Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2881(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0383/2020

Dibattiti :

PV 26/11/2020 - 8.2
CRE 26/11/2020 - 8.2

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0330

Testi adottati
PDF 141kWORD 50k
Il-Ħamis, 26 ta' Novembru 2020 - Brussell
Is-sitwazzjoni fl-Etjopja
P9_TA(2020)0330RC-B9-0383/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja (2020/2881(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Etjopja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Novembru 2020 mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Josep Borrell dwar l-aħħar żviluppi fl-Etjopja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Novembru 2020 mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Josep Borrell u l-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Janez Lenarčič dwar l-Etjopja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Novembru 2020 mill-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Janez Lenarčič bit-titolu "Tigray conflict: EU humanitarian support to Ethiopian refugees reaching Sudan" (Kunflitt f'Tigray: Appoġġ umanitarju tal-UE lir-refuġjati Etjopjani li jaslu fis-Sudan",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Novembru 2020 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-6 u tat-13 ta' Novembru 2020 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, dwar ir-reġjun ta' Tigray,

–  wara li kkunsidra t-taħditiet informali tal-24 ta' Novembru 2020 fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kunflitt li għaddej fir-reġjun ta' Tigray fl-Etjopja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-sitwazzjoni tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tan-NU dwar l-Etjopja, tal-11 ta' Novembru 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Novembru 2020 mill-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, l-E.T. Moussa Faki Mahamat, dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Novembru 2020 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Novembru 2020 mill-ministri tal-affarijiet barranin tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali Demokratika tal-Etjopja, adottata fit-8 ta' Diċembru 1994, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet demokratiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt armat attwali bejn il-Gvern Federali tal-Etjopja u l-amministrazzjoni reġjonali ta' Tigray, immexxija mill-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta' Tigray (TPLF), ikkawża mijiet ta' mwiet ċivili u l-ispostament tal-massa ta' persuni;

B.  billi fl-4 ta' Novembru 2020 il-Gvern Etjopjan iddikjara stat ta' emerġenza u nieda operazzjonijiet militari fir-reġjun tat-Tramuntana ta' Tigray jum wara rapport ta' attakk mit-TPLF kontra l-bażi militari tal-gvern federali fir-reġjun ta' Tigray; billi minn dak iż-żmien 'l hawn kien hemm konfrontazzjonijiet armati bejn il-forzi federali (l-Armata Federali, il-Forza tal-Pulizija Speċjali tar-Reġjun ta' Amhara u l-milizzja lokali Amhara) fuq naħa u l-forzi reġjonali (il-Forza tal-Pulizija Speċjali ta' Tigray u l-milizzja) leali lejn it-TPLF fuq in-naħa l-oħra;

C.  billi d-diverġenza politika bejn il-PP u t-TPLF kompliet tiġi enfasizzata meta l-gvern federali ppospona l-elezzjonijiet nazzjonali, skedati għal Mejju 2020, minħabba l-kriżi tal-COVID-19;

D.  billi f'Settembru 2020 l-amministrazzjoni reġjonali ta' Tigray immexxija mit-TPLF organizzat l-elezzjoni tagħha, li ġiet iddikjarata illegali mill-Gvern Etjopjan minħabba li l-mandat tiegħu kellu jintemm f'Settembru 2020; billi l-parlament federali qies il-proċess elettorali fir-reġjun ta' Tigray bħala illegali; billi t-tmexxija ta' Tigray ħabbret li ma għadhiex tirrikonoxxi l-amministrazzjoni federali jew il-liġijiet tagħha; billi fit-3 ta' Novembru 2020 il-parlament federali ddikjara t-TPLF bħala "grupp terroristiku";

E.  billi fit-8 ta' Novembru 2020 it-TPLF avviċina lill-Unjoni Afrikana biex jissuġġerixxi taħditiet, iżda l-gvern federali eskluda kwalunkwe possibbiltà ta' negozjati mat-TPLF u ċaħad talbiet internazzjonali għal djalogu u medjazzjoni, bl-argument li l-kunflitt ta' Tigray huwa kwistjoni interna li m'għandhiex tiġi internazzjonalizzata; billi l-UE offriet l-appoġġ tagħha sabiex tgħin ħalli jitnaqqsu t-tensjonijiet, ikun hemm ritorn għad-djalogu u jiġi żgurat l-istat tad-dritt fl-Etjopja kollha;

F.  billi fl-2018 Abiy Ahmed kiseb ftehim storiku ta' paċi mal-Eritrea, li temm aktar minn deċennju ta' sospensjoni ta' rabtiet diplomatiċi u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi; billi l-gvern ta' Abiy ħa passi sinifikanti biex jeħles lill-ġurnalisti u lill-priġunieri politiċi, ippermetta li gruppi tal-oppożizzjoni preċedentement ipprojbiti joperaw, u adotta liġijiet ġodda dwar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu; billi l-gvern reċentement ġie kkritikat minħabba d-detenzjoni ta' politiċi tal-oppożizzjoni; billi għad hemm tħassib dwar l-adozzjoni ta' liġi ġdida mmirata biex trażżan id-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni, li tista' taffettwa b'mod negattiv il-libertà tal-espressjoni;

G.  billi xi gruppi politiċi marbuta ma' gruppi etniċi fl-Etjopja li jħossuhom marġinalizzati mis-sistema federalista tal-gvern tal-Etjopja jallegaw li din is-sistema rriżultat f'favoritiżmu etniku u diskriminazzjoni;

H.  billi f'Ġunju 2020 faqqgħet vjolenza mifruxa wara l-mewt ta' Hachalu Hundessa, kantant u attivist mir-reġjun ta' Oromo, waqt li mijiet ta' persuni nqatlu u oħrajn ġew arrestati; billi fl-1 ta' Novembru 2020 aktar minn 50 persuna Amhara nqatlu f'attakki fuq tliet villaġġi li qed jitqiesu b'mod wiesa' bħala motivati etnikament u possibbilment imwettqa mill-Armata għal-Liberazzjoni ta' Oromo (OLA), milizzja li ħarġet mill-Front għal-Liberazzjoni ta' Oromo (OLF);

I.  billi, skont il-Moviment Nazzjonali Amhara, l-awtoritajiet Etjopjani pprojbixxew protesti paċifiċi – kontra qtil motivat etnikament – li kellhom isiru fit-28 ta' Ottubru 2020;

J.  billi, skont l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, kien hemm diversi inċidenti ta' qtil indiskriminat ta' ċivili f'partijiet differenti ta' Tigray mill-bidu tal-kunflitt, inkluż massakru li seħħ fil-lejl tad-9 ta' Novembru 2020 f'Mai-Kadra fir-reġjun ta' Tigray, fejn il-qtil ta' mijiet ta' ċivili jista' jammonta għal delitti tal-gwerra;

K.  billi, skont l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, residenti ta' Tigray li jgħixu xi mkien ieħor fil-pajjiż ġew sospiżi mill-impjiegi tagħhom u ma tħallewx jaqbdu titjiriet barra mill-pajjiż; billi hemm rapporti ta' sorveljanza fiżika u diġitali, arresti u detenzjonijiet arbitrarji tal-massa;

L.  billi l-President ta' Tigray ikkonferma li l-forzi tiegħu sparaw rokits immirati lejn l-ajruport ta' Asmara fl-Eritrea;

M.  billi l-ġlied fatali bejn il-forzi federali Etjopjani u t-TPLF qajjem tħassib internazzjonali dwar ir-riskji involuti fl-intensifikazzjoni ta' sitwazzjonijiet ta' sigurtà eżistenti jew fit-tqanqil ta' oħrajn ġodda fl-Etjopja, li jista' jkollhom riperkussjonijiet fuq il-pajjiżi ġirien u potenzjalment jiddestabbilizzaw ir-reġjun kollu tal-Qarn tal-Afrika; billi l-Etjopja rtirat truppi mis-Somalja li kienu qed jiġġieldu r-ribelli Iżlamisti; billi l-awtoritajiet Kenjani żiedu s-sigurtà fil-fruntiera mal-Etjopja fost il-biża' li jiżdiedu t-tensjonijiet;

N.  billi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE mal-Etjopja hija waħda mill-akbar fid-dinja li tammonta għal EUR 815-il miljun għall-perjodu 2014-2020; billi l-Etjopja hija wkoll waħda mill-benefiċjarji ewlenin tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika, b'aktar minn EUR 271.5 miljun għall-2015-2019; billi fl-2020 l-UE qed tipprovdi EUR 44.29 miljun għal proġetti umanitarji fl-Etjopja billi tappoġġa l-għoti ta' assistenza li ssalva l-għajxien lil persuni spostati internament minħabba vjolenza jew perikli naturali;

O.  billi l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tal-UN talab aċċess għar-reġjun ta' Tigray, li għadu totalment iżolat (l-aċċess għall-internet u t-telefon ġie maqtugħ) mill-bidu tal-ġlied; billi, skont il-UNHCR, in-nuqqas ta' elettriku, ta' telekomunikazzjonijiet, ta' aċċess għall-fjuwil u għall-flus kontanti jillimita kwalunkwe reazzjoni ta' għajnuna umanitarja f'Tigray u fil-bqija tal-Etjopja, inkluż il-qadi tal-bżonnijiet ta' dawk midruba u maqtula fil-ġlied;

P.  billi saħansitra qabel ma beda l-ġlied, kien hemm 15.2 miljun persuna fi bżonn ta' assistenza umanitarja fl-Etjopja, 2 miljuni minnhom fir-reġjun ta' Tigray; billi r-reġjun ta' Tigray huwa l-ħames reġjun l-aktar popolat fl-Etjopja b'aktar minn 6 miljun persuna, u jospita 100 000 persuna spostata internament u 96 000 rifuġjat Eritrean; billi għandu diversi kampijiet tar-rifuġjati importanti li fihom, skont l-NGOs, 44 % ta' dawk li jgħixu hemm huma tfal;

Q.  billi l-Etjopja hija firmatarja tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 96 tiegħu jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali tal-koperazzjoni AKP-UE,

R.  billi l-ġlied ikkawża eluf ta' mwiet u korrimenti miż-żewġ naħat u rriżulta fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi, skont il-UNHCR, mit-22 ta' Novembru 2020, aktar minn 38 500 rifuġjat kienu ħarbu mill-kunflitt u qasmu l-fruntiera lejn is-Sudan; billi n-NU wissiet dwar "kriżi umanitarja fuq skala kbira" u l-aġenziji tagħha qed jippjanaw għall-wasla possibbli ta' 200 000 rifuġjat fuq perjodu ta' sitt xhur; billi l-ġlied qed jikkawża wkoll l-ispostament intern tal-popolazzjoni; billi l-UNHCR diġà talab liż-żewġ partijiet fil-kunflitt jiftħu kurituri biex jippermettu lin-nies jitilqu u fl-istess ħin jaslu l-provvisti; billi l-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali fuq il-post mhumiex mgħammra tajjeb u jiffaċċjaw skarsezzi ta' provvisti meħtieġa biex jilqgħu lir-rifuġjati li jkunu għadhom kif waslu u lill-vittmi tal-vjolenza; billi l-aġenziji tan-NU qed ifittxu USD 50 miljun f'finanzjament immedjat li se jmur biex jipprovdi l-ikel u biex jiġu stabbiliti kampijiet ġodda; billi l-Kummissjoni Ewropea qed timmobilizza EUR 4 miljun inizjali f'assistenza ta' emerġenza biex tgħin fl-appoġġ tal-persuni spostati li jaslu fis-Sudan;

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-iżviluppi reċenti fl-Etjopja, inklużi l-vjolenza li għaddejja bħalissa u l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jiddeplora l-kunflitt armat attwali bejn il-gvern federali tal-Etjopja u l-amministrazzjoni reġjonali ta' Tigray immexxija mit-TPLF; jistieden liż-żewġ partijiet jimpenjaw ruħhom għal waqfien mill-ġlied immedjat u jsolvu d-diverġenzi politiċi b'mezzi demokratiċi fil-qafas tal-kostituzzjoni tal-pajjiż sabiex tinstab soluzzjoni paċifika dejjiema, jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ tal-waqfien mill-ġlied, u jaħdmu biex jinbena kunsens nazzjonali permezz ta' djalogu inklużiv;

2.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u l-qraba ta' dawk milquta; jiddeplora t-telf ta' ħajjiet, il-qtil ta' ċivili innoċenti u l-qtil extraġudizzjarju, irrispettivament mill-awturi tagħhom;

3.  Jistieden lill-gvern ċentrali tal-Etjopja u lit-TPLF jieħdu azzjonijiet immedjati biex tonqos it-tensjoni tal-kunflitt; jinsisti li l-atturi kollha jsegwu b'mod strett approċċ tas-sigurtà ċċentrat fuq il-bniedem;

4.  Jiddeplora l-fatt li l-aċċess għall-ħaddiema umanitarji bħalissa huwa ristrett ħafna; jistieden lill-Gvern Etjopjan jagħti lill-organizzazzjonijiet umanitarji aċċess immedjat u mingħajr restrizzjonijiet għaż-żoni fejn hemm il-kunflitt sabiex tiġi żgurata l-għajnuna umanitarja; iwissi dwar il-periklu ta' kriżi umanitarja maġġuri fil-pajjiż, kif ukoll fl-istati ġirien u fir-reġjun usa';

5.  Jinnota bi tħassib l-ultimatum maħruġ mill-Prim Ministru Abiy lill-forzi Tigray li jħeġġiġhom iċedu u jiddikjara li jekk dan ma jsirx, kien se jsir attakk militari fuq il-kapitali reġjonali Mekelle;

6.  Ifakkar fil-fatt li attakki intenzjonati kontra ċivili jikkostitwixxu delitti tal-gwerra; jistieden lill-forzi taż-żewġ naħat jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali u jiżguraw il-protezzjoni tal-persuni fiż-żoni milquta; iħeġġeġ lin-naħat kollha tal-kunflitt, u lill-awtoritajiet reġjonali, jimminimizzaw il-ħsara lill-popolazzjoni ċivili u jiżguraw u jippermettu l-aċċess għas-servizzi bażiċi għaċ-ċivili f'kull ħin;

7.  Jinnota bi tħassib serju li t-tensjonijiet u l-vjolenza interetniċi qed jiżdiedu fl-Etjopja; iqis li huwa tal-ikbar importanza li l-awtoritajiet Etjopjani u Tigray jeżerċitaw tmexxija responsabbli billi jrawmu ambjent politiku inklużiv għall-atturi u l-gruppi etniċi kollha;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet federali jtemmu l-prattika ta' arresti u sorveljanza arbitrarji jew inkella l-immirar ta’ gruppi etniċi; jistieden lill-awtoritajiet Etjopjani jieħdu miżuri qawwija kontra kwalunkwe tfassil ta' profili etniċi u jiżguraw il-protezzjoni tal-minoranzi etniċi fil-pajjiż kollu; jistieden lill-Gvern Etjopjan jimplimenta riformi li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxu aċċess indaqs għas-servizzi u r-riżorsi tal-gvern għall-gruppi etniċi kollha;

9.  Jinsab imħasseb ħafna dwar it-tixrid ta' miżinformazzjoni, li kulma jmur qed jiżdied, u l-użu ta' diskors ta' mibegħda, li jpoġġi lill-gruppi etniċi kontra xulxin biex ikebbes il-kunflitt attwali f'Tigray; jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex iżommu lura milli jużaw lingwaġġ xewwiexi u diskors ta' mibegħda, kemm offline kif ukoll online; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali, lill-organizzazzjonijiet tal-media u lill-pubbliku biex iżommu lura milli jinvolvu ruħhom f'inċitament għall-vjolenza, diskriminazzjoni jew ostilità kontra l-popolazzjonijiet f'riskju;

10.  Jistieden lill-istati ġirien tal-Etjopja, inkluża l-Eritrea, kif ukoll stati oħra fir-reġjun usa', bħall-pajjiżi tal-baċir tan-Nil, biex joqogħdu lura mill-interventi politiċi u militari kollha li jistgħu jkebbsu l-kunflitt; jenfasizza li jekk ma jagħmlux dan, jeżistu s-sogru ta' destabbilizzazzjoni tar-reġjun usa', b'konsegwenzi diżastrużi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; jenfasizza r-rwol kruċjali li jista' jiżvolġu l-istati ġirien tal-Etjopja fl-għoti ta' appoġġ diplomatiku biex tonqos it-tensjoni tal-kunflitt;

11.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi ta' medjazzjoni u ta' tnaqqis tat-tensjoni mibdija mill-presidenza tal-Afrika t'Isfel tal-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari n-nomina ta' tliet Mibgħuta Speċjali tal-Unjoni Afrikana, u jappella lill-partijiet kollha involuti biex jikkooperaw b'mod attiv u jipparteċipaw fl-isforzi ta' medjazzjoni tal-Unjoni Afrikana; jistieden lill-awtoritajiet Etjopjani jikkooperaw mal-isforzi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Unjoni Afrikana, l-IGAD u l-Unjoni Ewropea, biex jidħlu fi djalogu inklużiv fi sforz biex jinkisbu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun;

12.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-blackout de facto tal-komunikazzjonijiet fir-reġjun tat-Tramuntana ta' Tigray; iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan jirrestawra l-forom kollha ta' komunikazzjoni lil Tigray bħala att ta' responsabbilizzazzjoni u trasparenza għall-operazzjonijiet militari tiegħu fir-reġjun u jippermetti komunikazzjoni ħielsa fost il-poplu ta' Tigray; jenfasizza l-importanza u l-ħtieġa ta' aċċess għall-informazzjoni, kemm online kif ukoll offline, peress li d-dritt tal-persuni kollha li jkunu infurmati u li jkollhom aċċess għall-informazzjoni huwa partikolarment vitali f'sitwazzjoni ta' kriżi; iħeġġeġ li jkun permess rappurtar indipendenti dwar is-sitwazzjoni; jinsisti fuq l-importanza li l-media indipendenti tingħata aċċess għal Tigray minnufih; iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan jirrispetta bis-sħiħ il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-istampa, kif previst fil-Kostituzzjoni tal-Etjopja, u jeħles lill-ġurnalisti u lill-bloggers detenuti inġustament; jemmen bis-sħiħ li l-protesti paċifiċi huma parti minn proċess demokratiku, u jenħtieġ li jiġu evitati reazzjonijiet b'forza eċċessiva taħt kwalunkwe ċirkostanza;

13.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jiggarantixxu l-moviment liberu u sikur taċ-ċivili u jiżguraw li jiġi rispettat id-dritt għal-libertà tal-għaqda;

14.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fir-reġjun tat-Tramuntana ta' Tigray biex jiggarantixxu aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem biex jiġi żgurat li l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġu rispettati; jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jaħdmu mill-qrib mal-atturi rilevanti biex iwettqu investigazzjoni trasparenti dwar il-massakru ta' Mai-Kadra, u jitlob li l-awturi ta' dan id-delitt jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-ġustizzja mingħajr dewmien;

15.  Jistieden lill-awtoritajiet federali Etjopjani jwettqu investigazzjoni bir-reqqa, indipendenti, effettiva u imparzjali dwar kwalunkwe u kull qtil u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż użu ta' forza eċċessiva, detenzjoni arbitrarja u għajbien sfurzat, u jistieden lill-awtoritajiet Tigray jikkooperaw f'dawn l-investigazzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet kollha tal-Etjopja jiġġieldu l-impunità b'mod attiv; ifakkar lill-Gvern Etjopjan fl-obbligi tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust u indipendenti, kif previst fil-Karta Afrikana u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Ftehim ta' Cotonou; jinsisti li l-awtoritajiet Etjopjani jiżguraw li l-istat tad-dritt ġust u imparzjali jiġi rispettat u osservat fl-Etjopja kollha;

16.  Jitlob kooperazzjoni mill-qrib bejn l-entitajiet tal-għajnuna umanitarja tal-UE u l-UNHCR, u li l-UNHCR ikompli jipprovdi appoġġ lir-rifuġjati li ħarbu minn din il-kriżi, fosthom qrib iż-żoni li ħarbu minnhom; ifakkar li l-Gvern Etjopjan huwa responsabbli għas-sikurezza u s-sigurtà tar-rifuġjati u tal-persuni spostati internament fit-territorju tiegħu; ifakkar li aktar minn 96 000 rifuġjat mill-Eritrea fil-biċċa l-kbira qed jingħataw kenn fil-kampijiet tar-rifuġjati fir-reġjun ta' Tigray; jappoġġa l-appelli tal-komunità internazzjonali u tal-organizzazzjonijiet umanitarji li jżidu l-assistenza lir-rifuġjati u l-persuni spustati;

17.  Jistieden lill-UE u lis-sħab tagħha jappoġġaw lill-Gvern Sudaniż u lill-awtoritajiet lokali biex jirrispondu b'mod urġenti għat-talbiet biex jospitaw lir-refuġjati Etjopjani li qed jaħarbu mill-ġlied fir-reġjun ta' Tigray; jesprimi l-apprezzament tiegħu lejn is-Sudan, li lest li jilqa' lir-rifuġjati li qed jaħarbu mill-kunflitt; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' tħejjijiet għall-wasla ta' massimu ta' 200 000 rifuġjat fis-Sudan; jinnota li l-Etjopja hija pajjiż importanti ta' destinazzjoni, ta' transitu u ta' oriġini tal-migranti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-proġetti ffinanzjati kollha mibdija fi ħdan il-qafas tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tal-migranti u tal-persuni spostati internament;

18.  Jappella għall-mobilizzazzjoni urġenti, kif ukoll l-allokazzjoni strutturata u miftiehma, ta' riżorsi addizzjonali mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet komprensivi kkawżati mill-kunflitt;

19.  Jilqa' l-impenn tal-gvern Etjopjan li jorganizza elezzjonijiet ġenerali fl-2021; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha fil-pajjiż biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu politiku li jinvolvi liċ-ċittadini mill-firxa politika, ideoloġika, reġjonali u etnika kollha qabel l-elezzjonijiet; jenfasizza bil-qawwa li elezzjonijiet ħielsa, ġusti, inklużivi u kredibbli jistgħu jsiru biss f'atmosfera ħielsa mill-intimidazzjoni, il-vjolenza u l-fastidju, bil-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni garantiti, f'konformità man-normi internazzjonali; jiddispjaċih li l-impenn għal elezzjonijiet ħielsa ġie mdgħajjef permezz tad-detenzjoni ta' diversi politiċi tal-oppożizzjoni mill-ispettru politiku kollu minn Ġunju 2020, u minn ksur serju ta' proċess ġust li jdgħajjef id-drittijiet tad-detenuti għal proċess ġust; jistieden lill-awtoritajiet jeħilsu lid-detenuti kollha sakemm ma jkunux akkużati b'reati legalment rikonoxxibbli u jkunu jistgħu jiġu pproċessati skont l-istandards internazzjonali ta' proċess ġust;

20.  Jesprimi l-impenn tiegħu favur l-għaqda u l-integrità territorjali tal-Etjopja, u jistieden lill-atturi kollha fl-Etjopja jaħdmu favur is-soluzzjoni paċifika ta' kwalunkwe kunflitt fil-pajjiż;

21.  Jappella lill-UE biex tkompli tuża l-mezzi diplomatiċi kollha meħtieġa biex timpenja ruħha mal-awtoritajiet federali u reġjonali, kif ukoll mas-sħab reġjonali u l-istituzzjonijiet multilaterali, sabiex il-kunflitt jissolva b'mod paċifiku;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Gvern Federali u lill-Kamra tal-Federazzjoni tal-Etjopja, lill-awtoritajiet ta' Tigray, lill-Gvern tar-Repubblika tas-Sudan, lill-gvernijiet tal-IGAD, lill-Unjoni Afrikana u lill-Istati Membri tagħha, lill-Parlament Pan-Afrikan, u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Frar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza