Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2201(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0166/2020

Testi mressqa :

A9-0166/2020

Dibattiti :

PV 19/10/2020 - 22
CRE 19/10/2020 - 22

Votazzjonijiet :

PV 20/10/2020 - 8
PV 20/10/2020 - 21

Testi adottati :

P9_TA(2020)0279

Testi adottati
PDF 224kWORD 73k
It-Tlieta, 20 ta' Ottubru 2020 - Brussell
Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova
P9_TA(2020)0279A9-0166/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova (2019/2201(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (FA), li jinkludi Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) u li daħal fis-seħħ fl-intier tiegħu fl-1 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-istabbiliment ta' sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova f'Marzu 2014, b'riżultat tal-emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001(1) magħmula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar f'Novembru 2017, ta' Memorandum ta' Qbil, ta' Ftehim dwar Faċilità ta' Self u ta' Ftehim ta' Għotja dwar l-assistenza mikrofinanzjarja li jammonta għal EUR 100 miljun għall-perjodu 2017-2018,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea (NAPIAA) għall-perjodu 2017-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni preċedenti tal-14 ta' Novembru 2018(2) dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Moldova, ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi politika fil-Moldova wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet muniċipali f'Chișinău(3), tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(4), tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova(5), u tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(6),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-UE ta' Lulju 2018 li jiġi ffriżat l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja, wara d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema dwar l-elezzjoni tas-sindku ta' Chișinău, u d-deċiżjoni tagħha ta' Novembru 2018 li tnaqqas l-assistenza finanzjarja tagħha, wara tħassib dwar l-istat tad-dritt u r-regressjoni demokratika tal-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni sussegwenti tal-UE ta' Lulju 2019 li terġa' tibda l-iżborż ta' appoġġ mill-baġit fid-dawl tal-impenn tar-Repubblika tal-Moldova li tirriforma s-sistema ġudizzjarja,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-UE ta' Ottubru 2019 li tiżborża l-ewwel pagament parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja li jammonta għal EUR 30 miljun, b'riżultat tal-implimentazzjoni ta' riformi ewlenin biex jittejbu l-istandards demokratiċi u jiġi mħares l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar ir-Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar ir-Repubblika tal-Moldova tal-11 ta' Settembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-ħames laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova tat-30 ta' Settembru 2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, l-aktar reċenti dik tal-24 ta' Novembru 2017 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar ir-Repubblika tal-Moldova tas-26 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2308 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) tat-3 ta' Ottubru 2019 dwar "The functioning of democratic institutions in the Republic of Moldova" (Il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fir-Repubblika tal-Moldova),

–  wara li kkunsidra l-klassifika tal-2019 skont il-perċezzjoni tal-korruzzjoni mfassla minn Transparency International li tpoġġi lir-Repubblika tal-Moldova fil-120 post minn 180 pajjiż u territorju eżaminati (bl-ewwel post tal-klassifika jkun l-aħjar), filwaqt li fil-klassifika tal-2018 skont il-perċezzjoni tal-korruzzjoni mfassla minn Transparency International ir-Repubblika tal-Moldova kienet fil-117-il post,

–  wara li kkunsidra d-Democracy Index 2019 (Indiċi tad-Demokrazija tal-2019) ippubblikat mill-Economist Intelligence Unit, li jikklassifika r-Repubblika tal-Moldova bħala "reġim ibridu",

–  wara li kkunsidra r-rapporti ta' Freedom House "Freedom in the World 2020" (Libertà fid-dinja 2020), li jagħti lir-Repubblika tal-Moldova status ta' pajjiż "parzjalment liberu", u "Nations in Transit 2020" (Nazzjonijiet fi tranżitu 2020), li jivvaluta lir-Repubblika tal-Moldova bħala "reġim fi tranżizzjoni jew ibridu",

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea, il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2018-2022 u l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika 2018-2023, li ssemmi espliċitament ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul,

–  wara li kkunsidra l-analiżijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġet l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), b'mod partikolari tat-8 ta' Marzu 2018 bl-isem "Young Moldova: Problems, Values and Aspirations" (Iż-żgħażagħ fir-Repubblika tal-Moldova: problemi valuri u aspirazzjonijiet); u tal-20 ta' April 2018, bl-isem "Youth Well-being Policy Review of Moldova" (Analiżi tal-Politiki tar-Repubblika tal-Moldova għall-Benesseri taż-Żgħażagħ),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari tal-15 ta' Marzu 2018 dwar ir-riforma elettorali fir-Repubblika tal-Moldova, tal-24 ta' Ġunju 2019 dwar is-sitwazzjoni kostituzzjonali b'referenza partikolari għall-possibbiltà li jxolji l-Parlament u tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' liġi dwar ir-riforma tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni, tat-18 ta' Marzu 2020, bl-isem "Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020 – It-Tisħiħ tar-Reżiljenza - Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2020 dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 u d-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 dwar il-forniment ta' assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19(7),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem "It-Tielet Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta' Sospensjoni tal-Viża", u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, ippubblikat fl-10 ta' Lulju 2020,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020,

—  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u l-attivitajiet tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova, tal-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Moldova u ta' rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili fir-Repubblika tal-Moldova,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati fl-okkażjoni tas-seba' laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova li saret Strasburgu fit-18 u d-19 ta' Diċembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Parlament Ewropew għall-elezzjonijiet parlamentari tar-Repubblika tal-Moldova tal-24 ta' Frar 2019 integrati mal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali internazzjonali mmexxija mill-OSKE/ODIHR,

–  wara li kkunsidra l-pakkett ta' għajnuna ekonomika tal-Kummissjoni adottat fid-29 ta' Marzu 2020 biex jgħin lir-Repubblika tal-Moldova, fost pajjiżi oħra, fil-ġlieda tagħha kontra l-pandemija tal-COVID-19, li kien jinkludi l-orjentament mill-ġdid ta' strumenti eżistenti biex jiġi mmitigat l-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0166/2020),

A.  billi permezz tal-FA/DCFTA l-UE u r-Repubblika tal-Moldova impenjaw ruħhom li jippromwovu l-assoċjazzjoni politika u jiksbu l-integrazzjoni ekonomika, u r-Repubblika tal-Moldova impenjat ruħha li tinkorpora l-acquis tal-UE fil-liġijiet u fil-prattiki tagħha f'għadd kbir ta' oqsma; billi, bil-għan li jkunu sostnuti dawn l-isforzi, l-Unjoni impenjat ruħha biex tagħti assistenza finanzjarja u tal-baġit sostanzjali lir-Repubblika tal-Moldova, bil-kundizzjoni li jkunu rispettati l-valuri u l-prinċipji fundamentali Ewropej, bħall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u demokratiċi, u tkun garantita l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, l-istrutturi oligarkiċi u n-nepotiżmu; billi l-kooperazzjoni tista' tkun annullata f'każijiet gravi ta' regressjoni;

B.  billi fit-13 ta' Settembru 2017, il-Parlament u l-Kunsill adottaw deċiżjoni biex tingħata assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova b'valur ta' EUR 100 miljun fil-kuntest tal-programm tal-FMI biex jiġu appoġġjati r-riformi ekonomiċi u finanzjarji tal-pajjiż;

C.  billi l-UE ripetutament esprimiet tħassib dwar l-istat tad-dritt, in-nuqqas ta' progress fil-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli għall-frodi bankarji mikxufa fl-2014 u l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi l-klassifika tal-2018 skont il-perċezzjoni tal-korruzzjoni mfassla minn Transparency International u r-rapporti ta' Freedom House tal-2020 juru progress ċkejken fir-Repubblika tal-Moldova fil-passat l-aktar reċenti, filwaqt li l-andament ġenerali indikat minn dawn l-indiċijiet, kif ukoll mid-Democracy Index (Indiċi tad-Demokrazija), juru tendenza fit-tul ta' deterjorament tal-istat tad-demokrazija, tal-korruzzjoni, tad-drittijiet politiċi u tal-libertajiet ċivili fir-Repubblika tal-Moldova;

E.  billi, minkejja l-bidliet fil-gvern, l-istituzzjonijiet statali tar-Repubblika tal-Moldova jibqgħu fraġli u l-pajjiż għadu jissielet mal-problema tal-ħtif tal-Istat, peress li l-konċentrazzjoni tal-poter u l-kontroll tas-setturi u tal-istituzzjonijiet importanti kollha fl-ogħla livell ta' gvern ma rreġistrawx tnaqqis sinifikanti;

F.  billi, minħabba ksur serju tal-istat tad-dritt u l-proċess demokratiku, l-UE fl-2018 issospendiet l-iżborż tal-aħħar żewġ pagamenti parzjali fl-ambitu tal-programm ta' appoġġ mill-baġit għar-riformi fis-settur tal-ġustizzja;

G.  billi fil-11 ta' Ġunju 2019 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (fil-kawża Ozdil u oħrajn vs Ir-Repubblika tal-Moldova) stabbiliet li r-Repubblika tal-Moldova kienet kisret id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari meta, f'Settembru 2018, is-Servizzi ta' Intelligence u Sigurtà (SIS) tagħha eżegwew id-detenzjoni u r-rimpatriju furzat fit-Turkija ta' ħames ċittadini Torok li kienu talbu ażil; billi din l-estradizzjoni moħbija hija biss eżempju wieħed ta' mudell sistematiku ta' għajbien furzat u involontarju, detenzjoni illegali u deportazzjoni lejn it-Turkija ta' ċittadini Torok, applikat f'għexieren ta' pajjiżi fid-dinja;

H.  billi, wara li f'Ġunju 2019 ġie ffurmat gvern impenjat li jwettaq dawn ir-riformi ambizzjużi, bi programm iċċentrat fuq ir-riforma tal-ġudikatura, il-Kummissjoni żborżat l-ewwel pagament parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja u reġgħet bdiet l-iżborżi fl-ambitu tal-programmi ta' appoġġ lill-baġits settorjali, filwaqt li stqarret li kienet se tkompli tapplika kundizzjonalità rigoruża; billi fl-10 ta' Lulju 2020, il-Kummissjoni approvat l-iżborż tat-tieni u l-aħħar pagament parzjali ta' EUR 30 miljun mill-programm ta' assistenza makrofinanzjarja tagħha;

I.  billi, madankollu, ir-Repubblika tal-Moldova ma setgħetx taċċedi għall-bqija tal-fondi disponibbli fil-qafas tal-progromm, li skada f'Lulju 2020; billi din l-assistenza tibqa' subordinata għall-implimentazzjoni tar-riformi maqbula qabel, b'mod partikolari dawk maħsuba biex isaħħu l-istat tad-dritt, l-istandards demokratiċi u jiksbu riżultati konkreti għaċ-ċittadini;

J.  billi f'Novembru 2019 il-parlament tar-Repubblika tal-Moldova adotta mozzjoni ta' sfiduċja fil-konfront tal-gvern iffurmat f'Ġunju 2019 u ġie ffurmat gvern ta' minoranza, u sussegwentement gvern ta' koalizzjoni ġdid; billi r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni esprimew tħassib dwar il-mod kif il-gvern preċedenti ġie sostitwit u fir-rigward tal-proċess ta' riforma li bdiet ir-Repubblika tal-Moldova permezz tal-FA/DCFTA;

K.  billi l-maġġoranza tal-gvern ta' koalizzjoni l-ġdid fil-parlament tar-Repubblika tal-Moldova ċkienet kostantement minħabba li d-deputati qegħdin jabbandunaw l-alleanza fil-poter; billi fil-ħarifa fir-Repubblika tal-Moldova se jsiru l-elezzjonijiet presidenzjali u l-pajjiż bħalissa għaddej minn żmien ta' instabbiltà politika akuta; billi l-President Igor Dodon saħaq fuq il-bżonn li l-parlament ixolji u li jsiru elezzjonijiet bikrin mill-aktar fis possibbli; billi fis-7 ta' Lulju 2020 il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Moldova ddeċidiet li l-elezzjonijiet bikrin jistgħu jsiru biss wara l-elezzjonijiet presidenzjali;

L.  billi fis-17 ta' April 2020 il-gvern Russu u dak tar-Repubblika tal-Moldova ffirmaw ftehim, innegozjat mill-presidenti taż-żewġ pajjiżi, dwar self ta' EUR 200 miljun li se tagħti l-Federazzjoni Russa lir-Repubblika tal-Moldova b'rata ta' mgħax preferenzjali ta' 2 %, billi dan il-ftehim ġie rratifikat fit-23 ta' April u, dakinhar stess, wara l-appell ippreżentat minn membri tal-oppożizzjoni parlamentari, il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Moldova ssospendiet il-liġi ta' ratifika tal-ftehim ta' self sat-tlestija min-naħa tal-istess Qorti tal-eżami tal-kompatibbiltà mal-Kostituzzjoni; billi fis-6 ta' Mejju l-President tal-Qorti Kostituzzjonali rrapportat dwar pressjonijiet fuq il-Qorti Kostituzzjonali min-naħa tal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll tentattivi ta' skreditament tal-imħallfin tagħha; billi fis-7 ta' Mejju 2020 il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat bħala inkostituzzjonali l-ftehim ta' self; billi attwalment għaddejjin in-negozjati għal ftehim ta' self ġdid mal-Federazzjoni Russa;

M.  billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet il-bżonn dejjem akbar ta' koordinament biex jiġi indirizzat it-theddid komuni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien; billi l-Unjoni wieġbet lil dan il-bżonn, fost strumenti oħra, bl-għoti ta' pakkett ta' għajnuna finanzjarja lill-ġirien tagħha;

N.  billi s-solidarjetà fil-konfront tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant hija ta' importanza fundamentali matul il-kriżi tal-COVID-19 u l-Unjoni forniet sostenn notevoli biex jiġi indirizzat l-impatt tal-pandemija fir-reġjun; billi, f'dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Moldova se tibbenefika minn EUR 87 miljun f'finanzjamenti bilaterali riorjentati;

O.  billi l-Unjoni qed tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Repubblika tal-Moldova self ulterjuri ta' assistenza makrofinanzjarja ta' EUR 100 miljun fl-ambitu tad-deċiżjoni li tagħti assistenza makrofinanzjarja lil għaxar pajjiżi sħab tal-viċinat biex tgħinhom jillimitaw il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-coronavirus; billi l-ewwel pagament parzjali tal-pakkett ta' assistenza makrofinanzjarja straordinarja se jkun żburżat malajr kemm jista' jkun, peress li l-Memorandum ta' Qbil (MtQ) mar-Repubblika tal-Moldova ġie rratifikat; billi biex jirċievi t-tieni pagament parzjali, li jiġi żburżat sa mhux aktar tard minn sena minn meta jiġi ffirmat il-MtQ, il-pajjiż se jkollu jirrispetta ċerti kundizzjonalitajiet; billi prekundizzjoni importanti għall-għoti ta' din l-assistenza makrofinanzjarja hija li l-pajjiż jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari multipartitika, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-konklużjoni tal-MtQ għandha tkun milqugħa pożittivament u l-implimentazzjoni tal-impenji meħuda għandha tkun garantita;

P.  billi r-Repubblika tal-Moldova ħadet impenji internazzjonali u nazzjonali biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa; billi l-pajjiż adotta miżuri biex jippromwovi r-rappreżentanza politika tan-nisa, fosthom kwota tal-ġeneru obbligatorja ta' 40 % għal-listi elettorali tal-partiti politiċi; billi hemm bżonn aktar sforzi biex jimxu 'l quddiem l-objettivi tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2017-2021, inklużi finanzjamenti adegwati u mekkaniżmi ta' implimentazzjoni aktar b'saħħithom;

Q.  billi, minkejja l-progress ekonomiku kollu, l-impatt soċjali tal-assistenza finanzjarja u tal-isforzi ta' riforma kien pjuttost marġinali; billi r-Repubblika tal-Moldova tibqa' wieħed mill-ifqar pajjiżi tal-Ewropa, mifluġ minn sitwazzjoni soċjali diżastruża, b'villaġġi abbandunati u faqar estrem; billi fl-2018 38,5 % tal-ħaddiema fir-Repubblika tal-Moldova ma kienx jiddikjara xogħlu u ma kellu aċċess għall-ebda forma ta' protezzjoni soċjali;

R.  billi mill-1989 il-popolazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova ċkienet kważi b'terz; billi, f'termini demografiċi, dawn iċ-ċifri huma l-agħar fl-Ewropa kollha; billi ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova jħallu pajjiżhom għal paga ogħla u għal edukazzjoni u strutturi aħjar; billi tali żvilupp għandu riperkussjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-fond u dejjiema; billi r-Repubblika tal-Moldova taffronta skarsezza ta' ħaddiema u nuqqas ta' figuri professjonali bħal infermiera u tobba; billi l-anzjani, il-biċċa l-kbira minnhom jiddependu mir-rimessi tal-emigrati, huma dawk l-aktar vulnerabbli u f'riskju ta' faqar tar-Repubblika tal-Moldova;

S.  billi s-soluzzjoni għall-problemi tar-Repubblika tal-Moldova ma tistax tiġi minn barra l-pajjiż u hemm bżonn tissaħħaħ is-sjieda tal-poplu tar-Repubblika tal-Moldova biex jilqgħu għall-isfidi tal-pajjiż; billi jibqa' importanti li jiġu indirizzati l-isfidi prinċipali, bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-istrutturi oligarkiċi, l-osservanza tal-istandards demokratiċi, il-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi soċjali kumplessi, tiġi garantita l-pluralità tal-midja u jiġu indirizzati l-faqar u l-emigrazzjoni;

Valuri komuni u prinċipji ġenerali

1.  Ifakkar li l-valuri komuni li fuqhom inbniet l-Unjoni, jiġifieri d-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, huma wkoll il-qofol tal-assoċjazzjoni politika u tal-integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova; itenni l-impenn tal-Unjoni biex issostni l-perkors Ewropew tar-Repubblika tal-Moldova permezz ta' assoċjazzjoni politika, integrazzjoni ekonomika u r-riformi rispettivi; josserva li l-FA/DCFTA jibqa' ta' importanza primarja għall-iżvilupp tar-Repubblika tal-Moldova, speċjalment fiż-żminijiet eċċezzjonali ta' bħalissa, u jfaħħar l-impenn deċiż tas-soċjetà u tal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova f'dan il-proċess; ifakkar, madankollu, li jinħtieġ li jsir aktar progress f'termini ta' implimentazzjoni biex ikunu realizzati b'mod sħiħ il-potenzjal u l-benefiċċji tiegħu, partikolarment b'enfasi fuq l-indipendenza tal-istituzzjonijiet statali, ir-reżiljenza tagħhom għall-influwenza tal-oligarki, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġustizzja, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadini; jissottolinja li l-FA/DCFTA kien l-istrument prinċipali li stimola u sostna l-proċess tar-riformi strutturali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

2.  Jilqa' pożittivament l-intenzjonijiet kollha favur integrazzjoni politika, umana u ekonomika akbar mal-Unjoni, skont il-prinċipju ta' differenzjazzjoni u abbażi tal-prestazzjonijiet, tar-riżultati u tal-aspirazzjonijiet tal-awtoritajiet u tas-soċjetà tar-Repubblika tal-Moldova;

3.  Josserva l-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni dwar l-Artikolu IV tal-FMI f'Marzu 2020 u s-sitt u l-aħħar rieżami tal-Bord tal-FMI tal-prestazzjoni ekonomika tar-Repubblika tal-Moldova fl-ambitu tal-arranġamenti ta' Faċilità ta' Kreditu Estiż u Faċilità ta' Fond Estiża, b'mod partikolari fir-rigward tar-riabilitazzjoni tas-sistema bankarja tal-Moldova u tat-tisħiħ tal-governanza fis-settur finanzjarju;

4.  Jilqa' favorevolment l-iżborż tat-tieni pagament parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni; jirrikonoxxi l-isforzi ta' riforma li ssegwi r-Repubblika tal-Moldova f'setturi bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tisħiħ tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus, l-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar l-attivitajiet tal-NGOs u josserva li r-Repubblika tal-Moldova ngħaqdet mal-programm ta' reviżjoni bejn il-pari tal-OECD kontra l-korruzzjoni (Pjan ta' Azzjoni ta' Istanbul);

5.  Huwa tal-fehma li l-iżborż tat-tieni pagament parzjali tal-programm ta' assistenza makrofinanzjarja għall-perjodu 2017-2020 għandu jkun segwit minn sforzi min-naħa tal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova maħsuba biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti fl-oqsma marbuta mat-tisħiħ tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus u għandu jipproduċi riżultati tanġibbli u dejjiema kif ukoll mat-tisħiħ tal-indipendenza tal-bank nazzjonali;

6.  Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova u l-UE jikkooperaw biex jegħlbu l-impatt negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

7.  Jilqa' favorevolment l-eżitu tan-negozjati dwar il-Memorandum ta' Qbil dwar il-programm straordinarju l-ġdid ta' assistenza makrofinanzjarja tal-UE, li għandu l-għan li jikkuntrasta l-impatt ekonomiku negattiv tal-pandemija tal-COVID-19;

L-importanza tal-implimentazzjoni tal-FA fil-qafas tal-iżviluppi politiċi li għaddejjin bħalissa u qabel l-elezzjonijiet presidenzjali tal-1 ta' Novembru

8.  Josserva li l-Programm ta' Attività tar-Repubblika tal-Moldova ta' Novembru 2019 huwa anqas ambizzjuż mill-Aġenda Globali 2030 tal-gvern preċedenti u jinsab imħasseb bil-fatt li l-istabbiltà politika u l-bidliet frekwenti tal-gvernijiet qegħdin ikollhom effett fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FA/DCFTA u jnaqqsu r-ritmu tar-riformi; isostni l-konnessjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni li jmiss mal-NAPIAA l-ġdid u jenfasizza l-importanza ta' adozzjoni rapida tal-Aġenda l-ġdida bħala strument biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jiġu aġġornati l-prijoritajiet tagħha bil-parteċipazzjoni parlamentari attiva u bil-kontribut tas-soċjetà ċivili u ta' partijiet ikkonċernati oħrajn fl-UE u fir-Repubblika tal-Moldova; jinsisti li l-kontinwazzjoni tal-appoġġ politiku u finanzjarju tal-UE tibqa' subordinata għat-twettiq ta' riforma tanġibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt u tal-ġudikatura; itenni, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġu implimentati r-riformi prijoritarji kollha maqbula fl-Aġenda ta' Assoċjazzjoni u jiġu rispettati l-kundizzjonalitajiet maqbula għall-iżborż tat-tieni u tat-tielet pagament parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja;

9.  Jilqa' pożittivament il-kontribut kostruttiv li tagħti r-Repubblika tal-Moldova lill-kooperazzjoni fl-ambitu tas-Sħubija tal-Lvant u jinkoraġġixxi li jkun hemm skambju politiku permanenti u intensifikat fost il-pajjiżi parti mill-FA/DCFTA u l-Kummissjoni dwar ir-riformi relatati mal-assoċjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tuża korrettament il-mekkaniżmi eżistenti biex tkompli tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni konkreta tar-riformi u tiżviluppa mekkaniżmu ta' kundizzjonalità, anki b'parametri ta' riferiment ċari, bl-involviment sinifikattiv tas-soċjetà ċivili, partikolarment fil-livell lokali; iqis bħala essenzjali, f'dan il-kuntest, li jitqawwa l-appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jiżvolġu rwol fundamentali fit-trawwim tal-parteċipazzjoni fid-dibattiti pubbliċi u fil-monitoraġġ kemm tal-azzjoni tal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll tal-effikaċja tal-politiki tal-Unjoni fil-konfront tal-pajjiż; jissuġġerixxi, barra minn dan, li tintuża l-esperjenza miksuba mill-Grupp ta' Appoġġ għall-Ukrajna biex tinħoloq struttura simili għar-Repubblika tal-Moldova, bil-għan li jiżdiedu l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-appoġġ tal-Unjoni;

10.  Jissottolinja li s-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova għandha tkun immonitorjata mill-qrib fit-terminu twil, anki matul il-perjodu preelettorali, konformement mal-prassi u mal-istandards normali tal-OSKE/ODIHR, partikolarment fil-perjodu ta' kriżi attwali, billi l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss se jservu ta' test għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt fil-pajjiż;

11.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jiżguraw li l-elezzjonijiet presidenzjali previsti għall-1 ta' Novembru 2020 ikunu liberi u ġusti u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jtejbu aktar il-liġi elettorali biex tkun żgurata l-effikaċja tad-dritt tal-vot, il-korrettezza tal-kampanji elettorali, it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv u tal-kontroll demokratiku, bil-għan li jitħalla skrutinju pubbliku adegwat tal-attività tal-gvern u tal-parlament; jesiġi li l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jastjenu milli jbiddlu r-regoli u r-regolamenti għal vantaġġ politiku, billi dawn il-prattiki dejjem jispiċċaw joħolqu diżordni politiku u instabbiltà għad-dannu tal-impenn fil-konfront tar-riformi strutturali; jissottolinja, fid-dawl tal-elezzjonijiet futuri, l-importanza tal-leġittimità demokratika tal-gvern, tat-trasparenza fil-formazzjoni ta' koalizzjonijiet, tar-rispett tar-rieda tal-eletturi u l-importanza li l-maġġoranza tal-gvern tirrifletti l-vot tal-poplu;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jsaħħu l-mekkaniżmi demokratiċi, inkluża sistema parlamentari multipartitika, u jiżguraw il-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll aċċess ekwu għall-finanzi u għall-midja; jesiġi, f'dan il-kuntest, li l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jsaħħu r-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni min-naħa ta' atturi nazzjonali u barranin, online u offline, u jimplimentaw il-miżuri biex ikun indirizzat il-bżonn saħansitra aktar urġenti li jiġu affrontati x-xiri ta' voti, l-intimidazzjoni fil-konfront tal-osservaturi elettorali, it-tixħim elettorali u prattiki korrotti oħra, kif ukoll l-użu indebitu tar-riżorsi statali, billi dawn il-prattiki jikkompromettu u jfarrku l-isforzi demokratiċi kollha li jagħmlu l-atturi politiċi tar-Repubblika tal-Moldova;

13.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' rivalità politika b'saħħitha u leali bejn il-kandidati presidenzjali, li tkun impossibbli mingħajr sistema sana u trasparenti ta' finanzjament tal-partiti u ta' finanzjament tal-kampanja presidenzjali;

14.  Iħeġġeġ lill-gvern tar-Repubblika tal-Moldova jattwa l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li jgħixu fir-reġjun tat-Transnistrija u barra mir-Repubblika tal-Moldova jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-elezzjonijiet b'mod inklużiv, trasparenti u ekwu, mingħajr indħil barrani;

Riformi u qafas istituzzjonali

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riformi li wasslu għall-introduzzjoni ta' sistema ta' vjaġġar mingħajr viża mal-Unjoni; josserva li l-programm intuża b'mod estensiv miċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova u jirrappreżenta eżempju tajjeb ħafna ta' kif l-implimentazzjoni tal-FA/DCFTA tolqot ħajjet iċ-ċittadini billi trawwem il-kuntatti interpersonali ma' konċittadini Ewropej oħrajn; jistieden lill-Unjoni u lir-Repubblika tal-Moldova jkomplu jtejbu l-kuntatti u l-iskambji interpersonali biex il-popolazzjoni ta' kull waħda mill-partijiet tiżviluppa stampa pożittiva tal-parti l-oħra;

16.  Jilqa' pożittivament il-fatt li mill-2014 aktar minn 2,3 miljun ċittadin tar-Repubblika tal-Moldova bbenefikaw minn sistema ta' vjaġġar mingħajr viża u jinnota li, skont l-aħħar rapport tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Moldova għadha tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa għal-liberalizzazzjoni tal-viżi u li l-moviment mingħajr obbligu ta' viża għadu jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u kulturali kemm għall-Unjoni kif ukoll għar-Repubblika tal-Moldova; jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat isostnu l-moviment liberu tal-persuni anki matul il-kriżijiet;

17.  Jirrikonoxxi l-isforzi li għamlu l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-rapporti annwali dwar il-mekkaniżmu ta' sospensjoni tal-viżi; jirrakkomanda li titkompla l-implimentazzjoni tal-parametri ta' riferiment marbuta mal-politika tal-liberalizzazzjoni tal-viżi u jistieden lill-awtoritajiet ikomplu dawn l-isforzi biex jissodisfaw il-parametri ta' riferiment għal-liberalizzazzjoni tal-viżi, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fit-tisħiħ tal-ġudikatura, fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus u fl-adozzjoni ta' miżuri konkreti biex tkun indirizzata ż-żieda fl-applikazzjonijiet għal ażil infondati; jinsab imħasseb, f'dan ir-rigward, biż-żieda fin-numru ta' ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li nqabdu joqogħdu illegalment fiż-żona Schengen+ (żieda ta' 47 %) u biż-żieda fl-applikazzjonijiet għal ażil (żieda ta' 48 %); iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jimplimentaw ulterjorment l-impenji li ħadu fil-kuntest tar-reġim liberalizzat tal-viżi għaż-żona Schengen fil-qasam tal-ġestjoni effikaċi tal-migrazzjoni u jiżguraw id-dritt għal ażil fir-Repubblika tal-Moldova lill-applikanti għal ażil ta' pajjiżi terzi;

18.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova ta' bosta atti leġiżlattivi konformi mal-impenji tal-pajjiż minquxa fil-FA, partikolarment dawk relatati mal-amministrazzjoni pubblika, mal-ġestjoni finanzjarja pubblika u mar-riformi tas-sistema ġudizzjarja; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn l-atti, inkluż billi tiġi adottata leġiżlazzjoni sekondarja;

19.  Jilqa' favorevolment il-progress li nkiseb fil-ġestjoni finanzjarja pubblika u jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jħaffu l-implimentazzjoni tar-riformi l-oħra marbuta mal-FA/DCFTA, abbażi ta' titjib tal-istat tad-dritt;

20.  Jirrikonoxxi l-passi essenzjali li għamlet ir-Repubblika tal-Moldova biex ittejjeb il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika; jistieden, għal dan il-għan, lill-gvern tar-Repubblika tal-Moldova jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika għall-perjodu 2016-2020 konformement mal-prinċipji tal-OECD/SIGMA tal-amministrazzjoni pubblika; jinkoraġġixxi barra minn hekk lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jżidu t-trasparenza u jiġġieldu kontra l-korruzzjoni mifruxa fl-amministrazzjoni pubblika kif ukoll jistabbilixxu skola nazzjonali tal-amministrazzjoni pubblika;

21.  Jissottolinja li implimentazzjoni aktar effiċjenti u sostenibbli tal-FA tinbet minn amministrazzjoni imparzjali u professjonali tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji statali; itenni, f'dan ir-rigward, it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' impenn kostanti lejn it-titjib tas-settur pubbliku, sitwazzjoni li taqta' qalb nies kompetenti milli jidħlu f'karriera fl-amministrazzjoni pubblika u jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żviluppata amministrazzjoni pubblika professjonali u li ż-żgħażagħ jitħeġġew jidħlu f'karriera fis-settur pubbliku, biex b'hekk tinkiseb amministrazzjoni aktar trasparenti, ħielsa minn nepotiżmi u favoritiżmi li jwasslu għal politiċizzazzjoni kronika;

22.  Iħeġġeġ li jingħata bidu mill-aktar fis possibbli għal riforma aktar komprensiva f'dik li hi deċentralizzazzjoni, inkluża r-riforma tas-sistema amministrattiva-territorjali tar-Repubblika tal-Moldova, l-iżvilupp reġjonali u d-deċentralizzazzjoni amministrattiva, bil-possibbiltà li jiġu ġġenerati taxxi lokali; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-bżonn ta' kooperazzjoni usa' u aktar approfondita bejn l-awtoritajiet lokali, ta' numru anqas ta' amministrazzjonijiet lokali u ta' aktar miżuri li jiżguraw lil dawn tal-aħħar aktar indipendenza u anqas spejjeż operattivi; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jsostnu l-prinċipji tad-demokrazija lokali u tal-awtonomija lokali skont il-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali billi jfornu lill-gvernijiet lokali kompetenzi adegwati u biżżejjed finanzjamenti u billi jiżguraw l-effikaċja tagħhom;

23.  Huwa mħasseb bil-livell għoli ta' konċentrazzjoni u politiċizzazzjoni tas-setturi tal-midja u tar-reklamar, li qed iwassal għal livell baxx ta' fiduċja pubblika fil-midja; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jkomplu r-riforma tas-settur tal-midja partikolarment b'involviment aktar b'saħħtu tas-soċjetà ċivili fil-proċess u jitlob rieżami tal-kodiċi fil-qasam tal-awdjoviżiv u liberalizzazzjoni tas-suq tar-reklamar bi qbil mal-istandards Ewropej marbuta mal-pluraliżmu u mal-libertà tal-midja, kif rakkomandat mill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni ta' Venezja, bil-għan li tkun żgurata trasparenza sħiħa tas-sjieda fis-suq tal-midja u tar-reklamar;

24.  Huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-pluraliżmu fil-midja u tal-indipendenza tagħha għandu jkun prijorità għall-Unjoni u għar-Repubblika tal-Moldova fl-ambitu tar-relazzjonijiet tagħhom bħala sħab u li dan għandu jkun rifless adegwatament anki fl-allokazzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ favur il-midja indipendenti, anki fir-reġjuni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jżommu lura milli japprofittaw mill-pandemija tal-COVID-19 biex jadottaw miżuri li jrażżnu l-libertà tal-kelma u jillimitaw il-kapaċità tal-midja li tirrapporta b'mod indipendenti u imparzjali l-istampa kompluta tal-impatt tal-kriżi tal-coronavirus fuq is-soċjetà; jesprimi tħassib dwar it-tifrix tal-aħbarijiet foloz u tad-diżinformazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova matul il-kriżi tal-coronavirus u jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu żviluppati, min-naħa kemm tal-awtoritajiet lokali kif ukoll tal-Unjoni, programmi speċifiċi li jippromwovu l-litteriżmu medjatiku, jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u jsostnu l-kwalità u l-verifika tal-kontenut medjatiku;

25.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jippromwovu l-libertà u l-indipendenza tal-midja u jiżguraw, anki billi jwettqu awditjar indipendenti, l-effikaċja tal-Kunsill tal-Awdjoviżiv bħala regolatur indipendenti li jiġġieled kontra l-intimidazzjonijiet fil-konfront tal-ġurnalisti, il-politiċizzazzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza tal-istituzzjonijiet pubbliċi u ta' regolamentazzjoni, in-nuqqas ta' aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u għal kontenut medjatiku ta' kwalità kif ukoll jiżgura t-trasparenza tas-sjieda tal-midja;

26.  Jissottolinja li l-Unjoni hija l-akbar fornitur ta' għajnuna lir-Repubblika tal-Moldova; josserva bi tħassib kbir il-propaganda kontinwa, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-messaġġi li jimmalafamaw tal-politiċi fil-poter kontra l-Unjoni, li jagħtu stampa distorta u mhux realistika fuq it-televiżjoni pubblika u fil-midja; jiddispjaċih għall-attakki pubbliċi bħal dawn fuq l-għajnuna u l-immaġni tal-Unjoni peress li jdgħajfu l-implimentazzjoni tal-FA u r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jtemmu l-kampanji ta' diżinformazzjoni u propaganda kontra l-UE li ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova b'mod ġenerali huma esposti għalihom u jintensifikaw l-appoġġ fil-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz, il-gwerra ibrida fil-komunikazzjoni, il-kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati u d-degradazzjoni tal-programmi tal-midja; jissottolinja li l-involviment politiku fil-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa strutturalment idgħajjef il-libertajiet fundamentali u l-aċċess għall-informazzjoni;

27.  Jiddeplora t-tbegħid progressiv mill-perkors Ewropew tal-gvern attwali f'Chișinău, askapitu tal-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż u jħeġġeġ lill-partiti politiċi pro-Ewropa kollha jsibu soluzzjonijiet permezz tad-djalogu, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova u biex il-pajjiż jibbenefika bis-sħiħ mill-vantaġġi kollha offruti mill-FA/DCFTA;

28.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jagħmlu aktar sforzi sabiex jiżguraw li l-opportunitajiet tal-FA/DCFTA u l-assistenza u l-programmi tal-UE jilħqu l-livell lokali, inkluż fil-partijiet remoti tal-pajjiż, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, sabiex l-abitanti jkunu jistgħu jagħmlu pressjoni għal bidliet pożittivi fil-komunitajiet tagħhom, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli għas-sentimenti post-Sovjetiċi u l-manipulazzjoni Russa;

29.  Huwa tal-fehma li l-awtoritajiet għandhom jipprovdu informazzjoni trasparenti dwar l-assistenza esterna li beħsiebhom ifittxu u li l-finanzjament mill-Federazzjoni Russa għandu jiġi diskuss b'mod miftuħ fil-Parlament u mal-esperti u s-soċjetà ċivili, inkluż fir-rigward tal-kundizzjonalitajiet ġeostrateġiċi u l-impatt fit-tul fuq l-ekonomija li jirriżulta minn dan it-tip ta' finanzjament; iqis li, fir-rigward tal-kundizzjonalitajiet marbuta mal-assistenza finanzjarja tal-UE, l-awtoritajiet għandhom jipprovdu wkoll l-ispjegazzjonijiet meħtieġa lill-pubbliku; jissottolinja li l-kundizzjonalitajiet tal-UE għandhom jitqiesu bħala opportunitajiet biex jitwettqu r-riformi meħtieġa;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni Russa permezz ta' informazzjoni ta' kwalità bbażata fuq il-fatti u aċċessibbli kif ukoll permezz ta' kampanji pubbliċi li għandhom l-għan li jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jfittxu kollaborazzjoni aktar fil-fond mal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni ta' prattiki tajbin u soluzzjonijiet għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-propaganda, il-manipulazzjoni u l-influwenza ostili mwettqa minn forzi esterni bil-għan li jifirdu, jiddestabbilizzaw u jdgħajfu l-integrità tal-proċessi politiċi interni u r-relazzjonijiet mal-Unjoni;

31.  Jirrikonoxxi l-progress fl-adozzjoni tal-liġi l-ġdida dwar l-organizzazzjonijiet mhux kummerċjali mill-parlament tar-Repubblika tal-Moldova, bħala parti mir-rekwiżiti ta' kundizzjonalità biex tinkiseb l-assistenza makrofinanzjarja tal-UE; jistenna li l-implimentazzjoni rapida u effettiva tagħha se trawwem ir-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, kif ukoll tal-libertà ta' assoċjazzjoni, u jitlob aktar appoġġ mill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili; jirrimarka r-rwol ċentrali li għandhom l-NGOs fi kwalunkwe soċjetà demokratika u jesprimi t-tama li l-leġiżlazzjoni l-ġdida ttejjeb it-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet pubbliku u tipprovdi qafas modernizzat għall-funzjonament tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jastjenu minn kwalunkwe pressjoni fuq l-NGOs u atturi ċiviċi oħra; jiddispjaċih għall-fatt li l-uffiċjali politiċi, b'mod ġenerali, juru sfiduċja u ostilità fil-konfront tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ involviment aktar sinifikattiv u attiv tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki u l-proċessi ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li l-NGOs jistgħu jaġixxu bħala għassiesa tagħhom u jżommu lill-istituzzjonijiet rispettivi tal-Istat responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fid-dawl ta' dan, jipprovdu appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju lis-soċjetà ċivili u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu regoli ċari li jgħinu biex jiġi evitat li jingħataw għotjiet lil "GONGOs" (NGOs stabbiliti u ffinanzjati minn gvernijiet permezz ta' mezzi informali);

32.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jippromwovu t-trasparenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet pubbliku u jiżguraw l-involviment u l-konsultazzjoni xierqa tal-partijiet interessati u tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha, li se jżid ukoll l-iskrutinju pubbliku u l-aċċettabbiltà soċjali tar-riformi mwettqa;

33.  Jilqa' l-emendi għal-leġiżlazzjoni elettorali adottati f'Awwissu 2019, u d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Moldova ta' Frar 2020 dwar ir-rekwiżiti territorjali għall-istabbiliment ta' partiti politiċi;

34.  Jirrimarka li l-kriżi tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher il-fatt li s-sistema tas-saħħa tar-Repubblika tal-Moldova hija sottożviluppata u qed tissielet biex tlaħħaq maż-żieda reċenti fl-għadd ta' każijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-Repubblika tal-Moldova jżidu l-kooperazzjoni dwar ir-reżiljenza għas-saħħa pubblika, jiskambjaw l-aħjar prattiki u jaħdmu mas-soċjetà ċivili, man-negozji u mal-komunitajiet tal-SMEs biex jistabbilixxu strateġiji epidemiċi li jiffukaw fuq l-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà; jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jsaħħaħ is-sistema tal-kura tas-saħħa, itejjeb l-istandards tas-sanità, speċjalment fl-isptarijiet, kif ukoll jipprovdi lill-popolazzjoni tiegħu l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-pandemija b'mod trasparenti u inklużiv;

Kooperazzjoni fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u progress dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt tat-Transnistrija

35.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u fl-investigazzjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberkriminalità kif ukoll il-kooperazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova man-NATO u l-allinjament tagħha mad-Dikjarazzjonijiet tal-PESK tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu lir-Repubblika tal-Moldova f'formati ġodda ta' kooperazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, it-theddid ibridu u l-investigazzjonijiet dwar iċ-ċiberkriminalità;

36.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM) fl-armonizzazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri u tar-reġim doganali ma' dik tal-Unjoni, anke fir-rigward tas-soluzzjoni tal-kwistjoni tat-Transnistrija;

37.  Jirrikonoxxi l-esperjenza u l-għarfien espert uniċi tar-Repubblika tal-Moldova u l-kontribut li tista' tagħti lill-politika ta' sigurtà u ta' difiża kollettiva tal-Unjoni u jħeġġeġ kooperazzjoni aktar profonda fil-politiki ta' difiża relatati mal-UE, inkluża l-parteċipazzjoni fil-PESCO ladarba tiġi ċċarata l-kwistjoni tal-involviment ta' pajjiżi terzi;

38.  Itenni l-appoġġ tal-UE għas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova u għall-isforzi fil-qafas tal-proċess ta' negozjati 5+2 biex tinstab soluzzjoni politika paċifika, dejjiema, komprensiva u politika għall-kunflitt tat-Transnistrija, ibbażata fuq ir-rispett tas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, bi status speċjali għat-Transnistrija, li tkun tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem anke fit-territorji li bħalissa mhumiex ikkontrollati mill-awtoritajiet kostituzzjonali; ifakkar li, fit-22 ta' Ġunju 2018, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat riżoluzzjoni li tħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tirtira t-truppi u l-armamenti tagħha mingħajr kundizzjonijiet mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova u li terġa' tafferma l-appoġġ għall-implimentazzjoni immedjata ta' dik ir-riżoluzzjoni;

39.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jkompli jippromwovi ambjent favorevoli għas-soluzzjoni tal-kunflitti u jappoġġja attivitajiet li jżidu l-fiduċja u l-kuntatti interpersonali fil-komunitajiet mifrudin minħabba kunflitti;

40.  Jirrikonoxxi ż-żieda fl-interdipendenza tas-sigurtà bejn ir-Repubblika tal-Moldova u r-reġjun tagħha tat-Transnistrija u l-istabbiltà tat-tnejn li huma bħala l-fattur ewlieni għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-isfidi tas-sigurtà bħat-theddid ibridu, iċ-ċiberattakki, l-indħil ċibernetiku elettorali, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda, u l-indħil minn partijiet terzi fil-proċessi politiċi, elettorali u demokratiċi oħra;

41.  Jilqa' l-isforzi tal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova biex jestendi l-benefiċċji tad-DCFTA u s-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għar-reġjun tat-Transnistrija, li ppermetta tkabbir sinifikanti fil-mobilità u l-kummerċ mar-reġjun kif ukoll l-attivitajiet kollha li jtejbu l-kollaborazzjoni ekonomika u jżidu l-livell ta' skambji ta' prodotti u servizzi bejn ir-Repubblika tal-Moldova u t-Transnistrija;

42.  Iqis li, billi tiggarantixxi aċċess eżenti minn tariffi għas-swieq tal-UE għal negozji tat-Transnistrija rreġistrati fix-xatt tal-Punent ta' Dniester u sottomessi għal kontrolli doganali minn uffiċjali tar-Repubblika tal-Moldova, id-DCFTA rriżultat f'evoluzzjoni enormi fid-direzzjoni tal-kummerċ mill-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika lejn l-Unjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jagħmlu aktar passi lejn il-kummerċ u l-impenn mas-swieq tal-UE sabiex itejbu l-aċċess għas-suq, it-trasparenza, il-prattiki kummerċjali tajbin u jnaqqsu l-kapaċità għall-manipulazzjoni tas-suq u l-monopolizzazzjoni mill-oligarki;

43.  Jissottolinja li kull soluzzjoni għall-kwistjoni tat-Transnistrija trid tirrispetta d-dritt sovran tar-Repubblika tal-Moldova li tagħżel l-orjentament tagħha fil-qasam tad-difiża u tal-politika estera;

44.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jikkunsidraw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pakkett ta' liġijiet rigward l-oqsma tal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet li kienu parti min-NAPIAA għall-perjodu 2017-2019;

Stat tad-dritt u governanza tajba

45.  Jinsab imħasseb dwar il-progress b'ritmu baxx tar-riformi dwar l-istat tad-dritt u l-istituzzjonijiet demokratiċi; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jlesti r-riformi ġudizzjarji mingħajr dewmien, sabiex jiġu żgurati l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effikaċja tal-ġudikatura u tal-istituzzjonijiet speċjalizzati kontra l-korruzzjoni; huwa u jagħmel dan, jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jiżgura proċess trasparenti ta' abbozzar tal-emendi għall-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Moldova dwar il-Kunsill Suprem tal-Maġistratura, u tal-adozzjoni sussegwenti tagħhom, billi juża preċedenti internazzjonali u prattiki tajba, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u f'konsultazzjoni mal-esperti tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-UE, is-soċjetà ċivili, u atturi interessati oħra; jiddispjaċih li l-emendi rigward il-ħatra tal-membri tal-Kunsill Suprem tal-Maġistratura ġew adottati bl-għaġla mill-Parlament; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi garantita l-indipendenza tal-Kunsill Suprem tal-Maġistratura u jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jiżguraw għażla u promozzjoni meritokratiċi tal-imħallfin;

46.  Jistieden lill-awtoritajiet ikomplu il-konsultazzjonijiet effikaċi sabiex jadottaw kunċett u pjan ta' azzjoni għar-riforma tal-ġustizzja abbażi ta' dijanjosi komprensiva, filwaqt li jiżguraw kunsens wiesa' mill-partijiet ikkonċernati u f'konformità stretta mal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Moldova u l-istandards Ewropej;

47.  Jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ta' fiduċja fl-integrità u l-effikaċja tal-ġudikatura u dwar is-suxxettibbiltà tal-fergħa ġudizzjarja għal pressjoni politika li xxekkel l-indipendenza tagħha; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jiżguraw trasparenza fil-proċessi tal-ħatriet tal-ġudikatura u li l-Prosekutur Ġenerali, il-persunal tiegħu u l-prosekuturi pubbliċi b'mod ġenerali jaħdmu indipendentement u jirrispettaw l-ogħla standards ta' professjonalità u integrità;

48.  jirrimarka, f'dan ir-rigward, li nuqqas ta' riżorsi u nuqqas ta' għarfien dwar il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem qed jinfirxu u qed jaffettwaw ħażin il-funzjonament effikaċi tal-amministrazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova u jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament permezz tal-appoġġ baġitarju disponibbli u l-istrumenti ta' assistenza teknika, immirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità u l-effiċjenza tal-awtoritajiet tal-ġustizzja u tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li tqis il-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi;

49.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jsaħħu l-indipendenza kompluta tal-Qorti Kostituzzjonali u jiżguraw li din ma tkun soġġetta għall-ebda forma ta' ndħil politiku; jirrifjuta bil-qawwa kwalunkwe tentattiv ta' intimidazzjoni jew pressjoni fuq l-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali u jikkundanna l-pressjoni enormi, ir-rikatt u l-vessazzjonijiet li l-imħallfin tal-Qorti għaddew minnhom qabel ma taw id-deċiżjoni dwar is-self Russu; jiddispjaċih ħafna dwar it-tentattivi ta' politiċizzazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali u l-inattività tal-prosekuturi u taċ-ċentru kontra l-korruzzjoni fid-difiża tal-indipendenza tal-Qorti Kostituzzjonali;

50.  Jinsab imħasseb dwar it-tendenza persistenti fit-tul ta' nuqqas ta' progress f'dik li hikorruzzjoni fir-Repubblika tal-Moldova, u għalhekk iħeġġeġ lill-Gvern iqawwi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-manipulazzjoni tal-Istat, kif ukoll kontra l-ħasil tal-flus, il-kuntrabandu u l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jadotta miżuri konkreti biex isaħħaħ l-indipendenza, l-integrità u l-effikaċja tal-Uffiċċju taċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Kontra l-Korruzzjoni, kif ukoll biex jiżgura d-depolitiċizzazzjoni tal-istituzzjonijiet pubbliċi kontra l-korruzzjoni u tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi; jindika l-ħtieġa għal sforzi sostnuti u konsistenti għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni ta' livell għoli u l-kriminalità organizzata; huwa tal-fehma li dan huwa l-uniku mod biex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova u tiġi żgurata l-adozzjoni ta' riformi dejjiema fir-Repubblika tal-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ħafna aktar appoġġ konsistenti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jimmonitorjaw il-frodi u l-attivitajiet ta' ħasil tal-flus;

51.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jżarmaw l-iskemi kriminali;

52.  Jilqa' l-adozzjoni, fil-21 ta' Mejju 2020, tal-liġi dwar is-sanzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus u jitlob li jiġu elaborati malajr linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, kif ukoll li jsir taħriġ speċjalizzat għall-awtoritajiet ikkonċernati; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jżommu sforzi konsistenti fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu, il-ħasil tal-flus, iż-żarmar tax-xbieki kriminali u t-tnaqqis tal-influwenza tal-oligarki; jappella għal kooperazzjoni msaħħa mal-Europol, l-Interpol, u organizzazzjonijiet doganali bħad-WCO u n-Networks Kontra l-Korruzzjoni tal-OECD;

53.  Jinnota bi tħassib il-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-2019 tal-Kummissjoni u tas-SEAE dwar ir-Repubblika tal-Moldova skont liema l-istabbiliment ta' strumenti u korpi li għandhom l-għan li jimpedixxu l-frodi u l-ħasil tal-flus ħa l-ħin; jistenna li l-Gvern il-ġdid jibni fuq il-passi reċenti li ħa l-gvern preċedenti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kxif ta' skemi kriminali u ta' ħasil tal-flus;

54.  Jinnota l-azzjoni li ttieħdet sabiex titkompla l-prosekuzzjoni tal-frodi bankarja enormi, esposta fl-2014, u każijiet oħra ta' ħasil tal-flus; itenni, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas persistenti li ssir prosekuzzjoni trasparenti ta' dawk kollha responsabbli għall-frodi bankarja esposta fl-2014, kif ukoll tal-irkupru bil-mod tal-assi misruqa; itenni t-tħassib tiegħu li s'issa għadu ma sar l-ebda rkupru sostanzjali tal-assi u jisħaq li jeħtieġ li jittieħdu passi ulterjuri f'din id-direzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jħaffu l-proċess ta' prosekuzzjoni, iressqu lil dawk kollha responsabbli quddiem il-ġustizzja mingħajr aktar dewmien u jirkupraw fondi indebitament approprjati; jistieden lill-Istati Membri joffru lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova appoġġ sostanzjali fl-investigazzjoni tal-każ jekk jitolbu dan;

55.  Jilqa' l-adozzjoni, fit-18 ta' Ġunju 2020, tal-liġi l-ġdida biex jiġi abolit il-Programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment mill-1 ta' Settembru 2020, fi tmiem il-moratorju eżistenti; huwa tal-fehma li dan huwa pass essenzjali sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' korruzzjoni, evażjoni tat-taxxa u ħasil tal-flus fir-Repubblika tal-Moldova; jinnota li sakemm jiġi kkanċellat il-programm, huma biss l-applikazzjonijiet eżistenti li se jkomplu jiġu pproċessati u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa kif se jsir dan;

56.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jżidu t-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi, u jinvestigaw l-irregolaritajiet kollha b'mod ġust u mingħajr preġudizzji; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi miġġielda l-korruzzjoni fil-klassi politika tar-Repubblika tal-Moldova; jinsab ferm imħasseb dwar l-allegazzjonijiet reċenti skont liema xi Membri tal-Parlament inxtraw sabiex jibdlu l-affiljazzjoni politika tagħhom, kif ukoll l-allegazzjonijiet ta' ħtif, intimidazzjoni u pressjoni fuq ir-rappreżentanti eletti; jirrimarka li dawn l-allegazzjonijiet iridu jiġu investigati u li tali mġiba hija inkompatibbli mal-valuri li huma fil-qalba tal-FA mar-Repubblika tal-Moldova; jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-responsabbiltà tal-partiti politiċi li jiġġieldu l-korruzzjoni fi ħdanhom stess; barra minn hekk, jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-ebda fond ta' fondazzjonijiet tal-karità ma jintuża fil-kampanja elettorali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jipprojbixxu l-użu tal-fondi amministrattivi favur il-klassi politika fil-poter matul il-kampanja elettorali;

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

57.  Jirrikonoxxi t-titjib tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, notevolment bħala riżultat tal-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-perjodu 2018-2022; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jżidu b'mod sinifikanti l-isforzi u jadottaw miżuri ta' implimentazzjoni u leġiżlazzjoni sekondarja sabiex jiddefendu dawk id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż b'mod partikolari għall-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli, bħan-nisa u t-tfal trattati ħażin mit-traffikanti tal-bnedmin, il-minoranzi lingwistiċi, il-persuni b'diżabilità, ir-Rom u l-persuni LGBT+, u b'hekk jirrikonoxxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bħala kriterju kritiku u kundizzjoni essenzjali għal soċjetà demokratika; jinsab imħasseb li problemi sinifikanti tad-drittijiet tal-bniedem għadhom mhux solvuti u mhux ikkastigati, bħal pressjonijiet, prosekuzzjonijiet u detenzjonijiet politikament motivati, torturi, detenzjonijiet arbitrarji, kundizzjonijiet ħorox u ta' periklu għall-ħajja fil-ħabsijiet, interferenzi arbitrarji jew illegali fil-privatezza, u l-użu ta' tħaddim furzat jew obbligatorju tat-tfal;

58.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova maqbuda fl-Istati Membri tal-UE minħabba l-kriżi tal-COVID-19 mingħajr protezzjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-kuntest tal-COVID-19, jiżguraw it-trattament ugwali bejn il-ħaddiema staġjonali minn pajjiżi terzi u l-ħaddiema staġjonali li huma ċittadini tal-UE, kif iddikjarat fid-Direttiva 2014/36/UE(8), filwaqt li jfakkar li dawn il-ħaddiema għandhom l-istess drittijiet tax-xogħol u drittijiet soċjali bħaċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw akkomodazzjoni ta' kwalità għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, li għandha tkun separata mir-remunerazzjoni tagħhom, u jiżguraw faċilitajiet dinjitużi, privatezza tal-inkwilin u kuntratti ta' kera bil-miktub infurzati minn spettorati tax-xogħol, u jistabbilixxu standards f'dan ir-rigward;

59.  Jinnota bi tħassib l-implimentazzjoni limitata tal-impenji li jirriżultaw mill-ftehim ta' assoċjazzjoni fl-isfera soċjali, speċjalment fl-oqsma tal-ispezzjoni tax-xogħol, il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni, u d-djalogu soċjali; jinsab imħasseb li l-progress fl-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet makrofinanzjarji għadu insuffiċjenti biex jagħti spinta sinifikanti lill-istandards tal-ħajja u issa jinsab mhedded mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19; jinsisti fuq l-involviment obbligatorju tat-trade unions, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni;

60.  Jissottolinja li l-Unjoni jeħtiġilha żżomm lir-Repubblika tal-Moldova responsabbli għall-impenji tagħha fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-FA; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rapport ta' progress annwali dettaljat dwar l-implimentazzjoni ta' kwistjonijiet soċjali u relatati max-xogħol tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li mhux biss janalizza t-traspożizzjoni tad-direttivi u n-normi rilevanti tal-Unjoni, iżda anke l-implimentazzjoni reali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tħaddan proposti ta' esperti tax-xogħol biex jiġi introdott mekkaniżmu li jissanzjona l-ksur tal-istandards miftiehma; jissuġġerixxi li jintuża l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja bħala effett ta' lieva jew kundizzjonalità biex ir-Repubblika tal-Moldova tkun imġiegħla ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-forza tax-xogħol tagħha;

61.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tat-Transnistrija, speċjalment fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-oqsma traskurati tal-FA, li jinkludu oqsma ta' politika importanti bħall-ġeneru, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-prevenzjoni tal-kriżijiet tas-saħħa;

63.  Jissottolinja li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prekundizzjoni ewlenija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jimplimentaw miżuri u jkomplu jtejbu r-rappreżentanza tan-nisa u t-trattament ugwali fil-livelli kollha tal-ħajja politika u tas-soċjetà; jitlob lill-Kummissjoni tintegra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki, il-programmi u l-attivitajiet kollha tagħha fir-rigward tar-Repubblika tal-Moldova u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jippromwovu programmi li jinkludu dimensjoni konsistenti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, joffru aktar appoġġ lill-gruppi l-aktar żvantaġġati u vulnerabbli fis-soċjetà, jimplimentaw leġiżlazzjoni għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza fiżika fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli;

64.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, li r-Repubblika tal-Moldova ffirmat fis-6 ta' Frar 2017, iżda li qed iddum biex tiġi rratifikata minkejja li ssemmiet bħala objettiv espliċitu tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2018-2022 u tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika 2018-2023; ifakkar li l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet hija mifruxa fir-Repubblika tal-Moldova u żewġ nisa minn kull ħamsa għandhom xogħfa ta' vjolenza fiżika u/jew sesswali minn sieħeb jew mhux minn sieħeb sa mill-età ta' 15-il sena;

65.  Jappella għal aktar passi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u għal żieda sostanzjali fil-kwalità tas-servizzi pprovduti lill-vittmi kif ukoll għal aktar protezzjoni, assistenza u appoġġ għall-vittmi tal-kriminalità, speċjalment it-tfal, matul l-investigazzjonijiet u wara l-proċessi ġudizzjarji; barra minn hekk, jappella għal aktar appoġġ matul ir-reintegrazzjoni soċjali tal-vittmi; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji tal-infurzar tar-Repubblika tal-Moldova u l-Istati Membri, sabiex titnaqqas il-kriminalità transfruntiera, b'mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar tad-drogi illeċiti;

66.  Jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu d-dritt ta' proċess ġust u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-faċilitajiet korrettivi u ta' detenzjoni, inkluż billi jindirizzaw il-provvisti inadegwati tal-kura tas-saħħa; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut ambjent sikur għall-ħabsin; jitlob, barra minn dan, miżuri biex tiġi evitata ġustizzja selettiva u politikament motivata;

67.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova biex jiżguraw li kull talba għall-estradizzjoni li toriġina minn pajjiż terz tiġi pproċessata b'mod trasparenti filwaqt li jiġu segwiti l-proċeduri ġudizzjarji b'konformità sħiħa mal-prinċipji u mal-istandards Ewropej;

68.  Jappella għal miżuri aktar konkreti biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u biex tiġi eliminata d-detenzjoni ta' persuni b'diżabilità fi sptarijiet psikjatriċi kontra r-rieda tagħhom; jitlob l-eliminazzjoni sħiħa tat-tortura u t-trattament ħażin fil-ħabsijiet bħala metodu ta' pressjoni fuq avversarji politiċi inkarċerati jew detenuti;

69.  Jirrikonoxxi l-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-tortura, iżda jissottolinja li r-Repubblika tal-Moldova għadha qed tiġi kkundannata ta' spiss fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għat-tortura u t-trattament ħażin; iħeġġeġ għaldaqstant il-ħolqien ta' aġenzija kompletament indipendenti speċifikament għall-investigazzjoni ta' allegazzjonijiet ta' tortura u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-pulizija u minn uffiċjali oħra inkarigati mill-infurzar tal-liġi;

70.  Jinsab imħasseb dwar il-preżenza kontinwa fid-dibattitu pubbliku ta' każijiet ta' diskors ta' mibegħda, inkluż minn politiċi kif ukoll minn mexxejja reliġjużi u komunitarji; jissottolinja f'dan ir-rigward li ġew immirati b'mod partikolari n-nisa u l-persuni LGBTI+; jistieden lill-uffiċjali pubbliċi jastjenu milli jinvolvu ruħhom f'diskors ta' mibegħda u jesprimu ruħhom pubblikament kontra d-diskors ta' mibegħda kull meta jokkorri u jistieden lill-awtoritajiet jirfinaw il-qafas ġuridiku u istituzzjonali għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda sabiex jiġi miġġieled il-fenomenu bil-mekkaniżmi disponibbli kollha;

71.  Ifakkar li fil-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova diġà ġie introdott abbozz ta' liġi li jistabbilixxi leġiżlazzjoni tat-tip Magnitsky; iħeġġeġ lill-korp leġiżlattiv jimxi 'l quddiem bl-eżami tal-liġi li, jekk tiġi adottata, tkun tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

Kummerċ u kooperazzjoni ekonomika

72.  Huwa tal-fehma li l-assistenza tal-UE lir-Repubblika tal-Moldova għandha tkompli tagħti prijorità lit-titjib tal-istandards tal-ħajja taċ-ċittadini, billi timmira lejn oqsma bħall-aġevolazzjoni tal-iżvilupp tal-SMEs, l-għajnuna liż-żgħażagħ, kif ukoll ir-riforma ġenerali tas-setturi tal-edukazzjoni u tas-saħħa;

73.  Jilqa' l-inizjattivi intraprenditorjali li għandhom l-għan li jiżviluppaw is-sitwazzjoni tan-negozji ġodda tar-Repubblika tal-Moldova; jirrikonoxxi, madankollu, li huma bżonn ta' aktar riformi fis-settur pubbliku u assistenza finanzjarja sabiex jinħolqu opportunitajiet ta' impjieg addizzjonali li jħajru liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema ta' sengħa jirritornaw lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi li jkollhom quddiemhom iż-żgħażagħ fir-Repubblika tal-Moldova billi tinvesti fi programmi li jiffavorixxu liż-żgħażagħ u l-intraprenditorija soċjali u ssaħħaħ ir-rabta bejn ir-riforma tas-sistema edukattiva u d-domandi tas-suq tax-xogħol; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fi programmi mmirati lejn iż-żgħażagħ li ġejjin minn żoni rurali, peress li din il-kategorija hija waħda mill-aktar vulnerabbli u nieqsa minn opportunitajiet soċjoekonomiċi, meta mqabbla ma' żgħażagħ minn żoni urbani;

75.  Jirrikonoxxi li l-"fenomenu ta' eżodu ta' mħuħ", li spiss huwa kkawżat minn sfiduċja fil-ġudikatura, min-nepotiżmu u min-nuqqas ta' riformi xierqa fil-pajjiż, jirrappreżenta theddida serja għall-futur tar-Repubblika tal-Moldova u jinsab imħasseb dwar l-emigrazzjoni fuq skala kbira taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova, li taċċentwa x-xejriet demografiċi negattivi; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jimplimenta miżuri ulterjuri biex jimpedixxi u jiġġieled dan il-fenomenu, b'mod partikolari billi joħloq opportunitajiet u jtejjeb il-kundizzjonijiet u l-pagi għall-ħaddiema żgħażagħ f'pajjiżhom, sabiex ikunu jistgħu jirritornaw lura pajjiżhom wara li jkunu studjaw jew tħarrġu barra minn pajjiżhom, u billi jappoġġjaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq din il-kwistjoni fil-programmi tagħha;

76.  Jilqa' d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova u ż-żieda sinifikanti fil-kummerċ bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni, kif ukoll il-fatt li l-Unjoni hija l-akbar investitur fil-pajjiż; jilqa' l-fatt li, fl-2018, l-Unjoni kienet tirrappreżenta 70 % tal-esportazzjonijiet totali tar-Repubblika tal-Moldova u 56 % tal-kummerċ totali tagħha; iħeġġeġ aktar progress f'oqsma bħall-kodiċi doganali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fosthom l-indikazzjonijiet ġeografiċi, it-titjib fl-istandards sanitarji u fitosanitarji, it-titjib fil-kundizzjonijiet tas-suq fil-qasam tal-enerġija, l-akkwist pubbliku, u l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs;

77.  Iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tad-DCFTA sabiex tkompli tiżdied ir-relazzjoni kummerċjali u ta' investiment bilaterali bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, inkluż billi jitneħħew l-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ, jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq uniku u jsir progress fir-rigward tal-integrazzjoni fih; ifakkar li d-DCFTA mar-Repubblika tal-Moldova trid tirrispetta r-regoli stabbiliti fil-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli, f'konformità mal-impenji internazzjonali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi, u r-regoli tad-WTO;

78.  Ifaħħar l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova tal-approċċ Ewropew LEADER bħala l-bażi għall-politika rurali nazzjonali tagħha; iħeġġeġ, madankollu, lir-Repubblika tal-Moldova, inkluż permezz ta' miżuri dedikati fl-Istrateġija Nazzjonali li jmiss għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tagħmel tisfrutta b'mod sħiħ l-opportunitajiet ta' esportazzjoni preferenzjali fl-Unjoni permezz ta' kultivazzjoni aktar effiċjenti u sostenibbli tar-raba', kif ukoll aċċess u użu aktar demokratiċi tal-art, biex b'hekk jiġu ġġenerati prodotti agrikoli li jamplifikaw il-vantaġġi agrikoli relattivi tar-Repubblika tal-Moldova;

79.  Jilqa' l-approssimazzjoni regolatorja mal-acquis tal-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi lill-istituzzjonijiet u lill-amministrazzjoni pubblika tar-Repubblika tal-Moldova għajnuna teknika u finanzjarja għal dan l-isforz u għall-implimentazzjoni sussegwenti; jisħaq li tali għajnuna għandha tintuża biex jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jagħmlu progress aktar rapidu fl-approssimazzjoni għall-FA/DCFTA, inkluż dwar l-istandards tas-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel;

80.  Jilqa' l-Istrateġija Nazzjonali "Digital Moldova 2020", iżda jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja u tassisti programmi u riformi li jikkonċernaw il-litteriżmu medjatiku u fl-informazzjoni biex jirriflettu l-era diġitali attwali, kif ukoll ittejjeb il-kooperazzjoni settorjali fl-ekonomija diġitali; jistieden lir-Repubblika tal-Moldova tibni ekonomija tas-suq diġitali affidabbli, issaħħaħ il-ħtieġa għal progress f'data miftuħa, tespandi l-aċċessibbiltà għas-sistemi diġitali u żżid l-aċċess għaċ-ċittadini f'servizzi elettroniċi u soluzzjonijiet ta' komunikazzjoni differenti;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-investiment f'setturi b'potenzjal għall-iżvilupp, it-tkabbir u l-kompetittività fl-UE, b'mod partikolari fit-tliet setturi ta' sinifikat strateġiku (jiġifieri l-enerġija u l-klima sostenibbli, is-suq uniku diġitali u ċ-ċibersigurtà, u t-trasport);

82.  Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jiffoka wkoll fuq id-dimensjoni soċjali tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli billi jirrispetta u jsaħħaħ l-istandards tax-xogħol, jirratifika u jimplimenta bis-sħiħ il-konvenzjonijiet kollha tal-ILO, u jelimina n-nuqqasijiet li fadal fis-sistema tal-ispezzjoni tax-xogħol kif ukoll billi jindirizza l-limitazzjonijiet u n-nuqqasijiet tas-sistema tal-ispezzjoni tax-xogħol u l-problemi tas-sistema ġudizzjarja, li għandhom impatt negattiv fuq l-infurzar tal-istandards tax-xogħol;

83.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jadottaw u jimplimentaw politiki mmirati biex jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-entitajiet minn ġurisdizzjonijiet li ma jimplimentawx standards internazzjonali ta' trasparenza (ġurisdizzjonijiet offshore) jew tan-negozji li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn tali kumpaniji mill-kummerċ ma' awtoritajiet pubbliċi (akkwist pubbliku, privatizzazzjoni, konċessjoni, u sħubija pubblika-privata);

84.  Jistieden lill-UE tikkunsidra l-possibbiltà li l-pajjiżi li għandhom FA/DCFTA mal-UE jaderixxu maż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA), billi dan ikun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u joffri opportunitajiet ġodda għall-SMEs biex jiżviluppaw;

Enerġija, ambjent u tibdil fil-klima

85.  Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jkompli jirriforma s-settur tal-enerġija sabiex iżid ir-reżiljenza, it-trasparenza fl-ispejjeż u l-kuntratti fis-settur, u jtejjeb l-indipendenza u l-effiċjenza enerġetika, b'mod partikolari billi jżid l-interkonnessjonijiet tal-enerġija mal-Unjoni, jiddiversifika s-sorsi tal-enerġija, fosthom l-enerġija rinnovabbli, u jnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili; jisħaq li dawn l-aspetti kollha huma ta' importanza kbira għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiż;

86.  Jilqa' l-azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-indipendenza tar-regolatur tal-enerġija u jinkoraġġixxi l-azzjonijiet meħtieġa u urġenti li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, b'mod partikolari fil-qasam tal-gass naturali, u biex tiġi żgurata konformità sħiħa mal-acquis tal-Komunità tal-Enerġija; b'mod partikolari, jistieden lill-Aġenzija Nazzjonali għar-Regolamenti dwar l-Enerġija tar-Repubblika tal-Moldova tapprova r-regoli tas-suq tal-enerġija bbażati fuq kompetizzjoni ġusta u tiżgura l-konformità mill-parteċipanti kollha tas-suq, inklużi l-operaturi Statali tas-suq;

87.  Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni infrastrutturali fir-reġjun, anke bil-ħsieb li jiġu diversifikati l-provvisti tal-enerġija tar-Repubblika tal-Moldova, u li tittejjeb il-konnettività tas-settur tal-enerġija tar-Repubblika tal-Moldova filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali;

88.  Jissottolinja l-importanza tad-diversifikazzjoni tas-sistema tal-elettriku tar-Repubblika tal-Moldova; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jiżguraw l-implimentazzjoni f'waqtha tal-proġett għall-interkonnessjoni tas-sistemi tal-elettriku tar-Repubblika tal-Moldova u r-Rumanija billi jipprovdu l-appoġġ u r-riżorsi meħtieġa;

89.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jkomplu bl-isforzi tagħhom biex isaħħu s-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiż u jfaħħar il-finalizzazzjoni tal-gassdott Ungheni – Chișinău sa tmiem l-2020; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lir-Repubblika tal-Moldova fit-testijiet tal-istress imwettqa għas-suq intern tal-enerġija;

90.  Ifaħħar l-arranġamenti maqbula bejn ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u r-Rumanija f'Diċembru 2019 biex jiġu permessi trasferimenti tal-gass lejn l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova permezz tal-gassdott Trans-Balkaniku, u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Frar 2020 biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni Moldovatransgaz;

91.  Jilqa' l-passi meħuda biex is-sistema tal-elettriku tar-Repubblika tal-Moldova tiġi interkonnessa b'mod asinkroniku mal-UE permezz tar-Rumanija, peress li dan huwa pass importanti sinifikanti fit-triq lejn it-tisħiħ u d-diversifikazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tar-Repubblika tal-Moldova; Jistieden lill-awtoritajiet kollha jissodisfaw l-objettiv li r-Repubblika tal-Moldova tingħaqad mal-grilja enerġetika tar-Rumanija sal-2024, bl-appoġġ tal-UE;

92.  Jilqa' l-pakkett ta' Frar 2019 dwar il-klima u l-ambjent tar-Repubblika tal-Moldova u r-rispons nazzjonali tagħha, li għamilha r-raba' pajjiż fid-dinja li ressaq il-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali (NDC2) aġġornat tiegħu lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jinkludi fih ambizzjoni akbar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra; jappella għal aktar sforzi fir-rigward tal-impenji nazzjonali relatati mal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha tat-tfassil tal-politika;

93.  Jistieden lir-Repubblika tal-Moldova tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-ġestjoni tal-iskart, u l-ġestjoni tal-ilma mix-xmara Dniester, u jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u tiżgura li d-DCFTA ma tikkontradix l-objettivi u l-inizjattivi ambjentali stabbiliti fih;

94.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' aktar modernizzazzjoni tas-sistema edukattiva fir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll ir-rwol dejjem jikber taż-żgħażagħ fis-setturi kollha tal-ħajja, u jistieden lill-UE toffri aktar appoġġ, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi opportunitajiet fil-volontarjat u l-involviment ċiviku għaż-żgħażagħ u li jsir aktar investiment fiż-żgħażagħ billi jiġi estiż il-finanzjament għar-rappreżentanti tal-Moldova u tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi ta' mobilità eżistenti, bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020;

95.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni, tħejji u toħloq programmi mfassla apposta għaċ-ċittadini inkluż kuntatt dirett mal-benefiċjarji permezz tal-pjattaforma online għall-applikazzjoni u r-rappurtar tal-użu tal-fondi magħmula disponibbli minn dawk il-programmi; jitlob, f'dan ir-rigward, li jiġu kkunsidrati l-iskopijiet tal-Patt Ekoloġiku, kif ukoll il-ħtiġijiet ta' kuljum taċ-ċittadini fir-Repubblika tal-Moldova;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

96.  Jisħaq li mingħajr id-determinazzjoni sinċiera tal-klassi politika favur ir-riforma tal-pajjiż u l-implimentazzjoni ġenwina tal-FA mal-Unjoni, ma seta' jintlaħaq l-ebda żvilupp reali u dejjiemi; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-atturi politiċi u lill-forzi politiċi kollha fil-pajjiż jikkontribwixxu u jniedu formati multipartitiċi u kollaborazzjoni b'rieda tajba dwar l-għanijiet strateġiċi tar-Repubblika tal-Moldova u b'hekk jikkontribwixxu għall-kwalità tad-demokrazija u għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tan-nies; iħeġġeġ, fid-dawl ta' dan, lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jagħmlu użu mid-Djalogu Jean Monnet biex jappoġġjaw id-djalogu bejn il-partiti u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet parlamentari;

97.  Jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova, jikkomunikaw aħjar il-vantaġġi tal-FA/DCFTA u tal-assistenza tal-UE liċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Moldova, issaħħaħ il-monitoraġġ u tqawwi t-tim tal-proġett f'Chișinău, biex tgħin lir-Repubblika tal-Moldova tikkomunika b'mod effettiv l-approssimazzjoni tagħha mad-dritt tal-UE, tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni u tippromwovi immaġni pożittivi tal-UE u tar-Repubblika tal-Moldova lill-partijiet ikkonċernati kollha;

o
o   o

99.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova.

(1) Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0458.
(3) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 109.
(4) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.
(5) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 199.
(6) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.
(7) ĠU L 165, 27.5.2020, p. 31.
(8) Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375).

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Jannar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza