Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2844(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0355/2020

Dibattiti :

PV 24/11/2020 - 13
CRE 24/11/2020 - 13

Votazzjonijiet :

PV 26/11/2020 - 2
PV 26/11/2020 - 16

Testi adottati :

P9_TA(2020)0332

Testi adottati
PDF 138kWORD 48k
Il-Ħamis, 26 ta' Novembru 2020 - Brussell
L-eskalazzjoni tat-tensjonijiet f'Varosha wara l-azzjonijiet illegali mit-Turkija u l-ħtieġa urġenti li jissuktaw it-taħditiet
P9_TA(2020)0332RC-B9-0355/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2020 dwar l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet f'Varosha wara l-azzjonijiet illegali mit-Turkija u l-ħtieġa urġenti li jissuktaw it-taħditiet (2020/2844(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija(1) u tas-17 ta' Settembru 2020 dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2012 dwar l-għoti tal-parti l-magħluqa ta' Famagusta lura lill-abitanti legali tagħha(3),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tas-17 ta' Lulju 2008 b'segwitu għaż-żjara ta' ġbir ta' informazzjoni f'Famagusta, Ċipru, mill-25 sat-28 ta' Novembru 2007 u tal-21 ta' Novembru 2018 b'segwitu għaż-żjara ta' ġbir ta' informazzjoni f'Famagusta, Ċipru, mis-7 sat-8 ta' Mejju 2018, fil-kuntest tal-petizzjoni 733/2004 ppreżentata minn Loizos Afxentiou, f'isem il-Moviment tar-Rifuġjati ta' Famagusta,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tat-23 ta' Settembru 2008(4), tat-22 ta' April 2009(5) u tat-13 ta' Frar 2018(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE (COM(2020)0660) u r-Rapport tal-2020 dwar it-Turkija li jakkumpanjaha,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 u tas-16 ta' Ottubru 2020 u l-konklużjonijiet preċedenti rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar l-iżviluppi madwar Varosha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea tas-6 ta' Ottubru 2020 dwar l-iżviluppi madwar Varosha u tal-15 ta' Novembru 2020 dwar Varosha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-VP/RGħ u tal-Kummissarju Ferreira tal-20 ta' Ottubru 2020 dwar il-proċess elettorali fil-komunità Ċiprijotta Torka,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Ftehim ta' Livell Għoli tal-1979 bejn il-mexxejja taż-żewġ komunitajiet u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) dwar Ċipru, inklużi r-riżoluzzjonijiet 541 (1983), 550 (1984), 789 (1992) u 2537 (2020),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-KSNU tad-9 ta' Ottubru 2019 u tad-9 ta' Ottubru 2020 dwar is-sitwazzjoni f'Ċipru,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti wara l-laqgħa tiegħu maż-żewġ mexxejja f'Berlin f'Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Turkija hija pajjiż kandidat u sieħeb importanti tal-UE; billi, bħala pajjiż kandidat, it-Turkija hija mistennija li tosserva l-ogħla standards tad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluża l-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali;

B.  billi t-Turkija hija alleat tan-NATO u l-pajjiż għandu jkun imfakkar fir-responsabbiltà tiegħu biex jiżvolġi rwol kostruttiv fit-taffija tat-tensjonijiet;

C.  billi t-Turkija wieġbet għall-kolp ta' Stat tal-1974 li falla, sostnut mir-reġim militari Grieg, b'invażjoni militari ta' Ċipru, u billi l-forzi Torok invadew ukoll il-belt ta' Famagusta f'Awwissu 1974 u ilhom minn dak iż-żmien jokkupawha illegalment;

D.  billi mbagħad parti minn Famagusta ġiet magħluqa u baqgħet diżabitata, taħt il-kontroll dirett tal-forzi militari Torok;

E.  billi n-Nazzjonijiet Uniti jqisu li r-responsabbiltà għall-istatus quo f'Varosha tintrefa' mit-Turkija, u li t-Turkija hija għalhekk responsabbli wkoll għal kwalunkwe sforz biex jinbidel l-istatus tagħha li jmur kontra l-Ftehim ta' Livell Għoli tal-1979 u r-riżoluzzjonijiet 550 (1984) u 789 (1992) tal-KSNU;

F.  billi r-riżoluzzjoni 550 (1984) tal-KSNU tqis inammissibli t-tentattivi għal insedjament ta' kwalunkwe parti ta' Varosha b'persuni differenti mill-abitanti tagħha u titlob t-trasferiment ta' din iż-żona lill-amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u billi r-riżoluzzjoni 789 (1992) tal-KSNU tinsisti, bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 550 (1984) u bħala miżura ta' tisħiħ tal-fiduċja, li Varosha tkun ittrasferita lill-abitanti leġittimi tagħha, taħt il-kontroll tal-forzi tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi f'Ċipru;

G.  billi l-għoti tal-parti l-magħluqa ta' Famagusta lura lill-abitanti leġittimi tagħha jkun jiffaċilita l-isforzi diretti lejn soluzzjoni komprensiva għall-problema ta' Ċipru;

H.  billi fit-8 ta' Ottubru 2020, wara t-tħabbira li saret f'Ankara fis-6 ta' Ottubru 2020, parti minn Varosha ġiet iddikjarata "miftuħa" parzjalment, bil-kooperazzjoni tal-mexxej Ċiprijott Tork attwali Ersin Tatar, bi ksur tal-ftehimiet tal-passat u tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU;

I.  billi fil-bidu ta' Settembru 2019, il-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Mevlüt Çavuşoğlu, żar Varosha u ħabbar il-"ftuħ" ta' "konsulat ġenerali" tat-Turkija fir-reġjun ta' Varosha u billi fil-bidu ta' Frar 2020, il-Viċi President tat-Turkija, Fuat Oktay, żar Varosha biex jorganizza "summit" dwar l-"aspetti ġuridiċi, politiċi u ekonomiċi tal-ftuħ mill-ġdid tal-belt abbandunata ta' Varosha";

J.  billi t-Turkija ddikjarat li se tipproċedi unilateralment b'diversi proġetti f'Varosha, u b'hekk qed thedded li tħejji ż-żona għall-insedjament illegali tagħha;

K.  billi l-komunità Ċiprijotta Torka għandha mexxej ġdid, Ersin Tatar, mit-18 ta' Ottubru 2020; billi l-ex President Ċiprijott Tork, Mustafa Akıncı, żvolġa rwol importanti, pożittiv u storiku fil-promozzjoni tal-paċi u tad-djalogu bejn iż-żewġ komunitajiet fil-gżira;

L.  billi fl-10 ta' Novembru 2020 eluf ta' Ċiprijotti Torok ipprotestaw, b'parteċipazzjoni rekord, fil-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru kontra l-indħil tat-Turkija f'Ċipru, inkluża f'Varosha, u appellaw għal-libertà, għad-demokrazija u għar-rispett tad-drittijiet taċ-Ċiprjotti ta' Varosha; billi fil-protesti ħadu sehem il-mexxejja ewlenin tal-oppożizzjoni, fosthom l-ex mexxej Ċiprijott Tork Mustafa Akıncı;

M.  billi ż-żjara tal-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdoğan, fiż-żona okkupata ta' Ċipru biex "isir piknik" f'Varosha fil-15 ta' Novembru 2020 kienet tikkostitwixxi att ta' provokazzjoni li qanqal ukoll reazzjonijiet estremi fost iċ-Ċiprijotti Torok;

N.  billi fin-negozjati preċedenti kollha, inkluż fl-aħħar Konferenza dwar Ċipru fi Crans-Montana fl-2017, Varosha ġiet inkluża fost iż-żoni li kellhom jingħataw lura lill-amministrazzjoni Ċiprijotta Griega wara s-soluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru fuq il-bażi miftiehma ta' federazzjoni bikomunitarja u biżonali;

O.  billi l-mexxej Ċiprijott Tork attwali, Ersin Tatar, qed jopponi s-soluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru bbażata fuq federazzjoni bikomunitarja biżonali kif previst mill-parametri tan-NU, u billi fil-15 ta' Novembru 2020 il-President Erdoğan talab li jsiru taħditiet bil-għan li jinħolqu "żewġ Stati separati" f'Ċipru;

P.  billi t-Turkija għadha attwalment għaddejja bl-azzjonijiet militari illegali u unilaterali tagħha fil-Mediterran tal-Lvant li jmorru kontra s-sovranità tal-Greċja u ta' Ċipru, Stati Membri tal-UE; billi l-involviment dirett tat-Turkija b'appoġġ għall-Ażerbajġan, fil-kuntest tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, imur lil hinn mill-interessi ġeoekonomiċi tagħha u jirrifletti aġenda ġeopolitika aktar ambizzjuża, bl-istess mod bħal fil-każ tal-azzjonijiet tat-Turkija fil-Libja u fis-Sirja, u jinnota bi tħassib li t-tbegħid kontinwu u dejjem jikber tat-Turkija mill-valuri u mill-istandards Ewropej ġab ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija f'deterjorament sa ma laħqu minimu storiku;

1.  Jikkundanna l-attivitajiet illegali tat-Turkija f'Varosha, b'mod partikolari l-"ftuħ" parzjali tagħha; jenfasizza li l-ħolqien ta' fait accompli ġdid jikkomprometti il-fiduċja reċiproka u l-prospettivi biex tinstab soluzzjoni komprensiva għall-problema ta' Ċipru, billi jimmodifika b'mod negattiv is-sitwazzjoni fuq il-post, jaggrava d-diviżjoni u jsammar id-diviżjoni permanenti ta' Ċipru; iwissi kontra kwalunkwe bidla fl-istatus quo f'Varosha bi ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU msemmija hawn fuq;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija jrirrevoka tali deċiżjoni, u jevita kwalunkwe azzjoni unilaterali li tista' tqanqal aktar tensjonijiet fil-gżira, f'konformità mal-appell reċenti tal-KSNU; jistieden lit-Turkija tirtira t-truppi tagħha minn Ċipru, tittrasferixxi ż-żona ta' Varosha lill-abitanti leġittimi tagħha taħt l-amministrazzjoni temporanja tan-NU bi qbil mar-riżoluzzjoni 550 (1984) tal-KSNU, u ma tieħu l-ebda azzjoni li tibdel il-bilanċ demografiku fuq il-gżira permezz ta' politika ta' insedjamenti illegali; jisħaq fuq il-ħtieġa li, wara s-soluzzjoni għall-problema ta' Ċipru, l-acquis tal-UE jiġi implimentat fil-gżira kollha;

3.  Huwa konvint bis-sħiħ li r-riżoluzzjoni sostenibbli tal-kunflitti tista' tintlaħaq biss permezz ta' djalogu, diplomazija u negozjati fi spirtu ta' rieda tajba u f'konformità mad-dritt internazzjonali u jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li soluzzjoni sostenibbli għall-problema ta' Ċipru tkun ta' benefiċċju għal kull pajjiż fir-reġjun, primarjament għal Ċipru, għall-Greċja u għat-Turkija; jistieden lill-Kunsill Ewropew iżomm il-pożizzjoni unifikata tiegħu fir-rigward tal-azzjonijiet unilaterali u illegali mit-Turkija, jieħu azzjoni u jimponi sanzjonijiet ħorox bħala reazzjoni għall-azzjonijiet illegali tat-Turkija; ifakkar li jistgħu jiġu evitati aktar sanzjonijiet biss permezz ta' djalogu, kooperazzjoni sinċiera u progress konkret fuq il-post;

4.  Jissottolinja l-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-issuktar tan-negozjati minn fejn kienu tħallew fi Crans-Montana fl-2017, u jisħaq li dan għandu jsir abbażi tad-Dikjarazzjoni Komuni taż-żewġ mexxejja fil-11 ta' Frar 2014, tal-Qafas tas-Sitt Punti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-30 ta' Ġunju 2017 u tal-konverġenzi miksuba sa tmiem il-Konferenza; jiddispjaċih li l-ogħla awtoritajiet Torok approvaw is-soluzzjoni ta' żewġ Stati u jħeġġeġ lit-Turkija timpenja ruħha b'mod konkret favur l-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-NU;

5.  Itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni ġusta, komprensiva u fattibbli bbażata fuq federazzjoni bikomunitarja u biżonali, b'personalità ġuridika internazzjonali unika, sovranità unika u ċittadinanza unika b'ugwaljanza politika bejn iż-żewġ komunitajiet, kif definit mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, skont id-dritt internazzjonali u l-acquis tal-UE, u abbażi tar-rispett għall-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-"ftuħ" illegali ta' Varosha għandu l-għan li jbiddel l-istatus tas-sjieda tal-proprjetà fl-inħawi, u b'hekk jitnaqqsu l-prospettivi għar-ritorn ta' Varosha kif preskritt mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU jew permezz tas-soluzzjoni komprensiva għall-problema ta' Ċipru; iħeġġeġ lit-Turkija tastjeni minn politika ta' insedjament illegali ta' Varosha ta' persuni differenti mill-abitanti leġittimi tagħha jew milli titlob lill-abitanti leġittimi jirritornaw lejn il-proprjetajiet tagħhom f'kundizzjonijiet ta' okkupazzjoni militari;

7.  Jisħaq li t-taħditiet diretti taħt l-awspiċji tan-NU fuq il-bażi miftiehma jibqgħu l-unika għażla biex tintlaħaq soluzzjoni li tgħaqqad mill-ġdid il-gżira u l-poplu tagħha, li twassal, fost l-oħrajn, għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Ċipru u t-Turkija, prospettivi mtejba għad-delimitazzjoni taż-Żona Ekonomika Esklużiva bejn Ċipru u t-Turkija u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija; iħeġġeġ li n-negozjati dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru taħt l-awspiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU jerġgħu jitnedew fuq il-bażi miftiehma malajr kemm jista' jkun;

8.  Jappoġġa kemm lill-komunità Ċiprijotta Torka kif ukoll lill-komunità Ċiprijotta Griega fit-tfittxija tagħhom għall-paċi u l-istabbiltà u jistieden lill-Kummissjoni timplimenta fil-pront it-tieni Programm ta' Azzjoni Annwali għall-għajnuna lill-komunità Ċiprijotta Torka, immirat biex jappoġġa proġetti li jrawmu r-rikonċiljazzjoni u jtejbu l-infrastruttura, il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku; jitlob, b'mod partikolari, li jitkompla u jiżdied l-appoġġ għas-soċjetà ċivili kemm fil-komunità Ċiprijotta Torka kif ukoll fil-komunità Ċiprijotta Griega, kemm permezz tal-Programm ta' Għajnuna tal-UE kif ukoll b'mod aktar strutturali bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, b'mod partikolari permezz tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri;

9.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li jkollhom rwol aktar attiv biex in-negozjati taħt l-awspiċji tan-NU jaslu għal konklużjoni ta' suċċess, inkluż bil-ħatra ta' rappreżentant għall-missjoni ta' bon offiċji tan-NU u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom mal-Parlament Ewropew biex jikkonvinċu lit-Turkija treġġa' lura l-attivitajiet illegali tagħha f'Varosha;

10.  Jissottolinja s-sostenn tiegħu favur l-integrità territorjali ta' Ċipru u jitlob lill-Istati Membri tal-UE jopponu kwalunkwe tentattiv min-naħa ta' pajjiżi terzi biex jirrikonoxxu Stat fuq il-gżira ta' Ċipru differenti mir-Repubblika ta' Ċipru;

11.  Jiddeplora d-dikjarazzjonijiet tal-President tat-Turkija matul iż-żjara tiegħu f'Varosha fil-15 ta' Novembru 2020, li żvelaw b'mod flagranti l-"pjan direzzjonali" ta' Ankara ta' insedjament illegali tal-belt magħluqa u l-appoġġ tiegħu għall-qsim permanenti ta' Ċipru;

12.  Jistieden lit-Turkija tastjeni milli tkompli kwalunkwe attività unilaterali, bħal tħaffir esplorattiv illegali, li tkompli tikser is-sovranità u d-drittijiet sovrani tar-Repubblika ta' Ċipru, thedded li jinħolqu faits accomplis ġodda bi ksur tad-Dritt tal-Baħar, li timmina l-issuktar tan-negozjati sostanzjali u l-prospettivi biex tinstab soluzzjoni komprensiva fuq il-bażi miftiehma, u li ma twassalx għal relazzjonijiet ta' bon viċinat fir-reġjun;

13.  Jistieden lill-missjoni tan-NU f'Ċipru tintensifika l-isforzi tagħha fil-monitoraġġ tal-iżviluppi f'Varosha;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0200.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0230.
(3) ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 1.
(4) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 41.
(5) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 12.
(6) Testi adottati, P8_TA(2019)0114.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Frar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza