Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2003(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0137/2020

Testi mressqa :

A9-0137/2020

Dibattiti :

PV 14/09/2020 - 24
CRE 14/09/2020 - 24

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0224

Testi adottati
PDF 195kWORD 66k
Il-Ħamis, 17 ta' Settembru 2020 - Brussell
L-esportazzjoni ta' armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK
P9_TA(2020)0224A9-0137/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-esportazzjoni ta' armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (2020/2003(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 346(1)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-manifattura jew il-kummerċ tal-armi, fl-Artikolu 42(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) sabiex tiġi identifikata "politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti", u fl-Artikolu 21 TUE, b'mod partikolari l-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 tas-16 ta' Settembru 2019 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK ("il-Pożizzjoni Komuni") li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari(1) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2019 dwar ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Għoxrin Rapport Annwali mfassal f'konformità mal-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni(2),

–  wara li kkunsidra l-Wieħed u Għoxrin Rapport Annwali mfassal f'konformità mal-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/101 tat-22 ta' Jannar 2018 dwar il-promozzjoni ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi(4) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/915 tad-29 ta' Mejju 2017 dwar attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2191 tad-19 ta' Diċembru 2019 b'appoġġ għal mekkaniżmu ta' rappurtar globali dwar armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom biex jitnaqqas ir-riskju ta' devjazzjoni u trasferiment illeċitu tagħhom (iTrace IV)(6),

–  wara li kkunsidra l-Lista Militari Komuni aġġornata tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fis-17 ta' Frar 2020(7),

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-Utent għall-Pożizzjoni Komuni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Wassenaar tat-12 ta' Mejju 1996 dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju, flimkien mal-listi, aġġornati f'Diċembru 2019, ta' dawn il-prodotti u teknoloġiji u munizzjon,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' April 2013(8), li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(9), u d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju(11), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1969 tat-12 ta' Settembru 2016(12), u l-lista ta' oġġetti b'użu doppju u t-teknoloġija fl-Anness I tiegħu ("ir-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) li għandu l-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni(13),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2018 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) (COM(2018)0476),

–  wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (HR(2018)94),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-Għan 16 li jippromwovi soċjetajiet ġusti, paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2216 (2015) dwar embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Jemen, u r-Rapport A/HRC/39/43 tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inkluż dwar vjolazzjonijiet u abbużi minn Settembru 2014 'il quddiem,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 tal-31 ta' Marzu 2020 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI)(14),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2473(2019) adottata fl-10 ta' Ġunju 2019, li ġġedded il-miżuri maħsuba li jimplimentaw l-embargo fuq l-armi kontra l-Libja, u d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Jannar 2020 tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) dwar it-tkomplija tal-vjolazzjonijiet tal-embargo fuq l-armi fil-Libja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1970(2011) li timponi embargo fuq l-armi fuq il-Libja u r-riżoluzzjonijiet kollha sussegwenti tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar din il-kwistjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet 2292 (2016), 2357 (2017), 2420 (2018) u 2473 (2019) dwar l-implimentazzjoni stretta tal-embargo fuq l-armi,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tan-NU tal-2018 "Securing Our Common Future: An Agenda for Disarmament" (Nassiguraw il-Futur Komuni Tagħna: Aġenda għad-Diżarm),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/125 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(15),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Ottubru 2019 dwar it-Turkija, li japprovaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar l-azzjonijiet illegali tagħha fit-Tramuntana tas-Sirja u fil-Lvant tal-Mediterran,

–  wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 16 tan-NU, li għandu l-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli (16)

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-impatt tat-trasferiment tal-armi fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-esportazzjoni tal-armi u l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Novembru 2018(18), tat-13 ta' Settembru 2017(19) u tas-17 ta' Diċembru 2015(20),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen tal-25 ta' Frar 2016(22), il-15 ta' Ġunju 2017(23) u t-30 ta' Novembru 2017(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati(25),

–  wara li kkunsidra l-workshop bit-titlu "The implementation of the EU arms export control system" (L-implimentazzjoni tas-sistema tal-kontroll fuq l-esportazzjoni tal-armi tal-UE) li sar fil-laqgħa tas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża fit-12 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titlu "Recommendations for a transparent and detailed reporting system on arms exports within the EU and to third countries" (Rakkomandazzjonijiet għal sistema ta' rappurtar trasparenti u ddettaljata dwar l-esportazzjoni tal-armi fl-UE u lejn pajjiżi terzi) ikkummissjonat mis-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża,

–  wara li kkunsidra t-Trattat bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar il-Kooperazzjoni u l-Integrazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja tat-22 ta' Jannar 2019 (Trattat ta' Aachen bejn Franza u l-Ġermanja),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-21 ta' Awwissu 2013 dwar l-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0137/2020),

A.  billi l-aktar ċifri reċenti SIPRI(26) juru li l-esportazzjonijiet tal-armi mill-UE-28 kienu jammontaw għal madwar 26 % mit-total globali ta' bejn l-2015 u l-2019, li jagħmlu lill-UE-28, b'mod kollettiv, it-tieni l-akbar fornitur tal-armi fid-dinja wara l-Istati Uniti (36 %) u segwiti mir-Russja (21 %); billi skont l-Artikolu 346 TUE, il-manifattura tal-armi jew il-kummerċ tagħhom jibqgħu f'idejn l-Istati Membri;

B.  billi l-aktar ċifri reċenti SIPRI jindikaw li l-UE-28 huma t-tieni l-akbar esportaturi tal-armi kemm lejn l-Arabja Sawdija kif ukoll lejn l-Emirati Għarab Magħquda (UAE); billi skont il-Grupp ta' Esperti Eminenti Reġjonali u Internazzjonali tan-NU, il-partijiet għall-konflitt armat fil-Jemen wettqu, u għadhom qegħdin iwettqu, reati bi ksur tad-dritt internazzjonali;

C.  billi l-esportazzjonijiet tal-armi, ta' armi u ta' tagħmir isaħħu l-kapaċità tal-industrija tad-difiża li tirriċerka b'mod effiċjenti u tiżviluppa teknoloġiji difensivi, u b'hekk tiżgura l-kapaċità tal-Istati Membri tal-UE li jiddefendu lilhom infushom u li jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom;

D.  billi qed tikber tellieqa ġdida għall-armi fid-dinja u billi s-setgħat militari ewlenin m'għadhomx jiddependu fuq il-kontroll tal-armi u d-diżarm biex inaqqsu t-tensjonijiet internazzjonali u jtejbu l-ambjent tas-sigurtà globali;

E.  billi l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2008 tirrappreżenta strument essenzjali għal kooperazzjoni msaħħa u għal allinjament eqreb tal-politiki ta' esportazzjoni tal-Istati Membri;

F.  billi l-Istati Membri jirrikonoxxu r-responsabbiltà speċjali li tista' tirriżulta mill-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari lejn stati terzi biex jiġu influwenzati jew aggravati t-tensjonijiet u l-konflitti eżistenti;

G.  billi l-kriżi globali kaġun tal-pandemija tal-COVID-19 jista' jkollha riperkussjonijiet ġeostrateġiċi sinifikanti u tkompli turi l-ħtieġa li tinbena awtonomija strateġika Ewropea ġenwina;

H.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tal-21 ta' Awwissu 2013 iddikjaraw li l-"Istati Membri qablu wkoll li jissospendu l-liċenzji tal-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna u li jerġgħu jivvalutaw il-liċenzji tal-esportazzjoni ta' tagħmir koperti mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u jeżaminaw mill-ġdid l-assistenza ta' sigurtà tagħhom mal-Eġittu"; billi kumpaniji bbażati f'diversi Stati Membri tal-UE komplew jesportaw armi, teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor tas-sigurtà lejn l-Eġittu, u b'hekk iffaċilitaw il-hacking u l-malware kif ukoll forom oħra ta' attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili kemm fiżikament kif ukoll online; billi din l-attività wasslet għar-repressjoni tal-libertà tal-espressjoni online;

I.  billi f'dinja multipolari dejjem aktar instabbli b'żieda fil-forzi nazzjonalisti, ksenofobiċi u antidemokratiċi, huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea ssir attur influwenti fix-xena dinjija u żżomm ir-rwol ewlieni tagħha ta' "setgħa ta' persważjoni" globali, impenjata favur id-diżarm kemm fir-rigward tal-armi konvenzjonali u tal-armi nukleari, u li tinvesti fil-prevenzjoni tal-konflitti, fil-ġestjoni tal-kriżijiet u fil-medjazzjoni qabel ma jiġu kkunsidrati l-għażliet militari;

J.  billi l-esportazzjonijiet tal-armi huma essenzjali għat-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tal-industrija tad-difiża Ewropea, li primarjament hija impenjata biex tiżgura l-protezzjoni u s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE filwaqt li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-PESK;

K.  billi d-diverġenza fl-imġiba tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri xi kultant qed iddgħajjef il-kapaċità tal-UE li tikseb l-objettivi tal-politika barranija tagħha, kif ukoll timmina l-kredibbiltà tagħha bħala attur li jitkellem b'vuċi waħda fl-arena internazzjonali;

L.  billi kemm l-ambjent ta' sigurtà globali kif ukoll dak reġjonali nbidlu b'mod drammatiku, speċjalment fir-rigward tal-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Unjoni;

M.  billi l-miżuri ta' trasparenza militari bħar-rappurtar dwar l-esportazzjonijiet tal-armi jikkontribwixxu għall-bini ta' fiduċja transfruntiera;

L-20 u l-21 rapport annwali dwar l-esportazzjoni tal-armi

1.  Jissottolinja li ż-żamma ta' industrija tad-difiża sservi bħala parti mill-awtodifiża tal-Unjoni u hija komponent tal-awtonomija strateġika tagħha; jinnota li dan huwa possibbli biss jekk l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-prodotti Ewropej fil-programmi ta' tagħmir tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li suq Ewropew vijabbli jnaqqas id-dipendenza fuq l-esportazzjonijiet tal-armi lejn pajjiżi terzi;

2.  Jinnota li l-pożizzjoni komuni tipprevedi proċedura ta' trasparenza li tinvolvi l-pubblikazzjoni ta' rapporti annwali tal-UE dwar l-esportazzjonijiet tal-armi; jilqa' pożittivament il-pubblikazzjoni tal-20 u tal-21 rapport, f'konformità mal-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, miġbura mill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM) u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, anke jekk b'dewmien; jemmen li l-pubblikazzjoni taż-żewġ rapporti tirrappreżenta pass 'il quddiem lejn pożizzjoni komuni tal-UE fil-qasam tal-esportazzjonijiet tal-armi, fil-qafas ta' kuntest internazzjonali dejjem aktar ta' sfida kkaratterizzat minn żieda fil-volumi tal-esportazzjonijiet u t-tnaqqis fil-livelli ta' trasparenza; iqis iż-żewġ rapporti bħala valur komplementari għar-rapporti tan-NU dwar it-trasparenza globali u reġjonali dwar l-esportazzjoni tal-armi;

3.  Jinnota l-isforzi tal-Istati Membri biex jikkonformaw mal-Artikolu 346(1)(b) tat-TFUE dwar il-manifattura tal-armi jew il-kummerċ tagħhom;

4.  Jinnota li 19-il Stat Membru għamlu sottomissjonijiet kompluti għall-20 rapport annwali, u 19 għall-21 rapport annwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom, kif stabbilit fil-Pożizzjoni Komuni fi żmien ta' tnaqqis fit-trasparenza globali fil-kummerċ tal-armi, speċjalment min-naħa ta' diversi pajjiżi ewlenin esportaturi tal-armi; jissottolinja li s-sottomissjoni sħiħa għandha l-għan li jiġu sottomessi l-kwantità u l-valur totali kemm tal-liċenzji mogħtija kif ukoll tal-esportazzjonijiet attwali, imqassma skont il-pajjiż ta' destinazzjoni u l-kategorija tal-Lista Militari; jinnota li għall-20 rapport annwali 27 Stat Membru, bl-eċċezzjoni tal-Greċja, għamlu tal-inqas sottomissjonijiet parzjali, u għall-21 rapport annwali kull wieħed mit-28 Stat Membru ppreżentaw data, filwaqt li madwar terz tas-sottomissjonijiet tagħhom ma kinux kompluti; jilqa' pożittivament madankollu, l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-gvernijiet permezz tar-rapporti nazzjonali; itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux sottomissjonijiet sħaħ jipprovdu informazzjoni addizzjonali rigward l-esportazzjonijiet tagħhom tal-passat fid-dawl tar-rapport annwali li jmiss;

5.  Jinsab imħasseb li l-Istati Membri jużaw informazzjoni differenti ħafna sabiex jiġġeneraw data dwar il-valur tal-liċenzji, u jikkumplikaw il-kapaċità li tintuża data konsistenti u komparattiva b'mod effettiv; jisħaq fuq il-fatt li l-importanza tar-rappurtar dwar l-esportazzjonijiet reali tal-armi, inkluż il-valur u l-kwantità totali tagħhom, skont liċenzji globali u ġenerali mqassma skont il-kategoriji tal-Lista Militari u skont il-pajjiż ta' destinazzjoni;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-koordinazzjoni tagħhom u jiddefinixxu l-aħjar prattiki komuni għall-ġbir u l-ipproċessar ta' informazzjoni u data, sabiex jipproduċu aktar rapporti annwali armonizzati biex b'hekk jitjiebu t-trasparenza u l-utilità tar-rapporti;

7.  Jinnota li l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, reġjun fejn hemm diversi konflitti armati, għadhom l-ewwel destinazzjoni reġjonali għall-esportazzjonijiet skont l-aħħar żewġ rapporti annwali; jinnota li dawn ir-reġjuni jiffaċċjaw sfidi ta' sigurtà sinifikanti u kontinwi u li l-esportazzjonijiet kollha għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta' każ b'każ fil-konfront tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni;

8.  Jappoġġa l-impenn tal-Kunsill li jsaħħaħ il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u ta' tagħmir militari; jinnota r-rieda tal-Istati Membri li jsaħħu l-kooperazzjoni u jippromwovu l-konverġenza f'dan il-qasam fil-qafas tal-PESK; jilqa' pożittivament dawn l-isforzi għaliex jikkonformaw mal-objettivi ġenerali tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE u tal-prijoritajiet reġjonali stabbiliti fl-Istrateġija Globali tal-UE (2016); f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, jimplimentaw u jsostnu standards komuni ta' ġestjoni tat-trasferimenti ta' teknoloġija u tagħmir militari;

9.  Ifakkar li l-UE qed timplimenta għadd ta' embargos fuq l-armi, inklużi l-embargos kollha tan-NU, f'konformità mal-objettivi tal-PESK, f'pajjiżi bħall-Belarussja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, iċ-Ċina, l-Iran, il-Libja, il-Myanmar, il-Korea ta' Fuq, il-Federazzjoni Russa, is-Somalja, is-Sudan t'Isfel, is-Sudan, is-Sirja, il-Venezwela, il-Jemen u ż-Żimbabwe; jinnota li billi dawn l-embargos jistgħu jċaħħdu lil pajjiż minn riżorsi militari, f'xi każijiet jikkontribwixxu għall-paċi u l-istabbiltà reġjonali; jinnota li dawn l-embargos jiżguraw li l-UE ma tikkontribwixxix għal kriżijiet umanitarji, għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u għall-atroċitajiet; jistieden lill-UE tgħin fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jiġu implimentati proċeduri qawwija għall-monitoraġġ tal-konformità tal-Istati Membri kollha mal-embargos tal-armi tal-UE, u biex tagħmel pubbliċi s-sejbiet rilevanti(27);

10.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen tal-4 ta' Ottubru 2018; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri kollha tal-UE biex ma jibqgħux ibigħu l-armi u kwalunkwe tagħmir militari lill-Arabja Sawdija, lill-Emirati Għarab Magħquda u lil kwalunkwe membru tal-koalizzjoni internazzjonali, kif ukoll lill-Gvern Jemenit u lil partijiet oħra fil-konflitt;

11.  Jilqa' pożittivament id-deċiżjonijiet tal-gvernijiet tal-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, u n-Netherlands li jadottaw restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tal-armi tagħhom lejn pajjiżi li huma membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija involuti fil-gwerra fil-Jemen; jinnota li f'xi każijiet, kif irrappurtat mill-NGOs, l-armi esportati lejn dawk il-pajjiżi ntużaw fil-Jemen, fejn 22 miljun persuna jinsabu fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja u protezzjoni; ifakkar li dawn l-esportazzjonijiet jiksru biċ-ċar il-Pożizzjoni Komuni; jinnota l-estensjoni mġedda tal-moratorju fuq l-esportazzjonijiet tal-armi lejn l-Arabja Sawdija min-naħa tal-Ġermanja sal-aħħar tal-2020, kif ukoll id-deċiżjonijiet ta' diversi Stati Membri li jinfurzaw restrizzjonijiet sħaħ; ifakkar li bejn il-25 ta' Frar 2016 u l-14 ta' Frar 2019, il-Parlament, permezz ta' riżoluzzjonijiet plenarji, talab tal-inqas għaxar darbiet lill-VP/RGħ biex ivara proċess li jwassal għal embargo tal-armi tal-UE fuq l-Arabja Sawdija, inkluż fl-2018 ukoll fir-rigward ta' membri oħra tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen; għal darb' oħra jtenni din it-talba;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu l-eżempju tal-Ġermanja, il-Finlandja u d-Danimarka, li, wara l-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi, adottaw restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tal-armi tagħhom lejn l-Arabja Sawdija;

13.  Itenni l-istediniet tiegħu lill-Istati Membri biex jagħtu segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Eġittu tal-21 ta' Awwissu 2013 li jħabbru s-sospensjoni tal-liċenzji tal-esportazzjoni għal kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna b'konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, u jikkundanna n-nuqqas ta' konformità persistenti tal-Istati Membri ma' dawn l-impenji; jistieden lill-Istati Membri għaldaqstant, iwaqqfu l-esportazzjonijiet lejn l-Eġittu, ta' armi, teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor ta' sigurtà li jistgħu jiffaċilitaw l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, inkluż fuq il-midja soċjali, kif ukoll kwalunkwe tip ieħor ta' repressjoni interna; jistieden lill-VP/RGħ jirrapporta dwar is-sitwazzjoni kurrenti tal-kooperazzjoni militari u tas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE mal-Eġittu; jitlob lill-UE timplimenta bis-sħiħ il-kontrolli tal-esportazzjoni tagħha lejn l-Eġittu, fir-rigward ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għar-repressjoni, għat-tortura jew għall-piena kapitali;

14.  Itenni s-sejħiet reċenti tiegħu biex jintemmu l-esportazzjonijiet ta' teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor li jista' jiffaċilita r-repressjoni interna, lil diversi pajjiżi inklużi l-Eġittu, il-Bahrain, l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vjetnam;

15.  Jinnota li l-UE twettaq missjonijiet fil-qafas tal-PSDK, inkluża missjoni ta' infurzar ta' embargo tal-armi fil-Libja, bil-għan li ssaħħaħ il-paċi u l-istabbiltà reġjonali; jiddispjaċih ħafna għall-ksur sfaċċat tal-embargo tal-armi fil-Libja, anke wara l-impenji li saru f'dan ir-rigward mill-pajjiżi kkonċernati waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Libja li saret f'Berlin fid-19 ta' Jannar 2020; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu it-trasferimenti kollha tal-armi, tagħmir ta' sorveljanza u ta' intelligence u ta' materjal għall-partijiet kollha involuti fil-konflitt Libjan;

16.  Jilqa' pożittivament l-objettiv tal-Operazzjoni IRINI dwar l-implimentazzjoni stretta tal-embargo fuq l-armi tan-NU permezz tal-użu ta' assi tal-ajru, tas-satellita u marittimi billi twettaq spezzjonijiet ta' bastimenti fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja li huma suspettati li qed iġorru armi jew materjal relatat lejn u mil-Libja, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2292 (2016), 2357 (2017), 2420 (2018) u 2473 (2019);

17.  Jikkundanna bil-qawwa l-iffirmar taż-żewġ Memoranda ta' Ftehim bejn it-Turkija u l-Libja dwar id-delimitazzjoni taż-żoni marittimi u dwar is-sigurtà komprensiva u l-kooperazzjoni militari, li huma interkonnessi u li jirrappreżentaw ksur ċar kemm tad-dritt internazzjonali kif ukoll tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li timponi embargo tal-armi fuq il-Libja; ifakkar id-deċiżjoni meħuda minn xi Stati Membri biex jitwaqqaf il-ħruġ ta' liċenzji għall-esportazzjoni ta' armi lejn it-Turkija; ifakkar li l-Istati Membri ħadu impenn favur pożizzjonijiet nazzjonali qawwija rigward il-politika tagħhom għall-esportazzjoni ta' armi lejn it-Turkija abbażi tad-dispożizzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, inkluża l-applikazzjoni stretta tal-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali; jistieden lill-VP/RGħ sabiex, sakemm it-Turkija tkompli bl-azzjonijiet unilaterali illegali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran, liema azzjonijiet jmorru kontra s-sovranità ta' kwalunkwe Stat Membru (partikolarment tal-Greċja u Ċipru) u d-dritt internazzjonali, u sakemm tibqa' ma tipparteċipax fi djalogu bbażat fuq id-dritt internazzjonali, jintroduċi inizjattiva fil-Kunsill biex l-Istati Membri kollha tal-UE jieqfu milli joħorġu liċenzji għall-esportazzjoni ta' armi lejn it-Turkija b'konformità mal-Pożizzjoni Komuni; jappella lill-fora rilevanti fi ħdan in-NATO, u speċjalment lit-Task Force ta' Livell Għoli dwar il-Kontroll tal-Armi Konvenzjonali, biex jiddiskutu b'urġenza l-kontroll tal-armi fil-Lvant tal-Mediterran.

18.  Jistieden lill-Istati Membri biex, fir-rigward tal-kontrolli tal-esportazzjoni, jagħtu aktar attenzjoni lill-oġġetti li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll militari;

19.  Jinnota li ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta' sanzjoni fis-seħħ jekk Stat Membru jinvolvi ruħu f'esportazzjonijiet li, b'mod ċar, mhumiex kompatibbli mat-tmien kriterji;

Ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni min-naħa tal-Kunsill

20.  Jilqa' pożittivament l-intenzjoni tal-Kunsill li jżid il-konverġenza u t-trasparenza, bħala l-objettivi prinċipali tal-aħħar rieżami tiegħu tal-Pożizzjoni Komuni, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni u d-dikjarazzjoni tagħhom li "t-tisħiħ ta' bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea għandu jkun akkumpanjat minn kooperazzjoni u konverġenza aktar mill-qrib fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari"(28);

21.  Jilqa' pożittivament l-impenn imġedded tal-Istati Membri għall-Pożizzjoni Komuni legalment vinkolanti kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 u jisħaq fuq l-importanza li titwettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-applikazzjonijiet għal liċenzja tal-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari skont il-kriterji stipulati fiha; jirrimarka li d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 u l-konklużjonijiet rilevanti tas-16 ta' Settembru 2019 jirriflettu sensibilizzazzjoni dejjem akbar fost l-Istati Membri dwar il-ħtieġa għal aktar trasparenza u konverġenza nazzjonali u fl-UE kollha fil-qasam tal-esportazzjoni tal-armi u l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sorveljanza pubblika f'dan il-qasam sensittiv ta' sigurtà nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li dawn id-deċiżjonijiet għandhom il-potenzjal li jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jingħataw informazzjoni aħjar dwar l-għażliet strateġiċi magħmula mill-gvernijiet tagħhom f'qasam li jaffettwa b'mod dirett is-sigurtà tagħhom u l-konformità tal-pajjiżi tagħhom mal-valuri u n-normi;

22.  Jinsab imħasseb dwar it-tellieqa tal-armi dejjem akbar fid-dinja; ifakkar fl-ambizzjoni tal-UE li ssir attur globali favur il-paċi; għalhekk jistieden lill-UE twettaq rwol attiv fl-oqsma tan-nonproliferazzjoni tal-armi u d-diżarm globali; jilqa' pożittivament il-fatt li l-aġġornament tal-Pożizzjoni Komuni jikkunsidra l-iżviluppi rilevanti f'dan ir-rigward, bħall-adozzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA), li l-Istati Membri kollha partijiet tiegħu; jilqa' pożittivament l-attivitajiet tal-UE li għandhom l-għan li jappoġġaw l-universalizzazzjoni tat-TKA, b'mod partikolari l-assistenza lil pajjiżi terzi fit-titjib u l-implimentazzjoni ta' sistemi effettivi ta' kontroll tal-armi f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni; jistieden lill-pajjiżi esportaturi tal-armi ewlenin, bħalma huma l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja, biex jiffirmaw u jirratifikaw it-TKA;

23.  Jappoġġa l-fatt li l--Kunsill jafferma mill-ġdid li t-tagħmir u t-teknoloġija militari għandhom jiġu nnegozjati b'mod responsabbli u li jista' jingħata rendikont dwaru; jilqa' pożittivament l-impenn imġedded tal-Kunsill biex ikompli jippromwovi l-kooperazzjoni u l-konverġenza fil-politiki tal-Istati Membri bil-għan li jipprevjeni l-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna jew għal aggressjoni internazzjonali jew jikkontribwixxu għal instabbiltà reġjonali;

24.  Jinnota bi tħassib li d-diverġenzi dejjem akbar bejn il-politiki u l-prattiki dwar l-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri jnaqqsu gradwalment il-konverġenza tar-regoli tal-UE f'dan il-qasam; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu introdotti strumenti ġodda; jinnota li azzjonijiet futuri ffinanzjati mill-Fond Ewropew għad-Difiża se jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' teknoloġiji u tagħmir militari ġodda;

25.  Jinnota f'dan ir-rigward li l-Kunsill jirrikonoxxi l-importanza ta' politika ta' kontroll tal-esportazzjoni konsistenti rigward materjali relatati mad-difiża u oġġetti b'użu doppju; jemmen li l-UE għandha tistabbilixxi kriterji u linji gwida ċari rigward l-esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti;

26.  Jilqa' pożittivament l-introduzzjoni ta' miżuri konkreti maħsuba biex jiffaċilitaw ir-rappurtar korrett, koerenti u f'waqtu tal-esportazzjonijiet tal-armi tal-Istati Membri; jappoġġa b'mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kunsill li jintroduċi skadenza ċara ta' rappurtar għal sottomissjonijiet nazzjonali, standards ċari għall-format tar-rapport, u aktar linji gwida dwar is-sustanza u l-proċess ta' rappurtar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissottomettu d-data tagħhom mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn Mejju wara s-sena ta' rappurtar sabiex ikun jista' jsir dibattitu pubbliku f'waqtu; jilqa' pożittivament il-passi li ttieħdu lejn l-approċċ online u jħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tiegħu; jilqa' pożittivament ukoll l-appoġġ tal-Kunsill għal linji gwida ċari dwar il-kondiviżjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-politiki dwar l-esportazzjoni tal-armi tagħhom; jilqa' pożittivament il-passi li ttieħdu lejn l-approċċ diġitali permezz tas-Sistema Online COARM, u jħeġġeġ l-espansjoni ulterjuri tagħha;

Iż-żieda fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-manifattura tal-armi

27.  Jinnota li minn mindu ġiet adottata l-Pożizzjoni Komuni legalment vinkolanti fl-2008, l-Istati Membri żiedu l-monitoraġġ tagħhom tal-esportazzjonijiet tal-armi; jinnota wkoll li għadd dejjem akbar ta' sistemi ta' armi prodotti fl-Ewropa huma magħmula minn komponenti minn diversi Stati Membri tal-UE u jinvolvu kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali għal raġunijiet teknoloġiċi, industrijali u politiċi; jissottolinja r-rwol pożittiv ta' din it-tip ta' kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-bini ta' fiduċja fost l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi;

28.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ambizzjoni li tiżdied il-kompetittività tas-settur ta' difiża Ewropea ma għandhiex iddgħajjef l-applikazzjoni tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni peress li jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe interess ekonomiku soċjali, kummerċjali jew industrijali tal-Istati Membri;

29.  Jinnota żieda fit-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija, li jippermetti lil pajjiżi terzi jwettqu manifattura liċenzjata ta' teknoloġija militari Ewropea; jemmen li dan il-proċess m'għandux jillimita l-kapaċità tal-UE li tikkontrolla l-armi, il-manifattura ta' armi u tagħmir militari, iżda għandu, minflok, irawwem il-konverġenza tal-istandards ta' sorveljanza pubblika u ta' trasparenza fil-manifattura tad-difiża u jaċċellera l-ħolqien ta' regoli rikonoxxuti internazzjonalment u rispettati, dwar il-manifattura u l-esportazzjoni tal-armi;

30.  Jinnota li numru dejjem akbar ta' komponenti f'sistemi tal-armi huma ta' oriġini ċivili jew ta' natura ta' użu doppju; għalhekk iqis li huwa meħtieġ li tiġi stabbilita sistema koerenti ta' kontroll tat-trasferiment għal dawn il-komponenti fost l-Istati Membri kollha;

31.  Jinnota li l-Istati Membri ma tawx deskrizzjoni ta' politika komuni li tirregola t-trasferiment tal-komponenti tal-armi lejn Stat Membru ieħor li tiżgura li kwalunkwe esportazzjoni lejn pajjiżi terzi mill-Istat Membru tal-assemblaġġ tkun konsistenti mal-politika tal-esportazzjoni tal-Istat Membru li jipprovdi l-komponenti; jinnota li xi Stati Membri għadhom iqisu t-trasferimenti intra-UE ta' armi u ta' prodotti relatati mad-difiża bħala simili għall-operazzjonijiet ta' esportazzjoni lejn pajjiżi terzi; iqis dan il-fatt bħala wieħed partikolarment ta' sfida fil-kuntest tad-diverġenzi dejjem akbar bejn il-prattiki tal-liċenzjar madwar l-UE; josserva li d-Direttiva 2009/43/KE dwar it-trasferimenti intra-Komunitarji, fil-forma kurrenti tagħha, mhijiex imfassla biex tikseb l-ogħla standards komuni għall-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi lejn pajjiżi terzi filwaqt li tiffaċilita t-trasferimenti fis-suq Ewropew tal-armamenti;

32.  Jinnota li l-ewwel tentattiv biex jiġu rregolati t-trasferimenti intra-Ewropej kien il-ftehim ta' armonizzazzjoni Schmidt-Debré bejn Franza u l-Ġermanja permezz tar-regola "de minimis"; jinnota, f'dan ir-rigward, il-Ftehim bejn Franza u l-Ġermanja dwar il-kontrolli tal-esportazzjonijiet fis-settur tad-difiża;

33.  Josserva li l-politiki dwar l-esportazzjoni tal-armi ta' kull Stat Membru jistgħu jfixklu l-proġetti ta' kooperazzjoni; jinnota li dawn id-diverġenzi jistgħu jwasslu għal ftehimiet bilaterali u speċifiċi dwar sistemi tal-armi li, f'xi każijiet, jippermettu l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi abbażi tal-istandards l-inqas restrittivi, aktar milli fuq approċċ konġunt mifrux mal-UE kollha; ifakkar li l-għan tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-esportazzjonijiet tal-armi kien u jibqa' li jiġu evitati diverġenzi simili u li tiġi stabbilita politika komuni koerenti rigward l-esportazzjoni tal-armi; jinnota r-rabta bejn id-diverġenzi fil-politiki tal-esportazzjoni u d-diffikultajiet ta' kooperazzjoni intra-UE, il-frammentazzjoni persistenti tas-suq intern rigward prodotti relatati mad-difiża, u l-eżistenza ta' duplikazzjonijiet industrijali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jipprovdu livell ta' finanzjament xieraq li jippermetti t-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-suq u l-konsolidazzjoni industrijali filwaqt li jiżguraw li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkollhom il-kapaċitajiet militari li jeħtieġu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttivi 2009/81/KE u 2009/43/KE, inklużi l-azzjonijiet ta' infurzar fir-rigward tal-akkwist pubbliku;

34.  Jinnota li l-kooperazzjoni bilaterali dwar proġetti industrijali relatati mad-difiża bejn l-Istati Membri twassal għal ftehimiet ta' kontroll tal-esportazzjoni li jistgħu jipprovdu punt ta' tluq għall-UE kollha kemm hi;

35.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ftehimiet bilaterali u multilaterali għandhom iwittu t-triq lejn konverġenza u armonizzazzjoni mtejba tal-politiki tal-esportazzjoni fil-livell tal-UE minħabba li n-nuqqas ta' konverġenza u trasparenza fid-deċiżjonijiet dwar l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi jista' jkollu impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-UE li titkellem b'vuċi waħda u tkun influwenti fix-xena internazzjonali, rigward il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali u l-paċi u l-istabbiltà reġjonali; jinnota t-tħassib li din id-diverġenza għandha l-potenzjal li tiġġenera distorsjonijiet fis-suq u xxekkel l-ippjanar strateġiku industrijali, l-ekonomiji ta' skala u l-assigurazzjoni ta' kundizzjonijiet ekwi;

L-importanza dejjem akbar tal-livell tal-UE fil-manifattura tal-armi

36.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iżvilupp ta' tagħmir xieraq huwa mezz importanti li jirfed il-pedamenti industrijali u teknoloġiċi tas-settur Ewropew tad-difiża; jinnota li l-inizjattivi tal-UE bħall-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża (PADR), il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) u l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), kif ukoll il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) u l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF), leġiżlazzjoni bħad-direttivi dwar it-trasferimenti intra-Komunitarji u l-akkwist fil-qasam tad-difiża tal-2009, u l-ħolqien ta' kapaċitajiet amministrattivi bħad-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju (DĠ DEFIS) qed jgħinu ft-tisħiħ tal-kooperazzjoni għal skopijiet ta' manifattura tal-armi u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fil-livell Ewropew; jemmen li t-tisħiħ tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea għandu jiġi akkumpanjat minn kooperazzjoni aktar mill-qrib u konverġenza fil-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari, partikolarment bil-għan li tittejjeb l-effikaċja tal-PESK u tal-PSDK;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jegħlbu n-nuqqas attwali ta' effiċjenza fl-infiq għad-difiża minħabba d-duplikazzjoni, il-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' interoperabbiltà, u biex ikollhom l-għan li l-UE ssir fornitur tas-sigurtà, anke permezz ta' kontroll aħjar tal-esportazzjoni tal-armi;

38.  Jinnota li diversi Stati Membri esprimew il-ħsieb tagħhom li jiżviluppaw b'mod konġunt is-sistemi tal-armi ewlenin bħal tankijiet tal-gwerra, ajruplani tal-ġlied u droni armati;

39.  Jissottolinja li l-ftehim interistituzzjonali provviżorju dwar l-istabbiliment tal-EDF jawtorizza lill-Kummissjoni tevalwa jekk it-trasferiment tas-sjieda jew l-għoti ta' liċenzja esklużiva ta' teknoloġija militari kofinanzjata mill-EDF imurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u l-objettivi tal-fond kif stipulat fl-Artikolu 3 tar-regolament propost; jinnota li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, kompitu ta' sorveljanza ċivili għall-Kummissjoni rigward kategorija speċifika ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija militari lejn pajjiżi terzi, biex b'hekk tkompli ssaħħaħ it-trasparenza u jitnaqqas ir-riskju ta' użu ħażin tal-fondi tal-UE, madankollu mingħajr ma tiġi preġudikata l-kompetenza tal-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-Istati Membri li joħorġu liċenzji tal-esportazzjoni;

40.  Jinnota li l-impenji internazzjonali magħmula mis-sħab Ewropej jestendu għall-forniment ta' informazzjoni dwar l-iskemi ta' kontroll nazzjonali u t-trasferimenti tal-armi tagħhom; jinnota li skont l-EPF, l-Istati Membri u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom il-possibbiltà li jittrasferixxu tagħmir militari lil pajjiżi terzi, li jirrikjedi monitoraġġ fil-livell tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li fil-kuntest tal-EPF, strument ġdid fil-livell tal-UE jista' potenzjalment joffri valutazzjoni tar-riskju konġunta qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni rigward trasferiment ta' armi u munizzjon lejn pajjiżi terzi fil-kuntest tal-pilastru tal-bini tal-kapaċità militari tal-EPF, jivvaluta miżuri individwali kontra t-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, u jistabbilixxi salvagwardji u sanzjonijiet possibbli b'rabta mal-utent finali;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat sew dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-proġetti kollha ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni ta' droni; iħeġġeġ lill-VP/RGħ jipprojbixxi l-iżvilupp, il-manifattura u l-użu ta' armi kompletament awtonomi, li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent tal-bniedem;

42.  Jirrimarka li r-riċerka u l-iżvilupp dwar l-armi, it-tagħmir għall-armi u d-difiża huma importanti biex jiġu żgurati l-mezzi biex l-Istati Membri jiddefendu lilhom infushom u biex l-industriji tad-difiża jiksbu avvanz teknoloġiku;

L-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni fid-dawl tal-importanza dejjem akbar tal-livell tal-UE fil-manifattura tal-armi

43.  Jinnota n-nuqqas ta' konverġenza tal-politiki nazzjonali tal-esportazzjoni tal-armi u t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-kuntest tal-importanza dejjem akbar tal-livell tal-UE fil-manifattura tal-armi, u tal-ambizzjonijiet u l-pjanijiet dikjarati biex din tiġi żviluppata aktar; jinnota li n-nuqqas ta' konverġenza tar-riskji nazzjonali tal-esportazzjoni tal-armi jirriskja li jinħolqu distorsjonijiet tas-suq u ostakli relatati addizzjonali għall-ippjanar strateġiku ta' kumpaniji u ta' forzi armati rilevanti, u se jirrikjedi konverġenza progressiva ta' politiki nazzjonali dwar l-esportazzjoni tal-armi u t-teħid ta' deċiżjonijiet; ifakkar fl-importanza li l-Istati Membri jiġu involuti f'tali proċess; jiddispjaċih għad-diverġenzi kurrenti bejn il-politiki nazzjonali tal-esportazzjoni tal-armi u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Istati Membri; jistieden lill-Kunsill ikompli bl-isforzi tiegħu favur il-konverġenza tal-politiki dwar l-esportazzjoni tal-armi u t-teħid ta' deċiżjonijiet;

44.  Jissuġġerixxi li l-esportazzjonijiet ta' prodotti ffinanzjati fl-ambitu tal-EDIDP u/jew il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) għandhom jiġu elenkati b'mod separat fid-data ppreżentata lill-COARM, bil-għan jiġi żgurat il-monitoraġġ mill-qrib ta' dawk il-prodotti li ġew iffinanzjati mill-baġit Ewropew u l-applikazzjoni stretta tal-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni għall-prodotti ffinanzjati fl-ambitu tal-EDIDP u l-EDF;

45.  Jilqa' pożittivament it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża tal-UE fil-qafas tal-PSDK; jemmen li l-importanza dejjem akbar tal-livell tal-UE fil-manifattura tal-armi jeħtieġ li timxi id f'id ma' trasparenza akbar; jemmen li għad hemm lok għal titjib f'dan il-qasam, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwalità u l-uniformità tad-data ppreżentata mill-Istati Membri; huwa tal-fehma li d-definizzjoni ta' "Politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti" kif prevista fl-Artikolu 42(3) tat-TUE teħtieġ li tkun konformi mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; jemmen li konverġenza akbar ta' regoli u ta' standards komuni ta' trasparenza fl-esportazzjonijiet u t-teknoloġija tal-armi trawwem il-bini ta' fiduċja fost l-Istati Membri u s-sħab ta' pajjiżi terzi; jilqa' pożittivament l-isforzi tal-COARM, partikolarment il-gwida għall-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni mill-Istati Membri f'termini ta' kooperazzjoni, koordinazzjoni u konverġenza; jinnota li s-sistema ta' skambju ta' informazzjoni COARM u l-gwida għall-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni huma għodod utli ta' kuljum għall-awtoritajiet ta' kontroll; jissottolinja l-isforzi tal-Istati Membri biex jappoġġaw il-ħidma tal-COARM fil-promozzjoni tal-iskambji tal-aħjar prattiki; jirrakkomanda lil COARM:

   a) iżid il-kategoriji addizzjonali li ġejjin f'mudell ta' rappurtar rivedut, bil-qbil mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment, sabiex jiġu implimentati l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill ta' Settembru 2019: it-tip eżatt ta' arma u l-kwantità esportata, id-denominazzjoni tal-munizzjon, id-daqs tal-lott u l-utent aħħari speċifiku, il-liċenzji revokati, u l-valur u t-tul ta' żmien tal-kuntratti rigward servizzi ta' wara l-kunsinna bħat-taħriġ u l-manutenzjoni; jallinja d-definizzjoni tal-UE dwar armi żgħar mad-definizzjoni usa' tan-NU;
   b) jiżviluppa definizzjonijiet rikonoxxuti mill-UE u internazzjonalment bħal valur liċenzjat u esportazzjonijiet kurrenti, bil-għan li jiffaċilita l-komparabbiltà tad-data bejn l-Istati Membri;

46.  Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni li r-rapport annwali jinbidel f'bażi tad-data online interattiva, affidabbli u li jista' jsir tiftix fiha, u jistenna li din tiġi stabbilita u tkun operattiva qabel il-pubblikazzjoni tad-data dwar l-esportazzjoni għall-2019; jistieden lis-SEAE jinforma lill-Parlament dwar id-data preċiża li fiha din il-bażi tad-data se tkun online; iħeġġeġ lil COARM biex japplika soluzzjoni li tkun faċli għall-utent u aċċessibbli b'mod faċli miċ-ċittadini Ewropej u s-soċjetà ċivili, u li tippermetti li d-data tiġi esportata f'format sikur u strutturat;

47.  Jistieden lil COARM ikompli bl-isforzi tiegħu biex jintroduċi ċentru ta' notifika u skambju għall-Istati Membri biex jikkondividu informazzjoni dwar il-politika dwar l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi u d-deċiżjonijiet tagħhom biex jirrifjutaw l-applikazzjonijiet għal-liċenzji meħtieġa; jistieden barra minn hekk lil COARM biex, kif iddikjarat fl-Artikolu 7 tal-Pożizzjoni Komuni, jaħdem favur skambju mtejjeb ta' "informazzjoni rilevanti, inkluż informazzjoni dwar l-avviżi ta' rifjut u l-politiki dwar l-esportazzjoni tal-armi" u "miżuri [oħra] biex tkompli tiżdied il-konverġenza"; jipproponi għalhekk li jiġu skambjati l-valutazzjonijiet nazzjonali u li ssir ħidma lejn valutazzjoni konġunta tas-sitwazzjonijiet tal-pajjiżi jew tad-destinatarji potenzjali tal-esportazzjoni fid-dawl tal-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni fil-qafas tal-PESK u f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati esterni, inkluż il-Parlament; jitlob li l-lista ta' pajjiżi terzi li jikkonformaw mal-kriterji kif stabbilit fil-Pożizzjoni Komuni tiġi aġġornata regolarment;

48.  Jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jipproponu evalwazzjonijiet bejn il-pari bil-għan li jħeġġu lill-awtoritajiet nazzjonali jaqsmu l-aħjar prattiki dwar il-ġbir u l-ipproċessar tad-data, irawmu fehim aħjar tal-approċċi nazzjonali differenti, jidentifikaw id-differenzi fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-tmien kriterji, u jiddiskutu modi u mezzi biex jitjiebu l-armonizzazzjoni, il-konsistenza u l-konverġenza fost l-Istati Membri;

49.  Jemmen bil-qawwa li huwa essenzjali li jkun hemm implimentazzjoni aktar konsistenti tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE, għal raġunijiet ta' kredibbiltà tal-UE bħala attur globali bbażat fuq il-valur, u li livell ogħla ta' konverġenza fir-rigward tal-applikazzjoni sħiħa tal-kriterji jiżgura b'mod aktar effettiv ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali mill-partijiet kollha involuti fil-kummerċ tal-armi, jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, u jsaħħaħ l-interessi tas-sigurtà strateġika u l-awtonomija strateġika tal-UE; jemmen li dan se jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-PESK;

50.  Iqis li l-liċenzji ta' manifattura f'pajjiżi terzi ma għandhomx jibqgħu jingħataw jekk dan iwassal li jkunu jistgħu jiġu evitati t-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni jew direttivi oħra tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi;

51.  Jisħaq fuq il-fatt li kontrolli effettivi tal-użu aħħari jwasslu għal politika dwar l-esportazzjoni aktar responsabbli u b'mod partikolari, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fir-riskju ta' devjazzjoni; jilqa' pożittivament f'dan ir-rigward, il-proġett iTrace ffinanzjat mill-UE u jappoġġa t-tkomplija tiegħu, u jirrakkomanda l-użu ta' għodda simili biex jiġu traċċati l-esportazzjonijiet tal-armi legali mill-Istati Membri tal-UE lejn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lis-SEAE jistabbilixxu programm ta' taħriġ komprensiv u ta' bini ta' kapaċità għal uffiċjali nazzjonali u tal-UE b'rabta mal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi b'enfasi qawwija fuq il-bini ta' fehim reċiproku tat-tmien kriterji, il-valutazzjonijiet konġunti tar-riskju, il-ħolqien ta' salvagwardji, u l-verifika ta' qabel u ta' wara l-ħruġ ta' liċenzji; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri jieħdu passi biex jiżguraw konformità aħjar mar-regolamenti tagħhom dwar l-użu aħħari, inkluża l-implimentazzjoni ta' kontrolli ta' wara t-trasportazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti tal-UE biex jiġi żgurat li jkunu disponibbli biżżejjed riżorsi tal-persunal fil-livelli nazzjonali u tal-UE u fid-delegazzjonijiet u l-ambaxxati fil-pajjiżi importaturi bil-għan li jiġu implimentati valutazzjonijiet dwar il-vijabbiltà tar-riskju, kontrolli tal-użu aħħari u kontrolli ta' wara t-trasportazzjoni; jappella lis-SEAE u lil COARM jirrapportaw fuq iTrace kwalunkwe devjazzjoni identifikata ta' prodotti ta' oriġini tal-UE bħala parti mir-rapport annwali;

52.  Jemmen li ż-żieda fl-importanza tal-livell tal-UE fil-manifattura tal-armi, il-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar il-konverġenza fl-esportazzjonijiet tal-armi u t-twaqqif tal-EPF għandhom ikunu kkomplementati minn mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-kontroll fil-livell tal-UE bbażat fuq konformità totali mat-tmien kriterji; ifakkar fid-definizzjoni ta' "Politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti" kif prevista fl-Artikolu 42(3) TUE; jemmen li "l-akkomunament u kondiviżjoni" u ż-żieda fil-kooperazzjoni fil-politika dwar l-armi u l-politika dwar l-akkwist huma possibbli biss jekk jiġu stabbiliti kontrolli qawwija, arranġamenti reċiproċi ta' informazzjoni u skrutinju parlamentari regolari, u jekk jiġu infurzati mekkaniżmi ta' sanzjonijiet qawwija f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli komuni rigward ta' proġetti ffinanzjati mill-UE; jitlob ukoll li l-Parlament Ewropew - flimkien mal-parlamenti nazzjonali - ikun jista' jiggarantixxi l-kontroll parlamentari fuq il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u l-baġit tagħha;

53.  Jistieden lil COARM jeżamina l-kwistjoni tat-trasparenza fl-esportazzjoni tal-armi b'mod parallel mal-kwistjoni dwar it-trasparenza fil-liċenzjar għall-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, u jikkunsidra t-tfittxija ta' approċċi komuni għat-trasparenza bejn iż-żewġ strumenti; jemmen li ż-żieda fil-kontroll fuq il-kummerċ ta' oġġetti b'użu doppju mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' Regolament rivedut dwar l-Użu Doppju tal-UE għandu jiġi bbilanċjat permezz ta' parteċipazzjoni msaħħa u r-rwol ġenerali għall-Parlament sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà;

54.  Jisħaq fuq l-effett negattiv li l-esportazzjoni bla rażan ta' teknoloġiji ta' sorveljanza ċibernetika minn kumpaniji tal-UE jista' jkollha fuq is-sigurtà għall-infrastruttura diġitali tal-UE u fuq id-drittijiet tal-bniedem; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu dejjem akbar ta' ċerti teknoloġiji ta' ċibersorveljanza b'użu doppju fil-konfront ta' politiċi, attivisti u ġurnalisti; jikkundanna bil-qawwa n-numru dejjem jiżdied ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jħabbtu wiċċhom ma' theddid diġitali, inkluża data kompromessa permezz ta' konfiska ta' tagħmir, is-sorveljanza remota u t-tixrid ta' data; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' aġġornament rapidu, effikaċi u komprensiv tar-Regolament dwar l-Użu Doppju tal-UE; itenni l-pożizzjoni tal-Parlament dwar ir-riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-Użu Doppju, li għandha l-għan li tipprevjeni l-esportazzjoni, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' tagħmir taċ-ċibersigurtà li jista' jintuża għal repressjoni interna, inkluża s-sorveljanza tal-internet; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-isforzi kontinwi tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-kuntest ta' negozjati interistituzzjonali li għaddejjin bħalissa li għandhom l-għan li jaġġornaw ir-regolament tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju;

55.  Iqis li konsultazzjonijiet regolari mal-Parlament Ewropew, mal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u s-soċjetà ċivili jwasslu għal trasparenza sinifikanti; jistieden lill-parlamenti nazzjonali jiskambjaw l-aħjar prattiki ta' rappurtar u ta' sorveljanza bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol ta' skrutinju tal-parlamenti nazzjonali kollha fid-deċiżjonijiet dwar l-esportazzjonijiet tal-kontroll tal-armi; jistieden lil COARM ikompli d-djalogu tiegħu mas-soċjetà ċivili u mal-industriji rilevanti, kif ukoll il-konsultazzjonijiet tiegħu mal-Parlament u mal-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi; iħeġġeġ lis-soċjetà ċivili u lill-akkademja biex iżidu l-impenn u d-djalogu tagħhom mal-COARM u jeżerċitaw skrutinju indipendenti tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir ta' difiża; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jappoġġaw tali attivitajiet, inkluż permezz ta' riżorsi finanzjarji akbar;

56.  Jisħaq fuq il-ħtieġa, li fl-ispirtu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2019, ikun hemm sorveljanza parlamentari sinifikanti, u li tingħata risposta annwali għar-rapport annwali tal-COARM permezz ta' rapport tal-Parlament Ewropew bil-għan li jiġi żgurat skrutinju parlamentari minimu;

57.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jgħinu lil pajjiżi terzi fil-ħolqien, it-titjib u l-applikazzjoni ta' sistemi ta' kontroll ta' armi f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni;

o
o   o

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU L 239, 17.9.2019, p. 16.
(2) ĠU C 453, 14.12.2018, p. 1.
(3) ĠU C 437, 30.12.2019, p. 1.
(4) ĠU L 17, 23.1.2018, p. 40.
(5) ĠU L 139, 30.5.2017, p. 38.
(6) ĠU L 330, 20.12.2019, p. 53.
(7) ĠU C 85, 13.3.2020, p. 1.
(8) It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, NU, 13-27217.
(9) ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.
(10) ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.
(11) ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.
(12) ĠU L 307, 15.11.2016, p. 1.
(13) ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30.
(14) ĠU L 101, 1.4.2020, p. 4.
(15) ĠU L 30, 31.1.2019, p. 1.
(16) https://sustainabledevelopment.un.org/sdg16
(17) A/HRC/35/8.
(18) Testi adottati, P8_TA(2018)0451.
(19) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 63.
(20) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 178.
(21) Testi adottati, P8_TA(2019)0330.
(22) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.
(23) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 146.
(24) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 104.
(25) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.
(26) L-iskeda informattiva ta' Marzu 2020 tal-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma (SIPRI), intitolata "Trends in International arms transfers, 2019" (Tendenzi fit-Trasferimenti internazzjonali tal-armi, 2019).
(27) https://www.sanctionsmap.eu/#/main?checked=
(28) Konklużjoni 11 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' armi, kif adottati mill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 12195/19, COARM 154, Brussell, tas-16 ta' Settembru 2019.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Jannar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza