Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2058(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0198/2020

Testi mressqa :

A9-0198/2020

Dibattiti :

PV 12/11/2020 - 8
CRE 12/11/2020 - 8

Votazzjonijiet :

PV 12/11/2020 - 19
PV 13/11/2020 - 7

Testi adottati :

P9_TA(2020)0305

Testi adottati
PDF 192kWORD 65k
Il-Ġimgħa, 13 ta' Novembru 2020 - Brussell
Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli - Kif niffinanzjaw il-Patt Ekoloġiku
P9_TA(2020)0305A9-0198/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2020 dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli - Kif niffinanzjaw il-Patt Ekoloġiku (2020/2058(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 intitolata "Il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli - il-Pjan ta' Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2020)0021),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 intitolata "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640) u r-riżoluzzjoni tiegħu dwarha tal-15 ta' Jannar 2020(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin mill-2021 sal-2027 (COM(2018)0322) u l-proposta emendata tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2020 (COM(2020)0443), flimkien mal-proposta emendata tat-28 ta' Mejju 2020 għal deċiżjoni dwar is-sistema ta' Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2020)0445),

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' ftehim(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-16 ta' Settembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 intitolata "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456) u l-proposti leġiżlattivi li jakkumpanjawha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, u Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar tassazzjoni ġusta f'ekonomija diġitalizzata u globalizzata: BEPS 2.0(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli (HLEG) tal-31 ta' Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2018 intitolata "Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli" (COM(2018)0097),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew li saret bejn is-17 u l-21 ta' Lulju 2020(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas li jiffaċilita l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088, u r-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji,

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew trimestrali tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Protokoll ta' Kjoto għaliha u l-Ftehim ta' Pariġi,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji għal Investiment Responsabbli, il-Prinċipji għall-Attivitajiet Bankarji Responsabbli u l-Prinċipji għal Assigurazzjoni Sostenibbli, kollha appoġġjati min-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-Abbozz Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Fundamentali fuq ix-Xogħol u t-tmien konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO,

–  wara li kkunsidra l-istatuti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0198/2020),

A.  billi l-investimenti meħtieġa għall-adattament għat-tibdil fil-klima għadhom mhumiex ivvalutati u inkorporati fiċ-ċifri tal-klima tal-QFP;

B.  billi t-triq għan-newtralità klimatika sal-2050 se tagħti spinta lill-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni u tirriżulta f'bilanċ pożittiv ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità għolja;

C.  billi r-rapport speċjali 2019 tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tisħin globali ta' 1,5°C jagħmilha ċara li l-politiki adottati s'issa mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu t-tisħin globali milli jaqbeż il-1,5°C, it-telf tal-bijodiversità u t-tfixkil tal-flussi bijoġeokimiċi;

D.  billi l-liġi tal-UE dwar il-klima se tistabbilixxi b'mod konkret l-impenn tal-UE għan-newtralità klimatika sal-2050, inklużi passi intermedjarji ambizzjużi meħtieġa biex jintlaħaq dan l-objettiv;

E.  billi l-Kummissjoni stmat li l-investiment meħtieġ fil-livell tal-UE sabiex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi kurrenti għall-2030 huwa ta' EUR 240 biljun fis-sena(10) flimkien ma' ammonti addizzjonali ta' EUR 130 biljun fis-sena għall-objettivi ambjentali, EUR 192 biljun fis-sena għall-infrastruttura soċjali u EUR 100 biljun fis-sena għall-infrastruttura tat-trasport usa' tal-Ewropa; billi dan jammonta għal total ta' mill-inqas EUR 662 biljun ta' ħtiġijiet ta' investiment fis-sena; billi dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq objettiv klimatiku għall-2030 li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) b'40 %; jissottolinja li, issa li l-Parlament qabel dwar miri aktar ambizzjużi, id-diskrepanza fl-investiment hija saħansitra akbar; billi huwa essenzjali li jiġu mobilizzati l-fondi disponibbli kollha biex titnaqqas id-diskrepanza fl-investiment;

F.  billi l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta' Pariġi jipprevedi li "l-flussi ta' finanzjament isiru konsistenti ma' perkors lejn emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima";

G.  billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa strateġija ġdida ta' tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-UE f'soċjetà ġusta u prospera, b'ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta' gassijiet serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jiġi diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi, u li għandha tikkontribwixxi wkoll għall-iżgurar tal-awtonomija strateġika tal-UE;

H.  billi l-pandemija tal-COVID-19 tissottolinja l-importanza tal-investimenti f'ekonomija soċjalment u ambjentalment sostenibbli, b'mod partikolari investimenti li jippromwovu R&Ż mill-aktar avvanzati, settur industrijali kompetittiv, suq uniku aktar approfondit u aktar b'saħħtu, SMEs b'saħħithom, kura tas-saħħa, sistema ta' protezzjoni soċjali robusta u benesseri soċjali;

I.  billi n-nefqa meħtieġa biex tappoġġja l-ekonomiji Ewropej tqajjem il-kwistjoni dwar kif se jitħallas lura d-dejn li jkun sar; billi huwa importanti li tiġi evitata żieda fl-inugwaljanzi, kif ġara wara l-kriżi preċedenti;

J.  billi l-ħolqien ta' sistema ekonomika sostenibbli huwa ċentrali għall-iżvilupp ta' awtonomija strateġika fit-tul tal-UE u biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE;

K.  billi l-politika kummerċjali għandha impatt fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG);

L.  billi l-emissjonijiet GHG mit-trasport jirrappreżentaw 27 % tal-emissjonijiet globali tal-UE u huma l-uniċi li għadhom qed jiżdiedu; billi t-trasport irid jikkontribwixxi b'mod li jkun teknoloġikament newtrali għall-ilħuq tal-miri b'rabta mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE li għandhom fil-mira n-newtralità klimatika sal-2050, filwaqt li jiġi żgurat li t-trasport jibqa' kompetittiv u affordabbli; billi t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-settur tat-trasport jista' jitħaffef kemm għall-infrastruttura kif ukoll għall-flotta ta' vetturi billi jiġu żviluppati u msaħħa s-sinerġiji ma' setturi oħra, bħas-settur diġitali jew dak tal-enerġija;

M.  billi l-eżenzjonijiet mit-taxxa għas-setturi tal-avjazzjoni u dawk marittimi jistgħu wkoll jgħawġu l-kompetizzjoni bejn is-setturi industrijali u jistgħu jippromwovu modi ta' trasport ineffiċjenti u li jniġġsu;

N.  billi l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-BĊE jipprevedi li, jekk l-objettiv tal-istabbiltà tal-prezzijiet jintlaħaq u ma jiġix ikkontestat, il-politika monetarja tal-BĊE trid titwettaq bil-ħsieb li jiġu promossi l-objettivi tal-UE stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jipprevedi, fost objettivi oħra, il-protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent;

O.  billi fil-kuntest tar-rieżami tal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu, il-BĊE se jivvaluta jekk u kif, filwaqt li jaġixxi skont il-mandat tiegħu, jista' jqis kunsiderazzjonijiet ta' sostenibbiltà, u b'mod partikolari r-riskji relatati mas-sostenibbiltà ambjentali;

P.  billi l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali għandha l-għan li tippermetti lill-Istati Membri jsegwu politika fiskali li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa biex il-kriżi tiġi indirizzata b'mod adegwat filwaqt li tibqa' ssegwi l-qafas ibbażat fuq ir-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST); billi l-klawsola liberatorja ġenerali tistipula li l-applikazzjoni tagħha m'għandhiex tipperikola s-sostenibbiltà fiskali;

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli (SEIP) bħala element ċentrali fl-iżgurar tas-suċċess tal-Patt Ekoloġiku u t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli, kompetittiva, ċirkolari u reżiljenti, f'konformità mal-impenji ambjentali tal-Unjoni, inklużi l-impenji klimatiċi skont il-Ftehim ta' Pariġi u l-liġi dwar il-klima tal-UE; jisħaq li l-pjan għandu jkun fil-qalba ta' reazzjoni kkoordinata u inklużiva tal-Unjoni għall-bini ta' ekonomija u soċjetà aktar reżiljenti wara l-pandemija tal-COVID-19, u għandu jrawwem il-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika; jirrimarka li s-sostenibbiltà trid tkun konformi mal-kunsiderazzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja;

2.  Jilqa' l-Pjan ta' Rkupru għall-Ewropa tal-Kummissjoni, li għandu fil-qalba tiegħu il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija ta' Diġitalizzazzjoni; japprova l-prinċipju sottostanti li l-investimenti pubbliċi se jirrispettaw il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" (DNSH), u jenfasizza li dan il-prinċipju japplika kemm għall-objettivi soċjali kif ukoll ambjentali; jenfasizza li l-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru u reżiljenza għandhom ipoġġu lill-UE fit-triq lejn in-newtralità klimatika sal-2050, kif minqux fil-liġi dwar il-klima tal-UE, inklużi l-miri intermedji għall-2030, u b'hekk jiżguraw it-tranżizzjoni tal-Istati Membri lejn ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima, ibbażata fuq ix-xjenza u l-miri klimatiċi marbuta biż-żmien;

3.  Ifakkar li l-investimenti fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jridu jirrispettaw il-prinċipju "la tagħmilx ħsara"; jenfasizza li l-investimenti rilevanti għall-klima għandhom ikunu konformi mat-Tassonomija tal-UE u li l-pjanijiet ta' rkupru nazzjonali għandhom jiġu allinjati mal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECPs);

4.  Iqis li l-kisba ta' tranżizzjoni ġusta għan-newtralità klimatika hija responsabbiltà ewlenija għall-UE; jappella għall-implimentazzjoni ta' miżuri u politiki xierqa biex din it-trasformazzjoni tkun suċċess, bl-involviment tas-setturi pubbliċi u privati, ir-reġjuni, il-bliet u l-Istati Membri; jitlob li l-investimenti jiġu prijoritizzati biex jappoġġjaw tranżizzjoni sostenibbli, l-aġenda diġitali u s-sovranità Ewropea f'setturi strateġiċi permezz ta' strateġija industrijali konsistenti; jemmen li d-diġitalizzazzjoni tas-setturi pubbliċi u privati se tgħin biex tintlaħaq in-newtralità klimatika;

5.  Jenfasizza li s-suċċess tal-għan tal-UE li tikseb newtralità klimatika u tkun ekonomija ċirkulari sal-2050 jiddependi, fost fatturi oħrajn, mill-finanzjament adegwat u l-integrazzjoni koerenti tas-sostenibbiltà fil-finanzi pubbliċi u privati; jissottolinja l-fatt li l-finanzjament pubbliku waħdu mhux se jkun biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq u biex jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni; jenfasizza li se jkunu meħtieġa ammonti addizzjonali sostanzjali ta' investimenti pubbliċi u privati sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkoraġġixxi l-investimenti pubbliċi u privati meta tkun qed tiżviluppa l-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli; jissottolinja l-fatt li, anke b'finanzjament ambizzjuż, il-fondi disponibbli mhux se jkunu bla limiti; iqis li huwa essenzjali li l-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli jipprevedi u jippermetti investiment addizzjonali b'valur miżjud reali u ma jeskludix il-finanzjament tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas robust għar-rappurtar u l-monitoraġġ biex tiżgura li l-infiq ikollu impatt reali; jinsisti li r-rabta bejn in-nefqa u d-dħul, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' riżorsi proprji ġodda, se tkun kruċjali għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku;

6.  Jinnota li s-setturi kollha tal-ekonomija tal-UE se jintlaqtu mit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, u jinsisti li t-triq għan-newtralità klimatika għandha tagħti spinta lill-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u tirriżulta f'bilanċ pożittiv nett ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità għolja fl-Unjoni; jissottolinja l-fatt li t-tranżizzjoni ekoloġika għandha tkun inklużiva u konformi mal-prinċipji tas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali; iqis li l-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli ma għandu jħalli lil ħadd jibqa' lura u għandu jiffoka, fejn meħtieġ, fuq li jnaqqas id-differenzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni fil-kisba tagħhom tal-objettivi tan-newtralità klimatika; ifakkar li ż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll it-taħriġ addizzjonali u t-taħriġ mill-ġdid, huma tal-akbar importanza fit-tranżizzjoni enerġetika sostenibbli;

7.  Jenfasizza wkoll li sabiex il-Patt Ekoloġiku Ewropew ikun ta' suċċess, jeħtieġ li l-produtturi Ewropej ta' prodotti u servizzi sostenibbli jaraw il-vantaġġi tiegħu;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli jiġi ffinanzjat b'mod adegwat biex jiġi żgurat li l-programmi futuri, bħall-Istrateġija tal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni, ikollhom impatt suffiċjenti fuq kull bini fl-UE, isiru aċċettabbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, u jintlaqgħu minnhom;

9.  Jistaqsi jekk il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, kif inhu kkostitwit bħalissa, jippermettix il-mobilizzazzjoni ta' EUR 1 triljun sal-2030, meta titqies il-perspettiva ekonomika negattiva wara l-pandemija tal-COVID-19; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa dwar kwistjonijiet ta' finanzjament, bħall-effett ta' ingranaġġ ottimist, l-għadd doppju potenzjali ta' ċerti investimenti, jew in-nuqqas ta' ċarezza dwar l-estrapolazzjonijiet ta' ċerti ammonti; barra minn hekk, jistaqsi kif il-QFP il-ġdid, kif propost mill-Kummissjoni u li sar qbil dwaru fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, se jippermetti li jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli; jinsab imħasseb li bil-frontloading tal-programmi tal-UE, jista' jkun hemm diskrepanza fl-investiment ekoloġiku fi tmiem il-perjodu tal-QFP li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw pjanijiet li jispjegaw kif se jnaqqsu d-distakk konsiderevoli fl-investiment permezz ta' investimenti kemm privati kif ukoll pubbliċi, inkluża valutazzjoni tal-prospettiva ekonomika ġdida li tirriżulta mill-kriżi attwali u ż-żieda fl-ambizzjoni mistennija tal-miri klimatiċi, enerġetiċi u ambjentali għall-2030; jissottolinja l-fatt li l-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli huwa għan fit-tul tal-UE u ma jistax jiddgħajjef minn Oqfsa Finanzjarji Pluriennali mnaqqsa fil-futur li jallokaw parti kbira mill-flus għall-ħlas lura ta' self fuq tul ta' żmien twil;

10.  Jinnota li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli tagħha tal-14 ta' Jannar 2020, stmat li l-ħtiġijiet ta' investiment fil-livell tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi attwali għall-2030 huma ta' mill-inqas EUR 662 biljun fis-sena; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dawn iċ-ċifri ġodda f'arkitettura riveduta tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżvela l-esponiment tal-fondi kollha tal-QFP u ta' Next Generation EU għall-objettivi u l-kategoriji differenti tat-tassonomija tal-UE;

12.  Jixtieq li jkun żgurat li l-finanzjament mill-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali, ikun orjentat lejn il-politiki u l-programmi bl-ogħla potenzjal li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u objettivi ambjentali oħrajn, inkluża t-tranżizzjoni tal-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari l-SMEs, lejn Unjoni aktar kompetittiva u lejn il-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li jiġu adattati l-ħtiġijiet nazzjonali, reġjonali u lokali differenti; jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni, qabel il-bidu tal-QFP li jmiss, ta' qafas għat-trekkjar klimatiku, il-bijodiversità u nfiq sostenibbli ieħor bl-użu, kif xieraq, tal-kriterji stabbiliti mir-Regolament dwar it-Tassonomija; jitlob li dan il-qafas jinkludi, fost l-oħrajn, metodoloġija ta' monitoraġġ, flimkien ma' miżuri korrettivi korrispondenti, u mekkaniżmu ta' verifika tas-sostenibbiltà u ta' trekkjar biex jidentifika l-impatti dannużi skont il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" u l-impenji skont il-Ftehim ta' Pariġi;

13.  Jenfasizza li s-suċċess tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli jiddependi fuq l-adegwatezza tal-finanzjament pubbliku u privat, u fuq il-koerenza tal-politiki tal-UE; għalhekk jissottolinja l-ħtieġa ta' indikaturi ta' sostenibbiltà armonizzati u metodoloġija għall-kejl tal-impatt; jinsisti li, fid-dawl tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, għandhom jinbdew valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward ta' biċċiet oħra ta' leġiżlazzjoni, kemm jekk ikunu għadhom fl-istadju leġiżlattiv kif ukoll jekk diġà jkunu ġew adottati, biex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE mal-għanijiet ambjentali tal-UE;

14.  Jenfasizza li wieħed mill-objettivi tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli għandu jkun li jiżgura bidla minn attivitajiet ekonomiċi mhux sostenibbli għal dawk sostenibbli;

15.  Jemmen li l-finanzjament pubbliku u privat għandu jqis ir-Regolament dwar it-Tassonomija u jaderixxi mal-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" sabiex jiżgura li l-politiki u l-finanzjament tal-UE, inklużi l-baġit tal-UE, il-programmi ffinanzjati permezz ta' Next Generation EU (NGEU), is-Semestru Ewropew u l-finanzjament tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ma jikkontribwux għal proġetti u attivitajiet li jagħmlu ħsara sinifikanti lill-objettivi soċjali jew ambjentali, u ma jdgħajfux il-kompetittività ekonomika jew jirriżultaw fit-telf ta' impjiegi; jisħaq li l-baġits pubbliċi u l-banek pubbliċi waħedhom mhux se jkunu jistgħu jnaqqsu d-diskrepanzi fl-investiment; ifakkar li kull sena, 10 banek Ewropew ewlenin għadhom jinvestu aktar minn EUR 100 biljun fi fjuwils fossili; ifakkar li skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija, il-Kummissjoni, sal-aħħar tal-2020, trid tadotta att delegat li jkun fih kriterji tekniċi ta' skrinjar għal attivitajiet li jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-QFP il-ġdid la jappoġġja u lanqas jinvesti f'attivitajiet li jwasslu għall-imblukkar tal-assi li jagħmlu ħsara lill-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni, meta jiġi kkunsidrat it-tul tal-ħajja tal-assi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-għażliet biex testendi l-użu tat-tassonomija tal-UE għat-trekkjar tal-infiq relatat mal-klima u l-ambjent fil-finanzjament pubbliku kollu tal-UE, inkluż il-QFP il-ġdid, il-programm InvestEU, l-istrument Next Generation EU, l-Istrument ta' Appoġġ għas-Solvenza, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-fondi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI);

18.  Jappella għal operazzjonalizzazzjoni tal-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" fir-regolamenti rilevanti dwar il-finanzjament tal-UE, pereżempju permezz ta' verifika tas-sostenibbiltà klimatika, ambjentali u soċjali; ifakkar li l-ebda regola ta' investiment stretta ma għandha tiġi introdotta mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, l-industriji u l-SMEs;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tidentifika attivitajiet li jagħmlu ħsara sinifikanti lis-sostenibbiltà ambjentali, f'konformità mal-Artikolu 26(2)(a) tar-Regolament (UE) 2020/852 u kif rakkomandat mill-Bank Ċentrali Ewropew u n-Network għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NFGS) tal-banek ċentrali u r-regolaturi;

20.  Jappella għat-tneħħija gradwali realistika tal-investimenti pubbliċi u privati f'attivitajiet ekonomiċi li jniġġsu u li jkunu ta' ħsara, li għalihom huma disponibbli alternattivi ekonomikament vijabbli, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet tal-Istati Membri li jagħżlu t-taħlita tal-enerġija tagħhom bl-objettiv li tiġi implimentata sistema tal-enerġija rinnovabbli u grilja tal-enerġija li tkun kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza l-urġenza li jinstabu dawn l-alternattivi permezz ta' investimenti massivi fl-innovazzjoni teknoloġika u fl-effiċjenza enerġetika; jinsisti li l-attivitajiet iffinanzjati mill-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli ma jridux jikkontribwixxu għal aktar inugwaljanzi soċjali u għall-approfondiment tad-distakk ekonomiku u soċjali bejn il-Lvant u l-Punent fl-UE; ifakkar f'dan il-kuntest li bejn l-2014 u l-2016, 11-il pajjiż u l-Unjoni Ewropea nefqu EUR 112-il biljun fis-sena biex jissussidjaw il-fjuwils fossili; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħejju strateġiji biex ineħħu gradwalment is-sussidji kollha li jagħmlu ħsara lill-ambjent sabiex itejbu l-konsistenza u l-kredibbiltà tal-UE fil-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi naturali, u jagħtu spinta lit-tranżizzjoni lejn sistemi ta' enerġija nadifa u ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima;

21.  Iqis li t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika għandha tippreserva kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE u l-kompetittività tagħhom, b'mod partikolari fil-każ ta' kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi; jemmen li biex jilħaq l-għanijiet tiegħu, il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli għandu jikkontribwixxi wkoll għall-produzzjoni Ewropea sostenibbli, u jnaqqas l-emissjonijiet globali permezz tal-politika kummerċjali; jappella biex il-ftehimiet kummerċjali ma jiggarantixxux il-protezzjoni tal-investituri għad-detriment tal-istandards ambjentali, soċjali jew tas-saħħa; jissottolinja l-importanza li fil-ftehimiet kummerċjali konklużi mill-UE ma' pajjiżi terzi jiġu inklużi standards klimatiċi u ambjentali oħrajn infurzabbli, anke sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji Ewropej; jappella biex jiġi żgurat li l-pajjiżi terzi jkunu eliġibbli għal proġetti transfruntiera li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

22.  Jissottolinja li Erasmus+, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u Ewropa Kreattiva, bħala l-programmi ewlenin tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni, il-volontarjat u l-kultura, jikkostitwixxu għodda essenzjali fir-rispons dinji għat-tibdil fil-klima u jiżvolġu rwol fundamentali fit-trawwim tal-edukazzjoni fil-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika, fis-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali u dawk tat-tibdil fil-klima, speċjalment fost iż-żgħażagħ li jagħmlu volontarjat għall-ħarsien tal-ambjent, u fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet kreattivi, inklużivi u aċċessibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali; jenfasizza li dawn il-programmi jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-internships agrikoli appoġġjati mill-programm Erasmus+;

Il-baġit tal-UE: l-immirar, il-mobilizzazzjoni u l-katalizzazzjoni ta' riżorsi finanzjarji

23.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-baġit tal-UE fit-twettiq tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli; itenni l-pożizzjoni li ilu jħaddan li l-inizjattivi ġodda dejjem għandhom jiġu soġġetti għall-valutazzjoni u l-verifika tas-sostenibbiltà, għandhom ikunu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet addizzjonali u m'għandhomx jaffettwaw politiki oħra b'mod negattiv; jisħaq fuq l-importanza tal-politiki tal-UE li ilhom stabbiliti, bħall-koeżjoni jew l-agrikoltura, flimkien ma' oqsma ta' politika ewlenin oħra, bħar-riċerka, l-innovazzjoni jew il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu l-impenji politiċi tagħhom u jgħammru lill-Unjoni b'QFP orjentat lejn il-futur li jkun kapaċi jirreaġixxi għall-aspettattivi taċ-ċittadini;

24.  Jissottolinja l-importanza tal-investimenti privati sostenibbli u r-rwol tagħhom fil-kisba tal-objettivi tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, u jemmen li jeħtieġ li jiġi ffaċilitat il-finanzjament privat; jenfasizza aktar li l-appoġġ tekniku għandu jissaħħaħ permezz ta' inkubaturi u nurseries tal-proġetti fil-livell lokali u nazzjonali li jlaqqgħu flimkien lill-finanzjaturi u l-promoturi tal-proġetti.

25.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill Ewropew aċċetta l-Istrument ta' Rkupru tal-Unjoni Ewropea bħala strument ta' emerġenza biex jappoġġja l-investimenti u r-riformi; jiddeplora, madankollu, il-proposta li jitnaqqsu b'mod sinifikanti ż-żidiet għal diversi programmi tal-UE, u li jiġu kkanċellati għal kollox fil-każ ta' programmi oħra; jemmen li t-tnaqqis propost fil-programmi li jappoġġjaw it-tranżizzjoni tar-reġjuni dipendenti fuq il-karbonju jmur kontra l-aġenda tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, u fl-aħħar mill-aħħar se jaffettwa wkoll il-finanzjament tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli;

26.  Jissottolinja l-fatt li, sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Ftehim ta' Pariġi, il-kontribut tal-UE għall-objettivi klimatiċi għandu jkun imsejjes fuq sehem ambizzjuż tan-nefqa relatata mal-klima u mal-bijodiversità fil-baġit tal-UE; għandu l-għan, għalhekk, li jikseb malajr kemm jista' jkun mira ta' nfiq legalment vinkolanti ta' 30 % għall-integrazzjoni tal-klima u 10 % għall-bijodiversità; jenfasizza li l-mira tal-infiq għall-klima għandha tapplika għall-QFP kollu kemm hu; jissottolinja l-fatt li mira klimatika ta' 37 % għandha tkun applikabbli wkoll għan-nefqa tal-programm Next Generation EU; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas ta' trekkjar u monitoraġġ bis-sens u trasparenti għal nefqa relatata mal-klima fil-baġit tal-UE; jisħaq fuq ir-rwol essenzjali tar-riżorsi proprji ġodda biex il-baġit tal-UE jkun jista' jilħaq livell ogħla ta' finanzjament għall-klima fil-futur;

27.  Jilqa' l-proposta li jiżdied il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), b'fondi addizzjonali mill-programm Next Generation EU, iżda jiddispjaċih dwar il-proposta tal-Kunsill li jitnaqqsu dawn iż-żidiet, u jenfasizza li se jkun meħtieġ appoġġ addizzjonali biex jiġi żgurat li l-ħaddiema affettwati direttament u indirettament mit-tranżizzjoni jirċievu assistenza adegwata; itenni li r-riżorsi mill-JTF jistgħu jikkomplementaw ir-riżorsi disponibbli taħt il-politika ta' koeżjoni, u jirrimarka li l-proposta l-ġdida m'għandhiex tkun għad-detriment tal-politika ta' koeżjoni permezz ta' trasferimenti obbligatorji mill-pakketti nazzjonali tal-Istati Membri u m'għandhiex twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

28.  Jemmen li l-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta għandu jiġi integrat fil-Patt Ekoloġiku kollu, u li l-JTF għandu jiffoka b'mod partikolari fuq ir-reġjuni l-aktar dipendenti fuq il-fjuwils fossili; jenfasizza li l-proġetti li jirċievu l-fondi jridu jkunu ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli u vijabbli fit-tul; jitlob għalhekk li jkun hemm strateġija komprensiva tal-UE għall-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tar-reġjuni li jibbenefikaw mill-JTF;

29.  Jenfasizza li l-abbozzar tal-pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusta għandu jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha; jemmen li l-pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusta għandhom iqisu l-punti ta' tluq differenti tal-Istati Membri u r-reġjuni fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika; jinnota li għandu jkun hemm aktar ċarezza dwar il-kriterji ta' eliġibbiltà għall-finanzjament; jemmen li l-programmi ffinanzjati mill-JTF għandhom jiġu vvalutati wkoll bl-użu ta' trekkjar klimatiku, kontabbiltà tal-kapital naturali u metodoloġiji taċ-ċikli tal-ħajja;

30.  Jilqa' ż-żewġ pilastri addizzjonali tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta, b'mod partikolari skema ddedikata taħt InvestEU u faċilità ta' self għas-settur pubbliku, li flimkien mal-JTF se joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda u se jikkontribwixxu biex itaffu l-effetti soċjoekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u l-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari fl-UE fir-reġjuni u l-bliet l-aktar vulnerabbli u intensivi fl-użu tal-karbonju, u se jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-affordabbiltà tal-enerġija li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini matul il-proċess ta' tranżizzjoni; iqis li, biex dawn il-pilastri jkunu suċċess, huwa essenzjali li tkun garantita biżżejjed assistenza teknika għall-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet;

31.  Jenfasizza li tranżizzjoni soċjalment ġusta mhux se tkun possibbli mingħajr kontribuzzjoni massiva miż-żoni metropolitani; għalhekk iqis li r-riżorsi tat-tieni u t-tielet pilastri tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta għandhom ikunu faċilment disponibbli għall-bliet, biex jiġi żviluppat mekkaniżmu finanzjarju fuq skala kbira biex jgħin l-isforzi tal-klima u soċjali fil-livell tal-bliet; jirrimarka li dan jista' jinkludi fondi aċċessibbli direttament għal, fost l-oħrajn, politiki dwar l-akkomodazzjoni, programmi ta' rinnovazzjoni, modifiki retroattivi u iżolament tal-bini, proġetti ta' trasport pubbliku, titjib tal-infrastruttura ekoloġika tal-bliet, l-introduzzjoni ta' strumenti tal-ekonomija ċirkolari jew proġetti ta' ġestjoni sostenibbli tal-ilma;

32.  Jilqa' r-rwol ta' InvestEU fl-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli u jqis li għandu jkollu rwol ewlieni fl-irkupru ekoloġiku, ekwu u reżiljenti tal-Unjoni; jiddeplora l-fatt li l-finanzjament propost tal-InvestEU, kemm permezz tal-QFP kif ukoll tal-programm Next Generation EU, tnaqqas b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-aħħar proposta tal-Kummissjoni; jilqa' l-proposta li tinħoloq Faċilità ta' Investiment Strateġiku, b'mod partikolari ż-żieda ta' ħames komponent – il-komponent tal-investiment Ewropew – fl-InvestEU biex jiġu promossi investimenti sostenibbli f'teknoloġiji u ktajjen tal-valur essenzjali; jenfasizza li l-proġetti ffinanzjati taħt InvestEU għandhom ikunu konsistenti mal-impenji klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni għall-2030;

33.  Jissottolinja l-fatt li l-proposta riveduta tal-Kummissjoni diġà tintegra l-ftehim preliminari dwar InvestEU li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill f'Mejju 2019; ifakkar li minbarra pożizzjoni privileġġjata għall-Grupp tal-BEI, dan il-ftehim jipprevedi wkoll rwol importanti għal sħab ta' implimentazzjoni oħra, bħal banek promozzjonali nazzjonali jew istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra; ifakkar, barra minn hekk, li InvestEU huwa strument immexxi mid-domanda, u li għal din ir-raġuni għandha tiġi evitata konċentrazzjoni settorjali jew ġeografika eċċessiva; jisħaq li jeħtieġ li tiġi żgurata assistenza teknika adegwata disponibbli fil-prattika sabiex il-proġetti jkunu ffinanzjati fejn ikun l-aktar meħtieġ, u b'mod li jipprovdi addizzjonalità ġenwina; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kontribut vitali taċ-Ċentru ta' Konsulenza, li għalih jeħtieġ li tiġi żgurata allokazzjoni finanzjarja adegwata;

34.  Jafferma mill-ġdid ir-responsabbiltà tal-UE, bħala l-mexxejja globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, biex tħeġġeġ lil sħab internazzjonali oħra ħalli jsegwu approċċ simili; jemmen li r-riżorsi li l-Baġit tal-UE joffri lil pajjiżi terzi m'għandhom bl-ebda mod jintefqu b'mod li jmur kontra l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, u għandu jkollhom l-għan li jiffaċilitaw il-kisba tal-objettivi tiegħu filwaqt li jqisu l-livell differenti ta' żvilupp ta' kull pajjiż u l-ħtiġijiet ta' investiment differenti tagħhom; iqis li l-pandemija wriet li l-azzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-bijodiversità barra l-Unjoni hija marbuta b'mod inseparabbli mas-saħħa fid-dar, u li tali azzjoni hija kosteffikaċi meta mqabbla mal-impatti tal-pandemija;

35.  Jinnota li l-Fond għall-Innovazzjoni u l-Fond għall-Modernizzazzjoni għandhom jagħtu kontribut sinifikanti lit-tranżizzjoni sostenibbli lejn mira ta' emissjonijiet żero netti sal-2020, u jilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-Fond għall-Modernizzazzjoni huwa mfassal biex jappoġġja investimenti li jtejbu l-effiċjenza enerġetika f'10 Stati Membri b'introjti aktar baxxi, u għalhekk huwa għodda importanti biex jiġi żgurat li jkun hemm tranżizzjoni ġusta; jenfasizza madankollu l-ħtieġa ta' skrutinju akbar tal-Fond, peress li l-investimenti f'attivitajiet li jagħmlu ħsara sinifikanti lill-objettivi soċjali u ambjentali m'għandhomx ikunu eliġibbli fil-qafas tal-Fond għall-Modernizzazzjoni;

36.  Iqis li huwa neċessarju li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni ta' attivitajiet relatati ffinanzjati permezz tal-baġit tal-Unjoni u jemmen li l-eżistenza ta' dawn il-Fondi barra l-baġit tal-Unjoni tista' tkun ta' detriment għas-sorveljanza baġitarja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm l-awtorità baġitarja infurmata kif suppost dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi;

37.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi kemm il-Fond għall-Modernizzazzjoni kif ukoll il-Fond ta' Innovazzjoni bħala parti mir-reviżjoni tagħha tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS); itenni t-talba li ilu jagħmel biex proporzjon sinifikanti mid-dħul tal-ETS jiġi kklassifikat bħala riżorsi proprji;

38.  Jisħaq fuq ir-rwol importanti li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-Politika Komuni tas-Sajd se jkollhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli; jinnota li fit-triq tas-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd tal-UE lejn ġestjoni aktar sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, il-PAK għandha żżomm l-objettivi tagħha li tappoġġja l-forniment ta' provvista tal-ikel ta' kwalità għolja, tiggarantixxi s-sovranità tal-ikel għall-Ewropej, tikkontribwixxi għal dħul stabbli u aċċettabbli għall-bdiewa u s-sajjieda, u tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-PAK tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-UE dwar il-klima u s-sostenibbiltà, kif enfasizzat mir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-7 ta' Novembru 2018;

39.  Jissottolinja l-importanza li jkun iffaċilitat l-aċċess għall-finanzi pubbliċi u privati biex jiġu appoġġjati investiment ekoloġiku akbar, l-iżvilupp ta' għodod ta' diġitalizzazzjoni u l-aċċess għalihom, il-modernizzazzjoni u l-innovazzjoni, li jippermettu lis-settur agrikolu, lis-settur tas-sajd u liż-żoni rurali jilħqu l-isfidi u l-opportunitajiet biex iwettqu l-objettivi u l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku;

40.  Jisħaq li l-politika ta' koeżjoni, bħala l-politika prinċipali ta' investiment tal-UE, se jkollha rwol kruċjali fl-appoġġ tat-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, wara li tgħaddi l-pandemija tal-COVID-19, il-politika ta' koeżjoni se tkun wieħed mill-istrumenti deċiżivi fl-irkupru ekonomiku sostenibbli u għandha żżomm ir-rwol dejjiemi tagħha li tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, kif stipulat mit-Trattati tal-UE; jinsisti li l-politika ta' koeżjoni għandha tissaħħaħ biex tkun tista' tissodisfa l-objettivi ewlenin tagħha u tikkontribwixxi għas-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

41.  Jappoġġja l-approċċ innovattiv tal-Kummissjoni rifless fid-dikjarazzjoni tagħha li l-baġit tal-UE se jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali anki permezz tad-dħul tiegħu; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament favur l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda li jistgħu jiġġeneraw valur miżjud u jappoġġjaw b'mod sostanzjali lill-Patt Ekoloġiku Ewropew;

42.  Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni preċedenti tiegħu rigward il-lista ta' kandidati potenzjali għar-riżorsi proprji ġodda, kif stabbilit fir-rapport interim tiegħu dwar il-QFP, li għandha tikkorrispondi għall-objettivi essenzjali tal-UE, inklużi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent; jappella, għalhekk, għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda, mingħajr ma jinħoloq piż addizzjonali fuq iċ-ċittadini, li jistgħu, pereżempju, jinkludu riżorsi li għalihom il-Kummissjoni tat ċifri fl-2018 ibbażati fuq:

   (i) id-dħul mill-irkanti tal-ETS, li jistgħu jiġġeneraw bejn EUR 3 biljun u EUR 10 biljun fis-sena,
   (ii) kontribuzzjoni fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux irriċiklat, li tista' tiġġenera bejn EUR 3 biljun u EUR 10 biljun fis-sena,
   (iii) il-mekkaniżmu futur ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, li jista' jiġġenera bejn EUR 5 biljun u EUR 14-il biljun fis-sena,
   (iv) bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, li tista' tiġġenera aktar minn EUR 12-il biljun fis-sena,
   (v) taxxa fuq il-kumpaniji diġitali kbar, li tista' tiġġenera bejn EUR 750 miljun u EUR 1,3 biljun fis-sena, u
   (vi) taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF), li, abbażi tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni tal-2012 u b'kont meħud tal-Brexit u tat-tkabbir ekonomiku, tista' tiġġenera sa EUR 57 biljun fis-sena, skont il-kamp ta' applikazzjoni tat-taxxa;

itenni, f'dan ir-rigward, l-appell tiegħu lill-Istati Membri kollha biex jingħaqdu mal-qafas ta' kooperazzjoni msaħħaħ dwar it-TTF; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi dettalji dwar ir-riżorsi proprji ppreżentati fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta' Mejju 2020 dwar il-Pjan ta' Rkupru mill-aktar fis possibbli, inkluż dwar l-imposta bbażata fuq l-operazzjonijiet ta' intrapriżi kbar u l-estensjoni possibbli tal-ETS għas-setturi marittimi u tal-avjazzjoni;

43.  Jinsisti li pakkett ta' riżorsi proprji ġodda għandu jiġi inkluż fil-baġit tal-UE mill-2021, filwaqt li għandu jiġi stabbilit ukoll kalendarju legalment vinkolanti biex jipproponi u jintroduċi riżorsi proprji ġodda matul il-QFP li jmiss; jitlob li r-rikavat mir-riżorsi proprji l-ġodda jkun biżżejjed biex ikopri tal-anqas l-obbligi ta' ħlas lura fil-qafas tal-Istrument ta' Rkupru; jistenna li kwalunkwe dħul li jaqbeż dak il-livell għandu jiġi ttrasferit għall-baġit tal-UE biex inaqqas, fost l-oħrajn, id-distakk fil-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku, mingħajr ma jiġi affettwat il-prinċipju tal-universalità;

44.  Jissottolinja l-fatt li ż-żewġ tipi ta' dħul, dak ambjentali u dak mhux speċifikament ambjentali, se jkunu indispensabbli għall-istabbiliment ta' basket affidabbli ta' riżorsi proprji ġodda ġenwini, billi l-introjtu prodott mid-dħul ambjentali jista' maż-żmien jonqos proporzjonalment hekk kif l-UE tavvanza lejn in-newtralità klimatika;

Istituzzjonijiet finanzjarji – azzjoni li tippermetti l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku

45.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-BEI li jirrevedi l-politika dwar is-self għall-enerġija u l-istrateġija klimatika tiegħu, u li jiddedika 50 % tal-operazzjonijiet tiegħu għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali mill-2025 'il quddiem bil-għan li jintlaħqu l-obbligi tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-BEI jirrevedi wkoll il-politika tiegħu dwar is-self għat-trasport, u jimpenja ruħu favur it-tranżizzjoni sostenibbli lejn in-newtralità klimatika u l-ekonomija ċirkolari filwaqt li jqis it-taħlitiet differenti tal-enerġija tal-Istati Membri u jagħti attenzjoni partikolari lis-setturi u lir-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni; jitlob b'mod partikolari li jiġu implimentati politiki ġodda fis-setturi industrijali b'użu intensiv tal-karbonju li fihom il-BEI huwa attiv sabiex jappoġġja t-tranżizzjoni ta' dawn is-setturi bil-għan li s-self settorjali ġdid kollu jiġi allinjat mal-għan li tinkiseb newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; ifaħħar l-impenn tal-BEI biex itemm il-finanzjament tal-proġetti tal-enerġija mill-fjuwils fossili sal-2021; jirrikjedi l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni ta' pjanijiet ta' tranżizzjoni verifikabbli biex jintlaħqu l-objettivi tan-newtralità klimatika;

46.  Jisħaq li r-reazzjoni tal-BEI għall-pandemija tal-COVID-19 għandu jkun konsistenti mal-objettivi tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli; jinnota, madankollu, li mhux il-proġetti ffinanzjati kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-klima tal-UE u jinsisti li dan m'għandux jipprevjeni l-finanzjament tagħhom; huwa tal-opinjoni, madankollu, li l-portafoll tal-BEI jrid ikun allinjat mal-għanijiet ta' sostenibbiltà tal-UE u mal-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti"; jistieden lill-BEI jistabbilixxi pjan direzzjonali konkret li jilħaq il-mira granulari ta' 50 % sal-2025, u biex kull sena jiżvela s-sehem tal-assi tiegħu li jiffinanzja attivitajiet li jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli skont it-Tassonomija tal-UE; ifakkar li r-reazzjoni tal-Bank għall-pandemija tal-COVID-19 għandu jiġġenera EUR 240 biljun f'investimenti, u sar possibbli f'temp ta' ġimgħat;

47.  Iqis li biex il-BEI jkollu rwol ta' suċċess fil-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku, huwa kruċjali li jkollu approċċ minn isfel għal fuq u parteċipattiv, u li l-BEI għandu jippromwovi djalogi speċifiċi bejn is-setturi pubbliċi u privati, u jikkoordina aħjar ma' diversi partijiet ikkonċernati, bħal awtoritajiet lokali u reġjonali, u rappreżentanti mis-soċjetà ċivili; jenfasizza, barra minn hekk, l-indipendenza tal-BEI, filwaqt li jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat l-iskrutinju demokratiku tal-investimenti;

48.  Ifakkar li l-BEI huwa l-akbar emittent ta' bonds ekoloġiċi fid-dinja, wara li mmobilizza aktar minn EUR 23 biljun fuq 11-il sena; jinnota li t-twaqqif ta' standards komuni sabiex jiġi evitat il-greenwashing kien sfida ewlenija; jilqa' l-Bonds ta' Kuxjenza dwar is-Sostenibbiltà ġodda tal-BEI, imnedija fl-2018 u mfassla biex jappoġġjaw l-investiment relatat mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jissottolinja l-importanza li jiġu stabbiliti standards komuni għal dawn il-bonds ġodda biex jiġi żgurat li l-proġetti jkunu trasparenti, verifikabbli u li jistgħu jitkejlu; jistieden lill-BEI jkompli din l-attività u jespandi l-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi u bonds ta' kuxjenza dwar is-sostenibbiltà, li jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli u jgħinu fl-iżvilupp tas-suq għal bonds ta' sostenibbiltà soċjali u ambjentali, filwaqt li jibnu fuq il-ħidma fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli u t-Tassonomija tal-UE;

49.  Iħeġġeġ lill-BEI jieħu rwol attiv fl-appoġġ ta' proġetti li jikkontribwixxu għal tranżizzjoni ġusta, bħar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi kif ukoll l-investiment soċjali u l-ħiliet;

50.  Jinnota li l-President tal-BEI, Werner Hoyer, enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-bażi kapitali tal-BEI sabiex ikun jista' jkompli bil-proġetti ambizzjużi li jirfdu t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli;

51.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali (NPBIs) u tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs), inkluż il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Dinji, fil-finanzjament ta' proġetti sostenibbli, biex b'hekk jikkontribwixxu għal-ilħuq tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq li minħabba l-esperjenza u l-kapaċitajiet tagħhom fil-livell nazzjonali u reġjonali, il-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jistgħu jkunu strumentali biex jimmassimizzaw l-impatt tal-fondi pubbliċi, inkluż bis-saħħa ta' sħubiji fil-qafas tal-InvestEU, biex b'hekk jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni; jissottolinja l-fatt li l-finanzjament tal-SMEs huwa kruċjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli;

52.  Jissottolinja wkoll il-fatt li l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali huma ferm intiżi fil-konċepiment, il-ġestjoni u l-finanzjament ta' proġetti relattivament żgħar, minħabba l-esperjenza tagħhom f'dan il-qasam; jilqa', għalhekk, l-involviment tagħhom f'aspetti varji tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, bħala l-korpi l-aktar adegwati biex iwasslu l-investimenti fil-livell Ewropew fl-ekonomija reali u fuq skala lokali; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li jkun hemm appoġġ tekniku lokali għall-promoturi ta' proġetti u għall-innovazzjoni, u jenfasizza r-rwol tan-nurseries tal-proġetti fl-għajnuna li jagħtu lill-proġetti biex jimmaturaw biżżejjed biex jirċievu l-finanzjament; jappella għal riformi fl-għajnuna mill-Istat li jippermettu li l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jipprovdu self preferenzjali biex jippromwovu s-sostenibbiltà;

53.  Jinnota li l-investiment pubbliku u privat jista' jgħin l-irkupru u r-reżiljenza sostenibbli fejn il-finanzjament ikun dirett għall-investimenti ekoloġiċi, bħall-grilji tal-elettriku, is-supergrilji u l-grilji intelliġenti, in-networks ferrovjarji, l-effiċjenza fl-enerġija, u l-proġetti ta' ekonomija ċirkolari;

54.  Jenfasizza li d-diżastri ambjentali u klimatiċi joħolqu riskji ta' stabbiltà finanzjarja dejjem akbar, u li, għalhekk, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali għandhom jinkorporaw aħjar dawk ir-riskji fit-tul fil-valutazzjonijiet tagħhom; iqis li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-promozzjoni tas-sostenibbiltà għandhom jitqiesu aktar fil-politiki tal-BĊE, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-mandat u l-indipendenza tiegħu, u mingħajr ma jiġi pperikolat ir-rwol tiegħu bħala gwardjan tal-istabbiltà finanzjarja u monetarja; ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-President tiegħu li l-BĊE qed jappoġġja l-iżvilupp ta' tassonomija bħala mod kif tiġi ffaċilitata l-inkorporazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-portafolli tal-banek ċentrali; jinnota l-ambizzjoni murija fit-tweġiba riċenti tal-Eurosistema għall-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija ta' Finanzjament Sostenibbli Mġedda u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (NFRD), li ddikjarat li l-forzi tas-suq jistgħu u għandhom ikunu mutur ewlieni tal-għoti ta' direzzjoni mġedda tal-flussi finanzjarji favur attivitajiet ekonomiċi sostenibbli; jilqa' s-sejħiet mill-BĊE u l-Banek Ċentrali u n-Network għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS) tar-Regolaturi biex ir-regolaturi finanzjarji jkunu jistgħu jivvalutaw aħjar ir-riskji finanzjarji relatati mas-sostenibbiltà;

55.  Iħeġġeġ lill-BĊE javvanza bl-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu b'rispett sħiħ tal-mandat tal-BĊE dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet imnaqqax fit-TFUE; jinnota li bħala parti mir-rieżami tal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu, il-BĊE se jivvaluta, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, jekk u kif, filwaqt li jaġixxi fil-mandat tiegħu, jista' jqis il-kunsiderazzjonijiet ta' sostenibbiltà – u b'mod partikolari r-riskji relatati mas-sostenibbiltà ambjentali – fil-qafas kollaterali tiegħu u fl-eżerċizzju annwali tal-ittestjar tal-istress, filwaqt li jżomm separazzjoni bejn ir-rwoli tal-politika monetarja u tas-superviżjoni prudenzjali; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-BĊE jiżvela l-livell ta' allinjament tal-politika monetarja mal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li jistabbilixxi pjan direzzjonali għall-allinjament futur, filwaqt li juża kif xieraq it-tassonomija tal-UE għal dawn l-azzjonijiet; jistieden lill-BĊE jistudja modi ulterjuri ta' appoġġ lill-BEI sabiex tiżdied il-kapaċità ta' finanzjament tal-BEI mingħajr ma jinħolqu distorsjonijiet tas-suq;

56.  Jissuġġerixxi li l-BĊE għandu jivvaluta l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-portafoll tal-bonds tiegħu b'intensità qawwija ta' karbonju fil-kuntest tal-Programm ta' Xiri mis-Settur Korporattiv (CSPP) fid-dawl tal-impenji tal-BEI dwar il-klima;

57.  Jistieden lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs), biex jiżviluppaw testijiet tal-istress klimatiċi annwali għall-istituzzjonijiet finanzjarji taħt is-superviżjoni tagħhom, kif diskuss attwalment partikolarment fin-Network għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja, sabiex jifhmu fejn qegħdin ir-riskji finanzjarji relatati mal-klima fil-portafolli ta' istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti tal-UE, u l-kobor ta' dawk ir-riskji;

58.  Jemmen li t-trasport pubbliku huwa ċentrali għall-kisba ta' mobbiltà urbana sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied l-appoġġ għan-networks u l-flotot tat-trasport pubbliku fil-livell lokali u reġjonali, bħala għodda effettiva għat-tranżizzjoni u lejn mobbiltà b'emissjonijiet baxxi, filwaqt li tiġi promossa l-bidla modali, speċjalment f'ċentri metropolitani, u l-konnettività fiż-żoni rurali għall-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali; iqis li artikolazzjoni aktar b'saħħitha ta' finanzjament tat-trasport urban mal-Pjanijiet ta' Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs) hija essenzjali biex tingħata spinta lit-trasformazzjoni tal-mobbiltà urbana; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri fl-iżvilupp ta' pjanijiet u politiki għal mobbiltà urbana sostenibbli, inkluż l-appoġġ għal sistemi tat-trasport pubbliku effiċjenti u soluzzjonijiet ta' mobbiltà attiva bħall-mixi u ċ-ċikliżmu u l-promozzjoni tal-aċċessibbiltà u l-multimodalità fost il-modi differenti tat-trasport;

Mobilizzazzjoni ta' investimenti privati għal irkupru sostenibbli

59.  Jappoġġja strateġija mġedda għall-finanzi sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa ta' ekotikketta evoluttiva tal-UE għall-prodotti finanzjarji, ta' Standard tal-UE għall-Bonds Ekoloġiċi (EU GBS), u ta' data aktar affidabbli, komparabbli u aċċessibbli dwar is-sostenibbiltà miksuba billi jiġu armonizzati l-indikaturi tas-sostenibbiltà; ifakkar fl-importanza konsiderevoli tal-finanzjament ekoloġiku għar-rwol internazzjonali tal-UE u tal-euro fl-għaxar snin li ġejjin; jenfasizza l-importanza għall-SMEs ta' standards ta' rappurtar simplifikati li jippermettulhom jipparteċipaw bis-sħiħ fis-swieq kapitali;

60.  Jinsisti li data ta' sostenibbiltà aktar affidabbli, komparabbli u aċċessibbli hija indispensabbli biex is-sistema finanzjarja sostenibbli tal-UE taħdem fil-prattika; jilqa' l-idea tal-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali li jistabbilixxi punt ta' aċċess uniku Ewropew (ESAP) biex jaggrega l-informazzjoni dwar kumpaniji fl-UE permezz tal-interkonnessjoni tar-reġistri u bażijiet tad-data dwar il-kumpaniji nazzjonali u tal-UE eżistenti, bħala mod kif il-kumpaniji, b'mod partikolari fi Stati Membri iżgħar, jiġu megħjuna jattiraw l-investituri; jisħaq li l-kumpaniji għandhom ikunu jistgħu jikkontrollaw id-disponibbiltà tad-data tagħhom fil-punt ta' aċċess uniku Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal punt ta' aċċess uniku Ewropew għal informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja dwar kumpaniji elenkati u mhux elenkati tal-UE, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta' proporzjonalità, fejn xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika r-rekwiżiti ta' trasparenza skont id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju u tallinjahom ma' dawk skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija u r-Regolament dwar id-Divulgazzjoni tal-Finanzi Sostenibbli; jappella għal metodoloġiji trasparenti fil-ġbir u l-pubblikazzjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta monitoraġġ u rappurtar effikaċi ta' data dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, filwaqt li tagħmilha disponibbli għall-pubbliku, biex tiggarantixxi t-trasparenza sħiħa għall-infiq tat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE; iqis li sehem sinifikanti tal-Bonds tal-UE li għandhom jinħarġu fil-kuntest tal-Pjan ta' Rkupru jinħarġu abbażi tal-istandard tal-UE għall-bonds ekoloġiċi, kif propost mill-Kummissjoni;

61.  Ifaħħar il-progress li sar abbażi tal-inizjattivi inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli tal-2018; jappella għall-adozzjoni tal-atti delegati previsti fir-Regolament dwar it-Tassonomija, filwaqt li titqies il-firxa ta' kriterji u indikaturi tas-sostenibbiltà; jitlob speċifikament li jkun hemm implimentazzjoni rapida tal-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" kif deskritt fir-Regolament dwar id-Divulgazzjoni tal-Finanzi Sostenibbli u r-Regolament dwar it-Tassonomija; jenfasizza l-importanza li jkun hemm rekwiżiti ta' żvelar ambizzjużi għall-prodotti u l-entitajiet finanzjarji kollha;

62.  Iqis li l-istrateġija mġedda u futura ta' finanzjament sostenibbli tal-UE hija opportunità kbira biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni favur investiment bl-imnut aktar sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-miżuri meħtieġa biex jiġi inċentivat l-investiment bl-imnut sostenibbli;

63.  Jieħu nota tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, li jagħti mandat lill-Kummissjoni biex, sal-31 ta' Diċembru 2021, tippubblika rapport li jiddeskrivi d-dispożizzjonijiet li jkunu meħtieġa biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament lil hinn mill-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, inklużi objettivi oħra ta' sostenibbiltà, bħall-objettivi soċjali;

64.  Japprova s-sejħa mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli għal miżuri ġodda li jrawmu l-viżjoni fit-tul, għall-benefiċċju tan-nies u l-pjaneta; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza u tipproponi kif perspettiva fit-tul tista' tiġi inkorporata aħjar fir-reġim u fir-regoli tal-governanza korporattiva; jilqa' t-tħejjija ta' inizjattiva ta' governanza korporattiva sostenibbli;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju, li tista' tinkorpora d-divulgazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet korporattivi fuq is-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u tal-governanza;

66.  Jinsisti li fil-mobilizzazzjoni tal-finanzjament għall-Patt Ekoloġiku, l-investiment pubbliku u dak privat iridu jikkomplementaw lil xulxin fejn possibbli; jisħaq li l-investiment tas-settur privat m'għandux ikun eskluż sabiex il-finanzjament għall-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli jkun jista' jiġi massimizzat;

67.  Ifakkar li l-investimenti u s-self f'attivitajiet ekonomiċi mhux sostenibbli jistgħu jwasslu għal assi mhux rekuperabbli jew investimenti mhux għalkollox rekuperabbli b'effetti ta' lock-in; jindika li dan ir-riskju jeħtieġ li jkun integrat biżżejjed fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fl-oqfsa prudenzjali, inkluż fil-qafas ta' Basel; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, teżamina modi kif ittejjeb l-inklużjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà u t-trattament prudenzjali tal-investimenti u s-self fit-tul, inkluż fil-Ktieb tar-Regoli Bankarji tal-UE, li barra minn hekk ikun jippromwovi l-istabbiltà sistemika finanzjarja ġenerali, u tkompli tfittex li tippromwovi l-affidabbiltà, il-komparabbiltà u t-trasparenza tal-fatturi ta' sostenibbiltà fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu; jemmen li dan tal-aħħar jista' jiġi indirizzat fir-rieżamijiet li jmiss tar-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, ir-Regolament/Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital u l-oqfsa ta' solvenza;

68.  Ifakkar li l-investimenti sostenibbli mhux neċessarjament jiġu bi profil ta' riskju aktar baxx minn tipi oħra ta' investimenti;

69.  Jemmen li għandu jkun aktar faċli għall-SMEs fl-Unjoni li jaċċessaw finanzjament pubbliku u privat fil-qafas tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi addizzjonali biex l-SMEs jiġu infurmati dwar l-opportunitajiet ġodda ta' finanzjament fil-qafas tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli;

Promozzjoni ta' investiment pubbliku sostenibbli fi żminijiet ta' kriżi

70.  Jappella għall-ħolqien ta' strument għall-investimenti sostenibbli biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, iżda jenfasizza li, ikun liema jkun il-mudell ta' finanzjament li jintgħażel, il-livelli miżjuda ta' investiment pubbliku għandhom jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fl-UE; iqis li rieżami possibbli tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE għandu jqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Fiskali Ewropew indipendenti u għandu jistimula lill-Istati Membri biex jagħmlu l-ekonomiji u n-nefqa pubblika tagħhom konformi mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappoġġja l-wegħda tal-Kummissjoni li tesplora oqfsa abilitanti oħra, bħall-Istandards tal-Bonds Ekoloġiċi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal l-aħjar prattiki dwar l-ibbaġitjar ekoloġiku;

71.  Jitlob li l-appoġġ pubbliku għas-settur tat-trasport, speċjalment għal-linji tal-ajru, għas-settur tat-turiżmu u għas-settur tal-karozzi, jintuża b'mod sostenibbli u effiċjenti; jitlob li l-attivitajiet tranżitorji definiti fir-Regolament dwar it-Tassonomija jkunu eliġibbli biex jirċievu finanzjament fil-qafas tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, u jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-aċċess għall-finanzjament u forom oħra ta' appoġġ għall-mikrointrapriżi u l-SMEs;

72.  Jappella għall-integrazzjoni tal-akkwist pubbliku u tas-sejħiet għall-offerti sostenibbli, u għal koordinazzjoni Ewropea akbar f'dan ir-rigward;

73.  Jilqa' l-fatt li l-pjanijiet ta' rkupru u ta' reżiljenza se jkunu bbażati fuq prijoritajiet kondiviżi tal-UE; jenfasizza f'dan ir-rigward il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ukoll l-Aġenda Diġitali u l-għan strateġiku li tinkiseb is-sovranità Ewropea f'setturi strateġiċi li jkollhom bażi industrijali sostenibbli; ifakkar fil-ħtieġa ta' investiment ta' rkupru ekoloġiku u fil-ħtieġa li tiżdied il-konverġenza fost l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, li tista' tgħin biex jitħaffef l-irkupru ekonomiku; jappella għall-inklużjoni ta' prijoritajiet f'oqsma bħall-impjiegi, il-ħiliet, l-edukazzjoni, l-intraprenditorija diġitali, ir-riċerka u l-innovazzjoni u s-saħħa, iżda anki f'oqsma relatati man-negozju u mas-settur mingħajr skop ta' qligħ, inklużi l-amministrazzjoni pubblika u s-settur finanzjarju; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika lill-awtoritajiet pubbliċi fl-abbozzar ta' pjanijiet ta' tranżizzjoni sabiex jevitaw li jkun hemm assi mhux rekuperabbli; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, u tiżgura li każijiet ta' ksur serju jwasslu għall-irkupru tal-allokazzjonijiet imħallsa; jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri li joħorġu l-pjanijiet jirrispettaw l-istat tad-dritt u l-valuri demokratiċi tagħna;

74.  Jinsisti li l-prinċipju "la tagħmilx ħsara" tal-Patt Ekoloġiku Ewropew japplika għall-pjanijiet kollha ta' rkupru;

75.  Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jneħħi l-Istrument ta' Appoġġ għas-Solvenza mill-programm Next Generation EU; iqisu bħala għodda importanti biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku;

76.  Jappella biex il-kumpaniji li jibbenefikaw minn appoġġ pubbliku jimpenjaw ruħhom għar-rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż, filwaqt li tiġi rrispettata l-possibbiltà ta' derogi temporanji previsti għall-protezzjoni ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva; jitlob li dawn il-kumpaniji jiżguraw ukoll li jkun hemm kompetizzjoni ekwa, inaqqsu d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, jirrispettaw l-obbligi ta' rappurtar mhux finanzjarju tagħhom, jiggarantixxu l-impjiegi, jiżvelaw kwalunkwe trattament ta' benefiċċju li jirċievu, u joqogħdu strettament lura milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe strateġija ta' evitar tat-taxxa permezz ta' sussidjarji f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa mingħajr attività ekonomika sostanzjali; jinsisti li dawn il-kumpaniji għandhom jikkontribwixxu b'mod ekwu għall-isforzi ta' rkupru billi jħallsu s-sehem ekwu tagħhom ta' taxxi; jappella, f'dan il-kuntest, għal kuntratt soċjali ġdid għan-negozji, li jarmonizza l-għanijiet għall-profitt ma' kunsiderazzjonijiet għan-nies u l-pjaneta;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, inkluż il-Qafas Temporanju introdott b'reazzjoni għall-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19, kif meħtieġ sabiex tikseb appoġġ pubbliku akbar għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u tiżgura li l-appoġġ tal-għajnuna mill-Istat jingħata bil-kundizzjoni li jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni; jinnota li kwalunkwe reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tkun imfassla b'attenzjoni sabiex tipprevjeni tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq intern, u tiżgura l-integrità tiegħu u kundizzjonijiet ekwi fi kwalunkwe reviżjoni futura;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tapprova talba għal għajnuna mill-Istat minn Stat Membru, f'konformità mal-Artikolu 108 TFUE, tinkludi fid-deċiżjoni tagħha dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-benefiċjarji f'setturi li joħolqu ħafna emissjonijiet tal-karbonju jadottaw miri klimatiċi u pjanijiet direzzjonali ta' tranżizzjoni ekoloġika, u juru l-allinjament tal-mudell u l-attivitajiet kummerċjali tagħhom mal-objettivi stabbiliti fil-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/1999;

79.  Jilqa' r-reviżjoni ppjanata tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija għall-2021, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi biex ir-rati tal-VAT jinġiebu f'konformità mal-kunsiderazzjonijiet ambjentali, tiġi introdotta imposta fuq il-plastik li jintuża darba biss, u jiżdiedu d-dazji tas-sisa minimi rilevanti li tilfu l-effett tagħhom minħabba l-inflazzjoni; ifittex li jgħaqqad dawn ir-riformi mal-isforzi biex tinżamm il-kapaċità tal-akkwist għal dawk bl-inqas livelli ta' introjtu fl-Unjoni Ewropea;

80.  Ifakkar li l-ħtiġijiet ta' investiment relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika qed jiżdiedu, u li l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa korporattivi jikkawżaw riżorsi mitlufa potenzjali għall-baġits nazzjonali u tal-UE li huma stmati li jvarjaw minn EUR 50-70 biljun sa EUR 160-190 biljun, li jistgħu jintużaw għall-investiment fil-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi biex jiffinanzjaw it-tranżizzjoni sostenibbli u ekwa billi jimplimentaw kwalunkwe ftehim qafas inklużiv potenzjali tal-OECD, inkluż il-Pilastru 2 tiegħu; jappella għal ġlieda intensifikata kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa; jappella għal koordinazzjoni fil-livell tal-UE biex jiġu identifikati, investigati u evitati skemi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa minn individwi u korporazzjonijiet; jappella għal strateġija ambizzjuża dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi għas-seklu 21; jistieden lill-Kunsill jaġġorna l-kriterji dwar id-definizzjoni ta' reġimi tat-taxxa dannużi fil-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, u jtenni l-pożizzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar l-Istati Membri li jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji biex tivvaluta l-prattiki tat-taxxa tal-Istati Membri; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 116 TFUE fil-kuntest tad-dossiers relatati mat-taxxa, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni biex tevita li jkun hemm distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq uniku;

81.  Jixtieq li jiġi żgurat li kulħadd jikkontribwixxi b'mod ekwu għall-irkupru ta' wara l-COVID-19 u għat-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva u sostenibbli, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kapaċitajiet differenti tal-Istati Membri; iqis li, kif enfasizzat mill-President tal-BĊE Christine Lagarde fis-7 ta' Lulju 2020, il-persuni vulnerabbli sikwit "huma l-aktar milquta" mill-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li l-prezzijiet tal-assi s'issa żdiedu matul il-kriżi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistudjaw riżorsi ġodda biex jiffinanzjaw l-irkupru ekonomiku li jqis dan;

82.  Jisħaq li ż-żieda fil-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku se timplika grad sinifikanti kemm ta' dixxiplina baġitarja kif ukoll ta' skrutinju, sabiex jiġu evitati l-frodi u d-devjazzjoni tal-fondi; jinnota li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) huwa nieqes mill-kapaċità li jipprevjeni l-frodi finanzjarja waħdu; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri kollha jingħaqdu mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO);

83.  Jemmen li l-kombinazzjoni tal-proposti f'dan ir-rapport tista' timmobilizza s-EUR 660 biljun fis-sena meħtieġa biex tintrebaħ il-ġlieda għall-klima u l-impjiegi;

o
o   o

84.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0449.
(3) Testi adottati, P9_TA(2019)0032.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0124.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0220.
(6) Testi adottati, P9_TA(2019)0102.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(8) ĠU C 76, 9.3.2020, p. 23.
(9) Testi adottati, P9_TA(2020)0206.
(10) https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/economy-finance/assessment_of_economic_and_investment_needs.pdf

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Frar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza