u n-nuqqas li l-awturi jinżammu responsabbli; jinsab ugwalment ixxukkjat b'allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal kontra t-truppi Ewropej u tan-NU, b'mod partikolari fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-2016, u jitlob li ssir ġustizzja; iħeġġeġ lin-NU, lill-Istati Membri tal-UE u lill-organi tal-PSDK tal-UE biex, mingħajr dewmien u bl-akbar determinazzjoni, jinvestigaw, iħarrku u jikkundannaw lil kwalunkwe membru tal-persunal tan-NU, nazzjonali u tal-UE li jkun wettaq atti ta' vjolenza sesswali; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu riformati l-istrutturi rilevanti b'tali mod li tintemm l-impunità tal-persunal tan-NU u tal-UE u billi jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' sorveljanza u ta' responsabbiltà li jiffunzjonaw u li jkunu trasparenti; iqisha inaċċettabbli li attwalment, l-azzjonijiet legali rigward allegati abbużi għadhom purament volontarji u jiddependu mill-pajjiż li jikkontribwixxi t-truppi; jinsab konvint li delitti gravi bħal dawn jistgħu jitnaqqsu u jiġu evitati wkoll permezz tat-taħriġ u l-edukazzjoni; ifakkar bil-qawwa fl-urġenza li jiġu evitati tali reati fil-futur, anke sabiex il-popolazzjoni lokali terġa' tikseb il-fiduċja fiż-żamma tal-paċi internazzjonali;

23.  Jitlob li l-format tal-missjonijiet ta' taħriġ ta' EUTM Mali, EUTM CAR u EUTM Somalia jiġi definit mill-ġdid biex il-missjonijiet jiġu adattati aħjar għall-ħtiġijiet reali tal-forzi armati u għal dawk tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi benefiċjarji billi:

   a) jiġu armonizzati l-metodi ta' taħriġ u r-regoli ta' proċedura u involviment u jiġu żgurati li jkunu uniċi u mfassla għall-ħtiġijiet identifikati fil-pajjiż u biex jiġi inkorporat it-taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, inkluża l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà;
   b) tiġi żviluppata u applikata politika ta' riforma globali tas-settur tas-sigurtà li jkollha s-sigurtà tal-bniedem fil-qalba tagħha u li tpoġġi l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-popolazzjoni kollha fil-qalba tal-komponenti kollha;
   c) jiġi żgurat li l-għalliema tal-UE jkollhom il-mandat, f'koordinazzjoni mal-awtoritajiet militari lokali, biex jagħżlu suldati minn fost dawk proposti mill-gvernijiet lokali, iħarrġuhom biex itejbu ħilithom, inkluż permezz tal-għarfien tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ikunu ġellieda kapaċi, jissorveljawhom u jakkumpanjawhom fuq il-post ladarba jkunu lestew it-taħriġ tagħhom sabiex jivvalutawhom u jevitaw ix-xoljiment tal-unitajiet u d-dispersjoni tas-suldati;
   d) iċ-ċentri ta' taħriġ jingħataw tagħmir militari kemm kondiviż kif ukoll individwali (jekk il-pajjiż ikkonċernat ma jipprovdihx), sabiex ikun żgurat li jkun jista' jingħata taħriġ xieraq wara li l-UE tkun stabbiliet salvagwardji li jiggarantixxu l-konformità mat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 944 meta tittrasferixxi l-armi lejn pajjiżi terzi, filwaqt li tiggarantixxi verifika ta' wara t-trasportazzjoni u verifika tal-utent aħħari biex tipprevjeni d-devjazzjoni lejn gruppi armati, inklużi t-terroristi;
   e) tittejjeb ir-rata ta' okkupazzjoni ta' postijiet tal-persunal fil-missjonijiet sabiex jiġu ġestiti problemi rikorrenti;
   f) jiġi żgurat li t-taħriġ jikkorrispondi mar-realtà operattiva, jiġifieri għandu jinkludi l-mobbiltà u l-kapaċitajiet ta' kmand u kontroll;
   g) jibbenefika mis-sekondar tal-għarfien espert militari meħtieġ, b'mod partikolari fil-qasam tal-pariri strateġiċi;
   h) jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jiġi evitat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

24.  Jemmen li t-tisħiħ tal-komponent konsultattiv ta' ċerti missjonijiet (EUTM Somalia) fl-istrutturi ta' kmand tal-forzi lokali jippermetti li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq kif jitwettqu l-operazzjonijiet u fi ħdan il-qafas multilaterali ta' assistenza militari;

25.  Jemmen li l-UE għandha timplimenta sorveljanza xierqa u tkompli twettaq valutazzjonijiet perjodiċi effikaċi u rieżamijiet strateġiċi tal-missjonijiet ċivili EUCAP Sahel Mali, EUCAP Sahel Niger, EUCAP Somalia u EUAM CAR, filwaqt li tirrevedi l-mandat, il-baġit u r-riżorsi umani tagħhom, u tkompli tuża s-sistemi ta' monitoraġġ skont il-pjan ta' implimentazzjoni tal-missjonijiet u l-valutazzjoni komparattiva bħala għodda komprensiva ta' gwida; jinsab konvint li l-missjonijiet ikunu adattati aħjar għas-sitwazzjonijiet politiċi u ta' sigurtà li qed jevolvu jekk jiġu adattati għall-ħtiġijiet lokali u jekk il-kooperazzjoni mas-sħab lokali tiġi intensifikata, u li dan jagħmilhom saħansitra aktar operattivi u effettivi, u jintegrahom fi sforz usa' ta' riforma tas-settur tas-sigurtà għas-servizz tas-sigurtà tal-popolazzjoni lokali; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jagħtu rispons lill-Parlament rigward ir-rapport annwali tal-2019 tal-PSDK(12) u l-evalwazzjoni tal-Parlament tal-missjonijiet fl-Afrika; jirrepeti l-kritika tiegħu għan-nuqqas ta' "indikaturi adegwati biex jimmonitorja r-riżultati tal-missjonijiet EUCAP Niġer u EUCAP Mali u li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-attivitajiet tal-missjonijiet kienu inadegwati u inadatti biex iqisu l-implikazzjonijiet tagħhom"; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jerġgħu jirreferu għall-evalwazzjoni tal-Parlament tal-ġenerazzjoni tal-forzi ta' EUTM Somalia;

26.  Jinnota li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja hija inkwetanti ħafna u hija fattur destabbilizzanti fil-Qarn tal-Afrika u anke lil hinn; iqis li l-Gvern Federali tas-Somalja ma jistax jassumi d-dmirijiet kollha tiegħu u li l-armata nazzjonali Somala, minkejja l-progress reċenti, għadha ma tistax tiġġieled waħedha l-attivitajiet terroristiċi ta' al-Shabaab; ifakkar fil-fatt li, f'Diċembru 2021, l-armata Somala kellha tissostitwixxi l-AMISOM; jissottolinja li l-issodisfar ta' dak l-objettiv jirrikjedi programm ta' assistenza ġdid u komprensiv, u jitlob lill-UE taqbel mal-Unjoni Afrikana u mal-Gvern Somalu dwar pożizzjoni rigward il-mekkaniżmu li għandu jiġi stabbilit ma' tmiem l-AMISOM;

27.  Jemmen li l-Kriżi tal-Golf qed ikollha ramifikazzjonijiet serji fis-Somalja, fejn l-Emirati Għarab Magħquda għadhom qed jappoġġaw azzjonijiet ċari li jdgħajfu direttament is-sigurtà u l-kisbiet politiċi li saru s'issa fis-Somalja, li joħolqu firda nazzjonali bejn il-Gvern Federali tas-Somalja u l-Istati Membri Federali dwar is-sigurtà, l-elezzjonijiet nazzjonali u kwistjonijiet ta' żvilupp, u jitlob li dawn l-azzjonijiet jieqfu minnufih;

28.  Jobbliga lill-firmatarji tal-Mali għall-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali li jirriżulta mill-Proċess ta' Alġeri biex jirrispettawhom u jimplimentawhom mingħajr aktar dewmien;

29.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-AMISOM matul il-perjodu ta' tranżizzjoni permezz tal-FPA, iżżomm il-preżenza tat-tliet missjonijiet u operazzjonijiet militari jew ċivili riveduti tal-UE (ATALANTA, EUTM Somalia u EUCAP Somalia), tappoġġja l-istituzzjonijiet demokratiċi, tissokta t-taħriġ tal-armata nazzjonali u t-twaqqif ta' setturi tas-sigurtà trasparenti, responsabbli u kkontrollati demokratikament;

30.  Jappella lill-Istati Membri u lill-UE jgħinu lill-forzi konġunti tal-G5 tas-Saħel isiru operattivi permezz tal-għoti ta' assistenza finanzjarja, kif ukoll ta' tagħmir u taħriġ militari, filwaqt li jiġu inklużi salvagwardji adegwati u miżuri ta' mitigazzjoni, u pariri fil-qasam tad-duttrina, tal-kapaċitajiet ippjanati u tal-ġestjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal komponent b'saħħtu u kredibbli tal-pulizija f'dan ir-rigward; jistieden lis-sħab li impenjaw ruħhom fil-Konferenza tad-Donaturi ta' Brussell fit-22 ta' Frar 2018 biex jimplimentawhom malajr kemm jista' jkun;

31.  Jemmen li l-istati Afrikani għandhom jassumu r-responsabbiltà għat-twettiq tad-dmirijiet sovrani tagħhom biex jistabbilizzaw iż-żoni kollha meħlusa minn terroristi ġiħadisti, gruppi kriminali u armati, traffikanti u briganti, biex jissalvagwardjaw liċ-ċittadini u billi jipprovdu servizzi bażiċi (amministrazzjoni, provvista tal-ilma u tal-enerġija, saħħa, ġustizzja, edukazzjoni); billi l-armata u l-forzi tas-sigurtà għandhom jipprovdu temporanjament ambjent ta' sigurtà xieraq u s-servizzi bażiċi sakemm l-amministrazzjoni ċivili tieħu r-riedni, jitlob lill-Unjoni Ewropea żżid l-isforzi tagħha fl-appoġġ lill-istati Afrikani biex jipprovdu servizzi bażiċi;

32.  Jappoġġa t-talba tal-Unjoni Afrikana lin-Nazzjonijiet Uniti biex ikollha aċċess għal kontribuzzjonijiet ivvalutati min-NU għal missjonijiet immexxija mill-Afrika b'mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

33.  Jisħaq li l-koordinazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq hija meħtieġa kif inhu kontribut effettiv għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-Libja sabiex jiġi evitat li l-pajjiż isir hotspot għat-tixrid tal-ġiħadiżmu, tat-terroriżmu, tal-gruppi kriminali u armati, tal-armi u tat-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ, għaldaqstant, it-taħdidiet ta' paċi 5+5 u jistieden lill-pajjiżi kollha jirrispettaw l-ispirtu tal-Konferenza ta' Berlin; jesprimi t-tama li s-sinjali reċenti għal waqfien mill-ġlied u paċi fil-Libja jimmaterjalizzaw; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattivi reċenti tas-SEAE u tal-VP/RGħ, b'mod partikolari ż-żjara tiegħu fil-Libja fl-1 ta' Settembru 2020, u jissottolinja li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fil-proċess ta' medjazzjoni;

34.  Jitlob li l-UE tindirizza t-theddid konsistenti u li qed jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u trażżan il-kuntrabandu ta' artefatti kulturali, speċjalment f'żoni ta' kunflitt;

35.  Iqis li għandha tkun prevista l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq prinċipalment f'termini ta' skambju ta' informazzjoni u intelligence, taħriġ militari u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, filwaqt li titqies l-esperjenza ppruvata ta' xi wħud minnhom;

36.  Jemmen li politika ta' sigurtà komprensiva u fuq perjodu ta' żmien medju sa twil għal dawn ir-reġjuni għandha tiffoka wkoll fuq it-trawwim tar-reżiljenza;

37.  Jilqa' u jappoġġa l-approċċ komprensiv tal-Mauritania, li jinkludi strateġija mibnija fuq aspetti soċjali u ta' żvilupp, għar-rispons militari u ta' sigurtà tal-pajjiż; jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-Niġer, mal-Mali u mal-Burkina Faso, pajjiżi li huma affettwati ħafna mit-terroriżmu; ifaħħar l-isforzi u s-sagrifiċċji tal-komunità internazzjonali, il-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali, it-Task Force Konġunta Multinazzjonali, il-G5 u l-Forzi Armati Franċiżi (Operazzjoni Barkhane), iċ-Ċellula ta' Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali tal-UE (RACC), l-EUCAP Sahel Mali u Niger, l-EUTM Mali, il-GAR-SI Saħel u l-Armata taċ-Chad, li hija l-forza essenzjali fis-setturi ċentrali u tal-Lvant tal-G5 li tirrikjedi appoġġ speċjali għall-brigati tagħha; jistieden lill-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel isegwu r-riformi domestiċi u jimplimentaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u r-responsabbiltà demokratika, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u n-normi demokratiċi;

38.  Jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, u tal-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, President fil-kariga tal-G5 tas-Saħel, Mohamed Cheikh el Ghazouani tat-28 ta' April 2020, li fiha ġeddu u żiedu l-impenn tagħhom għas-sigurtà, l-istabbiltà u l-iżvilupp tas-Saħel f'kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u l-President attwali tal-ECOWAS;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw u jikkooperaw mal-operazzjonijiet Barkhane u Takuba u mal-missjonijiet Gazelle u New Nero; jisħaq fuq l-investiment uman u militari importanti tal-Istati Membri li diġà jagħmlu parti minnhom; jinsisti fuq il-ħtieġa għal involviment Ewropew aktar b'saħħtu, iżda li dan ma jistax jissostitwixxi l-obbligu tal-pajjiżi li jwettqu r-riformi domestiċi meħtieġa bl-għan li jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli u s-setturi tas-sigurtà;

40.  Jappella lill-UE tagħti attenzjoni partikolari lill-firxa ta' gruppi terroristiċi armati, b'mod partikolari t-terroriżmu Iżlamiku u l-estremiżmu Waħħabiżmu vjolenti, fir-reġjuni tas-Saħel, tal-Afrika tal-Punent u tal-Qarn tal-Afrika, u tkompli bl-isforzi globali tagħha fil-ġlieda kontra l-ġiħadiżmu; fid-dawl tal-impatt strateġiku ta' dawn ir-reġjuni fuq l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, fuq is-sigurtà marittima u ċ-ċertezza ta' pressjoni fuq il-fruntieri esterni Ewropej, jitlob aġġornament tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u l-programmi ta' għajnuna mal-pajjiżi kkonċernati;

41.  Iħeġġeġ lill-UE twettaq evalwazzjoni komprensiva tal-JAES u tal-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà intitolata "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika" tad-9 ta' Marzu 2020, u tippromwovi l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali għas-Saħel 2015-2020, tas-16 ta' Marzu 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni UE-Golf tal-Guinea 2015-2020, tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Qarn tal-Afrika/il-Baħar l-Aħmar u s-Saħel/Mali, u tad-Dikjarazzjoni ta' Pau;

42.  Jirrikjedi protezzjoni u appoġġ ulterjuri għall-awtoritajiet, il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet edukattivi li joperaw fuq il-post li jippruvaw isibu opportunitajiet ta' tagħlim alternattivi f'ċentri tal-komunità u jinvolvu eluf ta' tfal tal-Afrika tal-Punent u tas-Saħel fl-edukazzjoni u fil-programmi tat-tagħlim tal-ħiliet;

Governanza tajba u żvilupp sostenibbli

43.  Jiddikjara li ma jistax ikun hemm strateġija ta' sigurtà mingħajr azzjoni konġunta fl-oqsma tal-iżvilupp sostenibbli u l-għajnuna umanitarja; ifakkar fid-diversi kawżi ewlenin tat-terroriżmu u l-kunflitt armat; jitlob li jitrawmu l-kapital uman u l-iżvilupp tal-bniedem, li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-aktar komunitajiet vulnerabbli u li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ta' reżiljenza tal-persuni;

44.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li l-pjanijiet ta' żvilupp sostenibbli jkunu bbażati fuq il-kuntest u multisettorjali u jipprovdu soluzzjoni globali għall-isfidi tar-reġjun ikkonċernat; jisħaq li approċċ integrat għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli jirrikjedi l-involviment sinifikanti tal-atturi tas-soċjetà ċivili lokali, u speċjalment tan-nisa u ż-żgħażagħ, filwaqt li jfakkar fir-rwol tal-anzjani u tal-mexxejja tradizzjonali f'soċjetajiet Saħelo-Saħarjani; huwa tal-opinjoni li dawn il-pjanijiet iridu jkunu konformi mal-prinċipji ta' effikaċja tal-għajnuna riaffermati fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, jiġu adottati mill-amministrazzjoni bi qbil mal-komunitajiet benefiċjarji lokali u implimentati bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili lokali u ta' organizzazzjonijiet umanitarji biex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva, trasparenza u sjieda;

45.  Jisħaq fuq l-importanza tas-sħubija man-NU, il-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra, b'mod partikolari l-Unjoni Afrikana, u d-djalogu ma' organizzazzjonijiet reġjonali u sottoreġjonali oħrajn;

46.  Iqis li kooperazzjoni sinifikanti ta' sigurtà bejn l-UE u l-Afrika trid tkun mibnija fuq l-iżvilupp sostenibbli, u trid tiffoka b'mod speċjali fuq:

   a) il-konsolidazzjoni tad-demokrazija billi jiġu żgurati sistemi demokratiċi ta' governanza responsabbli permezz ta' skrutinju parlamentari effikaċi, kif ukoll istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, li jiggarantixxu l-libertajiet kollha tas-soċjetà ċivili;
   b) il-fatt li jintemmu l-kunflitti u li jiġi evitat li jerġgħu jseħħu filwaqt li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħhom sabiex jinkisbu paċi u sigurtà dejjiema;
   c) l-iżvilupp ta' politiki li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi li jiffukaw fuq iż-żgħażagħ; il-fatt li tiġi enfasizzata l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu involuti fil-proċessi politiċi, ekonomiċi u ta' paċi;
   d) l-appoġġ għal pjanijiet ta' azzjoni ta' stabbilizzazzjoni preventiva;
   e) l-għoti tas-setgħa lin-nisa billi jiġu rikonoxxuti bħala aġenti tal-bidla fil-komunitajiet Afrikani, filwaqt li jittejbu l-opportunitajiet edukattivi u ekonomiċi tagħhom, tiġi promossa l-parteċipazzjoni tagħhom fl-istituzzjonijiet lokali u nazzjonali u fit-teħid ta' deċiżjonijiet, u billi jitrawwem ir-rwol tagħhom fil-bini tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-medjazzjoni, u billi tiġi miġġielda l-vjolenza sesswali fuq in-nisa u l-bniet;
   f) il-forniment ta' servizzi bażiċi bħas-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, l-ilma, is-sanità u l-iġjene, il-protezzjoni soċjali, l-akkomodazzjoni u xbieki ta' sikurezza, l-appoġġ u l-protezzjoni tas-saħħa mentali, l-edukazzjoni u l-appoġġ għall-popolazzjoni spostata sabiex tiżdied il-fiduċja tan-nies fl-istat;
   g) l-iżgurar tal-istabbiltà amministrattiva, legali u ta' sigurtà;
   h) il-qerda tal-faqar, l-impunità u l-korruzzjoni;
   i) l-indirizzar tal-effetti tat-tibdil fil-klima billi jitqiesu l-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima sabiex jiġi żgurat li l-għajxien isir sostenibbilment reżiljenti għal theddid ambjentali;
   j) ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-media, il-libertà ta' assoċjazzjoni u t-tisħiħ tal-appoġġ strutturali għas-soċjetà ċivili u l-media indipendenti;
   k) il-promozzjoni ta' prattiki agrikoli sostenibbli bħall-agroekoloġija, l-għoti ta' appoġġ lil produtturi u bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar u l-implimentazzjoni ta' rabta nutrittiva biex jiġu indirizzati l-forom kollha ta' malnutrizzjoni fil-kuntesti kollha u t-tkomplija tal-finanzjament għal attivitajiet li jgħaqqdu l-interventi umanitarji u ta' żvilupp biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin;

47.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li l-isfidi attwali ta' sigurtà fl-Afrika, flimkien ma' inugwaljanzi persistenti, nuqqas ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ u governanza dgħajfa, jistgħu jħeġġu l-migrazzjoni u jwasslu għal spostament sinifikanti ta' persuni, filwaqt li jdgħajfu lill-Istati tal-Afrika ta' Fuq u jaffettwaw lill-Ewropa, u jirriżultaw fi kriżi umanitarja mifruxa; jirrikonoxxi l-impatt tal-kunflitti, il-faqar, l-inugwaljanzi u t-tibdil fil-klima fuq l-ispostamenti furzati, u jistieden lill-Unjoni Ewropea tiffaċilita migrazzjoni regolari, sikura u dinjituża; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni bejn, b'mod partikolari, l-UE u r-reġjun tas-Saħel biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni importanti, filwaqt li jfakkar fil-prattika aċċettata li ma tiġix applikata kondizzjonalità għall-għajnuna umanitarja marbuta ma' azzjonijiet fil-qasam tal-migrazzjoni fir-reġjun;

48.  Jilqa' l-istrateġija tal-UE għall-Qarn tal-Afrika, li tinkludi mhux biss is-sigurtà u l-politika umanitarja, iżda wkoll politika ta' żvilupp għat-terminu itwal ta' żmien u l-objettivi tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; jissottolinja l-importanza ta' din il-viżjoni fuq perjodu itwal ta' politika ta' żvilupp, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki tagħhom f'dan ir-rigward u jimplimentaw programmazzjoni konġunta għad-diversi pajjiżi u għar-reġjun mill-iktar fis possibbli;

49.  Jappella għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà fil-kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà;

50.  Jitlob lill-UE tippromwovi l-implimentazzjoni effikaċi tal-Aġenda tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluża perspettiva tal-ġeneru dwar oqsma ta' politika ewlenin tas-sħubija strateġika UE-Unjoni Afrikana dwar is-sigurtà;

51.  Jemmen li l-UE għandha ssaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħha mal-parlamenti nazzjonali, inklużi l-kumitati tas-sigurtà u d-difiża, sabiex ittejjeb il-funzjonijiet kritiċi ta' sorveljanza li jappartjenu għall-interventi tas-sigurtà nazzjonali u esterni;

52.  Iħeġġeġ lill-atturi militari kollha fis-Saħel jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali u jimplimentaw rispons komprensiv li jiffoka fuq it-tnaqqis tat-tbatija tal-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni, b'mod partikolari billi titqies il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili bħala indikatur ewlieni tas-suċċess ta' kwalunkwe strateġija ta' sigurtà integrata; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet kollha ta' sigurtà ma jaggravawx is-sitwazzjoni umanitarja; jistieden lill-atturi kollha tas-sigurtà jimmonitorjaw l-impatt tal-operazzjonijiet militari u tal-miżuri ta' sigurtà tagħhom fuq l-aċċess għas-servizzi – li jinkludu l-ikel u n-nutrizzjoni, u l-ispostament furzat – bil-għan li jitnaqqsu l-effetti negattivi tagħhom fuq il-ħtiġijiet umanitarji;

53.  Iqis li huwa essenzjali li tingħata għajnuna straordinarja u olistika lir-reġjuni kkonċernati fid-dawl tal-isfida straordinarja ppreżentata mill-pandemija tal-COVID-19, li tiġi ppreservata l-kontinwità tan-negozju għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK billi jiġu appoġġati l-forzi armati lokali b'pariri dwar kif tiġi ttrattata din l-epidemija, li tissaħħaħ l-azzjoni ta' żvilupp tal-UE f'dawn ir-reġjuni, li jista' jkollha rwol importanti fit-tnaqqis tal-impatt tal-kriżi tas-saħħa, u li tingħata għajnuna umanitarja essenzjali u tintwera flessibbiltà u adattabbiltà għas-sitwazzjoni; jilqa' d-deċiżjoni adottata unanimament mill-G20 li jiġu sospiżi l-ħlasijiet tas-servizzi tad-dejn lill-ifqar pajjiżi;

54.  Jirrakkomanda li l-UE tintervjeni, b'kollaborazzjoni mal-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji u l-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, fuq livell finanzjarju biex tgħin fil-kontroll tad-dejn u l-pagament tal-imgħax; jitlob li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet kollha, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi finanzjarji tagħha, għal serħan mid-dejn, sospensjoni tad-dejn u sostenibbiltà tad-dejn għall-pajjiżi Afrikani;

55.  Jirrakkomanda li l-pajjiżi kkonċernati jassumu bis-sħiħ ir-responsabbiltà legali internazzjonali tagħhom u jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw ir-responsabbiltà fl-ambitu tad-dritt umanitarju internazzjonali għall-ksur kollu mwettaq mill-partijiet kollha, li jippermettu aċċess liberu għall-għajnuna umanitarja u s-servizzi bażiċi għall-persuni fil-bżonn, inklużi dawk li jgħixu f'territorji barra mill-kontroll tal-gvern, biex jiġi evitat kull riskju ta' devjazzjoni tal-għajnuna umanitarja, u li jippermettu negozjati dwar l-aċċess umanitarju mal-partijiet kollha fil-kunflitt, u jisħaq fuq l-importanza li l-għajnuna umanitarja titqies bħala newtrali u imparzjali, u li tiġi żgurata s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji;

56.  Jilqa' l-proposta biex jissaħħaħ il-prinċipju tal-multilateraliżmu fir-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE stabbilit fil-Komunikazzjoni Konġunta intitolata "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika"; iqis li ċ-Ċina komunista u r-Russja awtoritarja segwew approċċi differenti fir-relazzjoni tagħhom ma' pajjiżi Afrikani u li jmorru kontra l-isforzi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-isforzi ta' diplomazija pubblika u d-djalogu mal-Unjoni Afrikana, il-gvernijiet, il-parlamenti u s-soċjetajiet ċivili sabiex jiġi spjegat l-appoġġ tal-UE favur is-sigurtà fl-Afrika b'mod aktar effikaċi bħala kontribut għall-istrateġija tal-iżvilupp tal-Afrika 2063;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 54I, 26.2.2020, p. 9.
(2) ĠU C 440, 30.12.2015, p. 38.
(3) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 33.
(4) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 113.
(5) ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.
(6) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 56.
(7) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 153.
(8) Testi adottati, P8_TA(2019)0158.
(9) Testi adottati, P9_TA(2020)0009.
(10) Testi adottati, P9_TA(2020)0008.
(11) JOIN(2015)0017.
(12) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni – rapport annwali (Testi adottati, P9_TA(2020)0009).

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Jannar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza