Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2076(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0197/2020

Testi mressqa :

A9-0197/2020

Dibattiti :

PV 23/11/2020 - 20
CRE 23/11/2020 - 20

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2020 - 14

Testi adottati :

P9_TA(2020)0321

Testi adottati
PDF 229kWORD 80k
L-Erbgħa, 25 ta' Novembru 2020 - Brussell
Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa
P9_TA(2020)0321A9-0197/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa (2020/2076(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 173 tiegħu li jirrigwarda l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, fost affarijiet oħrajn, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 14, 27 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-TFUE u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-TUE li jirreferi għas-suq intern, l-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija soċjali tas-suq,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra s-sejbiet tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali 2020, ippubblikati fil-11 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2020 dwar ir-"Roadmap of the Pharmaceutical Strategy – timely patient access to affordable medicines" (Pjan Direzzjonali tal-Istrateġija Farmaċewtika – aċċess fil-ħin tal-pazjenti għal mediċini affordabbli),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 intitolata "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 intitolata "Programm ta' Ħidma Aġġustat tal-Kummissjoni 2020"(COM(2020)0440),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar l-istrateġija Ewropea għad-data (COM(2020)0066),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar "L-Intelliġenza Artifiċjali Approċċ Ewropew għall-Eċċellenza u l-Fiduċja" (COM(2020)0065),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar l-implikazzjonijiet tas-sikurezza u tar-responsabbiltà tal-Intelliġenza Artifiċjali, tal-Internet tal-Oġġetti u tar-robotika (COM(2020)0064),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru(1),

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni: Rebbiegħa 2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-23 ta' April 2020 tal-President tal-Kunsill Ewropew wara l-vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-17 ta' Marzu 2020 tal-President tal-Kunsill Ewropew wara l-vidjokonferenza mal-membri tal-Kunsill Ewropew dwar il-COVID-19,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 2020 intitolata "Rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19" (COM(2020)0112),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 intitolata "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098) u l-konklużjonijiet dwar "Aktar ċirkolarità – tranżizzjoni lejn soċjetà sostenibbli" adottati mill-Kunsill fit-3 716-il laqgħa tiegħu li saret fl-4 ta' Ottubru 2019 (12791/19), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 intitolata "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 intitolata "Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" (COM(2020)0102),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020, intitolata "Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali" (COM(2020)0103),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2020 għal regolament li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima") (COM(2020)0080),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 intitolata "Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa" (COM(2020)0067),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2020 intitolat "Unjoni li tirsisti għal aktar" (COM(2020)0037),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli (COM(2020)0021),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2019 "Masterplan for a Competitive Transformation of EU Energy-intensive Industries Enabling a Climate-neutral Circular Economy by 2050" (Pjan Ġenerali għal Trasformazzjoni Kompetittiva tal-Industriji Intensivi fl-Enerġija tal-UE li Tippermetti Ekonomija Ċirkolari newtrali għall-Klima sal-2050) (Rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar Industriji Intensivi fl-Enerġija),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar tassazzjoni ġusta f'ekonomija diġitalizzata u globalizzata: BEPS 2.0(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019 (EUCO 29/19),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar "Aġenda Strateġika Ġdida għall-UE 2019-2024" (EUCO 9/19),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar "Strateġija futura għall-Politika Industrijali tal-UE" adottati mill-Kunsill fit-3 655 laqgħa tiegħu li saret fid-29 ta' Novembru 2018 (14832/2018),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 dwar "Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura" (COM(2018)0267),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 intitolata "Ninvestu f'industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli – Strateġija mġedda għall-Politika Industrijali tal-UE" (COM(2017)0479),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni għal tweġiba orali dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (O-000047/2017),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 intitolata "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 intitolata "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, ratifikat mill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-ħtieġa ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti Caterpillar u Alstom(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 u tat-23 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda tal-Kompetittività Industrijali, dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija Ewropea u dwar il-pakkett tat-"Teknoloġiji tas-Suq Uniku Diġitali u l-Modernizzazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 intitolata "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 intitolata "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 u tat-22 ta' Marzu 2019, (EUCO 1/19),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Kummerċ Industrijali, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għas-Sajd,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0197/2020),

A.  billi l-Unjoni Ewropea teħtieġ strateġija industrijali ġdida f'konformità mal-għan tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 li se toħloq il-kundizzjonijiet għal soċjetà innovattiva, inklużiva, reżiljenti u diġitalizzata u se tagħti kontribut kbir għall-kompetittività globali tal-industriji Ewropej; billi din l-istrateġija għandha żżomm livelli għoljin ta' impjiegi u impjiegi ta' kwalità għolja, filwaqt li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura; billi strateġija bħal din teħtieġ li tiżgura t-tranżizzjoni doppja lejn bażi industrijali Ewropea li tkun moderna, diġitalizzata, li tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-sorsi rinnovabbli, effiċjenti ħafna fl-enerġija u tar-riżorsi u newtrali għall-klima; billi l-istrateġija għandha ssaħħaħ ukoll it-tmexxija globali Ewropea u tnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq partijiet oħra tad-dinja fil-ktajjen tal-valur strateġiċi permezz tad-diversifikazzjoni u tagħmilhom aktar sostenibbli, billi tevita d-delokalizzazzjoni tal-industriji Ewropej filwaqt li tippreserva suq miftuħ;

B.  billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha ħolqu tnaqqis bla preċedent fir-ritmu ekonomiku fl-Ewropa li joħloq ir-riskju li jiżdiedu l-inugwaljanzi u t-tensjonijiet soċjali fl-Unjoni, speċjalment fost l-aktar ċittadini vulnerabbli;

C.  billi l-kompetittività industrijali u l-politika dwar it-tibdil fil-klima jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku, u r-riindustrijalizzazzjoni innovattiva u newtrali għall-klima se toħloq impjiegi lokali u tiżgura l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea; billi tali approċċ għandu jkun applikat fil-politiki kollha relatati mat-tranżizzjoni diġitali u ambjentali;

D.  billi l-Unjoni teħtieġ li tiżblokka l-potenzjal intraprenditorjali ta' gruppi soċjali partikolari li fosthom jeħtieġ li dan jiġi żviluppat bis-sħiħ, inklużi ż-żgħażagħ, il-migranti, il-persuni akbar fl-età u n-nisa; billi l-istrateġija industrijali tal-Unjoni tista' tirrappreżenta opportunità biex titrawwem il-kultura intraprenditorjali ta' gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed jew li huma żvantaġġati u biex dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika;

E.  billi s-setturi kollha tal-ekonomija, u b'mod partikolari l-SMEs, intlaqtu mill-pandemija tal-COVID-19 u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku bla preċedent li ħolqot, b'xi setturi saħansitra waqfu għalkollox; billi f'dan il-kuntest irkupru rapidu u ġust mhux se jinkiseb permezz ta' xenarju ta' żamma ta' status quo u kwalunkwe strateġija industrijali orjentata lejn il-futur għandha tibda billi tindirizza l-irkupru industrijali u l-kompetittività globali fit-tul speċjalment fis-setturi ta' tkabbir u f'dawk is-setturi l-akbar milquta mill-miżuri ta' lockdown tal-COVID-19;

F.  billi djun ġodda li saru għas-sopravivenza matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku aktarx li jħallu lill-kumpaniji bi struttura finanzjarja fraġli, u dan iwassal għal tkabbir aktar bil-mod u għal nuqqas ta' kapaċitajiet ta' investiment fuq terminu ta' żmien qasir, medju u fit-tul biex tintlaħaq it-tranżizzjoni doppja lejn ekonomija li tkun kemm diġitalizzata u newtrali għall-klima kif ukoll effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari;

G.  billi f'dawn iċ-ċirkostanzi l-Unjoni teħtieġ strateġija industrijali li jkollha żewġ fażijiet distinti, waħda li tiffoka fuq l-irkupru u l-oħra fuq ir-rikostruzzjoni u r-reżiljenza; billi l-irkupru ekonomiku għandu jkun ibbażat fuq approċċ soċjali u ambjentalment sostenibbli b'saħħtu u għandu jappoġġa r-rikostruzzjoni industrijali lejn trasformazzjoni diġitali u ekoloġika ta' suċċess, b'forzi tax-xogħol kwalifikati li jakkumpanjaw dawn it-trasformazzjonijiet u jiżguraw tranżizzjoni ekwa u ġusta;

H.  billi s-settur industrijali fl-Ewropa huwa ferm interkonness u hemm interrelazzjonijiet b'saħħithom bejn l-Istati Membri u approċċi differenti għal kumpaniji ta' daqsijiet differenti; billi, konsegwentement, politika Ewropea kkoordinata li tiżgura li l-katina kollha tal-produzzjoni tista' tibbenefika, minn intrapriżi kbar għall-SMEs, se jkollha aktar suċċess fiż-żieda tal-kompetittività u s-sostenibbiltà globali tal-Ewropa;

I.  billi l-Unjoni għandha tkompli ssegwi ftehimiet kummerċjali ambizzjużi b'mod kemm multilaterali kif ukoll bilaterali; billi qabel il-kriżi tal-COVID-19, l-industrija Ewropea, filwaqt li baqgħet il-pilastru tal-ekonomija tal-Unjoni u kienet timpjega madwar 32 miljun persuna, diġà kienet f'salib it-toroq, bil-kontribuzzjoni tagħha għall-PDG tal-UE li naqset minn 23 % għal 19 % matul l-aħħar 20 sena; billi bħalissa qed tiffaċċja kompetizzjoni internazzjonali intensa u spiss hija affettwata minn miżuri kummerċjali dejjem aktar protezzjonisti minn pajjiżi terzi li ma jipprattikawx standards ambjentali u soċjali għoljin;

J.  billi l-Istrateġija Industrijali Ewropea l-ġdida teħtieġ li tiżgura t-tranżizzjoni doppja lejn bażi industrijali Ewropea li tkun kompetittiva u sostenibbli; billi din it-trasformazzjoni tikkostitwixxi opportunità għall-Ewropa biex timmodernizza s-sisien industrijali tagħha, iżżomm u tirrilokalizza l-impjiegi u l-produzzjoni industrijali ewlenija u tibni ħiliet u kapaċitajiet essenzjali għall-isforz globali biex taħdem favur l-objettivi stabbiliti fil-liġi dwar il-klima u fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

K.  billi l-istrateġija teħtieġ tipprovdi l-qafas regolatorju meħtieġ biex tippermetti t-tranżizzjoni doppja, kif ukoll l-infrastrutturi u r-riżorsi finanzjarji meħtieġa, u tiffoka fuq il-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel", l-iffrankar tal-enerġija u tar-riżorsi, it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u tal-enerġija b'livell żero jew baxx ta' karbonju, iċ-ċirkolarità u n-nontossiċità;

L.  billi lil hinn mill-kriżi tal-COVID-19, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali għadhom waħda mill-akbar sfidi u jirrikjedu approċċ komprensiv komuni; billi l-emissjonijiet industrijali tal-UE jikkontribwixxu għall-emissjonijiet totali ta' gassijiet b'effett ta' serra (GHG) tal-Ewropa; billi d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija li tuża ħafna enerġija għadha waħda mill-akbar sfidi fit-triq lejn il-kisba tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; billi s-setturi kollha għandhom jikkontribwixxu biex jinkisbu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni;

M.  billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet ir-rwol kruċjali tal-assi diġitali, inklużi l-konnettività u n-networks, kif ukoll tal-ħiliet diġitali, bħala għodda li tippermetti lill-ħaddiema u l-kumpaniji jadattaw il-mod li bih iwettqu l-kompiti u l-operazzjonijiet tagħhom għas-sitwazzjoni ta' emerġenza; billi r-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali u t-titjib tal-ħiliet diġitali tal-forza tax-xogħol huma oqsma ta' prijorità biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, speċjalment l-SMEs;

N.  billi l-istrateġija industrijali l-ġdida tal-Unjoni għandha tiffoka fuq żieda fil-konnettività, livelli diġitali mtejba, l-Internet tal-Oġġetti Industrijali (IIoT), l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġiji tar-reġistru diġitali, l-informatika tal-iperprestazzjoni u l-quantum computing; billi s-settur diġitali se jikkontribwixxi wkoll għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u għat-tranżizzjoni industrijali lejn in-newtralità klimatika, kemm bħala sors ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi u ottimizzazzjoni tal-proċessi industrijali, kif ukoll billi jtejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni tal-ekonomija ċirkolari tas-settur diġitali nnifsu;

O.  billi s-sovranità u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni jeħtieġu bażi industrijali awtonoma u kompetittiva u investiment massiv fir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex tiġi żviluppata tmexxija f'teknoloġiji abilitanti essenzjali u soluzzjonijiet innovattivi u tiġi żgurata l-kompetittività globali; billi l-istrateġija industrijali tal-Unjoni għandha tinkludi pjan ta' azzjoni biex issaħħaħ, tqassar, tagħmel aktar sostenibbli u tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista tal-industriji Ewropej sabiex tnaqqas id-dipendenza żejda fuq ftit swieq u żżid ir-reżiljenza tagħhom; billi għandu jkun hemm ukoll strateġija għal rilokalizzazzjoni intelliġenti sabiex l-industriji jiġu skjerati mill-ġdid fl-Ewropa kif ukoll biex jiżdiedu l-produzzjoni u l-investiment u tiġi rilokata l-produzzjoni industrijali f'setturi ta' importanza strateġika għall-Unjoni;

1.  Iqis li t-tranżizzjoni lejn soċjetà soċjalment, ekonomikament u ambjentalment reżiljenti, tmexxija strateġika u awtonomija u suq uniku li jiffunzjona tajjeb għandha tkun fil-qalba tal-istrateġiji kollha tal-Unjoni; jemmen, għalhekk, li huwa meħtieġ li jitwettaq qafas leġiżlattiv u ta' politika li jiffunzjona bis-sħiħ u li jħares 'il quddiem, ibbażat fuq il-fehim tad-dinamika bejn il-pjan ta' rkupru, l-ambizzjonijiet klimatiċi u diġitali tagħna u strateġija industrijali effettiva li tissimplifika l-approċċi, il-miri u l-għanijiet differenti; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi strateġija industrijali riveduta u komprensiva li tipprovdi qafas ta' politika ċar u ċertezza regolatorja, u, fost l-oħrajn:

   (a) toħloq il-kundizzjonijiet għal tkabbir fit-tul, ittejjeb il-prosperità tal-Unjoni bbażata fuq l-innovazzjoni u l-kompetittività globali u tikseb in-newtralità klimatika;
   (b) timmobilizza r-riżorsi finanzjarji xierqa, inklużi miżuri għall-irkupru;
   (c) tappoġġa u timmaniġġa t-tranżizzjoni doppja - ekoloġika u diġitali, filwaqt li żżomm u toħloq impjiegi ta' kwalità għolja;
   (d) taħdem favur il-Patt Ekoloġiku Ewropew;
   (e) tiżgura, tagħmel aktar sostenibbli, tiddiversifika u tiddiġitalizza ktajjen tal-valur strateġiċi, anke billi tippromwovi u tappoġġa l-kummerċ internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;
   (f) issaħħaħ l-ispirtu intraprenditorjali, toħloq ambjent favorevoli għan-negozju, tappoġġa l-SMEs u tinkoraġġixxi l-ħolqien u t-tkabbir ta' kumpaniji, inklużi negozji ġodda;
   (g) ittejjeb ir-reżiljenza strateġika u l-awtonomija tal-Unjoni, inkluż fil-materja prima, u ssaħħaħ it-tmexxija teknoloġika;
   (h) toħloq il-kundizzjonijiet għal żvilupp ugwali u tinkoraġġih fir-reġjuni kollha tal-Unjoni, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

2.  Jitlob strateġija industrijali inklużiva li tinvolvi l-ekosistemi industrijali kollha, l-SMEs, ir-reġjuni, il-komunitajiet u l-ħaddiema fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħha; huwa tal-fehma li strateġija industrijali b'saħħitha tista' tgħin biex jingħelbu l-kompromessi potenzjali u tagħmilha possibbli li jinħatfu l-opportunitajiet maħluqa mit-tranżizzjoni doppja; jinsab konvint li l-politika industrijali tal-Unjoni trid tkun tista' tiddependi fuq pilastru soċjali b'saħħtu u tindirizza fil-ħin il-konsegwenzi soċjali tat-tibdil strutturali;

3.  Iqis li huwa essenzjali li jsir investiment fi swieq tax-xogħol attivi u li jiġu pprovduti programmi ta' edukazzjoni u taħriġ bil-għan li jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi politika tal-Unjoni li tikkorrispondi mal-għadd ta' impjiegi li jistgħu jintilfu fl-industriji tradizzjonali mad-domanda għax-xogħol fl-industriji tat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, peress li dawn l-impjiegi ġodda x'aktarx ma jinħolqux fl-istess reġjuni li fihom jitilfu l-industriji tradizzjonali, u ma jittiħdux mill-istess ħaddiema, biex jiffaċilitaw ir-rivitalizzazzjoni ekonomika u soċjali tat-territorji li qed jirriskjaw id-depopolazzjoni u t-tfaqqir, b'attenzjoni partikolari għad-disparitajiet bejn il-ġeneri;

4.  Iqis li din it-tranżizzjoni doppja hija opportunità għal żoni ddominati mill-fjuwils fossili biex jimxu lejn l-ewwel linja ta' innovazzjoni u sistema ta' produzzjoni li tkun kompatibbli mal-objettivi tan-newtralità klimatika; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgura li din it-tranżizzjoni trawwem kundizzjonijiet għall-ħolqien tal-impjiegi li jkunu ekwi u soċjalment ġusti fl-ispirtu tal-prinċipju li ħadd ma jitħalla jibqa' lura, filwaqt li timxi id f'id mal-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, it-titjib tal-istandards soċjali u tal-għajxien u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin; jissottolinja f'dan ir-rigward il-ħtieġa li kull azzjoni li taċċelera t-tranżizzjoni doppja tkun akkumpanjata minn politiki korrispondenti u azzjonijiet konkreti li jkollhom l-għan li jindirizzaw l-effetti negattivi kemm fuq ir-reġjuni kif ukoll fuq l-aktar persuni vulnerabbli;

5.  Jenfasizza li, għal dan il-għan, jeħtieġ li ssir enfasi fuq il-koeżjoni reġjonali u soċjali u l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar, imfassla skont il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol lokali, bil-għan li jkun hemm rivitalizzazzjoni ekonomika tar-reġjuni milquta kif ukoll bil-għan li jiġi indirizzat il-qgħad u jiġi promoss l-użu tal-investiment pubbliku, anke f'setturi essenzjali partikolarment milquta mill-pandemija, sabiex jiġu appoġġati impjiegi ta' kwalità għolja madwar l-Unjoni; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-ġestjoni u l-governanza tal-kumpaniji;

6.  Jinsisti fuq l-identifikazzjoni ta' settijiet ta' ħiliet futuri u fuq aktar investiment fir-riżorsi umani, l-edukazzjoni, it-taħriġ immirat, it-titjib tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, sabiex il-persuni u r-reġjuni jiġu pprovduti b'perspettivi u introjti futuri, kif ukoll biex l-industrija tiġi pprovduta b'ħaddiema tas-sengħa; jinnota li industrija kompetittiva tiddependi ħafna fuq ir-reklutaġġ u ż-żamma ta' forza tax-xogħol kwalifikata b'ħiliet kruċjali fil-qasam tas-sostenibbiltà u t-trasformazzjoni diġitali tan-negozji, u li dan għandu jiġi appoġġat b'finanzjament adegwat mill-Programm Ewropa Diġitali u l-Programm tas-Suq Uniku;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex isaħħu l-koordinazzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni, b'investimenti pubbliċi massivi fihom fl-Ewropa kollha; iħeġġeġ barra minn hekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' partijiet ikkonċernati esperti inkarigat li jipprevedi lakuni u nuqqasijiet futuri fil-ħiliet industrijali bl-għajnuna tal-IA u r-riżorsi diġitali, speċjalment il-kapaċitajiet tal-big data;

8.  Jemmen li l-istrateġija ġdida fit-tul għall-futur industrijali tal-Ewropa għandha tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet li għadhom jaffettwaw is-suq tax-xogħol Ewropew u s-soċjetà Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tqis id-dimensjoni tal-ġeneri fl-implimentazzjoni tal-istrateġija industrijali Ewropea, kemm fil-fażi tal-irkupru kif ukoll fil-fażijiet tar-rikostruzzjoni u t-trasformazzjoni, inkluż l-użu ta' għodod għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru fid-definizzjoni tal-istrumenti finanzjarji li jappoġġaw it-tkabbir industrijali u ekonomiku tal-Unjoni;

9.  Jissottolinja r-rwol ewlieni li l-industrija Ewropea jista' jkollha fl-impenn attiv favur objettivi ambjentali, soċjali u ekonomiċi ambizzjużi, inkluż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li biex dan jimmaterjalizza, l-UE għandha bżonn tgħammar lilha nnifisha b'qafas ta' diliġenza dovuta globali għall-industrija biex tidentifika, tintraċċa, tipprevjeni, timmitiga u tqis ir-riskji, l-impatti, l-abbużi u l-ħsara ambjentali u soċjali, fl-attivitajiet domestiċi u globali tagħha, u bejn il-ktajjen tal-provvista, sabiex tipprovdi standards minimi u toħloq kundizzjonijiet ekwi;

10.  Iqis li l-Unjoni teħtieġ strateġija industrijali li tikkontribwixxi għall-irkupru industrijali mill-kriżi ekonomika attwali, tattira l-investimenti, tiffaċilita l-aċċess għall-kapital u tistimula kompetizzjoni effettiva; jemmen għalhekk li strateġija aġġornata għandha tqis żewġ fażijiet prinċipali u marbuta ma' xulxin: waħda mmirata lejn il-konsolidazzjoni tal-impjiegi, billi tirriattiva l-produzzjoni u tadattaha għal sitwazzjoni "normal ġdida" ta' wara l-COVID-19 u t-tieni fażi mmirata lejn ir-rikostruzzjoni u t-trasformazzjoni;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, issaħħaħ il-leġiżlazzjoni eżistenti u futura rilevanti sabiex tagħti prijorità lit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività fit-tul u r-reżiljenza soċjetali u ekonomika matul iż-żewġ fażijiet; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tistimola d-domanda interna tal-Unjoni u t-tkabbir fit-tul billi tattira aktar investiment, kemm pubbliku kif ukoll privat, fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda sostenibbli u diġitali, inkluż f'industriji li jirrikjedu ħafna ħaddiema, f'networks u proġetti ta' infrastruttura ġodda li jkunu kompatibbli mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, effiċjenti fl-enerġija u tar-riżorsi u fl-ekonomija ċirkolari;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji rapport komprensiv li jivvaluta l-istat tal-ekonomija tal-Unjoni u l-fattibbiltà li titwettaq it-tranżizzjoni doppja, filwaqt li jitqiesu l-opportunitajiet għall-industrija, inklużi l-SMEs, biex jinkisbu s-sinerġiji u jiġu minimizzati r-riskji li jistgħu jippreżentaw lil xulxin u biex jiġu massimizzati l-benefiċċji; jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tas-sejbiet tagħha, tadatta l-istrateġija ppubblikata f'Marzu 2020 għas-sitwazzjoni attwali u tindirizza ż-żewġ fażijiet, filwaqt li żżomm l-enfasi fuq tranżizzjoni ekoloġika, diġitali, ekwa u ġusta li ssaħħaħ is-sovranità tal-Unjoni u l-awtonomija strateġika tagħha;

13.  Jissottolinja li l-istrateġija industrijali tal-Unjoni trid issegwi għanijiet definiti sew u, fl-interessi ta' trasparenza sħiħa, jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi definizzjonijiet ċari, espliċiti u konkreti ta' kunċetti ta' "strateġika", "awtonomija", "awtonomija strateġika", "reżiljenza", "reżiljenza strateġika", u kunċetti relatati oħra, sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet meħuda b'referenza għal dawn il-kunċetti jkunu speċifiċi u mmirati lejn il-prijoritajiet u l-għanijiet tal-UE;

14.  Iqis li l-istrumenti ta' assigurazzjoni tradizzjonali mhumiex biżżejjed biex ikopru t-telf fl-interruzzjoni tan-negozju kkawżata minn pandemija, u li soluzzjoni ambizzjuża għall-UE kollha hija meħtieġa biex tantiċipa u timmaniġġa l-effetti negattivi ta' kriżi pandemika jew sistemika futura fuq in-nies, in-negozji u l-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur il-ħolqien ta' qafas li jinvolvi lill-investituri istituzzjonali, lill-Istati Membri u lill-UE, biex tkopri t-telf minħabba interruzzjoni tan-negozju f'każ ta' pandemija futura;

15.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex toħloq strument ġdid għall-irkupru, fosthom Next Generation EU (NGEU), ta' EUR 750 biljun; jiddeplora t-tnaqqis fil-programmi orjentati lejn il-futur propost mill-Kunsill Ewropew f'Lulju 2020, kemm fil-QFP 2021-2027 kif ukoll fl-NGEU, u jitlob li l-infiq mill-baġit tal-UE fuq l-isforzi tat-tibdil fil-klima jiżdied għal mill-inqas 30 % tal-baġit; iqis li dan it-tnaqqis se jdgħajjef il-pedamenti ta' rkupru sostenibbli u reżiljenti għall-industrija tal-Unjoni u se jkollu effetti konsegwenzjali negattivi fuq l-ilħuq tal-objettivi tan-newtralità klimatika tal-Unjoni għall-2050, kif ukoll għall-ġustizzja soċjali u l-kompetittività globali; jitlob, għalhekk, li jkun hemm baġit fit-tul tal-UE li jkun ambizzjuż u aktar b'saħħtu għall-2021-2027 u li ma jkunx anqas mill-proposta tal-Kummissjoni; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-pożizzjoni tal-Parlament dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, inkluża l-introduzzjoni ta' riżorsi ġodda li jkunu allinjati aħjar mal-prijoritajiet ewlenin tal-politika tal-UE u li jinċentivaw il-progress ta' dawn il-prijoritajiet;

16.  Jilqa' l-miżuri meħuda mill-Unjoni biex tindirizza l-kriżi tal-COVID-19, l-injezzjoni tal-likwidità mill-BĊE, iż-żieda fil-kapital tal-BEI għall-SMEs u l-inizjattiva SURE biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiffinanzjaw arranġamenti ta' ħidma fuq perjodu ta' żmien qasir, iżommu l-impjiegi u jipproteġu lill-ħaddiema; jilqa' pożittivament il-mezzi finanzjarji straordinarji skont il-Qafas għall-Miżuri ta' Għajnuna mill-Istat biex jiġu appoġġati n-negozji u l-ħaddiema fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna pprovduta fil-fażi ta' emerġenza tkun iġġustifikata mill-konsegwenzi tal-pandemija u ma twassalx għal nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq uniku u li l-ebda settur strateġiku ma jiġi traskurat; barra minn hekk, jistenna bil-ħerqa reviżjoni f'waqtha tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex l-Istati Membri jingħataw il-flessibbiltà meħtieġa għal appoġġ immirat biex jixprunaw id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni industrijali, u b'mod partikolari tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija; jenfasizza f'dan ir-rigward li kwalunkwe reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt tal-kompetittività tal-industrija Ewropea, għandha tqis id-distorsjonijiet possibbli fuq livell globali, u għandha tkun konsistenti bis-sħiħ man-newtralità klimatika u mal-għanijiet ambjentali tal-UE għall-2050 kif miftiehem fil-Liġi tal-UE dwar il-Klima;

17.  Jissottolinja li l-għajnuna mill-Istat għandha tingħata biss lill-kumpaniji li qed jiffaċċjaw l-effetti ekonomiċi immedjati tal-COVID-19 u li l-illaxkar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandu jkun limitat biż-żmien; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reġim speċifiku ta' għajnuna mill-Istat immirat biex jappoġġa s-setturi li l-aktar li sofrew mill-miżuri ta' emerġenza tal-COVID-19, bħall-industriji tal-karozzi, it-turiżmu, l-avjazzjoni u l-industriji tal-azzar u tal-metall; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti minimi komuni għall-kumpaniji li jirċievu assistenza finanzjarja, sabiex jiġu evitati kriterji nazzjonali differenti li jwasslu għal aktar diskrepanzi; jissottolinja li l-għajnuna pubblika li tingħata għandha tissalvagwardja l-impjiegi u tintuża biex l-operazzjonijiet tal-kumpaniji kkonċernati jiġu allinjati mal-objettivi tan-newtralità klimatika u ambjentali tal-Unjoni;

18.  Jissottolinja, fil-kuntest tal-assistenza ta' emerġenza, l-importanza li jingħata appoġġ lill-intrapriżi li jirrispettaw il-ftehimiet kollettivi applikabbli u li mhumiex reġistrati f'rifuġji fiskali;

19.  Jissottolinja, barra minn hekk, li kwalunkwe għajnuna mill-Istat attribwita skont il-politiki industrijali jew kwalunkwe politika oħra għandha taderixxi mal-"prinċipju ta' bbilanċjar" komuni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u tiġi evitata kull forma ta' dumping soċjali fi ħdan l-UE kif ukoll distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ ċar, konsistenti u aċċessibbli għad-definizzjoni tas-suq f'każijiet ta' kompetizzjoni f'industriji differenti; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu żgurati biżżejjed veloċità, trasparenza u proporzjonalità fil-qafas amministrattiv u proċedurali tal-proċedimenti tal-kompetizzjoni tal-UE, b'mod partikolari fil-kontroll tal-fużjonijiet fl-UE;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' rapportar dwar il-modi li bihom il-protezzjoniżmu barrani jaffettwa l-industrija tal-UE kif ukoll valutazzjoni regolari tal-kompetittività tal-UE tas-setturi differenti tal-industrija tal-Unjoni meta mqabbla mal-kompetituri ewlenin tagħha, u taġixxi b'mod rapidu jekk ikunu meħtieġa aġġustamenti fir-regoli tal-Unjoni;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' kuntest ekonomiku globali li nbidel b'mod profond, biex tirrevedi r-regoli tal-antitrust tal-Unjoni, filwaqt li tfittex bilanċ bejn il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kompetizzjoni fuq skala globali u l-protezzjoni tal-katina tal-provvista u tal-konsumaturi mill-konsegwenzi negattivi potenzjali ta' suq intern aktar ikkonċentrat;

23.  Iqis li l-iskemi ekonomiċi stabbiliti mill-Istati Membri individwali biex jgħinu lill-SMEs, lin-negozji ġodda u lill-kumpaniji jlaħħqu mal-kriżi tal-likwidità għal żmien qasir huma utli, iżda f'xi każijiet jistgħu jżidu l-livelli tad-dejn tagħhom; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa programmi tal-UE u nazzjonali li jinċentivaw iż-żieda fil-kapital u jiffaċilitaw l-irkupru;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem mill-ġdid u ġġedded l-ispirtu tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, permezz ta' inizjattivi mmirati speċjalment biex jappoġġaw il-mikrointrapriżi u n-negozji żgħar, billi l-miżuri b'approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" spiss mhumiex adatti għall-mikrointrapriżi u l-SMEs; jemmen li l-SMEs jiġu moqdija l-aħjar b'miżuri ta' appoġġ ad hoc li jevitaw ostakoli burokratiċi u jiżguraw li l-likwidità meħtieġa tasal għand kumpaniji permezz ta' għodod effettivi u aċċessibbli u proċeduri veloċi, aġli u li jiffavorixxu l-SMEs; jisħaq li ħafna SMEs mhux se jkollhom il-likwidità biex jinvestu fi trasformazzjoni diġitali sostenibbli;

25.  Jissottolinja li l-programmi ta' finanzjament tal-UE għandhom impatt fuq iż-żieda fil-livell ta' tkabbir fit-tul tal-kumpaniji benefiċjarji, iżda jenfasizza wkoll li l-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs, jiffaċċjaw diffikultajiet sostanzjali biex jaċċessaw il-finanzjament tal-UE; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni ssegwi wkoll it-triq diġà esperjenzata mill-kofinanzjament ta' skemi ta' kreditu tat-taxxa provviżorji nazzjonali mmirati lejn it-trawwim ta' investimenti f'teknoloġiji diġitali u ambjentali;

26.  Itenni l-importanza ta' miżuri ta' appoġġ ad hoc indirizzati lejn l-SMEs, permezz ta' appoġġ finanzjarju sod fil-QFP li jmiss; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' programm ta' vawċers għall-SMEs li jappoġġa l-isforzi tal-SMEs, inklużi dawk biex jaġġornaw tagħmir skadut, itejbu t-trasferiment tal-għarfien u jidentifikaw l-aktar użi effettivi tat-teknoloġiji, bħall-intelliġenza artifiċjali industrijali, u jtejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa immedjatament biex jippermettu l-kontroll remot tal-assi, il-monitoraġġ tal-produzzjoni u l-kollaborazzjoni tal-impjegati, kif ukoll mudelli ta' negozju ambjentalment sostenibbli, approċċi tal-ekonomija ċirkolari, effiċjenza fl-enerġija u tar-riżorsi, oqsma fejn l-għarfien diġitali spiss huwa kruċjali u jippermetti lill-SMEs jibqgħu kompetittivi;

27.  Jiddispjaċih li għad hemm distakk sinifikanti bejn il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs fir-rigward tal-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali fl-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom, kif ukoll distakk bejn dawk li huma minn ta' quddiem u dawk li għadhom lura fl-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-opportunitajiet għall-SMEs fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jassorbu teknoloġiji innovattivi u li jnaqqsu l-iżbilanċi diġitali f'termini ta' infrastruttura fi bliet iżgħar u f'żoni rurali u remoti; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa liċ-Ċentri ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej, li bis-saħħa tal-għarfien tal-ekosistemi lokali jirrappreżentaw mod potenzjalment effettiv biex jitnaqqas id-distakk diġitali;

28.  Jemmen li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fl-eżitu tal-istrateġija industrijali peress li dawn joħolqu valur pubbliku u jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp tal-komunitajiet lokali fejn huma bbażati; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tqis l-ispeċifiċitajiet ta' din il-kategorija ta' intrapriżi fit-tfassil tal-istrumenti finanzjarji tal-programm ta' ħidma, sabiex jiġi appoġġat l-aċċess tagħhom għall-finanzi;

29.  Jissottolinja li hemm attributi speċifiċi li jagħmlu t-tranżizzjoni ekonomikament sostenibbli lejn ekonomija newtrali għall-klima u kompletament diġitali partikolarment adattata għall-miżuri ta' rkupru li jfittxu li jżidu b'mod rapidu d-domanda tal-konsumaturi u l-impjiegi; jenfasizza li l-evidenza turi li l-proġetti ekoloġiċi u diġitali joħolqu aktar impjiegi, jirriżultaw f'redditi ogħla fuq perjodu ta' żmien qasir għal kull euro li jintefaq u jwasslu għal iffrankar akbar tal-ispejjeż fit-tul meta mqabbla ma' stimoli fiskali tradizzjonali, peress li dawn jiżviluppaw malajr minħabba li t-teknoloġija hija faċilment disponibbli (pereżempju sorsi ta' enerġija rinnovabbli), għandhom it-tendenza li jinvolvu lill-SMEs u jrawmu ekonomiji lokali permezz ta' effetti ta' impjiegi b'saħħithom, li jżidu malajr l-introjtu disponibbli tal-konsumaturi (pereżempju l-effiċjenza fl-enerġija), u huma anqas esposti għal xokkijiet esterni u b'hekk jikkontribwixxu għal irkupru soċjali u ekonomiku aktar reżiljenti;

30.  Jinnota li, sabiex tgħin fl-identifikazzjoni ta' investimenti b'impatti ambjentali u soċjali pożittivi għoljin, it-tassonomija tal-UE, fejn disponibbli, tistabbilixxi l-qafas sabiex jiġi stabbilit sa liema punt investiment huwa ambjentalment sostenibbli u biex jiġi żgurat li ma ssir l-ebda ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali u soċjali;

31.  Iqis li l-Unjoni tirrikjedi strateġija industrijali innovattiva li tħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-industriji u l-SMEs tagħna inklużi dawk tradizzjonali, ittejjeb il-kapaċità industrijali tal-Unjoni fl-infrastrutturi u l-kapaċitajiet diġitali kritiċi u ssaħħaħ is-suq uniku diġitali u tad-data; huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tappoġġa n-negozji fl-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-għarfien u t-taħriġ tagħhom u fl-investiment f'tagħmir diġitali (hardware u software), filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess ta' diġitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni u t-titjib tas-sistemi ta' taħriġ u ta' titjib ta' ħiliet; jissottolinja l-importanza tal-programm Ewropa Diġitali u l-importanza li titħaffef l-adozzjoni ta' teknoloġiji abilitanti u emerġenti fl-industriji; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ċentri tal-innovazzjoni diġitali madwar l-UE;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu, fost l-oħrajn, fl-ekonomija tad-data, l-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem, il-produzzjoni intelliġenti, l-Internet tal-Oġġetti (IoT), il-mobbiltà, is-supercomputing, l-inġinerija u t-teknoloġija tas-software, il-cloud, it-teknoloġija quantum, in-networks tal-5G u tas-6G b'veloċità għolja u bi prezz raġonevoli u siguri, it-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit (DLTs), ir-robotika, il-batteriji u l-internet satellitari; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jizguraw implimentazzjoni f'waqtha tal-miżuri ewlenin rilevanti rakkomandati fis-sett ta' għodod taċ-ċibersigurtà tal-5G u b'mod partikolari biex japplikaw, fejn xieraq, ir-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-fornituri ta' riskju għoli għal assi ewlenin definiti bħala kritiċi u sensittivi fil-valutazzjonijiet tar-riskju kkoordinati tal-UE.

33.  Jissottolinja r-rwol ewlieni tas-settur diġitali fil-kontribut għat-trasformazzjoni tas-settur industrijali, kemm bħala sors ta' soluzzjonijiet ta' teknoloġija nadifa kif ukoll fl-ottimizzazzjoni tal-proċessi industrijali u billi jiġi minimizzat l-impatt ambjentali tagħhom; minħabba l-konsum għoli ta' enerġija u riżorsi konnessi mal-ICT, jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ambjentali potenzjali tal-iżvilupp massiv ta' soluzzjonijiet diġitali filwaqt li tiżgura tmexxija Ewropea f'teknoloġiji diġitali u ċentri tad-data effiċjenti ħafna fl-enerġija u ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi toroq konkreti għal soluzzjonijiet diġitali biex iservu t-tranżizzjoni ekoloġika u biex jistabbilixxu metodoloġija għall-monitoraġġ u l-kwantifikazzjoni tal-impatt ambjentali li dejjem jiżdied tat-teknoloġiji diġitali;

34.  Jissottolinja li d-data għandha rwol ewlieni fit-trasformazzjoni tal-industriji Ewropej, u jenfasizza l-importanza tat-tkabbir tal-manifattura intelliġenti u tad-diġitalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta ambjent diġitali u tad-data uniku Ewropew u tiżgura u tippromwovi l-interoperabbiltà, kif ukoll l-aċċess u l-fluss għal data u software siguri fl-Unjoni u fis-setturi kollha, f'kumpaniji ta' kull daqs u fost l-istituzzjonijiet pubbliċi; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-tmexxija Ewropea fl-istabbiliment ta' standards orjentati lejn il-futur u l-ħolqien ta' għodod u infrastrutturi orjentati lejn il-futur għall-ħżin u l-ipproċessar tad-data u l-ġbir ta' data Ewropea f'setturi ewlenin, bi spazji tad-data komuni u interoperabbli mal-Unjoni kollha; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tiffoka b'mod partikolari fuq proġetti mmirati lejn il-ġestjoni u t-tikkettar tad-data, l-istandardizzazzjoni tal-format tad-data u s-sigurtà tad-data, tiżviluppa u tipproċessa data fuq it-territorju Ewropew, b'mod partikolari data minn korpi pubbliċi, tibni sistema ta' tassazzjoni diġitali aħjar li fiha l-profitti jiġu ntaxxati u fejn il-kumpaniji jkollhom interazzjoni sinifikanti mal-utenti, u tiżviluppa aktar l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni Ewropej dwar iċ-ċibersigurtà, u b'hekk tiżgura kompetittività msaħħa, tippromwovi teknoloġiji fixkiela, b'mod partikolari għall-infrastrutturi kritiċi, inkluż billi tirrevedi d-direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS) u billi tistabbilixxi ċentru taċ-ċibersigurtà; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura pjattaforma ġusta għar-relazzjonijiet kummerċjali biex tippermetti lill-intrapriżi fl-UE, speċjalment l-SMEs, jużaw id-data ġġenerata fuq il-pjattaformi b'mod effettiv;

35.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' approċċ Ewropew għall-ekonomija tad-data, li jkun trasparenti, affidabbli, interoperabbli u ċċentrat fuq il-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jnaqqsu progressivament il-frammentazzjoni fl-istrateġiji nazzjonali differenti u jindirizzaw l-iżbilanċi fis-setgħa tas-suq, bil-għan li jappoġġaw fluss ta' data, interoperabbiltà, ġestjoni tad-data, protezzjoni u użu (mill-ġdid) fl-Unjoni kollha;

36.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' qafas legali Ewropew dwar l-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati li jindirizza prinċipji etiċi u drittijiet fundamentali fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu tagħhom, kif ukoll mistoqsijiet dwar is-sikurezza u r-responsabbiltà; jenfasizza li l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industrija tal-Ewropa se jirrikjedu qafas orizzontali li jirrifletti l-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni, sabiex jipprovdu gwida konkreta u ċertezza legali liċ-ċittadini u lin-negozji bl-istess mod, inkluż dawk li jinsabu barra l-Unjoni;

37.  Hu tal-opinjoni li kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva fil-kuntest ta' reviżjoni tal-qafas tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali applikabbli bħalissa (IPR) trid tkun ikkunsidrata bir-reqqa peress li dan jista' jkollu impatt sinifikanti fuq l-ekonomija tad-data tal-UE li għadha fraġli u li qed tiżviluppa; jikkunsidra li ma għandu jkun hemm l-ebda dritt ta' sjieda bbażat fuq il-proprjetà intellettwali għal data mhux personali użata u prodotta minn teknoloġiji bħall-Intelliġenza Artifiċjali;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-pjan ta' rkupru miżuri konkreti biex tattira l-industriji lejn l-Ewropa, iżżid, issaħħaħ u tippromwovi r-rilokazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-industriji Ewropej f'termini tal-importanza strateġika tagħhom u, mill-perspettiva tan-newtralità klimatika, tqassar u tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Unjoni tipproduċi biżżejjed prodotti strateġiċi, bħal tagħmir mediku u tal-kura tas-saħħa jew enerġija rinnovabbli, biex tkun awtosuffiċjenti fi żminijiet ta' kriżi, u jinkoraġġixxi l-użu ta' inċentivi biex jinkiseb dan, bħar-rekwiżit li jinxtara ammont akbar minn produzzjoni lokali (UE/ŻEE) minn setturi li jirċievu għajnuna temporanja;

39.  Jirrikonoxxi r-riskju li l-kriżi tal-COVID-19 se twassal għal żieda fin-nazzjonaliżmu ekonomiku u l-protezzjoniżmu, u dan joħloq sfida kbira għall-kummerċ ħieles ibbażat fuq ir-regoli u l-ktajjen tal-valur globali minħabba r-rinazzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni u l-qtugħ ta' dawk il-ktajjen; jistieden, għal dan il-għan, lill-partijiet ikkonċernati jiddiversifikaw u jqassru l-ktajjen tal-provvista tagħhom u jagħmluhom aktar sostenibbli sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiddefendi sistema kummerċjali multilaterali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli li tkun konsistenti mal-isforzi globali biex jitwaqqaf it-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità u mal-istandards ambjentali u soċjali għoljin tal-UE, ittejjeb l-aċċess għas-swieq internazzjonali għall-kumpaniji tal-UE, u tipprevjeni atturi internazzjonali b'saħħithom milli jabbużaw mis-setgħa tagħhom fis-suq; huwa tal-fehma li, f'dan il-kuntest, l-Unjoni għandha tuża l-politika tal-kompetizzjoni fir-rigward ta' kumpaniji ta' pajjiżi terzi kif xieraq, tapplika miżuri tal-istrument għad-difiża tal-kummerċ (TDI) b'mod aktar assertiv sabiex tindirizza b'mod sistematiku l-prattiki inġusti ta' dumping u ta' sussidju, u ssaħħaħ l-iskema eżistenti tat-TDI;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi minnufih projbizzjoni temporanja fuq akkwiżizzjonijiet barranin ta' kumpaniji Ewropej f'setturi strateġiċi minn intrapriżi tal-istat (SOEs) jew kumpaniji marbuta ma' gvernijiet ta' pajjiżi terzi; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar ir-reċiproċità fl-aċċess għas-suq, issaħħaħ u tiskennja sistematikament il-qafas ta' skrinjar tal-Unjoni għall-investiment dirett barrani (IDB) sabiex tipproteġi l-aċċess għall-industriji strateġiċi, l-infrastruttura, it-teknoloġiji abilitanti ewlenin, u assi oħra tas-sigurtà u taċ-ċibersigurtà, kif ukoll timblokka l-akkwiżizzjonijiet ostili sabiex tissalvagwardja l-kompetittività u tnaqqas id-distorsjonijiet tas-suq fis-suq uniku; jilqa', f'dan ir-rigward, il-White Paper dwar il-kisba ta' kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tas-sussidji barranin; jappella għat-tisħiħ sostanzjali u l-adozzjoni rapida tar-Regolament (UE) Nru 654/2014 (ir-Regolament ta' Infurzar); jenfasizza li din hija għodda importanti biex jiġu protetti l-interessi tal-Unjoni meta pajjiżi terzi jadottaw miżuri illegali li jolqtu b'mod negattiv lin-negozji tal-UE;

42.  Jistieden lill-Kunsill ikompli javvanza fin-negozjati dwar l-Istrumenti għal Akkwist Internazzjonali (IPI) li jipprevedu r-reċiproċità u standards reċiproċi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strumenti legali xierqa li jindirizzaw id-distorsjonijiet ikkawżati fis-suq uniku, inkluż fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tagħti prijorità lill-kumpaniji li għandhom u jżommu l-kwartieri ġenerali, il-produzzjoni u l-impjiegi tagħhom fl-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni, fin-nuqqas ta' IPI b'saħħtu u regoli globali effettivi dwar l-aċċess għall-akkwist pubbliku, tesplora l-introduzzjoni ta' miżuri li jappoġġaw il-manifatturi Ewropej, speċjalment l-SMEs, li qed jiffaċċjaw livell dejjem akbar ta' kompetizzjoni minn pajjiżi emerġenti li ma jikkonformawx mar-regoli kummerċjali internazzjonali komuni u mal-istandards ambjentali soċjali;

43.  Hu tal-opinjoni li approċċ komprensiv għall-istrateġija industrijali li jinkludi l-politiki kollha tal-UE, jista' jkollu rwol importanti fid-diplomazija ekonomika u "industrijali"; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża b'mod attiv in-network tal-kmamar tal-kummerċ tal-UE f'pajjiżi terzi biex toħloq sħubijiet kummerċjali ġodda;

44.  Jilqa' l-ambizzjoni li jinħolqu swieq ewlenin f'teknoloġiji ambjentalment sostenibbli u diġitali u soluzzjonijiet innovattivi; iqis li l-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni huwa essenzjali għal proġetti industrijali innovattivi u kapaċitajiet diġitali, u jemmen li dan għandu jimxi id f'id mal-analiżi attwali mill-Kummissjoni tal-linji gwida għal "Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni" (IPCEI); huwa tal-fehma li r-reżiljenza u l-awtonomija strateġika għandhom jitqiesu bħala kriterji ta' definizzjoni u li l-IPCEI għandhom jikkonformaw man-newtralità klimatika u mal-għanijiet diġitali tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżid it-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-IPCEIs u tiżgura l-parteċipazzjoni tal-SMEs; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tħaffef l-istabbiliment ta' mexxejja Ewropej u/jew ta' ekosistemi f'setturi industrijali strateġiċi li huma kapaċi jikkompetu fuq skala globali u se jikkontribwixxu għall-kisba ta' ekonomija newtrali għall-klima u tmexxija diġitali mingħajr ma joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Unjoni jew inaqqsu l-fiduċja fil-ftuħ u l-aċċess għas-suq;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma fuq il-ktajjen tal-valur billi tiżgura segwitu adegwat għall-azzjonijiet proposti għas-sitt ktajjen tal-valur strateġiċi identifikati mill-Forum Strateġiku dwar l-IPCEI, u toħloq kundizzjonijiet trasparenti ta' applikazzjoni għal proġetti konġunti tal-IPCEI li jkunu uniformi fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu ta' benefiċċju għall-Unjoni kollha kemm hi; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kriżi attwali, tinvesti fi proġetti li jkollhom valur miżjud Ewropew ċar u tissimplifika l-proċessi amministrattivi, testendi l-kriterji għall-eliġibbiltà tal-ispiża u żżid il-finanzjament;

46.  Iqis li l-inizjattiva tal-NGEU hija l-pilastru tal-ewwel fażi tal-irkupru industrijali tal-UE mill-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-fond jiġi implimentat malajr, u jitlob li l-Parlament ikun involut bis-sħiħ fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' implimentazzjoni, biex tiġi żgurata r-responsabbiltà demokratika u jiġu massimizzati t-trasparenza u l-kontroll parlamentari; jitlob li, għal forniment effettiv minn qabel ta' EUR 750 biljun, l-NGUE:

   (a) jipprevedi miri għal investimenti soċjali, sostenibbli u diġitali, bil-ħsieb li jiġu minimizzati l-impatti detrimentali u jiġu massimizzati l-benefiċċji għad-dimensjoni tal-klima, l-ambjent u dik soċjali;
   (b) ikollu fokus speċifiku fuq SMEs, li ntlaqtu bl-agħar mod mill-kriżi tal-COVID-19, u jappoġġa l-aċċess tagħhom għall-finanzjament;
   (c) ikun ġestit direttament mill-Kummissjoni, meta jkun possibbli, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u permezz ta' programmi Ewropej biex isir progress b'mod aktar ikkoordinat, biex is-suq globali jiġi affettwat b'mod aħjar u jiġu massimizzati t-trasparenza u l-kontroll parlamentari, kif ukoll biex jiġu evitati distorsjoni u tħarbit tas-suq uniku;
   (d) iqis l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri, li ġew affettwati mill-kriżi b'diversi modi;
   (e) jiddistribwixxi l-għajnuna finanzjarja fost id-diversi ekosistemi industrijali, inklużi l-mikrointrapriżi u l-SMEs, skont il-ħsara mġarrba, l-impatt soċjali, l-isfidi ffaċċjati u l-ammont ta' appoġġ finanzjarju nazzjonali diġà rċevut permezz ta' skemi ta' għajnuna nazzjonali filwaqt li jitqiesu l-interdipendenzi strutturali bejn il-ktajjen tal-valur differenti; iqis it-tagħlimiet miksuba mill-miżuri ta' appoġġ pubbliku preċedenti meħuda b'rispons għall-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008-2009 u l-impatt tagħha fuq ir-reżiljenza u l-irkupru ekonomiku u soċjali fit-tul; iqis li l-fond irid ikun kondizzjonali fuq kriterji li jiżguraw li l-finanzjament ma jintużax biex jitħallsu djun qodma jew tiġi sostnuta teknoloġija skaduta, u li l-kumpaniji li jikkontribwixxu għat-tkabbir fit-tul jiġu appoġġati u jkollhom potenzjal b'saħħtu biex jerġgħu jqajmu l-ekonomija; iqis li l-infiq marbut mal-irkupru għandu jiġi dirett ukoll lejn setturi b'effett multiplikatur għoli li jkunu favur il-klima u l-innovazzjoni u li se jikkontribwixxu għar-reżiljenza ekonomika futura tal-UE;
   (f) jappoġġa l-iskemi fiskali nazzjonali li jinċentivaw l-investiment fl-ekwità tas-settur privat u jippermettu lill-kumpaniji jikkonvertu parti mis-self mogħti mill-Fond f'ekwità;
   (g) jalloka finanzjament iddedikat lill-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs, il-mikrointrapriżi u n-negozji ġodda, li għandhom operazzjonijiet u pjanijiet tan-negozju li jinvolvu servizzi, teknoloġiji u innovazzjonijiet ewlenin, inkluż l-avvanz tat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika, jew li l-operazzjonijiet tagħhom huma neċessarji għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni f'setturi kritiċi, b'referenza partikolari għat-tisħiħ taċ-ċirkolarità, l-effiċjenza u l-iffrankar fir-riżorsi u fl-enerġija u bidla għal sorsi rinnovabbli; jgħin biex il-ktajjen tal-provvista tagħna jsiru aktar reżiljenti u inqas dipendenti billi jirrilokalizzahom, jiddiversifikahom u jsaħħaħhom, filwaqt li jevita li jkun hemm diskriminazzjoni kontra l-kumpaniji li għaddejjin minn emerġenza li jeħtieġu li jkunu akkumpanjati fit-tranżizzjoni tagħhom;
   (h) jiddedika finanzjament lil kumpaniji kbar li jkollhom pjanijiet kredibbli biex iwettqu tranżizzjoni lejn mudell ta' negozju newtrali għall-klima;
   (i) isaħħaħ il-programm ta' garanziji tal-BEI u jagħmlu komplementari għall-programmi nazzjonali, sabiex ikun jista' jiffunzjona bħala suppliment siewi u jsaħħaħ l-impatt tagħhom fil-prattika;
   (j) jagħti preferenza lill-kumpaniji li jimpenjaw ruħhom favur it-trasparenza, jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-UE, jistabbilixxu sistemi li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fi kwistjonijiet tal-kumpanija, u li jikkonformaw mal-obbligi ta' rappurtar mhux finanzjarju tagħhom;

47.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġat irkupru sostenibbli u ġust, filwaqt li jiġi żgurat il-benessri taċ-ċittadini lil hinn mill-kriżi tal-COVID-19; huwa tal-fehma li l-Fond għandu jrawwem is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-industriji Ewropej, u jiggarantixxi wkoll tranżizzjonijiet industrijali diġitali u ekoloġiċi ekwi u ġusti;

48.  Iqis li b'mod parallel mal-kriżi attwali, l-Unjoni għandha tħejji u tantiċipa t-tieni fażi tal-istrateġija industrijali tagħha, filwaqt li tiżgura l-kompetittività, is-sostenibbiltà ambjentali u d-diġitalizzazzjoni tal-industriji tagħha u twassal għal reżiljenza fit-tul fuq bażi soċjalment responsabbli; ifakkar li r-rwol tal-Istati Membri se jkun kruċjali għal irkupru ta' suċċess li jistimula r-riżorsi limitati tal-UE, u li l-politika industrijali għandha ssir kompitu orizzontali għall-Kummissjoni;

49.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni tirrikjedi strateġija industrijali li tħaddan il-protezzjoni tas-saħħa ambjentali u l-bijodiversità u jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi aċċelerata t-trasformazzjoni lejn in-newtralità klimatika tal-industrija tagħna; jenfasizza li l-investimenti jridu jkunu kompatibbli mal-għanijiet tan-newtralità klimatika għall-2050, peress li nkella jkun hemm riskju li jinħolqu assi mhux rekuperabbli u effetti ta' intrappolament f'teknoloġiji bbażati fuq il-il-fjuwils fossili u li jagħmlu ħsara lill-ambjent;

50.  Jissottolinja li Strateġija Industrijali Ewropea verament effettiva u l-politika relatata jeħtieġ li jitfasslu fuq azzjoni u miri klimatiċi ambizzjużi abbażi tal-Liġi dwar il-Klima, u jipprovdu pjan direzzjonali biex tissawwar l-industrija tal-futur fejn is-setturi kollha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika kmieni kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2050;

51.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istrateġija Industrijali l-ġdida tkun allinjata mal-mira ta' ekonomija newtrali għall-klima sal-2050, filwaqt li fl-istess ħin jiġi enfasizzat li l-politiki klimatiċi tal-Ewropa jridu jkunu bbażati fuq l-evidenza;

52.  Jenfasizza li hemm potenzjal sinifikanti fis-swieq domestiċi u globali għal teknoloġiji b'emissjonijiet żero jew baxxi, sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u prodotti, proċessi u servizzi sostenibbli, tul il-katina kollha tal-valur, mill-materja prima sal-industriji intensivi fl-enerġija, il-manifattura u s-settur tas-servizzi industrijali; iqis, barra minn hekk, li l-Liġi dwar il-Klima se tikkontribwixxi bil-kbir għar-razzjonalizzazzjoni tal-isforzi lejn il-kisba tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li tistabbilixxi l-miri dwar il-klima għall-2030 u l-2050 fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; jemmen li huwa meħtieġ ukoll qafas ta' politika aktar olistiku u sistematiku sabiex jiġu żgurati l-koerenza politika fil-politiki kollha tal-Unjoni kif ukoll prevedibbiltà regolatorja u ċertezza għall-investituri fit-tul u approċċ koerenti, trasparenti u inklużiv fir-rigward tal-governanza fl-oqsma ta' politika kollha, biex b'hekk titwitta t-triq għal strateġija ċara u prevedibbli għall-industriji Ewropej;

53.  Jilqa' l-proposta ta' Forum Industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tmexxi bit-twaqqif tiegħu u toħloq fi ħdan dan il-qafas djalogu b'rappreżentanza bbilanċjata tal-esperti xjentifiċi, l-organizzazzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u t-trade unions, biex jimmonitorja kontinwament u jirrapporta regolarment dwar il-progress tas-setturi industrijali individwali fil-livell tal-UE lejn l-objettivi tan-newtralità klimatika li għandhom jintlaħqu sa mhux aktar tard mill-2050, u biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-kontribut u l-konsistenza tal-investimenti b'rabta mal-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-UE, f'konformità mar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija;

54.  Iqis li s-setturi kollha għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi klimatiċi tal-Unjoni, u jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li l-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji speċifiċi għas-setturi li jistabbilixxu l-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-objettivi u tiġi żgurata l-koerenza tal-politika; iħeġġeġ it-tneħħija gradwali rapida tal-fjuwils fossili u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema ta' enerġija effiċjenti ħafna u newtrali għall-klima bi prezzijiet globalment kompetittivi għall-industriji; jenfasizza r-rwol li l-enerġija u l-materja prima nodfa, sostenibbli u affordabbli għandhom fit-tranżizzjoni lejn ekonomiji effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u newtrali għall-klima; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-użu ta' sorsi tal-enerġija bħall-gass naturali jkun biss ta' natura tranżizzjonali, fid-dawl tal-objettiv li tintlaħaq in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; jissottolinja li l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija tal-UE se jkollha rwol importanti fit-titjib tal-affordabbiltà u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jissottolinja f'dan ir-rigward il-ħtieġa li jitħaffu l-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-kapaċitajiet rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija u li jiġi ffaċilitat l-użu tal-produzzjoni tal-idroġenu abbażi ta' sorsi rinnovabbli, bħala teknoloġija rivoluzzjonarja potenzjali għas-setturi li diffiċli jitwaqqfu; jilqa' t-tnedija ta' Alleanza għall-Idroġenu Nadif u alleanza ta' industriji b'livell baxx ta' karbonju; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi aċċelerata r-riċerka dwar il-produzzjoni fuq skala kbira tal-idroġenu u ta' fjuwil ekoloġiku, it-teknoloġiji tad-dekarbonizzazzjoni bħall-infrastruttura għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju fil-proċessi industrijali, l-impjanti tal-bijoenerġija u l-faċilitajiet tal-manifattura, bil-ħsieb tat-tranżizzjoni tal-enerġija, filwaqt li jiġi esplorat ukoll l-użu potenzjali tas-sorsi tal-enerġija ġeotermali; itenni li dan jirrikjedi disponibbiltà fuq skala kbira ta' enerġija affordabbli u nadifa u l-infrastrutturi ta' appoġġ, f'konformità mal-ħtiġijiet ta' dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija;

55.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-industrija u l-parteċipanti rilevanti l-oħra kollha jaħdmu flimkien biex itejbu l-effiċjenza enerġetika Ewropea, joħolqu swieq ewlenin f'innovazzjonijiet u teknoloġiji rilevanti għall-klima fl-Unjoni, u jipprijoritizzaw l-investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jsir użu aħjar mill-BEI, bħala l-"Bank tal-Klima" tal-Unjoni, sabiex jissaħħaħ il-finanzjament sostenibbli lis-settur pubbliku u dak privat u tingħata assistenza lill-kumpaniji fil-proċess ta' dekarbonizzazzjoni;

56.  Jisħaq li l-użu fuq skala kbira ta' kapaċitajiet ta' enerġija rinnovabbli kompetittivi fl-ispejjeż huwa meħtieġ fis-setturi kollha tal-ekonomija; jirrikonoxxi li l-Unjoni għandha 40 % tal-privattivi tal-enerġija rinnovabbli fuq livell globali, u jenfasizza li għandi jibqa' jkollha rwol mexxej fit-teknoloġiji rinnovabbli innovattivi; jisħaq f'dan ir-rigward li l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika industrijali robusta għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli li tiġbor fiha politiki kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda u tippermetti l-integrazzjoni tas-settur rinnovabbli, hija kritika biex tiġi żgurata s-sigurtà fit-tul tal-Ewropa fir-rigward tal-provvista tal-enerġija, it-tmexxija teknoloġika u l-awtonomija strateġika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi t-teknoloġiji rinnovabbli bħala Katina tal-Valur Strateġika ewlenija u ekosistema industrijali eliġibbli għal finanzjament mill-Faċilità għall-Investiment Strateġiku, u tara wkoll li jkunu rappreżentati b'mod xieraq fil-Forum Industrijali li jmiss; jenfasizza l-ħtieġa li jitħejjew miżuri ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-manifatturi tal-Unjoni u dawk barra l-Unjoni;

57.  Jenfasizza li sabiex l-industrija Ewropea tkun kompetittiva, din għandha tkun appoġġata minn network ta' infrastruttura tat-trasport, diġitali u tal-enerġija effiċjenti, sostenibbli u interkonness bis-sħiħ; jitlob politika ta' investiment fit-tul għat-tagħmir u r-rinnovazzjoni tal-infrastruttura u għat-tnaqqis tal-ostakoli amministrattivi li jxekklu l-iżvilupp rapidu tan-networks trans-Ewropej; jitlob aktar finanzjament għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fit-tliet setturi tagħha, sabiex tingħata spinta lill-investiment fl-infrastrutturi, l-interkonnessjonijiet, id-diġitalizzazzjoni u l-grilji intelliġenti, kompatibbli mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-bżonn li jitħaffu l-Proġetti ta' Interess Komuni (PCI), u li jiġi rivedut ir-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) mill-aktar fis possibbli;

58.  Jenfasizza l-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari u ta' tniġġis żero fl-immodernizzar tal-ekonomija tal-Unjoni, fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi tagħha, fil-prijoritizzazzjoni tal-prevenzjoni tal-iskart, fl-għoti ta' inċentivi għall-innovazzjoni, u fit-trasformazzjoni ta' setturi industrijali sħaħ u l-ktajjen tal-valur, il-prodotti, il-proċessi ta' produzzjoni u l-mudelli ta' negozju tagħhom, biex b'hekk jitrawmu d-dematerjalizzazzjoni u d-diżintossikazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni u l-Ewropa ssir inqas dipendenti fuq il-materja prima filwaqt li tiġi inċentivata l-innovazzjoni, inklużi l-ħolqien ta' swieq għal soluzzjonijiet b'emissjonijiet żero jew baxxi u ta' enerġija rinnovabbli li jissostitwixxu l-prodotti u l-materjali bbażati fuq il-fjuwils fossili, u l-iżvilupp ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda b'disinn ekoloġiku biex jiġu evitati l-impatti ambjentali; jenfasizza s-sinerġiji b'saħħithom bejn l-azzjoni klimatika u l-ekonomija ċirkolari, b'mod partikolari fl-industriji tar-rinnovazzjoni intensivi fl-enerġija u r-riżorsi, u jenfasizza li s-setturi għandhom mogħdijiet ta' dekarbonizzazzjoni u punti tat-tluq differenti; jissottolinja l-potenzjal tal-bijoekonomija ċirkolari u l-industrija bbażata fuq il-foresti fil-promozzjoni ta' industrija kompetittiva u sostenibbli;

59.  Ifakkar li l-politika Ewropea dwar il-klima u l-enerġija se tirrikjedi volumi kbar ta' metalli u minerali għat-teknoloġiji strateġiċi tagħha; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Ewropa tiddependi ħafna minn żoni oħra tad-dinja għall-provvista tagħha ta' bosta minn dawn il-metalli u minerali, u qed titlef b'mod gradwali s-sehem globali tagħha anke għall-materjali fejn għandha kapaċità industrijali; jenfasizza li l-awtonomija tal-Ewropa f'setturi strateġiċi ma tistax tinkiseb mingħajr ekosistema kompetittiva u sostenibbli tal-UE għal materjali bażiċi, prezzjużi u kritiċi minn sorsi primarji u sekondarji; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari iżda jisħaq li l-Ewropa teħtieġ tagħti spinta lill-kapaċità tagħha għall-istadji kollha tal-katina tal-valur tal-materja prima, jiġifieri l-estrazzjoni, ir-riċiklaġġ, u t-tidwib, ir-raffinar u t-trasformazzjoni; huwa tal-fehma li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Alleanza u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Materja Prima Kritika m'għandux ikun limitat għall-materja prima kritika u għandu jkun immirat lejn l-iżvilupp ta' ekosistema integrata għall-firxa kollha ta' materjali, metalli u minerali meħtieġa għat-tranżizzjoni industrijali;

60.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea ta' esportazzjoni u importazzjoni għal teknoloġiji rinnovabbli u effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija;

61.  Jenfasizza l-potenzjal tal-akkoppjament settorjali u tal-interkonnessjoni tas-setturi li jikkunsmaw l-enerġija bħall-bini u t-trasport, u jilqa' f'dan ir-rigward il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija;

62.  Jitlob fluss ta' finanzjament sostanzjali għar-rinnovazzjonijiet enerġetiċi tal-bini biex titrawwem il-"mewġa ta' rinnovazzjoni" ippjanata permezz tal-mezzi finanzjarji neċessarji skont il-Pjan ta' Rkupru; jisħaq li fil-kuntest tal-proposta li jmiss dwar il-"mewġa ta' rinnovazzjoni" u l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu strateġiji fit-tul biex jiksbu stokk ta' bini ferm effiċjenti fl-enerġija u dekarbonizzat, il-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" għandu jkun prijoritizzat kompletament u b'hekk għandu jħaffef ir-rinnovazzjonijiet profondi u s-sostituzzjoni ta' sistemi ineffiċjenti ta' tisħin u tkessiħ ibbażati fuq il-fjuwils fossili; jenfasizza li l-programmi integrati ta' rinnovazzjoni profonda li jkopru muniċipalitajiet jew distretti sħaħ jistgħu jitwettqu b'inqas spejjeż u b'veloċità ogħla, u dan ikun ta' benefiċċju għall-konsumaturi u jnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija;

63.  Jindika l-fatt li l-proċessi ta' tisħin u tkessiħ għadhom fost l-aktar użu sinifikanti ta' enerġija fis-settur industrijali; jissottolinja għalhekk li biex jitħaffef l-isforz ta' tnaqqis fir-rigward tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-industrija, il-potenzjal ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija tat-tisħin u t-tkessiħ industrijali jeħtieġ jiġi sfruttat b'mod sħiħ, b'żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli abbażi ta' elettrifikazzjoni, pompi tas-sħana, użu aħjar mir-raggruppamenti industrijali, u simbjożi li joffru potenzjal ta' tnaqqis sinifikanti f'ħafna setturi;

64.  Jenfasizza l-potenzjal tal-Mobbiltà Ekoloġika biex jinħolqu impjiegi ġodda, tingħata spinta lill-industrija Ewropea, u jiġu appoġġati l-investimenti mmirati lejn l-espansjoni tal-infrastruttura tat-trasport sostenibbli li tagħmilha possibbli li jinkiseb effett multiplikatur billi jsiru ordnijiet indirizzati għal spettru wiesa' ta' entitajiet – kuntratturi, sottokuntratturi, fornituri u s-sottokuntratturi tagħhom – u jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport; jissottolinja l-ħtieġa li titħaffef l-implimentazzjoni tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-katina tal-valur strateġika tagħha, jiżdiedu l-possibbiltajiet għal batteriji innovattivi prodotti lokalment u r-riċiklaġġ tal-metall fl-Ewropa, jinħoloq valur miżjud tal-Unjoni, filwaqt li jingħata kontribut għall-kompetittività tal-industrija tal-karozzi tal-Unjoni, u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal sistema elettrika dekarbonizzata; jitlob aktar investiment fil-ferroviji b'veloċità għolja u rinnovazzjoni tan-networks ferrovjarji bejn il-bliet kif ukoll fi trasport pubbliku b'emissjonijiet żero jew baxxi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi promossa l-Mobbiltà Ekoloġika billi jsir investiment f'infrastruttura aħjar bħal stazzjonijiet tal-iċċarġjar aktar mifruxa; huwa tal-fehma li jekk ikun hemm densità ogħla ta' stazzjonijiet tal-iċċarġjar, is-suq tal-vetturi elettriċi ikun jista' jespandi b'mod sinifikanti u aktar malajr, u dan ikollu impatt pożittiv fuq l-impronta ambjentali u tal-karbonju tagħna; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija fuq skala kbira għat-tnedija ta' infrastruttura tal-iċċarġjar rapidu tal-vetturi elettriċi biex tkun żgurata l-adozzjoni tal-vetturi elettriċi mill-konsumaturi, li tagħtihom ċertezza fir-rigward tal-potenzjal tat-teknoloġija u aċċess għal network dens ta' infrastrutturi tal-iċċarġjar kompatibbli, u tappoġġa l-manifattura tal-karozzi bbażata fl-Ewropa;

65.  Jemmen li għal tranżizzjoni tal-enerġija b'suċċess, l-Ewropa se teħtieġ ammont sinifikanti ta' enerġija rinnovabbli u b'livell baxx/żero ta' karbonju affordabbli, li toriġina wkoll minn pajjiżi terzi u li tuża infrastrutturi ta' appoġġ; jitlob li jkun hemm inizjattivi strateġiċi fi ħdan l-UE u li l-politika tal-enerġija ssir punt fokali tal-politika barranija u tal-viċinat tal-Unjoni, inkluż l-appoġġ finanzjarju għall-alleanzi għall-idroġenu bbażat fuq l-enerġija rinnovabbli u l-enerġija ekoloġika; huwa tal-fehma li dawk l-alleanzi għandhom ikunu wkoll parti mill-ftehimiet kummerċjali; jisħaq fuq l-importanza ta' alleanzi b'saħħithom biex jiġu indirizzati l-iskarsezza u l-forniment sostenibbli tar-riżorsi u tal-materja prima;

66.  Ifakkar fil-Masterplan tal-UE tal-2019 għal trasformazzjoni kompetittiva tal-industriji intensivi fl-enerġija li jiġġestixxi t-tranżizzjoni filwaqt li jżomm l-industriji Ewropej kompetittivi, u jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjoni tiegħu biex tgħin is-sostituzzjoni tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li ma jissodisfawx l-istandards ambjentali b'mod suffiċjenti u tinċentiva livelli ogħla ta' ambizzjoni klimatika min-naħa tas-sħab kummerċjali globali tal-UE;

67.  Jitlob reviżjoni tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) b'konformità mal-miri klimatiċi u mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera biex jingħata kontribut għal rilokalizzazzjoni intelliġenti tal-manifattura u ktajjen tal-valur iqsar; jenfasizza r-rwol potenzjalment importanti ta' mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

68.  Jirrimarka li aktar minn nofs il-PDG globali jiddependi min-natura u s-servizzi li tipprovdi, u li hemm bosta setturi li jiddependu ħafna min-natura; jinnota li aktar minn 90 % tat-telf tal-bijodiversità u l-istress idriku jirriżultaw mill-estrazzjoni u l-ipproċessar tar-riżorsi; jenfasizza li l-politika industrijali Ewropea għandha tkun konformi mal-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030;

69.  Jisħaq li abbażi tal-approċċ "Saħħa Waħda", il-preservazzjoni tal-ekosistemi naturali hija fundamentali biex jiġu żgurati n-neċessitajiet bażiċi tal-umanità, bħall-ilma tax-xorb, l-arja nadifa u l-ħamrija fertili; jitlob li jiġu żviluppati malajr indikaturi sodi biex jiġu vvalutati l-impatti fuq il-bijodiversità u jiġi żgurat it-tnaqqis progressiv tat-tniġġis kif deskritt fl-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità;

70.  Jirrimarka li l-industrija għadha kontributur ewlieni għat-tniġġis ambjentali b'rilaxxi ta' sustanzi li jniġġsu fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija; jissottolinja r-rwol tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali fl-istabbiliment ta' obbligi għal installazzjonijiet kbar biex jimminimizzaw ir-rilaxxi ta' sustanzi li jniġġsu; jistenna bil-ħerqa l-pjan ta' azzjoni li jmiss ta' tniġġis żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, li għandhom iwasslu għal tnaqqis sinifikanti tat-tniġġis industrijali;

71.  Jisħaq fuq l-importanza tad-dimensjoni reġjonali tal-politika industrijali, peress li d-disparitajiet ekonomiċi bejn ir-reġjuni huma persistenti u jaf isiru aktar profondi bl-impatt tal-kriżi tal-coronavirus; jenfasizza li sabiex jiġi evitat u mmitigat id-deklin tar-reġjuni, il-pjanijiet ta' żvilupp mill-ġdid reġjonali jridu jwettqu progress fuq strateġiji ta' trasformazzjoni sostenibbli u jikkombinaw il-programmi ta' rivitalizzazzjoni ekonomika ma' programmi attivi tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex tfassal tbassir fuq terminu medju u twil dwar il-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol;

72.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) fl-appoġġ tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità b'pagi deċenti, il-kompetittività tan-negozju, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, u l-modernizzazzjoni u t-titjib tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-kura tas-saħħa;

73.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġata tranżizzjoni ekwa, inklużiva u ġusta u l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi lil hinn mit-taħriġ mill-ġdid u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda f'setturi ekonomiċi ġodda, sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura u li l-ebda ħaddiem ma jiġi eskluż mis-suq tax-xogħol; jemmen li Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (JTM) imfassal tajjeb, inkluż Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, se jkun għodda importanti biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni doppja u jintlaħqu miri ambizzjużi ta' newtralità klimatika; jinsisti li biex tkun garantita tranżizzjoni aktar inklużiva u jiġi indirizzat l-impatt soċjali tagħha, il-partijiet ikkonċernati lokali kollha, inklużi s-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-komunità, għandhom ikunu inklużi fil-fażi tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet territorjali ta' Tranżizzjoni Ġusta; jissottolinja li l-investimenti fit-teknoloġiji sostenibbli għandhom rwol ewlieni f'dan ir-rigward billi jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku fit-tul tal-ekonomiji reġjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-finanzjament robust tal-JTM, inkluż permezz ta' riżorsi baġitarji addizzjonali sinifikanti, ikun element ewlieni għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

74.  Jemmen li l-kooperazzjoni interreġjonali mmirata lejn trasformazzjoni sostenibbli u diġitali, bħal fl-istrateġiji ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, jeħtieġ li tissaħħaħ sabiex jiġu stimulati l-ekosistemi reġjonali; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' għodod li jistgħu jipprovdu pjan direzzjonali ċar għar-reġjuni b'approċċ imfassal apposta biex tiġi żgurata t-tmexxija industrijali;

75.  Iqis li t-trasformazzjoni industrijali tirrikjedi tisħiħ sinifikanti fl-isforzi ta' riċerka u żvilupp u l-integrazzjoni ta' għarfien ġdid u innovazzjoni fis-swieq eżistenti, kif ukoll l-użu tagħhom fil-ħolqien ta' oħrajn ġodda; jenfasizza li l-innovazzjoni hija wieħed mill-muturi tal-ekosistemi industrijali ewlenin u li dan għandu jiġi rifless f'appoġġ imsaħħaħ għall-innovazzjoni u l-kapaċità intraprenditorjali f'kull stadju taċ-ċiklu tal-innovazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jiżdied l-infiq fuq ir-riċerka, b'mod partikolari r-riċerka pubblika ta' kwalità għolja u l-iżvilupp u l-innovazzjoni bħala elementi ewlenin biex jinkisbu ż-żewġ tranżizzjonijiet, titjieb l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u tiżdied il-kompetittività fit-tul; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri jżommu l-impenn tagħhom li jinvestu 3 % tal-PDG tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp, sabiex jinżamm ir-rwol ewlieni tal-Unjoni fost il-kompetituri globali; jiddispjaċih dwar in-nuqqas attwali ta' kapaċità innovattiva fl-SMEs minħabba nuqqas fil-kapital ta' riskju meħtieġ, l-ispejjeż u l-kumplessitajiet tal-proċeduri amministrattivi, u nuqqas ta' ħiliet adegwati u nuqqas ta' aċċess għall-informazzjoni;

76.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdied il-baġit għall-programmi li jirfdu t-trasformazzjoni industrijali tal-Unjoni, u jfakkar, għalhekk, fil-pożizzjoni tal-Parlament favur żieda fil-baġit għal Orizzont Ewropa għal EUR 120 biljun u l-iżgurar tal-konsistenza tal-programm mal-miri tan-newtralità klimatika tal-Unjoni, u l-appoġġ għal InvestEU u Ewropa Diġitali permezz ta' strumenti ta' finanzjament xierqa għall-iżvilupp tas-suq ta' innovazzjonijiet u teknoloġiji rivoluzzjonarji, filwaqt li jitrawmu wkoll sinerġiji bejn sorsi finanzjarji reġjonali, nazzjonali, Ewropej u privati; jitlob appoġġ effettiv għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u għat-tisħiħ tal-missjonijiet tagħhom; jinsisti li sehem sostanzjali tal-fondi disponibbli għall-SMEs fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa għandu jiġi implimentat permezz tal-EIC u l-partijiet kollaborattivi tal-programm, bil-għan li jinħolqu soluzzjonijiet ġodda u titrawwem l-innovazzjoni, kemm inkrementali kif ukoll fixkiela; jappoġġa l-istabbiliment ta' sħubijiet Ewropej fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa biex jiġi stimulat l-investiment tas-settur privat ħalli jiġi promoss it-trasferiment tal-għarfien, it-teknoloġiji u l-innovazzjoni miċ-ċentri ta' riċerka u l-universitajiet għall-proċess industrijali, filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-iskema tal-ekosistemi industrijali u sabiex jiġu appoġġati l-irkupru u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura li dawn is-sħubijiet ikunu trasparenti u inklużivi matul l-implimentazzjoni tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-aġenda ta' riċerka strateġika u l-programmi ta' ħidma annwali tagħhom; jenfasizza li dawn għandhom jeskludu wkoll il-kunflitti ta' interess kollha u għandhom jiggarantixxu valur miżjud reali għas-soċjetà;

77.  Jemmen ukoll, b'rabta ma' f'dan, li soċjetà mħejjija aħjar u aktar reżiljenti hija fundamentali fl-indirizzar tal-avvenimenti fixkiela fuq skala Ewropea jew globali u fl-għoti ta' reazzjonijiet komprensivi ta' politika, u li l-investimenti fir-R&Ż huma fundamentali f'dan ir-rigward; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-ħolqien ta' strument iddedikat għat-Tħejjija għall-Pandemiji u r-Reżiljenza Soċjetali, peress li din il-miżura toħloq il-kundizzjonijiet għal koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-UE, tidentifika oqsma ta' prijorità, u tniedi azzjonijiet li jirrikjedu riċerka medika ta' kwalità għolja u investimenti kkoordinati fir-riċerka u l-innovazzjoni;

78.  Jenfasizza l-importanza ta' industrija farmaċewtika bbażata fuq ir-riċerka bħala kontributur essenzjali għas-salvagwardja tal-manifattura ta' kwalità u l-provvista ta' mediċini affordabbli biex jintlaħqu l-pazjenti kollha fil-bżonn, filwaqt li jissaħħu l-innovazzjoni, ir-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u l-kapaċità ta' rispons tal-Unjoni u tingħata għajnuna biex jiġu indirizzati l-isfidi futuri; itenni l-ħtieġa li jiġi stabbilit pjan ta' mitigazzjoni tar-riskju ta' nuqqas ta' mediċini biex jiġu ġestiti kull vulnerabbiltà u riskju għall-katina tal-provvista għal mediċini kritiċi, tiġi żgurata l-innovazzjoni futura biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet pendenti mhux issodisfati, u jiġu appoġġati r-reżiljenza, il-kapaċità ta' rispons u l-istat ta' tħejjija tas-sistemi tal-kura tas-saħħa biex jiġu indirizzati l-isfidi futuri inklużi l-pandemiji;

79.  Jissottolinja r-rwol tat-teknoloġiji abilitanti essenzjali fil-bini tal-kapaċitajiet teknoloġiċi u innovattivi madwar l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tfassal Orizzont Ewropa u l-istrateġija industrijali tagħha għall-iżvilupp, l-iskalar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' innovazzjonijiet u teknoloġiji rivoluzzjonarji fl-Unjoni sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-innovazzjoni u l-introduzzjoni fis-suq, billi jiġi pprovdut finanzjament tar-riskju għat-teknoloġija fi stadju bikri u l-proġetti ta' dimostrazzjoni u billi jiġu żviluppati ktajjen tal-valur bikrin sabiex l-ewwel nett jiġu appoġġati t-teknoloġiji, il-prodotti, il-proċessi, is-servizzi u l-mudelli tan-negozju fuq skala kummerċjali, utilizzabbli fis-suq, b'emissjonijiet żero jew baxxi, rinnovabbli, effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija u ċirkolari, kif ukoll billi jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-infrastruttura tar-riċerka, bil-għan li jitnaqqsu wkoll id-distakki eżistenti bejn l-Istati Membri; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw one-stop shops b'informazzjoni simplifikata dwar il-possibbiltajiet ta' finanzjament għal proġetti ta' dimostrazzjoni industrijali għal teknoloġiji rivoluzzjonarji;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina miżuri kontra t-telf potenzjali ta' għarfien u innovazzjoni matul il-kriżi attwali, inkluż permezz ta' strumenti li jappoġġaw kumpaniji li temporanjament jaqsmu bejniethom ħaddiema b'għarfien ma' universitajiet u istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka sabiex jingħata lok għal riċerka pubblika-privata dwar il-prijoritajiet pubbliċi, u jippreservaw l-impjiegi u l-kapaċità tal-innovazzjoni fi żminijiet ta' kriżi;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, inċentivi potenzjali tat-taxxa biex tingħata spinta lill-investimenti fir-R&Ż, li naqsu ħafna minħabba l-kriżi tal-COVID-19;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-kapaċità tal-kumpaniji Ewropej li jinnovaw abbażi ta' reġim komprensiv tal-proprjetà intellettwali, filwaqt li ssaħħaħ il-flessibbiltà fil-liċenzjar, sabiex tinżamm protezzjoni effettiva għall-investimenti tagħhom fir-R&Ż, biex jiġu żgurati redditi ekwi u, fl-istess ħin, biex ikomplu jiġu żviluppati standards tat-teknoloġija miftuħa li jappoġġaw il-kompetizzjoni u l-għażla kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-industrija tal-UE fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ewlenin;

83.  Jirrikonoxxi li qafas b'saħħtu u bbilanċjat ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa fattur kruċjali li jirfed il-kompetittività Ewropea, bil-għan li jiġu miġġielda l-ispjunaġġ industrijali u l-iffalsifikar, u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippreserva u ssaħħaħ dan il-qafas; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata parità mal-Istati Uniti u maċ-Ċina fl-inċentivi tal-proprjetà intellettwali fix-xjenza tal-ħajja sabiex l-Ewropa tibqa' post attraenti għall-investiment fir-R&Ż u l-iżvilupp industrijali; jistieden lill-Kummissjoni żżomm u tiżviluppa s-sistema tal-proprjetà intellettwali eċċellenti tal-Ewropa billi tippromwovi protezzjoni b'saħħitha tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll mekkaniżmi ta' premjazzjoni u inċentivi għar-R&Ż biex jiġi attirat investiment fl-iżvilupp tal-innovazzjoni futura għall-benefiċċju tas-soċjetà; jilqa' t-tħabbir ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Proprjetà Intellettwali li jista' jiffaċilita kontribut Ewropew għall-iżvilupp tal-istandards; jappoġġa l-impjiegi u l-produzzjoni sostenibbli u t-titjib tal-attraenza u r-reputazzjoni tal-produzzjoni ta' kwalità għolja tal-UE madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi t-trasferiment ta' teknoloġiji ambjentali u klimatiċi kruċjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi tagħti liċenzji miftuħa għal tali teknoloġiji;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta mill-aktar fis possibbli l-Privattiva Unitarja Ewropea, kif previst mill-ftehim dwar ġurisdizzjoni unifikata għall-privattivi tad-19 ta' Frar 2013;

85.  Jissottolinja l-importanza ta' governanza ġenerali komprensiva u effettiva għat-trasformazzjoni industrijali li tiżgura konsistenza mal-leġiżlazzjoni u l-istrateġiji rilevanti tal-UE, b'mod partikolari l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, peress li dan huwa kruċjali għas-suċċess tiegħu; jilqa' l-identifikazzjoni ta' 14-il ekosistema mill-Kummissjoni u l-approċċ inklużiv li jinġiebu flimkien l-atturi kollha li joperaw f'katina tal-valur sabiex jiġu promossi t-tmexxija Ewropea f'setturi strateġiċi u l-kompetittività fix-xena globali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-SMEs se jimxu 'l quddiem f'kull ekosistema; jirrimarka l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza fl-ekosistemi industrijali identifikati, b'mod partikolari fir-rigward tal-kriterji li jeħtieġ li jiġu ssodisfati biex jitqiesu bħala parti minn ekosistema, it-tqassim preċiż għal kull tip ta' attur f'kull ekosistema identifikata u informazzjoni dwar l-eżiti u s-suġġetti diskussi, filwaqt li jfakkar ukoll fir-rwol tal-Forum Industrijali u tal-Alleanzi fir-rigward ta' dawn l-ekosistemi; jenfasizza li s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u t-trade unions għandu jkollhom parteċipazzjoni adegwata fid-definizzjoni tal-istrateġiji u l-prijoritajiet industrijali kemm globali kif ukoll settorjali; jenfasizza li l-ekosistemi għandhom jinkludu r-rabtiet kollha mal-ktajjen tal-valur, inklużi l-SMEs, u jenfasizza li l-SMEs għandhom rwol integrali fil-ħolqien tal-alleanzi tal-industrija u l-ktajjen ta' produzzjoni tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' strumenti finanzjarji adegwati għall-alleanzi;

86.  Huwa tal-fehma li l-ekosistemi se jkunu komponenti ewlenin tar-rivoluzzjoni industrijali li jmiss, billi jistimulaw manifattura avvanzata u intelliġenti u jipprovdu enerġija affordabbli, nadifa, sostenibbli u sigura, kif ukoll l-infrastruttura tal-enerġija neċessarja u metodi ta' produzzjoni u ta' provvista ta' servizzi trasformattivi; jitlob analiżi tal-ekosistemi biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet ta' kull settur għat-tranżizzjoni tiegħu u biex tingħata għajnuna ħalli jiġi stabbilit pjan ta' tranżizzjoni; jemmen, barra minn hekk, li l-appoġġ għall-kollaborazzjoni bejn l-industrija, id-dinja akkademika, l-SMEs, in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu, it-trade unions, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-utenti finali u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn kollha se jkun essenzjali biex jissolvew il-fallimenti tas-suq u jitnaqqas id-distakk bejn l-idea u t-twettiq tagħha filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema, inkluż f'oqsma li għadhom mhumiex koperti minn interessi industrijali, iżda li għandhom valur miżjud soċjetali għoli; jitlob governanza ta' dawn l-ekosistemi li tintegra l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha mis-setturi industrijali li huma fundamentali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; huwa tal-fehma li l-ekosistemi għandu jkollhom rwol fid-definizzjoni tas-soluzzjonijiet u l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex tiġi implimentata l-istrateġija industrijali Ewropea u biex jiġu appoġġati ktajjen tal-valur Ewropej robusti li huma kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali;

87.  Jenfasizza li l-investiment fil-ktajjen tal-valur ewlenin se jkollu rwol kruċjali lejn il-preservazzjoni tal-awtonomija strateġika futura tagħna; jemmen li jeħtieġ li tingħata prijorità lill-investiment fis-setturi industrijali li huma ta' importanza vitali għall-awtonomija strateġika tagħna, bħas-sigurtà, id-difiża, it-teknoloġiji rilevanti għall-klima, is-sovranità tal-ikel u s-saħħa; itenni, b'mod partikolari, l-importanza tal-industrija farmaċewtika fl-iżgurar tal-innovazzjoni futura biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet pendenti mhux issodisfati, u fl-appoġġ tar-reżiljenza, il-kapaċità ta' rispons u l-istat ta' tħejjija tas-sistemi tal-kura tas-saħħa biex jindirizzaw sfidi futuri inklużi l-pandemiji;

88.  Jenfasizza l-importanza tal-industrija tal-enerġija rinnovabbli bħala settur strateġiku sabiex jissaħħaħ il-vantaġġ kompetittiv tal-UE, tinkiseb reżiljenza fit-tul u tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li titjieb is-saħħa industrijali; jenfasizza, barra minn hekk, il-kontribut tas-settur tal-enerġija rinnovabbli għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' negozju u impjiegi lokali ġodda, b'mod partikolari għall-SMEs, u għall-għoti ta' spinta lill-manifattura tat-tagħmir, kif ukoll għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija u t-titjib tal-kompetittività tal-kostijiet;

89.  Jenfasizza li s-settur tal-karozzi kien affettwat bil-kbir mill-kriżi tal-COVID-19, li ġiegħlet lill-kumpaniji u lill-ħaddiema jadattaw malajr għall-bidliet fil-provvista u għal ħtiġijiet tas-saħħa ġodda, minbarra l-proċess ta' trasformazzjoni li s-settur kien diġà għaddej minnu qabel il-pandemija; huwa tal-fehma li t-tranżizzjoni lejn mobbiltà intelliġenti u aktar nadifa hija essenzjali hekk kif nevolvu lejn ekonomija newtrali għall-klima, diġitali u aktar reżiljenti, u li din għandha titqies ukoll bħala opportunità biex jiġu ġġenerati t-tkabbir ekoloġiku u l-impjiegi nodfa abbażi tal-vantaġġ kompetittiv globali tal-industrija Ewropea fit-teknoloġiji tal-vetturi; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi prijoritajiet relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-appoġġ għan-negozji l-ġodda u l-intrapriżi mikro, żgħar u medji, inkluż fis-settur tal-karozzi;

90.  Jenfasizza li s-settur tat-turiżmu wkoll ġie affettwat ħafna mill-kriżi tal-COVID-19, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi prijoritajiet relatati mal-għajnuna u l-promozzjoni tal-irkupru tas-settur, fid-dawl tal-kontribut tiegħu għall-PDG tal-UE u l-kompetittività tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni biex jinħolqu possibbiltajiet għal investimenti ġodda u innovazzjonijiet ulterjuri, sabiex tinkiseb ekosistema tat-turiżmu Ewropea li tkun sostenibbli, innovattiva u reżiljenti u tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi;

91.  Jenfasizza l-potenzjal tas-setturi kulturali u kreattivi fl-ixprunar tal-innovazzjoni, li jaġixxu bħala katalisti għall-bidla f'setturi oħra u jistimulaw l-invenzjoni u l-progress; jinnota li s-setturi ekonomiċi innovattivi qed jiddependu dejjem aktar mill-kreattività biex iżommu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li bil-ħolqien ta' mudelli ta' negozju progressivament aktar kumplessi, kreattivi u marbuta ma' xulxin, is-setturi kulturali u kreattivi qed isiru dejjem aktar komponent deċiżiv ta' kważi kull prodott u servizz; jemmen, għalhekk, li l-Ewropa għandha tibni fuq l-assi kreattivi u kulturali tagħha, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni suffiċjenti lis-setturi kulturali u kreattivi fl-iżvilupp ta' qafas ta' politika industrijali komprensiv, koerenti u fit-tul, inkluż l-aċċess għal programmi finanzjarji u ta' finanzjament;

92.  Jenfasizza l-importanza tal-politika spazjali tal-Unjoni, speċjalment f'termini ta' titjib tal-kapaċitajiet spazjali industrijali Ewropej u biex jinfetaħ il-potenzjal tas-sinerġiji ma' setturi u politiki ewlenin oħra, b'mod partikolari biex jiġu żviluppati teknoloġiji avvanzati u tiġi akkumpanjata t-trasformazzjoni industrijali;

93.  Jinnota l-kontribut tal-industrija tas-sustanzi kimiċi għal bosta ktajjen tal-valur strateġiċi u għall-produzzjoni ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari; jitlob li titfassal politika dwar sustanzi kimiċi sostenibbli, li tkun allinjata mal-Istrateġija Industrijali;

94.  Jistieden lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tfassal rapport, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, dwar is-sustanzi kimiċi fl-ambjent fl-Ewropa; jemmen li r-rapport għandu jivvaluta l-karattru sistemiku tas-sustanzi kimiċi perikolużi fis-sistemi ta' produzzjoni u konsum tal-Ewropa, l-użu tagħhom fil-prodotti u l-okkorrenza tagħhom fl-ambjent tal-Ewropa, u d-dannu kkawżat lis-saħħa tal-bniedem u lill-ekosistemi;

95.  Jissottolinja ċ-ċentralità ta' settur tal-farmaċewtika u tal-apparat mediku li jiffunzjona tajjeb u kompetittiv biex jiġi żgurat aċċess sostenibbli għall-mediċini għall-pazjenti u jiġi ggarantit livell għoli ta' kura tas-saħħa għall-pazjenti tal-UE; jemmen li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita d-djalogu mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha billi toħloq forum farmaċewtiku, issorveljat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), sabiex tkun tista' ssir diskussjoni komprensiva dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, is-sostenibbiltà farmaċewtika u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda fis-sistemi tas-saħħa; jisħaq li dan il-forum għandu jqis l-approċċi nazzjonali differenti fir-rigward tal-ipprezzar u r-rimborż, kif ukoll l-investimenti u l-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa;

96.  Iqis li l-akkwist pubbliku huwa mutur kruċjali tat-trasformazzjoni industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-mod kif jintuża bis-sħiħ l-effett ta' lieva tan-nefqa u tal-investimenti pubbliċi biex jinkisbu l-objettivi ta' politika, inkluż permezz tat-tisħiħ tas-sostenibbiltà u billi l-akkwist pubbliku jkun ċentrali għall-pjan ta' rkupru ekonomiku tal-Unjoni billi tipprijoritizza u trawwem id-domanda għal prodotti u servizzi ekoinnovattivi, kosteffettivi u sostenibbli, kif ukoll billi tippermetti r-rilokalizzazzjoni f'setturi strateġiċi ewlenin, bħall-prodotti relatati mas-saħħa, l-agrikoltura u t-teknoloġiji sostenibbli, u trawwem ktajjen tal-provvista iqsar u iktar sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi janalizzaw il-kundizzjonijiet biex is-sostenibbiltà tal-akkwist pubbliku ssir obbligatorja abbażi ta' kriterji ambjentali, soċjali u etiċi, inklużi l-impronta tal-karbonju, il-kontenut tar-riċiklaġġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, kif ukoll iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-iskemi eżistenti għall-promozzjoni tas-servizzi ekoloġiċi u jagħmlu użu aħjar minnhom; jinsisti li l-SMEs għandu jkollhom opportunità ekwa biex jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet kontraenti jużaw sistematikament approċċ ibbażat fuq l-aħjar proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità matul il-ħajja tal-prodotti u s-servizzi; iħeġġiġhom jużaw id-dispożizzjoni (l-Artikolu 85 tad-Direttiva dwar l-Utilitajiet) li tippermettilhom jirrifjutaw offerti meta l-proporzjon tal-prodotti li joriġinaw f'pajjiżi terzi jaqbeż il-50 % tal-valur totali tal-prodotti li jikkostitwixxu l-offerta;

97.  Jirrikonoxxi l-kontribut tal-istandardizzazzjoni għas-suq uniku Ewropew u għal benesseri ekonomiku, soċjali u ambjentali akbar, inklużi s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi u tal-ħaddiema; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żviluppati, ivvalutati u użati standards armonizzati li jappoġġaw lill-industriji li jimmanifatturaw il-prodotti b'modi li jkunu effiċjenti, sikuri, ċirkolari, sostenibbli u ripetibbli u li jiżguraw kwalità għolja;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta sistema b'saħħitha ta' Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPI) biex tanalizza l-impatt ex ante tar-regolamenti u tal-istrumenti tal-Unjoni u l-investimenti possibbli meħtieġa, u timmonitorja l-progress u r-riżultati, filwaqt li tqis id-dimensjoni tal-SMEs; jissottolinja li s-sistema tal-KPI għandha tkun ibbażata fuq objettivi li huma speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u orjentati lejn iż-żmien;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-prattika tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha u tiżgura li qabel tippreżenta proposti ġodda għal leġiżlazzjoni jew tadotta miżuri ġodda, twettaq valutazzjoni tal-impatt dettaljata tal-kostijiet potenzjali tal-konformità, l-impatt fuq l-impjiegi, u l-piżijiet u l-benefiċċji potenzjali għaċ-ċittadini, is-setturi u l-kumpaniji Ewropej, inklużi l-SMEs; jemmen li l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-miżuri tal-Unjoni għandha tiffoka aktar bis-saħħa fuq l-implimentazzjoni fl-Istati Membri u għandha tanalizza x'jiġri meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi implimentata u interpretata b'mod li joħloq ostakoli regolatorji mhux neċessarji u mhux mistennija kemm għall-SMEs kif ukoll għall-kumpaniji ta' daqs akbar; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-koerenza regolatorja u tirrikonoxxi spinta ta' regolamentazzjoni intelliġenti mfassla biex jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi mingħajr ma tiddgħajjef l-effettività tal-leġiżlazzjoni jew jitnaqqsu l-istandards soċjali u ambjentali, speċjalment meta l-industrija tradizzjonali jkollha tadatta minħabba deċiżjonijiet regolatorji; jemmen li l-miżuri għad-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni għandhom jitfasslu b'tali mod li jippreżentaw opportunitajiet għall-kumpaniji, inklużi l-SMEs, u jimminimizzaw il-piż fuq is-settur affettwat;

100.  Jistenna li l-istrateġija industrijali ma toħloqx piżijiet regolatorji bla bżonn għall-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, u li tapplika r-regola ta' one-in-one-out bil-għan li tidentifika, kull meta dispożizzjonijiet ġodda jintroduċu spejjeż ta' konformità, id-dispożizzjonijiet eżistenti li jeħtieġ li jitħassru jew jiġu riveduti, biex b'hekk jiġi żgurat li l-ispejjeż tal-konformità f'settur partikolari ma jiżdidux, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-koleġiżlaturi; iqis li proposta bħal din trid tkun ibbażata fuq l-evidenza, tiġi kkonsultata b'mod wiesa', tiżgura l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni u tal-istandards soċjali u ambjentali, u turi l-benefiċċji ċari tal-azzjoni Ewropea; jemmen li l-UE għandha bżonn issaħħaħ il-prinċipji tagħha ta' "viżibbiltà kbira għall-kwistjonijiet il-kbar, żgħira għal dawk żgħar" sabiex tiżgura aħjar il-proporzjonalità;

101.  Jenfasizza li l-amministrazzjoni pubblika għandu jkollha rwol ewlieni fl-iżgurar ta' ambjent ekonomiku favorevoli għan-negozju u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq l-intrapriżi filwaqt li tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tal-istandards u r-regoli etiċi, soċjali, ambjentali u ta' trasparenza tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ħaddiema; jemmen li l-għodod tal-gvern elettroniku, il-politiki tal-innovazzjoni diġitali u t-tisħiħ tal-ħiliet diġitali għandhom jiġu promossi fis-settur pubbliku u fost l-impjegati tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-iskambju tal-aħjar prattiki nazzjonali u reġjonali fil-qasam, b'referenza speċifika għall-ġestjoni pubblika tal-kompetittività ekonomika;

102.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0124.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(4) Testi adottati, P9_TA(2019)0102.
(5) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 124.
(6) ĠU C 307, 30.8.2018, p. 163.
(7) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 55.
(8) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 21.
(9) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 28.
(10) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 89.

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza