Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2020 Lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi (2020/2021(INI))
Il-Parlament Ewropew,
— wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
— wara li kkunsidra l-Artikoli 169, 191, 192 u 193 TFUE,
— wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern(1),
— wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur(2),
— wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta' oġġetti(3),
— wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2018 li jistabbilixxi l-Programm għas-suq uniku, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u għall-istatistika Ewropea (COM(2018)0441),
— wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti(4),
— wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),
— wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu "Strateġija Ewropea għad-data" (COM(2020)0066),
— wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari – Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098),
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 bit-titolu "Ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji"(5),
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 bit-titolu "L-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart"(6),
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(7),
— wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2018 bit-titolu "Behavioural Study on Consumers' Engagement in the Circular Economy" (Studju ta' Mġiba dwar l-Involviment tal-Konsumaturi fl-Ekonomija Ċirkolari),
— wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-2019 bit-titolu "Analysis and development of a scoring system for repair and upgrade of products" (Analiżi u żvilupp ta' sistema ta' punteġġ għat-tiswija u l-modernizzazzjoni tal-prodotti),
— wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "The European environment – state and outlook 2020" (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020),
— wara li kkunsidra l-istudju mwettaq f'Marzu 2020 fuq talba tal-Kumitat tiegħu għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur bit-titolu "Promoting product longevity" (Il-promozzjoni tal-lonġevità tal-prodotti),
— wara li kkunsidra l-analiżi dettaljata mwettqa f'April 2020 fuq talba tal-Kumitat tiegħu għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bit-titolu "Sustainable Consumption and Consumer Protection Legislation" (Leġiżlazzjoni dwar il-Konsum Sostenibbli u l-Ħarsien tal-Konsumatur),
— wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC) tat-18 ta' Awwissu 2015 bit-titolu "Durable goods: More sustainable products, better consumer rights – Consumer expectations from the EU's ressource efficiency and circular economy agenda" (Oġġetti durabbli: prodotti aktar sostenibbli, drittijiet aħjar tal-konsumatur – L-aspettattivi tal-konsumatur mill-effiċjenza tar-riżorsi u l-aġenda tal-ekonomija ċirkolari tal-UE),
— wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
— wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
— wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0209/2020),
A. billi quddiem l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u l-proliferazzjoni tal-iskart, jeħtieġ li jiġu stabbiliti skemi sostenibbli ta' produzzjoni u ta' konsum li jqisu l-konfini tal-pjaneta, bl-użu aktar effettiv u sostenibbli tar-riżorsi tagħna bħala prijorità;
B. billi l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mudelli kummerċjali ġodda u aktar reżiljenti u li jiġu appoġġjati n-negozji Ewropej, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom;
C. billi suq uniku sostenibbli jrid jirrifletti t-talba tal-Parlament(8) għall-adozzjoni ta' Patt Ekoloġiku Ewropew ambizzjuż; billi għalhekk huwa essenzjali li tiġi żviluppata strateġija bbażata fuq ir-riċerka biex jiżdiedu d-durabbiltà, l-użu mill-ġdid, it-titjib fil-kwalità u l-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti; billi din l-istrateġija għandha toħloq impjiegi, tkabbir u opportunitajiet ta' innovazzjoni għan-negozji Ewropej, tappoġġja l-kompetittività tagħhom fuq skala globali u tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;
D. billi strateġija komuni u inklużiva ma tikkorrispondix għal approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd"; billi approċċ differenzjat ibbażat fuq l-ispeċifiċitajiet ta' kull kategorija u settur ta' prodott, kif ukoll fuq l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, ikun aktar xieraq; billi l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-regoli eżistenti huma essenzjali għal suq uniku li jiffunzjona tajjeb u sostenibbli;
E. billi huwa essenzjali li jiġi mobilizzat biżżejjed finanzjament permezz ta' programmi finanzjarji bħall-Programm għas-Suq Uniku, bil-ħsieb ta' tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u l-ekonomija ċirkolari, sabiex jiġu ffinanzjati r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-prodotti sostenibbli, kif ukoll kampanji ta' sensibilizzazzjoni għan-negozji u l-konsumaturi;
F. billi l-konsumaturi huma lesti biex jibdew il-vjaġġ lejn ekonomija ċirkolari u huwa tliet darbiet aktar probabbli li jixtru prodott jekk dan ikun ittikkettat bħala aktar durabbli u li jista' jissewwa skont l-istudju dwar l-imġiba tal-Kummissjoni tal-2018, iżda għad hemm ostakli, inkluża l-asimmetrija tal-informazzjoni; billi informazzjoni ċara, affidabbli u trasparenti dwar il-karatteristiċi ta' prodott, inkluż dwar it-tul tal-ħajja stmat u l-possibbiltà ta' tiswija, hija meħtieġa għas-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur u l-kompetizzjoni ġusta fost in-negozji; billi, għalhekk, l-informazzjoni eżistenti għandha tittejjeb, filwaqt li jiġi evitat ammont żejjed ta' informazzjoni;
G. billi t-tul tal-ħajja ta' prodott u l-mod kif jiqdiem huma determinati minn diversi fatturi naturali u artifiċjali, bħall-kompożizzjoni, il-funzjonalità, l-ispiża tat-tiswija, ix-xejriet tal-konsum u l-użu; billi t-tul tal-ħajja stmat ta' prodott irid jitkejjel abbażi ta' testijiet u kriterji oġġettivi li jirriflettu l-kundizzjonijiet ta' użu reali u jrid jiġi stabbilit qabel it-tqegħid tal-prodott fis-suq;
H. billi d-Direttiva (UE) 2019/771 għandha tiġi rieżaminata sal-2024; billi għadd ta' miżuri bl-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex tiżdied id-durabbiltà tal-prodotti u biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll ambjent kummerċjali kompetittiv, għandhom jiġu vvalutati bi tħejjija għal dan ir-rieżami; billi l-perjodu ta' sentejn ta' garanzija legali jista' ma jkunx xieraq għall-kategoriji ta' prodott kollha bi previżjoni ta' tul tal-ħajja aktar twil;
I. billi f'riżoluzzjoni preċedenti(9), il-Parlament Ewropew appella għal miżuri biex tiġi rimedjata l-problema tal-obsolexxenza ppjanata ta' oġġetti u software, inkluż l-iżvilupp ta' definizzjoni komuni għall-ittestjar u l-identifikazzjoni ta' prattiki problematiċi; billi hemm il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija komuni għas-suq uniku u li jiġu previsti ċ-ċertezza tad-dritt u l-fiduċja kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi;
J. billi t-tul tal-ħajja tas-software huwa kruċjali għall-ħajja tal-apparat elettroniku; billi, peress li s-software qed isir obsolet dejjem aktar malajr, jeħtieġ li l-apparat elettroniku jkun jista' jiġi adattat sabiex jibqa' kompetittiv fis-suq(10);
K. billi 79 % taċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li l-manifatturi għandhom jintalbu jiffaċilitaw it-tiswija ta' apparati diġitali jew is-sostituzzjoni tal-partijiet individwali tagħhom(11); billi l-prodotti ta' kwalità għolja jagħtu spinta lill-kompetittività tan-negozji Ewropej;
L. billi stħarriġ li sar f'Diċembru 2015(12) wera li 59 % tal-konsumaturi ma kinux jafu li l-perjodu ta' garanzija legali fl-UE jdum mill-inqas sentejn; billi l-għarfien tal-konsumatur dwar id-drittijiet ta' livell għoli eżistenti fir-rigward tal-garanzija legali jista' jittejjeb u tali titjib jikkontribwixxi għal użu aktar sostenibbli tal-oġġetti;
M. billi ż-żieda fil-popolarità tal-kummerċ elettroniku ħolqot ħtieġa ta' kontroll aħjar tal-konformità tal-oġġetti u s-servizzi li jiġu minn pajjiżi terzi mal-istandards ambjentali u ta' sikurezza tal-UE, kif ukoll mad-drittijiet tal-konsumatur;
N. billi suq uniku sostenibbli jeħtieġ sorveljanza effettiva tas-suq biex jiġi żgurat infurzar xieraq ta' dawn ir-regoli, fejn is-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet doganali għandhom rwol ewlieni;
O. billi t-tħeġġiġ ta' kultura ta' tiswija u użu mill-ġdid u ż-żieda tal-fiduċja fis-suq tal-oġġetti użati jistgħu joffru sorsi ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali, joħolqu l-impjiegi u, f'ċirkostanzi speċifiċi, jagħtu spinta lill-kompetittività industrijali; billi f'ċerti każijiet jeżistu ostakli li jipprevjenu lill-konsumaturi milli jagħżlu t-tiswija, bħan-nuqqas ta' aċċess għal spare parts, in-nuqqas ta' standardizzazzjoni u interoperabbiltà, u n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' servizzi ta' tiswija; billi dan għandu impatt negattiv fuq is-settur tat-tiswija;
P. billi, skont rapport tal-Ewrobarometru(13), 77 % taċ-ċittadini tal-UE jippreferu jsewwu l-apparati tagħhom milli jissostitwuhom; billi n-negozji tat-tiswija jistgħu jkunu sors ta' impjiegi lokali u ta' għarfien espert speċifiku fl-Ewropa;
Q. billi t-titwil tal-ħajja ta' tip ta' prodott li jkun għaddej minn titjib sostanzjali fl-effiċjenza ambjentali tiegħu għandu jiġi bbilanċjat bl-użu ta' dawn il-prodotti mtejba, u għalhekk m'għandux jirriżulta f'dewmien fl-introduzzjoni ta' teknoloġiji innovattivi li jistgħu jwasslu għal kisbiet ambjentali sostanzjali;
R. billi ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni qed tipprovdi lis-soċjetajiet tagħna b'mezzi ġodda għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u qed tgħin biex jinħoloq suq sostenibbli bbażat fuq ir-responsabbiltà, it-trasparenza, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-użu aktar effettiv tar-riżorsi;
S. billi l-pjattaformi online jistgħu jkomplu jwettqu r-responsabbiltà tagħhom li jipprovdu lill-konsumaturi b'informazzjoni affidabbli dwar il-prodotti u s-servizzi li joffru;
T. billi s-settur diġitali jikkontribwixxi għall-innovazzjoni u t-trawwim ta' ekonomija sostenibbli; billi għandu jiġi indirizzat l-impatt fuq l-ambjent f'termini tal-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi tal-infrastruttura tiegħu; billi mezzi aktar sostenibbli ta' imballaġġ u konsenja huma kruċjali biex tiġi stabbilita ekonomija ċirkolari;
U. billi l-akkwist pubbliku ekoloġiku u sostenibbli huwa għodda strateġika li tista' tintuża biex tikkontribwixxi, flimkien ma' politiki importanti oħra, għat-tranżizzjoni industrijali tal-Ewropa u biex issaħħaħ ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha; billi l-użu strateġiku tal-akkwist sostenibbli jista' jkun ta' benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi billi jagħti spinta lid-domanda għal prodotti sostenibbli u l-provvista tagħhom u jagħmel dawk il-prodotti kosteffiċjenti u attraenti għall-konsumaturi;
V. billi hemm bżonn li jiġu indirizzati asserzjonijiet ambjentali qarrieqa u li jiġu indirizzati "prattiki ta' greenwashing" permezz ta' metodoloġiji effettivi, inkluż dwar kif tali asserzjonijiet jiġu sostanzjati;
W. billi r-reklamar għandu effett fuq il-livelli u x-xejriet tal-konsum; billi r-reklamar jista' jgħin lin-negozji u lill-konsumaturi jagħmlu għażliet sostenibbli infurmati;
1. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni għal Ekonomija Ċirkolari u r-rieda ddikjarata li jiġu promossi prodotti durabbli, li jkunu eħfef biex jissewwew, u li jistgħu jerġgħu jintużaw u jiġu rriċiklati, filwaqt li l-konsumatur jiġi appoġġjat f'din it-tranżizzjoni;
2. Jenfasizza li kwalunkwe strateġija għal suq uniku sostenibbli għandha tgħaqqad b'mod ġust, bilanċjat u proporzjonat il-prinċipji ta' sostenibbiltà, protezzjoni tal-konsumatur u ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna; jenfasizza li kwalunkwe miżura regolatorja potenzjali għandha tkun ibbażata fuq dawn il-prinċipji, għandha tkun ambjentalment kosteffiċjenti u għandha tkun ta' benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi sabiex dawn ikunu jistgħu jħaddnu t-tranżizzjoni ekoloġika fi ħdan is-suq intern; jenfasizza li l-miżuri regolatorji għandhom joħolqu vantaġġi kompetittivi għan-negozji Ewropej, m'għandhomx ipoġġu piż finanzjarju sproporzjonat fuqhom, u għandhom jixprunaw l-innovazzjoni, jinkoraġġixxu l-investimenti f'teknoloġiji sostenibbli, u jsaħħu l-kompetittività Ewropea u, fl-aħħar mill-aħħar, il-protezzjoni tal-konsumatur; jirrimarka li l-miżuri regolatorji kollha previsti għandhom ikunu akkumpanjati b'valutazzjonijiet tal-impatt u għandhom dejjem iqisu l-iżviluppi tas-suq u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi;
3. Jistieden lill-Kummissjoni turi ambizzjoni politika b'saħħitha meta tfassal, tadotta u timplimenta l-proposti rilevanti li jmiss, bħal dwar "l-awtonomizzazzjoni tal-konsumatur fit-tranżizzjoni ekoloġika" u inizjattiva politika dwar prodotti sostenibbli, li għandha tkun allinjata bis-sħiħ mal-miri klimatiċi tal-UE u ma' objettivi ambjentali oħra sabiex tittejjeb iċ-ċirkolarità tal-ktajjen tal-valur, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-użu ta' materja prima sekondarja, tiġi minimizzata l-ġenerazzjoni tal-iskart u tinkiseb ekonomija ċirkolari mingħajr tossiċità; jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni f'waqtha u ta' konformità mal-obbligi u l-istandards eżistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tipposponihomx aktar;
4. Jenfasizza li suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa għodda b'saħħitha għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE, inkluż fir-rigward tar-rwol tagħha f'ekonomija globalizzata; jenfasizza li t-tlestija u l-approfondiment tas-suq uniku, inkluż permezz tal-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti u billi jiġu indirizzati l-ostakli mhux ġustifikati u sproporzjonati li fadal, huma prekundizzjoni għall-kisba ta' produzzjoni u konsum aktar sostenibbli fl-UE; jappella għal governanza trasparenti tas-suq intern, flimkien ma' monitoraġġ aktar effettiv u mtejjeb; jemmen li l-qafas legali għal suq uniku aktar sostenibbli għandu jrawwem l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġija sostenibbli, jinċentiva lill-kumpaniji biex jagħmlu tranżizzjoni lejn mudelli kummerċjali aktar sostenibbli u b'hekk jikkontribwixxi għal irkupru ekonomiku sostenibbli;
5. Jirrimarka li l-konsum sostenibbli jimxi id f'id mal-produzzjoni sostenibbli u li l-operaturi ekonomiċi għandhom jiġu mħeġġa jikkunsidraw id-durabbiltà tal-prodotti u s-servizzi mill-istadju tad-disinn u meta jitqiegħdu jew jiġu pprovduti fis-suq intern, sabiex tiġi żgurata għażla sikura, sostenibbli, kosteffiċjenti u attraenti għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri, li jiddifferenzjaw bejn kategoriji ta' prodotti u għal setturi b'impatt ambjentali sinifikanti, li jtejbu d-durabbiltà tal-prodotti, inklużi it-tul tal-ħajja stmat, l-użu mill-ġdid, it-titjib fil-kwalità, il-possibbiltà ta' tiswija u r-riċiklabbiltà tagħhom;
Id-drittijiet tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-obsolexxenza ppjanata
6. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal, f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, strateġija wiesgħa b'miżuri li jiddifferenzjaw bejn kategoriji ta' prodotti u li jqisu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq biex jappoġġjaw in-negozji u l-konsumaturi u biex jiġu stabbiliti xejriet ta' produzzjoni u konsum sostenibbli; jinnota li din l-istrateġija għandha tinkludi miżuri biex:
(a)
tiġi speċifikata l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata dwar it-tul tal-ħajja stmat (li għandu jiġi espress fi snin u/jew ċikli ta' użu u li għandu jiġi determinat qabel it-tqegħid fis-suq tal-prodott permezz ta' metodoloġija oġġettiva u standardizzata bbażata fuq kundizzjonijiet ta' użu reali, differenzi f'termini ta' intensità tal-użu u fatturi naturali, fost metrika oħra) u l-possibbiltà ta' tiswija ta' prodott, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li din l-informazzjoni għandha tingħata b'mod ċar u komprensibbli sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu konfużi u li jitgħabbew iżżejjed b'informazzjoni, u din issir waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta' prodott skont id-Direttivi 2011/83/UE u 2005/29/KE,
(b)
jiġi żviluppat u introdott tikkettar obbligatorju, biex tiġi pprovduta lill-konsumaturi informazzjoni ċara, immedjatament viżibbli u faċli biex tinftiehem dwar it-tul tal-ħajja stmat u l-possibbiltà ta' tiswija ta' prodott fil-mument tax-xiri; jenfasizza li tali skema ta' tikkettar għandha tiġi żviluppata billi jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, abbażi ta' standards armonizzati bbażati fuq ir-riċerka u trasparenti flimkien ma' valutazzjonijiet tal-impatt li juru r-rilevanza, il-proporzjonalità u l-effikaċja fit-tnaqqis tal-impatti ambjentali negattivi u l-protezzjoni tal-konsumaturi; jemmen li dan it-tikkettar għandu jinkludi b'mod partikolari informazzjoni dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija, bħal punteġġ ta' tiswija, u jista' jieħu l-forma ta' indiċi tal-prestazzjoni ambjentali, filwaqt li jitqiesu diversi kriterji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti skont il-kategorija tal-prodott;
(c)
jissaħħaħ ir-rwol tal-ekotikketta tal-UE biex tiżdied l-adozzjoni mill-industrija u titqajjem sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi,
(d)
jiġi vvalutat liema kategoriji ta' oġġetti huma l-aktar adatti biex jiġu mgħammra b'arloġġ tal-użu, abbażi ta' analiżi tal-kosteffiċjenza/effiċjenza ambjentali, bil-għan li jittejbu l-informazzjoni għall-konsumatur u l-manutenzjoni tal-prodott, jitħeġġeġ l-użu fit-tul tal-prodotti permezz ta' użu mill-ġdid iffaċilitat, u tingħata spinta lill-mudelli kummerċjali ta' użu mill-ġdid u ta' oġġetti użati,
(e)
fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771, jiġi vvalutat kif id-durata tal-garanziji legali tista' ssir aktar konformi mat-tul tal-ħajja stmat ta' kategorija ta' prodott, kif ukoll kif estensjoni tal-perjodu ta' inverżjoni tal-oneru tal-provi għal nuqqas ta' konformità ttejjeb il-possibbiltà għall-konsumaturi u n-negozji li jagħmlu għażliet sostenibbli; jitlob li din il-valutazzjoni tal-impatt tikkunsidra l-effetti possibbli ta' tali estensjonijiet potenzjali fuq il-prezzijiet, it-tul tal-ħajja mistenni tal-prodotti, is-sistemi ta' garanzija kummerċjali u s-servizzi ta' tiswija indipendenti,
(f)
fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771, tiġi studjata l-fattibbiltà tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bejjiegħa fir-rigward tal-manifatturi bl-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' responsabbiltà konġunta tal-manifatturi u l-bejjiegħa fl-ambitu tar-reġim tal-garanzija legali,
(g)
tiġi indirizzata l-obsolexxenza prematura tal-prodotti billi titqies iż-żieda, fil-lista stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE, ta' prattiki li effettivament iqassru t-tul tal-ħajja ta' prodott biex iżidu r-rata ta' sostituzzjoni tiegħu u jillimitaw bla bżonn il-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti, inkluż is-software; jenfasizza li dawn il-prattiki għandhom jiġu definiti b'mod ċar abbażi ta' definizzjoni oġġettiva u komuni, filwaqt li titqies il-valutazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha involuti, bħall-istabbilimenti tar-riċerka u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, kummerċjali u ambjentali;
7. Jenfasizza li l-oġġetti b'elementi diġitali jirrikjedu attenzjoni partikolari u li l-elementi li ġejjin għandhom jitqiesu fir-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771 li għandu jsir sal-2024:
(a)
l-aġġornamenti korrettivi – jiġifieri aġġornamenti tas-sigurtà u tal-konformità – iridu jkomplu matul it-tul tal-ħajja stmat tal-apparat, skont il-kategorija tal-prodott,
(b)
l-aġġornamenti korrettivi għandhom jinżammu separati mill-aġġornamenti evoluttivi, li jridu jkunu riversibbli, u ebda aġġornament m'għandu qatt inaqqas il-prestazzjoni jew ir-reattività tal-oġġetti,
(c)
il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati mill-bejjiegħ fil-mument tax-xiri dwar il-perjodu li matulu l-aġġornamenti tas-software pprovduti max-xiri tal-oġġetti jista' jkun mistenni li jiġu pprovduti, b'mod li jkun kompatibbli mal-innovazzjoni u l-iżviluppi futuri possibbli tas-suq, kif ukoll dwar l-ispeċifiċitajiet u l-impatti tagħhom fuq il-prestazzjoni tal-apparat, biex jiġi żgurat li l-oġġetti jżommu l-konformità u s-sigurtà tagħhom;
8. Jenfasizza l-ħtieġa ta' mezzi ta' rimedju sempliċi, effettivi u infurzabbli kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; jirrimarka li l-konsumaturi fl-UE kollha għandhom jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-mezzi ta' rimedju tagħhom; jitlob finanzjament fil-qafas tal-Programm tas-Suq Uniku tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għal miżuri biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fl-informazzjoni u biex l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, kummerċjali u tal-ambjent jingħataw appoġġ għall-inizjattivi tagħhom; iqis li l-Istati Membri għandhom iwettqu kampanji ta' informazzjoni biex iżidu l-protezzjoni u l-fiduċja tal-konsumatur, speċjalment fost il-gruppi vulnerabbli, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-konsumaturi informazzjoni adegwata dwar id-drittijiet tagħhom permezz tal-Gateway Diġitali Unika; jenfasizza li l-SMEs, il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom jeħtieġu appoġġ speċifiku, inkluż appoġġ finanzjarju, sabiex jifhmu u jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur;
9. Jinnota li ħafna prodotti mqiegħda fis-suq uniku, speċjalment prodotti mibjugħa minn swieq online u importati minn barra l-UE, jonqsu milli jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mar-rekwiżiti tas-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni b'mod urġenti biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE fir-rigward tal-kompetituri internazzjonali, kif ukoll biex jiżguraw prodotti sikuri u sostenibbli għall-konsumaturi permezz ta' sorveljanza tas-suq imtejba u standards ta' kontroll doganali ekwivalenti fl-UE kollha kemm għan-negozji tradizzjonali kif ukoll għal dawk online; jirrimarka li sabiex dan il-kompitu jitwettaq, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iridu jingħataw riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani adegwati f'konformità mar-Regolament (UE) 2019/1020, u jistieden lill-Istati Membri jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni xierqa tar-regolament; jissottolinja li l-interazzjoni bejn is-sistema RAPEX u s-swieq u l-pjattaformi online għandha tissaħħaħ b'mod sinifikanti;
Faċilitazzjoni tat-tiswijiet
10. Jitlob li l-informazzjoni li ġejja dwar id-disponibbiltà ta' spare parts, aġġornamenti tas-software u l-possibbiltà ta' tiswija ta' prodott issir disponibbli b'mod ċar u faċilment leġġibbli fil-mument tax-xiri: il-perjodu stmat ta' disponibbiltà mid-data tax-xiri, il-prezz medju tal-ispare parts fil-mument tax-xiri, iż-żminijiet approssimattivi rakkomandati tal-konsenja u t-tiswija, u informazzjoni dwar is-servizzi ta' tiswija u manutenzjoni, meta rilevanti; jitlob, barra minn hekk, li din l-informazzjoni tiġi pprovduta fid-dokumentazzjoni tal-prodott flimkien ma' sommarju tad-difetti l-aktar frekwenti u kif għandhom jissewwew;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi "dritt għat-tiswija" tal-konsumaturi bil-għan li tagħmel it-tiswijiet sistematiċi, kosteffiċjenti u attraenti, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet ta' kategoriji differenti ta' prodotti skont il-miżuri li diġà ttieħdu għal diversi apparati domestiċi skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn:
(a)
billi l-operaturi tal-industrija tat-tiswija, inklużi s-sewwejja indipendenti, u l-konsumaturi jingħataw aċċess mingħajr ħlas għall-informazzjoni meħtieġa dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, inkluża informazzjoni dwar għodod dijanjostiċi, spare parts, software u aġġornamenti, meħtieġa biex jitwettqu t-tiswijiet u l-manutenzjoni, filwaqt li jitqiesu l-imperattivi tas-sikurezza tal-konsumatur, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943,
(b)
billi titħeġġeġ l-istandardizzazzjoni tal-ispare parts għall-benefiċċju tal-interoperabbiltà u l-innovazzjoni, filwaqt li jitħarsu r-rekwiżiti tas-sikurezza tal-prodotti,
(c)
billi jiġi stabbilit perjodu minimu obbligatorju għall-forniment ta' spare parts li jirrifletti t-tul tal-ħajja stmat tal-prodott wara li l-unità finali tkun tqiegħdet fis-suq, kif ukoll żminijiet massimi raġonevoli ta' konsenja skont il-kategorija tal-prodott f'konformità mar-regolamenti ta' implimentazzjoni tal-ekodisinn adottati fl-1 ta' Ottubru 2019, li għandhom jiġu estiżi għal firxa usa' ta' prodotti,
(d)
billi jiġi żgurat li l-prezz ta' spare part ikun raġonevoli, u għalhekk kosteffiċjenti, meta mqabbel mal-prezz tal-prodott sħiħ u li s-sewwejja indipendenti u awtorizzati, kif ukoll il-konsumaturi, ikollhom aċċess għall-ispare parts meħtieġa mingħajr xkiel inġust,
(e)
billi titħeġġeġ it-tiswija minflok is-sostituzzjoni bl-estensjoni tal-garanziji jew bl-azzerar tal-perjodi ta' garanzija għall-konsumaturi li jagħżlu din l-opzjoni fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771 u fid-dawl ta' analiżi tal-kosteffiċjenza kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, u billi jiġi żgurat li l-bejjiegħa dejjem jinfurmaw lill-konsumaturi dwar l-opzjoni tat-tiswija u d-drittijiet tal-garanzija relatati,
(f)
billi jiġi vvalutat kif it-tiswijiet jistgħu jiġu ffaċilitati bl-istabbiliment, fil-livell tal-UE, ta' garanzija legali għall-parts sostitwiti minn sewwej professjonali meta l-oġġetti ma jkunux għadhom taħt garanzija legali jew kummerċjali fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771,
(g)
billi l-Istati Membri jiġu inkoraġġiti joħolqu inċentivi, bħal "craftsman's bonus", li jippromwovu t-tiswijiet, b'mod partikolari wara t-tmiem tal-garanzija legali għall-konsumaturi li jagħmlu ċerti xogħlijiet ta' tiswija permezz ta' sewwejja awtorizzati/indipendenti;
Strateġija globali biex tiġi promossa kultura ta' użu mill-ġdid
12. Jilqa' l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni ta' miżuri vinkolanti għall-prevenzjoni tal-qerda ta' oġġetti li ma nbigħux jew li ma ddeterjorawx u li jkunu għadhom jaħdmu biex minflok ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw, u ta' miri kwantifikati għall-użu mill-ġdid, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' sistemi ta' depożitu f'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ; jenfasizza li mudelli kummerċjali sostenibbli ġodda għandhom jingħataw aċċess prijoritarju għal ċentri tal-iskart u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jinċentivaw l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart; jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija li tivvaluta u tindirizza l-ostakli legali għat-tiswija, il-bejgħ mill-ġdid, l-użu mill-ġdid u d-donazzjoni biex jiġi żgurat użu aktar effettiv u sostenibbli tar-riżorsi, kif ukoll għat-tisħiħ tas-suq intern għall-materja prima sekondarja, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta' skart, inkluż permezz ta' aktar standardizzazzjoni;
13. Jenfasizza l-importanza li tingħata spinta lill-ekonomija ċirkolari u lill-mudelli kummerċjali sostenibbli biex tiġi minimizzata l-qerda ta' oġġetti u jiġu promossi t-tiswija u l-użu mill-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu ta' mudelli bħal dawn u tara li jibqgħu kosteffiċjenti u attraenti u tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar dawn il-mudelli permezz ta' kampanji edukattivi u taħriġ kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; jenfasizza l-importanza tal-investimenti fir-R&Ż f'dan il-qasam;
14. Jirrimarka dwar l-eżistenza ta' prattiki adottati mill-kumpaniji biex jiskoraġġixxu t-tiswija, li jikkostitwixxu restrizzjoni tad-dritt għat-tiswija u jaffettwaw l-opzjonijiet ta' tiswija tal-konsumaturi; jappella għal approċċ kemm li jissalvagwardja l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll li jiżgura appoġġ effettiv għal sewwejja indipendenti, sabiex tiġi promossa l-għażla tal-konsumatur u jinkiseb suq uniku sostenibbli globali;
15. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu inċentivi għall-konsumaturi biex jixtru oġġetti użati; jirrimarka li t-trasferiment tal-garanzija f'każ ta' bejgħ mill-ġdid ta' oġġett li għadu kopert jista' jnissel fiduċja akbar tal-konsumatur f'dan is-suq; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, teżamina sa liema punt il-garanzija tax-xerrej għall-ewwel darba tista' tiġi ttrasferita lil xerrejja addizzjonali fil-każ ta' bejgħ sussegwenti, speċjalment fil-kuntest ta' passaport diġitali tal-prodott; jitlob, barra minn hekk, li ssir valutazzjoni tal-ħtieġa li tiġi rieżaminata l-klawżola ta' eċċezzjoni għal prodotti użati taħt ir-reġim tal-garanzija legali previst mid-Direttiva (UE) 2019/771 meta jsir ir-rieżami tad-direttiva, wara valutazzjoni tal-impatt dwar l-effetti possibbli għal mudelli kummerċjali ta' oġġetti użati u bbażati fuq l-użu mill-ġdid;
16. Jappella għal definizzjonijiet ċari għal prodotti rikondizzjonati u rinnovati u biex titħeġġeġ l-introduzzjoni fuq skala wiesgħa ta' sistema volontarja ta' garanziji kummerċjali estiżi għal tali oġġetti sabiex jiġu supplementati l-garanziji legali inizjali u jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu esposti għal malprassi;
17. Jenfasizza li t-tlestija tas-suq intern għas-servizzi se tikkontribwixxi b'mod deċisiv għat-tranżizzjoni lejn suq uniku aktar sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni ulterjuri lejn suq intern għas-servizzi li jiffunzjona tajjeb u żżid b'mod effettiv l-isforzi biex jissaħħaħ l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti;
18. Jenfasizza r-rwol tas-settur tas-servizzi biex jiżdiedu l-aċċessibbiltà tat-tiswijiet u mudelli kummerċjali ġodda oħra; jilqa', b'mod partikolari, l-iżvilupp ta' mudelli kummerċjali li jiddiżakkoppjaw il-konsum mis-sjieda materjali, fejn tinbiegħ il-funzjoni tal-prodott, u jappella għal valutazzjoni robusta tal-impatt tal-ekonomija funzjonali u tal-effetti rebound potenzjali tagħha, kif ukoll l-effetti fuq il-konsumaturi u l-interessi finanzjarji tagħhom, iżda anki l-impatt ambjentali ta' tali mudelli; jenfasizza li l-iżvilupp ta' servizzi bbażati fuq l-internet, forom ġodda ta' kummerċjalizzazzjoni (kirjiet, leasing, prodott bħala servizz, eċċ.) u d-disponibbiltà ta' faċilitajiet ta' tiswija jistgħu jgħinu biex jiġi estiż it-tul tal-ħajja ta' prodott u tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-fiduċja tal-konsumaturi f'tali prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' dawn il-mudelli kummerċjali ġodda permezz ta' appoġġ finanzjarju mmirat fl-ambitu tal-Programm tas-Suq Uniku u kwalunkwe programm rilevanti ieħor tal-QFP;
19. Jappella għall-iżvilupp ta' kampanji nazzjonali u mekkaniżmi rilevanti biex il-konsumaturi jiġu mħeġġa jestendu t-tul tal-ħajja tal-prodotti permezz tat-tiswija u l-użu ta' oġġetti użati u biex titqajjem kuxjenza dwar il-valur miżjud ta' teknoloġiji innovattivi sostenibbli; jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jassistu u jappoġġjaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali u lokali, kif ukoll lill-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet, kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament fl-ambitu tal-Programm tas-Suq Uniku tal-QFP fit-twettiq ta' tali kampanji ta' sensibilizzazzjoni;
20. Jistieden lill-kumpaniji u lill-organizzazzjonijiet kollha jirreġistraw mal-Unità tal-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) tal-UE sabiex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom; jistenna bil-ħerqa r-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju, li għandu jtejjeb b'mod sinifikanti d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-kumpaniji;
Strateġija diġitali għal suq sostenibbli
21. Jilqa' t-tħabbira ta' spazju komuni Ewropew tad-data għal applikazzjonijiet ċirkolari intelliġenti u l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa "passaport tal-prodott" diġitali biex ittejjeb it-traċċabbiltà u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni ta' prodott, id-durabbiltà, il-kompożizzjoni, l-użu mill-ġdid, it-tiswija, il-possibbiltajiet ta' żarmar u t-trattament ta' tmiem il-ħajja, filwaqt li jitqiesu l-prinċipju tal-proporzjonalità u l-ispejjeż għan-negozji u filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet tal-SMEs, il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom; jitlob li dawn l-għodod jiġu żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;
22. Jieħu nota tal-kontribut tat-teknoloġiji diġitali għall-innovazzjoni u fit-tiswir ta' ekonomija aktar ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa standards u protokolli għall-aċċess għal data interoperabbli u l-użu tagħha sabiex data bejn il-kumpaniji, l-investituri u l-awtoritajiet tiġi kondiviża b'mod effettiv u jiġu pprovduti opportunitajiet ta' negozju ċirkolari ġodda u mmexxija mid-data; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji sostenibbli fil-QFP il-ġdid;
23. Jinnota li, kemm jekk nikkunsidraw il-manifattura kif ukoll jekk nikkunsidraw is-servizzi, is-settur diġitali u l-konsum online għandhom impronta ambjentali, u jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif indiċi ta' sostenibbiltà diġitali tal-UE bbażat fuq analiżi taċ-ċikli tal-ħajja tal-prodotti jiffaċilita l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tat-teknoloġiji diġitali; jirrimarka li l-prattiki biex jitnaqqas tali impatt ambjentali, bħat-tnaqqis tal-imballaġġ u l-iżvilupp ta' imballaġġ aktar sostenibbli, għandhom ikunu parti minn strateġija lejn suq uniku sostenibbli;
24. Iżid jgħid li għandu jiżdied l-għarfien dwar l-impronta ambjentali potenzjali ta' data mhux meħtieġa, bħal apps mhux użati, files, videos, ritratti u emails mhux mixtieqa; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-prattiki u l-infrastruttura diġitali f'termini tal-impronta tal-karbonju u ambjentali tagħhom, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-prattiki tal-konsumatur, u tikkunsidra miżuri xierqa biex tnaqqsu;
25. Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tqis id-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar l-istabbiliment ta' sistema ta' ċarġers komuni, sabiex jitnaqqsu l-volumi ta' produzzjoni u l-iskart elettroniku;
26. Huwa tal-fehma li l-akkwist pubbliku għandu jsir ċentrali għall-pjan ta' rkupru ekonomiku tal-UE, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi jiġu appoġġjati l-isforzi ta' innovazzjoni tas-settur privat u l-proċessi ta' diġitalizzazzjoni tal-offerti pubbliċi u jiġu stabbiliti l-inċentivi t-tajba biex tingħata spinta lill-produzzjoni u l-konsum sostenibbli; jitlob li tingħata prijorità lill-istimolu tad-domanda għal oġġetti u servizzi ekoloġiċi b'impronta ambjentali iżgħar u l-promozzjoni ta' kriterji soċjali u ambjentali;
27. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-użu tal-akkwist pubbliku ambjentali, soċjali u tal-innovazzjoni fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u newtrali għall-klima, billi jiġu introdotti kriterji u miri ta' sostenibbiltà fl-offerti pubbliċi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-impenn tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni permezz ta' miżuri speċifiċi għas-settur u gwida dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku, filwaqt li żżomm il-qafas ta' leġiżlazzjoni attwali dwar l-akkwist pubbliku, u jistieden lill-Kummissjoni tkun ambizzjuża biex il-kriterji sostenibbli fl-akkwist pubbliku jkunu l-għażla awtomatika; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati l-prodotti użati, użati mill-ġdid, riċiklati u kkundizzjonati mill-ġdid u programmi ta' software b'konsum baxx tal-enerġija billi jiġu stabbiliti miri għax-xiri pubbliku; jenfasizza l-benefiċċji potenzjali ta' strument għall-iskrinjar tas-sostenibbiltà tal-offerti pubbliċi biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħhom mal-impenji klimatiċi tal-UE u jiġi indirizzat il-"greenwashing";
28. Jenfasizza r-rwol li l-akkwist ekoloġiku u soċjali jista' jkollu fit-tqassir tal-ktajjen tal-provvista, fit-tnaqqis tad-dipendenza fuq pajjiżi terzi u fit-trawwim tas-sostenibbiltà f'setturi kruċjali bħal dawk li jipproduċu l-prodotti mediċinali, l-enerġija u l-ikel; jitlob li jkun hemm reċiproċità effettiva fl-akkwist pubbliku ma' pajjiżi terzi u li jiġi garantit aċċess adegwat għall-akkwist pubbliku għall-SMEs, kif ukoll għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, billi jiġu introdotti, fost l-oħrajn, kriterji preferenzjali għall-għoti;
29. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-iskemi eżistenti tal-UE biex jakkwistaw b'mod sostenibbli u jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, ittejjeb il-gwida tagħha u tmexxi bl-eżempju billi tippubblika miri u statistika relatati mal-impatt ambjentali tax-xiri tagħhom; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm obbligi ta' rappurtar għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fir-rigward tal-akkwist pubbliku sostenibbli tagħhom, mingħajr ma jinħoloq piż amministrattiv mhux ġustifikat u filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà;
Kummerċjalizzazzjoni u reklamar responsabbli
30. Jirrimarka li l-konsumaturi jħabbtu wiċċhom ma' asserzjonijiet qarrieqa dwar il-karatteristiċi ambjentali tal-prodotti u s-servizzi, kemm online kif ukoll offline; jirrakkomanda, għalhekk, li jsir monitoraġġ effettiv tal-asserzjonijiet ambjentali magħmula mill-manifatturi u d-distributuri qabel ma prodott jew servizz jitqiegħed fis-suq u li d-Direttiva 2005/29/KE li ġiet emendata reċentement tiġi infurzata permezz ta' miżuri proattivi biex jiġu indirizzati l-prattiki qarrieqa; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida aġġornati għall-implimentazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-asserzjonijiet ambjentali biex tipprovdi gwida għal attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq;
31. Jitlob l-iżvilupp ta' linji gwida u standards ċari għal asserzjonijiet ekoloġiċi u impenji li jsarrfu f'ċertifikazzjonijiet tal-ekotikketta msaħħa u jilqa' l-proposta leġiżlattiva mħabbra dwar is-sostanzjar ta' asserzjonijiet ekoloġiċi; jirrakkomanda li tiġi vvalutata l-ħtieġa possibbli tal-istabbiliment ta' reġistru pubbliku Ewropew li jelenka l-asserzjonijiet ambjentali awtorizzati u pprojbiti, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-passi li għandhom isiru biex issir asserzjoni; iżid jgħid li l-għoti ta' informazzjoni trasparenti, affidabbli u eżatta jżid il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti u s-swieq, u finalment iwassal għal konsum aktar sostenibbli;
32. Jenfasizza li r-reklamar għandu impatt fuq il-livelli u x-xejriet tal-konsum u għandu jinkoraġġixxi għażliet ta' negozju u tal-konsumatur sostenibbli; jisħaq fuq l-importanza ta' reklamar responsabbli li jirrispetta l-istandards pubbliċi dwar l-ambjent u s-saħħa tal-konsumatur; jissottolinja li l-qafas regolatorju attwali li jindirizza r-reklamar qarrieqi jista' jsaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur, speċjalment għal ċerti kategoriji ta' konsumaturi meqjusa vulnerabbli, u jinkoraġġixxi l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli;
o o o
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Ewrobarometru Speċjali 503 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Attitudes towards the impact of digitalisation on daily lives" (Attitudnijiet lejn l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq il-ħajja ta' kuljum).
Stħarriġ li sar f'isem il-Kummissjoni f'Diċembru 2015, bit-titolu "Consumer market study on the functioning of legal and commercial guarantees for consumers in the EU" (Studju tas-suq tal-konsumatur dwar il-funzjonament tal-garanziji legali u kummerċjali għall-konsumaturi fl-UE).
Ewrobarometru Flash 388 ta' Ġunju 2014 intitolat "Attitudes of Europeans towards waste management and resource efficiency" (Attitudnijiet tal-Ewropej lejn il-ġestjoni tal-iskart u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi).