Rakkomandazzjoni lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward l-implimentazzjoni u l-governanza tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO)
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2020 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward l-implimentazzjoni u l-governanza tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) (2020/2080(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u b'mod partikolari l-Artikolu 36, l-Artikolu 42(6), l-Artikolu 46 u l-Protokoll tiegħu (Nru 10) dwar kooperazzjoni strutturata permanenti,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta' Diċembru 2017 li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta' Stati Membri Parteċipanti(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta' Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta' proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO(2),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/909 tal-25 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi sett komuni ta' regoli ta' governanza għall-proġetti PESCO(3),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1797 tad-19 ta' Novembru 2018 li temenda u taġġorna d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 li tistabbilixxi l-lista tal-proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1909 tat-12 ta' Novembru 2019 li temenda u taġġorna d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 li tistabbilixxi l-lista tal-proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO(5),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017 dwar is-sigurtà u d-difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2018 dwar is-Sigurtà u d-Difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar is-Sigurtà u d-Difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2018 dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda fil-qafas ta' kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tispeċifika objettivi aktar preċiżi (2018/C374/01)(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona(7),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi tan-NU, li daħal fis-seħħ f'Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra r-Rapport Analitiku Nru 09/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ta' Settembru 2019 dwar id-difiża Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0165/2020),
A. billi, skont l-Artikolu 42(2) TUE, il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) tinkludi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni tal-UE, li se twassal għall-istabbiliment ta' difiża komuni meta jiddeċiedi jagħmel dan il-Kunsill Ewropew, filwaqt li jaġixxi b'unanimità; billi l-PESCO tikkostitwixxi pass importanti għall-kisba ta' dan l-objettiv;
B. billi l-PESCO għandha tintuża biex tkompli topera u tiżviluppa l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 42(7) TUE li tipprovdi għajnuna u assistenza reċiproka, kif imfakkar fin-notifika konġunta tal-Istati Membri lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-PESCO, iffirmata minn 23 Stat Membru fit-13 ta' Novembru 2017, sabiex tittejjeb ir-rieda tal-Istati Membri li jipprovdu solidarjetà lil Stat Membru ieħor jekk dan jisfa vittma ta' aggressjoni armata fit-territorju tiegħu;
C. billi, skont l-Artikolu 1(a) tal-Protokoll (Nru 10) dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti stabbilita mill-Artikolu 42 TUE, wieħed mill-objettivi tal-PESCO huwa li l-Istati Membri jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta' difiża tagħhom b'mod aktar intensiv billi javvanzaw il-kontribut u l-parteċipazzjoni nazzjonali tagħhom, fejn xieraq, fil-forzi multinazzjonali, fil-programmi ewlenin ta' tagħmir Ewropew u fl-attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;
D. billi l-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 10 jiddikjara li Stat Membru għandu "jkollu l-kapaċità li jforni sa mhux aktar tard mill-2010, fuq livell nazzjonali jew bħala parti minn gruppi ta' forza multinazzjonali, unitajiet tal-ġlied immirati għall-missjonijiet pjanati, strutturati fuq il-livell tattiku bħala grupp ta' battalja, b'elementi ta' appoġġ bħat-trasport u l-loġistika, kapaċi li jwettqu l-kompiti previsti fl-Artikolu 43 TUE, f'perjodu ta' minn 5 sa 30 jum, b'mod partikolari b'risposta għal talbiet mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u li jkunu jistgħu jiġu sostnuti għal perjodu inizjali ta' 30 jum li jkun jista' jiġi mtawwal għal tal-inqas għal 120 jum."; billi jeħtieġ li l-Artikolu 1(b) jiġi rivedut sabiex jirrispondi b'mod adegwat għall-ambjent ġeopolitiku diffiċli; billi l-Istati Membri għad fadlilhom biex jilħqu dan l-għan;
E. billi l-istabbiliment ta' strateġija ta' difiża komuni tal-UE issa huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel fil-kuntest ta' diversi theddidiet li dejjem qed jiżdiedu;
F. billi l-livell ta' ambizzjoni skont l-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża jkopri l-ġestjoni tal-kriżijiet u l-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi sħab bil-għan li jiġu protetti l-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha; billi ebda Stat Membru ma jista' jipproteġi lilu nnifsu waħdu minħabba li t-theddidiet għas-sigurtà u d-difiża li tiffaċċja l-UE, u li huma mmirati lejn iċ-ċittadini, it-territorji u l-infrastrutturi tagħha, huma theddidiet pluridimensjonali komuni li ma jistgħux jiġu indirizzati minn Stat Membru wieħed waħdu; billi sistema effikaċi tal-UE għal użu effiċjenti, koerenti, strateġiku u konġunt tar-riżorsi tkun ta' vantaġġ għal-livell ġenerali ta' sigurtà u difiża tal-UE u hija aktar minn qatt qabel meħtieġa f'ambjent ta' sigurtà li qed jiddeterjora b'rata mgħaġġla; billi huma meħtieġa aktar sforzi fil-kooperazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża, bħall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, it-taħriġ u l-appoġġ operazzjonali, sabiex jiġi miġġieled aħjar it-theddid ibridu;
G. billi l-atturi ewlenin tal-PESCO huma l-Istati Membri parteċipanti (pMS), li jipprovdu l-kapaċitajiet għall-implimentazzjoni tal-PSDK (Artikolu 42(1) u Artikolu 42(3) tat-TUE) u li jimmobilizzawhom f'operazzjonijiet u f'missjonijiet barra mill-UE fejn il-Kunsill jinkarigahom bl-eżekuzzjoni ta' kompitu, fi ħdan il-qafas tal-Unjoni (Artikolu 42(1), (4) u (5), Artikolu 43 u Artikolu 44 tat-TUE) u li jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta' difiża tagħhom, fost l-oħrajn, u meta jkun xieraq, fi ħdan il-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (Artikolu 42(3) u Artikolu 45 tat-TUE);
H. billi l-viżjoni fit-tul tal-PESCO hija li tipprovdi lill-Unjoni b'kapaċità operazzjonali li tuża assi militari li huma kkomplementati minn mezzi ċivili, biex jinkiseb pakkett koerenti ta' forzi li jkopri l-ispettru sħiħ ta' operazzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri għall-operazzjonijiet militari tal-PSDK; billi l-PESCO għandha ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà internazzjonali sabiex tikkontribwixxi b'mod effettiv u kredibbli għas-sigurtà internazzjonali, reġjonali u Ewropea, inkluż billi tipprevjeni l-importazzjoni ta' insigurtà, u ssaħħaħ l-interoperabbiltà sabiex tipproteġi liċ-ċittadini tal-UE u timmassimizza l-effettività tal-infiq għad-difiża billi tnaqqas id-duplikazzjoni, il-kapaċità żejda u l-akkwist mhux ikkoordinat;
I. billi, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (CFSP) 2017/2315 li tistabbilixxi l-PESCO, kapaċitajiet ta' difiża msaħħa tal-Istati Membri se jkunu ta' benefiċċju wkoll għan-NATO, b'applikazzjoni tal-prinċipju ta' ġabra waħda ta' forzi, dment li tiġi evitata d-duplikazzjoni u tingħata prijorità lill-interoperabbiltà, u fl-istess waqt jissaħħaħ il-pilastru Ewropew fi ħdan l-alleanza filwaqt li jiġu ssodisfati s-sejħiet ripetuti għall-kondiviżjoni tal-piżijiet transatlantiċi aktar bbilanċjata; billi n-NATO tibqa' l-pedament tal-arkitettura tas-sigurtà ta' ħafna Stati Membri;
J. billi l-PESCO toħloq qafas vinkolanti bejn il-pMS, li jimpenjaw ruħhom li b'mod konġunt jinvestu, jippjanaw, jiżviluppaw u joperaw kapaċitajiet ta' difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni b'mod permanenti u strutturat billi jikkommettu għal 20 impenn vinkolanti f'ħames oqsma stabbiliti mit-TUE; billi dawn l-impenji għandhom jikkostitwixxu bidla minn sempliċi kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża għal interoperabbiltà sħiħa kif ukoll it-tisħiħ tal-forzi tad-difiża tal-Istati Membri permezz ta' sħubijiet bilaterali ta' benefiċċju reċiproku; billi dawn l-impenji vinkolanti jiġu evalwati kull sena fil-pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali mis-segretarjat tal-PESCO, li jista' jiġi kkonsultat mill-Istati Membri parteċipanti; billi minkejja dawn l-impenji vinkolanti, ma jeżisti ebda mekkaniżmu ta' konformità effikaċi għall-PESCO; billi l-proġetti PESCO għandhom jiġu implimentati b'mod li jirrifletti l-kapaċità industrijali, it-tħassib dwar id-duplikazzjoni jew ir-restrizzjonijiet baġitarji tal-pMS; billi l-mekkaniżmu ta' konformità għall-PESCO għandu jittejjeb;
K. billi l-pMS jeħtiġilhom juru impenn politiku sħiħ mal-20 impenn vinkolanti li ssottoskrivew għalihom; billi ċ-ċikli tal-ippjanar tal-kapaċità militari normalment jieħdu aktar minn tliet snin; billi ċ-ċikli nazzjonali attwali ta' ppjanar tal-kapaċità militari huma xprunati l-aktar mill-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO, stabbilit preċedentement; billi għandu jinkiseb aktar progress fir-rigward tal-integrazzjoni sinifikanti tal-PESCO fil-proċessi tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tal-pMS li jiffinalizzaw il-proġetti tal-PESCO;
L. billi l-PESCO kienet oriġinarjament maħsuba bħala avant-garde magħmula minn Stati Membri lesti u kapaċi jaġġornaw il-kooperazzjoni tagħhom fid-difiża għal livell ġdid ta' ambizzjoni; billi l-fatt li hemm 25 pMS ma jridx iwassal biex il-PESCO tkun limitata għal approċċ ta' "l-inqas denominatur komuni"; billi l-għadd ta' pMS jindika rieda għal kooperazzjoni eqreb fis-sigurtà u d-difiża;
M. billi l-ħidma fuq l-ewwel tliet sensiliet ta' proġetti tal-PESCO wasslet għall-istabbiliment u l-adozzjoni ta' 47 proġett; billi sal-lum, l-ebda proġett għadu ma ġiex attwat; billi l-proġetti tal-ewwel sensiela huma prinċipalment proġetti ta' bini tal-kapaċità li jinvolvu l-akbar numru possibbli ta' Stati Membri; billi n-natura inklużiva tal-proġetti tal-PESCO m'għandhiex twassal lill-pMS biex ibaxxu l-ambizzjonijiet tagħhom; billi huwa essenzjali li l-PESCO tiffoka fuq proġetti li jagħtu valur miżjud ġenwin;
N. billi jidher li ma hemm l-ebda loġika komuni globali bejn is-47 proġett tal-PESCO; billi l-lista attwali ta' proġetti hija nieqsa mill-koerenza, l-ambitu u l-ambizzjoni strateġika b'tali mod li l-lakuni l-aktar ovvji fil-kapaċità mhux se jiġu indirizzati, u ma tindirizzax b'mod adegwat jew komplet in-nuqqasijiet kritiċi kif identifikati mill-Proċess tal-Objettiv Primarju permezz tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD); billi wieħed minn dawn il-proġetti twaqqaf biex tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn; billi proġetti oħra m'għamlux biżżejjed progress jew jinsabu f'riskju li jitwaqqfu, u madwar 30 proġett għadhom fil-fażi ta' żvilupp kunċettwali u ta' preparazzjoni; billi l-iżvilupp ta' proġetti ta' kapaċità militari ambizzjużi jista' jieħu sa 10 snin; billi l-maġġoranza l-kbira tal-proġetti tal-PESCO jikkoinċidu man-nuqqasijiet tal-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) u tan-NATO;
O. billi t-tieni fażi tal-PESCO għandha tibda fl-2021; billi din it-tieni fażi se tagħti riżultati konkreti u sinifikanti, li jfisser li hija meħtieġa prijoritizzazzjoni tal-proġetti;
P. billi ċerti proġetti tal-PESCO huma ffukati fuq l-istazzjonament operazzjonali, bħall-Grupp Ristrett li Jħaddem ir-Rispons għall-Kriżijiet tal-EUFOR (EUFOR CROC), il-Mobbiltà Militari u n-Network ta' Ċentri Loġistiċi, filwaqt li oħrajn huma aktar iffukati fuq l-iżvilupp ta' kapaċitajiet militari, bħal Timijiet ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku u Assistenza Reċiproka fis-Sigurtà Ċibernetika (CRRTs); billi ż-żewġ approċċi huma meħtieġa biex jikkontribwixxu b'mod deċiżiv għall-evoluzzjoni lejn strateġija integrata komuni tal-UE għas-sigurtà u d-difiża;
Q. billi wħud mill-proġetti l-aktar strateġiċi tal-PESCO għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b'mod deċiżiv għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni u għall-ħolqien ta' pakkett koerenti ta' forzi li jkopri l-ispettru sħiħ ta' operazzjonijiet;
R. billi proġetti ewlenin tad-difiża Ewropea, bħas-Sistema Futura tal-Ġlied bl-Ajru (FCAS) u s-Sistema Ewlenija tal-Ġlied fuq l-Art (MGCs), bħalissa għadhom barra l-ambitu tal-PESCO;
S. billi huwa kruċjali li jiġu prijoritizzati u indirizzati l-lakuni fil-kapaċitajiet identifikati fis-CDP, u li nibnu fuq il-CARD bil-għan li tiżdied l-awtonomija strateġika tal-Ewropa;
T. billi huma biss uħud mill-proġetti attwali tal-PESCO li jindirizzaw b'mod suffiċjenti n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet identifikati fl-ambitu tas-CDP u l-CARD jew li diġà jqisu biżżejjed l-Għanijiet ta' Kapaċità b'Impatt Għoli li jirriżultaw mis-CDP, u li għandhom jitqiesu bħala prijorità;
U. billi l-konsistenza, il-koerenza u t-tisħiħ reċiproku bejn il-PESCO, il-CARD, il-pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali (NIPs) u s-CDP għandhom jittejbu aktar;
V. billi l-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO (NDPP) jikkontribwixxi għall-proċessi tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali f'21 pMS li huma membri tan-NATO;
W. billi, fejn xieraq u rilevanti, l-interazzjonijiet bejn il-prijoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, il-prijoritajiet tal-UE u l-prijoritajiet tan-NATO għandhom isiru mill-aktar fis possibbli; billi l-prijoritajiet tal-UE u tan-NATO għandhom jiġu armonizzati aħjar sabiex jinkisbu l-miri ta' kapaċità tal-UE;
X. billi filwaqt li tqis in-natura differenti taż-żewġ organizzazzjonijiet u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-PESCO għandha tkun għodda effettiva u komplementari biex tindirizza l-prijoritajiet tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet u tipprovdi l-kapaċitajiet militari identifikati fl-UE u tista' tagħti kontribut għall-objettivi tan-NATO;
Y. billi, flimkien mal-Istrateġija Globali tal-UE, strateġija ta' difiża u ta' sigurtà speċifika, bħall-Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża li ġie ssuġġerit f'bosta rapporti tal-Parlament, tista' tiffaċilita fehim komuni tal-isfidi attwali u futuri u tipprovdi gwida importanti għall-PESCO u s-CDP li tirriżulta minn fehim tal-ambizzjonijiet u l-azzjonijiet strateġiċi li għandhom jittieħdu fit-tul;
Z. billi attwalment il-proġetti tal-PESCO huma dipendenti fuq il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-25 Stat Membru parteċipanti; billi huwa mistenni li, bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, il-baġits tad-difiża nazzjonali se jġarrbu tnaqqis; billi paradossalment, diversi proġetti mis-47 proġett attwali tal-PESCO, jekk jiġu ffinanzjati kif xieraq, jistgħu jsaħħu l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri jekk ikun hemm kriżi enormi oħra tas-saħħa pubblika: Mobbiltà Militari, Kmand Mediku Ewropew u bosta proġetti oħra f'oqsma relatati mal-loġistika u t-trasport, il-kura tas-saħħa, l-għajnuna f'każ ta' diżastru, it-tħejjija kontra armi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN) u l-ġlieda kontra attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi u kampanji ostili ta' diżinformazzjoni; billi t-tnaqqis fil-finanzjament għall-kapaċitajiet strateġiċi li l-UE u l-Istati Membri tagħha bħalissa m'għandhomx, idgħajjef ukoll il-kapaċità tagħhom li jaġixxu b'mod konġunt kontra pandemiji futuri, theddidiet CBRN u riskji imprevedibbli oħra b'impatti internazzjonali ewlenin;
AA. billi l-finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport b'użu doppju se jkun ta' benefiċċju kemm għall-mobbiltà ċivili kif ukoll għal dik militari, u billi l-implimentazzjoni ta' proċeduri amministrattivi armonizzati tista' twassal biex ir-riżorsi jgħaddu minn rotot ta' provvista xierqa fl-UE kollha u jgħinu fil-bini ta' ambjent ta' sigurtà u ta' difiża komuni;
AB. billi l-PESCO u l-EDF futur iridu jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku u billi l-interkonnessjonijiet bejniethom iridu jiġu żviluppati aktar sabiex jipprovdu kapaċitajiet kritiċi identifikati skont is-CDP;
AC. billi l-prospett li jiġi riċevut kofinanzjament għall-kapaċitajiet ta' riċerka u żvilupp li jirriżultaw minn ċerti proġetti tal-PESCO permezz tal-EDF futur wassal biex il-pMS jimmultiplikaw il-proposti tagħhom u ħeġġeġ l-iskambji u l-kooperazzjoni; billi l-proposti kollha jrid ikollhom f'moħħhom l-aħjar interess strateġiku komuni tal-UE;
AD. billi f'xi każijiet speċifiċi, il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, dment li jissodisfaw ġabra maqbula ta' kundizzjonijiet politiċi, sostantivi u legali, fi proġetti individwali tal-PESCO tista' tkun fl-interess strateġiku tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-forniment ta' għarfien espert tekniku jew kapaċitajiet addizzjonali, u fil-każ ta' sħab strateġiċi; billi kwalunkwe parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fi proġetti tal-PESCO m'għandhiex iddgħajjef l-objettiv tat-trawwim tal-PSDK tal-UE;
AE. billi l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi tista' tkun biss eċċezzjonali, deċiża fuq bażi ta' każ b'każ u fuq stedina tal-Istati Membri tal-UE; billi kwalunkwe tali parteċipazzjoni għandha tipprovdi valur miżjud għal ċerti proġetti, u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-PESCO u tal-PSDK u għall-issodisfar ta' impenji aktar diffiċli, soġġetta għal kundizzjonijiet stretti ħafna u abbażi ta' reċiproċità stabbilita u effettiva;
AF. billi messu ilu li sar ftehim dwar il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fi proġetti tal-PESCO;
AG. billi, fir-rigward tar-rwol attwali tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) fil-kuntest tal-PESCO u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, il-Parlament diġà talab li l-mandat tal-KPS imsemmi fl-Artikolu 38 tat-TUE jeħtieġ li jiġi interpretat b'mod strett;
AH. billi l-governanza tal-PESCO titmexxa minn pMS; billi jenħtieġ li s-segretarjat tal-PESCO jkompli jiffaċilita l-kollegament ma' atturi oħra tal-UE fir-rigward ta' sinerġiji possibbli ma' strumenti u inizjattivi oħra tal-UE biex jiġu żgurati trasparenza u inklużività u jiġu evitati duplikazzjonijiet bla bżonn;
AI. billi l-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fost l-Istati Membri fil-livell tal-UE għandu jimxi id f'id mat-tisħiħ tas-setgħat ta' skrutinju tal-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Parlament Ewropew;
AJ. billi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandha tiffoka fuq proġetti relatati mal-mobbiltà u l-interoperabbiltà militari, li huma kruċjali f'dak li għandu x'jaqsam ma' kunflitt u kriżi mhux mistennija; billi l-PESCO għandha tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' żona Schengen effettiva għall-mobbiltà militari, bil-għan li tnaqqas il-proċeduri fil-fruntieri u żżomm il-piżijiet tal-infrastruttura baxxi kemm jista' jkun; billi l-proġett Rail Baltica, li huwa essenzjali għall-integrazzjoni tal-pajjiżi Baltiċi fin-network ferrovjarju Ewropew, għandu jintlaqa' tajjeb f'dan ir-rigward, u għandha tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tiegħu;
AK. billi l-PESCO, f'dan ir-rigward, tista' tikkontribwixxi għal aktar koerenza, koordinazzjoni u interoperabbiltà fis-sigurtà u d-difiża, u għall-konsolidazzjoni tas-solidarjetà, il-koeżjoni u r-reżiljenza tal-Unjoni;
AL. billi l-Parlament, b'mod konġunt mal-Kunsill, għandu jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, kif ukoll funzjonijiet ta' kontroll u konsultazzjoni politika kif stipulat fit-Trattati;
AM. billi l-Parlament jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jibgħat ir-rapport annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-PESCO;
AN. billi l-isforzi kkombinati ta' riċerka u żvilupp tal-pMS fl-ambitu tal-PESCO se jagħtu lok għal avvanzi teknoloġiċi sinifikanti, li min-naħa tagħhom jipprovdu lill-Unjoni b'vantaġġ kompetittiv fl-oqsma tal-kapaċitajiet moderni tad-difiża;
1. Jirrakkomanda lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:
(a)
li jinfurmaw u jikkonsultaw lill-Parlament dwar ir-rieżami tal-PESCO, u jiżguraw li l-fehmiet tal-Parlament jitqiesu kif xieraq, f'konformità mal-Artikolu 36 TUE, speċjalment fil-kuntest tar-rieżami strateġiku attwali tal-ewwel fażi tal-PESCO, li tintemm fl-2020, sabiex jiġu żgurati responsabbiltà, trasparenza u skrutinju msaħħa;
(b)
li jisħqu fuq l-importanza li tinstab soluzzjoni għall-kunflitti bħala prijorità;
(c)
li jimplimentaw il-viżjoni strateġika tal-Unjoni u jiddefinixxu t-theddidiet komuni billi, fost l-oħrajn, jimplimentaw il-livell ta' ambizzjoni definit mill-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016, inkluż permezz tal-ħidma li għaddejja tal-Boxxla Strateġika, li jeħtieġ li titwettaq f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-istituzzjonijiet rilevanti kollha, u jsaħħu d-dimensjoni operattiva tal-PESCO;
(d)
li jħejju, mill-aktar fis possibbli u abbażi tar-riżultati tad-diskussjoni dwar il-Boxxla Strateġika, Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża li jkun komplut; li jieħdu nota tal-fatt li l-ewwel riżultati tal-Boxxla Strateġika huma mistennija fl-ewwel nofs tal-2022;
(e)
li jiżguraw effetti ta' sinerġija u koerenza bejn l-inizjattivi u l-operazzjonijiet differenti tad-difiża tal-UE;
(f)
li jinkoraġġixxu lill-pMS, permezz ta' proposti ffukati u komunikazzjoni adegwata biex l-enfasi tagħhom fuq id-difiża tevolvi minn waħda strettament nazzjonali għal waħda Ewropea aktar b'saħħitha u jagħmlu sforzi strutturati biex jiżdied l-użu ta' approċċ kollaborattiv Ewropew bħala prijorità, peress li ebda pMS individwali m'għandu l-potenzjal li jindirizza waħdu n-nuqqasijiet ta' kapaċità identifikati; li jinkoraġġixxu lill-pMS u lill-Istati Membri b'mod aktar ġenerali biex ma jnaqqsux l-infiq tagħhom fuq id-difiża fis-snin li ġejjin, u b'mod partikolari ma jnaqqsux l-involviment finanzjarju tagħhom fi proġetti ta' kooperazzjoni Ewropej;
(g)
li jżommu l-ambizzjoni baġitarja tal-UE għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' difiża, b'mod partikolari permezz ta' finanzjament suffiċjenti tal-EDF futur u l-Mobbiltà Militari fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss;
(h)
li jiżguraw li l-PESCO tintuża b'mod effettiv bħala strument lejn kooperazzjoni sostenibbli u effiċjenti fil-qasam tad-difiża tal-UE li jtejjeb il-kapaċitajiet ta' difiża tal-pMS u l-interoperabbiltà bħala għan komuni, speċjalment f'termini ta' disponibbiltà, interoperabbiltà, flessibbiltà u skjerabbiltà tal-forzi f'konformità mal-ambizzjoni għal awtonomija strateġika akbar tal-UE, filwaqt li jżomm kooperazzjoni mill-qrib bejn pMS disposti, iżid il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fir-rigward tal-membri tal-UE u tan-NATO u jżomm kooperazzjoni mill-qrib ma' sħab internazzjonali oħra;
(i)
li jiżguraw li l-finanzjament tal-proġetti tal-PESCO mill-EDF ikun iffukat fuq ġabra ta' proġetti strateġiċi ewlenin, skont il-prijoritajiet tas-CDP, sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tiegħu; li jiżguraw li l-għażla tal-proġetti tal-PESCO tkun konformi mal-Għanijiet ta' Kapaċità b'Impatt Għoli tas-CDP;
(j)
li jirrikonoxxu li l-Parlament, b'mod konġunt mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, kif ukoll funzjonijiet ta' kontroll u konsultazzjoni politika kif stipulat fit-Trattati;
(k)
li jinkorporaw direttament fiċ-ċiklu tal-proġett tal-PESCO r-rabta bejn il-PESCO, il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp Industrijali fil-Qasam tad-Difiża (EDIDP) u l-EDF bil-għan li jikkontribwixxu b'mod aktar effettiv għall-kisba tal-ambizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; li jeżiġu d-dokumentazzjoni ta' kull proġett, qabel l-għażla f'termini ta' baġit;
(l)
li jiffukaw l-isforzi tal-PESCO fuq proġetti maħsuba biex isaħħu sistematikament l-PSDK militari,
(i)
li jikkontribwixxu għar-rimedjar ta' nuqqasijiet sinifikanti ta' kapaċità b'enfasi aktar operattiv, b'rispons dirett għall-ħtiġijiet tal-forzi armati Ewropej impenjati f'operazzjonijiet,
(ii)
b'dimensjoni strateġika u integrattiva, bħall-EUFOR CROC, il-Mobbiltà Militari, in-Network ta' Ċentri Loġistiċi jew is-CRRT, jew
(iii)
li joħolqu sinerġiji u effetti ta' skala addizzjonali, fejn xieraq;
(m)
li jiffukaw il-PESCO fuq proġetti kostruttivi b'dimensjoni strateġika Ewropea ġenwina, u b'hekk tissaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża tal-Ewropa;
(n)
li jissottolinjaw l-importanza ta' għadd żgħir ta' proġetti strateġiċi, b'mod partikolari faċilitaturi strateġiċi (kmand u kontroll, trasport, intelligence), li għandhom jingħataw prijorità peress li jistabbilixxu s-sisien ta' difiża Ewropea aktar integrata;
(o)
li jieħdu nota tal-fatt li l-ħolqien tal-PESCO fil-qafas tat-Trattat ta' Lisbona ġie kkunsidrat bħala t-twaqqif ta' grupp pijunier ta' Stati Membri li lesti jakkomunaw ir-riżorsi u l-kapaċitajiet tagħhom biex jiksbu objettivi komuni ambizzjużi fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; li jqisu li jeħtieġ li l-Unjoni tiżviluppa b'mod progressiv qafas komuni taħt ir-responsabbiltà tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li fih l-Istati Membri jwettqu r-rieżamijiet tal-politika ta' difiża nazzjonali tagħhom stess, jaqsmu r-riżultati u jakkomunaw l-intelligence bħala mezz biex tiġi stabbilita l-bażi ta' difiża Ewropea ġenwina;
(p)
li jirrikonoxxu l-valur, f'dan ir-rigward, tal-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni dwar il-politika tad-difiża, u b'mod partikolari dwar il-ħtieġa li jittieħdu passi kuraġġużi lejn Unjoni Ewropea tad-Difiża ġenwina, u għal approċċ integrat u komprensiv għas-sigurtà tal-UE; li jqisu li l-ħolqien ta' Direttorat Ġenerali ġdid tal-Kummissjoni għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju għandu jservi bħala katalist għal koerenza akbar, kooperazzjoni ġusta u koordinazzjoni integrata fil-ħolqien ta' kapaċitajiet ta' difiża madwar l-Istati Membri, kif ukoll għat-tisħiħ tal-infrastruttura militari tal-UE u t-titjib tal-effiċjenza tal-industrija tal-UE u s-suq intern;
(q)
li jirrikonoxxu li l-Parlament għandu jkollu rwol prominenti fl-iskrutinju u fis-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-PSDK; li jżommu lill-Parlament infurmat u kkonsultat bis-sħiħ fil-kuntest tar-rieżami strateġiku attwali tal-ewwel fażi tal-PESCO, li tintemm fl-2020; li jqisu li ż-żieda fil-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fost l-Istati Membri fil-livell tal-UE għandha timxi id f'id mat-tisħiħ tas-setgħa ta' skrutinju tal-Parlament;
(r)
li jiżguraw li kapaċitajiet prinċipali bħal pjattaformi ewlenin futuri tal-art, tal-baħar, tal-ajru u oħrajn għall-forzi armati tal-Istati Membri jiġu integrati fil-PESCO jew tal-inqas ikunu relatati mill-qrib magħha, kif ikun xieraq, sabiex
(i)
tiżdied it-tħejjija operazzjonali tal-PSDK militari, u
(ii)
jiġi żgurat li l-isforzi tal-PESCO jkunu komplementari għall-kapaċitajiet eżistenti u jintużaw b'mod li jsolvi n-nuqqasijiet eżistenti u jikkumpensa għall-ispejjeż ġenerali;
(s)
li jifformulaw inċentivi innovattivi biex itejbu l-interoperabbiltà u l-iskjerament tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;
(t)
li jżidu l-investiment fl-interkonnessjoni tal-infrastruttura tat-trasport ċivili li tkun kompatibbli mal-ippjanar għall-mobbiltà militari;
(u)
li jistudjaw, bħala parti mir-riforma tas-sistema tal-grupp tattiku tal-UE (EU BG), jekk għandhiex tinġieb fl-ambitu tal-PESCO sabiex tiżdied il-kapaċità operazzjonali, il-modularità u l-aġilità tagħha, billi jiġu stabbiliti unitajiet multinazzjonali permanenti ddedikati għat-twettiq tal-kompiti militari kif speċifikat fl-Artikolu 43 TUE u biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li twettaq operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet, inklużi dawk l-aktar eżiġenti bħat-tfassil tal-paċi, u biex tintuża bħala forza strateġika lil hinn mill-orizzont;
(v)
li jappoġġaw u jippromwovu, meta rilevanti, ir-raggruppament tal-proġetti tal-PESCO f'raggruppamenti ta' kapaċità u jivvalutaw ir-rilevanza strateġika tagħhom, filwaqt li dejjem jitqies l-objettiv li jinkiseb pakkett ta' forzi li jkopri l-ispettru sħiħ ta' operazzjonijiet, u jikkonċentraw l-isforzi fuq dawk li għandhom l-ogħla potenzjal li jwasslu l-awtonomija strateġika Ewropea; li jagħmlu rieżami tal-lista attwali ta' 47 proġett fejn jiġu raggruppati jew inkella jiġu kkanċellati proġetti, skont id-diskrezzjoni tal-pMS, li mhux qed jagħmlu biżżejjed progress jew li jippreżentaw gwadann ta' benefiċċju reċiproku insuffiċjenti għall-UE;
(w)
li jippromwovu l-konformità mal-20 impenn tal-PESCO billi jistabbilixxu definizzjoni ċara u sempliċi tal-punti ta' riferiment tal-konformità u billi jiżguraw li l-proposti għal proġetti futuri jindirizzaw prijorità speċifika għall-kapaċità tal-iżvilupp tal-UE; li jiżguraw li kwalunkwe rieżami tal-progress tal-proġett ikun ibbażat fuq kriterji ċari u trasparenti inkluż meta jkun kofinanzjat fil-qafas tal-EDIDP/EDF futur; li jiżguraw li tali kriterji jservu bħala punt ta' riferiment għall-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fi proġetti tal-PESCO; li jiżguraw li l-pMS ikomplu jżidu l-kwalità u l-granularità tal-informazzjoni pprovduta fil-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom, li fihom jiddeskrivu kif biħsiebhom jissodisfaw l-20 impenn tal-PESCO;
(x)
li jtejbu l-koerenza tal-għodod u l-inizjattivi tal-UE għall-ippjanar tad-difiża u l-iżvilupp; li jużaw is-sinerġiji bejn iċ-ċiklu ta' proġett tal-PESCO u proċessi oħra tal-kapaċità ta' difiża, bħall-proċess tal-Objettiv Primarju tal-UE, is-CDP u l-CARD sabiex jippermettu li jiġu ppreżentati proġetti aktar iffukati, maturi u żviluppati u strutturati aħjar; li jiżguraw li ċ-ċiklu ta' preżentazzjoni jippermetti l-implimentazzjoni sinkronizzata ta' diversi inizjattivi Ewropej, inkluż l-EDF;
(y)
li jħeġġu lill-pMS jinkorporaw is-CDP fil-proċessi tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali tagħhom bil-ħsieb li jgħinuhom jegħlbu n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet;
(z)
li jirriaffermaw ir-rwol ċentrali tas-segretarjat tal-PESCO bħala l-punt uniku ta' kuntatt għall-proġetti kollha u jistiednu lis-segretarjat iwettaq aġġornamenti regolari tas-sitwazzjoni dwar il-progress tal-proġetti għall-Parlament kif ukoll għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati kollha, permezz ta' informazzjoni miġbura mill-Istat(i) Membru/Membri inkarigat(i) mill-koordinazzjoni tal-proġett; li jħeġġu lill-pMS ikomplu jimpenjaw ruħhom fi djalogu aktar effettiv mas-segretarjat tal-PESCO rigward ir-rieżami u l-aġġornament tal-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom;
(aa)
li jistiednu lill-pMS jiżguraw progress tanġibbli fil-kisba tal-proġetti attwali tal-PESCO;
(ab)
li jiċċaraw ir-rwol tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà fil-proċess tal-PESCO, li mhuwiex previst fit-TUE, u jiżguraw, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti li għandu l-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC) fl-għoti ta' pariri militari ad hoc lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà;
(ac)
li jinvolvu lill-EUMC fil-ħidma tad-definizzjoni tal-pakkett ta' forzi li jkopri l-ispettru sħiħ ta' operazzjonijiet;
(ad)
li jeżaminaw l-istabbiliment ta' Kunsill tal-UE dwar id-Difiża bbażat fuq il-Kunsill Affarijiet Barranin eżistenti fil-format ta' ministri għad-difiża, li huwa wkoll Bord ta' Tmexxija Ministerjali tal-EDA u l-format tal-PESCO ta' Ministri tal-UE għad-Difiża, biex tiġi ggarantita l-prijoritizzazzjoni tar-riżorsi u l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni effettiva fost l-Istati Membri, kif xieraq;
(ae)
li jiċċaraw jew jiddefinixxu r-rabta bejn il-governanza tal-PESCO u dik tal-EDF u jinformaw lill-Parlament fil-proċess ta' kontroll ex post fir-rigward tal-finanzjament ta' proġetti tal-PESCO mill-EDF;
(af)
li jikkunsidraw, kif mitlub minn uħud mill-pMS, li jinbidel iċ-ċiklu ta' preżentazzjoni ta' proġetti tal-PESCO bil-għan li jiżdiedu l-enfasi u l-maturità u li titjieb l-istruttura fi proġetti bħal dawn;
(ag)
li jiċċaraw ir-regoli ta' governanza tal-parteċipazzjoni ta' partijiet terzi fil-PESCO, filwaqt li titqies l-importanza tal-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u r-reċiproċità sħiħa u jifhmu li approċċ skont il-każ ikun l-aktar ta' benefiċċju għall-UE filwaqt li jqisu
(i)
il-ħtieġa li jitħejja u jiġi adottat dokument komprensiv u fundamentali biex tiġi rregolata l-kooperazzjoni futura bil-parteċipazzjoni ta' partijiet terzi fi proġetti tal-PESCO, u
(ii)
il-fatt li l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet rigward l-involviment ta' parti terza għandu jittieħed fil-livell ta' kull proġett tal-PESCO;
(ah)
li jħeġġu li "theddid futur" jintuża bħala l-bażi ta' proposti futuri ta' proġetti tal-PESCO; li jsaħħu s-sħubiji man-NATO, in-NU, l-Unjoni Afrikana u lil hinn; li jiżguraw li l-involviment u l-inklużjoni tal-SMEs jiġu kkunsidrati fl-aspetti rilevanti kollha tal-proġetti tal-PESCO;
(ai)
li jiżguraw li l-proġetti tal-PESCO jkomplu jiżviluppaw u jżidu l-kapaċità industrijali tal-pMS fl-oqsma tan-nanoteknoloġiji, is-supercomputers, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġija tad-droni, ir-robotika u oħrajn, li min-naħa tagħhom jiżguraw l-awtodipendenza u l-indipendenza Ewropej minn importaturi barranin f'dawn l-oqsma, filwaqt li jiffaċilitaw il-ħolqien ta' impjiegi ġodda;
(aj)
li jieħdu nota tal-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-Unjoni m'għandhiex biżżejjed kompetenza fir-rigward tal-kura tas-saħħa; li jirrikonoxxu li, b'mod parallel, jeħtieġ li tiġi stabbilita strateġija ta' difiża komuni tal-UE biex tirrispondi f'każ ta' attakk fuq il-fruntieri u t-territorji tal-UE, u li l-PESCO hija pass pożittiv lejn dan l-objettiv;
(ak)
li jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tal-forzi armati Ewropej fl-indirizzar tal-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19, kemm f'termini tal-ġestjoni tal-emerġenza tas-saħħa kif ukoll tal-appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili, u l-fatt li għandhom ukoll dimensjoni transfruntiera u funzjoni ta' solidarjetà; li jaraw il-benefiċċji potenzjali ta' proġetti ġodda u ambizzjużi tal-PESCO għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet Ewropej komuni f'dan il-qasam, li jespandu fuq il-ħidma ta' proġetti preċedenti, b'mod partikolari l-Pakkett Militari għall-Istazzjonament ta' Kapaċitajiet ta' Għajnuna f'Każ ta' Diżastru u l-Kmand Mediku Ewropew;
(al)
li jistiednu lill-Kunsill u lill-Istati Membri parteċipanti jiffukaw fuq ir-reżiljenza ċibernetika u jħejju strateġija u proċeduri kollettivi biex jirrispondu għal inċidenti ċibernetiċi permezz tal-proġetti tal-PESCO sabiex jinħoloq ambjent aktar reżiljenti fi ħdan l-Istati Membri;
(am)
li jieħdu nota tal-pożizzjoni tal-Parlament rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020(8), jiġifieri li s-sigurtà u r-rwol tal-UE fid-dinja għandhom jiġu identifikati fost prijoritajiet ta' politika predefiniti iżda mhux eżawrjenti, u jirrikonoxxi li din tkun opportunità biex iċ-ċittadini jiġu involuti fid-dibattitu dwar it-tisħiħ tal-PESCO bħala mod kif isir progress lejn politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni awtonoma għall-Unjoni tagħna;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u lill‑Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.