Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2020 dwar analiżi tal-elezzjonijiet Ewropej (2020/2088(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 10, 14 u 17(7) tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 20 u 22 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 21, 39 u 52(1) tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 17(6) u (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Lisbona,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u b'mod partikolari l-prinċipju 1 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 tat-13 ta' Lulju 2018 li temenda l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2018/937 tat-28 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew(2),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/767 tat-22 ta' Mejju 2018 li tiffissa l-perjodu għad-disa' elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/673 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tat-3 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2019/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 rigward proċedura ta' verifika relatata mal-ksur ta' regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew(5),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, kif emendat(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li tiffissa l-perjodu għad-disa' elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew(11),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta' Lulju 2019 dwar l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-indħil elettorali barrani u d-diżinformazzjoni fil-proċessi demokratiċi nazzjonali u Ewropej(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-Futur tal-Ewropa(14),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali għall-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tiegħu(15),
– wara li kkunsidra r-rapport ta' informazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ta' Marzu 2019 dwar id-drittijiet reali tal-persuni b'diżabilità li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ħidma tal-Unjoni Interparlamentari (IPU) dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'mod partikolari l-Pjan ta' Azzjoni tagħha għal Parlamenti sensittivi għall-Ġeneru,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0211/2020),
A. billi l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 irreġistraw l-ogħla rata ta' parteċipazzjoni f'kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew fl-aħħar 20 sena, b'50,66 % (żieda ta' 8 punti perċentwali meta mqabbla mal-2014), u b'hekk bagħtu sinjal pożittiv li ċ-ċittadini Ewropej qed jieħdu interess akbar fl-iżviluppi fil-livell tal-UE u li jemmnu li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha impatt fuq il-ħajja ta' kuljum tagħhom; billi, madankollu, din iċ-ċifra taħbi differenzi kbar bejn l-Istati Membri, ir-rata ta' astensjoni baqgħet għolja u għalhekk trid issir aktar ħidma biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej;
B. billi r-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru kkummissjonat mill-Parlament wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 juru li l-istat tal-ekonomija u tal-ambjent kienu ż-żewġ prijoritajiet ewlenin għall-votanti, u dan jindika b'mod ċar li ċ-ċittadini li ħadu sehem fl-elezzjonijiet Ewropej jixtiequ li tittieħed aktar azzjoni fil-livell tal-UE f'dawn iż-żewġ oqsma ta' politika, li għalihom il-kompetenza hija kondiviża bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali(16);
C. billi l-għażla t-tajba tas-sistema elettorali toħloq l-ambjent it-tajjeb għaċ-ċittadini biex jemmnu fid-dritt demokratiku bażiku tagħhom li jivvutaw għar-rappreżentanti demokratiċi tagħhom u, fl-istess ħin, għar-rappreżentanti politiċi biex jisimgħu lill-votanti tagħhom u jirrappreżentaw l-interessi tagħhom, u bħala tali tinħoloq awtoeffikaċja fost iċ-ċittadini;
D. billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru, ir-rata ogħla ta' nies li ħarġu jivvutaw kienet parzjalment dovuta għaż-żieda fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, għalkemm hemm probabbiltà akbar li l-persuni fil-grupp ta' età ta' aktar minn 40 sena jivvutaw; billi aktar minn 50 % taż-żgħażagħ ivvutaw minħabba sens ta' dmir ċiviku u b'reazzjoni għall-emerġenza klimatika;
E. billi l-impenn bla waqfien tas-soċjetà ċivili kellu rwol kruċjali fid-dibattitu pro-Ewropew qabel l-elezzjonijiet Ewropej;
F. billi ż-żieda fil-parteċipazzjoni kienet marbuta wkoll mal-gwadanji minn partiti pro-Ewropej li jirċievu voti minn ġenerazzjonijiet iżgħar, li żiedu mal-maġġoranza pro-Ewropea fil-Parlament Ewropew, iżda r-riżultati tal-Ewroxettiċi, tal-populisti u tal-movimenti nazzjonalisti, li jheddu l-proġett ta' integrazzjoni tal-UE, għandhom jittieħdu bħala twissija;
G. billi r-rata ta' parteċipazzjoni ogħla hi sinjal ukoll li ċ-ċittadini tal-UE jridu azzjoni rapida, demokratika u effettiva dwar kwistjonijiet importanti bħall-impjiegi, l-għoli tal-ħajja, id-dumping soċjali, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u d-demokratizzazzjoni;
H. billi jeħtieġ li nkunu aktar effiċjenti u proattivi biex nieħdu vantaġġ mill-mezzi kollha ta' komunikazzjoni, inkluża t-teknoloġija diġitali, biex inrawmu rabta qawwija bejn id-deċiżjonijiet politiċi meħuda fil-livell tal-UE u s-sens ta' konnessjoni tal-kostitwenti mal-istituzzjonijiet tal-UE;
I. billi filwaqt li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fost il-Membri tal-Parlament Ewropew tjiebet (41 % nisa fl-2019, żieda minn 37 % fl-2014), għadna ma wasalniex għal Parlament b'bilanċ bejn il-ġeneri; billi dawn iċ-ċifri jaħbu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri u l-ħafna sfidi li għad iridu jingħelbu jekk trid tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
J. billi Ursula von der Leyen hija l-ewwel President mara tal-Kummissjoni Ewropea; billi 13 mill-Kummissarji tagħha huma nisa, u dan jirrappreżentaw l-akbar sehem ta' Kummissarji nisa fl-istorja;
K. billi s-soċjetà diversa u multikulturali tal-Ewropa jeħtieġ li tkun rappreżentata aħjar fil-Parlament Ewropew;
L. billi 15-il Stat Membru għadhom jirrestrinġu d-drittijiet tal-vot għal persuni b'diżabilità, u b'hekk jimpedixxu l-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni sinifikanti ta' dawn iċ-ċittadini fi proċessi demokratiċi; billi bħala riżultat tar-regoli nazzjonali, huwa stmat li 800 000 ċittadin tal-UE ma setgħux jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej minħabba d-diżabilità jew il-problemi ta' saħħa mentali tagħhom(17);
M. billi t-tibdil demografiku u t-tixjiħ tas-soċjetajiet tagħna huma fatturi li se jżidu l-għadd ta' persuni residenti fi stabbilimenti tal-kura fit-tul u fl-isptarijiet; billi għandu jitħeġġeġ l-użu usa' tal-arranġamenti formali speċifiċi magħmula għal dawn il-persuni f'ħafna Stati Membri;
N. billi l-iskadenza għar-reġistrazzjoni fir-reġistru elettorali tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, minn 90 jum sa 3 ijiem qabel l-elezzjonijiet; billi r-rapport ta' informazzjoni tal-KESE dwar id-drittijiet reali ta' persuni b'diżabilità li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej jirrakkomanda li r-reġistri elettorali jingħalqu tal-inqas ġimagħtejn qabel ma jsiru l-elezzjonijiet;
O. billi skont rapport konġunt imfassal mill-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali li jaħdmu mal-Persuni mingħajr dar (FEANTSA) u l-Fondazzjoni Abbé-Pierre(18), hemm mill-inqas 700 000 persuna mingħajr dar fl-UE u kważi 9 miljun unità domestika jgħixu f'akkomodazzjoni fi stat gravi ta' inadegwatezza; billi din iċ-ċifra żdiedet b'70 % fl-ispazju ta' 10 snin; billi huwa diffiċli ħafna għall-persuni mingħajr dar li jivvutaw;
P. billi r-riforma tal-Att Elettorali tal-1976, kif adottata mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li temenda l-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976(19), għadha mhix kompletament ratifikata minn tliet Stati Membri;
Q. billi l-Parlament għandu jsegwi l-proposti tiegħu għal emendi għall-Att Elettorali, li għadhom ma ġewx ratifikati minn xi Stati Membri, b'qawwa u b'impetu mġedda għal regoli elettorali Ewropej unifikati;
R. billi l-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 wassal għall-ħolqien ta' maġġoranza parlamentari ġdida magħmula minn gruppi politiċi differenti b'identità ċara favur l-Ewropa;
S. billi l-elezzjonijiet tal-2019 naqsu milli jwasslu biex il-President tal-Kummissjoni jingħażel minn fost id-diversi Spitzenkandidaten minħabba l-oppożizzjoni tal-Kunsill, li wasslet għal tnaqqis tal-fiduċja fil-proċess; billi l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni tiddependi fuq l-iżgurar tal-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament Ewropew; billi huma biss uħud miċ-ċittadini tal-UE li ħadu sehem fl-elezzjonijiet Ewropej li jemmnu li l-vot tagħhom jista' jagħmel differenza fil-każ ta' elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-proċess fost iċ-ċittadini tal-UE;
T. billi l-proċess ta' Spitzenkandidaten għadu mhux żviluppat kompletament; billi l-proċess għadu nieqes, fost affarijiet oħra, mill-possibbiltà li Spitzenkandidaten joħorġu bħala kandidati uffiċjali, li jippermetti lill-votanti Ewropej kollha jivvutaw għall-iSpitzenkandidat preferut tagħhom u jkunu konxji ta' min huma l-kandidati għall-presidenza tal-Kummissjoni u kif intgħażlu mill-partiti politiċi Ewropej; billi l-Parlament qajjem din il-kwistjoni fid-deċiżjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar ir-rieżami tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(20),
U. billi s-sistema ta' Spitzenkandidaten jeħtieġ li tiġi riformata bħala kwistjoni ta' urġenza permezz ta' riflessjoni fil-fond fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, billi titqies in-natura proporzjonali tas-sistema elettorali Ewropea, u billi din trid tkun lesta biex tiġi applikata fl-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2024; billi din ir-riflessjoni għandha tinkludi wkoll ir-rwol politiku de facto tal-Kummissjoni u l-President tagħha u kwalunkwe bidla relatata mal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni;
V. billi l-fatt li 8 % biss ta' dawk li wieġbu għall-istħarriġ qalu li vvutaw fl-aħħar elezzjonijiet sabiex jinfluwenzaw l-għażla tal-President tal-Kummissjoni(21) li jmiss jissottolinja l-fatt li l-proċess tal-għażla tal-President tal-Kummissjoni jeħtieġ li jiġi ċċarat bħala kwistjoni ta' urġenza u li jsir aktar trasparenti għall-votanti;
W. billi l-proposti istituzzjonali bħal-listi transnazzjonali, kif imsemmi mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, li tqiegħed il-partiti u l-movimenti politiċi Ewropej fiċ-ċentru tal-elezzjonijiet Ewropej, it-trasformazzjoni tal-Kunsill bħala t-tieni kamra leġiżlattiva tal-Unjoni, kif propost fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-evoluzzjonijiet u l-aġġustamenti possibbli fl-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea, jew l-introduzzjoni tal-possibbiltà li l-partiti u l-movimenti politiċi jiffurmaw koalizzjonijiet preelettorali jistgħu jgħinu biex l-elezzjonijiet Ewropej isiru elezzjoni unika Ewropea, u mhux ġabra ta' 27 elezzjoni nazzjonali separata kif inhi llum;
X. billi l-proċess tal-eżami tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi u tas-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati mill-Parlament Ewropew kien pass importanti biex jiżdied id-dover ta' rendikont tal-Kummissjoni lejn il-Parlament u l-pubbliku inġenerali; billi dan il-proċess jista' u għandu jittejjeb aktar fil-futur;
Y. billi l-proċessi demokratiċi kemm fil-livell ta' Stat Membru kif ukoll tal-UE kienu fil-mira ta' setgħat barranin, xi drabi b'rabta ma' parteċipanti interni, sabiex jinfluenzaw l-eżitu tal-elezzjonijiet u jdgħajfu l-Unjoni; billi l-mekkaniżmi mqiegħda fis-seħħ mill-istituzzjonijiet tal-UE, bħall-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni u s-Sistema ta' Twissija Rapida għall-elezzjonijiet ikkontribwiet biex jiġi mitigat l-indħil barrani matul il-kampanja elettorali;
Z. billi t-talbiet tal-Kummissjoni lill-pjattaformi tal-media soċjali qabel l-elezzjonijiet ħolqu konfużjoni u wasslu għal konsegwenzi mhux mistennija bħall-projbizzjoni fuq riklami politiċi fl-Ewropa kollha, li hu wieħed mill-modi ewlenin għall-partiti politiċi Ewropej biex ikunu identifikati u rikonoxxuti mill-votanti matul il-kampanji elettorali Ewropej; billi partikolarment fuq din il-kwistjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jiżviluppaw approċċ interistituzzjonali sabiex iħallu impatt pożittiv fuq is-sigurtà u l-istabbiltà tal-proċess elettorali; billi l-Kodiċi ta' Prattika huwa purament volontarju u jiffoka fuq it-trasparenza aktar milli fuq limiti reali bħal fuq reklami politiċi mmirati;
AA. billi l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej huma l-faċilitaturi ta' dibattitu politiku Ewropew b'suċċess, kemm matul kif ukoll lil hinn mill-elezzjonijiet Ewropej, u għandhom isiru aktar viżibbli; billi, bis-saħħa ta' dan ir-rwol importanti, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jiżguraw trasparenza finanzjarja massima dwar il-fondi li jimmaniġġjaw, b'mod partikolari fir-rigward tal-fondi mill-baġit tal-UE;
AB. billi l-partiti politiċi Ewropej jiffaċċjaw diversi restrizzjonijiet għall-kampanji matul l-elezzjonijiet Ewropej, inkluża l-possibbiltà limitata għal finanzjament tal-kampanji u attivitajiet kondiviżi mal-partiti membri nazzjonali tagħhom, u huma pprojbiti milli jagħmlu kampanji f'referenda nazzjonali dwar kwistjonijiet Ewropej;
AC. billi t-twelid ta' partiti politiċi u movimenti ġodda qabel l-elezzjonijiet Ewropej wera l-interess taċ-ċittadini fl-innovazzjoni politika;
AD. billi r-regoli nazzjonali diverġenti għall-istabbiliment tal-partiti u l-aċċess għall-elezzjonijiet Ewropej għadhom ostaklu sinifikanti għall-innovazzjoni politika u għall-ħolqien ta' dibattitu politiku pan-Ewropew reali;
AE. billi ġie rrappurtat li minħabba l-organizzazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-votanti fir-Renju Unit, madwar miljun ċittadin Ewropew ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej;
1. Jilqa' l-parteċipazzjoni ogħla fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, li turi li t-tendenza ta' tnaqqis fl-għadd ta' votanti fl-Ewropa tista' titreġġa' lura, iżda fl-istess ħin jesprimi diżappunt għar-rata għolja kontinwa ta' astensjoni u li madwar l-UE kważi nofs il-votanti eliġibbli kollha ma tefgħux il-vot; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-kampanji mmexxija mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiżdied l-għadd ta' votanti, b'mod partikolari l-kampanja tal-Parlament "Din id-darba se nivvota"; jenfasizza li jeħtieġ li jittieħdu aktar azzjonijiet fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew biex il-votanti jiġu inċentivati jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej; iqis li l-parteċipazzjoni ogħla turi li proporzjon akbar ta' ċittadini jqisu li l-UE hi l-livell xieraq fejn jiġu indirizzati l-isfidi ta' żminijietna bħall-ekonomija u t-tkabbir sostenibbli, it-tibdil fil-klima u l-protezzjoni ambjentali, l-inugwaljanzi soċjali u tal-ġeneru, ir-rivoluzzjoni diġitali, il-promozzjoni tal-libertà, tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, u d-demografija, u t-tħassib ġeopolitiku bħall-migrazzjoni u l-politika barranija, is-sigurtà u r-rwol tal-UE fid-dinja; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, għalhekk, jerfgħu r-responsabbiltà u jaġixxu skont il-mandat li ngħataw, direttament jew indirettament, miċ-ċittadini;
2. Jinsab fiduċjuż li t-tendenza ta' żieda fl-għadd ta' votanti tista' tiġi ripetuta jekk jissaħħu l-konnessjoni u r-responsabbiltà bejn il-votanti u l-kandidati u jiġu diskussi l-isfidi u l-programmi politiċi tal-UE madwar l-Istati Membri;
3. Jilqa' ż-żieda sostanzjali ta' parteċipazzjoni ta' żgħażagħ fl-elezzjonijiet; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu t-tħassib tagħhom, li huwa fundamentali għall-ġenerazzjonijiet li jmiss permezz ta' proċeduri ta' konsultazzjoni pubblika u l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa; jirrakkomanda li l-Istati Membri jirriflettu dwar l-armonizzazzjoni tal-età minima tal-votanti sabiex ikomplu jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-votanti żgħażagħ;
4. Jilqa' l-fatt li l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-Parlament tjieb wara l-aħħar elezzjonijiet; jenfasizza, madankollu, li għad hemm lok għal aktar titjib sabiex jinkiseb Parlament ġenwinament bilanċjat bejn il-ġeneri u jirrikonoxxi li hemm differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri, minn dawk li jeleġġu aktar minn 50 % nisa għal dawk li ma jeleġġux Membru mara waħda tal-Parlament Ewropew; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa ħalli jippromwovu l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tul il-proċess elettorali kollu; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' reġistri elettorali li jirrispettaw il-bilanċ bejn il-ġeneri; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-Parlament u korpi oħra bħall-Kummissjoni ta' Venezja, tifformula rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri bil-ħsieb li tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Ewropew, u jitlob l-introduzzjoni ta' listi ta' kandidati b'numru ugwali ta' kandidati rġiel u nisa f'karigi eletti, pereżempju permezz tal-użu ta' listi żippjati jew metodi ekwivalenti oħra, peress li f'ħafna Stati Membri m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tiżgura parità politika għall-elezzjoni;
5. Jinnota li ftit Membri biss tal-Parlament Ewropew jappartjenu għal minoranzi etniċi, lingwistiċi u minoranzi oħra(22); jemmen li l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-eliminazzjoni tal-esklużjoni u tad-diskriminazzjoni huma dmir li joħroġ mill-valuri tal-UE u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li jeħtieġ li jsir aktar fil-livell nazzjonali u Ewropew sabiex tiżdied aktar l-inklużjoni fil-listi elettorali u l-elezzjoni tal-minoranzi u jistieden lill-Istati Membri u lill-partiti politiċi li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej biex jadottaw miżuri proattivi ħalli tiżdied ir-rappreżentanza ta' gruppi sottorappreżentati;
6. Ifakkar, f'dan id-dawl, fid-diffikultajiet partikolari li jiffaċċjaw il-persuni Rom fil-qasam tal-parteċipazzjoni politika, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għall-proċeduri ta' reġistrazzjoni tal-votanti minħabba, fost l-oħrajn, nuqqas ta' dokumentazzjoni tal-identità; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-votanti Rom;
7. Jinnota li rakkomandazzjonijiet simili jistgħu jsiru dwar l-eżerċizzju ta' drittijiet ta' votazzjoni passivi u attivi ta' ċittadini b'diżabilità; Ifakkar bi tħassib kbir li fl-Unjoni kollha madwar 800 000(23) ċittadin b'diżabilità ma setgħux jivvutaw fl-2019 minħabba r-regoli nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-iskambji tal-aħjar prattika sabiex itejbu l-aċċess għall-postijiet tal-votazzjoni għall-persuni b'diżabilità; jirrimarka li għall-votanti b'diżabilità l-arranġamenti prattiċi tal-votazzjoni huma importanti daqs l-aċċess għall-informazzjoni jew għall-postijiet tal-votazzjoni;
8. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu li dawk kollha li għandhom id-dritt li jivvutaw, inklużi ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu barra mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom, il-persuni mingħajr dar u l-priġunieri li jingħataw tali dritt skont il-liġijiet nazzjonali, ikunu jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt;
9. Jinnota li kulturi elettorali diverġenti rriżultaw f'firxa ta' sistemi elettorali differenti; jirrakkomanda li jkun hemm regolamenti, rakkomandazzjonijiet u linji gwida ċari li jiżguraw approssimazzjoni lejn liġi elettorali Ewropea unifikata u l-ugwaljanza tal-vot għaċ-ċittadini tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt li wieħed jirreġistra partit u li joħroġ għall-elezzjonijiet, l-aċċess għall-votazzjoni, it-tressiq ta' kandidati, l-aċċessibilità, il-votazzjoni bi prokura jew mill-bogħod, u l-ġranet tal-elezzjoni;
10. Jirrikonoxxi l-organizzazzjoni tajba tal-proċess elettorali fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 minkejja l-inċertezza li rriżultat mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rikompożizzjoni bla xkiel tal-Parlament Ewropew wara l-Brexit minħabba l-klawsola ta' salvagwardja stabbilita fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew;
11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, qabel l-elezzjonijiet tal-2024, jagħmlu aktar riżorsi disponibbli fil-konsulati sabiex il-kontrolli jkunu jistgħu jiġu intensifikati u l-membri tal-pubbliku jsiru konxji li l-votazzjoni multipla hija illegali;
12. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-liġijiet tagħhom sabiex jagħmluha aktar faċli għall-persuni mingħajr dar li jivvutaw; jenfasizza li l-insistenza li n-nies jagħtu prova ta' indirizz sabiex jivvutaw, kif stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 li tistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini(24), tista' sservi biex teskludi persuni mingħajr dar f'pajjiżi fejn ma jistgħux jiksbu indirizz amministrattiv; jirrakkomanda bil-qawwa li r-rekwiżit li tingħata prova ta' indirizz jitneħħa sabiex ikun aktar faċli għal persuni mingħajr dar li huma ċittadini sħaħ tal-UE sabiex jivvutaw;
13. Huwa tal-fehma li l-proċess ta' Spitzenkandidaten naqas milli jipproduċi President tal-Kummissjoni Ewropea wara l-elezzjonijiet tal-2019 minħabba, l-ewwel nett, li ma ġie adottat l-ebda titjib fl-applikazzjoni tal-prinċipju Spitzenkandidat wara l-esperjenza tal-2014 u, it-tieni, minħabba n-nuqqas ta' spjegazzjoni u fehim tal-proċess fost iċ-ċittadini tal-UE; għandu l-ħsieb li jirriforma l-proċess demokratiku rigward l-għażla tal-President tal-Kummissjoni qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss tal-2024; jinnota, madankollu, li l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni dejjem tiddependi fuq l-iżgurar tal-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament Ewropew sabiex ir-riżultati elettorali jitqiesu bis-sħiħ, kif previst fit-Trattat ta' Lisbona;
14. Jissottolinja r-rwol importanti tal-Konferenza li jmiss dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa fid-dibattitu dwar kwistjonijiet istituzzjonali, anke fid-dawl tal-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019; jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta li jmiss tat-tliet istituzzjonijiet tal-UE dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u jitlob l-adozzjoni rapida tagħha; ifakkar fl-impenn tal-President tal-Kummissjoni li tindirizza suġġetti speċifikament relatati ma' proċessi demokratiċi u kwistjonijiet istituzzjonali, inkluż fil-kuntest tal-Konferenza, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda mill-Konferenza nnifisha dwar il-lista ta' prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati;
15. Jenfasizza li l-elezzjoni tal Kummissjoni u tal-President tagħha tiddependi fuq maġġoranza tal-membri tal-Parlament, li fil-fatt titlob il-formazzjoni ta' koalizzjoni bi ftehim programmatiku, kif muri fl-elezzjoni tal-Kummissjoni von der Leyen;
16. Jirrimarka li xejn ma jżomm lill-partiti u l-movimenti Ewropej milli jiffurmaw koalizzjonijiet qabel l-elezzjonijiet Ewropej, u b'hekk jippreżentaw programm konġunt u Spitzenkandidat f'koalizzjoni unika;
17. Iqis li l-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej saħħaħ id-dimensjoni politika tal-elezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, u għalhekk il-ħtieġa ta' skrutinju aktar bir-reqqa u oġġettiv tad-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-Kummissarji nnominati; jemmen, barra minn hekk, li dan il-proċess enfasizza l-ħtieġa ta' evalwazzjoni teknika u imparzjali tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji nnominati; jappoġġa r-riflessjoni li ġejja fil-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (AFCO) u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI) dwar il-ħolqien ta' korp indipendenti tal-etika, li jista' jingħata r-riżorsi xierqa; jissottolinja, madankollu, li l-approvazzjoni jew ir-rifjut ta' kull Kummissarju nnominat u tal-Kulleġġ tal-Kummissarji huwa fl-aħħar mill-aħħar eżerċizzju politiku li jinsab fermament f'idejn il-Parlament Ewropew;
18. Jinsisti li l-votanti kollha Ewropej għandhom ikunu jistgħu jivvutaw għall-kandidat preferut tagħhom għall-President tal-Kummissjoni; itenni, għalhekk, li l-iSpitzenkandidaten għandhom ikunu jistgħu joħorġu bħala kandidati uffiċjali fl-elezzjonijiet li jmiss fl-Istati Membri kollha, eletti minn partit politiku Ewropew u joħorġu bħala kandidat għal programm elettorali Ewropew unifikat; jenfasizza li, meta titqies is-sistema elettorali proporzjonali tal-UE, l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea għandha tiddependi fuq il-kapaċità tal-kandidat li jikseb appoġġ mill-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament Ewropew;
19. Jirrimarka li t-tibdil propost għal-liġi primarja tal-UE fi ħdan dan ir-rapport, li jirrifletti r-rwol politiku akbar tal-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tal-UE, għandu jinkludi wkoll ir-responsabbiltà individwali u kollettiva tal-Kummissjoni lejn il-Parlament u l-Kunsill, kif ukoll it-trasformazzjoni tal-Kunsill bħala t-tieni kamra leġiżlattiva tal-Unjoni;
20. Jipproponi riforma tal-Liġi Elettorali u d-deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, li tipprevedi kemm titjib immedjat għall-elezzjonijiet li ġejjin kif ukoll pjan direzzjonali miftiehem u obbligatorju ta' titjib lil hinn mill-elezzjonijiet li ġejjin;
21. Jagħraf li minkejja l-fatt li r-riforma maqbula tal-Liġi Elettorali għadha ma ġietx ratifikata minn xi Stati Membri, l-elementi li ġejjin li jistgħu jtejbu l-proċess elettorali Ewropew jistgħu jiġu diskussi, inkluż fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa;
–
metodi ġodda ta' votazzjoni remota għaċ-ċittadini matul l-elezzjonijiet Ewropej f'ċirkostanzi speċifiċi jew eċċezzjonali,
–
regoli komuni ta' ammissjoni għall-kandidati u regoli komuni dwar il-kampanji u l-finanzjament,
–
standards armonizzati għal drittijiet tal-vot passivi u attivi fl-Istati Membri kollha, inkluża riflessjoni dwar it-tnaqqis tal-età minima tal-votanti fl-Istati Membri kollha għal 16-il sena,
–
dispożizzjonijiet dwar perjodi ta' assenza għall-Membri, pereżempju fil-każ ta' liv tal-maternità, liv tal-ġenituri jew mard serju;
22. Itenni t-talba tiegħu għall-istabbiliment ta' Awtorità Elettorali Ewropea b'mandat li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-linji gwida u d-dispożizzjonijiet relatati mal-liġi elettorali Ewropea; jirrakkomanda t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' skambju bejn l-uffiċċji elettorali nazzjonali taħt il-koordinazzjoni tal-Awtorità Elettorali Ewropea;
23. Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li ħarġet evidenza ta' ndħil u kampanji ta' diżinformazzjoni b'mod kontinwu, spiss b'indikazzjonijiet ta' influwenza barranija, fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019; ifaħħar l-isforzi tal-Kummissjoni u ta' istituzzjonijiet oħra biex jindirizzaw l-indħil barrani matul il-kampanja elettorali, b'mod partikolari permezz tat-Task Force East StratCom tas-SEAE; jirrimarka, madankollu, li r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa biex jilqgħu għal dawn l-attakki fuq id-demokrazija Ewropea, inkluż fil-livell nazzjonali, huma ħafna aktar superjuri mir-riżorsi Ewropej ikkombinati maħsuba għal dan il-għan; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu b'mod sinifikanti l-iffinanzjar li huma jagħmlu disponibbli għall-ġlieda kontra l-indħil barrani; jenfasizza li għandha tingħata prijorità lit-titjib tal-edukazzjoni li t-tfal jirċievu minn età żgħira fl-użu tal-midja u l-edukazzjoni ċivika, fis-soċjetà kollha kemm hi u fl-iskejjel, sabiex tiġi żviluppata l-kapaċità tan-nies li jaħsbu b'mod kritiku u jidentifikaw informazzjoni mhux sostanzjata u links għal informazzjoni verifikabbli;
24. Iqis li l-indħil illeġittimu fil-proċessi elettorali mhuwiex fenomenu esklużivament barrani; jemmen li l-algoritmi li jippromwovu l-kontenut tal-pjattaformi tal-midja soċjali jridu jiġu skrutinizzati u, jekk ikun meħtieġ, regolati sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini ma tkunx preġudikata u li d-dritt tagħhom għall-informazzjoni jiġi protett matul u lil hinn mill-kampanji elettorali;
25. Jemmen li d-diffikultajiet iffaċċjati bir-reklami politiċi fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali juru l-ħtieġa li jiġu armonizzati r-regoli tal-kampanja madwar l-Unjoni, speċjalment meta l-elezzjonijiet Ewropej de facto jwasslu għal kampanji pan-Ewropej fejn il-ħtieġa li jkun hemm konformità ma' 27 reġim legali differenti fi spazju diġitali toħloq ostakli u inċertezza legali għall-partiti u l-movimenti politiċi;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġġieldu b'mod effettiv l-indħil barrani u d-dimensjonijiet interni u esterni tad-diżinformazzjoni, biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ mal-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni (INGE), u biex iqisu bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu hekk kif jaslu l-konklużjonijiet tiegħu u qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaħdmu ħafna aktar mill-qrib mal-Parlament dwar dawn il-kwistjonijiet, peress li l-protezzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna hija kompetenza ewlenija tal-Parlament Ewropew;
27. Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-partiti, il-movimenti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej fit-tħeġġiġ ta' dibattitu politiku Ewropew; jirrimarka, madankollu, li minħabba miżuri restrittivi fil-livelli Ewropej u nazzjonali, il-partiti politiċi Ewropej ma jistgħux jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-kampanji għall-elezzjoni Ewropea; jenfasizza, madankollu, li dawn ma jistgħux iwettqu kampanji f'referenda li jikkonċernaw kwistjonijiet Ewropej, inklużi ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali jew ir-referendum tar-Renju Unit tal-2016 dwar is-sħubija fl-UE; jitlob allinjament ulterjuri tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE għall-elezzjonijiet Ewropej; jipproponi li l-viżibbiltà tal-partiti u l-movimenti politiċi Ewropej tissaħħaħ billi isimhom u l-logos tagħhom jitqiegħdu fuq il-karti tal-vot, u jirrakkomanda li l-istess għandu jidher ukoll fuq il-materjal kollu użat fil-kampanji elettorali Ewropej;
28. Iqis li l-manifesti tal-partiti politiċi Ewropej għandhom ikunu magħrufa qabel l-elezzjonijiet, u dan jirrikjedi regoli ċari u trasparenti dwar il-kampanji; jissottolinja l-fatt li r-regoli tal-elezzjonijiet Ewropej iridu jippromwovu d-demokrazija tal-partiti Ewropej, inkluż billi jagħmluha obbligatorja li l-partiti nazzjonali li jkunu qed imexxu l-elezzjonijiet Ewropej juru l-logo tal-partit Ewropew rispettiv tagħhom ħdejn il-logo nazzjonali fuq il-polza tal-votazzjoni;
29. Jipproponi li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej(25) jiġi emendat biex il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fl-ispazju politiku Ewropew, fil-kampanji elettorali u fl-użu tal-fondi tal-kampanji u joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej, iżidu t-trasparenza tal-finanzjament tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi mill-baġit tal-UE u meta l-fondi jiġu minn partiti membri, u jipprojbixxi donazzjonijiet minn entitajiet privati u pubbliċi minn pajjiżi barra mill-UE; jenfasizza, madankollu, li l-miżati tas-sħubija minn partiti mill-pajjiżi tal-Kunsill tal-Ewropa jistgħu jitħallew bil-għan li jitrawmu rabtiet politiċi pan-Ewropej, sakemm dan iseħħ fi ħdan qafas ta' trasparenza msaħħa;
30. Jirrimarka li l-manifesti tal-partiti Ewropej kienu għadhom mhumiex parti rilevanti mid-dibattitu politiku qabel l-elezzjonijiet tal-2019; jiddispjaċih ħafna dwar każijiet meta tali dibattitu kien iffukat fuq suġġetti nazzjonali minflok kwistjonijiet tal-UE, mingħajr ebda rabta diretta mat-tfassil tal-politika tal-UE; iqis li d-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet tista' tittejjeb bl-aktar mod sinifikanti permezz ta' aktar informazzjoni pprovduta liċ-ċittadini dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-UE u l-impatt ta' tali deċiżjonijiet fuq il-ħajja tagħhom ta' kuljum;
31. Huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta' Ġimgħa Ewropea annwali li sseħħ b'mod simultanju fil-parlamenti nazzjonali kollha, b'dibattiti dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni bejn il-Membri tal-Parlamenti nazzjonali, il-Kummissarji Ewropej, il-Membri tal-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tappoġġa l-ħolqien ta' sferi pubbliċi interparlamentari konnessi u ttejjeb il-komunikazzjoni tal-azzjonijiet Ewropej fil-livell nazzjonali;
32. Jappella għal strateġija kkoordinata fil-livell Ewropew biex tiġi żgurata l-kopertura mill-midja tal-elezzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari billi jiġi żgurat li l-aġendi politiċi tad-diversi forzi politiċi Ewropej jiġu diskussi, li l-kandidati li joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej fi Stati Membri differenti jiġu mistiedna u li l-avvenimenti marbuta mal-kampanji elettorali jiġu koperti;
33. Jinkoraġġixxi lix-xandara pubbliċi jospitaw u jxandru dibattiti bejn il-kandidati ewlenin, kif ukoll bejn il-kandidati li joħorġu għall-Parlament Ewropew, bħala parti mill-mandat tagħhom biex jinfurmaw lill-pubbliku;
34. Iqis li l-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej hu sinjal ċar għal riflessjoni istituzzjonali profonda li tippermetti liċ-ċittadini, lis-soċjetà ċivili u lir-rappreżentanti tagħhom isawru l-futur tal-Unjoni; jissottolinja li t-tifqigħa tal-COVID-19 żiedet l-urġenza ta' proċess ta' riforma istituzzjonali fil-livell Ewropew; jistieden, għalhekk, lis-sħab istituzzjonali kollha jassumu r-responsabbiltà tagħhom u jwettqu Konferenza ambizzjuża, interattiva u inklużiva dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa miftuħa għaċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tagħhom u li ssaħħaħ id-demokrazija rappreżentattiva u r-reżiljenza tal-UE billi tagħti riżultati tanġibbli, u jagħtu segwitu għall-konklużjonijiet tal-Konferenza, peress li dan għandu jwassal għal bidliet sinifikanti fil-politiki u l-arkitettura istituzzjonali tal-UE u jsaħħaħ il-proġett Ewropew;
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.
Ewrobarometru 91.5, "The 2019 Post-Electoral Survey – Have European Elections Entered a New Dimension?" (L-istħarriġ Postelettorali tal-2019 – L-elezzjonijiet Ewropej Ħadu Dimensjoni Ġdida), Parlament Ewropew, Settembru 2019.
Rapport ta' informazzjoni tal-KESE, tal-20 ta' Marzu 2019, dwar id-dritt reali ta' persuni b'diżabilità li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
FEANTSA u Fondazzjoni Abbé-Pierre, "Fifth Overview of Housing Exclusion in Europe 2020" (Il-Ħames Ħarsa Ġenerali tal-Esklużjoni tal-Akkomodazzjoni fl-Ewropa 2020), Lulju 2020.