Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2167(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0145/2020

Testi mressqa :

A9-0145/2020

Dibattiti :

PV 22/10/2020 - 5
CRE 22/10/2020 - 5

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2020 - 16
PV 23/10/2020 - 7

Testi adottati :

P9_TA(2020)0286

Testi adottati
PDF 205kWORD 67k
Il-Ġimgħa, 23 ta' Ottubru 2020 - Brussell
L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE
P9_TA(2020)0286A9-0145/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE (2019/2167(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, u b'mod partikolari l-għanijiet 5 u 16,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Isħubija Strateġika bejn l-UE u n-NU għall-Operazzjonijiet ta' Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet għall-perjodu 2019-2021, approvata mill-Kunsill fit-18 ta' Settembru 2018, li l-prijorità ewlenija tagħha hija n-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing tal-1995 u l-Pjattaforma ta' Azzjoni mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tal-31 ta' Ottubru 2000 u r-riżoluzzjonijiet ta' segwitu tagħha li ġejjin: 1820 (19 ta' Ġunju 2008); 1888 (30 ta' Settembru 2009); 1889 (5 ta' Ottubru 2009); 1960 (16 ta' Diċembru 2010); 2106 (24 ta' Ġunju 2013); 2122 (18 ta' Ottubru 2013); 2242 (13 ta' Ottubru 2015); 2467 (23 ta' April 2019) u 2493 (29 ta' Ottubru 2019),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kummerċ u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa fl-Okkażjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li saret fi Buenos Aires f'Diċembru 2017,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(1), kif ukoll id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-protokolli tagħha, u b'mod partikolari l-Protokoll dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, b'mod speċjali n-Nisa u t-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva Spotlight tal-UE-NU,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2018 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Approċċ Strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u l-Pjan ta' Azzjoni 2019-2024 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-laqgħa tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Lista ta' Azzjonijiet għall-Avvanz tal-Ugwaljanza tal-LGBTI, ippubblikata mill-Kummissjoni f'Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 (GAP II), adottat mill-Kunsill fis-26 ta' Ottubru 2015, u r-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-31 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal (SWD(2015)0182) – L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u tan-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020(3) u tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà(4),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tad-19 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi tal-Kummissjoni, tal-5 ta' Marzu 2020 (COM(2020)0152),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Operazzjonali għall-Ġestjoni tal-Missjonijiet u l-Persunal dwar l-Integrazzjoni tal-Perspettiva tal-Ġeneri, tal-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), tat-8 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dokument dwar l-Implimentazzjoni tal-UNSCRs dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fil-kuntest tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, adottat mill-Kunsill fit-22 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra l-Istandards Ġeneriċi Aġġornati ta' Mġiba għall-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet tal-PSDK, tat-22 ta' Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija dwar il-Ġeneri u l-Opportunitajiet Indaqs 2018-2023 tal-SEAE, ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-SEAE tal-10 ta' Novembru 2016 dwar l-istudju ta' referenza dwar l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġeneri fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-SEAE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5) u 21(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0145/2020),

A.  billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa valur ewlieni tal-UE, li hu minqux fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha għaldaqstant tiġi implimentata u integrata bħala prinċipju orizzontali fl-attivitajiet u l-politiki kollha tal-UE; billi l-UE għandha tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' dinja li fiha kull persuna, indipendentement mill-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f'minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tista' tgħix fil-paċi, tgawdu minn drittijiet indaqs u l-istess opportunitajiet biex tilħaq il-potenzjal tagħha;

B.  billi l-ħames Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG 5) huwa li tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet fid-dinja kollha; billi l-ebda strateġija ta' żvilupp ma tista' tkun effettiva sakemm in-nisa u l-bniet ma jiżvolġux rwol ċentrali, u billi l-SDG 5 jrid jiġi integrat b'mod orizzontali fl-oqsma differenti tal-politika li l-UE għandha l-kompetenza li taġixxi fihom;

C.  billi diversi pajjiżi, bħall-Iżvezja, id-Danimarka, l-Iżvizzera u n-Norveġja, adottaw oqfsa biex jimxu 'l quddiem lejn politika estera b'enfasi qawwija fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u billi Franza, Spanja, il-Lussemburgu, l-Irlanda, Ċipru u l-Ġermanja, fost oħrajn, ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri prijorità fil-politika estera tagħhom; billi politika ta' dan it-tip għandha tippromwovi viżjoni trasformattiva tal-ġeneri ta' politika estera li tagħti prijorità lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri, tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u ta' gruppi oħra li tradizzjonalment kienu emarġinati, tiggarantixxi l-aċċess ġust tagħhom għar-riżorsi soċjali, ekonomiċi u politiċi u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-livelli kollha, talloka riżorsi adegwati biex tinkiseb dik il-viżjoni, u tqis l-ilħna tan-nisa impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili; billi kwalunkwe politika estera u tas-sigurtà futura tal-UE għandha timmira li tilħaq dawn l-għanijiet;

D.  billi n-nisa u l-bniet huma partikolarment milquta mill-vjolenza fiżika, psikoloġika u sesswali u mill-faqar, il-kunflitti armati, u l-impatt ta' emerġenzi klimatiċi u tas-saħħa u sitwazzjonijiet oħra ta' emerġenza, u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom huwa essenzjali biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet; billi kien hemm rigressjoni fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u tal-persuni LGBTIQ+; billi kwalunkwe fehim tal-kunċett tas-sigurtà jeħtieġ li jkollu enfasi ċara fuq id-drittijiet tal-bniedem sabiex jiġu promossi azzjonijiet li jwasslu għall-paċi; billi l-Linji Gwida tal-Kunsill rigward il-persuni LGBTI huma għodda effettiva għall-promozzjoni tat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni LGBTI, kif ukoll bażi tajba għal bini ulterjuri għal Strateġija tal-Ugwaljanza futura ambizzjuża għall-persuni LGBTI;

E.  billi politika estera u ta' sigurtà li ma tirrappreżentax id-drittijiet tan-nisa, il-bniet u l-LGBTI+ u ma tindirizzax l-inġustizzji attwali tkompli ssaħħaħ l-iżbilanċi; billi kull min irid itemm dawn l-inġustizzji jeħtieġ jirrikonoxxi l-bilanċ inugwali tal-poter bejn il-ġeneri;

F.  billi n-narrattiva dominanti fir-rigward tan-nisa u l-bniet hija dik tal-vittimizzazzjoni li ċċaħħadhom mill-kwalità tagħhom ta' aġenti u tħassar il-kapaċità tagħhom bħala bħala aġenti tal-bidla pożittiva; billi jeżisti korp ta' evidenza dejjem akbar li juri li l-parteċipazzjoni b'sinifikat tan-nisa u l-bniet fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-konsolidazzjoni tal-paċi u r-rikostruzzjoni wara l-kunflitt iżżid is-sostenibbiltà, il-kwalità u d-durabbiltà tal-paċi u r-reżiljenza tal-komunitajiet lokali, u tgħin biex jiġu prevenuti l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi minkejja li n-nisa għandhom tali rwol deċiżiv fil-ħolqien ta' paċi dejjiema, bejn l-1992 u l-2008 kienu jirrappreżentaw 13 % biss tan-negozjaturi fil-proċessi ta' paċi ewlenin, 4 % biss tal-firmatarji u 3 % biss tal-medjaturi;

G.  billi n-nisa u l-bniet jistgħu jesperjenzaw forom multipli ta' diskriminazzjoni; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż iż-żwieġ bikri u furzat u l-MĠF, l-aċċess inadegwat għas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma nadif, is-sanità u n-nutrizzjoni, l-aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SRHR), u l-parteċipazzjoni inugwali fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u fl-istituzzjonijiet pubbliċi u privati jikkontribwixxu għad-diskriminazzjoni u l-emarġinazzjoni; billi l-protezzjoni tal-bniet mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni, l-informazzjoni u s-servizzi tas-saħħa, inkluż is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, hija partikolarment importanti biex tiġi żgurata t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; billi r-rifuġjati bniet u l-migranti bniet jinsabu f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli;

H.  billi l-bniet illum se jkunu dawk li je jħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi tal-kunflitti u l-emerġenzi fil-futur, u fil-każ ta' kunflitti mtawla, huma dawk li qed jikbru f'kundizzjonijiet dannużi b'effetti dejjiema; billi l-bniet għandhom ħtiġijiet speċifiċi u jħabbtu wiċċhom ma' sfidi speċifiċi li huma differenti minn dawk tan-nisa adulti, li sikwit ma jiġux rikonoxxuti mill-kategoriji usa' ta' "tfal" u "nisa";

I.  billi l-2020 hija sena ta' anniversarji importanti tal-oqsfa tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 u r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) tal-2000;

J.  billi l-Approċċ Strateġiku tal-UE għad-WPS jirrappreżenta progress sinifikanti f'termini tal-impenn tal-UE għall-aġenda tad-WPS; billi l-approċċ jenfasizza l-ħtieġa għal impenji u azzjonijiet konkreti, kif ukoll il-ħtieġa li n-nisa u l-bniet jiġu involuti, protetti u appoġġjati biex jinkisbu paċi u sigurtà dejjiema; billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-WPS ġie adottat fl-2019 sabiex jiġi implimentat Approċċ Strateġiku tali, iżda t-tisrif ta' dan l-impenn ta' politika f'azzjoni għadu sfida; billi huwa tal-akbar importanza li l-membri tal-persunal tal-UE jżidu l-isforzi tagħhom biex jintegraw id-WPS fil-ħidma tagħhom, bl-objettiv li jtejbu l-effikaċja tal-missjonijiet, iżda wkoll li jiżguraw id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fihom infushom;

K.  billi l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi II (GAP II) twieled mir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament b'enfasi fuq il-bdil tal-kultura istituzzjonali tal-UE fil-livell tal-kwartieri ġenerali u tad-delegazzjonijiet biex tinħoloq bidla sistematika fil-mod kif l-UE tindirizza l-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u fuq l-ittrasformar tal-ħajjiet tan-nisa u tal-bniet f'erba' oqsma kruċjali; billi l-integrazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE huma dipendenti ħafna fuq l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni b'suċċess tal-GAP II sabiex jiġu rakkomandati azzjonijiet għal qafas ta' GAP imtejjeb fil-futur (Pjan ta' Azzjoni ġdid tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III fl-2020);

L.  billi l-GAP I oriġinali wassal għal xi progress, madankollu kellu għadd ta' nuqqasijiet: kamp ta' applikazzjoni limitat, in-nuqqas ta' bbaġittjar reattivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru, fehim dgħajjef tal-qafas tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-UE, nuqqas ta' impenn min-naħa tal-mexxejja tal-UE, u nuqqas ta' arkitettura istituzzjonali u inċentivi biex jimmotivaw u jappoġġjaw lill-persunal b'mod adegwat; billi l-GAP II ikkostitwixxa pass importanti 'l quddiem fit-trawwim tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, b'għadd ta' xejriet pożittivi, iżda jeħtieġ l-għarfien sħiħ tal-UE u l-Istati Membri tagħha u impenn sod minnhom li jissalvagwardjaw kontra kwalunkwe deterjorament u jaċċelleraw il-progress tiegħu; billi l-GAP II għadu juri għadd ta' nuqqasijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin u l-SDGs relatati mal-ġeneru, sfidi għar-rapportar preċiż tal-progress fuq l-objettivi kollha u tad-data kwalitattiva, u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fid-djalogi tal-politika; billi għad hemm bżonn li jitkabbar aktar il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, jiġi implimentat b'mod adegwat l-ibbaġitjar responsabbli skont il-ġeneru u jiġu allinjati l-perjodi ta' żmien bejn l-ipprogrammar u ċ-ċikli baġitarji; billi impenn akbar min-naħa tal-mexxejja tal-UE, u l-istabbiliment tal-arkitettura istituzzjonali u inċentivi biex jimmotivaw, jappoġġjaw u jħarrġu l-persunal b'mod adegwat huma ta' importanza vitali biex jinkisbu riżultati tanġibbli f'termini ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri msaħħa madwar id-dinja;

M.  billi l-GAP II stabbilixxa l-mira ta' azzjonijiet għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri f'85 % tal-inizjattivi ġodda kollha tal-UE sal-2020; billi minkejja l-progress li sar, fl-2018 bejn 55 % u 68 % biss tal-programmi l-ġodda inkorporaw il-ġeneru;

N.  billi d-delegazzjonijiet u l-missjonijiet tal-UE jiżvolġu rwol primarju fl-implimentazzjoni tal-GAP II fil-pajjiżi sħab, u t-tmexxija u l-għarfien tal-kapijiet u tal-persunal tad-delegazzjonijiet u l-missjonijiet għandhom rwol sinifikanti fl-iżgurar tal-implimentazzjoni b'suċċess tal-GAP II; billi huwa rrakkomandat li aktar nisa jingħataw aċċess għal kariġi ta' tmexxija u ta' ġestjoni fid-delegazzjonijiet tal-UE;

O.  billi n-nisa għadhom fil-biċċa l-kbira sottorappreżentati u sottovalutati fid-dinja tal-politika u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż fil-qasam tal-politika estera u s-sigurtà internazzjonali fl-UE u madwar id-dinja; billi fi ħdan l-UE, 6 nisa jokkupaw il-kariga ta' ministru tad-difiża, u minn 27 ministru tal-affarijiet barranin, 3 biss huma nisa; billi ħatriet b'bilanċ bejn il-ġeneri joffru livell għoli ta' valur miżjud lill-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

P.  billi l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2024 iffissat l-objettiv tagħha li tilħaq bilanċ bejn il-ġeneri ta' 50 % fil-livelli maniġerjali kollha tal-Kummissjoni sa tmiem l-2024;

Q.  billi fl-SEAE, l-irġiel għandhom 75 % tal-karigi fil-livell maniġerjali intermedju u 87 % tal-karigi fil-livell maniġerjali superjuri; billi l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) ħa l-impenn li jilħaq il-mira li sa tmiem il-mandat tiegħu, 40 % tal-karigi maniġerjali jokkupawhom in-nisa; billi l-aktar l-ħatriet reċenti li għamel irriżultaw fi struttura li fiha, il-Viċi Segretarji Ġenerali huma kollha rġiel;

R.  billi l-politiki tal-UE għandhom it-tendenza li jippreżentaw lin-nisa bħala vittmi ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru (SGBV) u li jindirizzaw il-protezzjoni tagħhom primarjament wara li l-SGBV tkun diġà saret; billi politika aktar soda u enfasi operattiva fuq il-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li tindirizza l-iżbilanċi tal-poter fir-relazzjonijiet bejn il-ġeneri jtejbu l-politiki tal-UE f'dan il-qasam;

S.  billi sar progress fit-twettiq tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi madwar id-dinja, iżda għad hemm nuqqasijiet serji fil-forniment tagħhom u l-aċċess għalihom; billi qed tiġi osservata rigressjoni inkwetanti kontra d-drittijiet tan-nisa u tal-persuni LGBTIQ+ madwar id-dinja kollha, u tinvolvi l-limitar tad-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-projbizzjoni tal-istudji dwar is-sesswalità u l-istudji dwar il-ġeneru; billi fl-2018, l-għadd ta' azzjonijiet tal-UE dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi ċkien, u l-iċken numru ta' azzjonijiet globali mis-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kellhom x'jaqsmu mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi; billi teżisti ħtieġa kbira li jiġi affermat mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-dritt ta' kull individwu li jkollu kontroll sħiħ fuq kwistjonijiet relatati mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, mingħajr diskriminazzjoni jew vjolenza;

T.  billi l-ħidma tal-konsulenti tal-ġeneri u tal-punti fokali tal-ġeneri hija importanti biex il-politiki tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-WPS jissarrfu f'analiżijiet, ippjanar, implimentazzjoni u evalwazzjoni, kif ukoll l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fil-kompiti u fl-operazzjonijiet ta' kuljum; billi l-konsulenti tal-ġeneru u l-punti fokali tal-ġeneru għandhom rwol importanti fl-integrazzjoni b'mod orizzontali tal-politiki relatati mal-ġeneru; billi prijoritizzazzjoni akbar tal-ġeneri fid-delegazzjonijiet tal-UE, żmien biżżejjed għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u maniġers tal-proġetti impenjati biex iqisu l-ġeneru b'mod suffiċjenti fix-xogħol tagħhom huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-punti fokali jistgħu jiżviluppaw b'mod adegwat id-dmirijiet tagħhom; billi hija meħtieġa aktar azzjoni biex jiġi żgurat li d-deskrizzjoni tal-impjieg tal-punti fokali tal-ġeneru tirrifletti l-kompiti tagħhom bħala l-persuni responsabbli għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

U.  billi terz biss mid-delegazzjonijiet kollha tal-UE jaħdmu fuq id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+; billi l-Linji Gwida tal-UE rigward il-persuni LGBTIQ+ mhux qed jiġu applikati b'mod uniformi, u l-implimentazzjoni tagħhom tiddependi ħafna fuq l-għarfien u l-interess tat-tmexxija tad-delegazzjonijiet minflok ma jiġi segwit approċċ strutturali;

V.  billi l-gruppi u l-attivisti nisa tas-soċjetà ċivili għandhom rwoli kritiċi fl-avvanz tal-aġenda għall-paċi u s-sigurtà u l-parteċipazzjoni tagħhom hija essenzjali fl-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-ispazju tas-soċjetà ċivili qed jiċkien f'diversi sferi, fost l-oħrajn fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u n-nisa impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+; billi n-nisa impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem sikwit iħabbtu wiċċhom ma' sogri u ostakli differenti u addizzjonali differenti li huma intersezzjonali u msawra minn stereotipi stabbiliti tal-ġeneri; billi jeħtieġ li jiġi żgurat involviment konsistenti mal-organizzazzjonijiet tan-nisa u n-nisa impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem matul iċ-ċiklu kollu tal-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-GAP III; billi hemm bżonn ta' azzjonijiet interni u esterni aktar ambizzjużi biex jindirizzaw b'mod attiv kwalunkwe forma ta' rigressjoni u jkomplu javvanzaw lejn soċjetajiet b'ugwaljanza bejn il-ġeneri;

W.  billi l-finanzjament limitat u n-nuqqas ta' persunal suffiċjenti huma ostakli fundamentali għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi għad m'hemmx koerenza politika fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u għadu m'hemmx sistema unifikata li tiffaċilita fehim u implimentazzjoni identiċi tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-istituzzjonijiet tal-UE;

X.  billi l-inklużjoni ta' perspettiva tal-ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE tfisser ukoll li jiġu rikonoxxuti u miġġielda d-dimensjonijiet speċifiċi tal-ġeneru u l-impatt ta' fenomeni globali bħat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, il-kummerċ u s-sigurtà, kif ukoll li wieħed jiffoka fuq l-esperjenzi u l-ħtiġijiet tan-nisa u tal-gruppi li qed iħabbtu wiċċhom ma' forom differenti u trasversali ta' diskriminazzjoni u emarġinazzjoni fil-qalba tat-tfassil tal-politika;

1.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jsaħħu d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet u javvanzaw lejn politika estera u ta' sigurtà li tintegra viżjoni trasformattiva tal-ġeneri; jenfasizza l-ħtieġa li politika bħal din tkun ibbażata fuq integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, analiżi tal-ġeneri b'data diżaggregata skont il-ġeneru u l-età u indikaturi sensittivi għall-ġeneru, u valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt tal-ġeneru għall-identifikazzjoni, il-formulazzjoni u l-monitoraġġ ta' azzjonijiet fis-setturi kollha biex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għal rwol sinifikattiv u ġust għan-nisa u għall-persuni minn sfondi differenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet; iħeġġeġ lill-UE tesplora l-possibbiltajiet għall-kondiviżjoni, il-ġestjoni u l-aġġornament tal-analiżi tal-ġeneri b'mod sistematiku;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jsaħħu aktar l-appoġġ tagħhom għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem min-nisa u l-bniet kollha u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom madwar id-dinja, u jiżvolġu rwol ewlieni u dejjem akbar fir-razzjonalizzazzjoni u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għal dak il-għan;

3.  Jilqa' t-tliet pilastri tematiċi tal-GAP II, jiġifieri: 1) l-iżgurar tal-integrità fiżika u psikoloġika tal-bniet u n-nisa, 2) il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bniet u n-nisa, u 3) it-tisħiħ tal-vuċi u l-parteċipazzjoni tal-bniet u n-nisa; jinnota li l-progress ma fost il-prijoritajiet tematiċi u fost l-atturi differenti tal-UE ma kienx uniformi; jitlob għalhekk li jsiru sforzi akbar mill-Kummissjoni, il-VP/RGħ u l-Istati Membri kollha għall-implimentazzjoni sħiħa tal-GAP u għall-ilħuq tal-istandards ta' prestazzjoni stabbiliti fih; jiddispjaċih li fl-2018, l-objettiv bl-iċken għadd ta' azzjonijiet rappurtati fl-ambitu tal-GAP II kien il-ġlieda kontra t-traffikar tan-nisa u l-bniet għal kull forma ta' sfruttament u li dan kien l-uniku objettiv li għalih l-għadd ta' azzjonijiet irrappurtati naqas meta mqabbel mal-2017;

4.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li twettaq rieżami u tippreżenta GAP ġdid għall-2020-2025 (GAP III) fl-2020; jenfasizza li l-GAP III għandu jibni u jespandi fit-triq stabbilita fil-GAP II attwali u jqis it-tagħlimiet misluta mill-implimentazzjoni attwali tiegħu; jenfasizza li dan id-dokument irid jieħu l-forma ta' komunikazzjoni uffiċjali sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu; ifakkar li l-politika estera u ta' sigurtà komuni hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi u li l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin b'rispett sħiħ għall-prinċipji u t-trattati tal-UE, inklużi l-Artikoli 2, 3 u 5 TUE; jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Istati Membri, rigward l-approċċ tagħhom għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz ta' azzjoni esterna, biex isegwu għanijiet politiċi allinjati mal-GAP fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom;

5.  Jilqa' l-Pjan ta' azzjoni tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u jitlob l-implimentazzjoni robusta tiegħu; jilqa' l-inklużjoni tal-"promozzjoni tal-aġenda dwar id-WPS" fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2018 dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; jilqa' d-deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, u jitlob l-inklużjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u azzjonijiet immirati għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi; jilqa', barra minn hekk, l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin prevista għall-2021;

6.  Jitlob aktar koerenza tal-politika u koordinazzjoni fl-implimentazzjoni tal-firxa ta' impenji dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri inklużi fl-azzjoni esterna tal-UE; jenfasizza li l-Approċċ Strateġiku tal-UE għandu jkun marbut u sinkronizzat mal-GAP III l-ġdid, u jitlob li l-Pjan ta' Azzjoni 2019 tal-UE dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà jiġi inkluż fil-GAP III bħala kapitolu separat; jenfasizza l-importanza tal-qafas normattiv eżistenti rigward l-aġenda dwar id-WPS; jinsisti li dan il-qafas għandu jkun il-linja ta' bażi għall-azzjonijiet kollha fil-livell internazzjonali u tal-UE u li kwalunkwe tentattiv ta' rtirar jew treġġigħ lura minn impenji stabbiliti f'dan il-qasam irid jiġi rrifjutat għalkollox;

7.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jadottaw politika estera u ta' sigurtà femminista li tindirizza l-ostakoli għan-nisa biex ikollhom u biex iżommu rwoli ta' tmexxija ta' livell għoli u pożizzjonijiet ewlenin bħal pożizzjonijiet ta' ambaxxaturi u medjaturi fit-taħdidiet u n-negozjati internazzjonali għall-paċi, iżda wkoll pożizzjonijiet fil-livelli l-baxxi; ifakkar li fatturi li jaf jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa, bħal nuqqas ta' politiki li jiffaċilitaw bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kondiviżjoni inugwali tar-responsabbiltajiet tal-familja u l-istennija li n-nisa jkunu l-indokraturi primarji, li ħafna drabi jwassal biex in-nisa jieħdu pawżi fil-karriera jew li jaħdmu part-time, u l-perċezzjoni pubblika globali tat-tmexxija tan-nisa għandhom jiġu kkunsidrati; jenfasizza, barra minn hekk, li fl-avvanz tal-miri tat-tmexxija femminili fl-aġenda dwar id-WPS, il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE u għandu jiġi integrat permezz tal-avvanz tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali tan-nisa, kemm barra l-UE kif ukoll fiha; ifakkar li l-Istati Membri għandhom obbligu li jeliminaw id-diskriminazzjoni abbażi tas-sess fir-rigward tal-aspetti u l-kundizzjonijiet kollha ta' rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol ta' valur ugwali;

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala prinċipju gwida tal-azzjoni esterna tal-UE

8.  Jistieden lis-SEAE, is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, l-aġenziji Ewropej li jaħdmu barra mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jintegraw b'mod sistematiku l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u perspettiva intersezzjonali fil-politika estera u ta' sigurtà, tat-tkabbir, tal-kummerċ u tal-iżvilupp tal-UE, inkluż fil-fora multilaterali u fil-formulazzjoni kollha tal-politika, fid-djalogi politiċi u strateġiċi, fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi, fir-rappurtar globali dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-proċessi ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar; jinsisti li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tkun valur fundamentali fl-azzjoni esterna kollha tal-UE;

9.  Jenfasizza li jeħtieġ li ssir analiżi ulterjuri dwar id-dinamiċi tal-poter inerenti fil-politiki u l-prattika tal-UE u fiċ-ċiklu ta' programmazzjoni attwali sabiex jiġu analizzati u indirizzati l-implikazzjonijiet tagħhom għall-ġeneri;

10.  Ifakkar fl-importanza li tiġi integrata perspettiva intersezzjonali fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE u li l-azzjonijiet tal-UE għandhom iqisu l-esperjenzi tan-nisa minn sfondi differenti u speċjalment dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma' forom differenti ta' diskriminazzjoni u emarġinazzjoni abbażi tal-età, il-ġeneru, ir-razza, ir-reliġjon, l-istatus soċjoekonomiku u legali, il-kapaċità, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; ifakkar li n-nisa mhumiex grupp omoġenju, u lanqas ma jitkellmu b'vuċi waħda;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat impenn kontinwu għall-implimentazzjoni tal-GAP III fl-ogħla livelli politiċi; jitlob li l-GAP III jispeċifika li 85 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) għandha tmur għal programmi li għandhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv sinifikattiv jew prinċipali, u jitlob, f'dan l-impenn usa', li ammont sostanzjali ta' ODA tiġi allokata għal programmi li l-objettiv prinċipali tagħhom hu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi; jitlob aktar azzjoni immirati għall-ksib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob, barra minn hekk, li l-GAP il-ġdid isaħħaħ l-approċċ solidu bbażat fuq l-evidenza meħud mill-GAP II, bl-użu ta' analiżijiet kwalitattivi biex jiġi vvalutat l-impatt reali ta' programmi bħal dawn fuq il-progress fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob li jitjieb ir-rapportar għall-finanzjament tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri allokat u żburżat fil-pajjiżi sħab permezz tal-GAP III;

12.  Jirrakkomanda li l-GAP III jkun akkumpanjat minn indikaturi ta' suċċess ċari, li jistgħu jitkejlu u marbuta biż-żmien biex jissorveljaw il-bidliet f'terminu qasir, medju u fit-tul, l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà lil atturi differenti, u objettivi ċari f'kull pajjiż sieħeb żviluppati b'kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiż imsieħeb inkwistjoni u bl-inklużjoni attiva tal-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili, atturi rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jerġgħu jimpenjaw ruħhom, permezz tal-GAP il-ġdid, għall-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tal-perspettiva tal-ġeneri fis-setturi kollha; jistieden lis-SEAE, is-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti u l-Istati Membri tal-UE jipproponu aktar azzjonijiet immirati għall-ġeneri;

13.  Jitlob li l-GAP III jisfida r-rigressjoni fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa billi jsaħħaħ l-aċċess għall-edukazzjoni, l-informazzjoni u s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi għan-nisa u l-bniet, u jiżgura l-protezzjoni tagħhom minn koerċizzjoni, vjolenza, diskriminazzjoni u abbuż; jenfasizza bl-istess mod li l-GAP il-ġdid għandu b'mod espliċitu jkopri l-protezzjoni, il-parteċipazzjoni u l-avvanz tad-drittijiet tan-nisa fil-kuntesti kollha, inklużi stati fraġli u sitwazzjonijiet ta' kunflitt;

14.  Jemmen li l-edukazzjoni hija fundamentali biex jinkisbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet; jistieden lill-UE, għaldaqstant, iżżid l-impenn tagħha favur il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra l-istereotipi tal-ġeneru fis-sistemi edukattivi u permezz tagħhom fil-GAP III li jmiss; jitlob, f'dan ir-rigward li tiġi kkunsidrata firxa ta' opportunitajiet fil-qasam tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika;

15.  Jilqa' l-Approċċ Strateġiku tal-UE għad-WPS u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà adottati fl-2019, u jitlob l-implimentazzjoni soda tagħhom; jiddispjaċih, madankollu, li minkejja l-indikaturi u l-objettivi ċari, it-tisrif ta' dan l-impenn politiku f'azzjoni għadu sfida u jeħtieġ sforzi kontinwi; jisħaq fuq l-importanza tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Aġenda dwar id-WPS; jilqa' l-fatt li sa tmiem din is-sena kważi l-Istati Membri kollha se jkunu adottaw il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom dwar ir-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddispjaċih madankollu li wieħed biss minnhom alloka baġit għall-implimentazzjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jallokaw baġit ta' dan it-tip u jiżviluppaw mekkaniżmi nazzjonali ta' superviżjoni parlamentari, kif ukoll jintroduċu kwoti għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-mekkaniżmi ta' kontroll, evalwazzjoni u superviżjoni; jiddispjaċih dwar il-fatt li ħafna membri tal-persunal tal-UE ma integrawx l-Aġenda dwar id-WPS fix-xogħol tagħhom, u li din l-aġenda titqies bħala waħda li tista' tiġi applikata għad-diskrezzjoni tagħhom u bl-objettiv li titjieb l-effikaċja tal-missjonijiet, iżda mhux bħala mezz biex jiġu żgurati d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fihom infushom;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex timplimenta approċċ strutturat ta' bbaġitjar skont il-ġeneru biex issegwi b'mod preċiż l-infiq kollha relatat, inkluż fil-qasam tal-azzjoni esterna, u torganizza valutazzjonijiet ex ante u ex post tal-impatt fuq il-ġeneri tal-programmi differenti ffinanzjati mill-UE u tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew; jenfasizza li din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq data diżaggregata skont il-ġeneru u l-età u li r-riżultat tagħha għandu jiġi integrat fiċ-ċiklu ta' programmazzjoni; jenfasizza l-bżonn li titjieb l-affidabbiltà tal-analiżi b'rabta mas-sessi billi d-data miġbura mid-delegazzjonijiet tal-UE tiġi armonizzata b'mod li tkun komparabbli; jitlob li l-analiżi tal-ġeneri jkollha rwol fid-definizzjoni tal-objettivi, il-programmi, il-proġetti u d-djalogu tal-istrateġija tal-pajjiżi;

17.  Jitlob li jingħata appoġġ għall-allokazzjoni ta' 85 % tal-finanzjament speċifiku allokat għal programm li għandhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv sinifikattiv jew prinċipali fi ħdan il-qafas tar-Regolament dwar Strument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) propost, u għal tnaqqis fir-restrizzjonijiet amministrattivi biex ikun permezz l-aċċess għall-finanzjament għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u żgħar; jenfasizza l-importanza li jkunu hemm aktar integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u li azzjonijiet immirati ulterjuri jsiru objettivi ċari fl-ambitu tar-Regolament NDICI u li jiġi żgurat li s-sħab ikunu jistgħu jistrieħu fuq appoġġ politiku u finanzjarju biżżejjed biex jimplimentawh; jitlob li jiġu applikati indikaturi speċifiċi għall-ġeneru fil-fażijiet tal-għażla, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti tal-azzjonijiet kollha tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE li jirċievu finanzjament mill-baġit tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-użu effiċjenti ta' riżorsi eżistenti u futuri tal-UE permezz ta' bbaġitjar reattiv għall-kwistjonijiet tal-ġeneru, b'mod partikolari fi żminijiet li jinvolvu sfidi bħall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, limitazzjonijiet baġitarji u l-konsegwenzi ta' kriżi ta' wara l-COVID-19;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-UE jirrikonoxxu l-bniet u n-nisa żgħażagħ bħala muturi tal-bidla u jappoġġjaw il-parteċipazzjoni sikura, sinifikattiva u inklużiva tagħhom fil-ħajja ċivika u pubblika, inkluż billi jqisu l-feedback tal-organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ u jappoġġjawhom permezz tal-bini tal-kapaċità; jenfasizza r-rwol pożittiv li għandhom il-bniet, in-nisa żgħażagħ u n-nisa fil-ksib tal-paċi u l-koeżjoni soċjali sostenibbli, inkluż permezz ta' inizjattivi mmexxija mill-bniet u min-nisa fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw baġit adegwat għall-edukazzjoni fl-emerġenzi, biex jiġi żgurat li kull tifla tista' tirnexxi, minkejja ċ-ċirkostanzi li jirriżultaw mill-kunflitti u d-diżastri naturali;

19.  Jirrikonoxxi li l-kriżijiet umanitarji jintensifikaw l-isfidi relatati mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u jfakkar li f'żoni ta' kriżi, b'mod partikolari fost gruppi vulnerabbli bħar-rifuġjati u l-migranti, in-nisa u l-bniet huma partikolarment esposti għall-vjolenza sesswali, il-mard trażmess sesswalment, l-isfruttament sesswali, l-istupru bħala arma tal-gwerra u t-tqala mhux mixtieqa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu livell għoli ta' prijorità lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u lis-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fir-rispons tal-għajnuna umanitarja tagħhom, kif ukoll obbligu ta' rendikont u aċċess għall-ġustizzja u r-rimedju għal ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż f'termini ta' taħriġ għall-atturi umanitarji u finanzjament eżistenti u futur; jenfasizza l-importanza tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD dwar it-Tmiem tal-Isfruttament Sesswali, l-Abbuż u l-Fastidju fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Assistenza Umanitarja. jilqa', f'dan il-kuntest, l-enfasi tal-partijiet interessati attivi fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja biex jiġu indirizzati l-abbużi u l-fastidju f'kuntesti relatati mal-kunflitti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, kif ukoll organizzazzjonijiet immexxija min-nisa u persuni impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, fl-istrutturi tal-koordinazzjoni tat-teħid ta' deċiżjonijiet umanitarji;

20.  Jitlob li jiġu studjati s-sinerġiji bejn il-programmi interni u esterni tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti u kontinwu għall-politiki fl-Unjoni u barra minnha, bħal fil-każ tal-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF);

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi politika kummerċjali tal-UE bbażata fuq il-valuri li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-ambjent u rispett tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; ifakkar li l-ftehimiet kollha tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment iridu jintegraw il-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jinkludu kapitolu ambizzjuż u infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; ifakkar li n-negozjar ta' ftehimiet kummerċjali jista' jirrappreżenta għodda importanti għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa f'pajjiżi terzi u jitlob li tinġabar data diżaggregata skont il-ġeneru dwar l-impatt tal-kummerċ; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jinkludu l-impatt fuq il-ġeneru għal kull pajjiż u għal kull settur tal-politika u tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE fil-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post; jisħaq fuq il-fatt li r-riżultati tal-analiżi ffukata fuq il-ġeneru għandhom jitqiesu fin-negozjati kummerċjali, billi jiġu eżaminati kemm l-impatt pożittiv tagħhom kif ukoll dak negattiv matul il-proċess kollu, min-negozjati sal-implimentazzjoni tagħhom, u għandhom jiġu akkumpanjati minn miżuri li jipprevjenu jew jikkumpensaw l-effetti negattivi possibbli; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura, għall-ewwel darba għall-UE, l-inklużjoni ta' kapitolu speċifiku dwar il-ġeneri fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat bejn iċ-Ċilì u l-UE u jitlob li tiġi promossa u appoġġjata l-inklużjoni ta' kapitoli bħal dawn fil-ftehimiet ulterjuri kollha kummerċjali u tal-investiment tal-UE, li jibnu fuq eżempji internazzjonali eżistenti u fuq il-bażi tal-valur miżjud tagħhom wara l-valutazzjonijiet imwettqa;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ il-Pożizzjoni Komuni dwar l-Esportazzjonijiet ta' Armi u, partikolarment, jistedinhom iqisu r-riskju li l-materjali esportati jintużaw għal, jew jiffaċilitaw, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru jew il-vjolenza fuq in-nisa jew it-tfal; jenfasizza li approċċ sensittiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru jfisser approċċ ta' sigurtà ċċentrat fuq il-bniedem, li l-għan tiegħu huwa li jtejjeb is-sigurtà għan-nisa, inklużi s-sigurtà ekonomika, soċjali u tas-saħħa;

Enfasi fuq il-ġeneri u d-diversità fil-kultura istituzzjonali tal-UE fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet

23.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu grupp ta' ħidma formali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob li tiġi stabbilita konfigurazzjoni ġdida tal-Kunsill li tlaqqa' flimkien il-ministri tal-UE u s-segretarji tal-istat responsabbli għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, sabiex tiġi faċilitata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE, inkluża l-politika estera u ta' sigurtà;

24.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-Konsulent Ewlieni dwar il-Ġeneri fi ħdan l-SEAE u mit-Taskforce Informali tal-UE dwar id-WPS sa issa, fost l-oħrajn fl-iżgurar tal-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili fid-diskussjonijiet tagħhom; jiddeplora, madankollu, il-kapaċità limitata inkwantu ta' persunal u riżorsi assenjati għall-kariga tal-Konsulent Ewlieni dwar il-Ġeneri, u jitlob li l-persuna li tieħu din il-kariga tirrapporta direttament lill-VP/RGħ; jenfasizza l-ħtieġa ta' użu aktar effiċjenti tar-riżorsi assenjati għal din il-kariga; jistieden lill-VP/RGħ ikompli l-isforzi tiegħu fil-qasam tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, jaħtar konsulent tal-ġeneru full-time f'kull Direttorat tas-SEAE, li jirrapporta direttament lill-Konsulent Prinċipali, u jinkoraġġixxi lill-persunal tagħhom jaħdmu mill-qrib mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE); jenfasizza li l-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE hija għodda sinifikattiva u effiċjenti ferm biex jiġu evitati spejjeż amministrattivi kbar u żieda bla bżonn fil-burokrazija;

25.  Jilqa' l-Istrateġija dwar il-Ġeneri u l-Opportunitajiet Indaqs 2018-2023 tal-SEAE, u jitlob li tiġi aġġornata biex tinkludi impenji politiċi konkreti, vinkolanti u li jistgħu jitkejlu fir-rigward tal-preżenza tan-nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali; jinsisti għall-ksib tal-mira ta' 50 % nisa fil-pożizzjonijiet maniġerjali, inkluż bħala Kapijiet ta' Delegazzjoni u ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK); jilqa' l-progress magħmul mill-Kummissjoni f'dan ir-rigward, fejn in-nisa jammontaw għal 41 % tal-maniġers fil-livelli kollha; jiddispjaċih li l-SEAE għadu 'l bogħod mill-ksib ta' dak l-għan: tnejn biss minn tmien Rappreżentanti Speċjali tal-UE, 31,3 % tal-pożizzjonijiet maniġerjali intermedji u 26 % tal-pożizzjonijiet maniġerjali superjuri; jistieden lill-VP/RGħ attwali jieħu l-passi meħtieġa biex jirrimedja din is-sitwazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri jressqu aktar nisa għall-karigi għolja;

26.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u ta' diversità fl-istituzzjonijiet tal-UE u kif stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li s-SEAE jaġġusta l-proċessi ta' reklutaġġ tiegħu sabiex jagħti aktar attenzjoni lid-diversità u l-inklużjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' proċeduri ta' reklutaġġ reattivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru, anke min-naħa tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal; jitlob li t-tmexxija reattiva għall-kwistjonijiet tal-ġeneru tkun parti mid-deskrizzjonijiet tal-impjieg tal-pożizzjonijiet maniġerjali intermedji u superjuri;

27.  Jistieden lill-VP/RGħ jiżgura li l-Kapijiet ta' Delegazzjonijiet tal-UE li jinsabu barra mill-UE jkollhom responsabbiltà formali li jiżguraw l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aspetti kollha tax-xogħol tad-delegazzjonijiet u li jiżguraw li jirrappurtaw dwarha; jistieden lill-VP/RGħ jiżgura li jkun hemm punti fokali tal-ġeneri speċifiċi u apposta fid-delegazzjonijiet tal-UE, sabiex jiġu żgurati flussi tax-xogħol bla intoppi u l-minimu ta' burokrazija; jenfasizza l-ħtieġa li l-punti fokali tal-ġeneri jkollhom biżżejjed riżorsi u żmien biex iwettqu l-kompiti tagħhom, b'deskrizzjonijiet tal-impjieg li jagħtu dettalji dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom; jenfasizza li dawn għandhom jirrapportaw direttament lill-Kap ta' Delegazzjoni/Kap tat-Taqsima, ikollhom aċċess għad-dokumenti u t-taħriġ rilevanti kollha meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom, u jkollhom responsabbiltajiet ta' ġestjoni fejn xieraq; jitlob li jkun hemm linji gwida dwar l-ugwaljanza għad-delegazzjonijiet kollha tal-UE u, f'dan ir-rigward, l-iżvilupp ta' rappurtar online, mudelli ċari u l-ħruġ ta' ktieb ta' gwida li jiffaċilita l-ħidma tad-delegazzjonijiet;

28.  Jenfasizza li l-ksib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhux possibbli mingħajr tmexxija reattiva għall-kwistjonijiet tal-ġeneru; jitlob, f'dan ir-rigward, taħriġ obbligatorju u mfassal apposta dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għall-maniġers kollha tas-SEAE, il-persunal tas-servizzi diplomatiċi tal-UE u l-Kapijiet/Kmandanti tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jenfasizza li l-ittri ta' missjoni u d-deskrizzjonijiet tal-impjieg għall-Kapijiet ġodda tad-Delegazzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jinkludu referenzi speċifiċi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jenfasizza li l-evalwazzjonijiet tagħhom jeħtieġ li jinkludu kriterji speċifiċi dwar il-ħidma mwettqa biex tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; jisħaq fuq fil-fatt li l-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom ikunu prijorità orizzontali għar-Rappreżentanti Speċjali kollha tal-UE u għandhom ikunu prinċipju ta' gwida tal-mandat tagħhom, b'mod partikolari għar-Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE;

29.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tan-nisa f'missjonijiet tal-PSDK tikkontribwixxi għall-effikaċja tal-missjoni u hija mutur tal-kredibbiltà tal-UE bħala promotur tad-drittijiet ugwali għall-irġiel u n-nisa madwar id-dinja; jilqa' l-fatt li l-missjonijiet ċivili kollha tal-PSDK issa ħatru konsulent tal-ġeneru u jistieden lill-missjonijiet militari tal-PSDK jagħmlu l-istess; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jippreżentaw kandidati għall-pożizzjonijiet vakanti eżistenti; jitlob li l-persunal militari u ċivili kollu skjerat mill-UE jkun imħarreġ biżżejjed dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-WPS, u b'mod speċifiku dwar kif jintegraw perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kompiti tiegħu; jiddispjaċih li l-għadd ta' nisa li jaħdmu fil-missjonijiet tal-PSDK u speċjalment fl-operazzjonijiet militari għadu baxx ħafna;;

30.  Jenfasizza li ftit biss mill-missjonijiet tal-PSDK tal-UE jipprovdu korsijiet ta' taħriġ dwar il-fastidju sesswali u abbażi tal-ġeneru, u jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ obbligatorju biex dan it-tip ta' fastidju jiġi miġġieled fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet kollha u jiżguraw li l-vittmi u l-informaturi jiġu protetti b'mod effikaċi; jitlob li l-Istandards Ġeneriċi Mtejba tal-Imġiba għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jiġu aġġornati biex jinkludu l-prinċipju ta' tolleranza żero ta' nuqqas ta' azzjoni min-naħa tat-tmexxija u l-maniġment tal-UE fir-rigward tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru;

31.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jinkludu r-referenzi għar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet li segwewha fid-deċiżjonijiet u fil-mandati tal-missjoni tal-Kunsill li kienu jittrattaw il-PSDK, u jiżgura li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jkollhom pjan ta' azzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-GAP III futur u tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jitlob li l-analiżi tal-ġeneru tkun inkluża fl-istrumenti l-ġodda tal-PSDK, inkluż il-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Faċilità Ewropea għall-Paċi proposta;

32.  Jilqa' pożittivament in-network dejjem akbar ta' persuni ta' kuntatt għall-ġeneru (Gender Focal Persons), b'appoġġ fil-ġestjoni u aċċess għat-taħriġ; jinnota f'dan ir-rigward li ġiet organizzata laqgħa reġjonali għall-punti fokali għall-kwistjonijiet tal-ġeneru b'sede fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija bil-għan li tissaħħaħ il-ħidma fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; jilqa' t-titjib fil-kooperazzjoni mal-Balkani tal-Punent fil-qafas tal-Inizjattiva ta' Sħubija tal-G7, fejn l-UE aċċettat li tikkollabora mal-Bożnija-Ħerzegovina għat-tisħiħ tal-Aġenda dwar id-WPS;

33.  Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika estera tal-UE, anki bis-saħħa tar-relazzjonijiet tal-Parlament mal-pajjiżi terzi; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tad-delegazzjonijiet tal-Parlament li jaħtru rappreżentant għall-kwistjonijiet tal-ġeneru f'kull delegazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ugwaljanza u d-diversità jkunu promossi fl-attivitajiet kollha tad-delegazzjonijiet, inkluż matul il-laqgħat parlamentari uffiċjali ma' pajjiżi terzi;

Nagħtu prijorità lill-protezzjoni u l-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet u l-parteċipazzjoni tagħhom

34.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jikkonformaw mal-impenji internazzjonali kollha marbuta mal-aġenda dinjija tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistedinhom, barra minn hekk, jinkoraġġixxu u jappoġġjaw lill-istati sħab biex jirrevokaw ir-riżervi li introduċew fir-rigward tas-CEDAW, u biex jimplimentaw id-Dikjarazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni tar-Raba' Konferenza Dinjija tan-NU dwar in-Nisa, li saret f'Beijing fl-1995, fosthom permezz ta' leġiżlazzjoni;

35.  Ifakkar fir-rwol kruċjali tan-nisa fil-konsolidazzjoni tal-paċi, u jenfasizza l-importanza tar-rwol tan-nisa fil-promozzjoni tad-djalogu, il-konsolidazzjoni tal-paċi u t-tressiq ta' perspettivi differenti dwar it-tifsira tal-paċi u s-sigurtà; jirrimarka li l-iżgurar tal-parteċipazzjoni sinifikattiva u ekwa tan-nisa fin-negozjati tal-politika estera tal-UE u fil-proċessi tal-paċi u s-sigurtà huwa marbut ma' aktar prosperità ekonomika, inqas ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp tas-sigurtà globali, id-demokrazija u l-paċi sostenibbli; jinnota li l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa f'pajjiżi fi kriżi jew mifnija mill-kunflitti trawwem komunitajiet aktar b'saħħithom u aktar reżiljenti; jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniet u n-nisa u jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikattiva tagħhom fid-diversi stadji taċ-ċiklu tal-kunflitt, fil-kuntest tal-attivitajiet tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-medjazzjoni;

36.  Jindika li l-impenn għall-prevenzjoni, il-ġlieda u l-prosekuzzjoni ta' kull forma ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza minn sieħeb intimu, il-vjolenza online, prattiki dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ tat-tfal, bikri u furzat, il-vjolenza mwettqa għan-nom tal-unur, il-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru b'rabta mal-kunflitti, it-traffikar, u l-isfruttament, l-abbuż u l-fastidju sesswali huma ta' importanza kruċjali; jenfasizza l-ħtieġa tal-għajnuna għas-superstiti f'dan il-kuntest; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċifika lin-nisa u l-bniet li jħabbtu wiċċhom ma' forom multipli u trasversali ta' diskriminazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, bħala l-ewwel strument internazzjonali legalment vinkolanti li jfittex li jipprevjeni u jiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa, u b'hekk jistabbilixxi eżempju dinji u jagħmel l-impenn tal-UE li teqred din il-vjolenza kredibbli fir-relazzjonijiet esterni tagħha; jitlob li jiġu riveduti u aġġornati l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom;

37.  Jenfasizza li l-ksib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhix possibbli mingħajr l-inklużjoni tal-irġiel u s-subien; jemmen li fil-proċess tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-irġiel u s-subien jeħtieġ li jiġu mistiedna jipparteċipaw u jikkontribwixxu b’mod attiv bħala atturi tal-bidla, u b'hekk jiġu indirizzati l-istereotipi tas-sessi; ifakkar b'mod partikolari fir-rwol u fir-responsabbiltà tal-irġiel u tas-subien fil-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru;

38.  Jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jadottaw anness bl-għan li jirrikonoxxu u jiżviluppaw strateġiji u għodod addizzjonali biex jirrispondu aħjar u b'mod aktar effikaċi, u biex jipprevjenu, is-sitwazzjonijiet, it-theddid u l-fatturi ta' riskju speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-attivisti bniet u nisa żgħażagħ; jitlob l-introduzzjoni immedjata ta' perspettiva tal-ġeneru u miżuri speċifiċi maħsuba biex jappoġġjaw lin-nisa impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-programmi u fl-istrumenti kollha mmirati għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

39.  Jenfasizza li f'bosta partijiet tad-dinja, id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet mhumiex garantiti għalkollox, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi dejjem akbar fl-ispazju demokratiku disponibbli fid-dinja kollha, li kulma jmur qiegħed jiċkien. ifakkar fil-ħidma essenzjali mwettqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-post biex tkun sostnuta l-paċi u biex ikun promoss l-involviment tan-nisa fil-proċessi tal-paċi, il-politika, il-governanza, il-bini tal-istituzzjonijiet, l-istat tad-dritt u s-settur tas-sigurtà; Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jimmonitorjaw ir-rigressjoni fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u t-tendenza lejn spazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili, u jieħdu passi speċifiċi biex jipproteġu s-soċjetà ċivili mit-theddid, il-fastidju, il-vjolenza u d-diskors ta' mibegħda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, is-SEAE, l-Istati Membri u l-Kapijiet ta' Delegazzjonijiet tal-UE jiżguraw appoġġ, billi jippromwovu livell xieraq ta' bini tal-kapaċità, għas-soċjetà ċivili lokali, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jagħmlu l-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni magħhom element standard tal-ħidma tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw inizjattivi li għandhom l-għan li jisfidaw u jittrasformaw in-normi u l-istereotipi negattivi tal-ġeneri fil-kuntesti kollha;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-SEAE jappoġġjaw b'mod sistematiku s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u dan se jikkontribwixxi għall-ksib tal-SDGs kollha relatati mas-saħħa, bħall-kura qabel it-twelid u miżuri biex jiġu evitati l-każijiet ta' twelid b'ħafna riskju u titnaqqas il-mortalità tat-trabi u tat-tfal; jirrimarka dwar il-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-aċċess għall-ippjanar tal-familja u għas-servizzi tas-saħħa materna, edukazzjoni sesswali komprensiva u adattata skont l-età, kontraċezzjoni, servizzi ta' abort sikur u legali, u r-rispett għad-dritt tan-nisa li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar ġisimhom u li jkunu mħarsa minn kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni, koerċizzjoni jew vjolenza f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled l-impatt tar-regola "global gag" billi tappoġġja b'mod sinifikattiv il-finanzjament tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi permezz tal-istrumenti ta' finanzjament disponibbli fid-dimensjoni esterna tal-UE;

41.  Ifakkar li n-nisa u l-bniet huma milquta b'mod sproporzjonat mit-tibdil fil-klima minħabba l-inugwaljanzi kulturali u strutturali bejn il-ġeneri; jirrikonoxxi li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija essenzjali biex jinkisbu l-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni effiċjenti tal-isfidi klimatiċi, u li sabiex tinkiseb tranżizzjoni ġusta li ma tħalli lil ħadd l-art, perspettiva intersezzjonali hija kruċjali; jiddispjaċih li 30 % biss tan-negozjaturi klimatiċi huma nisa u jfakkar li l-parteċipazzjoni sinifikattiva u ugwali tan-nisa fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE fil-qasam tal-politika u tal-azzjoni għall-klima hija vitali biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi fit-tul; jirrakkomanda b'qawwa li l-GAP III jagħmel ċari rabtiet tiegħu mal-Ftehim ta' Pariġi, u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw l-aċċess tal-organizzazzjonijiet tan-nisa għall-finanzjamenti klimatiċi internazzjonali;

42.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li n-nisa u l-bniet fid-dinja kollha għadhom suġġetti għal diskriminazzjoni sistematika; jinnota l-ħtieġa li jiġi miġġieled il-faqar fost in-nisa billi jiġi żgurat l-aċċess ugwali tagħhom għar-riżorsi ekonomiċi; ifakkar li inklużjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol, appoġġ aqwa għall-imprenditorija femminili, aċċess ugwali għall-kapital, inkluż għall-intraprendituri nisa, is-salvagwardja tal-opportunitajiet ugwali u l-paga ugwali għan-nisa u l-irġiel għal xogħol ugwali, u l-promozzjoni ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma fatturi essenzjali għall-ksib ta' prosperità ekonomika sostenibbli u inklużiva fit-tul, għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u għat-tħeġġiġ tal-indipendenza finanzjarja tan-nisa; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE, f'dan ir-rigward, biex iżidu, fejn xieraq, id-disponibbiltà tal-finanzjament, inkluż permezz ta' mikrokrediti, u biex jaħdmu ma' pajjiżi sħab biex javvanzaw l-istatus tan-nisa, inkluż f'oqsma bħad-drittijiet tal-wirt għall-proprjetà u l-art, l-aċċess għall-istatus legali u għal-litteriżmu finanzjarju u diġitali, u l-protezzjoni mit-tħaddim tat-tfal u forom oħra ta' sfruttament;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata perspettiva tal-ġeneru fi ħdan il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni li tiggarantixxi d-drittijiet tan-nisa u l-bniet li jfittxu asil u dawk rifuġjati, li b'mod immedjat jiġu introdotti proċeduri tal-asil u tal-migrazzjoni sensittivi għall-ġeneru u li tiżdied il-ħidma sabiex jiġu żgurati l-identifikazzjoni xierqa tal-vjolenza potenzjali, il-fastidju, l-istupru u t-traffikar ta' nisa fiċ-ċentri ta' akkoljenza f-Ewropa, u l-protezzjoni minnhom;

44.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inkluż it-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi sabiex jiġu miġġielda l-forom kollha tat-traffikar tal-bnedmin, b'attenzjoni partikolari għad-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar, biex b'mod speċifiku jiġu miġġielda ż-żwieġ tat-tfal, l-isfruttament sesswali tan-nisa u l-bniet u t-turiżmu sesswali; jitlob li jiġi stabbilit approċċ sensittiv għal kwistjonijiet tal-ġeneri għat-traffikar tal-bnedmin, billi jiġi indirizzat b'mod komprensiv l-impatt li għandu fuq it-twettiq ta' firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem;

45.  Jinsisti li l-bniet u n-nisa vittmi ta' stupru fi gwerra jeħtieġ li jkollhom aċċess għal kura mhux diskriminatorja, u speċifikament għal kura medika komprensiva; jinsisti f'dan il-kuntest fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja u d-dinjità tan-nisa u l-bniet kollha billi jiġu miġġielda b'mod attiv il-prattiki dannużi; jenfasizza l-fatt li l-użu tal-istupru bħala arma tal-gwerra u oppressjoni jrid jiġi eliminat, u li l-UE trid tpoġġi pressjoni fuq il-gvernijiet ta' pajjiżi terzi u fuq il-partijiet interessati kollha implikati fir-reġjuni fejn tkun qed issir tali vjolenza abbażi tal-ġeneru, sabiex tintemm il-prattika, jitressqu l-awturi quddiem il-ġustizzja u ssir ħidma mas-superstiti, in-nisa milquta u l-komunitajiet biex jgħinuhom ifiequ u jirkupraw;

46.  Jinnota l-progress kontinwu fuq l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Spotlight tal-UE u tan-NU biex tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet madwar id-dinja, li ammontat għal EUR 270 miljun impenjati għal programmi fl-Afrika u fl-Amerika Latina fl-2018; jitlob tmexxija qawwija mill-UE dwar is-Sejħa għal Azzjoni dwar il-Protezzjoni mill-Vjolenza abbażi tal-ġeneru f'Emerġenzi u l-appoġġ mogħti lis-superstiti ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru b'rabta mal-kunflitti; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE dwar l-importanza tal-eżitu tal-Konferenza ta' Oslo dwar it-Tmiem tal-Vjolenza Sesswali u abbażi tal-ġeneru fil-Kriżijiet Umanitarji;

47.  Jinnota li fl-2018, l-UE u n-NU qablu dwar ġabra ġdida ta' prijoritajiet li jħarsu lejn il-ġejjieni għall-kooperazzjoni fl-operazzjonijiet ta' paċi u l-ġestjoni tal-kriżijiet għall-2019-2021; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ħolqien ta' pjattaforma kollaborattiva bejn l-UE u n-NU dwar id-WPS isir parti importanti mill-aġenda tal-affarijiet barranin u s-sigurtà;

48.  Josserva li n-NU wissew li l-pandemija tal-COVID-19 qiegħda toħroġ fid-dieher u tħarrax it-tipi kollha ta' inugwaljanzi, inkluża l-inugwaljanza bejn il-ġeneri; jinsab ferm imħasseb għall-qsim mhux indaqs tax-xogħol domestiku u tal-għoti tal-kura pubblika, f'sitwazzjoni li fiha n-nisa jirrappreżentaw madwar 70 % tal-forza tax-xogħol tas-saħħa globali, għaż-żieda qawwija inkwetanti fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru, parzjalment minħabba perjodi twal ta' konfinament, u għal aċċess limitat għas-saħħa riproduttiva u materna; jitlob għaldaqstant l-iżvilupp ta' azzjonijiet immirati u speċifiċi biex jindirizzaw l-impatt soċjoekonomiku tal-COVID-19 fuq in-nisa u l-bniet; jenfasizza li jeħtieġ li jsiru disponibbli b'urġenza fondi adegwati biex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet tan-nisa, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-operaturi tal-konsolidazzjoni tal-paċi jkollhom aċċess sħiħ u mingħajr xkiel għal teknoloġija ta' kwalità sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni sinifikattiva tagħhom fil-proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet matul il-kriżi tal-COVID-19; jenfasizza l-ħtieġa li l-VP/RGħ u l-Kummissjoni jirrikonoxxu n-neċessità tas-sigurtà tal-bniedem, li tinkludi l-aspetti kollha tal-Approċċ Strateġiku tal-UE għad-WPS; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tar-risposta globali tal-UE għall-COVID-19 ma tkunx għamja għall-ġeneru, u li l-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa u ta' gruppi emarġinati oħrajn għandhom ikunu indirizzati kif jixraq, u għandu jiġi żgurat l-involviment tagħhom matul iċ-ċiklu kollu ta' programmazzjoni;

o
o   o

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(2) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(3) ĠU C 76, 9.3.2020, p. 168.
(4) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 56.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Jannar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza