Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal (13484/2019 – C9-0178/2019 – 2019/0226M(NLE))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13484/2019),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (FSSS) bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal, li daħal fis-seħħ fl-20 ta' Novembru 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni retrospettiva u prospettiva tal-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u s-Senegal,
– wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal (13483/2019),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), inċiż (v), u (7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C9-0178/2019),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2020(1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 31(4) tal-Politika Komuni tas-Sajd(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar regoli komuni fid-dawl tal-applikazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-PKS, inklużi l-ftehimiet dwar is-sajd(3),
– wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tal-Pajjiż tas-Senegal (2019–2023),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Nazzjonali tas-Senegal għall-Promozzjoni ta' Impjiegi Ekoloġiċi (2015–2020),
– wara li kkunsidra ż-żieda fid-daqs tal-flotta Asjatika li topera fl-ilmijiet tas-Senegal,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0182/2020),
A. billi l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal daħal fis-seħħ fl-20 ta' Novembru 2014, billi l-Protokoll attwali li jimplimenta l-Ftehim skada fid-19 ta' Novembru 2019 u billi Protokoll ġdid ġie inizjalat fid-19 ta' Lulju 2019;
B. billi l-valutazzjoni li tħares 'il quddiem tal-Protokoll l-aktar riċenti (2014-2019) tikkonkludi li b'mod ġenerali kien effikaċi fl-għan tiegħu li jikkontribwixxi għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd tas-Senegal u tirrakkomanda li l-Protokoll jiġi mġedded sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet taż-żewġ partijiet;
C. billi l-effikaċja tal-aħħar Protokoll hija sodisfaċenti fir-rigward tas-sajd għat-tonn, u billi, madankollu, il-bastimenti Komunitarji ma kinux użaw parti mill-opportunitajiet tas-sajd għall-ispeċijiet ta' qiegħ il-baħar fond; billi l-qabdiet tal-merluzz l-iswed fl-ilmijiet tas-Senegal jirrappreżentaw inqas minn 10 % tal-qabdiet Komunitarji fis-subreġjun;
D. billi l-iżvilupp tas-sajd f'qigħ il-baħar fond immirat għall-merluzz iswed, kif ukoll il-qabdiet addizzjonali tal-merluzz iswed fiż-żona tas-sajd tas-Senegal u fiż-żoni tas-sajd tal-pajjiżi ġirien, ikkontribwew biex tiżdied il-pressjoni tas-sajd fuq dawn l-istokkijiet;
E. billi l-bastimenti tas-sajd tal-UE huma limitati għal żoni tas-sajd fl-ibħra miftuħa, u dan jimminimizza l-interazzjonijiet mal-bastimenti tas-sajd artiġjanali tas-Senegal, u għaldaqstant għandhom impatt minimu fuq l-għajxien tagħhom;
F. billi l-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta' ħames snin u jipprevedi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni (28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u mgħammra bi friża, 10 bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief, ħames bastimenti tas-sajd bil-konz u żewġ bastimenti tat-tkarkir) għal tunnellaġġ ta' referenza ta' 10 000 tunnellata fis-sena għat-tonn u volum ta' qabdiet awtorizzati tal-merluzz l-iswed ta' 1 750 tunnellata fis-sena;
G. billi l-kontribuzzjoni finanzjarja hija ta' EUR 3 050 750 fis-sena, imqassma kif ġej: EUR 800 000 fis-sena għall-aċċess għar-riżorsi, EUR 900 000 fis-sena għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali u EUR 1 350 750 fis-sena għall-ammont stmat ta' imposti xierqa mingħand is-sidien tal-bastimenti;
H. billi l-Protokoll il-ġdid jipprevedi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tas-Senegal skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u filwaqt li jħares ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT);
I. billi r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd fiha kapitolu dwar id-dimensjoni esterna bil-għan li jiġu promossi l-prinċipji tas-sajd sostenibbli; billi l-ftehimiet bilaterali jistabbilixxu qafas legali, ekonomiku u ambjentali stabbli għall-aċċess tal-flotta tal-UE għall-ilmijiet ta' pajjiżi terzi u jipprevedu "appoġġ settorjali" biex jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi lokali u jittejbu l-istandards tal-ġestjoni tas-sajd sostenibbli fil-pajjiż sieħeb;
J. billi skont il-Politika Komuni tas-Sajd il-flotta Ewropea se taqbad biss l-eċċess ta' qabdiet permessi, f'konformità mal-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar;
K. billi s-Senegal irratifika l-biċċa l-kbira tal-istrumenti internazzjonali dwar il-governanza internazzjonali tas-sajd u huwa parti li tikkoopera tal-korpi reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd rilevanti fir-rigward tas-sajd sfruttat mill-bastimenti Senegaliżi;
L. billi n-negozjar ta' Protokoll ġdid tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd mas-Senegal jidħol fil-qafas tal-azzjoni esterna tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (il-pajjiżi AKP), u jqis b'mod partikulari l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem;
M. billi l-impenji li l-UE tagħmel mal-ftehimiet internazzjonali, b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti u b'mod speċifiku l-SDG 14, għandhom jiġu appoġġati wkoll fl-ambitu ta' dan il-ftehim, u l-azzjonijiet kollha tal-UE, bħal dan il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, iridu jikkontribwixxu għal dawk l-objettivi;
N. billi l-Unjoni Ewropea u s-Senegal jikkoperaw ma' xulxin fil-qafas ġenerali tal-Ftehim ta' Cotonou u billi l-interventi ta' appoġġ ekonomiku fl-ambitu tas-sajd jitwettqu permezz tal-programm PESCAO, li għandu l-għan li jtejjeb il-governanza fis-settur tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), b'baġit ta' EUR 15-il miljun għall-perjodu 2018-2024;
O. billi s-sajd IUU mhux biss jeżawrixxi l-bażi tar-riżorsi naturali u jnaqqas il-produttività naturali, iżda jaffettwa wkoll b'mod negattiv l-għajxien tas-sajjieda u d-dħul nazzjonali;
P. billi l-Parlament jeħtieġlu jiġi infurmat immedjatament u bis-sħiħ, fl-istadji kollha, dwar il-proċeduri relatati mal-Protokoll jew mat-tiġdid tiegħu.
Q. billi l-istokkijiet pelaġiċi żgħar huma kondiviżi bejn għadd ta' pajjiżi ġirien fir-reġjun tal-Afrika tal-Majjistral li magħhom l-UE għandha ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd li jagħtu aċċess għal dawn l-istokkijiet; billi l-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tas-Senegal jagħtu bidu għal konsultazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien dwar regoli komuni vinkolanti tal-ġestjoni bbażati fuq il-parir xjentifiku biex jiġi żgurat is-sajd sostenibbli, speċjalment għall-istokkijiet pelaġiċi żgħar, alavolja l-ftehim bejn l-UE u s-Senegal ma jagħtix aċċess;
R. billi l-objettivi strateġiċi tal-Pjan Strateġiku għall-Pajjiż tas-Senegal (2019-2023) jinkludu l-ġestjoni sostenibbli u l-produttività mtejba tas-sajd u żieda ġenerali fl-aċċess għas-suq u fil-kompetittività għall-industrija tas-sajd;
S. billi s-settur tas-sajd jipprovdi impjieg għal aktar minn 600 000 Senegaliż, li jirrappreżentaw madwar 17 % tal-popolazzjoni tal-ħaddeima;
1. Jindika li l-Protokoll se jippermetti kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u s-Senegal biex jiġi żgurat l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra tas-Senegal u biex jiġu appoġġati l-isforzi ta' dan il-pajjiż għall-iżvilupp tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u l-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar;
2. Jappoġġa l-istrateġija tal-UE li jkollha netwerk ta' ftehimiet fir-reġjun bil-għan li tikkonkludi l-azzjonijiet favur is-sostenibbiltà tal-istokkijiet fi ħdan l-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd (RFOs);
3. Jinnota li, f'konformità mal-konklużjonijiet tar-rapport ta' valutazzjoni, il-Protokoll il-ġdid fih tnaqqis fit-tunnellaġġ tal-merluzz l-iswed (minn 2 000 tunnellata għal 1 750 tunnellata fis-sena) u żieda fil-kontribuzzjoni finanzjarja għall-appoġġ settorjali (ta' EUR 150 000) u fl-ammont stmat ta' imposti xierqa mingħand is-sidien tal-bastimenti;
5. Jilqa' l-fatt li l-Protokoll iqis l-ispeċijiet sensittivi li jinqabdu bħala qabdiet inċidentali; jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu aktar il-miżuri biex tiġi protetta l-ekosistema tal-baħar; jenfasizza r-rwol ċentrali li għandhom l-osservaturi xjentifiċi mħarrġa fil-monitoraġġ tal-qabdiet inċidentali;
6. Jenfasizza li l-Ftehim fih kapitolu dwar il-kooperazzjoni xjentifika sabiex jiġi żgurat monitoraġġ aħjar tal-istat tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fl-ilmijiet tas-Senegal; jieħu nota tad-diffikultajiet li jeżistu għall-monitoraġġ xjentifiku tal-isfruttament tar-riżorsi ta' qiegħ il-baħar fond u jħeġġeġ li l-evalwazzjoni tqis ukoll il-pressjoni tas-sajd tal-flotta ta' pajjiżi terzi fl-ibħra ta' pajjiżi kostali oħra (il-Mauritania, il-Marokk, il-Guinea-Bissau u l-Gambja), meta jitqies li l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ibħra tas-Senegal għall-bastimenti tal-UE huma relattivament limitati
7. Iqis li, sabiex jiġi garantit l-aċċess għall-eċċessi eżistenti fl-ilmijiet tas-Senegal, huwa meħtieġ għarfien tal-isforz globali tas-sajd – inklużi l-flotot tas-Senegal u dawk ta' pajjiżi terzi – u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni tal-artikolu dwar it-trasparenza fil-kuntest tal-Protokoll attwali, kif ukoll fid-deliberazzjonijiet fi ħdan l-RFOs kompetenti;
8. Jieħu nota tal-possibbiltà li jiġu riveduti l-opportunitajiet tas-sajd u li jkun hemm qbil dwar vjaġġi ta' sajd esploratorju fiż-żoni tas-sajd tas-Senegal; jilqa' l-kundizzjonijiet spjegati fil-Protokoll dwar is-sostenibbiltà u l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi, u jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat f'każ li modifiki bħal dawn kellhom jiġu approvati mill-Kumitat Konġunt; jilqa' pożittivament l-inklużjoni tal-monitoraġġ tal-qabdiet permezz tas-sistema ta' rappurtar elettroniku (ERS); u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistema tkun operattiva mill-aktar fis possibbli;
9. Jilqa' l-adozzjoni ta' miżuri tekniċi ġodda biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali ta' speċijiet protetti (tajr tal-baħar, fkieren, klieb il-baħar u mammiferi tal-baħar), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tittejjeb is-selettività tal-irkaptu tas-sajd f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi u l-leġiżlazzjoni derivata mill-RFOs;
10. Jissottolinja li l-Ftehim jistabbilixxi qafas legali għall-kooperazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), u jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifika min-naħa tas-Senegal tal-Ftehim tal-FAO dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port fl-2017, li kien pass pożittiv minħabba l-importanza tal-port ta' Dakar għall-ħatt l-art tal-prodotti tas-sajd maqbuda f'għadd ta' żoni tas-sottoreġjun minn bastimenti li jtajru bnadar differenti ta' pajjiżi terzi;
11. Jilqa' r-reklutaġġ ta' baħrin Senegaliżi fuq il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea u jenfasizza r-riżultati tajbin miksuba fl-implimentazzjoni tal-Protokoll preċedenti; jilqa' r-ratifika min-naħa tas-Senegal tal-Konvenzjoni C188 tal-ILO dwar ix-Xogħol fis-Sajd u jistieden lill-awtoritajiet Senegaliżi jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta regolarment, fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt,l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni, b'mod partikolari l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi, li jissemmew ukoll fil-Protokoll;
12. Iqis li l-Istati Membri jista' jkollhom rwol ewlieni u jkunu parti attiva fil-bini tal-kapaċitajiet u fl-isforzi ta' taħriġ biex dan jirnexxi;
13. Jirrakkomanda, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-objettivi tal-appoġġ settorjali stabbiliti fl-Artikolu 5 u mingħajr preġudizzju għal attivitajiet oħra, l-azzjonijiet prijoritarji u strateġiċi li ġejjin:
–
it-titjib tal-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza permezz tal-immodernizzar rapidu taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sajd (FMC), jiġifieri l-ħtieġa li jiġi aġġornat is-software ta' traċċar għall-pożizzjonijiet tal-bastimenti fiż-żona tas-sajd tas-Senegal permezz tas-satellita (inter alia VMS) taħt kundizzjonijiet tekniċi xierqa, u li jkunu jistgħu jiġu riċevuti ġurnali ta' abbord tas-sajd elettroniċi;
–
l-appoġġ għall-isforzi tas-Senegal fil-ġlieda kontra s-sajd IUU permezz ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ għall-bastimenti li jidħlu l-port ta' Dakar;
–
l-iżvilupp tal-kapaċità xjentifika u l-ġbir ta' data xjentifika sabiex l-awtoritajiet tas-Senegal ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-aħjar valutazzjoni xjentifika disponibbli tal-istokkijiet, kif ukoll il-varar imminenti ta' stħarriġiet oċeanografiċi ppjanati bil-ħsieb li jissaħħaħ il-monitoraġġ xjentifiku tas-sajd f'qiegħ il-baħar fond u l-għarfien dwar l-ekosistemi tal-baħar u dawk kostali;
–
l-appoġġ għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għas-sajjieda kollha u għal dawk kollha fl-attivitajiet relatati mas-sajd, b'mod partikolari għan-nisa, billi jiġi żviluppat il-ġbir ta' data li tidentifika d-differenzi bejn il-ġeneri u billi titrawwem l-awtonomizzazzjoni tagħhom u jittejbu r-rwol u l-kapaċità ta' tmexxija tagħhom fl-organizzazzjonijiet tas-sajd u tal-akkwakultura;
–
interventi li jappoġġaw il-valorizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd, permezz ta' programm orizzontali tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-operaturi fis-settur;
–
l-appoġġ għas-sajd kostali artiġjanali u għall-komunitajiet tas-Senegal, inklużi l-ġenerazzjoni tal-impjiegi u l-iżvilupp ta' infrastruttura relatata mas-sajd li tappoġġa l-attività tas-sajd artiġjanali u tiffaċilita l-iżvilupp tas-settur tas-sajd;
–
l-istabbiliment ta' programmi ta' taħriġ bażiku u vokazzjonali għall-osservaturi xjentifiċi u għall-baħħara (taħriġ fit-tekniki tas-sajd, iżda wkoll fis-sikurezza abbord, eċċ.), b'enfasi speċjali fuq it-taħriġ tas-sajjieda żgħażagħ u tan-nisa li għandhom rwol importanti fl-ikkummerċjar u l-ipproċessar u li l-għajxien u x-xogħol tagħhom jiddependu mis-settur tas-sajd;
–
fil-qafas tal-Karta tal-Politika Settorjali għall-Iżvilupp tas-Sajd u l-Akkwakultura għall-perjodu 2016-2023 adottata mis-Senegal, rieżami annwali konġunt mas-sħab, inkluża l-Unjoni, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-riformi ppjanati tal-politika settorjali;
–
żieda fl-isforzi biex jiġi prevenut id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali minħabba diffikultajiet min-naħa tas-Senegal fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi amministrattivi biex il-fondi jiġu utilizzati;
–
l-iżgurar ta' aktar viżibilità għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Unjoni u l-promozzjoni ta' komprensjoni xierqa min-naħa tal-komunitajiet tas-sajd u tas-soċjetà ċivili tal-kontribut konkret tal-Protokoll għall-iżvilupp tas-settur;
–
it-tisħiħ tal-miżuri maħsuba sabiex jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fis-sajd;
14. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju globali dwar l-impatt tal-ftehimiet bilaterali tal-UE dwar is-sajd u, b'mod partikolari, dwar il-benefiċċji li joħorġu mill-appoġġ settorjali u mill-attività tal-flotta Ewropea fl-ibħra ta' pajjiżi terzi għall-ekonomiji lokali (l-iżvilupp tas-sajd sostenibbli, l-impjiegi lokali, l-infrastruttura, titjib soċjali, eċċ.), filwaqt li tadotta approċċ uniformi u konsistenti lejn il-pajjiżi kollha tal-Afrika tal-Punent;
15. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' impjanti tal-frakass tal-fdal tal-ħut u ta' impjanti taż-żejt tal-ħut fuq il-kosta tal-Afrika tal-Punent li huma fornuti bi stokkijiet pelaġiċi żgħar mill-ilmijiet tas-Senegal iżda wkoll minn pajjiżi ġirien maqbuda minn flotot barranin (mhux tal-UE); jikkritika f'dan ir-rigward il-kontradizzjoni tas-sostenibbiltà f'dak li hu forniment ta' riżorsi ta' proteina siewja lill-popolazzjoni lokali;
16. Iqis li, fid-dawl tal-għeluq possibbli tas-sajd jew l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet fuq is-sajd sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi jkunu sostenibbli, għandhom l-ewwel jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-sajd lokali, abbażi ta' parir xjentifiku sod;
17. Japprezza l-isforzi li saru fil-livell tal-UE f'dawk li huma trasparenza fit-testi tal-protokolli u l-kumitati xjentifiċi konġunti li issa huma disponibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu t-trasparenza kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-assoċjazzjonijiet tal-komunitajiet kostali fil-ġestjoni tal-appoġġ settorjali; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rapporti pubbliċi regolari dwar l-użu tal-appoġġ settorjali, u tgħaddi lill-Parlament il-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u r-riżultati tal-evalwazzjonijiet annwali tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u ttejjeb il-parteċipazzjoni tal-assoċjazzjonijiet u l-komunitajiet tas-sajd tas-Senegal; jenfasizza l-ħtieġa tat-trasparenza min-naħa tal-Gvern tas-Senegal rigward is-sħubijiet tas-sajd ma' pajjiżi oħra;
18. Jirrakkomanda li l-partijiet ikkonċernati jipparteċipaw fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi operattivi permezz tal-involviment tal-komunitajiet tas-sajd lokali u l-konsultazzjoni magħhom skont il-liġi tas-Senegal;
19. Jappella għal aktar ċarezza u armonizzazzjoni tar-rappurtar fiż-żoni tal-baħar protetti (MPAs) u għal pjan ta' ġestjoni olistiku maqbul li jalloka r-rwoli u jiddetermina l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni ġenerali tal-attivitajiet ta' ġestjoni;
20. Jinnota li l-pajjiżi mingħajr kosta, bħall-Mali, jiddependu mill-esportazzjonijiet tas-sajd mis-Senegal li jammonta għal aktar minn 40 % tal-importazzjonijiet tas-sajd tagħhom; jinnota li l-esportazzjonijiet Senegaliżi jikkontribwixxu għan-nutrizzjoni ta' pajjiżi mingħajr kosta;
21. Jinnota li aktar minn 20 % tal-esportazzjonijiet Senegaliżi jmorru lejn pajjiżi mingħajr kosta, b'mod partikolari l-Mali, il-Burkina Faso u n-Niġer, u jikkontribwixxu għall-integrazzjoni ekonomika tal-kontinent Afrikan;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tas-Senegal.
Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).