Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-politika barranija (2020/2111(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' April 2020 dwar il-forniment ta' Assistenza Makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0163).
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titlu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija, il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni qabel il-laqgħa tal-mexxejja UE-Balkani tal-Punent fis-6 ta' Mejju 2020" (COM(2020)0315),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli Josep Borrell, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar id-drittijiet tal-bniedem fi żminijiet tal-pandemija tal-coronavirus tal-5 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2532 (2020) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-waqfien mill-ġlied fil-kuntest tal-pandemija tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) u l-appoġġ lis-Segretarju Ġenerali tan-NU (SĠNU) António Guterres,
– wara li kkunsidra t-talba tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet biex jiġi evalwat mill-ġdid l-impatt ta' reġimi wiesgħa ta' sanzjonijiet ekonomiċi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Ġunju 2020 intitolata "Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 - X'inhuma l-fatti" (JOIN(2020)0008),
– wara li kkunsidra l-Aġġornament tar-Rapport Speċjali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE): valutazzjoni qasira tan-narrattivi u d-diżinformazzjoni dwar il-pandemija tal-COVID-19 tal-1 ta' April 2020 u tal-20 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mogħti mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fis-16 ta' Settembru 2020,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2020 dwar il-protezzjoni tal-assi u t-teknoloġija kritiċi Ewropej fil-kriżi attwali,
– wara li kkunsidra n-nota ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ġunju 2020 bit-titlu "A renewed trade policy for a stronger Europe" (Politika Kummerċjali mġedda għal Ewropa aktar b'saħħitha),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rispons Globali ta' "Tim Ewropa" għall-COVID-19 tat-8 ta' Ġunju 2020,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-pjan ta' rkupru u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027 tas-17-21 ta' Lulju 2020,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-NU u l-75 Assemblea Ġenerali tan-NU, bit-tema tal-"Promozzjoni tal-multilateraliżmu u ta' NU b'saħħitha u effettiva li tipprovdi għal kulħadd",
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-30 ta' Marzu 2020 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat) dwar il-pandemija tal-COVID-19,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(1),
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli kif adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, kif ukoll l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Viżi Umanitarji(2),
– wara li kkunsidra l-linji gwida tat-8 ta' Diċembru 2008 tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika Tajba tal-Kummissjoni ta' Venezja fi Kwistjonijiet Elettorali,
– wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0204/2020),
A. billi l-COVID-19 ikkawżat pandemija globali li qed taffettwa miljuni ta' ħajjiet umani, li qed twassal għal kriżi tas-saħħa, ekonomika, soċjali u umanitarja globali bħal qatt qabel, li kkawżat tensjonijiet sistemiċi ta' governanza globali b'konsegwenzi estensivi u fit-tul għar-relazzjonijiet internazzjonali, li jaffettwaw aspetti ewlenin tal-politika barranija u s-sigurtà u d-difiża tal-UE, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha; billi l-UE kienet fil-mira ta' diżinformazzjoni, attakki ċibernetiċi u interferenza malinna oħra minn partijiet terzi bil-għan li jiġu destabbilizzati l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri;
B. billi l-pandemija taffettwa b'mod sproporzjonat il-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, u billi xi pajjiżi madwar id-dinja ma rreaġixxewx u ma ħadux miżuri ta' sigurtà rapidi u adegwati biex irażżnu l-epidemija; billi l-Gvern Ċiniż ma tax wisq importanza lit-tifqigħa inizjali tal-COVID-19; billi n-narrattivi li jenfasizzaw il-ġeografija aktar milli t-terminoloġija medika biex jirreferu għall-COVID-19 huma stigmatizzanti; billi l-virus qatel madwar miljun ruħ globalment u wera li huwa biss permezz ta' koordinazzjoni u solidarjetà bejn il-pajjiżi li jista' jiġi kkontrollat u mitigat;
C. billi l-UE għandha r-responsabbiltà li taġixxi bħala attur globali u taġġusta l-prijoritajiet u l-politika tagħha, inkluża l-politika barranija, f'konformità mas-sitwazzjoni ġeopolitika li qed tinbidel fid-dinja u mal-ġlieda globali kontra l-COVID-19; billi l-UE trid tmexxi b'mod prevedibbli u billi tirrispetta l-impenn tagħha għal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt bħala parti minn sforzi multilaterali u internazzjonali, u skont il-pożizzjoni tagħha fl-ekonomija globali; billi l-kriżi tal-COVID-19 għal darb'oħra enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-multilateraliżmu u l-ordni bbażat fuq ir-regoli biex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi globali;
D. billi l-pandemija u l-effetti ekonomiċi u soċjali tagħha jistgħu jikkontribwixxu aktar għall-ilmenti politiċi li jirriżultaw mill-perċezzjoni tal-inugwaljanza u l-marġinalizzazzjoni; billi t-tnaqqis ekonomiku globali kellu impatt partikolarment gravi fuq l-ekonomiji l-aktar vulnerabbli; billi t-tifqigħa tal-COVID-19 aggravat il-problema persistenti ta' nuqqas ta' mediċini madwar id-dinja, b'konsegwenzi akuti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
E. billi l-pandemija aggravat is-sitwazzjoni umanitarja kritika ta' persuni vulnerabbli, b'mod partikolari f'żoni ta' kunflitt, kampijiet tar-refuġjati u stati fraġli, u fost il-komunitajiet indiġeni; billi l-UE tenniet l-appell tan-NU għal waqfien mill-ġlied globali immedjat u biex jittaffew is-sanzjonijiet fid-dawl tal-pandemija sabiex jiġi żgurat li jitwasslu t-tagħmir u l-provvisti essenzjali meħtieġa għall-ġlieda kontra l-coronavirus; billi konsegwentement qed naraw tnaqqis fil-libertajiet globali u fid-demokrazija, li qed iqiegħed aktar piż fuq ordni multilaterali diġà fi kriżi;
F. billi n-nisa madwar id-dinja f'relazzjonijiet vjolenti kienu sfurzati jibqgħu d-dar, fejn kienu esposti għal persuna li tabbużahom għal perjodi itwal ta' żmien; billi filwaqt li l-linji telefoniċi għall-għajnuna u r-rifuġji ta' vjolenza domestika madwar id-dinja qed jirrapportaw żieda fis-sejħiet għall-għajnuna, f'għadd ta' pajjiżi, ir-rapporti ta' vjolenza domestika u sejħiet ta' emerġenza żdiedu 'l fuq b'25 % minn meta ġew ippromulgati miżuri ta' tbegħid soċjali;
1. Jafferma li t-tifqigħa globali tal-pandemija tal-COVID-19 hija bidla radikali fl-ambjent internazzjonali, multiplikatur tar-riskji u katalista għall-bidla fl-ordni globali; jisħaq fuq l-importanza fundamentali tat-tisħiħ tar-reżiljenza interna tal-UE, l-iżvilupp ta' sħubijiet ġodda u t-tisħiħ tal-viżjoni multilaterali tagħha fuq skala globali, b'rispons assertiv u koordinat tal-politika barranija;
2. Jilqa' l-inizjattivi ta' appoġġ ta' Tim Ewropa u Rispons Globali għall-Coronavirus, li qed jgħinu lill-pajjiżi sħab jindirizzaw l-impatt tal-coronavirus fuq il-koordinazzjoni transfruntiera; jilqa' l-koordinazzjoni tal-UE mal-G7, il-G20, in-NU, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-Programm Dinji tal-Ikel u sħab internazzjonali oħra, li jservu biex irawmu rispons globali koerenti u inklużiv għall-pandemija, biex itaffu l-impatt usa' fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji, u biex jgħinu biex jitnaqqas ir-riskju ta' destabbilizzazzjoni;
3. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' tmexxija globali u rispons internazzjonali koordinat matul il-fażijiet inizjali tal-kriżi tal-COVID-19; jikkundanna ż-żamma ta' informazzjoni kritika; jirrifjuta t-tfittxija ta' soluzzjonijiet ta' iżolament; joġġezzjona bil-qawwa għaż-żieda ta' nazzjonaliżmu awtoritarju, kampanji ta' diżinformazzjoni sponsorjati mill-istat u l-promozzjoni ta' narrattivi foloz li jixprunaw nuqqas ta' fiduċja u jimminaw soċjetajiet demokratiċi u kooperazzjoni internazzjonali u jqajmu mistoqsijiet dwar ir-rwol tal-UE fid-dinja; jissottolinja li l-kooperazzjoni globali, approċċ u kooperazzjoni globali inklużivi huma essenzjali biex tiġi indirizzata b'mod effettiv il-kriżi tas-saħħa globali u theddid globali ieħor;
4. Jissottolinja li minkejja l-pandemija tal-COVID-19, il-pajjiżi sħab tal-UE ma għandhomx jiddevjaw mill-perkors tar-riformi matul il-proċess leġiżlattiv, jieħdu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bis-serjetà u jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw u jimplimentaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tal-minoranzi f'konformità mal-obbligi u l-impenji internazzjonali tagħhom;
5. Jiddeplora l-fatt li għadd ta' gvernijiet u mexxejja politiċi madwar id-dinja qed jużaw il-kriżi bħala opportunità biex jipprovdu lilhom infushom b'setgħat eċċessivi u jsegwu l-aġendi politiċi tagħhom stess billi jillimitaw id-drittijiet tal-bniedem, idgħajfu l-istandards demokratiċi, idgħajfu l-istat tad-dritt, inaqqsu r-rwol tal-parlamenti, jillimitaw il-libertà tal-midja, jinċitaw kampanji ta' mibegħda kontra gruppi ta' minoranza, iniedu kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati lejn ir-riformi u l-valuri favur l-UE, u jagħmlu ħsara lill-kooperazzjoni internazzjonali; jinsisti li kwalunkwe stat ta' emerġenza jrid jinkludi klawżola ta' terminazzjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-dimostrazzjonijiet ta' protesta kontra r-restrizzjonijiet tal-coronavirus li qed iseħħu f'diversi bliet madwar id-dinja spiss jiġu infiltrati u manipulati minn gruppi estremisti, b'dimostranti jsejħu l-virus fażull;
6. Jiddeplora l-fatt li l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 aggravaw l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi globali u affettwaw b'mod sproporzjonat lill-ifqar persuni u lill-persuni fl-aktar kategoriji soċjali żvantaġġati, emarġinati u mhux protetti, inklużi l-migranti; jikkundanna l-forom kollha ta' esklużjoni u diskriminazzjoni kontra dawk infettati bil-COVID-19 u jistieden lill-pajjiżi terzi u lill-Istati Membri tal-UE jtaffu l-effetti soċjali tal-pandemija;
7. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex jirrieżamina l-Istrateġija Globali tal-2016 fid-dawl tal-impatt globali tal-kriżi, li tirrifletti dawn il-bidliet ġeopolitiċi, biex tiżgura azzjoni aktar strateġika tal-UE u li l-UE taqdi r-rwol tagħha fid-difiża, il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-ordni dinji multilaterali bbażat fuq ir-regoli li nħoloq mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, u biex tinkludi l-appoġġ għad-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala prijorità ta' appoġġ għat-Tim Ewropa, bl-involviment tal-Parlament Ewropew f'dan il-kompitu permezz tal-għodod u mekkaniżmi eżistenti tiegħu ta' appoġġ għad-demokrazija u l-istat tad-dritt;
Bilanċ ġeopolitiku mibdul wara l-COVID-19
8. Jinnota bi tħassib li l-kompetizzjoni u t-tensjonijiet ġeopolitiċi aċċelleraw wara t-tifqigħa tal-COVID-19, u jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea għad trid tippożizzjona ruħha f'dan l-ambjent ġeopolitiku ġdid; jaqbel li d-dinja ta' wara l-COVID-19 se tidher fundamentalment differenti u se jkollha konsegwenzi estensivi għall-politika esterna tal-UE, u jemmen li l-COVID-19 ikkonfermat il-ħtieġa għal politika barranija u ta' sigurtà tal-UE aktar b'saħħitha u aktar effettiva;
9. Jinsisti li s-sħubija transatlantika għandha tingħata spinta ġdida sabiex tiġġieled b'mod aktar effettiv il-pandemija u sfidi internazzjonali ewlenin oħra bħat-tibdil fil-klima; jagħraf il-ħtieġa li tinstab bażi ġdida għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, b'enfasi fuq ir-rispett reċiproku u aġenda konġunta għad-difiża tal-multilateraliżmu, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem minn ambizzjonijiet nazzjonalisti, awtoritarji u eġemoniċi;
10. Iqis li f'dan il-kuntest li qed jinbidel, l-UE trid tintensifika l-azzjoni tagħha u tmexxi bl-eżempju, tippromwovi soluzzjonijiet multilaterali, taħdem ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari n-NU u l-aġenziji tagħha, id-WHO, il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u organizzazzjonijiet reġjonali internazzjonali, bħan-NATO, filwaqt li tfittex kooperazzjoni aktar b'saħħitha ma' pajjiżi tal-istess fehma, inkluż mill-emisfera tan-Nofsinhar, tippromwovi l-kollaborazzjoni bejn ir-reġimi demokratiċi u ssaħħaħ il-valuri demokratiċi; ifakkar li l-pandemija enfasizzat il-ħtieġa li naħdmu flimkien biex jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-problemi li jikkonċernaw lill-bnedmin kollha;
L-Istati Uniti
11. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-Gvern tal-Istati Uniti, in-nuqqas ta' rieda tiegħu li jieħu rwol ewlieni b'rispons għall-COVID-19 u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni f'inizjattivi konġunti dwar il-vaċċini; jemmen li l-fatti alternattivi u l-informazzjoni falza li jiċħdu s-severità tal-pandemija kienu qarrieqa ħafna fil-ġlieda konġunta kontra l-virus; jistieden kemm lill-UE kif ukoll lill-Istati Uniti jsaħħu l-kooperazzjoni u s-solidarjetà abbażi ta' approċċ orjentat lejn ix-xjenza fil-ġlieda komuni kontra l-pandemija tal-COVID-19, inkluż l-iskambju f'waqtu tal-informazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-vaċċin u tat-tagħmir mediku strateġiku, kif ukoll jindirizzaw flimkien sfidi globali oħra;
12. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinkorporaw prattiki tajbin mill-Kodiċi ta' Prattika Tajba tal-Kummissjoni ta' Venezja fi Kwistjonijiet Elettorali, li jinkludi wkoll linji gwida għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet matul il-perjodu tal-pandemija;
13. Ifakkar li l-kooperazzjoni transatlantika tibqa' pilastru essenzjali tal-politika barranija tal-UE u li hija ta' importanza kbira għas-sigurtà reċiproka u l-interessi kummerċjali tal-UE u tal-Istati Uniti; jesprimi appoġġ kontinwu għall-alleanza transatlantika u kooperazzjoni transatlantika strateġika aktar mill-qrib; jiddispjaċih dwar il-miżuri unilaterali meħuda matul il-kriżijiet tal-COVID-19 bħar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar miż-żona Schengen tal-UE lejn l-Istati Uniti mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-UE;
14. Jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fl-impenn tal-Istati Uniti globalment u d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Istati Uniti li jirtira l-finanzjament mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u li joħroġ mit-Trattat dwar is-Sema Miftuħ, u t-tendenza ġenerali tal-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti li tinsab 'l bogħod mir-realtà ta' diversi organizzazzjonijiet multilaterali li nħolqu biex jiġi stabbilit ordni dinji liberali bbażat fuq ir-regoli, jew li jdgħajjifhom (bħal fil-każ tal-Qorti Kriminali Internazzjonali);
15. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi kkonsolidata u mtejba l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, abbażi ta' rispett reċiproku u aġenda konġunta għad-difiża tal-multilateraliżmu, id-dritt internazzjonali, valuri demokratiċi kondiviżi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jinnota li, f'dinja kkaratterizzata minn kompetizzjoni bejn il-potenzi l-kbar, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jikkondividu valuri komuni marbuta mal-istrutturi internazzjonali eżistenti u jibqgħu sħab indispensabbli fl-ambjent internazzjonali volatili attwali;
Iċ-Ċina
16. Jinnota t-tisħiħ tad-diplomazija pubblika assertiva tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina madwar id-dinja wara t-tifqigħa tal-COVID-19, li tfittex li timla l-vojt politiku fis-sistema multilaterali li tħalliet mill-Istati Uniti li xxaqleb aktar lejn l-iżolament u li tipprova tippożizzjona lilha nnifisha bħala attur globali dominanti b'mudell ta' governanza alternattiv; jinsab imħasseb dwar l-isforzi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex tikseb impatt tal-poter aktar b'saħħtu fir-reġjun, li jirriżulta f'tilwim dwar il-fruntieri ma' ħafna mill-ġirien tagħha u l-promozzjoni tagħha tal-interessi strateġiċi nazzjonali permezz ta' organizzazzjonijiet multilaterali; jinsab imħasseb dwar il-bidla possibbli tal-poter fil-politika globali relatata mal-bidla fit-tmexxija taċ-Ċina; joġġezzjona għall-fatt li l-Gvern Ċiniż uża l-momentum tat-tifqigħa tal-pandemija biex jimponi l-liġi tas-sigurtà nazzjonali u r-ripressjoni fuq il-moviment favur id-demokrazija f'Hong Kong, biex iżid it-theddid kontra t-Tajwan u biex iżid l-attivitajiet tiegħu fit-Tibet u fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, kif ukoll il-persekuzzjoni brutali tal-Ujguri f'Xinyang u jikkundanna l-attakki u l-pressjoni ripetuti mir-rappreżentanti Ċiniżi fuq il-gvernijiet tal-Istati Membri u fuq il-politiċi eletti demokratikament fl-UE, bħall-President tas-Senat Ċek u l-Ministru tal-Kultura tal-Iżvezja;
17. Jinnota li wara t-tifqigħa tal-COVID-19, iċ-Ċina pprovdiet kontribuzzjonijiet ta' emerġenza għall-ġlieda kontra l-virus u jiddispjaċih li xi wħud kienu difettużi jew ta' kwalità inferjuri; jirrikonoxxi wkoll, madankollu, sforzi mmotivati ġeopolitikament u ġeoekonomikament imsaħħa minn kampanji ta' diżinformazzjoni u propaganda aggressiva tad-"diplomazija tal-virus u l-wolf warrior"; jikkundanna t-tentattivi taċ-Ċina biex tuża din id- "diplomazija tal-virus" kontra l-UE bl-intenzjoni li ssawwar l-immaġni globali tagħha bħala setgħa benevolenti; jiddispjaċih għall-iżolament tat-Tajwan min-naħa taċ-Ċina fid-WHO; jistieden lill-Istati Membri japprovaw is-sħubija tat-Tajwan bħala osservatur fid-WHO/WHA u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, fid-dawl tat-trattament effettiv tiegħu tal-virus domestikament, u mingħajr ma jkun jista' jikkontribwixxi bl-għarfien espert tiegħu għar-rispons internazzjonali għall-kriżi tas-saħħa attwali; ifaħħar l-għajnuna pprovduta mill-awtoritajiet Tajwaniżi;
18. Jinsab imħasseb dwar għadd ta' żbalji u nuqqas ta' trasparenza relatati mar-reazzjoni Ċiniża inizjali għat-tifqigħa globali tal-pandemija tal-COVID-19, li jinvolvu l-ħabi tal-kobor tal-problema, it-tentattivi biex tiġi mmanipulata u miżmuma l-informazzjoni, komunikazzjoni dgħajfa mad-WHO, iċ-ċensura, it-trażżin, it-theddid, il-persekuzzjoni u l-għajbien sfurzat tal-informaturi, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti ċittadini, u l-ħolqien ta' dubji dwar l-għadd uffiċjali ta' vittmi tal-COVID-19, li kollha kellhom impatt ta' ħsara fuq il-kapaċità tal-UE biex tantiċipa, tipprepara għal u tħabbat wiċċha mal-kriżi tal-COVID-19, u rriżultaw f'imwiet; għalhekk iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jikkoopera bis-sħiħ ma' investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-oriġini tal-COVID-19, u jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċ komprensiv lejn iċ-Ċina li qed tissaħħaħ u jipproteġu l-awtonomija strateġika tal-UE;
19. Jappella għal rispons Ewropew għall-espansjoni intensifikata taċ-Ċina lejn l-aktar Stati Membri esposti u l-ġirien tal-UE; jirrimarka li l-għaġla attwali biex jitrażżnu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija se tkun opportunità għal investimenti strateġiċi Ċiniżi f'setturi ewlenin bħat-telekomunikazzjonijiet, it-trasport u t-teknoloġija;
20. Jinsab imħasseb dwar il-potenzjal ta' "nassa tad-dejn" li tista' taffettwa lill-pajjiżi Afrikani bħala riżultat tal-COVID-19, kif ukoll iżżid id-dipendenzi politiċi u ekonomiċi tal-pajjiżi terzi fuq iċ-Ċina, peress li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku se jagħmilhielhom diffiċli jirrimborżaw self Ċiniż li huwa parti mill-Inizjattiva "Belt and Road"; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu t-tfittxija għal soluzzjonijiet vijabbli rigward il-ħelsien mid-dejn għal pajjiżi terzi fi ħdan fora internazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-eżenzjonijiet umanitarji mis-sanzjonijiet ikollhom effett immedjat u prattiku f'termini tat-twassil rapidu ta' tagħmir mediku, provvisti u forom oħra ta' assistenza lill-pajjiżi affettwati;
21. Jistieden lill-VP/RGħ jirrikonoxxi dan it-tħassib, jirrieżamina r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina u simultanjament joħloq atmosfera ta' djalogu, impenn u kooperazzjoni u kompetizzjoni ġenwini bbażati fuq strateġija ġdida, koerenti u aktar assertiva adattata għax-xenarju ġeopolitiku u ġeoekonomiku mibdul u strateġija fit-tul għaċ-Ċina, li fiha l-UE u l-Istati Membri jikkooperaw fejn possibbli, jikkompetu fejn meħtieġ u jikkonfrontaw fejn meħtieġ biex jiddefendu l-valuri u l-interessi Ewropej; huwa tal-fehma li, bħala parti minn din l-istrateġija l-ġdida, l-UE għandha tfittex kollaborazzjoni aktar mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma fir-reġjun u demokraziji oħra, inklużi l-Indja, l-Awstralja, New Zealand, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel, u taħdem favur strateġija Ewropea għall-Indo-Paċifiku, li għaliha l-istrateġija ta' konnettività tal-UE għandha tintuża bl-aktar mod sħiħ;
L-Indja
22. Jinnota bi tħassib li, b'mod parallel maż-żieda tat-tifqigħa tal-COVID-19 fl-Indja, fejn s'issa ġew irrappurtati aktar minn 90 000 mewta, ir-ripressjoni politika kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet individwali qed tkompli fl-isfond ta' tensjonijiet ibbażati fil-komunità, u jqis li huwa essenzjali li din il-kwistjoni titqiegħed fuq l-aġenda tad-Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Indja li jmiss;
23. Jisħaq fuq l-importanza tas-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Indja, il-ħtieġa li tiġi promossa u li ssir ħidma flimkien fuq l-istabbiltà u s-sigurtà, speċjalment fl-Oċean Indjan u l-Paċifiku;
Ir-Russja
24. Jesprimi l-akbar tħassib dwar it-tentattivi sistematiċi tal-Federazzjoni Russa li timmina l-unità tal-UE u r-rispons tagħha għall-kriżijiet, toħloq nuqqas ta' fiduċja bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant bl-intensifikazzjoni tal-kampanji ta' diżinformazzjoni mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 u l-attakki ċibernetiċi kontra l-organizzazzjonijiet ta' riċerka, kif ukoll il-politiċizzazzjoni tal-assistenza umanitarja; ifaħħar lis-SEAE u lid-dipartiment StratCom tal-Lvant għall-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jrażżnu l-kampanji ta' diżinformazzjoni minn mezzi tal-midja relatati mar-Russja f'diversi Stati Membri u jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi u l-finanzjament tagħha ddedikati għall-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz Russi;
25. Jirrikonoxxi d-dimensjoni ġeopolitika u ġeoekonomika ċara ta' dak li ġie offrut mir-Russja, imsaħħa mid-"diplomazija tal-virus" u ġlieda kontra n-narrattivi; jinnota bi tħassib li r-Russja qed tieħu ċerti passi assertivi fl-arena internazzjonali bil-għan li tippromwovi l-aġenda ġeopolitika tagħha stess; jistieden lill-UE ma tissottovalutax dan u żżomm fuq l-aġenda l-kunflitti li fihom ir-Russja għandha interess, bħal dawk mal-Belarussja, l-Ukrajna, il-Georgia, il-Krimea, is-Sirja u l-Libja;
26. Jesprimi tħassib serju dwar it-tentattivi tar-Russja li tuża l-pandemija biex tkompli tnaqqas l-ispazju tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, tappoġġa r-reġimi awtoritarji u tkompli l-politika barranija aggressiva tagħha; jenfasizza li ma rridux nippermettu lil pajjiżi bħar-Russja jużaw il-kriżi biex jaljenawna mill-problemi domestiċi sinifikanti tagħhom stess; jinsab imħasseb dwar ir-Referendum Kostituzzjonali, li fih il-President Russu uża l-kriżi attwali biex jippromulga emendi kostituzzjonali kruċjali li jtawlu u jsaħħu t-tmexxija awtoritarja tiegħu fir-Russja;
27. Jikkundanna t-tentattiv fuq il-ħajja ta' Alexei Navalny u jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti dwar l-avvelenament tas-Sur Navalny mingħajr dewmien;
28. Jistieden lir-Russja tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal rispons globali għall-kriżi, b'bona fide u bħala parti mill-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; jinsab imħasseb dwar l-effettività u s-sikurezza tal-vaċċin Russu l-ġdid li qed jintuża bħalissa; ifakkar li l-kwalità tal-prodotti mediċi mwassla mir-Russja f'xi każijiet kienet baxxa ħafna u għalhekk ineffettiva;
Politika barranija tal-UE aktar assertiva biex tiddefendi l-interessi tal-Ewropa, il-valuri tagħha u l-ordni dinji multilaterali
29. Jirrikonoxxi r-riskji globali tas-sigurtà, soċjoekonomiċi, ambjentali u politiċi li jistgħu jiġu kkawżati mill-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, u jinsab imħasseb dwar il-fatt li setgħat globali bħaċ-Ċina u r-Russja huma lesti li b'ċerta ħila jużaw il-kriżi biex iħollu l-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli msejjes fuq organizzazzjonijiet multilaterali;
30. Jisħaq fuq il-fatt li l-ordni dinji multilaterali bbażat fuq ir-regoli huwa essenzjali għall-paċi globali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jemmen li UE ġeopolitika, flimkien ma' sħab tal-istess fehma, irid ikollha rwol aktar b'saħħtu fid-difiża u l-bini mill-ġdid tagħha; jemmen li l-UE trid tfittex modi biex tnaqqas it-tensjonijiet bejn is-setgħat, b'mod partikolari meta dawn it-tensjonijiet ifixklu l-azzjoni multilaterali; jinnota li l-kriżi tal-COVID-19 uriet kemm il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni multilaterali, b'mod partikolari fil-governanza tas-saħħa globali, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu riformati l-istituzzjonijiet internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-VP/RGħ jabbozzaw "pjan direzzjonali tal-UE dwar il-multilateraliżmu" biex jippromwovu u jagħtu bidu għal riformi strutturali f'organizzazzjonijiet multilaterali;
31. Jitlob li tiġi studjata l-possibbiltà li jinħoloq forum ġdid għall-kooperazzjoni multilaterali fost l-alleati tal-Punent, jiġifieri l-UE, l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada, il-Korea t'Isfel, l-Awstralja u New Zealand, permezz tal-legat tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni għall-Kontrolli Strateġiċi Multilaterali tal-Esportazzjoni; jitlob li l-mandat ta' kumitat ġdid għandu jkopri l-monitoraġġ u l-kontroll tal-esportazzjoni tat-teknoloġiji, tal-flussi kummerċjali u tal-investimenti sensittivi lejn pajjiżi ta' tħassib;
32. Jinnota li l-ambizzjonijiet ġeopolitiċi tal-UE jeħtieġ li jkunu sostnuti minn allokazzjonijiet baġitarji adegwati permezz tal-qafas finanzjarju multilaterali (QFP) li jmiss u jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew ippropona tnaqqis fil-linji baġitarji għall-istrumenti tal-politika esterna; jitlob li l-baġit tal-UE għall-azzjoni esterna fil-QFP 2021-2027 jissaħħaħ u jkun suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-UE jkollha r-riżorsi meħtieġa biex tindirizza l-isfidi fil-viċinat tagħha, il-konsegwenzi ġeopolitiċi tal-COVID-19 u li tkun tista' tissodisfa l-ambizzjoni tagħha li ssir attur ġeopolitiku responsabbli;
33. Jenfasizza li hija biss UE b'saħħitha u aktar magħquda li għandha awtonomija strateġika miftuħa u appoġġata minn kapaċitajiet militari suffiċjenti u kredibbli, kif ukoll għodod u mekkaniżmi li jappoġġaw lis-sħab, li se tkun tista' taqdi rwol b'saħħtu fl-ambjent ġeopolitiku l-ġdid u twettaq politika barranija b'saħħitha, u jemmen li l-Istati Membri għandhom jagħtu mandat aktar b'saħħtu u definit sew lill-VP/RGħ biex jitkellem f'isem l-UE, pereżempju billi tistabbilixxi sede Ewropea f'organi multilaterali; jilqa' l-konklużjoni tal-President Charles Michel li huwa tal-akbar importanza li tiżdied l-awtonomija strateġika tal-Unjoni;
34. Jemmen li t-tmiem tar-regola tal-unanimità f'ċerti oqsma tal-politika barranija jgħin lill-UE twettaq politika barranija li tkun aktar effettiva, aktar proattiva u adattata aħjar għar-reazzjoni f'waqtha għall-emerġenzi; jistieden lill-Kunsill jew lill-Kunsill Ewropew isegwu t-talba tal-Kummissjoni u tal-Parlament biex jimxu lejn votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata, tal-anqas dwar id-drittijiet tal-bniedem jew sanzjonijiet, billi jattivaw il-klawżola passerelle; jenfasizza li l-ingranaġġ tal-UE huwa l-akbar meta l-Istati Membri jaġixxu flimkien;
35. Jissottolinja r-rwol importanti tal-forzi armati matul il-pandemija tal-COVID-19; jilqa' l-assistenza militari għall-operazzjonijiet ta' appoġġ ċivili , b'mod partikolari permezz tal-użu ta' sptarijiet fuq il-post, it-trasport tal-pazjenti u l-kunsinna u d-distribuzzjoni ta' tagħmir, u jemmen li operazzjoni u koordinazzjoni konġunti aktar fil-fond tal-forzi armati tal-Istati Membri fi ħdan oqfsa eżistenti - bħall-proġett ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u l-Kmand Mediku Ewropew - jew fi ħdan oqfsa ġodda - bħal sptarijiet militari fuq ferroviji - jistgħu jwasslu għal aktar effiċjenza u jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-UE fil-ġlieda kontra l-pandemiji; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-persunal militari jkun imħarreġ, ippreparat u mgħammar biżżejjed biex jittratta dawn it-tipi ta' kompiti essenzjali b'appoġġ għal sħabhom iċ-ċittadini;
36. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu rieżaminati l-istrateġiji ta' sigurtà u difiża tal-UE biex tiġi żviluppata awtonomija strateġika, inkluż fis-settur tas-saħħa, biex titħejja aħjar u ssir aktar reżiljenti għat-theddid u t-teknoloġiji ġodda u ibridi li għamlu n-natura tal-gwerra inqas konvenzjonali u joħolqu sfidi għar-rwol militari tradizzjonali, kif ukoll għal futur li fih ir-Russja u ċ-Ċina qed isiru aktar assertivi; jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ il-mobilità militari sabiex tgħin lill-Istati Membri jaġixxu aktar malajr u b'mod aktar effettiv fil-kuntest ta' kunflitt possibbli fil-futur. jenfasizza li l-Boxxla Strateġika futura dwar is-sigurtà u d-difiża għandha tirrifletti dawn l-iżviluppi, tqis l-implikazzjonijiet ġeopolitiċi usa' tal-COVID-19 u tindirizza l-ispettru sħiħ ta' theddid bħal pandemija ġdida, theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN) u indħil barrani, inklużi d-diżinformazzjoni jew l-attakki ċibernetiċi; jemmen li, minħabba l-bilanċ politiku l-ġdid u d-deterjorament potenzjali tal-ambjent tas-sigurtà internazzjonali wara l-COVID-19, il-baġits tad-difiża tal-UE b'mod ġenerali, u l-baġit tal-mobilità militari b'mod partikolari, ma jridux jitnaqqsu;
37. Jappoġġa l-ħtieġa li titkompla u tissaħħaħ il-kooperazzjoni u, fejn meħtieġ, il-koordinazzjoni bejn l-UE u n-NATO, inkluż iċ-Ċentru Ewro-Atlantiku ta' Koordinazzjoni tar-Rispons fil-Każ ta' Diżastru (EADRCC) jew iċ-Ċentru ta' Eċċellenza għall-Mediċina Militari tan-NATO, kif ukoll li jiġu miġġielda d-diżinformazzjoni u l-attakki ċibernetiċi relatati mal-COVID-19; jappella għal koordinazzjoni b'saħħitha mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u appoġġ għaliha u għal kooperazzjoni dwar l-ippjanar u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari;
38. Jappella għal approċċ istituzzjonali ġdid għall-komunikazzjoni strateġika sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u r-riskji li qed jiffaċċjaw id-demokraziji liberali tal-Punent, kif ukoll għall-espansjoni u l-modernizzazzjoni tal-istrateġiji ta' komunikazzjoni tal-UE sabiex il-valuri u l-azzjonijiet tal-UE jkunu viżibbli biżżejjed kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha, speċjalment f'żoni ġirien; iħeġġeġ lis-SEAE jkompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu biex jiġġieled l-indħil u d-diżinformazzjoni barranin malizzjużi, il-gwerra ibrida, il-propaganda u l-ispjunaġġ, inkluż il-ħolqien ta' Task Forces StratCom iddedikati li jiffukaw fuq l-attivitajiet li joriġinaw minn (a) iċ-Ċina, u (b) il-Lvant Nofsani, inkluż l-Iran, u jimponi spejjeż fuq pajjiżi u atturi mhux statali li deliberatament ixerrdu d-diżinformazzjoni biex jifirdu u jagħmlu ħsara lill-UE u lill-Istati Membri tagħha; jafferma mill-ġdid id-dedikazzjoni tiegħu għall-iżvilupp ta' oqfsa koordinati leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi u t-titjib tal-isforzi ta' koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-Istati Membri fil-livell tal-UE biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni;
39. Jilqa' l-ħidma tal-EUvsDisinfo u r-rwol tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet fil-livell lokali, il-ġurnalisti indipendenti u l-organizzazzjonijiet tal-midja fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jissottolinja l-importanza ta' pożizzjoni ta' prinċipju tal-UE dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni marbuta mat-tixrid tal-virus COVID-19 u l-attakki ċibernetiċi kontra l-infrastruttura kritika; jistieden lill-pjattaformi tal-midja soċjali jaġixxu b'mod proattiv u jadottaw miżuri li jipprevjenu t-tixrid tad-diżinformazzjoni u d-diskors ta' mibegħda rigward il-virus COVID-19, u l-ħtieġa li jinvestu fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u jqajmu kuxjenza dwar din it-theddida li qed tiżdied;
40. Jisħaq fuq il-fatt li l-akbar suq globali tal-konsumatur ta' kważi 500 miljun persuna jagħti ingranaġġ sinifikanti lill-UE fix-xena dinjija, u jemmen li Kummissjoni ġeopolitika jenħtieġ li tuża dan l-ingranaġġ, inkluż permezz tal-politika ta' kummerċ tagħha, biex tiddefendi l-interessi tal-UE meta pajjiżi oħra ma jkunux lesti li jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem, mal-istat tad-dritt jew mat-trattati internazzjonali;
41. Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq pajjiżi terzi f'ċerti setturi strateġiċi u eżistenzjali bħas-saħħa u jappoġġa bis-saħħa d-diversifikazzjoni u r-rilokazzjoni tal-ktajjen ta' provvista l-iżjed kritiċi; jirrimarka li l-COVID-19 żvelat il-vulnerabbiltajiet tal-interkonnettività u l-interdipendenza u wasslet għal protezzjoniżmu dejjem akbar; jissottolinja, għalhekk, l-importanza li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn it-titjib tar-reżiljenza tal-ktajjen ta' valur tagħna biex tinkiseb awtonomija strateġika, it-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-UE u ż-żamma ta' relazzjonijiet kummerċjali li huma miftuħa kemm jista' jkun;
42. Ifakkar fit-talba urġenti tiegħu għal reġim b'saħħtu ta' sanzjonijiet globali biex jindirizza ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem qabel tmiem l-2020, li jkun l-ekwivalenti tal-UE tal-hekk imsejħa Liġi Magnitsky; jenfasizza li għandha tinkludi atti ta' korruzzjoni ta' livell għoli bħala kriterju għal sanzjonijiet; jilqa' t-tħabbira mill-President von der Leyen li l-Kummissjoni dalwaqt se tressaq proposta, u jistieden lill-Kunsill Ewropew jadotta l-mekkaniżmu ta' sanzjonijiet globali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala deċiżjoni relatata mal-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni skont l-Artikolu 22(1) tat-TUE;
43. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-impatt negattiv sproporzjonat tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-migranti u r-refuġjati; iħeġġeġ lill-gvernijiet biex, fil-politika barranija tagħhom, jinvolvu ruħhom f'reazzjonijiet ibbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-dinjità, u s-soluzzjonijiet biex jindirizzaw il-vulnerabilità tal-migranti u tar-refuġjati u l-bżonn tagħhom għall-protezzjoni, f'konformità mal-prinċipji tas-solidarjetà u s-sħubija u li jippermettu perkorsi legali adegwati u aċċessibbli għall-migrazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li d-dritt għall-asil jiġi rrispettat mad-dinja kollha;
44. Jistieden lill-UE timpenja ruħha f'kampanja globali biex tippromwovi r-rakkomandazzjonijiet tan-NU dwar it-tnaqqis tal-popolazzjonijiet tal-ħabsijiet billi timplimenta skemi ta' rilaxx bikri, proviżorju jew temporanju ta' trasgressuri meqjusa ta' riskju baxx; iħeġġeġ, b'mod partikolari, li l-persuni kollha detenuti talli esprimew fehmiet kritiċi jew kuntrarji jew minħabba l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jinħelsu u jirrakkomanda t-tnaqqis tal-użu tad-detenzjoni tal-immigrazzjoni u l-kampijiet magħluqa tar-refuġjati;
45. Jirrikonoxxi r-rwol deċiżiv li kellhom in-nisa biex jiffaċċjaw il-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt tal-pandemija abbażi tal-ġeneru; jibqa' mħasseb ħafna dwar l-impatt bla preċedent tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri madwar id-dinja f'termini tad-diviżjoni inugwali tax-xogħol ta' kura domestika kif ukoll pubblika, fejn in-nisa jikkostitwixxu madwar 70 % tal-forza tax-xogħol tas-saħħa globali u jitlob li l-ħtiġijiet tan-nisa u tal-gruppi emarġinati jiġu kkunsidrati f'rispons globali għall-pandemija, peress li dawn għadhom rarament rappreżentati fit-tabelli tan-negozjati fejn jiġu stabbiliti reazzjonijiet għall-kriżijiet;
46. Huwa konvint li rispons ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-pandemija tal-COVID-19 jikkostitwixxi l-aktar approċċ effettiv, inklużiv u sostenibbli għall-ġestjoni tal-kriżi attwali; ifakkar li r-rispons tal-pajjiżi terzi għall-kriżi tal-COVID-19 ma jridx jikser id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt internazzjonali, irid ikun limitat għal miżuri strettament meħtieġa u proporzjonati u jkun soġġett għal skrutinju regolari kif ukoll dak marbut biż-żmien; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni globali tad-drittijiet tal-bniedem, jidentifikaw ix-xejriet u jappoġġaw l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u lokali, iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom biex ireġġgħu lura l-impatt negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 fuq id-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsegwenzi tal-COVID-19 ma jdgħajfux l-implimentazzjoni tal-valuri u l-impenji tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem diġà stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024;
47. Jissottolinja l-importanza strateġika tat-tmexxija u l-appoġġ tal-UE fil-viċinat tagħha, kemm fil-Lvant, fin-Nofsinhar kif ukoll fir-reġjun tal-Artiku, billi tgħin lill-ġirien tagħha fil-ġlieda tagħhom kontra l-pandemija tal-COVID-19; jappella għal aktar appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-riformi fil-viċinat;
48. Jisħaq fuq il-fatt li l-UE trid tagħti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li għadhom mhumiex parti mill-UE, opportunità ġusta biex jissieħbu fl-UE, u li l-UE trid tikkonsolida l-isforzi tagħha biex tinvesti fir-reġjun; jenfasizza li l-proċess ta' tkabbir tal-UE u l-enfasi tal-UE fuq l-appoġġ tal-proċessi ta' riforma fil-Balkani tal-Punent qed ikomplu minkejja l-pandemija li għaddejja bħalissa; ifaħħar l-inizjattiva ta' assistenza finanzjarja tal-Kummissjoni u l-inklużjoni fl-akkwist konġunt tal-UE ta' tagħmir mediku biex jingħata appoġġ lill-Balkani tal-Punent fl-indirizzar tal-pandemija tal-COVID-19; jitlob l-inklużjoni tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent fil-Fond ta' Solidarjetà tal-UE u jtenni li l-għajnuna lis-sħab tagħna trid tkun akkumpanjata minn kampanja ta' komunikazzjoni robusta;
49. Jisħaq fuq il-fatt li l-kriżi tal-COVID-19 tista' tiddestabbilizza l-pajjiżi fl-Afrika li spiss ikollhom infrastruttura tas-saħħa fraġli u dejn għoli, fejn taġixxi bħala "multiplikatur tal-kunflitti"; jitlob li tissaħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika u li tiġi kkoordinata b'mod aktar effettiv, li jiġi estiż l-investiment privat, li jitrawmu l-assistenza finanzjarja u l-pjanijiet ta' rkupru u li tiġi pprovduta alternattiva għall-investimenti taċ-Ċina; jistieden lill-UE tkompli djalogu msaħħaħ li jwassal għall-organizzazzjoni tas-Summit UE-Afrika u taħdem biex tibni l-Afrika f'sieħeb fit-tul, affidabbli u mill-qrib tal-UE;
50. Jissottolinja li s-sanzjonijiet ma għandhomx jimpedixxu rispons komprensiv għall-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza fil-każ speċifiku tal-Iran li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Istrument ta' Appoġġ għall-Iskambji ta' Kummerċ (INSTEX) għandu jitwessa' u li dan il-mekkaniżmu għandu jintuża biex jissaħħaħ ir-rispons umanitarju tagħna;
51. Jenfasizza li s-sħab tal-UE fir-reġjuni tas-Saħel-Saħara u l-Qarn tal-Afrika qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi bla preċedent tal-pandemija tal-COVID-19 flimkien mat-taqbida kontinwa tagħhom kontra gruppi terroristiċi armati, inklużi l-ġiħadisti;
52. Iqis li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew huma ta' interess strateġiku u kruċjali; jenfasizza li l-Amerika Latina kienet waħda mir-reġjuni l-aktar milquta mill-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvolvi ruħha mal-pajjiżi tal-Amerika Latina, tistabbilixxi kooperazzjoni msaħħa biex tindirizza l-COVID-19, tgħin fil-pjanijiet ta' rkupru u tappoġġa lil dawn il-pajjiżi politikament bil-għan li tipprevjeni d-dipendenza eċċessiva tagħhom fuq l-għajnuna minn atturi ġeopolitiċi oħra; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw l-Aġenda 2030 u l-SDGs bħala pjan direzzjonali għall-irkupru;
53. Jinnota li l-pandemija attwali tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq il-missjonijiet eżistenti tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), b'mod partikolari fuq missjonijiet ta' taħriġ tal-UE f'postijiet bħall-Mali, is-Somalja jew ir-Repubblika Ċentru-Afrikana; ifakkar li preżenza Ewropea u impenn kredibbli huma kruċjali biex jittaffew il-konsegwenzi umanitarji u soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19; jitlob li jissaħħu l-missjonijiet tal-PSDK li għandhom il-kompitu li jsaħħu l-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tal-kunflitti, b'mod partikolari dawk fil-viċinat immedjat tal-UE, biex jgħinu jistabbilizzaw kuntesti diġà fraġli u jimpedixxu rikaduti fil-kunflitti u l-vjolenza minħabba tensjonijiet addizzjonali kkawżati mill-COVID-19; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu aktar persunal ċivili u militari disponibbli għal tali missjonijiet u operazzjonijiet, u jappella wkoll f'dan ir-rigward għal adozzjoni rapida tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; iħeġġeġ lis-SEAE jaħdem fuq ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK matul kriżijiet bħall-pandemija tal-COVID-19; jinsisti fuq l-importanza li tinżamm il-kontinwità tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK f'kuntesti bħal dawn; jitlob rieżami sħiħ tal-impatt tal-COVID-19 fuq it-tħejjija, il-ġenerazzjoni tal-forza, is-sikurezza tal-persunal u l-kontinwità tal-operazzjonijiet u l-missjonijiet tal-PSDK;
54. Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u perspettiva intersezzjonali, inkluża rappreżentanza ugwali u diversa, fil-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, u jirrikonoxxu l-esperjenzi differenti tan-nisa u ta' gruppi emarġinati oħra li fuqhom din il-pandemija kellha effetti detrimentali;
55. Jemmen bis-sħiħ li l-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima tista' sservi bħala l-pedament għall-bini ta' kooperazzjoni globali usa' b'rispons għall-COVID-19, it-tisħiħ tas-sistema multilaterali u l-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-ħtieġa għal sistema bbażata fuq ir-regoli;
56. Huwa tal-fehma li l-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat ċerti dgħufijiet tal-Unjoni tagħna u wriet il-ħtieġa urġenti għal Unjoni effettiva, effiċjenti u awtonoma, kemm internament kif ukoll fid-dinja, b'mekkaniżmi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriżijiet, inkluż bi strumenti finanzjarji; jemmen li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa se tipprovdi pjattaforma tajba biex nimxu 'l quddiem fil-ħolqien ta' teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti fil-politiki esterni tal-UE; huwa għalhekk determinat li l-Konferenza tibda kemm jista' jkun malajr;
57. Jinnota l-impatt li l-COVID-19 kellha fuq ir-reġjuni aktar vulnerabbli, inklużi r-reġjuni ta' kunflitt u l-pajjiżi l-anqas żviluppati; iħeġġeġ lill-VP/RGħ jagħmel pressjoni favur waqfien mill-ġlied lokali u reġjonali u ftehimiet ta' tregwa u jappoġġa l-inizjattiva tas-SĠNU António Guterres għal waqfien mill-ġlied globali; ifakkar fil-ħtieġa ta' konformità mal-prinċipji umanitarji ta' imparzjalità u newtralità fl-għoti tal-għajnuna, inkluż bi tweġiba għall-ħtiġijiet relatati mal-COVID-19; jistieden lill-UE tiddefendi l-aċċess umanitarju għal żoni remoti ta' kunflitt, tippromwovi kurituri umanitarji u jissottolinja li kwalunkwe azzjoni esterna f'pajjiżi milquta minn kunflitti jeħtieġ li tkun ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju u tal-vulnerabbiltà sensittiva għall-kunflitti, inklużi l-perspettivi tan-nisa u b'enfasi speċjali fuq il-konsolidazzjoni tal-paċi;
58. Jilqa' r-rifjut min-naħa tal-UE tan-nazzjonaliżmu fir-rigward tal-vaċċin; itenni li l-UE għandha rwol ewlieni x'tiżvolġi fl-iffaċilitar tal-aċċess għall-vaċċin b'mod ekwu għall-persuni kollha madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha biex tiżgura li ħadd ma jitħalla l-art ladarba jkun sar disponibbli vaċċin;
o o o
59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.