Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2782(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0290/2020

Dibattiti :

PV 17/09/2020 - 11.1
CRE 17/09/2020 - 11.1

Votazzjonijiet :

PV 17/09/2020 - 16

Testi adottati :

P9_TA(2020)0233

Testi adottati
PDF 143kWORD 50k
Il-Ħamis, 17 ta' Settembru 2020 - Brussell
Is-sitwazzjoni fil-Filippini, inkluż il-każ ta' Maria Ressa
P9_TA(2020)0233RC-B9-0290/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, inkluż il-każ ta' Maria Ressa (2020/2782(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Settembru 2016(1), tas-16 ta' Marzu 2017(2) u tad-19 ta' April 2018(3),

–  wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Filippini u l-UE (dak iż-żmien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)) li ġew stabbiliti fit-12 ta' Mejju 1964,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-istatus tal-Filippini bħala membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar il-valutazzjoni tal-Arranġament ta' Inċentiv Speċjali għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba (SĠP+) tal-UE għall-Filippini li jkopri l-perjodu 2018-2019, tal-10 ta' Frar 2020 (SWD(2020)0024),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-SEAE tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar il-kundanna ta' Maria Ressa u Reynaldo Santos,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fil-11 ta' Lulju 2019 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini,

–  wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tat-30 ta' Ġunju 2020, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Att Nru 11479 tar-Repubblika tal-Filippini tat-3 ta' Lulju 2020, magħruf ukoll bħala l-Att Kontra t-Terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Filippini u l-UE ilhom igawdu relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi bejniethom; billi permezz tar-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Filippini reġgħu affermaw l-impenn konġunt tagħhom favur il-prinċipji tal-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun;

B.  billi r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini tat-30 ta' Ġunju 2020 sab li l-każijiet ta' qtil relatati mal-kampanja tal-gvern kontra d-droga kienu "mifruxa u sistematiċi", u li mill-inqas 8 663 ruħ inqatlu skont data tal-gvern; billi hemm stimi ta' tliet darbiet dak in-numru; billi l-President Duterte ħeġġeġ b'mod espliċitu lill-pulizija biex iwettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, u wegħedhom immunità, filwaqt li l-uffiċjali tal-pulizija involuti f'tali prattiki rċevew promozzjonijiet; billi l-President Duterte wiegħed li jkompli din il-kampanja kontra d-droga sa tmiem il-mandat presidenzjali tiegħu fl-2022; billi l-maġġoranza tal-vittmi ġejjin minn komunitajiet foqra u emarġinati;

C.  billi l-ispazju għas-soċjetà ċivili dejjem qed ikompli jiċkien; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti regolarment iħabbtu wiċċhom ma' theddid, fastidju, intimidazzjoni u vjolenza talli jippruvaw jikxfu allegazzjonijiet ta' qtil extraġudizzjarju u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini; billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) "il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija regolarment meqjusa daqs ribelljoni"; billi skont l-OHCHR, mill-inqas 208 difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u trejdjunjonisti, inklużi 30 mara, inqatlu bejn Jannar 2015 u Diċembru 2019;

D.  billi Maria Ressa, ġurnalista Filippina u kofundatriċi u Uffiċjal Kap Eżekuttiv tas-sit web tal-aħbarijiet Rappler, ilha fil-mira għall-kritika tagħha tal-"gwerra kontra d-drogi" tal-gvern u għar-rappurtar kritiku ta' Rappler dwar il-qtil extraġudizzjarju; billi Maria Ressa u Reynaldo Santos Jr, riċerkatur ma' Rappler, ġew akkużati b'"libell ċibernetiku", ikkundannati fil-15 ta' Ġunju 2020 minn Qorti tal-Proċess Reġjonali ta' Manila għal sentenza indeterminata, bil-possibbiltà li jiffaċċjaw sa sitt snin ħabs; billi s-Sa Ressa u r-Rappler qed jiffaċċjaw mill-inqas sitt akkużi oħra;

E.  billi kmieni f'Lulju 2020, il-Kungress Filippin ivvota biex jiċħad it-tiġdid tal-franchise tax-xandir tal-ABS-CBN, l-akbar network tat-televiżjoni u tar-radju tal-pajjiż; billi r-rifjut li l-liċenzja tax-xandir tiegħu tiġġedded mill-President Duterte huwa meqjus bħala att ta' ritaljazzjoni għall-kopertura mill-midja tal-kampanja kontra d-drogi u tal-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi s-Senatriċi Leila de Lima, waħda mill-avversarji ewlenin tal-kampanja kontra d-droga tal-President Duterte, tneħħiet mill-pożizzjoni tagħha bħala president tal-Kumitat tas-Senat għall-Ġustizzja u d-Drittijiet tal-Bniedem fid-19 ta' Settembru 2016, u baqgħet f'detenzjoni tistenna li tiġi pproċessata mill-arrest tagħha fl-24 ta' Frar 2017; billi hemm tħassib serju li r-reati li ġiet mixlija bihom is-Senatriċi de Lima huma vvintati u politikament motivati;

G.  billi skont Global Witness, mill-inqas 43 difensur tad-drittijiet tal-art inqatlu fl-2019; billi l-biċċa l-kbira minnhom kienu mexxejja tal-komunità u parteċipanti attivi f'kampanji kontra proġetti ta' tħaffir fil-minjieri u n-negozju agrikolu;

H.  billi l-popli indiġeni fil-Filippini jammontaw għal 10-20 % tal-popolazzjoni kollha; billi fl-2018 ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Popli Indiġeni identifikat l-Filippini bħala pajjiż fost dawk bl-ogħla inċidenza fid-dinja kollha ta' kriminalizzazzjoni u attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem indiġeni; billi n-NU wissiet li l-militarizzazzjoni tat-territorji indiġeni u r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-għaqda u tal-espressjoni qed jiżdiedu, u li dawn l-iżviluppi huma marbuta mill-qrib mal-interessi tan-negozju; billi n-nuqqas persistenti ta' sigurtà u żvilupp ekonomiku fil-gżira ta' Mindanao, kif ukoll il-ksur irrapportat tad-dritt umanitarju internazzjonali u n-nuqqas ta' progress fil-ġustizzja tranżizzjonali u r-rikonċiljazzjoni, għadhom ta' tħassib serju;

I.  billi Zara Alvarez, ħaddiema legali għall-grupp tad-drittijiet tal-bniedem Karapatan, inqatlet b'arma tan-nar fis-17 ta' Awwissu 2020; billi s-Sa Alvarez kienet irċeviet theddid ripetutament, kienet soġġetta għal fastidju minħabba x-xogħol tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u kienet it-13-il membru tal-organizzazzjoni tagħha maqtula minn nofs l-2016; billi Randall "Randy" Echanis, promotur tal-paċi, attivist tad-drittijiet tal-art u membru ta' Karapatan, ġie ttorturat u maqtul fl-10 ta' Awwissu 2020; billi skont l-OHCHR, kemm is-Sur Echanis kif ukoll is-Sa Alvarez kienu ripetutament "red-tagged" ("tikkettati" bħala terroristi jew komunisti), u l-ismijiet tagħhom kienu jidhru fuq il-lista ta' mill-inqas 600 persuna li d-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Filippini talab lil qorti biex tiddikjara bħala "terroristi" fl-2018;

J.  billi l-OHCHR u r-rapporteurs speċjali tan-NU qajmu tħassib dwar x'jidher li huwa "pattern ta' intimidazzjoni" ta' sorsi ta' aħbarijiet indipendenti; billi fl-2020 il-Filippini jinsabu fil-136 post minn fost 180 pajjiż fil-Klassifikazzjoni tal-Libertà tal-Istampa ppubblikata kull sena minn Reporters Mingħajr Fruntieri; billi 16-il ġurnalist ġew assassinati minn kemm is-Sur Duterte ilu fil-poter;

K.  billi f'Marzu 2018, il-Filippini rtiraw mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) wara li l-QKI bdiet l-"eżami preliminari" tagħha tal-ilment imressaq kontra s-Sur Duterte b'rabta mal-għadd kbir ta' każijiet ta' qtil konnessi mal-kampanja kontra d-droga;

L.  billi fl-2017, il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Filippini approvat abbozz ta' liġi biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; billi dan l-abbozz ta' liġi jirrikjedi l-approvazzjoni minn qabel tas-Senat qabel ma l-President Duterte – li qed jagħmel kampanja attiva biex jerġa' jdaħħalha mill-ġdid – jista' jippromulgah f'liġi; billi jekk terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt, dan ikun bi ksur ċar tat-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Filippini huma parti fih;

M.  billi l-awtoritajiet tal-Filippini adottaw l-Att il-Ġdid Kontra t-Terroriżmu fit-3 ta' Lulju 2020; billi skont il-gruppi tas-soċjetà ċivili lokali, il-liġi ddgħajjef is-salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem b'mod allarmanti, twessa' d-definizzjoni tat-terroriżmu, u tespandi l-perjodu ta' detenzjoni mingħajr mandat minn 3 ijiem għal 14-il jum, u b'hekk iċċajpar distinzjonijiet importanti bejn il-kritika, il-kriminalità u t-terroriżmu, ħaġa li tqajjem kwistjonijiet ta' legalità u tkompli żżid ir-riskji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

N.  billi l-President Duterte ripetutament involva ruħu f'diskors u mġiba sessista u misoġinistiċi; billi skont l-NGOs lokali, il-każijiet ta' vjolenza u abbuż sesswali fuq in-nisa, inklużi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, żdiedu matul l-amministrazzjoni ta' Duterte; billi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem qed jiffaċċjaw kummenti degradanti u sesswalment espliċiti, theddid ta' stupru u attakki;

O.  billi fir-Rapport tal-2020 tal-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ITUC), il-Filippini huma inklużi fost l-aktar 10 pajjiżi perikolużi fid-dinja għall-ħaddiema; billi l-moviment trejdjunjonistiku tal-Filippini lmenta dwar ir-ripressjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż permezz ta' "red-tagging", għajbien u qtil ta' mexxejja tax-xogħol u trejdjunjonisti;

P.  billi l-komunità LGBTQI tiffaċċja fastidju kontinwu; billi l-President Duterte kemm-il darba rrefera għall-orjentazzjoni sesswali tal-avversarji politiċi tiegħu bħala sinjal ta' disprezz u għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi f'Mejju 2019 fejn implika li l-omosesswalità hija marda; billi f'Ġunju 2020, il-pulizija attakkat avveniment pride LGBTQI u allegatament arrestat 20 persuna;

Q.  billi huwa stmat li bejn 60 000 u 100 000 tifel u tifla fil-Filippini huma involuti fi ċrieki tal-prostituzzjoni; billi għadd mhux stabbilit ta' tfal huma sfurzati jaħdmu f'kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi; billi l-UNICEF esprima tħassib serju dwar it-tnaqqis fl-età tar-responsabbiltà kriminali;

R.  billi l-Filippini jinsabu fil-113-il post minn fost 180 pajjiż fil-Klassifikazzjoni tal-Korruzzjoni ppubblikata ta' kull sena minn Transparency International;

S.  billi sa mill-25 ta' Diċembru 2014 il-Filippini gawdew minn preferenzi kummerċjali msaħħa mal-UE taħt l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP+); billi dan l-istatus jiddependi fuq ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Filippini ta' 27 konvenzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, il-protezzjoni ambjentali u l-governanza tajba; billi fl-2019, 25 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-Filippini lejn l-UE (kważi EUR 2 biljun) irċevew trattament preferenzjali taħt din l-iskema; billi minkejja li l-UE nnotat rigress qawwi fir-rekord tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem, s'issa hija għadha ma skattatx il-mekkaniżmu li jista' jwassal għas-sospensjoni ta' dawn il-benefiċċji kummerċjali;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tmur għall-agħar fil-Filippini taħt il-President Duterte; jirrikonoxxi l-pubblikazzjoni ta' rapport mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2020, u jitlob lill-Gvern tal-Filippini jadotta u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha elenkati fih;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-eluf ta' omiċidji extraġudizzjarji u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-hekk imsejħa "gwerra kontra d-drogi"; jitlob lill-Gvern tal-Filippini sabiex itemm minnufih kull vjolenza diretta lejn persuni li huma suspettati li wettqu reati ta' droga, u biex ixolji l-gruppi paramilitari privati u appoġġati mill-Istat; jinsisti li l-ġlieda kontra d-drogi illeċiti trid tintrebaħ b'konformità sħiħa mal-proċess ġust tal-liġi, bi qbil mad-dritt nazzjonali u internazzjonali, u b'enfasi fuq is-saħħa pubblika;

3.  Jikkundanna kull tip ta' theddid, fastidju, intimidazzjoni, stupru u vjolenza kontra dawk li jfittxu li jikxfu allegazzjonjiet ta' qtil extraġudizzjarju u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, fosthom attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali, trejdunjonisti u ġurnalisti; jiddenunzja l-użu skorrett tal-liġi u tas-sistemi ġudizzjarji bħala mezz li bih jiġu msikkta l-ilħna ta' kritika;

4.  Jappella lill-awtoritajiet tal-Filippini, sabiex minnufih iwettqu investigazzjonijiet imparzjali, trasparenti, indipendenti u sinifikanti dwar il-qtil extraġudizzjarju, inklużi l-imwiet ta' Jory Porquia, Randall "Randy" Echanis u Zara Alvarez, kif ukoll dwar allegazzjonijiet oħra ta' ksur;

5.  Jinsab allarmat dwar il-livell ta' libertà tal-istampa li sejjer għall-agħar fil-Filippini; jikkundanna kull tip ta' theddid, fastidju, intimidazzjoni, prosekuzzjonijiet inġusti u vjolenza fil-konfront tal-ġurnalisti, inkluż il-każ ta' Maria Ressa; jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha b'motivazzjoni politika kontriha u kontra l-kollegi tagħha; ifakkar li l-libertà tal-istampa u l-libertà ta' espressjoni huma elementi fundamentali tad-demokrazija; jitlob lill-awtoritajiet tal-Filippini jġeddu l-liċenzja tax-xandir tal-grupp awdjoviżiv ewlieni, ABS-CBN; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri tal-UE f'Manila biex jissorveljaw mill-qrib il-każijiet fil-konfront ta' Maria Ressa u Reynaldo Santos Jr, u jipprovdu l-għajnuna kollha meħtieġa;

6.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Filippini biex iwaqqgħu l-akkużi kollha b'motivazzjoni politika fil-konfront tas-Senatriċi Leila de Lima, sabiex tinħeles waqt li qed tistenna l-proċess, titħalla teżerċita liberament id-drittijiet u l-kompiti tagħha bħala rappreżentant elett, u li jkollha sigurtà u kundizzjonijiet sanitarji adegwati waqt li tinsab taħt detenzjoni; jistieden lill-UE tkompli tissorvelja mill-qrib il-każ tagħha;

7.  Ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent fil-Filippini u tal-ħidma tagħhom; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri tal-UE fil-pajjiż biex isaħħu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili fl-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet tal-Filippini, biex jużaw l-istrumenti kollha disponibbli għalihom biex iqawwu l-appoġġ tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem u għall-ħidma tad-difensuri ambjentali, u, fejn xieraq, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u jipprovdu rifuġju temporanju fl-Istati Membri tal-UE;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Filippini jirrikonoxxu li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jaqdu rwol leġittimu fil-garanzija tal-paċi, il-ġustizzja u d-demokrazija; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jiggarantixxu, fiċ-ċirkostanzi kollha, l-integrità fiżika u psikoloġika tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti fil-pajjiż, u biex jiżguraw li huma jkunu jistgħu jwettqu ħidmiethom f'ambjent favorevoli u mingħajr biża' ta' rappreżalji; jilqa' pożittivament l-adozzjoni unanima mill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Filippini tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jitlob lis-Senat u lill-President jippromulgawha b'urġenza;

9.  Jesprimi tħassib serju dwar l-adozzjoni reċenti tal-Att Kontra t-Terroriżmu, u jfakkar li m'hemm l-ebda ċirkostanza li taħtha l-promozzjoni, il-protesta, id-dissens, l-istrajks u l-eżerċitar simili ieħor ta' drittijiet ċivili u politiċi jistgħu jitqiesu bħala atti terroristiċi;

10.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex waqt il-45 sessjoni tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem li għaddejja bħalissa jappoġġaw l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni biex tiġi stabbilita investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-Filippini sa mill-2016;

11.  Jiddispjaċih ħafna għad-deċiżjoni tal-Gvern tal-Filippini li jirtira mill-Istatut ta' Ruma; jistieden lill-Gvern ireġġa' lura din id-deċiżjoni; iħeġġeġ lill-QKI tkompli l-investigazzjoni tagħha fl-allegazzjonijiet ta' reati kontra l-umanità fil-kuntest tal-qtil matul il-"gwerra kontra d-drogi"; jistieden lill-Gvern tal-Filippini jikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI fl-eżami preliminari tiegħu tas-sitwazzjoni dwar il-Filippini;

12.  Jitlob għal darb'oħra lill-Awtoritajiet tal-Filippini jtemmu minnufih il-proċedimenti li għaddejjin biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; ifakkar li l-UE tqis il-piena kapitali bħala kastig krudili u inuman li jonqos milli jaġixxi bħala deterrent għal imġiba kriminali;

13.  Iħeġġeġ lill-Filippini jirrispettaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt internazzjonali li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni, inkluż fil-kuntest ta' kunflitt armat; jitlob lill-Gvern jiddefendi d-drittijiet tagħhom, jagħtihom is-setgħa u jadotta politika effettiva li ttejjeb il-kundizzjonijiet ta' għajxien tagħhom;

14.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u jfakkar li tali vjolenza tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tan-nisa u l-bniet; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet misoġeni ripetuti tal-President Duterte; jistieden lill-President jittratta lin-nisa b'rispett u jżomm lura milli jinċita l-vjolenza kontra n-nisa;

15.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra l-persuni LĠBTQI, u jfakkar li tali vjolenza tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tal-persuna; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet umiljanti u sessisti fir-rigward ta' persuni li jidentifikaw li jappartjenu għall-komunità LGBTQI;

16.  Jinsab allarmat dwar iż-żieda fil-livelli ta' korruzzjoni taħt l-amministrazzjoni Filippina kurrenti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw il-korruzzjoni b'mod effettiv; jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f'dan ir-rigward;

17.  Ifakkar li l-miżuri adottati mill-gvernijiet b'rispons għall-pandemija għandhom jipproteġu liċ-ċittadini u mhux idgħajfu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu neċessarji, proporzjonali u nondiskriminatorji, li jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġijiet nazzjonali, u għandhom jinżammu fis-seħħ biss sakemm ikun hemm bżonnhom, u m'għandhomx jintużaw bħala skuża biex jiġu limitati l-ispazju demokratiku u ċiviku, il-libertajiet fundamentali, u r-rispett tal-istat tad-dritt;

18.  Jinsab ixxukkjat bil-prattika ta' traffikar, ta' reklutaġġ militari u ta' involviment tat-tfal fil-kunflitti fil-pajjiż u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Filippini itemm dawn il-prattiki; iħeġġeġ lill-Gvern iżid l-isforzi tiegħu biex jipproteġi lit-tfal kollha mill-abbuż, u biex jiddefendi d-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt għall-edukazzjoni ta' tfal indiġeni; jopponi bil-qawwa kwalunkwe proposta biex tkompli titnaqqas l-età tar-responsabbiltà kriminali;

19.  Jiddenunzja t-theddid, l-intimidazzjoni u l-attakki personali diretti lejn id-detenturi ta' mandat tal-Proċedura Speċjali tan-NU; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Filippini jikkooperaw mal-OHCHR u mal-mekkaniżmi kollha tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, inkluż billi jiffaċilitaw iż-żjarat fil-pajjiż u jieqfu minn atti ta' intimidazzjoni jew ritaljazzjoni kontrihom;

20.  B'kunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, sabiex fin-nuqqas ta' kwalunkwe titjib sostanzjali jew turija ta' rieda ta' kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Filippini, tniedi minnufih proċedura li tista' twassal għall-irtirar temporanju tal-preferenzi SĠP+;

21.  Jitlob lill-awtoritajiet Filippini jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), u jiżguraw proċessi ta' diliġenza dovuta effettivi dwar id-drittijiet tal-bniedem għal proġetti ta' investiment, żvilupp u kummerċ, speċjalment rigward l-akkwisti ta' negozji agrikoli fuq skala kbira, industriji tal-estrazzjoni, proġetti tal-infrastruttura u kooperazzjoni li jinvolvu s-settur tas-sigurtà; jappella lill-kumpaniji bbażati fl-UE jew li joperaw fiha biex jikkonformaw b'mod strett mal-UNGPs u mad-dritt internazzjonali u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll biex iwettqu proċess ta' diliġenza dovuta metikoluż u komprensiv fir-rigward tal-operazzjonijiet u r-relazzjonjiet kummerċjali tagħhom fi ħdan il-pajjiż;

22.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Filippini, u biex jirrapporta regolarment dwar dan lill-Parlament Ewropew;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Kungress tal-Filippini, lill-gvernijiet tal-istati membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN).

(1) ĠU C 204, 13.6.2018, p. 123.
(2) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 113.
(3) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 104.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Jannar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza