Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2813(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0312/2020

Dibattiti :

PV 08/10/2020 - 8.1
CRE 08/10/2020 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2020 - 10
PV 08/10/2020 - 14

Testi adottati :

P9_TA(2020)0258

Testi adottati
PDF 154kWORD 48k
Il-Ħamis, 8 ta' Ottubru 2020 - Brussell
L-Eritrea, il-każ ta' Dawitt Isaak
P9_TA(2020)0258RC-B9-0312/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar l-Eritrea, b’mod partikolari l-każ ta' Dawit Isaak (2020/2813(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eritrea, b'mod partikolari dik tas-6 ta' Lulju 2017(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-11 ta' Mejju 2020 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Ġunju 2020 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea, li nqrat waqt l-44 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2444 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-14 ta' Novembru 2018, li ttemm b'effett immedjat is-sanzjonijiet kollha tan-NU kontra l-Eritrea (l-embargo fuq l-armi, l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1944 tal-10 ta' Diċembru 2018 li tħassar id-Deċiżjoni 2010/127/PESK dwar ċerti miżuri restrittivi kontra l-Eritrea(2),

–  wara li kkunsidra l-Każ 428/12 (2012) ippreżentat quddiem il-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli f'isem Dawit Isaak u priġunieri politiċi oħra,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tas-66 sessjoni tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tat-22 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eritrea, adottata fl-1997, li tiggarantixxi l-libertajiet ċivili, inkluża l-libertà reliġjuża,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (il-Ftehim ta' Cotonou)(3), kif rivedut fl-2005 u fl-2010, li l-Eritrea hija firmatarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Dawit Isaak, ċittadin biċ-ċittadinanza tal-Eritrea u tal-Iżvezja, u għaldaqstant ċittadin tal-Unjoni Ewropea, ġurnalist u koproprjetarju tal-gazzetta Setit, l-ewwel gazzetta indipendenti tal-Eritrea, li titqassam fuq medda wiesgħa, ġie arrestat mill-awtoritajiet tal-Eritrea fit-23 ta' Settembru 2001, flimkien ma' 21 persuna oħra; billi l-Gvern Eritrean jakkuża lil Dawit Isaak li huwa "traditur", għalkemm qatt ma ġie mixli jew imressaq quddiem il-qorti; billi Dawit Isaak kien irritorna mill-Iżvezja wara l-indipendenza tal-Eritrea fl-1992 biex jassisti fis-solidifikazzjoni tad-demokrazija emerġenti tal-pajjiż;

B.  billi l-arresti seħħew wara l-pubblikazzjoni ta' ittra miftuħa li tikkundanna r-reġim u li tistieden lill-President Isaias Afwerki jagħmel riformi demokratiċi; billi fil-jum tal-arrest, il-gvern ħabbar projbizzjoni fuq il-midja indipendenti kollha; billi d-detenuti ma ġewx akkużati b'reat;

C.  billi Dawit Isaak inħeles mill-kustodja fid-19 ta' Novembru 2005 wara interventi sinifikanti f'ismu mill-Gvern tal-Iżvezja, fost l-oħrajn; billi huwa reġa' ġie arrestat jumejn wara waqt li kien fi triqtu lejn l-isptar, bl-awtoritajiet tal-Eritrea jsostnu li kien inħeles temporanjament biss sabiex jagħmel trattament mediku; billi minn dak iż-żmien lil hawn, Dawit Isaak inżamm f'iżolament mill-awtoritajiet tal-Eritrea, li jirrifjutaw li jiżvelaw il-post eżatt fejn jinsab jew id-dettalji tas-saħħa u l-benessri tiegħu;

D.  billi f'Diċembru 2008, kien hemm rapporti mhux konfermati li Dawit Isaak ġie trasferit għal ħabs b'sigurtà massima f'Embatkala, u li ftit wara, fil-11 ta' Jannar 2009, iddaħħal fi sptar tal-forza tal-ajru f'Asmara, u huwa maħsub li kien marid serjament; billi n-natura u l-firxa tal-marda tiegħu għadhom mhux magħrufa u l-Gvern tal-Eritrea jirrifjuta li jikkonferma li kien l-isptar;

E.  billi l-familja ta' Dawit Isaak, inkluż it-tliet itfal tiegħu, ilhom jiffaċċjaw ansjetà u inċertezzi kbar ħafna minn meta għeb, u ftit li xejn għandhom informazzjoni dwar l-istat ta' saħħet dan qaribhom, fejn jinsab jew xi prospetti għandu; billi bint Dawit Isaak, Betlehem Isaak, għadha taħdem favur il-ħelsien ta' missierha; billi fl-2020, Betlehem Isaak ikkonfermat li missierha kien ħaj;

F.  billi l-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ddeċidiet li l-ġurnalisti arrestati fl-Eritrea f'Settembru 2001, inkluż Dawit Isaak, kienu qed jinżammu f'detenzjoni arbitrarja u illegali, u ħeġġet lill-awtoritajiet Eritreani jeħilsuhom jew tal-anqas iwettqu proċess ġust;

G.  billi s-sitwazzjoni fiċ-ċentri ta' detenzjoni tal-Eritrea li huma ffullati żżejjed u mhumiex sanitarji hija trattament krudili u inuman; billi dawn il-kundizzjonijiet ipoġġu lid-detenuti f'riskju akbar ta' trażmissjoni tal-COVID-19; billi l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ikel u s-sanità huwa estremament limitat jew kompletament nieqes, u jħalli lid-detenuti dipendenti fuq il-viżitaturi għal provvisti bażiċi; billi l-lockdowns tal-ħabsijiet maħsuba biex jissieltu l-pandemija kkontribwew għal aktar malnutrizzjoni u mard mentali u fiżiku korrispondenti; billi ħafna aktar priġunieri qed jinżammu f'kontejners marittimi, fejn huma soġġetti għal kundizzjonijiet ta' temperatura estremament ħarxa;

H.  billi, minn mindu kisbet l-indipendenza, l-Eritrea taħt Isaias Afwerki sistematikament bagħtet il-ħabs eluf ta' persuni minħabba l-fehmiet politiċi tagħhom jew xogħolhom bħala ġurnalisti, jew għax ipprattikaw ir-reliġjon tagħhom; billi l-għajbien infurzat iseħħ fuq bażi strutturali; billi d-detenuti huma tipikament soġġetti għal arresti u detenzjonijiet arbitrarji u illegali mingħajr akkuża u huma miċħuda l-aċċess għal avukati jew żjarat familjari;

I.  billi, skont ir-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-Programm ta' Żvilupp tan-NU għall-2019, l-Eritrea hija kklassifikata fil-182 post minn 189 pajjiż fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem għall-2019; billi fl-2020, l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tar-Reporters Mingħajr Fruntieri jikklassifika l-Eritrea fil-178 post minn 180; Billi fl-2019, il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti kklassifika lill-Eritrea bħala l-pajjiż l-aktar iċċensurat fid-dinja;

J.  billi r-rapport tal-Kummissjoni tan-NU tal-inkjesta dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea, li ġie ppubblikat fid-9 ta' Mejju 2016, innota li matul dawn l-aħħar 25 sena twettqu delitti kontra l-umanità b'mod mifrux u sistematiku fiċ-ċentri ta' detenzjoni, fil-kampijiet ta' taħriġ militari u f'postijiet oħra madwar il-pajjiż;

K.  billi skont ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea tas-16 ta' Mejju 2019, "il-momentum pożittiv għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun żied l-aspettattivi fl-Eritrea u fil-komunità internazzjonali li l-Gvern tal-Eritrea se jimplimenta riformi politiċi u istituzzjonali", madankollu, "l-awtoritajiet tal-Eritrea għadhom ma ħadux sehem fi proċess ta' riformi domestiċi u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għadha ma nbidlitx"; billi sa mill-2009 lil hawn, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU ġie miċħud l-aċċess għall-Eritrea biex iwettaq żjarat fil-pajjiż;

L.  billi f'Mejju 2019, l-awtoritajiet Eritreani wettqu repressjoni kontra kongregazzjonijiet Kristjani mhux rikonoxxuti u ħatfu skejjel u faċilitajiet tas-saħħa affiljati mal-Kattoliċi, u b'hekk affettwaw b'mod negattiv id-drittijiet għas-saħħa u għall-edukazzjoni tal-popolazzjoni;

M.  billi l-President tal-Eritrea jkompli jirrifjuta li jorganizza elezzjonijiet u jimplimenta l-kostituzzjoni tal-pajjiż, minkejja l-fatt li din ġiet ratifikata fl-1997 u li l-liġi elettorali tal-Eritrea ġiet ratifikata fl-2002; billi l-leġiżlatura interim ilha ma tiltaqa' mill-2002 u l-ġudikatura hija kkontrollata mill-gvern;

N.  billi l-iżviluppi reċenti fil-paċi u fis-sigurtà reġjonali kienu mistennija li ser iwasslu għall-introduzzjoni ta' riformi fis-servizz nazzjonali u għad-demobilizzazzjoni tal-koskritti fl-Eritrea; billi sal-lum, ma kien hemm ebda dikjarazzjoni uffiċjali dwar tnaqqis fid-durata tas-servizz nazzjonali jew dwar xi pjanijiet ta' demobilizzazzjoni; billi s-servizz nazzjonali għadu involontarju fin-natura tiegħu u għal żmien indefinit; billi s-servizz nazzjonali jqiegħed bosta ċittadini, inklużi nisa u bniet, f'sitwazzjoni ta' skjavitù fejn ħajjithom tinsab taħt il-kontroll ta' oħrajn u fejn huma jsofru, inter alia, abbużi fiżiċi, sesswali u verbali u jaf jiġu sfurzati jaħdmu bħala ħaddiema domestiċi;

O.  billi f'Lulju 2018, l-Eritrea u l-Etjopja ffirmaw ftehim ta' paċi storiku li temm għoxrin sena ta' kunflitt; billi l-ftehim ta' paċi ta' Lulju 2018 offra prospetti ġodda għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż, marbut mal-avvanz tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali fil-Qarn tal-Afrika;

P.  billi wara l-ftehim ta' paċi bejn l-Eritrea u l-Etjopja, l-UE bidlet l-approċċ tagħha rigward l-Eritrea abbażi ta' "prinċipji ta' impenn", li qabel ma kienu jippermettu la djalogu politiku u lanqas kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE mal-Eritrea, l-hekk imsejjaħ approċċ fuq "żewġ binarji";

Q.  billi s-sħubija tal-UE mal-Eritrea hija rregolata bil-Ftehim ta' Cotonou, u billi l-partijiet għal dan il-ftehim huma marbuta li jirrispettaw u jimplimentaw it-termini tiegħu, b'mod partikolari r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

R.  billi, minkejja ksur gravi u sistematiku mill-Eritrea tal-elementi essenzjali u fundamentali tal-Ftehim ta' Cotonou dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-UE qatt ma tat bidu għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-ftehim, minkejja t-talbiet tal-Parlament Ewropew biex tagħmel dan;

S.  billi l-UE hija donatur sinifikanti għall-Eritrea f'dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-iżvilupp; billi wara l-ftehim ta' paċi tal-2018 bejn l-Eritrea u l-Etjopja, l-UE u l-Eritrea qablu dwar Strateġija ġdida ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għall-2019–2020 li fiha l-UE allokat EUR 180 miljun;

T.  billi l-gvern awtokratiku jipprova jikkontrolla d-dijaspora Eritreana permezz ta' taxxa fuq l-introjtu ta' 2 % għall-espatrijati u billi jwettaq spjunaġġ fuq id-dijaspora u għandu fil-mira l-qraba li jibqgħu fl-Eritrea;

1.  Jesiġi li l-priġunieri tal-kuxjenza kollha fl-Eritrea jinħelsu minnufih u bla kundizzjonijiet, b'mod partikolari ċ-ċittadin tal-UE Dawit Isaak u l-ġurnalisti l-oħrajn li ilhom detenuti minn Settembru 2001; jesiġi informazzjoni immedjata dwar fejn jinsab Dawit Isaak u l-qagħda ta' saħħtu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eritreani jagħtuh aċċess għar-rappreżentanti tal-UE, tal-Istati Membri u tal-Iżvezja biex jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa tiegħu u kwalunkwe għajnuna oħra meħtieġa;

2.  Jikkundanna bl-akbar qawwa l-vjolazzjonijiet sistematiċi, mifruxa u gravi tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Eritrea; jistieden lill-Gvern tal-Eritrea biex itemm id-detenzjoni ta' politiċi tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, mexxejja reliġjużi u persuni ċivili innoċenti;

3.  Jappella lill-Unjoni Afrikana, bħala sieħeb tal-UE b'impenn espliċitu għall-valuri universali tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem biex iżżid l-attività rigward is-sitwazzjoni ta' ħasra fl-Eritrea u sabiex taħdem flimkien mal-UE biex jinkiseb il-ħelsien ta' Dawik Isaak u priġunieri politiċi oħrajn;

4.  Jesiġi li, minħabba l-kriżi tas-saħħa attwali tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet sanitarji ħżiena fil-ħabsijiet tal-Eritrea u r-riskju għoli ta' infezzjoni għad-detenuti, jiġu immedjatament provduti ikel, ilma u kura medika adegwati; jesprimi tħassib li l-pandemija tal-COVID-19 qiegħda tiggrava s-sitwazzjoni ta' karestija u malnutrizzjoni li teżisti f'partijiet tal-pajjiż u qiegħda tikkontribwixxi għal nuqqas ta' ikel;

5.  Jesiġi li l-Gvern tal-Eritrea jagħti ċertifikat ta' ħajja u informazzjoni dettaljata dwar x'sar minn dawk kollha li ġew imċaħħda mil-libertà fiżika, u dwar fejn jinsabu; jappella għal proċessi ġusti għal dawk akkużati, il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' kwalunkwe priġunier li ma ġie akkużat b'ebda reat u l-abolizzjoni tat-tortura u ta' trattamenti degradanti oħra bħar-restrizzjonijiet fuq l-ikel, l-ilma u l-kura medika; ifakkar lill-Gvern tal-Eritrea fl-obbligu tiegħu li jindirizza l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi jinvestiga l-qtil extraġudizzjarju u l-għajbien infurzat kif ukoll il-piena kapitali, li għandhom jiġu aboliti skont ir-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fir-Rapport Annwali 2020 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-Eritrea ma tipprovdi ebda spazju għal difensuri indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, membri tal-oppożizzjoni politika jew ġurnalisti indipendenti; jappella, għaldaqstant, lill-Gvern tal-Eritrea jiftaħ spazju ċiviku għall-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili u jippermetti l-ħolqien ta' partiti politiċi oħra fil-pajjiż; ifakkar lill-Eritrea fl-obbligi tagħha skont il-konvenzjonijiet tal-ILO, b'mod partikolari rigward id-dritt ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta' trade unions li jorganizzaw, jipprotestaw paċifikament, jipparteċipaw fl-affarijiet pubbliċi, u jmexxu kampanji favur it-titjib tad-drittijiet tal-ħaddiema;

7.  Jesiġi li l-Gvern tal-Eritrea jieqaf milli juża xogħol furzat fuq iċ-ċittadini tiegħu permezz ta' servizz nazzjonali indefinit u jtemm il-prattika obbligatorja li t-tfal kollha jwettqu l-aħħar sena skolastika tagħhom f'kamp ta' taħriġ militari;

8.  Jappella lill-Kummissjoni taċċerta jekk il-kundizzjonalità tal-għajnuna tal-UE hijiex rispettata u biex tiżgura li ebda finanzjament għal proġetti fl-Eritrea ma jkun ta' benefiċċju għall-Gvern tal-Eritrea, b'mod partikolari dawk li jitwettqu bl-użu ta' servizz nazzjonali tax-xogħol; jiddeplora, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tkompli tiffinanzja l-"Proġett ta' Toroq", u jistedinha tirreaġixxi strettament għall-ħtiġijiet tal-poplu Eritrean għall-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, is-sigurtà u l-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tal-għaqda, u tevalwa l-eżiti tanġibbli rigward id-drittijiet tal-bniedem li rriżultaw mill-istrateġija UE–Eritrea u l-hekk imsejjaħ "approċċ fuq żewġ binarji";

9.  Jappella għall-implimentazzjoni immedjata tal-Kostituzzjoni tal-Eritrea tal-1997 li ġiet abbozzata f'konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet ikkonċernati kollha u mas-soċjetà ċivili u ġiet adottata kif xieraq;

10.  Jikkundanna li l-gvern tal-Eritrea juża "taxxa fuq id-dijaspora" extraterritorjali; iħeġġeġ lill-gvern jirrispetta l-libertà ta' moviment u jtemm il-politiki ta' "ħtija b'assoċjazzjoni" li għandhom fil-mira l-membri tal-familja ta' dawk li jevadu s-servizz nazzjonali, ifittxu li jaħarbu mill-Eritrea jew jonqsu milli jħallsu t-taxxa fuq id-dħul ta' 2 % imposta mill-gvern fuq l-espatrijati Eritreani, inklużi ċ-ċittadini tal-UE;

11.  Jappella lill-Eritrea tneħħi l-projbizzjoni fuq il-midja indipendenti u tippermetti l-ħolqien ta' partiti politiċi, bħala għodda ċentrali għall-promozzjoni tad-demokrazija fil-pajjiż; jappella biex l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jitħallew joperaw liberament fil-pajjiż;

12.  Jesiġi li l-awtoritajiet Eritreani jtemmu d-detenzjoni ta' politiċi tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, mexxejja reliġjużi, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u persuni ċivili innoċenti; iħeġġeġ lill-Eritrea tirrispetta bis-sħiħ u tipproteġi l-libertà tar-reliġjon u twaqqaf il-persekuzzjonijiet kontinwi tagħha abbażi tat-twemmin;

13.  Itenni t-talba urġenti tiegħu għal mekkaniżmu globali tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem, l-hekk imsejjaħ Att Magnitsky Ewropew; jappella lill-Kunsill jadotta dan il-mekkaniżmu permezz ta' deċiżjoni relatata mal-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni skont l-Artikolu 22(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

14.  Jesiġi li l-Eritrea tirrispetta bis-sħiħ u timplimenta minnufih il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li t-tnejn li huma jipprojbixxu t-tortura;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President tal-Eritrea, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 140.
(2) ĠU L 314, 11.12.2018, p. 60.
(3) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Jannar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza