Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/0089M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0202/2020

Testi mressqa :

A9-0202/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2020 - 26

Testi adottati :

P9_TA(2020)0298

Testi adottati
PDF 147kWORD 49k
L-Erbgħa, 11 ta' Novembru 2020 - Brussell
Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina: il-kooperazzjoni b'rabta mal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (riżoluzzjoni)
P9_TA(2020)0298A9-0202/2020

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2020 dwar l-abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b'rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (08359/2020 – C9-0298/2020 – 2020/0089M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08359/2020),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b'rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (08361/2020),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3), l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 intitolata "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Kummerċ, tkabbir u proprjetà intellettwali - Strateġija għall-ħarsien u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi" (COM(2014)0389),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport dwar il-ħarsien u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi (SWD(2019)0452),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-20 Summit UE-Ċina tas-16 ta' Lulju 2018 u tal-21 Summit UE-Ċina tad-9 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titolu "UE-Ċina – Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar Strateġija għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2020(3) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-Titolu V tiegħu dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 91, 100, 168 u 207 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u 218(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0202/2020),

A.  billi l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-livell internazzjonali hija element ewlieni tal-politika kummerċjali tal-UE;

B.  billi l-UE hija l-akbar esportatur agroalimentari fid-dinja, u fl-2019 kisbet bilanċ favorevoli kummerċjali agroalimentari rekord ta' EUR 39 biljun;

C.  billi l-valur medju ta' prodotti b'indikazzjoni ġeografika huwa darbtejn ogħla minn dak ta' prodotti mingħajr tikketta ta' kwalità bħal din;

D.  billi l-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE lejn iċ-Ċina kibru bil-kbir f'dawn l-aħħar għaxar snin, b'rata ta' tkabbir annwali ta' aktar minn 20 % matul il-perjodu 2009-2019; billi d-defiċit kummerċjali ta' EUR 1 biljun fl-2009 tal-kummerċ agroalimentari tal-UE inbidel f'surplus kummerċjali ta' aktar minn EUR 9 biljun fl-2019, u dan wassal biex iċ-Ċina ssir it-tielet l-akbar destinazzjoni għall-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE, wara r-Renju Unit u l-Istati Uniti; billi l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodotti agroalimentari mistennija jikbru aktar fl-għaxar snin li ġejjin;

E.  billi l-valur tal-bejgħ madwar id-dinja tal-prodotti protetti mill-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE, li jkopri l-inbejjed, il-prodotti agroalimentari u l-ispirti, jirrappreżenta EUR 74,76 biljun(4), li jirrappreżenta sehem ta' 6,8 % tal-bejgħ tas-settur agroalimentari tal-UE u sehem ta' 15,4 % tal-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE;

F.  billi l-UE għandha reputazzjoni dinjija għall-produzzjoni ta' prodotti agroalimentari ta' valur u kwalità għoljin;

G.  billi l-prodotti agroalimentari importati kollha jridu jiġu kkontrollati u jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-benesseri tal-annimali li japplikaw għall-produtturi tal-UE tul il-katina tal-provvista agroalimentari, u b'hekk jikkontribwixxu għall-valur u l-kwalità tagħhom;

H.  billi ħafna Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi notevoli fiċ-Ċina, li jikkawżaw telf ekonomiku sinifikanti għall-produtturi tal-UE;

I.  billi l-ftehim jibni fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-proġett UE-Ċina dwar il-kooperazzjoni f'Indikazzjonijiet Ġeografiċi li tħaddem bejn l-2007 u l-2012;

J.  billi proporzjon sostanzjali tat-tkabbir ekonomiku globali huwa mistenni li jiġi ġġenerat barra mill-Ewropa;

K.  billi l-produtturi u l-esportaturi agroalimentari jridu joperaw f'ambjent kummerċjali internazzjonali diffiċli;

L.  billi dan il-ftehim huwa importanti fid-dawl tar-rikonoxximent globali li joffri għall-indikazzjonijiet ġeografiċi;

M.  billi dan il-ftehim huwa l-ewwel pass importanti u għandu jiġi estiż mill-aktar fis possibbli biex jipproteġi ħafna indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE li għadhom esklużi;

N.  billi l-konklużjoni ta' dan il-ftehim turi li l-UE u ċ-Ċina jistgħu jilħqu ftehimiet bilaterali sakemm l-interessi komuni jitqiesu sew;

1.  Jilqa' l-konklużjoni ta' dan il-ftehim dwar il-kooperazzjoni u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) bejn l-UE u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; jilqa' l-protezzjoni tal-IĠ Ewropej fis-suq Ċiniż; iqis l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim bħala eżerċizzju importanti għall-bini tal-fiduċja għaż-żewġ partijiet u sinjal ewlieni li ċ-Ċina hija lesta li timpenja ruħha mal-UE; jistenna li se jkun hemm ukoll progress f'oqsma oħra ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-kummerċ ġust;

2.  Jissottolinja l-importanza tar-relazzjoni strateġika tal-UE maċ-Ċina u jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jindirizzaw liċ-Ċina b'vuċi waħda u b'mod koordinat; jenfasizza li l-kummerċ u l-investiment għandhom ikunu bbażati fuq ir-regoli u fuq il-valuri, b'sistema ta' kummerċ multilaterali fil-qalba tagħha; jistieden liċ-Ċina biex ikollha sehem aktar attiv fid-WTO u inizjattivi multilaterali oħra u biex tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tagħha tad-WTO, billi tqabbel il-qawwa ekonomika miksuba tagħha mal-livell ta' żvilupp tagħha; jisħaq li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa prerekwiżit għall-involviment fir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment mal-UE u jħeġġeġ liċ-Ċina tikkonforma mal-obbligi internazzjonali u timpenja ruħha li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fid-dawl tan-negozjati li għaddejjin dwar il-ftehim bilaterali ta' investiment; jinsab ferm imħasseb dwar l-isfruttament u d-detenzjoni rrappurtati ta' persuni Uighur fil-fabbriki fiċ-Ċina;

3.  Jistieden li jiġu introdotti penali finanzjarji għall-kumpaniji li jinjoraw l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-prodotti ffalsifikati koperti minn indikazzjoni ġeografika;

4.  Jinnota li l-ftehim huwa sinjal pożittiv lill-komunità internazzjonali, inkluż lill-istituzzjonijiet multilaterali; jilqa' l-livell għoli ta' protezzjoni għal-lista ta' 100 indikazzjoni ġeografika Ewropea u 100 indikazzjoni ġeografika Ċiniża skont il-ftehim, li tmur lil hinn mil-livell attwali ta' protezzjoni mogħti skont il-Ftehim TRIPS tad-WTO, b'mod partikolari għall-oġġetti tal-ikel iżda wkoll għall-inbejjed u l-ispirti; jieħu nota tal-fatt li l-protezzjoni ta' 175 indikazzjoni ġeografika oħra mill-UE u miċ-Ċina rispettivament hija prevista fi żmien erba' snin mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim; jinnota li l-UE tipproteġi aktar minn 3 300 IĠ; jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi malajr bl-estensjoni ta' dan il-ftehim biex fis-snin li ġejjin tipproteġi kemm jista' jkun IĠ li jissodisfaw il-kriterji, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi tas-sajd u tal-akkwakultura; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, iżżomm lill-Parlament infurmat kif xieraq dwar il-progress tan-negozjati lejn l-estensjoni tal-ftehim; ifakkar li l-ftehim ġie ffinalizzat qabel ma t-trattati tal-UE ma baqgħux japplikaw fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u li hemm tmien prodotti mir-Renju Unit fil-listi maqbula; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonsulta mal-Istati Membri u tissostitwixxi dawn il-prodotti bi prodotti mill-Istati Membri tal-UE malajr kemm jista' jkun wara li jintemm il-perjodu ta' tranżizzjoni;

5.  Jilqa' d-dispożizzjoni li l-produtturi ta' prodotti IĠ protetti jistgħu japplikaw direttament għall-Kumitat Konġunt previst f'dan il-ftehim jekk il-prodott tagħhom ma jkunx inkluż fil-listi miftiehma inizjalment, kif ukoll jekk il-prodott tagħhom sussegwentement jikseb protezzjoni wara li l-ftehim jidħol fis-seħħ; jistieden lill-partijiet ikkonċernati attwali u potenzjali, inklużi dawk fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura tal-UE, biex jesploraw din id-dispożizzjoni;

6.  Jinnota li l-UE għandha defiċit kummerċjali kbir maċ-Ċina, iżda jfakkar li fil-qasam tal-prodotti agroalimentari l-UE għandha surplus kummerċjali;

7.  Ifakkar fl-importanza tal-promozzjoni tal-mudell ta' protezzjoni tal-IĠ tal-UE bħala għodda vitali għas-salvagwardja tal-awtentiċità u l-karatteristiċi uniċi ta' prodotti rreġistrati tal-UE, bħala strument utli ta' kummerċjalizzazzjoni għall-opportunitajiet ta' negozju u simbolu tal-wirt kulturali; jirrikonoxxi l-wirt għani Ewropew u Ċiniż fil-prodotti tradizzjonali tal-ikel u l-importanza tal-protezzjoni tal-IĠ f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Gvern Ċiniż jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni ta' dan il-wirt u jiżguraw li dan jiġi rikonoxxut fiż-żewġ soċjetajiet sabiex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati, kif ukoll jippromwovu l-iskambju kulturali u t-trasparenza;

8.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li minkejja l-protezzjoni skont il-ftehim, uħud mill-IĠ tal-UE ma jistgħux jiġu esportati lejn iċ-Ċina minħabba l-istandards Ċiniżi tal-importazzjoni tal-ikel; jitlob lill-Kummissjoni tkompli d-djalogu tagħha maċ-Ċina dwar ir-rikonoxximent tal-istandards tas-sikurezza tal-ikel tal-UE, li huma fost l-ogħla fid-dinja; jistieden liċ-Ċina tneħħi l-ostakli mhux ġustifikati għall-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE, tiżgura r-reċiproċità fir-relazzjoni kummerċjali totali u tikkonforma ma', ittejjeb u timplimenta b'mod strett u tinforza l-istandards sanitarji u fitosanitarji (SPS) sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta;

9.  Jistieden liċ-Ċina tappoġġja wkoll il-qafas eżistenti multilaterali li jipproteġi l-IĠ, billi ssir membru tal-Ftehim ta' Lisbona tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) u l-Att ta' Ġinevra, fis-seħħ mis-26 ta' Frar 2020;

10.  Jisħaq fuq l-importanza ta' indikazzjonijiet ġeografiċi fi ħdan il-qafas usa' tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-isforzi biex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni tal-prodotti; jenfasizza li l-ftehim jeħtieġ li jiżgura l-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-prodotti sabiex jissalvagwardja l-valur u l-kwalità tal-ambjent lokali, inklużi l-infrastruttura, l-impjiegi u l-bijodiversità, itejjeb l-iżvilupp reġjonali u jtejjeb it-traċċabbiltà, it-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumatur;

11.  Jilqa', f'dan ir-rigward, l-approvazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġdida Ċiniża dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR); jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim u jitlob ratifika rapida; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tkompli l-kooperazzjoni maċ-Ċina biex isir progress lejn l-implimentazzjoni ta' ftehim aktar ambizzjuż fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bil-ħsieb li tiġi estiża l-lista ta' indikazzjonijiet ġeografiċi protetti tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja l-proċess ta' reġistrazzjoni tal-IĠ fiċ-Ċina; jitlob lill-Kummissjoni tkompli toffri appoġġ lill-kumpaniji tal-UE permezz tal-helpdesk tal-IPR; jenfasizza l-valur miżjud tal-kooperazzjoni ma' korpi bħall-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-UE dwar il-monitoraġġ u l-infurzar korretti;

12.  Jinnota li, skont l-aktar rapport reċenti dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, aktar minn 80 % tal-oġġetti ffalsifikati u piratati li kienu ssekwestrati fl-UE fl-2018 u l-2019 oriġinaw miċ-Ċina, li jammontaw għal telf ta' madwar EUR 60 biljun għall-Istati Membri tal-UE; jissottolinja l-importanza kontinwa ta' kontrolli u ttestjar stretti fuq il-prodotti importati kollha sabiex jiġu identifikati prodotti foloz u frodulenti tal-ikel; ifakkar, għalhekk, fil-ħtieġa għal kooperazzjoni doganali profonda u effettiva bejn l-UE u ċ-Ċina sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fid-dawl ta' flussi kummerċjali akbar, u bħala għodda fil-ġlieda kontra l-prodotti ffalsifikati;

13.  Jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni effikaċi u l-infurzar xieraq fil-post tas-suq tad-dispożizzjonijiet fil-ftehim; itenni d-determinazzjoni tiegħu li jissorvelja u jiskrutinizza l-applikazzjoni korretta tal-ftehim; jistieden lill-Kummissjoni, li f'dan ir-rigward tinforma lill-Parlament fuq bażi annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim, u minn sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu; jilqa' l-ħatra ta' Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ (CTEO) ġdid u jenfasizza r-rwol kruċjali li se jkollu fil-monitoraġġ u t-titjib tal-konformità ma' dan il-ftehim; jistieden lis-CTEO jirreaġixxi immedjatament fil-każ li l-ftehim ma jiġix implimentat b'mod korrett;

14.  Jinsab imħasseb dwar l-impatt li l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina (l-hekk imsejjaħ il-Ftehim tal-Ewwel Fażi bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina), li daħal fis-seħħ fl-14 ta' Frar 2020, jista' jkollu fuq il-ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-IĠ u jissottolinja li dan irid jiġi implimentat b'mod nondiskriminatorju, f'konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO u mingħajr ebda impatt ta' tfixkil fuq l-infurzar tal-impenji meħuda fil-ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-IĠ; jisħaq li l-UE trid ukoll tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tat-tieni lista ta' 175 indikazzjoni ġeografika tal-UE fir-rigward ta' duplikazzjoni possibbli mal-Ftehim tal-Ewwel Fażi bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina; jistenna li l-esportaturi tal-UE jaraw immedjatament il-benefiċċji mill-miżuri ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ fis-settur agroalimentari;

15.  Jesprimi tħassib serju dwar il-ħafna ostakli li jiffaċċjaw in-negozji u l-bdiewa tal-UE biex jaċċessaw u joperaw fis-suq Ċiniż, minħabba s-sistema mmexxija mill-Istat taċ-Ċina; iqis li kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji tal-UE u taċ-Ċina twassal għal aktar opportunitajiet u aktar innovazzjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem mal-awtoritajiet Ċiniżi sabiex tneħħi dawk l-ostakli;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li ilha teżisti għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fir-rigward tal-kummerċ u l-investiment, b'attenzjoni partikolari għar-reċiproċità fl-aċċess għas-suq, l-akkwist pubbliku u s-servizzi finanzjarji; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet jikkooperaw b'mod kostruttiv f'dak ir-rigward biex isegwu riformi bbażati fuq is-suq u jagħmlu progress sinifikanti, b'mod partikolari fir-rigward tan-negozjati li għaddejjin dwar il-ftehim bilaterali ta' investiment iżda wkoll dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, it-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi; itenni l-appell tiegħu liċ-Ċina biex timxi 'l quddiem f'riforma ambizzjuża tad-WTO, inklużi regoli komprensivi dwar is-sussidji industrijali; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-prattiki ta' distorsjoni tas-suq tal-intrapriżi statali Ċiniżi, it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija u l-lokalizzazzjoni tad-data, il-kapaċità żejda industrijali u prattiki relatati tad-dumping fl-esportazzjonijiet, u prattiki kummerċjali inġusti oħra; itenni l-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali għal żvilupp sostenibbli u sistema ta' kummerċ ġust, filwaqt li jiġu promossi standards soċjali u ambjentali bbażati fuq ir-rispett għal ta' konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali u l-implimentazzjoni tagħhom; jinsab imħasseb dwar il-prestazzjoni fqira taċ-Ċina fis-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU); jenfasizza n-nuqqas ta' trasparenza fir-reġistrazzjoni tal-bastimenti u tal-flotot tas-sajd globalment u jisħaq li s-sussidji Ċiniżi f'dan il-qasam qed joħolqu kompetizzjoni inġusta għas-settur tas-sajd tal-UE; jistieden liċ-Ċina tagħmel kull sforz biex issaħħaħ il-qafas legali tagħha kontra s-sajd IUU u biex tinfurzah b'mod aktar strett;

17.  Ifakkar fil-ħtieġa għal progress sinifikanti u ambizzjuż fin-negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina, sabiex jiġu indirizzati l-asimmetriji attwali tas-suq; jissottolinja l-importanza li jiġi inkluż kapitolu ambizzjuż dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli biex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem, inklużi standards fundamentali tax-xogħol, jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li l-iżgurar tal-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, ir-reċiproċità u t-trattament nondiskriminatorju tal-partijiet rispettivi u tal-komunitajiet tan-negozju, taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili tagħhom, huma essenzjali; iħeġġeġ lill-partijiet itejbu t-trasparenza u jistabbilixxu dimensjoni parlamentari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ftehim; jenfasizza li s-suq tal-UE għall-akkwist pubbliku huwa miftuħ għall-kumpaniji Ċiniżi, inklużi l-intrapriżi tal-istat, filwaqt li l-kumpaniji Ewropej spiss jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jiksbu aċċess għal opportunitajiet ta' akkwist fis-swieq Ċiniżi; jistieden lill-Kummissjoni u liċ-Ċina jagħtu spinta lill-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali;

18.  Jisħaq li r-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE jeħtieġu relazzjonijiet reġjonali armonjużi bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi ġirien tagħha, u l-koeżistenza kordjali tagħha mat-territorji kollha li kellhom relazzjoni speċjali mal-Ewropa; jissottolinja li r-rispett sħiħ taċ-Ċina għall-impenji internazzjonali preċedenti fir-reġjun se jwitti t-triq għall-implimentazzjoni xierqa ta' dan il-ftehim;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kungress Popolari Nazzjonali u lill-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(1) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 18.
(2) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 103.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0297.
(4) Studju tal-Kummissjoni, ippubblikat f'April 2020 https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_20_683

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Frar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza