Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2020 dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, b'mod partikolari l-qtil ta' Raman Bondarenko (2020/2882(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja(1), tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97(2), tad-19 ta' April 2018 dwar il-Belarussja(3), tas-6 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja(4), tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja(5),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-relazzjonijiet mal-Belarussja(6),
– wara li kkunsidra l-Premju Sakharov 2020 tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb, li ngħata lill-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja fit-22 ta' Ottubru 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Awwissu 2020 u dik tal-mexxejja tal-ħames gruppi politiċi tas-17 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Ottubru 2020 u tas-16 ta' Ottubru 2020, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja tat-12 ta' Ottubru 2020,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2020 li jżid 15-il membru tal-awtoritajiet Belarussi, fosthom lil Alexander Lukashenko, mal-lista ta' individwi sanzjonati, biex l-għadd totali ta' Belarussi soġġetti għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u għall-iffriżar tal-assi tela' għal 59; wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2020 dwar l-estensjoni tal-embargo tal-UE tal-2004 fil-konfront tal-Belarussja fuq l-armi u t-tagħmir li jistgħu jintużaw għal finijiet ta' repressjoni interna(7),
– wara li kkunsidra l-eżitu ewlieni tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Awwissu 2020 u l-konklużjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020,
– wara li kkunsidra d-diversi dikjarazzjonijiet u stqarrijiet reċenti tal-VP/RGħ dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Awwissu 2020 u tas-17 ta' Awwissu 2020, u d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), b'mod partikolari dik tat-13 ta' Novembru 2020 dwar il-mewt ta' Raman Bondarenko, kif ukoll dawk dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tas-7 ta' Settembru 2020 dwar l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji u mhux ġustifikati abbażi ta' raġunijiet politiċi, u d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea tal-11 ta' Settembru 2020 dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza u l-intimidazzjoni fil-konfront tal-membri tal-Kunsill ta' Koordinament, wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Belarussja f'isem l-Istati Membri tal-UE rappreżentati f'Minsk, l-Ambaxxata Brittanika, l-Ambaxxata tal-Iżvizzera u l-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerka tas-17 ta' Novembru 2020 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja, b'mod partikolari dawk tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-13 ta' Awwissu 2020 u tad-19 ta' Novembru 2020 u tal-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta' Awwissu 2020, tal-11 ta' Settembru 2020 u tat-13 ta' Novembru 2020, u dawk magħmula waqt id-dibattitu urġenti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-45 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-18 ta' Settembru 2020,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja tas-17 ta' Lulju 2020, u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja qabel l-elezzjoni presidenzjali tal-2020 u warajha,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur tal-OSKE fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta' Moska dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat mal-Elezzjonijiet Presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020 fil-Belarussja tal-5 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija firmatarja tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi aktar minn 100 jum wara li bdew, fil-Belarussja għadhom għaddejjin protesti u strajks paċifiċi bla preċedent, li juru l-livell ta' skuntentizza u mobilizzazzjoni tas-soċjetà Belarussa kontra l-falsifikazzjoni massiċċa tar-riżultati elettorali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mir-reġim awtokratiku tal-pajjiż; billi l-protesti kontinwi jilħqu l-qofol tagħhom matul tmiem il-ġimgħa fil-Mixjiet favur l-Għaqda, u l-iskala tal-protesti hija bla preċedent fl-istorja tal-Belarussja, b'mijiet ta' eluf ta' parteċipanti;
B. billi l-awtoritajiet Belarussi rreaġixxew għall-protesti leġittimi u paċifiċi bi vjolenza, repressjoni, intimidazzjoni sistematika, fastidju, restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali u trattament inuman, inklużi t-tortura u l-vjolenza sesswali fuq persuni arrestati waqt il-protesti, fosthom difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw aktar minn 500 każ ta' tortura u maltrattament, filwaqt li diversi persuni huma neqsin jew instabu mejta, inklużi Alyaksandr Taraykouski, Konstantin Shishmakov, Artsyom Parukou, Alexander Vikhor u Gennady Shutov; billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena kapitali;
C. billi huwa stmat li aktar minn 25 000 Belarussu ġew detenuti f'xi punt talli pprotestaw kontra r-reġim, kemm qabel kif ukoll wara l-elezzjonijiet tad-9 ta' Awwissu 2020, inklużi persuni anzjani, nisa u tfal; billi aktar reċentement, kemm fit-8 kif ukoll fil-15 ta' Novembru 2020, aktar minn 1 000 persuna ġew detenuti waqt protesti paċifiċi li kienu għaddejjin; billi hemm aktar minn 125 priġunier politiku fil-Belarussja;
D. billi Raman Bondarenko, għalliem tal-arti ta' 31 sena, issawwat brutalment fil-11 ta' Novembru 2020 filgħaxija minn grupp ta' rġiel libsin pajżana u b'wiċċhom mgħammad, li allegatament kellhom rabtiet mill-qrib mar-reġim ta' Lukashenko; billi Bondarenko kompla jiġi msawwat waqt li kien f'detenzjoni u wara sagħtejn ittieħed l-isptar bi ġrieħi f'rasu, li kawża tagħhom miet l-għada; billi l-awtoritajiet qed jippruvaw jiddevjaw ir-responsabbiltà billi jallegaw li Bondarenko ssawwat minn "ċittadini mħassba" u billi ħarrku liż-żewġ informaturi: tabib u ġurnalist;
E. billi l-awtoritajiet Belarussi naqsu milli jieħdu l-miżuri immedjati meħtieġa bil-liġi biex jinvestigaw id-delitt u aktar minn 1 100 persuna li kkommemoraw il-mewt ta' Bondarenko ġew detenuti madwar il-Belarussja fil-jiem ta' wara; billi r-rappreżentanti tal-Knisja Ortodossa u l-Knisja Kattolika rċevew notifiki mill-Kumitat ta' Investigazzjoni tal-Belarussja dwar ksur tal-liġi minħabba li kienu kkundannaw il-qerda mill-forzi tas-sigurtà tal-monument li kkommemora lil Raman Bondarenko;
F. billi minflok ma ttellgħu quddiem il-ġustizzja dawk responsabbli mill-mewt ta' Raman Bondarenko, l-awtoritajiet qed jipproċessaw dawk li ppruvaw jiskopru l-verità dwar iċ-ċirkostanzi ta' mewtu; billi fid-19 ta' Novembru 2020 l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Belarussja beda proċediment kriminali skont it-termini tal-Artikolu 178(3) tal-Kodiċi Kriminali tal-Belarussja ("Divulgazzjoni ta' sigriet mediku b'konsegwenzi gravi"); billi wara dan ġiet arrestata Katsiaryna Barysevich, ġurnalista tal-organizzazzjoni tal-midja indipendenti TUT.BY li kitbet dwar il-mewt ta' Raman Bondarenko;
G. billi fit-12 ta' Ottubru 2020 il-Ministeru għall-Affarijiet Interni tal-Belarussja ħareġ dikjarazzjoni li fiha ħabbar li kien lest juża munizzjon attiv kontra d-dimostranti; billi l-awtoritajiet użaw stun grenades u pepper spray, sparaw balal tal-lastku direttament lejn individwi u sparaw tiri fl-arja waqt diversi protesti; billi hemm ostakli kostanti fit-trasport u l-komunikazzjoni, b'mod partikolari restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-internet, bħala mezz biex ma jitħallewx isiru u jixxerrdu l-protesti;
H. billi l-awtoritajiet Belarussi qed ikomplu r-repressjoni vjolenti tagħhom kontra ġurnalisti Belarussi indipendenti u ċittadini-ġurnalisti u qed jinvolvu ruħhom f'tentattivi intenzjonati biex ifixklu r-rappurtar oġġettiv; billi fil-15 ta' Novembru 2020 biss, 23 ġurnalist li kienu qed jirrappurtaw mill-protesti li saru b'tifkira ta' Raman Bondarenko f'diversi bliet Belarussi ġew arrestati; billi l-midja u l-ġurnalisti barranin mhumiex qed jitħallew jidħlu fil-Belarussja;
I. billi total ta' 390 ġurnalist għaddew minn prosekuzzjoni matul u wara l-perjodu elettorali, 77 minnhom skontaw sentenzi ta' priġunerija għal żmien qasir sa tul ta' 15-il ġurnata fuq akkużi ta' natura amministrattiva; billi mit-23 ta' Novembru 2020, 14-il ġurnalist qegħdin jinżammu l-ħabs fuq akkużi ta' natura amministrattiva jew kriminali, skont l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Belarussja;
J. billi l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji ta' ġurnalisti spiss kienu akkumpanjati mill-użu tal-forza u rriżultaw fi ħsara fuq tagħmir professjonali u fil-konfiska ta' tali tagħmir, kif ukoll fit-tħassir ta' materjal vidjo mħejji; billi tliet ġurnalisti nisa ndarbu minn balal tal-gomma waqt li kienu qegħdin jaqdu dmirhom bħala ġurnalisti;
K. billi il-korrispondenti barranin li waslu fil-pajjiż biex isegwu l-elezzjonijiet ġew imċaħħda mill-akkreditament; billi fit-2 ta' Ottubru 2020, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ikkanċella l-akkreditament tal-ġurnalisti barranin kollha preżenti fil-pajjiż, u ddeskriva l-miżura bħala parti minn riforma tar-regolamenti u tal-proċeduri tal-pajjiż applikabbli għall-midja;
L. billi t-tfal Belarussi huma fil-mira tar-repressjoni, peress li l-ġenituri tagħhom qed jiġu mhedda li jitilfu l-kustodja talli jieħdu sehem fil-protesti;
M. billi l-UE imponiet sanzjonijiet kontra 40 individwu responsabbli għall-vjolenza, ir-repressjoni u l-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni fil-Belarussja; billi fis-6 ta' Novembru 2020, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jżid 15-il membru tal-awtoritajiet Belarussi, inkluż lil Alexander Lukashenko u lil ibnu, mal-lista ta' individwi sanzjonati; billi qed jitħejjew aktar sanzjonijiet fuq individwi u kumpaniji; billi, fit-3 ta' Novembru 2020, l-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets beda jipproduċi l-elettriku, u dan qajjem tħassib ġdid dwar is-sikurezza tiegħu;
N. billi l-awtoritajiet Belarussi s'issa naqsu milli jinvestigaw rapporti ta' brutalità tal-pulizija u għad hemm impunità mifruxa għall-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi n-nuqqas tal-istat tad-dritt jimpedixxi d-dritt tal-vittmi li jkollhom proċess ġust;
1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-qtil ta' Raman Bondarenko, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu u lill-familji kollha li tilfu lill-maħbubin tagħhom b'riżultat tar-repressjoni tar-reġim ta' Lukashenko;
2. Jitlob li jkun hemm investigazzjonijiet fil-pront, bir-reqqa, imparzjali u indipendenti dwar il-mewt ta' Raman Bondarenko u dwar l-imwiet marbuta mal-protesti ta' Alyaksandr Taraykouski, Alexander Vikhor, Artsyom Parukou, Gennady Shutov u Konstantin Shishmakov;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jeħilsu immedjatament lill-priġunieri politiċi kollha, fosthom id-Dott. Artsyom Sarokin u l-ġurnalista Katsiaryna Barysevich, li kixfu t-tentattivi tal-awtoritajiet biex jaħbu l-qtil ta' Raman Bondarenko;
4. Itenni l-appoġġ tiegħu għad-dimostranti Belarussi fit-talbiet tagħhom għal-libertà, id-demokrazija, id-dinjità u d-dritt li jagħżlu d-destin tagħhom; jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, l-intimidazzjoni u l-użu sproporzjonat tal-forza fuq id-dimostranti paċifiċi;
5. Jesiġi l-ħelsien immedjat tal-operatur mediku li bagħat lill-midja l-informazzjoni ta' interess pubbliku dwar il-mewt ta' Raman Bondarenko mingħajr ma nkisru d-drittijiet tal-familja tal-vittma;
6. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jwaqqfu kull forma ta' vjolenza, maltrattament, vjolenza sessista u tortura kontra ċ-ċittadini u d-detenuti Belarussi, jagħtuhom aċċess għal pariri mediċi u legali, u jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lill-persuni kollha detenuti arbitrarjament, inkluż talli jipparteċipaw fi protesti kontra r-riżultati tal-elezzjoni jew kontra l-vjolenza użata mill-awtoritajiet, jew talli esprimew appoġġ għal dawn il-protesti;
7. Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe użu ta' intimidazzjoni, fastidju, arresti u detenzjonijiet arbitrarji, u trattament ħażin kontra ċ-ċittadini, u jiddenunzja l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-awtoritajiet tal-istat Belarussu jew f'isimhom; jitlob li titwaqqaf minnufih kull forma ta' fastidju fil-konfront taċ-ċittadini, bħat-tkeċċija ta' impjegati jew studenti talli jipparteċipaw fi strajks jew protesti, l-irtirar tal-akkreditazzjoni ġurnalistika, it-tfixkil punittiv tas-servizzi komunali bħall-ilma jew it-tisħin, iċ-ċaħda tad-drittijiet ta' kustodja tat-tfal, l-imblukkar ta' kontijiet bankarji privati, u qtugħ fis-servizz tal-internet;
8. Jistieden lill-impjegati kollha tal-infurzar tal-liġi tal-Belarussja u lil dawk kollha li jaġixxu f'isem l-awtoritajiet Belarussi biex minnufih jieqfu jużaw il-vjolenza kontra ċ-ċivili u joqogħdu lura milli jesegwixxu ordnijiet u struzzjonijiet kriminali dwar l-użu ta' forza sproporzjonata, vjolenza, tortura u maltrattament kontra ċ-ċittadini; jappella għall-introduzzjoni ta' definizzjoni speċifika ta' tortura fil-Kodiċi Kriminali tal-Belarussja f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u għal bidliet leġiżlattivi li jikkriminalizzaw l-għajbien furzat;
9. Jiddenunzja n-nuqqas totali ta' volontà min-naħa tal-awtoritajiet li jinvestigaw każijiet ta' maltrattament u tortura minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jniedu investigazzjonijiet kriminali dwar ċittadini paċifiċi; jenfasizza li dan huwa xhieda ta' politika deliberata u sistematika ta' repressjoni u impunità, enfasizzata aktar mill-fatt li l-pulizija u l-forzi tas-sigurtà speċjali involuti għadhom jirċievu l-ogħla onorefiċenzi għall-parteċipazzjoni tagħhom f'delitti kontra l-poplu;
10. Jirrifjuta r-riżultati tal-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020 u jesprimi l-appoġġ inekwivoku tiegħu għall-poplu tal-Belarussja fit-talbiet leġittimi tiegħu għat-tmiem urġenti tar-repressjoni awtoritarja, għar-rispett tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, għar-rappreżentanza demokratika u l-parteċipazzjoni politika, u għal elezzjonijiet ġodda, ħielsa u ġusti skont l-istandards internazzjonali u taħt l-osservazzjoni elettorali tal-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR);
11. Jistieden lin-negozji kollha li joperaw fil-Belarussja biex jeżerċitaw diliġenza partikolari u jiddefendu r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;
12. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet taċ-ċittadini għal-libertà tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tal-opinjoni, kif ukoll għal-libertà tal-midja, u b'hekk jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fil-liġi u fil-prattika li jimpedixxu dawn il-libertajiet;
13. Itenni l-importanza li jiġi stabbilit l-istat tad-dritt sabiex jiġu rispettati l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll ta' ġudikatura indipendenti li tiffunzjona sabiex jiġi żgurat id-dritt għal avukat, għal proċess ġust u għal rikors legali;
14. Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-assistenza tagħha lill-midja indipendenti fil-Belarussja, li s-sopravivenza u l-operat tagħha huma fundamentali biex jagħtu lill-pubbliku Belarussu, kif ukoll lill-komunità internazzjonali, kopertura oġġettiva ta' dak li qed jiġri fil-Belarussja;
15. Jikkundanna bil-qawwa l-applikazzjoni kontinwa tal-piena tal-mewt u jappella għall-abolizzjoni immedjata u permanenti tagħha u, sakemm isir dan, għal moratorju fuq il-piena tal-mewt u għad-dritt effettiv ta' appell kontra s-sentenzi tal-piena tal-mewt;
16. Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jieqfu jattakkaw, iżommu f'detenzjoni u jiddemonizzaw lill-ġurnalisti u lill-operaturi tal-midja u jaħdmu biex jiggarantixxu protezzjoni effettiva tal-libertà tal-midja;
17. Jistieden lill-UE tagħti appoġġ lil investigazzjoni internazzjonali tar-reati mwettqa mir-reġim ta' Lukashenko kontra l-poplu tal-Belarussja; jemmen li l-investigazzjoni għandha tkun appoġġjata bit-twaqqif ta' ċentru għall-ġbir tal-evidenza u taskforce tal-UE ta' esperti tad-dritt internazzjonali biex jassistu f'investigazzjonijiet internazzjonali futuri; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-SEAE jipprovdu appoġġ sħiħ għall-isforzi tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili, biex jiġu żgurati dokumentazzjoni u rappurtar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sussegwentement tiġi stabbilita r-responsabbiltà u tingħata ġustizzja lill-vittmi;
18. Jikkundanna l-azzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali tal-Belarussja li tneħħi ċ-ċittadinanza taċ-ċittadini tal-Belarussja għal raġunijiet politiċi;
19. Jikkundanna r-repressjoni fuq id-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-arresti ta' Marfa Rabkova u Marina Kostylianchenko miċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Viasna, u jitlob li jintemm minnufih il-fastidju sessista fuq l-attivisti nisa;
20. Jemmen li, fid-dawl tal-pandemija, l-għoti tal-Premju Sakharov tiegħu għal-Libertà tal-Ħsieb 2020 lill-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja għalissa jista' jsir fil-forma ta' ċerimonja remota; jenfasizza, madankollu, li għandha tiġi organizzata ċerimonja fiżika malli s-sitwazzjoni tippermetti;
21. Jenfasizza li l-azzjonijiet meħuda s'issa mill-UE u l-Istati Membri tagħha kontra r-reġim ta' Lukashenko m'humiex biżżejjed u jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jaħdem fuq it-tielet pakkett ta' sanzjonijiet immirati lejn id-ditti u l-oligarki li għandhom rabtiet mar-reġim ta' Lukashenko; jappella għal tkabbir kredibbli tal-lista tas-sanzjonijiet tal-UE;
22. Jappoġġja t-tnedija ta' missjoni immedjata ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Parlament Ewropew f'Vilnius u f'Varsavja, kif ukoll l-involviment mal-oppożizzjoni fil-Belarussja sabiex tiġi esplorata l-possibbiltà ta' attivitajiet ta' medjazzjoni u ta' appoġġ għad-demokrazija; jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar attivitajiet ta' medjazzjoni u ta' appoġġ għad-demokrazija, bħal Missjoni ta' Livell Għoli bħala segwitu għall-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni;
23. Jappella għall-iffriżar totali tat-trasferimenti kollha ta' fondi tal-UE, inkluż tas-self mill-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u oħrajn, lill-Gvern Belarussu attwali u lill-proġetti kkontrollati mill-Istat; jistieden lis-SEAE jissospendi n-negozjati dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Belarussja sakemm isiru elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti;
24. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-assistenza lis-soċjetà ċivili Belarussa u jżidu l-involviment tal-UE mal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u mal-ġurnalisti indipendenti, kif ukoll l-appoġġ għalihom, b'mod partikolari dawk li jinsabu f'detenzjoni, billi jimmonitorjaw il-proċessi ġudizzjarji tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni twaqqaf b'urġenza programm ta' boroż ta' studju għall-istudenti u l-akkademiċi li tkeċċew mill-universitajiet Belarussi minħabba l-pożizzjoni tagħhom favur id-demokrazija; jitlob lill-Kummissjoni tniedi programm ta' assistenza tal-UE mmirat biex jgħin lill-vittmi tar-repressjoni politika u tal-vjolenza mill-pulizija;
25. Jikkundanna t-tkeċċija ta' diplomatiċi Ewropej mill-Belarussja u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jbaxxu l-livell ta' involviment diplomatiku li għandhom mal-pajjiż;
26. Jiddeplora t-talbiet li bagħtu l-awtoritajiet Belarussi għall-estradizzjoni ta' Stsiapan Putsila u Roman Protasevich, il-fundaturi tal-kanali Telegram Next u Nexta-live, b'sede f'Varsavja, li ġew miżjuda fil-lista ta' persuni involuti f'attivitajiet terroristiċi mill-Kumitat ta' Sigurtà tal-Istat tal-Belarussja (KGB);
27. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur tal-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE fir-rigward tal-għoti tal-asil f'każijiet ta' persekuzzjoni koperti mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-Rifuġjati; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex jiffaċilitaw aktar il-proċedura għall-kisba ta' viżi għal dawk li jaħarbu mill-Belarussja għal raġunijiet politiċi, u biex jestendu l-appoġġ u l-assistenza kollha lilhom u lill-familji tagħhom;
28. Jikkundanna t-trażżin tal-midja u tal-aċċess għall-internet, it-tixrid tad-diżinformazzjoni, u s-swat, l-arresti u l-intimidazzjoni ta' ġurnalisti u bloggers; jissottolinja d-dritt tal-poplu tal-Belarussja li jkollu aċċess mingħajr xkiel għall-informazzjoni; jistieden lill-UE tuża l-istrumenti tagħha biex tappoġġja lill-istabbilimenti u l-ġurnalisti li ġew soġġetti għal repressjoni mir-reġim;
29. Jinsisti li l-ħaddiema Belarussi għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jistrajkjaw b'mod paċifiku mingħajr ir-riskju ta' tkeċċija, arrest jew ritaljazzjoni oħra;
30. Jiddeplora l-fatt li l-impjant nukleari ta' Astravyets mhuwiex konformi mal-ogħla standards internazzjonali fil-qasam ambjentali u tas-sikurezza; jappoġġa l-isforzi biex tiġi żgurata s-solidarjetà Ewropea dwar il-kwistjoni tal-projbizzjoni tal-importazzjonijiet tal-enerġija mill-impjant nukleari ta' Astravyets fis-suq tal-UE;
31. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu miżuri restrittivi komprensivi, effettivi, f'waqthom u mifruxin mal-UE kollha – l-hekk imsejjaħ Att ta' Magnitsky – li jippermettu li jkun hemm enfasi mmirata fuq kwalunkwe individwu, attur statali u mhux statali u entitajiet oħrajn responsabbli għal ksur, abbużi u korruzzjoni gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew involuti fihom, mingħajr aktar dewmien;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja.