Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2801(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0362/2020

Testi mressqa :

B9-0362/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2020 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2020)0315

Testi adottati
PDF 134kWORD 45k
It-Tlieta, 24 ta' Novembru 2020 - Brussell
Is-sistema Schengen u l-miżuri meħuda matul il-kriżi tal-COVID-19
P9_TA(2020)0315B9-0362/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar is-sistema Schengen u l-miżuri meħuda matul il-kriżi tal-COVID-19 (2020/2801(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Petizzjoni 0653/2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21(1) u 67(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2020 intitolata "COVID-19 Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema" (C(2020)2051),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2020 intitolata "Linji Gwida dwar il-ħaddiema staġonali fl-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19" (C(2020)4813),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 intitolata "COVID-19: Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni" (C(2020)3250),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen u s-suq uniku"(6),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19(7),

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet dwar il-Petizzjoni 0653/2020 waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tat-2 ta' Lulju 2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva l-Petizzjoni 0653/2020 minn rappreżentanti tar-reġjuni tal-fruntiera Belġjana/Ġermaniża/Netherlandiża/Lussemburgiża li qajmet tħassib dwar l-għeluq f'daqqa tal-fruntieri interni tal-UE bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u l-konsegwenzi tal-miżuri differenti introdotti għan-nies fid-diversi Stati Membri, speċjalment dawk li jgħixu f'reġjuni tal-fruntiera;

B.  billi r-reġjuni tal-fruntiera jirrappreżentaw 40 % tat-territorju tal-Unjoni Ewropea u fihom tgħix 30 % tal-popolazzjoni tal-UE;

C.  billi l-acquis ta' Schengen kien kruċjali biex ir-reġjuni tal-fruntiera jinbidlu f'postijiet ta' skambju ekonomiku u soċjali kif ukoll reġjuni mudell ta' kooperazzjoni territorjali u innovazzjoni istituzzjonali;

D.  billi l-pandemija tal-COVID-19 hija theddida serja għas-saħħa pubblika, li tħalli impatt fuq is-saħħa u l-ħajja tal-persuni kollha li jgħixu fl-UE u fis-sistemi tas-saħħa u tal-kura fl-Istati Membri;

E.  billi, bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, il-maġġoranza tal-Istati Membri reġgħet introduċiet il-kontrolli fil-fruntieri interni jew għalqet il-fruntieri; billi r-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mill-pajjiżi terzi, iżda wkoll mill-Istati Membri tal-UE fiż-żona Schengen, ġew introdotti u għadhom japplikaw; billi dawn il-miżuri ma ġewx ikkoordinati bejn l-Istati Membri jew mal-istituzzjonijiet tal-UE;

F.  billi hemm aktar minn 17-il miljun ċittadin tal-UE li jgħixu u jaħdmu f'pajjiż tal-UE li mhuwiex dak taċ-ċittadinanza tagħhom (3,9 % tal-forza tax-xogħol totali fl-2018);

G.  billi skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen il-kontrolli fil-fruntieri interni jistgħu jiġu introdotti mill-Istati Membri bħala eċċezzjoni u bħala l-aħħar alternattiva f'każ ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, u jridu jirrispettaw l-prinċipju tal-proporzjonalità; billi f'każ bħal dan, hemm l-obbligu li tintbagħat notifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni;

1.  Jissottolinja li żona mingħajr l-ebda fruntiera interna hija element importanti tas-suq uniku Ewropew; itenni li l-pandemija tal-COVID-19 hija kriżi li, sa mill-ħolqien taż-żona Schengen, l-Ewropa qatt ma kienet għaddiet minnha;

2.  Jisħaq fuq il-fatt li l-moviment liberu tal-persuni huwa wieħed mill-pedamenti ta' Unjoni Ewropea li tiffunzjona u wieħed mill-akbar riżultati li kisbet; ifakkar fil-mobilità li qed tiżdied fl-UE kollha għal skopijiet ta' ħajja, xogħol, studju, jew tmexxija ta' negozju;

3.  Jenfasizza li l-libertà ta' moviment intlaqtet serjament mill-għeluq totali jew parzjali tal-fruntieri, mill-Istati Membri, matul il-pandemija tal-COVID-19; jiddispjaċih li l-għeluq ta' malajr malajr u mhux ikkoordinat tal-fruntieri u l-introduzzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament wasslu biex il-persuni li kienu fi tranżitu tħallew l-art u laqtu serjament lil dawk li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera billi limitawlhom il-kapaċità li jaqsmu l-fruntiera għal skopijiet ta' xogħol, biex ifornu u jirċievu servizzi jew biex iżuru lill-ħbieb jew lill-familjari; jisħaq fuq l-effett detrimentali li kellu l-għeluq tal-fruntieri interni u esterni fuq in-negozju internazzjonali kif ukoll is-setturi tax-xjenza u tat-turiżmu; jisħaq fuq il-fatt li minflok ma jintroduċu kontrolli fil-fruntieri, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jippermettu lill-persuni jaqsmu l-fruntieri, filwaqt li jiżguraw l-ogħla sikurezza u jħarsu s-saħħa;

4.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati r-regoli tal-acquis ta' Schengen billi jiġu kkoordinati aħjar il-miżuri fiż-żona Schengen u b'mod partikolari fir-reġjuni transfruntiera, u biex jiġi evitat li l-Istati Membri kollha jkollhom approċċ frammentat; jenfasizza li l-miżuri restrittivi fir-rigward tal-moviment liberu għandhom jibqgħu eċċezzjoni; jisħaq fuq il-fatt li r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu għandhom jiġu sostitwiti b'miżuri mmirati f'konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-nondiskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimmoderaw ir-restrizzjonijiet tagħhom; ifakkar fl-importanza li terġa' tkun stabbilita żona Schengen li tiffunzjona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni;

5.  Jinnota li ż-żoni l-aktar milquta mill-pandemija mhux dejjem jikkoinċidu mal-fruntieri nazzjonali, u huwa għalhekk li l-limitazzjonijiet tal-moviment għandhom ikunu bbażati fuq is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika fid-diversi reġjuni u għandhom ikunu flessibbli u lokali;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jappoġġaw azzjoni kontinwa u kkoordinata tal-UE biex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika filwaqt li jirrispettaw il-libertà tal-moviment; jappella lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu u jimplimentaw b'mod sħiħ il-miżuri għal koordinament ġenerali abbażi tal-aqwa xjenza disponibbli, b'mod partikolari fir-rigward tar-regolamenti ta' kwarantina, it-traċċar tal-kuntatti transfruntiera, l-istrateġiji tal-ittestjar, il-valutazzjoni konġunta tal-metodi tal-ittestjar, ir-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet u r-restrizzjonijiet temporanju fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. jemmen li għandhom jintużaw miżuri komprensivi, adegwati u ċari fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika għall-persuni li jaqsmu l-fruntieri interni sabiex tiġi evitata l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-gwida kontinwa min-naħa tal-Kummissjoni bħala parti mill-koordinament li għaddej bħalissa ta' risposta komuni tal-UE għat-tifqigħa tal-COVID-19, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni, u l-eżerċizzju tal-moviment liberu u ġust tal-ħaddiema u tas-servizzi;

8.  Jappella lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb u tappoġġa l-kooperazzjoni u l-koordinament mal-UE kollha fost l-Istati Membri u magħhom matul il-pandemija;

9.  Iqis li għodod bħal applikazzjonijiet għat-traċċar tal-COVID-19 għandhom ikunu kompatibbli bejn il-fruntieri biex ikun żgurata li jkunu effikaċi u jagħmluha possibbli li jsir traċċar tal-infezzjonijiet waqt l-ivvjaġġar; jissottolinja li r-residenti tal-UE għandu jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni affidabbli, komprensiva u f'ħin reali dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri ta' saħħa u sikurezza relatati mal-pandemija fl-Ewropa kollha; itenni l-importanza tal-komunikazzjoni multilingwi dwar il-pandemija b'attenzjoni partikolari għal-lingwi użati fir-reġjuni transfruntiera; jappella lill-Kummissjoni taġġorna konsegwentement is-sit web "Re-open EU" sabiex toħloq punt uniku ta' kuntatt reali li jiffaċilita l-moviment liberu matul il-pandemija u jgħin lir-residenti b'mod sinifikanti jerġgħu jadottaw l-istil ta' ħajja abitwali tagħhom;

10.  Jesprimi tħassib dwar il-bosta ostakli li jiltaqgħu magħhom ħafna ħaddiema transfruntiera, studenti u koppji binazzjonali f'relazzjonijiet stabbli minħabba l-għeluq tal-fruntieri jew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni transfruntiera fejn l-ivvjaġġar transfruntier mid-dar għax-xogħol u viċiversa huwa komuni; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li l-persuni li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera u l-ħaddiema transfruntiera għandhom jiġu eżentati mill-miżuri u mir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija, filwaqt li jkunu meħtieġa jirrispettaw il-pariri u l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri rilevanti sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-virus;

11.  Iqis li huwa importanti ferm li ż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona b'mod sħiħ, u jiddependi kemm mir-rieda politika tal-Istati Membri kif ukoll mill-impenn tagħhom li jikkoordinaw il-miżuri skont l-acquis ta' Schengen; ifakkar li għandha tiġi evitata kwalunkwe azzjoni mhux ikkoordinata u bilaterali li tista' twassal għal restrizzjonijiet bla bżonn fuq il-mobilità u l-moviment liberu; jinnota li strateġija dwar il-futur ta' Schengen hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni għall-2021; ifakkar li t-tlestija taż-żona Schengen hija iżjed minn mixtieqa inkwantu tiżgura li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod indaqs mill-acquis tal-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħejju, mill-aktar fis possibbli, pjanijiet ta' kontinġenza fl-eventwalità li t-tixrid tal-COVID-19 jilħaq qċaċet ulterjuri, sabiex jiġi evitat li l-kontrolli fil-fruntieri jsiru semipermanenti fit-terminu medju;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 340, 10.11.1997, p. 93.
(2) ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0175.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0176.
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0240.
(7) ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Frar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza