Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2200(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0136/2020

Testi mressqa :

A9-0136/2020

Dibattiti :

PV 14/09/2020 - 25
CRE 14/09/2020 - 24
CRE 14/09/2020 - 25

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2020 - 9
PV 16/09/2020 - 12

Testi adottati :

P9_TA(2020)0221

Testi adottati
PDF 183kWORD 55k
L-Erbgħa, 16 ta' Settembru 2020 - Brussell
L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia
P9_TA(2020)0221A9-0136/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia (2019/2200(INI))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Parti Ħamsa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

—  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Georgia, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ b'mod sħiħ fl-1 ta' Lulju 2016,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia(1), tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa(2), tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Georgia(3), tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(4), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia min-naħa l-oħra(5),

—  wara li kkunsidra l-eżitu tal-ħames laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia tal-5 ta' Marzu 2019,

—  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali u r-rakkomandazzjonijiet tat-tmien laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Georgia li saret fis-27 u t-28 ta' Marzu 2019,

—  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, l-aktar reċenti dak tal-24 ta' Novembru 2017 fi Brussell,

—  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-sitt laqgħa tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Georgia tal-20 ta' Frar 2020,

—  wara li kkunsidra l-eżitu tat-tielet Djalogu ta' livell għoli dwar is-Sigurtà Strateġika bejn l-UE u l-Georgia tal-25 ta' Ottubru 2019,

—  wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' Frar 2020 dwar ir-Rapport ta' Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar il-Georgia (SWD(2020)0030),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil u d-Dikjarazzjoni Konġunta, iffirmati mill-partiti fil-gvern u fl-oppożizzjoni tal-Georgia fit-8 ta' Marzu 2020, dwar l-elezzjonijiet parlamentari tal-2020,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar l-abbozz tal-Kostituzzjoni riveduta tal-Georgia,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni finali tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-19 ta' Marzu 2018 dwar ir-riforma tal-Kostituzzjoni tal-Georgia,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tat-28 ta' Frar 2019 dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Georgia,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni urġenti tal-Kummissjoni ta' Venezja tas-16 ta' April 2019 dwar l-għażla u l-ħatra ta' mħallfin tal-Qorti Suprema fil-Georgia u t-tieni rapport tal-ODIHR tad-9 ta' Jannar 2020 dwar in-nomina u l-ħatra ta' mħallfin tal-Qorti Suprema fil-Georgia,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0136/2020),

A.  billi l-Georgia u l-UE, bħala sħab assoċjati, jinsabu impenjati li jippromwovu l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika abbażi ta' valuri u prinċipji komuni bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba; billi s-soċjetà tal-Georgia qed tkompli turi appoġġ qawwi għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiż u t-tqarrib tiegħu mal-UE;

B.  billi skont l-Artikolu 49 TUE u f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017, kull Stat Ewropew jista' japplika biex isir membru tal-UE, dment li jkun jirrispetta l-kriterji ta' Copenhagen;

C.  billi d-dħul fis-seħħ tal-Kostituzzjoni riveduta tiegħu f'Diċembru 2018 ikkonkluda t-tranżizzjoni tal-Georgia lejn sistema parlamentari sħiħa; billi sar progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia (FA), inkluża l-bidla għal sistema elettorali kompletament proporzjonali mill-2024;

D.  billi l-Georgia baqgħet impenjata għall-implimentazzjoni tal-FA u taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) u qed tkompli l-allinjament tagħha mal-acquis u mal-istandards tal-UE, li qed iwassal għal żieda fil-benefiċċji;

E.  billi tentattivi biex tiġi destabbilizzata l-Georgia qed ikomplu, inter alia permezz tal-implimentazzjoni tal-hekk imsejħa "trattati" bejn il-Federazzjoni Russa u r-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, l-għeluq tal-punti ta' qsim viċin il-Linja ta' Demarkazzjoni Amministrattiva fir-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar minn Awwissu 2019, iż-żieda ta' "frunterizzazzjoni" tul il-Linja ta' Demarkazzjoni Amministrattiva, u l-organizzazzjoni tal-hekk imsejħa "elezzjonijiet presidenzjali" f'Abkażja f'Marzu 2020;

F.  billi d-djalogu ffaċilitat reċenti bejn l-UE u l-Istati Uniti bejn il-partiti fil-gvern u dawk fl-oppożizzjoni wassal għal Memorandum ta' Qbil u Dikjarazzjoni Konġunta, iffirmati mill-partijiet ewlenin kollha fit-8 ta' Marzu 2020, li jirrappreżenta pass kruċjali lejn id-depolarizzazzjoni u n-normalizzazzjoni tal-ambjent politiku fil-Georgia fiż-żmien ta' tħejjija għall-elezzjonijiet parlamentari f'Ottubru 2020;

G.  billi r-riformi tas-settur tal-ġustizzja għadhom modesti u billi l-ħatra reċenti ta' 14-il imħallef tal-Qorti Suprema għall-għomorhom wriet nuqqas ta' trasparenza, b'devjazzjoni minn kriterji oġġettivi bbażati fuq il-mertu u tiżvela l-influwenza tal-politika partiġjana; billi l-votazzjoni fil-plenarja dwar il-ħatriet ġudizzjarji ttieħdet f'kuntest ta' kriżi politika, bojkott mill-oppożizzjoni, sejħiet mifruxa ħafna għal posponiment u tfixkil serju matul l-istadji tal-kumitati u dawk plenarji;

1.  Jilqa' l-approfondiment kontinwu tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Georgia u l-appoġġ qawwi li tgawdi t-triq li għażlet il-Georgia lejn l-integrazzjoni Ewropea u Ewro-Atlantika fl-ispettru politiku kollu u fis-soċjetà; jirrikonoxxi l-progress li kisbet il-Georgia fl-implimentazzjoni ta' riformi komprensivi, li għamlu lill-Georgia sieħba ewlenija tal-UE fir-reġjun, u jtenni l-ħtieġa li jkomplu jiġu implimentati u mmonitorjati riformi skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva; ifakkar li l-kooperazzjoni msaħħa u l-assistenza tal-UE huma bbażati fuq il-prinċipju "aktar għal aktar" u jiddependu fuq il-progress kontinwu tar-riforma, b'mod partikolari d-demokrazija u l-istat tad-dritt, inklużi kontrolli u bilanċi fl-istituzzjonijiet, l-indipendenza tal-ġudikatura u r-riforma elettorali;

2.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, inkluż permezz tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, il-kopresidenza tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, l-attivitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) u l-politika ta' nonrikonoxximent u impenn; jikkundanna bil-qawwa l-okkupazzjoni illegali tar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar mill-Federazzjoni Russa u l-installazzjoni illegali li għadha għaddejja ta' ħitan tal-barbed wire u ostakli artifiċjali oħra ("frunterizzazzjoni") tul il-Linja ta' Demarkazzjoni Amministrattiva minn atturi tas-sigurtà Russi u de facto tal-Ossezja tan-Nofsinhar u jenfasizza li dan il-ksur tad-dritt internazzjonali jeħtieġ li jitwaqqaf; jesiġi li l-awtoritajiet de facto fl-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar jerġgħu jiftħu l-punti ta' qsim magħluqa mingħajr dewmien u jieqfu milli jillimitaw il-libertà tal-moviment f'dawk ir-reġjuni; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri jiddenunzjaw dan il-proċess; jenfasizza li l-FA jkopri t-territorju kollu tal-Georgia, inklużi r-reġjuni okkupati tagħha, u għandu l-għan li jkun ta' benefiċċju għall-popolazzjoni kollha; jistieden lill-Federazzjoni Russa tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied li kien medjat mill-UE fit-12 ta' Awwissu 2008, b'mod partikolari biex tirtira l-forzi militari kollha tagħha mit-territorji okkupati tal-Georgia u tippermetti aċċess bla xkiel għall-EUMM għat-territorju kollu tal-Georgia; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), f'dan ir-rigward, jikkomunika b'mod ċar id-dispożizzjonijiet li għadhom ma ġewx issodisfati mill-Federazzjoni Russa; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-isforzi tagħhom biex isolvu l-kunflitt b'mod paċifiku billi jużaw l-istrumenti diplomatiċi kollha, inkluż permezz tal-EUMM u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, u biex ikomplu jappoġġaw l-inizjattiva tal-Parlament Georgjan "Pass lejn Futur Aħjar" u jrawmu miżuri ta' kuntatt bejn il-persuni u għall-bini tal-fiduċja; jilqa' l-isforzi tal-Georgia biex tippromwovi relazzjonijiet tajba mal-ġirien u kooperazzjoni kostruttiva fost il-pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar;

3.  Ifaħħar ir-rispons, rikonoxxut internazzjonalment, tal-poplu u tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Georgia għat-tifqigħa tal-COVID-19 u jenfasizza l-miżuri preventivi effettivi li ħadu l-ħaddiema mediċi u l-awtoritajiet governattivi, li għenu biex jitnaqqas il-piż fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa tal-Georgia u biex jittaffew l-effetti negattivi fuq l-ekonomija; jifraħ liċ-ċittadini tal-Georgia talli osservaw dawn il-miżuri fil-konfront ta' diffikultajiet ekonomiċi u soċjali; jinkoraġġixxi l-ġenerazzjoni ta' investiment biex titjieb il-kwalità u jiġi żgurat aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa; jilqa' l-fatt li l-UE tat EUR 183 miljun f'għotjiet lill-Georgia bħala rispons għall-COVID-19 u EUR 150 miljun f'self bil-għan li ttejjeb l-istabbiltà makroekonomika tagħha u tippermetti li r-riżorsi jiġu diretti lejn il-protezzjoni taċ-ċittadini, il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi estremament serji tal-pandemija u ż-żieda fil-kooperazzjoni mal-UE dwar ir-reżiljenza tas-saħħa pubblika, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki u ħidma mas-soċjetà ċivili dwar l-istabbiliment ta' strateġiji epidemiċi li jiffukaw fuq l-aktar gruppi vulnerabbli;

4.  Jilqa' l-fatt li minn Marzu 2017 'l hawn, ċittadini Georgjani għamlu 900 000 żjara mingħajr viża f'pajjiżi Schengen u f'pajjiżi assoċjati ma' Schengen; jinnota l-għadd dejjem jikber ta' applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi minn ċittadini Georgjani, u jistieden lill-Istati Membri kollha jirrikonoxxu lill-Georgia bħala pajjiż ta' oriġini bla periklu sabiex jitħaffef l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet bħal dawn u r-riammissjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni kontinwa tal-parametri ta' liberalizzazzjoni tal-viża mill-Georgia u ta' kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji tal-infurzar tal-Georgia u l-Istati Membri, biex titnaqqas il-kriminalità transfruntiera, b'mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar ta' drogi illegali; jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar tal-liġi bejn il-Georgia u l-Europol;

5.  Jenfasizza r-rwol tal-Georgia bħala sieħba affidabbli tal-UE u kontributur sinifikanti għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u tan-NATO; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE jkomplu jimpenjaw ruħhom mal-Georgia dwar il-PSDK, b'mod partikolari fid-dawl tal-interess tal-Georgia fid-diskussjoni dwar il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni fi proġetti PESCO u fl-iżvilupp ta' kooperazzjoni mal-aġenziji rilevanti tal-UE, meta jkun ta' interess reċiproku kemm għall-UE kif ukoll għall-Georgia;

Id-djalogu politiku u l-elezzjonijiet parlamentari

6.  Ifaħħar lill-partiti politiċi ewlenin kollha għall-iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil u d-Dikjarazzjoni Konġunta bil-medjazzjoni internazzjonali tat-8 ta' Marzu 2020, li stabbilixxa l-karatteristiċi ewlenin tas-sistema elettorali bbażata fuq 120 siġġu proporzjonali u 30 siġġu maġġoritarju u kompożizzjoni ġusta ta' distretti elettorali f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, u ppermetta li din is-sistema tintuża għall-elezzjonijiet parlamentari ta' Ottubru 2020; jilqa' l-eżitu tad-djalogu bejn il-partiti bħala sinjal ċar ta' rieda biex tinstab soluzzjoni komuni u jenfasizza l-importanza li tkompli tinbena l-fiduċja bejn il-partiti politiċi u li jitkompla d-djalogu bejn il-partiti fiż-żmien tat-tħejjija għall-elezzjonijiet parlamentari ta' Ottubru 2020 kif ukoll bħala bażi għall-istabbiltà politika; jilqa' l-implimentazzjoni tal-ftehim tat-8 ta' Marzu 2020 u d-deċiżjoni tal-President Zourabichvili tal-15 ta' Mejju 2020 għall-maħfra ta' żewġ mexxejja tal-oppożizzjoni li jinsabu l-ħabs – pass importanti lejn it-tħaffif tat-tensjonijiet; jistieden lill-partijiet kollha, f'dan ir-rigward, jonoraw kemm l-ittra kif ukoll l-ispirtu tal-ftehim u jimplimentaw bis-sħiħ l-aspetti kollha tiegħu, jiġifieri li jiżguraw li l-elementi kollha tar-riforma elettorali jiġu tradotti fil-Kostituzzjoni u fil-liġi filwaqt li jiġu implimentati, u li l-każijiet pendenti kollha ta' proċessi ġudizzjarji politiċizzati jissolvew mingħajr dewmien;

7.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament tal-Georgia beda jiddelibera dwar ir-riformi tas-sistema elettorali hekk kif tneħħa l-istat ta' emerġenza u ġew adottati b'suċċess l-emendi għall-Kostituzzjoni u l-kodiċi elettorali; jifraħ lill-Georgia għall-passi li ħadet lejn l-istabbiliment ta' Parlament aktar rappreżentattiv u d-depolarizzazzjoni tal-ambjent politiku; jistieden lill-partiti politiċi u lill-parlamentari kollha biex ikomplu jaħdmu lejn il-progress tad-demokrazija tal-Georgia in bona fede;

8.  Jinnota li l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin se jkunu kruċjali biex jiġu kkonfermati l-kredenzjali demokratiċi tal-Georgia u jesprimi t-tama, għaldaqstant, li ssir kampanja elettorali kkaratterizzata minn kompetizzjoni ġusta; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jimplimentaw malajr u jindirizzaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u jirrevedu l-leġiżlazzjoni rilevanti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-isfidi identifikati, inkluż l-użu ħażin ta' riżorsi pubbliċi għal kampanji politiċi u metodi oħra mhux xierqa ta' finanzjament tal-kampanji, l-impunità għall-vjolenza, it-tixrid ta' diskors ta' mibegħda u l-ksenofobija, ix-xiri tal-voti, ir-rappreżentanza tal-oppożizzjoni fl-Amministrazzjoni Elettorali, u s-sitwazzjoni fejn il-votanti, speċjalment l-impjegati taċ-ċivil, "jivvutaw mingħajr pressjoni u biża' ta' retribuzzjoni"(6); jistieden lill-awtoritajiet jissalvagwardjaw ix-xogħol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-osservaturi elettorali biex ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr ebda intimidazzjoni jew interferenza;

9.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Georgjani u lill-Amministrazzjoni Elettorali tal-Georgia jiżguraw ambjent sikur għall-elezzjonijiet parlamentari ta' Ottubru 2020 billi jipprovdu tagħmir ta' protezzjoni personali għall-persunal elettorali, billi jadattaw il-faċilitajiet ta' votazzjoni biex jiggarantixxu s-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini li jkunu qed jieħdu sehem, u jiżguraw li l-osservaturi elettorali jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom mingħajr tfixkil;

10.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għas-soċjetà ċivili vibranti tal-Georgia u jenfasizza r-rwol kruċjali li għandha biex tipprovdi sorveljanza demokratika u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-DCFTA; jistieden lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia jistabbilixxu mekkaniżmi formali għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess politiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani biex iniedu programmi nazzjonali ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili flimkien ma' dawk ipprovduti mill-UE u mill-komunità internazzjonali tad-donaturi;

L-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-libertà tal-media

11.  Jirrikonoxxi l-progress li għamlet il-Georgia bir-riformi tagħha, li jsaħħu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari r-riformi kostituzzjonali mwettqa fl-2018; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jikkonsolida l-istat tad-dritt u jkompli jsegwi r-riforma tal-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-qbid tal-istat, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, id-deċentralizzazzjoni, il-governanza tajba, l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-forniment tad-drittijiet tax-xogħol sabiex tkompli tissaħħaħ l-integrazzjoni bejn il-Georgia u l-UE;

12.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kawżi reċenti tal-qorti kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni, li dgħajfu l-fiduċja bejn il-partit fil-gvern u l-oppożizzjoni, jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv ir-riformi relatati mal-FA/DCFTA u jmorru kontra l-kliem u l-ispirtu tal-FA; jilqa' l-maħfra presidenzjali tal-politiċi tal-oppożizzjoni kkundannati, li twitti t-triq għad-depolarizzazzjoni tal-politika u tas-soċjetà; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani joqogħdu lura milli jsegwu kwalunkwe kawża ġudizzjarja b'motivazzjoni politika u jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE timmonitorja dawn il-proċessi kollha; jistieden lill-Georgia tirrispetta l-ogħla standards tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari l-indipendenza ġudizzjarja u d-dritt għal proċess ġust u għad-drittijiet tal-bniedem, kif impenjat ruħha fl-ambitu tal-FA;

13.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-proċeduri tal-għażla tal-imħallfin biex jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja jiġu implimentati bis-sħiħ qabel ma jsiru ħatriet ġodda; jiddispjaċih għall-fatt li l-proċedura tal-għażla reċenti tal-imħallfin tal-Qorti Suprema ma kinitx kompletament konformi ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet u kellha nuqqasijiet serji; jenfasizza l-importanza ta' ġudikatura depolitiċizzata, ħielsa mill-indħil politiku u li tirrispetta t-trasparenza, il-meritokrazija u r-responsabbiltà fil-ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema tal-Georgia u istituzzjonijiet ġudizzjarji oħra; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia, għalhekk, ikompli u jikkonsolida r-riformi tiegħu tas-sistema ġudizzjarja, inkluż l-Uffiċċju tal-Prosekuturi, filwaqt li jrawwem djalogu miftuħ mal-atturi politiċi kollha u mas-soċjetà ċivili kollha u jiżgura li l-istandards internazzjonali jiġu rispettati;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni sħiħa u kontinwa mal-Qorti Kriminali Internazzjonali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà komprensiva għall-każijiet li ssegwi;

15.  Jitlob li ssir investigazzjoni dwar l-inċidenti kollha ta' użu eċċessiv tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Georgia kontra dimostranti u ġurnalisti paċifiċi, inkluż matul il-protesti ta' Ġunju 2019; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi evitata l-impunità u jiġi żgurat li l-awturi tar-reati jinżammu responsabbli; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jirrispetta d-dritt għall-għaqda paċifika u għal-libertà ta' espressjoni, f'konformità mal-impenji skont il-FA, inkluż billi jnaqqas sanzjonijiet sproporzjonati għall-protestanti;

16.  Jirrikonoxxi li x-xenarju tal-media fil-Georgia huwa dinamiku u pluralistiku, iżda wkoll polarizzat; jissottolinja l-importanza tal-libertà tal-media, li għandha tinvolvi aċċess ugwali għall-partiti politiċi kollha għall-media, indipendenza editorjali u kopertura pluralistika, indipendenti, imparzjali u mhux diskriminatorja tal-fehmiet politiċi fil-programmazzjoni minn xandara privati u b'mod partikolari dawk pubbliċi matul il-kampanja elettorali li jmiss; jisħaq fuq il-ħtieġa għal dispożizzjonijiet ċari li jirregolaw ir-reklami bla ħlas kif ukoll dawk imħallsa u għal trasparenza mtejba tas-sjieda tal-media permezz ta' monitoraġġ imsaħħaħ tal-media; iħeġġeġ lill-awtoritajiet iżommu lura milli jindaħlu fil-libertà tal-media jew milli jsegwu kawżi ġudizzjarji b'motivazzjoni politika kontra s-sidien jew ir-rappreżentanti tal-media; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jieħu passi biex jipprevjeni kampanji ta' diżinformazzjoni minn atturi barranin jew domestiċi kontra l-pajjiż jew kwalunkwe partit politiku; iħeġġeġ lill-pjattaformi tal-media soċjali jiżguraw li dawn ma jintużawx b'mod ħażin biex tiddgħajjef l-integrità tal-proċess elettorali;

17.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki ċibernetiċi kontra l-istituzzjonijiet u l-mezzi tal-media tal-Georgia li ħafna minnhom huma attribwiti għal atturi Russi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu investigati b'mod effettiv u miġġielda l-kampanji ta' diżinformazzjoni barranin u l-propaganda, li qed jimminaw l-istituzzjonijiet tal-Georgia u joħolqu polarizzazzjoni fis-soċjetà; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE, għalhekk, biex iżidu l-kooperazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Georgia f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tappoġġa riformi dwar il-litteriżmu fil-media u fl-informazzjoni, u lill-Gvern tal-Georgia biex jikkoopera mal-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-aħjar prattiki kontra d-diżinformazzjoni; Jistieden, barra minn hekk, lill-atturi politiċi kollha fil-Georgia biex iżommu lura milli jużaw il-media soċjali biex jattakkaw persuni, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet u jxerrdu informazzjoni ħażina b'intenzjoni; jinnota l-azzjoni reċenti meħuda mill-pjattaformi tal-media soċjali kontra l-kontijiet u l-paġni li kienu involuti f'imġiba inawtentika kkoordinata u attakki kontra l-oppożizzjoni, il-media u s-soċjetà ċivili;

Rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali

18.  Jiddeplora l-ksur kostanti mill-Federazzjoni Russa, li teżerċita kontroll qawwi fuq ir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuni f'dawn ir-reġjuni okkupati, li qed jiġu mċaħħda mil-libertà ta' moviment u residenza, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt ta' aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa tal-oriġini, u jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għad-dritt tar-ritorn sikur u b'dinjità tal-persuni spustati internament u refuġjati; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-proċess ta' "frunterizzazzjoni" kontinwu u illegali għandu effetti detrimentali fil-kuntest tal-ġlieda li għaddejja kontra l-pandemija tal-COVID-19, minħabba li r-restrizzjoni tal-libertà ta' moviment qed iċċaħħad lin-nies mill-aċċess għas-servizzi mediċi meħtieġa u tipperikolalhom ħajjithom; jilqa' bi pjaċir it-tkomplija tal-parteċipazzjoni fil-Mekkaniżmi għall-Prevenzjoni u r-Rispons għall-Inċidenti (IPRMs) f'Ergneti fit-30 ta' Lulju 2020 u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex ikomplu d-djalogu regolari f'dan il-format biex titjieb is-sitwazzjoni umanitarja u ta' sikurezza tal-popolazzjoni milquta mill-kunflitt;

19.  Jissottolinja li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prekundizzjoni ewlenija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv; ifaħħar il-ħidma tal-Kunsill għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Parlament Georgjan u l-isforzi tiegħu biex jidentifika u jqajjem kuxjenza dwar il-fastidju sesswali bħala forma ta' diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet Georgjani biex ikomplu jtejbu r-rappreżentanza tan-nisa u t-trattament ugwali fil-livelli kollha tal-ħajja politika u tas-soċjetà; jitlob li l-Kummissjoni tintegra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki, fil-programmi u fl-attivitajiet kollha tagħha b'rabta mal-Georgia; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

20.  Jilqa' l-ħidma tad-Dipartiment tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni tal-Georgia u jinsisti li l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u kontra d-diskriminazzjoni għandha tiġi implimentata bir-reqqa u b'mod effiċjenti; jitlob li jsiru aktar sforzi biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, il-persuni LGBT, il-persuni Rom u l-minoranzi reliġjużi fl-oqsma soċjali, ekonomiċi, tax-xogħol u tas-saħħa u biex jiġu intensifikati l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' diskors ta' mibegħda u reati vjolenti kontra l-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli kollha; jistieden lill-komunitajiet reliġjużi kollha, inkluża l-Knisja Ortodossa Georgjana, u lis-soċjetà ċivili biex jaħdmu ħalli joħolqu klima ta' tolleranza;

21.  Jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ aktar is-sistema ta' protezzjoni tat-tfal, inkluż billi tiġi evitata l-vjolenza u l-isfruttament sesswali ta' minorenni; jitlob li titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji diġitali u li jiġi garantit aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd, inklużi t-tfal b'diżabilità; jissottolinja r-responsabbiltà tal-Gvern tal-Georgia li jissorvelja s-sitwazzjoni tat-tfal fl-orfanatrofji;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

22.  Jissottolinja l-importanza li jitnaqqas l-antagoniżmu u l-polarizzazzjoni tal-politika u li tiġi żgurata kooperazzjoni kostruttiva fl-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż, b'mod partikolari fil-Parlament Georgjan; jenfasizza l-ħtieġa, għaldaqstant, li tittejjeb il-klima politika u tinbena l-fiduċja fost l-atturi politiċi u istituzzjonali kollha, kif ukoll bejnhom u l-poplu Georgjan;

23.  Jistieden lill-Parlament tal-Georgia jagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet disponibbli għall-Georgia bħala pajjiż ta' prijorità għall-attivitajiet ta' appoġġ tal-Parlament Ewropew għad-demokrazija u biex jinvolvi ruħu fi djalogu ħalli jidentifika l-ħtiġijiet tiegħu;

24.  Jistieden lill-Parlament tal-Georgia jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu li jeżerċita mekkaniżmi ta' kontroll parlamentari, b'mod partikolari kontroll fuq is-sistema ta' sigurtà; jinkoraġġixxi rwol akbar għall-oppożizzjoni fil-proċess ta' sorveljanza parlamentari, proċeduri simplifikati għal taħrik ta' membri tal-gvern u uffiċjali responsabbli oħra, u l-istabbiliment ta' sistema ta' reġistrazzjoni ċentralizzata biex tipprovdi informazzjoni f'waqtha u sħiħa dwar il-kontroll parlamentari lill-partijiet interessati kollha;

Relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali

25.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Georgia, u tirrappreżenta 27 % tal-kummerċ totali tagħha; jilqa' l-approssimazzjoni kontinwa tal-leġiżlazzjoni tal-Georgia f'oqsma relatati mal-kummerċ; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu u jiġu diversifikati l-esportazzjonijiet tal-Georgia lejn l-UE lil hinn mill-komoditajiet agrikoli u l-materja prima u li jiġu attirati investimenti mill-UE lejn il-Georgia biex jiġu pprovduti aktar impjiegi u jittejbu l-bilanċ kummerċjali tal-Georgia mal-UE u l-istabbiltà makrofinanzjarja, l-ewwel u qabel kollox billi jissaħħaħ l-istat tad-dritt, jiġu miġġielda l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa u billi tiġi appoġġata l-approssimazzjoni mal-istandards tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li jiġi appoġġat ambjent tan-negozju favorevoli għall-intrapriżi reġjonali żgħar u ta' daqs medju sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Georgia li tkompli tagħmel innovazzjonijiet f'setturi ekonomiċi differenti; jistieden lill-Kummissjoni tesplora kooperazzjoni settorjali aħjar, fl-ekonomija diġitali, fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-innovazzjoni, biex is-settur tal-ICT, id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ekoloġiċi jsiru aħjar, filwaqt li ssir kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattiki; jenfasizza l-importanza ta' programmi mmirati għaż-żgħażagħ biex jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi ġusti;

26.  Ifakkar li l-FA/DCFTA bejn l-UE u l-Georgia għandu l-għan li gradwalment jintegra lill-Georgia fis-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni ssemma' leħinha aktar biex tistabbilixxi mira li tiżgura aċċess għas-suq uniku għall-Georgia u biex issaħħaħ l-inizjattivi mmirati lejn integrazzjoni settorjali aktar profonda bil-ħsieb li tinkiseb aktar konverġenza tal-politika mal-UE u li r-riżultati ta' kooperazzjoni bilaterali jsiru aktar viżibbli u tanġibbli għaż-żewġ naħat;

27.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jinfurmaw aktar lill-intraprendituri lokali u lill-media tal-massa dwar l-implimentazzjoni tad-DCFTA ;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni ssostni l-implimentazzjoni sħiħa tad-DCFTA permezz ta' assistenza kkoordinata, b'enfasi fuq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u fuq l-appoġġ għall-SMEs u r-riformi strutturali f'kooperazzjoni man-negozji u s-soċjetà ċivili, inkluż riforma importanti fis-settur bankarju u finanzjarju bil-għan li jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa;

29.  Jissttolinja l-importanza ta' riformi strutturali biex tkompli tissaħħaħ il-klima tal-investiment fil-Georgia, inkluż biex jiġi attirat investiment dirett barrani u tiġi żgurata t-trasparenza tiegħu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jsaħħu l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet responsabbli u jżidu l-appoġġ politiku u l-unità għal proġetti ta' infrastruttura b'importanza strateġika;

Kooperazzjoni settorjali

30.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jkompli r-riforma komprensiva tal-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol biex jiżgura regolamentazzjoni aħjar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż titjib kontinwu fl-ispezzjonijiet tax-xogħol u d-djalogu soċjali; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li tiġi emendata l-Liġi dwar is-Sikurezza tax-Xogħol biex tiġi stabbilita sistema kompluta ta' spezzjoni u mekkaniżmu xieraq kontra d-diskriminazzjoni ħalli jiġu sorveljati b'mod espliċitu r-rispett sħiħ tad-drittijiet tax-xogħol u jiġi vverifikat b'mod sistematiku kull periklu fuq il-post tax-xogħol, jiġi inkluż mekkaniżmu modern kontra l-korruzzjoni u jiġu ratifikati l-konvenzjonijiet tal-ILO rilevanti kollha; iħeġġeġ l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tat-trade unions f'dawn ir-riformi fid-dawl tal-importanza tagħhom għad-drittijiet tal-ħaddiema u soċjali fil-Georgia;

31.  Ifakkar li d-DCFTAs iridu dejjem jinkludu kapitoli robusti, vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli b'rispett sħiħ għall-impenji internazzjonali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi, u jridu jkunu konformi mar-regoli tad-WTO; jinkoraġġixxi li jitħaffu l-implimentazzjoni tat-tielet Programm ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Ambjent u l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Georgia mal-acquis tal-UE b'rabta mal-ambjent, f'konformità mar-rekwiżiti tal-FA dwar il-protezzjoni ambjentali; jistieden lill-Georgia tkompli ssaħħaħ l-involviment tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Georgia fil-Ftehim Ekoloġiku Ewropew u tiżgura li d-DCFTA ma tikkontradixxix l-objettivi u l-inizjattivi ambjentali stabbiliti fiha;

32.  Jilqa' dak li nkiseb fil-Qafas ta' Appoġġ Uniku u jħeġġeġ implimentazzjoni rapida u effikaċi tal-programmi l-ġodda ta' assistenza, li jiffukaw fuq l-effiċjenza enerġetika, il-ġestjoni tal-iskart solidu u l-provvista tal-ilma u s-sanità;

33.  Jilqa' l-allokazzjoni mill-Kummissjoni ta' EUR 3,4 biljuni għal 18-il proġett prijoritarju fil-Georgia skont il-pjan ta' azzjoni tal-investiment indikattiv tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T); jistieden lill-Georgia ttejjeb is-settur tal-enerġija u l-konnettività tagħha, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà ambjentali, b'mod partikolari l-preservazzjoni tal-bijodiversità u tas-siti protetti, filwaqt li tqis il-komunitajiet lokali matul il-proċess ta' implimentazzjoni;

34.  Jilqa' l-programm il-ġdid tal-edukazzjoni tal-Georgia, ir-rieżami tal-istrateġija 2017-2021 għall-edukazzjoni u x-xjenza, il-Liġi l-ġdida dwar l-Edukazzjoni Vokazzjonali u t-Taħriġ, u l-progress li sar fl-allinjament tal-mekkaniżmu ta' assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni tiegħu mal-FA; jilqa' l-parteċipazzjoni b'suċċess tal-Georgia fl-Erasmus+, li ra kważi 7 500 student u persunal akkademiku fi skambji bejn il-Georgia u l-UE, kif ukoll l-Iskola Ewropea tas-Sħubija tal-Lvant u l-ewwel Skola Ewropea stabbilita mill-UE u mill-Gvern tal-Georgia;

35.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Georgia fi programmi u aġenziji appoġġati mill-UE li huma miftuħa għall-pajjiżi mhux tal-UE, taħt status legalment xieraq;

o
o   o

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0457.
(2) ĠU C 28, 27.1.2020, p. 97.
(3) ĠU C 162, 10.5.2019, p. 138.
(4) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.
(5) ĠU C 294, 12.8.2016, p. 111.
(6) Rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-ODIHR tat-28 ta' Frar 2019 dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Georgia, p. 30.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Jannar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza