Swieq fi strumenti finanzjarji: emenda tar-rekwiżiti ta' informazzjoni, tar-rekwiżiti tal-governanza tal-prodotti u tal-limiti ta' pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 ***I
Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fil-25 ta' Novembru 2020 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni, il-governanza tal-prodotti u l-limiti ta' pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0280 – C9-0210/2020 – 2020/0152(COD))(1)
* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni, il-governanza tal-prodotti u l-limiti ta' pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Il-pandemija tal-COVID-19 qed taffettwa b'mod sever lin-nies, lill-kumpaniji, lis-sistemi tas-saħħa u lill-ekonomiji u lis-sistemi finanzjarji tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta' Mejju 2020, bl-isem "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss"(1), enfasizzat li l-likwidità u l-aċċess għal finanzjament jibqgħu diffiċli fix-xhur li ġejjin. Għaldaqstant, huwa kruċjali li jiġi appoġġat l-irkupru mix-xokk ekonomiku sever ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, bit-tnaqqis tal-burokrazija permezz tal-introduzzjoni ta' emendi mmirati limitati għal-leġiżlazzjoni finanzjarja eżistenti. Għalhekk jenħtieġ li l-għan ġenerali tal-emendi jkun it-tneħħija tal-burokrazija żejda u l-istabbiliment ta' eżenzjonijiet temporanji li jitqiesu effettivi sabiex jiġi mmitigat it-taqlib ekonomiku. L-emendi jenħtieġ li jevitaw tibdil li jirriżulta f'aktar piżijiet fuq is-settur u jħallu l-kwistjonijiet leġiżlattivi kumplessi biex jiġu solvuti fir-rieżami ppjanat tal-MIFID II. Dan il-pakkett ta' miżuri huwa adottat taħt it-tikketta "Pakkett għall-Irkupru tas-Swieq Kapitali".
(2) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji ġiet adottata fl-2014 b'rispons għall-kriżi finanzjarja li żviluppat fl-2007-2008. Din id-Direttiva saħħet b'mod sostanzjali s-sistema finanzjarja fl-Unjoni u tat garanzija ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-investituri fl-Unjoni kollha. Jistgħu jitqiesu sforzi addizzjonali biex jitnaqqsu l-kumplessità regolatorja u l-kostijiet tal-konformità tad-ditti tal-investiment u biex jiġu eliminati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, dment li l-protezzjoni tal-investituri titqies b'mod suffiċjenti fl-istess ħin.
(3) Fir-rigward tar-rekwiżiti li kienu maħsuba biex jipproteġu lill-investituri, id-Direttiva 2014/65/UE ma kisbitx għalkollox l-objettiv tagħha li tadatta l-miżuri li jieħdu biżżejjed kont tal-partikolaritajiet ta' kull kategorija ta' investituri (klijenti konsumaturi, klijenti professjonali u kontropartijiet eliġibbli). Uħud minn dawk ir-rekwiżiti mhux dejjem saħħew il-protezzjoni tal-investituri iżda xi drabi pjuttost fixklu l-eżekuzzjoni bla xkiel ta' deċiżjonijiet ta' investiment. Biex tissaħħaħ aħjar il-protezzjoni tal-investituri, huwa ta' importanza kritika li l-livell ta' dejn tal-investituri fil-livell tal-konsumatur jitqies fil-valutazzjoni tal-adegwatezza, b'mod partikolari minħabba l-livell dejjem jiżdied ta' dejn tal-konsumatur minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, ċerti rekwiżiti fid-Direttiva 2014/65/UE jistgħu jiġu emendati biex jiġi faċilitat il-provvediment ta' servizzi ta' investiment u t-twettiq ta' attivitajiet tal-investiment dment li l-emendar isir b'mod ibbilanċjat li jipproteġi għalkollox lill-investituri.
(4) Ir-rekwiżiti ta' governanza tal-prodotti jistgħu jillimitaw il-bejgħ ta' bonds maħruġa minn kumpaniji. Il-bonds maħruġa minn kumpaniji bi "klawżola make-whole" huma ġeneralment meqjusa prodotti sikuri u sempliċi li huma eliġibbli għall-klijenti konsumaturi. "Klawżola make-whole" bħal din tipproteġi lill-investituri kontra t-telf fil-każ li emittent jagħżel ripagament bikri, billi tiżgura li l-investituri jingħataw pagament ugwali għall-valur preżenti nett tal-kupuni li kienu jirċievu kieku l-bond ma ġiex rimborżat. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta' governanza tal-prodotti ma jibqgħux japplikaw għall-bonds maħruġa minn kumpaniji bi "klawżoli make-whole" bħal dawn.
(5) Is-sejħa għal evidenza, imnedija mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA), dwar l-impatt ta' inċentivi u tar-rekwiżiti ta' divulgazzjoni tal-ispejjeż u tal-imposti skont id-Direttiva 2014/65/UE u l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni t-tnejn li huma kkonfermaw li l-klijenti professjonali u l-kontropartijiet eliġibbli ma għandhomx bżonn informazzjoni standardizzata u obbligatorja dwar l-ispejjeż, billi diġà jirċievu l-informazzjoni meħtieġa meta jinnegozjaw mal-fornitur tas-servizz tagħhom. Din l-informazzjoni hija mfassla skont il-ħtiġijiet tagħhom u ta' spiss tkun aktar dettaljata. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kontropartijiet eliġibbli u l-klijenti professjonali jiġu eżentati minn dawn ir-rekwiżiti ta' żvelar tal-kostijiet u tat-tariffi, ħlief fir-rigward tas-servizzi ta' konsulenza dwar l-investiment u ta' ġestjoni tal-portafoll għax il-klijenti professjonali li jidħlu f'relazzjonijiet ta' ġestjoni tal-portafoll jew ta' konsulenza dwar l-investiment mhux bilfors ikollhom kwalifiki jew għarfien suffiċjenti biex jiġu eżentati mill-iżvelar tal-kostijiet u tat-tariffi.
(6) Id-ditti tal-investiment bħalissa huma meħtieġa jwettqu analiżi kost-benefiċċji ta' ċerti attivitajiet tal-portafoll f'każ ta' relazzjonijiet kontinwi mal-klijenti tagħhom li fihom l-istrumenti finanzjarji jiġu soġġetti għal bidliet. Id-ditti tal-investiment huma b'hekk meħtieġa jiksbu l-informazzjoni meħtieġa mill-klijent u jkunu jistgħu juru li l-benefiċċji tat-tali tibdil huma superjuri għall-kostijiet. Billi din il-proċedura hija ta' piż żejjed għal klijenti professjonali, li għandhom it-tendenza li jaqilbu fuq bażi frekwenti, jenħtieġ li dawn jiġu eżentati minn dan ir-rekwiżit, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà ta' inklużjoni fakultattiva. Billi l-klijenti mhux professjonali għandhom bżonn livell għoli ta' protezzjoni, jenħtieġ li din l-opzjoni tkun limitata għall-klijenti professjonali.
(7) Il-klijenti b'relazzjoni kontinwa ma' ditta tal-investiment jirċievu rapporti obbligatorji tas-servizz, jew perjodikament jew wara attivazzjoni. La d-ditti tal-investiment u lanqas il-klijenti professjonali ma jqisu dawn ir-rapporti tas-servizz utli. Irriżulta li dawn ir-rapporti huma partikolarment inutli għall-klijenti professjonali fi swieq volatili ħafna, billi dawn ir-rapporti jiġu pprovduti bi frekwenza għolja u għadd kbir. Il-klijenti professjonali ta' spiss jirreaġixxu għal dawn ir-rapporti tas-servizz billi ma jaqrawhomx jew billi jieħdu deċiżjonijiet tal-investiment malajr aktar milli jkomplu bi strateġija tal-investiment ta' terminu twil. Għalhekk jenħtieġ li l-kontropartijiet eliġibbli ma jibqgħux jirċievu dawn ir-rapporti tas-servizz. Madankollu, jenħtieġ li l-klijenti professjonali jkollhom il-possibbiltà li jirċievu r-rapporti tas-servizz.
(8) Id-Direttiva 2014/65/UE introduċiet rekwiżiti ta' rappurtar dwar kif l-ordnijiet kienu eżegwiti bl-aktar termini favorevoli għall-klijent. Dawn ir-rapporti tekniċi fihom ammonti kbar ta' informazzjoni kwantitattiva dettaljata dwar il-post ta' eżekuzzjoni, l-istrument finanzjarju, il-prezz, il-kostijiet u l-probabbiltà tal-eżekuzzjoni. Dawn rari jinqraw mill-investituri, kif jixhed l-għadd baxx ħafna ta' downloads mis-siti web tad-ditti tal-investiment. Billi dawn ma jippermettux lill-investituri jagħmlu paragun sinifikanti fuq il-bażi ta' din id-data, jenħtieġ li l-pubblikazzjoni ta' dawn ir-rapporti tiġi temporanjament sospiża.
(9) Sabiex tiġi faċilitata l-komunikazzjoni bejn id-ditti tal-investiment u l-klijenti tagħhom, u b'hekk jiġi faċilitat il-proċess tal-investiment innifsu, jenħtieġ li l-informazzjoni tal-investiment ma tibqax tiġi pprovduta f'forma stampata iżda, bħala għażla prestabbilita, tiġi pprovduta elettronikament. Madankollu, jenħtieġ li l-klijenti konsumaturi jkunu jistgħu jitolbu li l-informazzjoni tibqa' tiġi pprovduta f'forma stampata.
(9a) Il-Kummissjoni jenħtieġ li tressaq rapport dwar l-impatt tal-applikazzjoni tal-limiti ta' pożizzjoni u l-ġestjoni tal-pożizzjonijiet fuq il-likwidità, l-abbuż tas-suq u l-kundizzjonijiet xierqa ta' pprezzar u saldu fis-swieq tad-derivattivi tal-komoditajiet, kif previst f'din id-Direttiva. Valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza tar-reġim tad-derivattivi tal-komoditajiet u l-konsultazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati huma essenzjali meta tiġi rieżaminata s-sustanza ta' dawk id-dispożizzjonijiet, li ġew adottati b'reazzjoni għall-ftehimiet tas-summits tal-G20 ta' Pittsburgh fl-2009 u ta' Cannes fl-2011 biex jittejbu r-regolamentazzjoni, il-funzjonament u t-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi tal-komoditajiet u biex tiġi indirizzata l-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet. [Em. 2]
(10) Id-Direttiva 2014/65/UE tippermetti lill-persuni li jinnegozjaw f'derivattivi ta' komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi fuq kwoti tal-emissjonijiet fuq bażi professjonali biex jużaw eżenzjoni mill-awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment meta l-attività tan-negozjar tagħhom tkun anċillari għan-negozju ewlieni tagħhom. Il-persuni li japplikaw għat-test tal-attività anċillari huma meħtieġa li kull sena jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti rilevanti li se jagħmlu użu minn dik il-possibbiltà u jipprovdu l-elementi neċessarji biex jissodisfaw iż-żewġ testijiet kwantitattivi li jiddeterminaw jekk l-attività tan-negozjar hijiex anċillari għan-negozju ewlieni. L-ewwel test iqabbel id-daqs tal-attività tan-negozjar spekulattiv ta' entità mal-attività totali tan-negozjar fl-Unjoni fuq il-bażi ta' klassi tal-assi. It-tieni test iqabbel id-daqs tal-attività tan-negozjar spekulattiv, bl-inklużjoni tal-klassijiet tal-assi kollha, mal-attività totali tan-negozjar fi strumenti finanzjarji mill-entità fil-livell tal-grupp. Teżisti forma alternattiva tat-tieni test, li tikkonsisti fit-tqabbil tal-kapital stmat użat għall-attività tan-negozjar spekulattiv mal-ammont attwali ta' kapital użat fil-livell tal-grupp għan-negozju ewlieni. Dawn it-testijiet kwantitattivi jenħtieġ li jibqgħu r-regola bażika għall-eżenzjoni tal-attività anċillari. Bħala alternattiva, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jistgħu jkunu awtorizzati li jiddependu fuq elementi kwalitattivi, soġġett għal kundizzjonijiet definiti b'mod ċar. L-ESMA jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tipprovdi gwida dwar iċ-ċirkostanzi li taħthom l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu japplikaw approċċ kwalitattiv, kif ukoll li tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji kwalitattivi. Il-persuni li huma eliġibbli għall-eżenzjoni, inkluż il-ġeneraturi tas-suq, qed jinnegozjaw akkont tagħhom infushom jew jipprovdu servizzi ta' investiment minbarra li jinnegozjaw akkont tagħhom infushom, lil klijenti jew fornituri tan-negozju ewlieni tagħhom. L-eżenzjoni tkun disponibbli għaż-żewġ każijiet individwalment u fuq bażi aggregata meta din tkun attività anċillari, meta meqjusa fuq bażi ta' grupp. Jenħtieġ li din l-eżenzjoni ma tkunx disponibbli għal persuni li japplikaw teknika tan-negozjar algoritmiku bi frekwenza għolja jew li jkunu parti minn grupp li n-negozju prinċipali tiegħu huwa l-provvediment ta' servizzi ta' investiment, jew attivitajiet bankarji, jew li jaġixxi bħala ġeneratur tas-suq fir-rigward ta' derivattivi ta' komoditajiet. ▌
(11) Fil-preżent, l-awtoritajiet kompetenti jridu jistabbilixxu u japplikaw limiti ta' pożizzjoni fuq id-daqs ta' pożizzjoni netta li persuna tista' żżomm f'kull waqt f'derivattivi ta' komoditajiet innegozjati f'postijiet tan-negozjar u f'kuntratti barra l-borża li huma ekonomikament ekwivalenti (EEOTC, economically equivalent Over-The-Counter) deżinjati mill-Kummissjoni. Billi r-reġim tal-limitu ta' pożizzjoni wera li ma kienx favorevoli għall-iżvilupp ta' swieq ġodda tal-komoditajiet, jenħtieġ li s-swieq ġodda tal-komoditajiet jiġu esklużi mir-reġim tal-limitu ta' pożizzjoni. Minflok, jenħtieġ li l-limiti ta' pożizzjoni japplikaw biss għal dawk id-derivattivi ta' komoditajiet li huma meqjusa sinifikanti jew derivattivi kritiċi ta' komoditajiet u l-kuntratti EEOTC tagħhom. Id-derivattivi sinifikanti jew kritiċi huma derivattivi ta' komoditajiet tal-enerġija ta' interess miftuħ ta' mill-inqas 300 000 lott fuq perjodu ta' sena. Minħabba l-importanza kritika tagħhom għaċ-ċittadini, il-komoditajiet agrikoli li għandhom titolu sottostanti li huwa għall-konsum uman, u l-kuntratti EEOTC tagħhom, se jibqgħu taħt ir-reġim attwali tal-limitu ta' pożizzjoni. Jenħtieġ li l-ESMA tingħata l-mandat li tiżviluppa abbozz ta' standards regolatorji għad-definizzjoni ta' komoditajiet agrikoli b'titolu sottostanti għall-konsum uman soġġett għal limiti ta' pożizzjoni u derivattivi kritiċi jew sinifikanti soġġetti għal limiti ta' pożizzjoni. Għad-derivattivi sinifikanti u kritiċi, jenħtieġ li l-ESMA tqis l-interess miftuħ ta' 300 000 lott fuq perjodu ta' sena, l-għadd ta' parteċipanti fis-suq u l-komodità sottostanti.
(12) Id-Direttiva 2014/65/UE ma tippermettix eżenzjonijiet għall-hedging għall-ebda entità finanzjarja. Diversi gruppi predominantement kummerċjali li stabbilew entità finanzjarja għall-iskopijiet tan-negozjar tagħhom sabu lilhom infushom f'sitwazzjoni fejn l-entità finanzjarja tagħhom ma setgħetx twettaq in-negozjar kollu għall-grupp, billi l-entità finanzjarja ma kinitx eliġibbli għal eżenzjoni għall-hedging. Għaldaqstant, jenħtieġ li tiġi introdotta eżenzjoni għall-hedging iddefinita b'mod strett għall-kontropartijiet finanzjarji. Din l-eżenzjoni għall-hedging jenħtieġ li tkun disponibbli fejn, fi grupp predominantement kummerċjali, persuna tkun ġiet irreġistrata bħala ditta tal-investiment u tinnegozja f'isem il-grupp kummerċjali. Sabiex din l-eżenzjoni għall-hedging tiġi limitata biss għal dawk l-entitajiet finanzjarji li jinnegozjaw għall-entitajiet mhux finanzjarji fil-grupp predominantement kummerċjali, jenħtieġ li l-eżenzjoni għall-hedging tkun tapplika għal dawk il-pożizzjonijiet miżmuma minn dik l-entità finanzjarja li jistgħu jitkejlu oġġettivament bħala li qed inaqqsu r-riskji direttament marbuta mal-attivitajiet kummerċjali tal-entitajiet mhux finanzjarji tal-grupp.
(13) Anki f'kuntratti likwidi, tipikament għadd limitat biss ta' parteċipanti fis-suq jaġixxu bħala ġeneraturi tas-suq fis-swieq tal-komoditajiet. Meta dawn il-parteċipanti fis-suq ikollhom japplikaw limiti ta' pożizzjoni, ma jistgħux ikunu effettivi daqs il-ġeneraturi tas-suq. Għaldaqstant, jenħtieġ li tiġi introdotta eżenzjoni għal-limitu ta' pożizzjoni għall-kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għal pożizzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jkunu saru biex jissodisfaw il-provvedimenti mandatorji tal-likwidità.
(13a) Il-bidliet fir-reġim tal-limitu ta' pożizzjoni huma mfassla biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' kuntratti ġodda tal-enerġija, b'mod partikolari fis-suq tal-elettriku, u ma jfittxux li jirrilassaw ir-reġim għall-kuntratti tal-komoditajiet agrikoli.
(14) Ir-reġim attwali tal-limitu ta' pożizzjoni ma jirrikonoxxix il-karatteristiċi uniċi tad-derivattivi titolizzati. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-derivattivi titolizzati jiġu esklużi mir-reġim tal-limitu ta' pożizzjoni.
(15) Sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/65/UE, ma ġewx identifikati kuntratti tad-derivattivi ta' komoditajiet li kienu l-istess. Minħabba l-kunċett ta' "l-istess kuntratt" fid-Direttiva, il-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-limiti tax-xhur l-oħra hija detrimentali għaċ-ċentru b'suq inqas likwidu meta ċ-ċentri tan-negozjar jikkompetu fuq derivattivi tal-komoditajiet fuq il-bażi tal-istess titolu sottostanti u bl-istess karatteristiċi. Għalhekk, jenħtieġ li r-referenza għal "l-istess kuntratt" fid-Direttiva 2014/65/UE titħassar. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaqblu li d-derivattivi tal-komoditajiet innegozjati fiċ-ċentri tan-negozjar rispettivi tagħhom huma bbażati fuq l-istess titolu sottostanti u jkollhom l-istess karatteristiċi, f'liema każ ix-xenarju bażi għal-limitu tax-xhur l-oħra fis-suq l-iktar likwidu għal dak id-derivattiv tal-komoditajiet jista' jintuża bħala l-limitu tax-xenarju bażi għall-istabbiliment tal-limitu ta' pożizzjoni tax-xhur l-oħra għall-kuntratti f'kompetizzjoni nnegozjati fiċ-ċentri inqas likwidi.
(16) Hemm differenzi sinifikanti fil-mod li bih iċ-ċentri tan-negozjar jimmaniġġaw il-pożizzjonijiet fl-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet jissaħħu fejn meħtieġ.
(17) Sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ulterjuri tas-swieq tal-komoditajiet tal-UE denominati f'euro, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta' liema derivattivi tal-komoditajiet agrikoli jenħtieġ li jiġu soġġetti għal limiti ta' pożizzjoni u liema derivattivi kritiċi jew sinifikanti jenħtieġ li jiġu soġġetti għal limiti ta' pożizzjoni, fir-rigward ta' proċedura li jistgħu japplikaw għaliha persuni għal eżenzjoni għall-hedging għal pożizzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet imwettqa biex jiġu ssodisfati provvedimenti mandatorji tal-likwidità, fir-rigward ta' proċedura li jistgħu japplikaw għaliha entitajiet finanzjarji li huma parti minn grupp predominantement kummerċjali għal eżenzjoni għall-hedging għal pożizzjonijiet miżmuma minn dik l-entità finanzjarja li oġġettivament jistgħu jitkejlu bħala li jnaqqsu r-riskji marbuta direttament mal-attivitajiet kummerċjali ta' entitajiet mhux finanzjarji tal-grupp, fir-rigward tal-kjarifika tal-kontenut tal-kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(3). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.
(18) L-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) hija l-politika ewlenija tal-Unjoni għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew. In-negozjar bi kwoti tal-emissjonijiet u bid-derivattivi tagħhom huwa soġġett għad-Direttiva 2014/65/UE u għar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u jirrappreżenta element importanti tas-suq tal-karbonju tal-Unjoni. L-eżenzjoni tal-attività anċillari skont id-Direttiva 2014/65/UE tippermetti li ċerti parteċipanti fis-suq ikunu attivi fis-swieq tal-kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ma jkollhom għalfejn jiġu awtorizzati bħala ditti tal-investiment, dment li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Minħabba l-importanza ta' swieq finanzjarji ordnati, regolati sew u soġġetti għal superviżjoni, ir-rwol sinifikanti tal-ETS fil-ksib tal-objettivi tas-sostenibbiltà tal-Unjoni, u r-rwol li għandu suq sekondarju fil-kwoti tal-emissjonijiet li jiffunzjona sew insostenn tal-funzjonament tal-ETS, huwa essenzjali li l-eżenzjoni tal-attività anċillari titfassal b'mod xieraq biex tikkontribwixxi għal dawk l-objettivi. Dan huwa partikolarment rilevanti fejn in-negozjar bi kwoti tal-emissjonijiet isir f'ċentri tan-negozjar ta' pajjiżi terzi. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, u biex jiġi żgurat li l-ETS tibqa' tiffunzjona b'mod trasparenti u robust biex jiġi żgurat tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja l-iżvilupp ulterjuri tan-negozjar bi kwoti tal-emissjonijiet u bid-derivattivi tagħhom fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi, tivvaluta l-impatt tal-eżenzjoni tal-attività anċillari fuq l-ETS u, fejn meħtieġ, tipproponi kwalunkwe emenda xierqa fir-rigward tal-ambitu u tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-attività anċillari.
(19) Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/65/UE tiġi emendata skont dan.
(20) L-objettivi fil-mira ta' din l-emenda għandhom l-għan li jissupplimentaw il-leġiżlazzjoni diġà eżistenti tal-Unjoni u, għalhekk, jistgħu jinkisbu l-aħjar fil-livell tal-Unjoni milli minn inizjattivi nazzjonali differenti. Is-swieq finanzjarji min-natura tagħhom stess jaqsmu l-fruntieri, u kulma jmur aktar qed jagħmlu dan. Minħabba din l-integrazzjoni, l-interventi iżolati fil-livell nazzjonali jkunu ferm inqas effiċjenti u jwasslu għall-frammentazzjoni tas-swieq, u jirriżultaw f'arbitraġġ regolatorju u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.
(20a) Billi l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tirfina l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni sabiex tiżgura rekwiżiti uniformi u xierqa li japplikaw għad-ditti tal-investiment madwar l-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-objettivi.
(21) F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni(4), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, f'każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata.
(21a) L-għan tal-emendi jenħtieġ li jkun li jsiru eċċezzjonijiet temporanji u titneħħa burokrazija ċara sabiex tiġi mmitigata l-kriżi ekonomika; jenħtieġ għalhekk li l-emendi jevitaw il-ftuħ ta' kwistjonijiet aktar kumplessi tal-leġiżlazzjoni li jista' jwassal għar-riskju li jkun hemm aktar piżijiet għas-settur. Tibdil akbar għal-leġiżlazzjoni jenħtieġ li l-ewwel ikun ivvalutat mill-ġdid fir-rieżami ppjanat tal-MiFID II.
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2014/65/UE
Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:
(1) L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafu 1, il-punt (j) huwa sostitwit b'dan li ġej"
"(j) il-persuni:
(i)
li jinnegozjaw f'isimhom stess, inklużi ġeneraturi tas-suq, f'derivattivi tal-komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew fid-derivattivi tagħhom, minbarra l-persuni li jinnegozjaw f'isimhom stess meta jwettqu l-ordnijiet tal-klijenti; jew
(ii)
li jipprovdu servizzi ta' investiment, għajr in-negozjar f'isimhom stess, fid-derivattivi tal-komoditajiet jew fil-kwoti tal-emissjonijiet jew fid-derivattivi tagħhom lill-klijenti jew fornituri tan-negozju ewlieni tagħhom;
sakemm:
–
għal kull wieħed minn dawk il-każijiet b'mod individwali u fuq bażi aggregata, l-attività tkun anċillari għan-negozju ewlieni tagħhom, meta kkunsidrata fuq il-bażi ta' grupp;
–
dawn il-persuni ma jkunux parti minn grupp li n-negozju ewlieni tiegħu jkun il-provvediment ta' servizzi ta' investiment fis-sens ta' din id-Direttiva, it-twettiq ta' kwalunkwe attività elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE, jew li jaġixxi bħala ġeneratur tas-suq għad-derivattivi tal-komoditajiet;
–
dawk il-persuni ma japplikawx teknika ta' negozjar algoritmiku ta' frekwenza għolja;
–
b'talba dawn il-persuni jirrapportaw lill-awtorità kompetenti l-bażi li fuqha vvalutaw li l-attività tagħhom skont il-punti (i) u (ii) hija anċillari għan-negozju ewlieni tagħhom.";
"
(b) il-paragrafu 4 jitħassar; [Em. 6]
(ba) jiżdied il-paragrafu li ġej:"
"(4a) B'deroga mill-paragrafu 4, ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw kriterji kwalitattivi fir-rigward tal-eżenzjonijiet speċifikati fil-punt (j) tal-paragrafu 1.
L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tipprovdi gwida rigward il-kriterji kwalitattivi li jistgħu jintużaw biex jiġi vvalutat jekk l-eżenzjonijiet speċifikati fil-punt (j) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu japplikawx.
L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2021.
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010."
"
(2) L-Artikolu 4(1) huwa emendat kif ġej:
(a) jiddaħħal il-punt (8a) li ġej:"
"(8a) "il-bdil ta' strumenti finanzjarji'" tfisser il-bejgħ ta' strument finanzjarju u x-xiri ta' strument finanzjarju ieħor jew l-eżerċitar ta' dritt li jsir tibdil fir-rigward ta' strument finanzjarju eżistenti;";
"
(b) jiddaħħal il-punt (50a) li ġej:"
"(50a) "bonds maħruġin minn kumpaniji bi klawżola make-whole" tfisser bonds maħruġa minn kumpanija bi klawżola li tobbliga lill-emittent f'każ ta' ripagament bikri biex irodd lura lill-investitur l-ammont prinċipali tal-bond u l-valur preżenti nett tal-kupuni li l-investitur kien jirċievi kieku l-bond ma ġiex rimborżat;";
"
(c) jiddaħħal il-punt (62a) li ġej:"
"(62a) "format elettroniku" tfisser kwalunkwe mezz durabbli ieħor għajr il-karta;
"
(3) Fl-Artikolu 16(3), jiżdied dan is-subparagrafu li ġej:"
"Ir-rekwiżiti stipulati fit-tieni sal-ħames subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw għal bonds maħruġa minn kumpanija bi klawżoli make-whole.";
"
(4) L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafu 2 għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:"
"Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-bonds maħruġa minn kumpaniji bi klawżoli make-whole.";
"
(b) fil-paragrafu 4 jiżdied is-subparagrafu li ġej:"
"Fil-każ li l-ftehim għax-xiri jew il-bejgħ ta' strument finanzjarju jiġi konkluż permezz ta' mezzi għall-komunikazzjoni mill-bogħod, li jipprevjenu t-twassil minn qabel ta' informazzjoni dwar il-kostijiet u t-tariffi, id-ditta tal-investiment tista' tipprovdi din l-informazzjoni dwar il-kostijiet u t-tariffi ▌mingħajr dewmien żejjed wara l-konklużjoni tat-tranżazzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(i)
id-ditta tal-investiment tkun tat lill-klijent l-għażla li jkun hemm dewmien fil-konklużjoni tat-tranżazzjoni sakemm il-klijent ikun irċieva l-informazzjoni;
(ii)
il-klijent ikun qabel li jirċievi l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed wara l-konklużjoni tat-tranżazzjoni.
Id-ditta tal-investiment għandha toffri lill-klijent il-possibbiltà li jirċievi din l-informazzjoni fuq it-telefon qabel il-konklużjoni tat-tranżazzjoni.";
"
(c) jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:"
"5a. Id-ditti tal-investiment għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa minn din id-Direttiva lill-klijenti jew lill-klijenti potenzjali f'format elettroniku, ħlief jekk il-klijent jew il-klijent potenzjali jkun klijent konsumatur jew klijent konsumatur potenzjali li jkun talab li jirċievi l-informazzjoni fuq karta, f'liema każ l-informazzjoni għandha tingħata fuq karta u mingħajr ħlas.
Id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijenti konsumaturi jew lill-klijenti konsumaturi potenzjali li għandhom l-għażla li jirċievu l-informazzjoni fuq karta.
Id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijenti konsumaturi eżistenti li kienu jirċievu l-informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva fuq karta dwar il-fatt li se jirċievu dik l-informazzjoni f'forma elettronika mill-inqas tmien ġimgħat qabel l-informazzjoni tintbagħat f'forma elettronika. Id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijenti konsumaturi eżistenti li għandhom l-għażla li jew ikomplu jirċievu l-informazzjoni fuq karta jew li jibdew jirċievu l-informazzjoni f'forma elettronika. Id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijenti konsumaturi wkoll li se jsir il-bdil awtomatiku għall-forma elettronika jekk dawn ma jagħmlux talba biex ikomplu jirċievu l-informazzjoni fuq karta fil-perjodu ta' tmien ġimgħat. Mhuwiex meħtieġ li l-klijenti konsumaturi eżistenti li diġà jirċievu l-informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva f'format elettroniku jiġu infurmati.
"
(ca) jiddaħħal il-paragrafu 9a li ġej: "
"9a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment ikunu jistgħu jħallsu għall-provvista ta' servizzi ta' eżekuzzjoni u l-provvista ta' riċerka dwar l-investiment b'mod konġunt, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)
qabel ma jkunu ġew ipprovduti s-servizzi ta' eżekuzzjoni jew ta' riċerka dwar l-investiment, ikun sar ftehim bejn id-ditta tal-investiment u l-fornitur tar-riċerka, li jidentifika liema parti tal-pagament konġunt hija attribwibbli għar-riċerka dwar l-investiment;
(b)
id-ditta tal-investiment tinforma lill-klijent tagħha dwar il-pagamenti konġunti;
(c)
is-servizzi ta' eżekuzzjoni li għalihom isir il-pagament konġunt huma esklużivament fir-rigward tal-emittenti li ma jaqbżux kapitalizzazzjoni tas-suq ta' EUR 1 biljun matul il-perjodu ta' 36 xahar qabel il-forniment tar-riċerka dwar l-investiment.
Għall-fini ta' dan l-Artikolu, ir-riċerka dwar l-investiment għandha tinftiehem bħala li tkopri servizzi jew materjal ta' riċerka li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew aktar jew assi oħra, jew l-emittenti jew l-emittenti potenzjali ta' strumenti finanzjarji, jew bħala li tkopri servizzi jew materjal ta' riċerka b'rabta mill-qrib ma' industrija speċifika jew suq speċifiku b'tali mod li tikkontribwixxi biex tinforma l-opinjonijiet dwar l-istrumenti finanzjarji, l-assi jew l-emittenti f'dik l-industrija jew f'dak is-suq.
Ir-riċerka dwar l-investiment għandha tinkludi wkoll servizzi jew materjal li b'mod espliċitu jew impliċitu jirrakkomandaw jew jissuġġerixxu strateġija ta' investiment u tifformula opinjoni sostanzjata dwar il-valur jew il-prezz preżenti jew futur ta' strumenti finanzjarji jew assi, jew inkella jkun fiha analiżi u għarfien oriġinali u tilħaq konklużjonijiet ibbażati fuq informazzjoni ġdida jew eżistenti li jistgħu jintużaw biex jinformaw dwar strateġija ta' investiment u tkun rilevanti u kapaċi żżid il-valur tad-deċiżjonijiet tad-ditta tal-investiment f'isem il-klijenti li qed iħallsu għal dik ir-riċerka.
"
(5) Fl-Artikolu 25(2), is-subparagrafu li ġej hu miżjud:"
"Meta jipprovdu konsulenza dwar l-investiment jew servizzi ta' ġestjoni tal-portafoll li jinvolvu l-bdil ta' strumenti finanzjarji, id-ditti tal-investiment għandhom janalizzaw l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-bdil tal-istrumenti finanzjarji. Meta jipprovdu konsulenza dwar l-investiment, id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijent jekk il-benefiċċji tat-tali bdil tal-istrumenti finanzjarji humiex ikbar mill-ispejjeż involuti fil-bdil.";
"
(5a) Fl-Artikolu 25(6), is-subparagrafu li ġej hu miżjud:"
"Dan il-paragrafu ma japplikax għal obbligi relatati mal-limitu ta' rapportar tat-telf skont l-Artikolu 25a ta' din id-Direttiva."
"
(5b) Fl-Artikolu 25(8), il-parti introduttorja hija emendata kif ġej:"
"8. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 li jiżguraw li d-ditti ta' investiment jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu meta jipprovdu servizzi ta' investiment jew servizzi anċillari lill-klijenti tagħhom, inkluż it-tagħrif li għandu jinkiseb meta jiġu vvalutati l-adattament u l-adegwatezza tas-servizzi u l-istrumenti finanzjarji għall-klijenti tagħhom, il-kriterji għall-valutazzjoni ta' strumenti finanzjarji mhux kumplessi għall-finijiet tal-punt (a)(vi) tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, il-kontenut u l-format tar-rekords u l-ftehimiet għall-għoti ta' servizzi lill-klijenti u rapporti perjodiċi lill-klijenti dwar is-servizzi pprovduti, iżda bl-esklużjoni tal-obbligi relatati mal-limiti tar-rapportar tat-telf stabbiliti fl-Artikolu 25a. Dawk l-atti delegati għandhom iqisu:"
"
(5c) Jiddaħħal l-Artikolu 25a li ġej: "
"Artikolu 25a
Limiti tar-rapportar tat-telf
(1)
Id-ditti tal-investiment li jipprovdu s-servizz ta' ġestjoni tal-portafoll għandhom jinformaw lill-klijent meta l-valur ġenerali tal-portafoll, kif evalwat fil-bidu ta' kull perjodu ta' rapportar, jiġi żvalutat b'10 % u wara dan f'multipli ta' 10 %, sa mhux aktar tard minn tmiem il-jum tax-xogħol li fih jinqabeż il-limitu jew, f'każ meta l-limitu jinqabeż f'jum li ma jkunx jum tax-xogħol, sa mhux aktar tard minn tmiem il-jum tax-xogħol sussegwenti.
(2)
Id-ditti tal-investiment li jkollhom kont ta' klijent konsumatur li jinkludi pożizzjonijiet fi strumenti finanzjarji b'effett ta' stimolu jew tranżazzjonijiet ta' obbligazzjoni kontinġenti għandhom jinformaw lill-klijent, meta l-valur inizjali ta' kwalunkwe strument jiġi żvalutat b'10 % u wara dan f'multipli ta' 10 %. Ir-rapportar skont dan il-paragrafu għandu jsir fuq bażi ta' strument, strument, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-klijent, u għandu jsir sa mhux aktar tard minn tmiem il-jum tax-xogħol li fih jinqabeż il-limitu jew, f'każ meta l-limitu jinqabeż f'jum li ma jkunx jum tax-xogħol, sa mhux aktar tard minn tmiem il-jum tax-xogħol sussegwenti."
"
(6) Fl-Artikolu 27(3), is-subparagrafu li ġej hu miżjud:"
"Madankollu, l-obbligu ta' rapportar stipulat f'dan il-paragrafu ma għandux japplika sa [data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja + sentejn].; il-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina mill-ġdid b'mod komprensiv l-adegwatezza tar-rekwiżiti ta' rapportar f'dan il-paragrafu u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa [data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja + sena];"
"
(6a) Fl-Artikolu 27(6) jiżdied is-subparagrafu li ġej:"
"Il-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina mill-ġdid b'mod komprensiv l-adegwatezza tar-rekwiżiti ta' rapportar f'dan il-paragrafu u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa [data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja + sena];"
"
(7) Jiddaħħal l-Artikolu 29a li ġej:"
"Artikolu 29a
Servizzi pprovduti lil klijenti professjonali
(1)
Ir-rekwiżiti stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 24(4) ma għandhomx japplikaw għal servizzi oħra pprovduti lill-klijenti professjonali għajr il-konsulenza dwar l-investiment u l-ġestjoni tal-portafoll. Ir-rekwiżiti stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 24(4) lanqas ma għandhom japplikaw għal kontropartijiet eliġibbli.
(2)
Ir-rekwiżiti stipulati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 25(2) u (6) ma għandhomx japplikaw għas-servizzi pprovduti lill-klijenti professjonali, sakemm dawk il-klijenti ma jinformawx lid-ditta tal-investiment bil-miktub li jixtiequ jibbenefikaw mid-drittijiet previsti f'dawn id-dispożizzjonijiet.
(3)
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment iżommu rekords tat-talbiet bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 2.";
"
(8) Fl-Artikolu 30, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"
"1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi d-ditti ta' investiment li jkunu awtorizzati jwettqu ordnijiet f'isem il-klijenti u/jew jinnegozjaw f'isimhom u/jew jirċievu u jittrażmettu l-ordnijiet, jistgħu jaslu għal tranżazzjonijiet ma' kontropartijiet eliġibbli jew jidħlu għalihom magħhom mingħajr ma jkunu obbligati jikkonformaw mal-obbligi skont l-Artikolu 24, ħlief għall-paragrafi 4 u 5, l-Artikolu 25, ħlief għall-paragrafu 6, l-Artikolu 27 u l-Artikolu 28(1) rigward dawn it-tranżazzjonijiet jew rigward kull servizz sekondarju li jkollu x'jaqsam direttament ma' dawn it-tranżazzjonijiet.
"
(9) L-Artikolu 57 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"
"1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, konformi mal-metodoloġija għall-kalkolu ddeterminata mill-ESMA fi standards tekniċi regolatorji adottati skont il-paragrafu 3, jistabbilixxu u japplikaw limiti ta' pożizzjoni fuq id-daqs ta' pożizzjoni netta li persuna jista' jkollha f'kull ħin f'derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u f'derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti li jiġu nnegozjati f'ċentri tan-negozjar u f'kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti. Il-limiti għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-pożizzjonijiet kollha li jkollha persuna u dawk miżmuma f'isimha fil-livell ta' grupp aggregat:
(a)
għall-prevenzjoni tal-abbuż tas-suq;
(b)
għas-sostenn ta' kundizzjonijiet xierqa ta' pprezzar u saldu, inkluż għall-prevenzjoni ta' pożizzjonijiet li joħolqu distorsjoni tas-suq u biex tiġi żgurata, b'mod partikolari, konverġenza bejn il-prezzijiet tad-derivattivi fix-xahar ta' twassil u prezzijiet spot għall-komodità sottostanti, mingħajr preġudizzju għall-identifikazzjoni tal-prezz fis-suq għall-komodità sottostanti.;
Il-limiti ta' pożizzjoni ma għandhomx japplikaw għal:
(a)
pożizzjonijiet miżmuma minn jew f'isem entità mhux finanzjarja u li jistgħu jitkejlu oġġettivament inkwantu jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali ta' dik l-entità mhux finanzjarja.;
(b)
pożizzjonijiet miżmuma minn, jew f'isem, entità finanzjarja li hija parti minn grupp mhux finanzjarju u li taġixxi f'isem dan il-grupp mhux finanzjarju u li jistgħu jitkejlu oġġettivament inkwantu jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali ta' dak il-grupp mhux finanzjarju;
(c)
pożizzjonijiet miżmuma minn kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għal pożizzjonijiet li oġġettivament jistgħu jitkejlu bħala li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jkunu saru biex jissodisfaw obbligi li tiġi pprovduta l-likwidità f'ċentru tan-negozjar, kif ipprovdut fil-punt (c) tar-raba' subparagrafu tal-Artikolu 2(4);
(d)
titoli kif imsemmija fil-punt (44)(c) tal-Artikolu 4(1) b'rabta ma' komodità jew titolu sottostanti msemmija fit-Taqsima C(10) tal-Anness I.";
L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina proċedura għall-entitajiet finanzjarji li huma parti minn grupp predominantement kummerċjali u li jistgħu japplikaw għal eżenzjoni għall-hedging għal pożizzjonijiet miżmuma minn dik l-entità finanzjarja li oġġettivament jistgħu jitkejlu inkwantu jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attivitajiet kummerċjali tal-entitajiet mhux finanzjarji tal-grupp. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina proċedura li tistabbilixxi kif il-persuni jistgħu japplikaw għal eżenzjoni għall-hedging għal pożizzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jkunu saru biex jissodisfaw obbligi li tiġi pprovduta l-likwidità f'ċentru tan-negozjar.
L-ESMA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa ... [disa' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010;.";
"
(b) il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:"
"3. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika d-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u d-derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti msemmija fil-paragrafu 1, u biex tiddetermina l-metodoloġija għall-kalkolu li l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw meta jiffissaw il-limiti ta' pożizzjoni tax-xahar spot u limiti ta' pożizzjoni tax-xhur l-oħra għal derivattivi saldati b'mod fiżiku u f'kontanti fuq il-bażi tal-karatteristiċi tad-derivattiv rilevanti kkonċernati.
Meta tispeċifika d-derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti, l-ESMA għandha tqis il-fatturi li ġejjin:
(a)
id-daqs ta' interess miftuħ ta' 300 000 lott bħala medja f'sena
l-interess miftuħ kumplessiv f'dak id-derivattiv u l-interess miftuħ kumplessiv fi strumenti finanzjarji oħra bl-istess komodità sottostanti;
(c)
l-għadd u d-daqs tal-parteċipanti tas-suq;
(d)
il-karatteristiċi tas-suq ta' komoditajiet sottostanti, inklużi xejriet ta' produzzjoni, konsum u trasportazzjoni lejn is-suq;
(e)
l-iżvilupp ta' derivattivi ġodda;
(f)
l-esperjenza tad-ditti tal-investiment jew tal-operaturi tas-suq li joperaw ċentru tan-negozjar u ta' ġurisdizzjonijiet oħrajn rigward il-limiti ta' pożizzjoni.
L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sa [disa' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
4. Awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi limiti ta' pożizzjoni għall-kuntratti kritiċi jew sinifikanti f'derivattivi tal-komoditajiet innegozjati f'ċentri tan-negozjar u derivattivi tal-komoditajiet agrikoli, fuq il-bażi tal-metodoloġija għall-kalkolu determinata fl-istandards tekniċi regolatorji adottati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3. Dan il-limitu ta' pożizzjoni għandu jinkludi kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti.
Awtorità kompetenti għandha teżamina mill-ġdid il-limiti ta' pożizzjoni kull meta jkun hemm bidla sinifikanti fis-suq, inkluż bidla sinifikanti fil-provvista konsenjabbli jew interess miftuħ, fuq il-bażi tad-determinazzjoni tagħha tal-provvista konsenjabbli u interess miftuħ, u għandha tiffissa l-limitu ta' pożizzjoni mill-ġdid skont il-metodoloġija għall-kalkolu stipulata fl-istandards tekniċi regolatorji adottati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3;.";
"
(c) il-paragrafi 6, 7 u 8 huma sostitwiti b'dan li ġej:"
"6. Meta d-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u d-derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti fuq il-bażi tal-istess titolu sottostanti u bl-istess karatteristiċi jiġu nnegozjati f'volumi sinifikanti f'ċentri tan-negozjar f'aktar minn ġurisdizzjoni waħda, l-awtorità kompetenti taċ-ċentru tan-negozjar fejn isir l-akbar volum ta' negozjar ("l-awtorità kompetenti ċentrali") għandha tistabbilixxi l-limitu ta' pożizzjoni unika li jiġi applikat għan-negozjar kollu f'dak id-derivattiv. L-awtorità kompetenti ċentrali għandha tikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti taċ-ċentri tan-negozjar l-oħra li fihom jiġi nnegozjat dak id-derivattiv f'volumi sinifikanti fil-limitu ta' pożizzjoni unika li jiġi applikat u kwalunkwe reviżjoni għal limiti ta' dik il-pożizzjoni unika. L-awtoritajiet kompetenti li ma jaqblux mal-iffissar tal-limitu ta' pożizzjoni unika mill-awtorità kompetenti ċentrali għandhom jiddikjaraw bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għaliex jikkunsidraw li r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ma ġewx issodisfati. L-ESMA għandha ssolvi kwalunkwe tilwim li jirriżulta minn nuqqas ta' ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti.
L-awtoritajiet kompetenti taċ-ċentri tan-negozjar fejn jiġu nnegozjati d-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u d-derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti li huma bbażati fuq l-istess titolu sottostanti u bl-istess karatteristiċi, u l-awtoritajiet kompetenti tad-detenturi ta' pożizzjonijiet f'dawk id-derivattivi, għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta' kooperazzjoni, li għandhom jinkludu l-iskambju tad-data rilevanti, biex ikun possibbli l-monitoraġġ u l-infurzar tal-limitu ta' pożizzjoni unika.
7. L-ESMA għandha tissorvelja tal-anqas darba f'sena l-mod kif l-awtoritajiet kompetenti implimentaw il-limiti ta' pożizzjoni stipulati skont il-metodoloġija għall-kalkolu stabbilita mill-ESMA fil-paragrafu 3. F'dan il-proċess, l-ESMA għandha tiżgura li l-limitu ta' pożizzjoni unika jkun japplika effettivament għad-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u għall-kuntratti kritiċi jew sinifikanti fuq il-bażi tal-istess titolu sottostanti u bl-istess karatteristiċi irrispettivament minn fejn jiġi nnegozjat skont il-paragrafu 6.
8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem ċentru tan-negozjar li jinnegozja derivattivi tal-komoditajiet japplikaw kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet, inkluż setgħat għaċ-ċentru tan-negozjar biex:
(a)
jissorvelja l-pożizzjonijiet ta' interess miftuħ tal-persuni;
(b)
jikseb informazzjoni, inkluża d-dokumentazzjoni rilevanti kollha, minn persuni dwar id-daqs u l-iskop ta' pożizzjoni jew skopertura li wieħed ikun daħal għalihom, informazzjoni dwar sidien benefiċjarji jew sottostanti, kwalunkwe arranġament ta' konċentrazzjoni, u kwalunkwe assi jew obbligazzjonijiet relatati fis-suq sottostanti, inkluż, fejn xieraq, il-pożizzjonijiet miżmuma f'kuntratti relatati f'ċentri tan-negozjar oħra u OTC, tramite membri u parteċipanti;
(c)
jirrikjedi li persuna tittermina jew tnaqqas pożizzjoni, fuq bażi temporanja jew permanenti, u jieħu azzjoni unilateralment biex tkun żgurata t-terminazzjoni jew it-tnaqqis tal-pożizzjoni meta l-persuna ma tikkonformax mat-tali talba; u
(d)
jirrikjedi li persuna tipprovdi, fuq bażi temporanja, likwidità lura fis-suq bi prezz u volum miftehma bil-ħsieb espliċitu li jittaffew l-effetti ta' pożizzjoni kbira jew dominanti.
L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-kontenut tal-kontrolli tal-immaniġġar tal-pożizzjonijiet, u b'hekk tqis il-karatteristiċi taċ-ċentri tan-negozjar ikkonċernati.
L-ESMA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [disa' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.";
"
(10) Fl-Artikolu 58, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:"
"2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ditti ta' investiment li jinnegozjaw derivattivi ta' komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom barra minn ċentru ta' negozjar jipprovdu lill-awtorità ċentrali kompetenti msemmija fl-Artikolu 57(6) tal-anqas fuq bażi ta' kuljum, bi qsim komplet tal-pożizzjonijiet tagħhom meħuda f'derivattivi ta' komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom nnegozjati f'ċentru ta' negozjar u kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti, kif ukoll dawk tal-klijenti tagħhom u l-klijenti ta' dawk il-klijenti sakemm wieħed jasal għall-klijent aħħari, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u, fejn applikabbli, l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.".
"
(11) Fl-Artikolu 90, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:"
"1a. Qabel il-31 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-impatt tal-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1)(j), fir-rigward tal-kwoti tal-emissjonijiet jew id-derivattivi tagħhom, u għandha takkumpanja dak ir-rieżami, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva biex temenda l-eżenzjoni. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tivvaluta n-negozjar bi kwoti tal-emissjonijiet tal-UE u d-derivattivi tagħhom fl-UE u f'pajjiżi terzi, l-impatt tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 2(1)(j) fuq il-protezzjoni tal-investituri, l-integrità u t-trasparenza tas-swieq fil-kwoti tal-emissjonijiet u d-derivattivi tagħhom u jekk jenħtieġx li jiġu adottati miżuri b'rabta man-negozjar li jseħħ f'ċentri ta' negozjar ta' pajjiżi terzi.".
"
Artikolu 1a
Emenda għad-Direttiva(UE) 2019/878
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2019/878, huwa emendat kif ġej:
(1) l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:"
"L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-28 ta' Diċembru 2020:
(i)
il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva sa fejn jikkonċernaw istituzzjonijiet ta' kreditu;
(ii)
il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1(1) u (9) ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-Artikolu 2(5) u (6) u l-Artikolu 21b tad-Direttiva 2013/36/UE, sa fejn jikkonċernaw istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment."
"
(2) is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel subparagrafu:"
"Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan."
"
Artikolu 1b
Emendi għad-Direttiva 2013/36/UE
It-tielet, ir-raba' u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 94(2) huma sostitwiti b'dan li ġej:"
"Bil-għan li jiġi identifikat persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt materjali fuq il-profil ta' riskju tal-istituzzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 92(2), ħlief fir-rigward ta' persunal f'ditti tal-investiment kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu l-kriterji biex jiġi definit dan li ġej:
(a)
responsabbiltà maniġerjali u funzjonijiet ta' kontroll;
(b)
unità operatorja materjali u impatt sinifikanti fuq il-profil ta' riskju tal-unità operatorja rilevanti; u
(c)
kategoriji oħrajn ta' persunal li ma jissemmewx b'mod espliċitu fl-Artikolu 92(2) li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt fuq il-profil ta' riskju tal-istituzzjoni li b'mod komparabbli huwa materjali daqs dak ta' dawk il-kategoriji ta' persunal imsemmija fih.
L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-28 ta' Diċembru 2019.
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f'dan il-paragrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. Fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li japplikaw għad-ditti tal-investiment kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-għoti tas-setgħa stabbilit fl-Artikolu 94(2) ta' din id-Direttiva kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jkompli japplika sas-26 ta' Ġunju 2021.
"
Artikolu 2
Traspożizzjoni
(1) L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa [disa' xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawn il-miżuri.
L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn il-miżuri minn ... [12-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].
(2) L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 2a
Klawsola ta' rieżami
Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju 2021, wara konsultazzjoni mal-ESMA, u abbażi tal-eżitu ta' konsultazzjoni pubblika li għandha titwettaq mill-Kummissjoni bi żmien suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal rieżami tad-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014. Ir-rieżami għandu jkun wiesa' u għandu jqis kwistjonijiet bħal dawk relatati mal-istruttura tas-suq, id-data, in-negozjar u l-fażi ta' wara n-negozjar, ir-regoli tar-riċerka, ir-regoli dwar il-ħlas ta' inċentivi lill-konsulenti, il-livell tal-kwalifiki professjonali tal-konsulenti fl-Ewropa, il-kategorizzazzjoni tal-klijenti u l-Brexit.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).